23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-dimensjoni tat-Tramuntana taż-żoni żvantaġġati” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2009/C 318/07

Relatur: is-Sur Kaul NURM

Nhar is-26 ta’ Frar 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Id-dimensjoni tat-Tramuntana taż-żoni żvantaġġati

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur Kaul NURM.

Matul il-456 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tat-30 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’175 vot favur, vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-għanijiet tal-Politika Agrikola Komuni, li jinkludu s-sigurtà tal-provvista tal-ikel, għadhom importanti daqs kemm kienu fil-passat u jitolbu li l-biedja tibqa’ titħares fl-Ewropa kollha inkluż fir-reġjuni tat-Tramuntana.

1.2

Din l-opinjoni tiffoka fuq il-karatteristiċi naturali, klimatiċi u ġeografiċi u l-problemi tar-reġjuni tat-Tramuntana tal-UE fejn il-biedja hija soġġetta għal ċerti limiti li timponi l-klima ħarxa u li jitolbu sforz u spejjeż ikbar min-naħa tal-bdiewa minn dak tal-kollegi tagħhom f’kundizzjonijiet agroklimatiċi iktar favorevoli.

1.3

L-ispejjeż tal-biedja fiż-żoni tat-Tramuntana huma ogħla u l-produzzjoni hija konsiderevolment iktar baxxa minn tar-reġjuni li jinsabu f’żoni iktar vantaġġati. Il-futur tal-biedja f’dawn ir-reġjuni huwa inċert kemm minħabba l-profitt li dejjem jonqos kif ukoll minħabba l-motivazzjoni tal-bdiewa li qed tkompli tiddgħajjef. Dan il-periklu jista’ jiġi evitat permezz ta’ strumenti adegwati tal-politika tal-agrikoltura.

1.4

Fir-reġjuni bi żvantaġġi naturali, l-art għandha tkompli titħaddem sabiex jitħares il-pajsaġġ rurali tradizzjonali u jitħarsu ż-żoni b’valur għoli ta’ protezzjoni naturali. Dan jista’ jsir permezz ta’ ħlas ta’ kumpens għaż-żoni żvantaġġati bil-kundizzjoni li jingħata appoġġ iktar rigoruż u effiċjenti minn qabel lir-reġjuni fl-ikbar periklu li l-art agrikola tagħhom ma tibqax titħaddem.

1.5

Barra milli jiġu stabbiliti kriterji ġodda li jiddefinixxu r-reġjuni bi żvantaġġi naturali, jeħtieġ li neżaminaw mill-ġdid il-prinċipji tal-finanzjament ta’ din l-inizjattiva sabiex inkunu nistgħu niksbu effetti konkreti u pożittivi. Possibbiltà li tista’ tiġi kkunsidrata hija li l-ħlas ta’ kumpens għaż-żoni żvantaġġati jiġi integrat fl-ewwel pilastru tal-PAK. Is-sistema attwali fejn il-ħlas dirett huwa bbażat fuq il-livelli storiċi tal-ħsad tiffavorixxi lill-bdiewa taż-żoni iktar vantaġġati. Il-ħlas ta’ kumpens ma jikkumpensax biżżejjed il-kundizzjonijiet li jiżvantaġġaw il-produzzjoni fiż-żoni bi żvantaġġi naturali.

1.6

Fil-futur, huwa u jiġi kkalkulat il-ħlas ta’ appoġġ għaż-żoni żvantaġġati, għandhom jitqiesu l-ispejjeż involuti kollha li kien hemm bżonn f’kull reġjun individwali sabiex jingħelbu l-iżvantaġġi naturali u l-kundizzjonijiet li jiżvantaġġaw il-produzzjoni kollha. Iktar ma jkunu ħżiena l-kundizzjonijiet naturali, iktar għandu jkun ogħla l-ħlas ta’ kumpens. Madanakollu jeħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll il-limiti massimi u minimi.

1.7

Huma u jiġu stabbiliti l-iżvantaġġi naturali m’għandhiex titqies biss it-temperatura globali pożittiva matul il-perijodi tal-veġetazzjoni, iżda għandha titqies ukoll it-temperatura globali negattiva tal-perijodi tax-xitwa tar-reġjun partikolari.

