8.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/127


Il-Ġimgħa, 24 ta' April 2009
Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari u l-ġejjieni tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT)

P6_TA(2009)0333

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' April 2009 lill-Kunsill dwar in-nonproliferazzjoni u l-futur tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) (2008/2324(INI))

2010/C 184 E/26

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill imressqa minn Annemie Neyts-Uyttebroeck, f'isem il-Grupp ALDE, u Angelika Beer, f'isem il-Grupp Verts/ALE, dwar in-nonproliferazzjoni u l-futur tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) (B6-0421/2008),

wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari li se ssir fl-2010,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta' Frar 2004 (1), l-10 ta' Marzu 2005 (2), is-17 ta' Novembru 2005 (3) u l-14 ta' Marzu 2007 (4) dwar in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm nukleari,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà u tal-PESD (5),

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-proliferazzjoni tal-Armi tal-Qerda tal-Massa (WMD), li kienet adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonital-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar sigurtà internazzjonali aktar stretta, b'mod partikulari l-punti 6, 8 u 9 tagħha, li tesprimi d-“determinazzjoni tal-UE li tiġġieled il-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u tal-mezzi li bihom dawn jitwasslu”,

wara li kkunsidra l-irwol fundamentali tal-Grupp tal-Fornituri Nukleari fil-kuntest tan-nonproliferazzjoni,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kwistjonijiet tan-nonproliferazzjoni u tad-diżarm nukleari, b'mod speċjali r-Riżoluzzjoni 1540 (2004),

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari, il-Ftehimiet dwar Salvagwardji Komprensivi tal-Agenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) u l-Protokolli Addizzjonali, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjal Nukleari, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sopressjoni ta' Atti ta' Terroriżmu Nukleari, il-Kodiċi ta' Kondotta ta' The Hague kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi, it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START I), li se jiskadi fl-2009, u t-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Offensivi Strateġiċi (SORT),

wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà miftiehma mill-Kunsill Ewropew fil-11 ta' Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 90 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0234/2009),

A.

jenfasizza l-bżonn li jkomplu jissaħħu t-tliet pilastri kollha tal-NPT, speċifikament in-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-koperazzjoni dwar l-użu ċivili tal-enerġija nukleari,

B.

huwa mħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' progress biex jintlaħqu objettivi konkreti (bħal dawk magħrufa bħala “t-13-il pass” (6)) fir-realizzazzjoni tal-għanijiet tat-Trattat NPT, kif miftiehem fil-Konferenzi preċedenti ta' Reviżjoni, speċjalment issa li t-theddid ġej minn varjetà ta' sorsi, inkluż proliferazzjoni li qed tiżdied il-potenzjal tat-teknoloġija nukleari u tal-materjal radjuattiv li jispiċċa f'idejn l-organizzazzjonijiet kriminali u t-terroristi, u n-nuqqas ta' rieda tal-Istati li għandhom armi nukleari u li huma firmatarji tal-NPT li jnaqqsu jew jeliminaw il-ħażniet nukleari tagħhom u jitbiegħdu mill-prinċipju militari tad-deterrent nukleari,

C.

billi l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa (WMD) u l-mezzi biex dawn jiġu kkonsenjati, kemm lil parteċipanti statali kif ukoll lil oħrajn li mhumiex, hija waħda mill-aktar theddidiet serji għall-istabilità u s-sigurtà internazzjonali,

D.

ifakkar fl-impenn tal-UE li tagħmel użu mill-istrumenti kollha li għandha biex tevita, tfixkel, twaqqaf u, jekk ikun possibbli, telimina l-programmi ta' proliferazzjoni li qed jikkawżaw tħassib fil-livell globali, kif ġie espress b'mod ċar fl-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

E.

jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tintensifika l-isforzi biex tiġġieled il-flussi ta' proliferazzjoni u l-finanzjamenti tal-proliferazzjoni, biex timponi sanzjonijiet fuq atti ta' proliferazzjoni u biex tiżviluppa miżuri li jevitaw trasferimenti mhux tanġibbli ta' għerf u għarfien permezz tal-istrumenti kollha disponibbli, inklużi t-trattati multilaterali u l-mekkaniżmi ta' verifika, il-kontrolli fuq l-esportazzjoni kkoordinati nazzjonalment u internazzjonalment, il-programmi ta' koperazzjoni għat-tnaqqis tat-theddid u l-mezzi politiċi u ekonomiċi ta' influwenza,

F.

imħeġġeġ mill-proposti l-ġodda għad-diżarm bħal dawk mitluba minn Henry Kissinger, George P. Shultz, William J. Perry u Sam Nunn f'Jannar 2007 u Jannar 2008 il-Mudell ta' Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari u l-Protokol Hiroshima-Nagasaki, promossi madwar id-dinja minn organizzazzjonijiet ċiviċi u minn mexxejja politiċi, u kampanji bħal “Global Zero”, huma tal-fehma li mod importanti ħafna ta' kif tiġi żgurata l-prevenzjoni tal-proliferazzjoni nukleari u kif tintlaħaq is-sigurtà globali huwa li wieħed jersaq lejn l-eliminazzjoni tal-armi nukleari,

G.

filwaqt li jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattivi tal-gvern Franċiż u l-gvern tar-Renju Unit biex inaqqsu l-ħażniet nukleari tagħhom,

H.

inkoraġġit ħafna, b'mod partikolari, mid-deskrizzjoni ċara li għamel il-President tal-Istati Uniti Barack Obama, fi Praga fil-5 ta' April 2009 dwar l-approċċ tiegħu għal kwistjonijiet nukleari, dwar l-impenn tiegħu biex ikompli d-diżarm nukleari u dwar il-viżjoni tiegħu ta' dinja mingħajr armi nukleari; Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni kostruttiva bejn l-Istati Uniti u r-Russja biex tiġġedded il-ftehima START,biex il-missili ballistiċi tal-Istati Uniti u tar-Russja ma jibqgħux lesti għal attakk imminenti, u tnaqqas b'mod drammatiku l-ħażniet ta' armi u materjali nukleari tal-Istati Uniti; Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Istati Uniti biex tipparteċipa fil-proċess E3+3 mal-Iran; filwaqt li jilqa' r-ratifika mill-Istati Uniti tal-Protokolli Addizzjonali għall-Ftehimiet dwar Salvagwardji tal-IAEA bħala pass pożittiv u wieħed li jibni l-fiduċja; jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-President Obama li tiġi ffinalizzata r-ratifika mill-Istati Uniti tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari (CTBT) u biex jibdew negozjati dwar Trattat dwar il-Waqfien tal-Użu ta' Materjal Fissili,

I.

jenfasizza l-ħtieġa għall-koordinazzjoni u koperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u sħabha, inklużi, b'mod partikulari, l-Istati Uniti u r-Russja, bil-ħsieb li terġa' tingħata l-ħajja u tissaħħaħ is-sistema ta' nonproliferazzjoni,

J.

jenfasizza li t-tisħiħ tal-NPT bħala l-ġebla tax-xewka tas-sistema ta' nonproliferazzjoni globali hu ta' importanza vitali, u waqt li jagħraf li hemm bżonn ta' tmexxija kuraġġuża u numru ta' passi progressivi u konsekutivi sabiex tiġi affermata mill-ġdid il-validità tal-NPT u jissaħħew il-ftehimiet, it-trattati u l-aġenziji li flimkien jagħmlu s-sistema eżistenti tal-proliferazzjoni u tad-diżarm, inklużi b'mod partikulari, it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari u l-IAEA,

K.

jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva konġunta bejn ir-Renju Unit u n-Norveġja intenzjonata għall-evalwazzjoni ta' kemm hu fattibbli li eventwalment jiġu żarmati l-armi nukleari, għat-twaqqif ta' passi proċedurali ċari għal dan iż-żarmar u l-proċeduri ta' verifika relatat miegħu; waqt li jqis li din l-inizjattiva hi waħda pożittiva ħafna għall-UE, għan-NATO u għall-atturi relevanti l-oħra,