1.8

Iż-żoni tat-Tramuntana jinsabu ‘l bogħod mis-swieq il-kbar tal-Ewropa. Ir-reġjuni rurali tat-Tramuntana għandhom densità tal-popolazzjoni baxxa ħafna u l-art agrikola tagħhom hija frammentata. Dawn l-elementi jżidu l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-biedja. Sabiex ma tkomplix tonqos il-popolazzjoni f’dawn iż-żoni u sabiex il-biedja tinżamm ħajja hemm bżonn ta’ ħlas ta’ kumpens mill-fondi għaż-żoni żvantaġġati. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li d-densità baxxa tal-popolazzjoni titqies ukoll huma u jiġu stabbiliti l-kriterji li jiddefinixxu r-reġjuni żvantaġġati u għandhom jiġi stabbiliti kriterji addizzjonali li jappoġġjaw il-biedja fiż-żoni mimlija foresti.

1.9

Il-KESE jirrakkomanda li huma u jitfasslu u jiġu stabbiliti l-kriterji tad-definizzjoni l-ġdida tar-reġjuni żvantaġġati (iż-żoni bi żvantaġġi naturali), għandhom jitqiesu l-karatteristiċi naturali, klimatiċi u soċjoekonomiċi taż-żoni tat-Tramuntana li jissemmew f’din l-opinjoni. Possibbiltà tista’ tkun li dawn iż-żoni jiġu definiti bħala żoni speċjali bħar-reġjuni muntanjużi.

2.   L-isfond

2.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew diġà indirizza l-kwistjoni taż-żoni żvantaġġati f’opinjonijiet preċedenti tiegħu (1).

2.2

Fil-21 ta’ April 2009, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Komunikazzjoni tagħha COM(2009) 161 finali fejn tipproponi li tbiddel il-prinċipji li jiddefinixxu ż-żoni żvantaġġati u li tistabbilixxi kriterji ġodda. Fost affarijiet oħra, il-Kummissjoni tipproponi li dawn iż-żoni jibdew jissejjħu “żoni bi żvantaġġi naturali”. Il-KESE jilqa’ dan l-approċċ ġdid.

2.3

Is-suq uniku tal-UE jiggarantixxi l-moviment ħieles tal-oġġetti u s-servizzi, għalhekk, fil-perijodu fit-tul, il-produzzjoni agrikola fir-reġjuni tat-Tramuntana, fejn l-ispejjeż għal kull unità huma ogħla, ma tistax tkompli għaddejja mingħajr appoġġ speċjali. Dan jolqot is-sostenibbiltà soċjali u ekoloġika u l-bijodiversità ta’ dawn iż-żoni b’mod negattiv.

2.4

Ir-regoli li japplikaw għar-reġjuni żvantaġġati u l-effetti tagħhom ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Peress li tintuża firxa sħiħa ta’ kriterji, ir-regoli attwali dwar is-sussidji għar-reġjuni żvantaġġati ma jqisux biżżejjed il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-produzzjoni li jirriżultaw mill-karatteristiċi naturali u klimatiċi u b’riżultat ta’ dan, dawn il-kundizzjonijiet jiġu kkumpensati b’mod inadegwat u sproporzjonat.

2.5

Fuq perijodu fit-tul, is-sigurtà tal-provvista tal-ikel tal-Ewropa u tad-dinja tirrikjedi tradizzjoni tal-biedja ħajja fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Unjoni Ewropa fejn, b’riżultat tat-tisħin globali, il-klima mistennija titjieb matul il-ħamsin u l-mitt sena li ġejjin. B’riżultat ta’ dan, ir-reġjuni tan-Nofsinhar ser jinxfu u l-produzzjoni agrikola fl-Ewropa x’aktarx ser ikollha timxi lejn it-Tramuntana.

3.   Il-karatteristiċi naturali u klimatiċi partikolari tar-reġjuni tat-Tramuntana, ħarsa ġenerali lejn il-problemi u ġustifikazzjoni tat-trattament speċjali ta’ dawn ir-reġjuni

3.1

Il-biedja fir-reġjuni tat-Tramuntana tal-Unjoni Ewropea tvarja minn dik taċ-ċentru u n-Nofsinhar tal-kontinent. Il-perijodu tal-veġetazzjoni huwa ħafna iqsar bħalma huma l-perijodi ta’ temperaturi li jippermettu t-tkabbir tal-uċuħ tar-raba’, filwaqt li l-umdità hija eċċessiva matul il-biċċa l-kbira tas-sena. L-ammont ta’ xita ta’ matul is-sena jvarja minn perijodu għal ieħor: fir-rebbiegħa u s-sajf, meta jinbtu u jikbru l-pjanti ma tagħmilx biżżejjed xita, filwaqt li fil-ħarifa tagħmel ħafna xita u jkun diffiċli li l-ħsad isir fil-ħin, u dan jolqot ukoll il-kwalità tiegħu.