L.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-ittra bid-data tal-5 ta' Diċembru 2008 mill-Presidenza Franċiża tal-UE lis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon, ittra li tistipula l-proposti tad-diżarm tal-UE li kienu adottati mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2008,

M.

jilqa' b'sodisfazzjon id-diskors li sar fid-9 ta' Diċembru 2008 minn Javier Solana, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika Komuni Barranija u ta' Sigurtà, waqt konferenza dwar “Il-Paċi u d-Diżarm: Dinja Mingħajr Armi Nukleari”, li fih laqa' l-fatt li l-kwistjoni tad-diżarm nukleari qiegħda għal darba oħra fuq nett tal-aġenda internazzjonali u enfasizza l-ħtieġa li l-UE tintegra n-nonproliferazzjoni fil-politiki globali tagħha,

N.

jilqa' d-diskors magħmul fi Praga fil-5 t'April 2009 mill-President tal-Istati Uniti Obama, li fih iddikjara li l-USA għandha responsabbiltà morali li tmexxi kampanja biex teħles lid-dinja mill-armi nukleari kollha, għalkemm ammetta li dan l-objettiv jista' ma jintlaħaqx f'ħajtu, u enfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ in-NPT bħala bażi għall-koperazzjoni u soluzzjoni li tintlaħaq pass wara pass; billi l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti għandha tinkludi lill-Unjoni Ewropea bis-sħiħ f'din il-kampanja, u speċjalment fil-laqgħa globali ippjanata għal 2009 biex tindirizza t-theddida tal-armi nukleari,

O.

jindika l-ġeneralizzazzjoni tal-introduzzjoni tal-“klawsoli ta' nonproliferazzjoni” fil-ftehimiet konklużi bejn l-UE u Stati terzi mill-2003,

P.

jikkunsidra l-inizjattivi ta' nonproliferazzjoni u diżarm barra mill-qafas tan-NU li ġew appoġġjati mill-UE, bħall-Inizjattiva ta' Sigurtà fil-qasam tal-Proliferazzjoni u l-Isħubija Dinjija tal-G8,

Q.

jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni għandha l-istatus ta' osservatur fil-Grupp tal-Fornituri Nukleari u fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT, u li anke s-Segretarjat tal-Kunsill qed jieħu sehem fil-Konferenza dwar l-NPT, jew fid-delegazzjoni tal-KE jew mal-Presidenza tal-UE,

1.

Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

(a)

li tiġi analizzata u aġġornata l-Pożizzjoni Komuni 2005/329/PESC tal-Kunsill tal-25 ta' April 2005 dwar il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2005 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (7), li tkun approvata uffiċjalment fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2009, bi tħejjija għal riżultat ta' suċċess waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010 tal-NPT li se tkompli ssaħħaħ it-tliet pilastri eżistenti kollha tal-NPT; li jimpenja ruħu għall-għan li eventwalment ikun hemm diżarm nukleari totali, kif stabbilit fil-Konvenzjoni dwar l-Armi Nukleari;

(b)

li jiġu intensifikati l-isforzi biex jiġu żgurati l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni effikaċi tar-regoli u l-istrumenti dwar in-nonproliferazzjoni, b'mod partikulari permezz tat-titjib tal-mezzi ta' verifika;

(c)

li jappoġġja b'mod attiv, flimkien mas-sħab tiegħu, proposti konkreti biex il-produzzjoni, l-użu u l-ipproċessar mill-ġdid tal-fjuwil kollu nukleari jkunu ġestiti mill-IAEA, fosthom il-ħolqien ta' bank internazzjonali tal-fjuwil; barra minn hekk jappoġġja inizjattivi oħra għall-multilateralizzazzjoni taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari li jimmiraw għall-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, filwaqt li jqis li l-Parlament jilqa' l-fatt li l-Kunsill u l-Kummissjoni huma lesti jikkontribwixxu sa EUR 25 miljun għall-ħolqien ta' bank tal-fjuwil nukleari ġestit mill-IAEA u jixtieq jara li l-Azzjoni Konġunta dwar dan is-suġġett tkun approvata malajr;