3.2

Ix-xtiewi twal u b’riżultat ta’ dan il-ġlata tal-ħamrija għandhom effett konsiderevoli fuq il-biedja fir-reġjuni tat-Tramuntana. It-temperaturi jistgħu jinżlu għal saħansitra -40 °C. Il-penetrazzjoni tal-ġlata fil-ħamrija sseħħ f’temperaturi taħt iż-żero u l-fond tas-silġ pereżempju fil-Latvja u fl-Estonja jista’ jammonta għal madwar metru, u fit-Tramuntana tal-Finlandja u l-Isvezja anki madwar żewġ metri. Il-proċessi li jwasslu biex jinħall is-silġ u l-ġlata ta’ fuq il-ħamrija huma twal u iebsin u jittardjaw iż-żrigħ tar-rebbiegħa u l-bidu tal-perijodu tal-veġetazzjoni. Dejjem skont il-latitudni u d-distazna mill-baħar, iż-żrigħ tar-rebbiegħa fiż-żoni tat-Tramuntana jseħħ bejn l-aħħar ta’ April u nofs Ġunju. Għalhekk huma u jitfasslu l-kriterji tad-definizzjoni taż-żoni żvantaġġati għandha tiġi kkunsidrata t-temperatura globali negattiva tar-reġjun partikolari.

3.3

Il-kostruzzjoni tal-bini f’dawn ir-reġjuni titlob spejjeż ogħla għax il-pedamenti jridu jkunu iktar fondi mill-ġlata, il-pajpijiet tal-ilma u l-kanali jridu jgħaddu minn taħtha u l-ħitan ta’ barra tal-bini jridu jiġu iżolati wkoll. Barra minn hekk, it-tisħin tal-bini fix-xitwa u t-tneħħija tas-silġ jirrikjedu spejjeż sostanzjali oħra.

3.4

B’riżultat tal-fatt li s-saff tal-ħamrija fiż-żoni tat-Tramuntana ifforma f’perijodu qasir li beda wara tmiem l-era glaċjali, huwa iktar irqiq u l-ħamrija għandha kwalità u tessitura differenti: normalment il-ħamrija ta’ dawn iż-żoni tkun imxarrba, f’ċertu partijiet magħmula minn ġebel, taflija u ramlija ħafna u mimlija pit. Sabiex din it-tip ta’ ħamrija tkun tista’ jittejjeb, iridu jiġu investiti somom kbar b’mod partikolari biex jiġu installati u miżmuma sistemi tad-dranaġġ tal-ilma kif ukoll biex jintefa’ fih il-ġir.

3.5

Ir-reġjuni tat-Tramuntana huma kkaratterizzati minn strutturi tal-wiċċ magħmula minn għoljiet u fframmentati b’riżultat tal-fenomeni glaċjali u hawn jiddominaw foresti fqar, art mistgħadra u ambjent naturali ieħor. Għalhekk l-għelieqi tajbin għall-biedja huma fframmentati, żgħar u mxerrda. F’ħafna żoni id-daqs medju ta’ għalqa ta’ intrapriża agrikola huwa inqas minn ettaru u l-għelieqi l-oħra huma mxerrda fil-foresti, ’il bogħod ħafna mid-dar tar-razzett. Għalhekk l-użu ta’ magni ikbar u iktar effiċjenti mhuwiex possibbli u fl-istess waqt jiżdiedu l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-biedja u t-trasport (fil-farm stess). Żvantaġġi naturali bħal dawn ma jistgħux jiġu kkumpensati permezz ta’ rikors għal uċuh tar-raba’ oħra jew mezzi oħra li jżidu l-effiċjenza tagħha. Għalhekk jeħtieġ li japplikaw il-kriterji addizzjonali li jqisu l-iżvantaġġi naturali taż-żoni mimlija foresti. Wieħed mill-kriterji jista’ jkun l-ammont ta’ art agrikola għal kull ettaru. Waħda mill-miżuri favur iż-żoni żvantaġġati għandha tkun ukoll il-kumpens tal-miżuri addizzjonali tat-trasport li ġġarrab l-intrapriża agrikola f’dawn iż-żoni.