(d)

li jingħata aktar appoġġ għall-isforzi li qed isiru biex jissaħħaħ il-mandat tal-IAEA, inkluża l-ġeneralizzazzjoni tal-Protokolli Addizzjonali għall-Ftehimiet dwar Salvagwardji tal-IAEA u passi oħra mfassla biex jiġu żviluppati miżuri għall-bini ta' fiduċja; jiżgura li jkun hemm riżorsi biżżejjed għal din l-organizzazzjoni sabiex tissodisfa l-mandat ewlieni tagħha sabiex l-attivitajiet nukleari jkunu sikuri;

(e)

li jsir progress sostanzjali dwar l-inizjattiva tas-Sħubija tal-G8, l-Inizjattiva dwar is-Sigurtà fil-qasam tal-Proliferazzjoni u l-Inizjattiva għat-Tnaqqis tat-Theddida Globali, u li tingħata spinta biex it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari jidħol fis-seħħ minn kmieni;

(f)

li jiġi approfondit id-djalogu mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti u mal-qawwiet kollha li għandhom armi nukleari, bil-ħsieb li tiġi segwita aġenda komuni li jkollha l-għan li progressivament titnaqqas il-ħażna ta' testati nukleari; b'mod partikolari, li jiġu appoġġjati dawk il-passi li qed jittieħdu mill-Istati Uniti tal-Amerika u mir-Russja biex inaqqsu b'mod sostanzjali l-armi nukleari tagħhom skont il-qbil ta' bejniethom fl-iSTART I u fis-SORT; li ssir ħidma biex jiġi rratifikat it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari u t-tiġdid tal-ftehima START;

(g)

l-iżvilupp ta' strateġiji waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT tal-2010 li jkollhom l-għan li tintlaħaq ftehima dwar trattat biex titwaqqaf il-produzzjoni ta' materjal fissili għal skopijiet ta' armi b'mod li ma jkunx diskriminatorju, li jfisser li t-trattat innegozjat b'dan il-mod għandu jirrikjedi mhux biss lil Stati li m'għandhomx armi nukleari jew Stati li bħalissa mhumiex fl-NPT iżda wkoll lill-ħames membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li kollha kemm huma għandhom l-armi nukleari, biex jirrinunzjaw għall-produzzjoni ta' materjal fissili għall-armi u biex iżarmaw il-faċilitajiet stabbiliti kollha tagħhom għall-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi bħal dawn;

(h)

li jiġi kompletament appoġġjat it-tisħiħ u t-titjib tal-mezzi ta' verifika tal-konformità tal-istrumenti kollha disponibbli dwar in-nonproliferazzjoni;

(i)

li tintalab evalwazzjoni dwar l-effettività tal-użu ta' klawsoli dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda tal-massa fil-ftehimiet konklużi bejn l-UE u l-Istati terzi;

(j)

li l-Parlament jinżamm regolarment informat dwar il-laqgħat preparatorji kollha fil-perjodu ta' qabel il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-NPT tal-2010 u li jitqiesu kif jixraq il-fehmiet tiegħu dwar in-nonproliferazzjoni u l-kwistjonijiet ta' diżarm fir-rigward ta' dik il-Konferenza;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010 tal-NPT, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Membri Parlamentari għan-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm Nukleari u lis-Sindki għall-Paċi.


(1)  ĠU C 98 E, 23.4.2004, p. 152.

(2)  ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 253.

(3)  ĠU C 280E, 18.11.2006, p.453.

(4)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p.146.

(5)  Testi adottati, P6_TA(2008)0255.

(6)  Nazzjonijiet Uniti: Konferenza ta' Reviżjoni tal-2000 tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari NPT/CONF.2000/28 (Partijiet I u II).

(7)  ĠU L 106, 27.4.2005, p. 32.