3.6

Id-densità tal-popolazzjoni fiż-żoni rurali tar-reġjuni tat-Tramuntana hija baxxa ħafna. Bl-eċċezzjoni tal-irħula l-kbar, id-densità tal-popolazzjoni hija ta’ 10 abitanti għal kull kilometru kwadru. Dan l-ammont jinżel għal inqas minn tliet abitanti fż-żoni remoti. Dan joħloq spejjeż tat-trasport għolja kemm fil-produzzjoni tal-biedja kif ukoll sabiex jiġi żgurat aċċess għall-faċilitajiet pubbliċi u privati. Fis-seklu 20, il-mekkanizzazzjoni ġabet magħha żieda kbira fil-produzzjoni tax-xogħol fit-Tramuntana tal-Ewropa u ntilef ħafna xogħol fiż-żoni rurali. Id-densità baxxa tal-popolazzjoni u s-servizzi li rriżultat minn dan bdiet issir raġuni għalfejn jitilqu n-nies miż-żoni rurali fejn ħafna abbandunaw il-biedja u ma kienx hemm ġenerazzjoni żagħżugħa biex tieħu l-irziezet taħt idejha hi. Madanakollu, flimkien mal-foresterija u t-turiżmu, il-biedja hija l-pedament ekonomiku u soċjali tal-ħajja rurali fil-pajjiżi tat-Tramuntana. Il-komunitajiet rurali huma ħafna iżgħar u għalhekk l-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi għal kull ras pereżempju għall-iskejjel u l-edukazzjoni informali huma ħafna ogħla. Fiż-żoni rurali b’densità tal-popolazzjoni baxxa l-ħajja hija iktar għolja għax il-ftit abitanti jiffurmaw klijentela żgħira ta’ nies li jikkunsmaw l-oġġetti u s-servizzi. Iż-żoni remoti tar-reġjuni tat-Tramuntana huma wisq ’il bogħod miċ-ċentri l-kbar biex in-nies ikunu jistgħu jivvjaġġaw biex imorru jaħdmu fiċ-ċentru ta’ kuljum jew għas-servizzi li jiġu bżonn. Waħda mill-miżuri favur iż-żoni żvantaġġati għandha tkun il-kumpens tal-ispejjeż addizzjonali tat-trasport miċ-ċentri (is-suq) għall-intrapriżi agrikoli remoti.

3.7

Iktar ma joqogħdu ftit nies fiż-żoni rurali iktar issir għolja ħajjithom għax ikunu jridu jkopru iktar distanzi biex ikollhom aċċess għall-oġġetti, is-servizzi, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni eċċ. Għalhekk iż-żamma u l-ħolqien tax-xogħol fil-biedja u setturi oħra fiż-żoni b’densità tal-popolazzjoni baxxa huma importanti ħafna. Irid isir sforz kemm min-naħa tal-Politika Agrikola Komuni kif ukoll min-naħa tal-politika reġjonali sabiex dan iseħħ. L-implimentazzjoni ta’ din il-politika b’suċċess ser tiddetermina jekk jistax jinstab bilanċ bejn il-migrazzjoni rurali-urbana, jekk it-tluq tan-nies miż-żoni rurali jistax jieqaf u jekk in-nixfa ekonomika u soċjali fir-reġjuni periferali tistax tispiċċa. Għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea kollha importanti li ma tkomplix tonqos il-popolazzjoni ta’ dawn iż-żoni li jiffurmaw il-fruntieri tal-UE.

3.8

Il-foresti u l-art mistgħadra tar-reġjuni tat-Tramuntana flimkien ma’ firxa estensiva ta’ art agrikola u l-ekosistemi seminaturali huma sorsi ta’ diversità naturali u tal-ispeċi. Apparti dan, ir-reġjuni tat-Tramuntana jservu ta’ post fejn ibejtu miljuni ta’ għasafar tal-passa li jfittxu l-ikel tagħom fl-għelieqi u l-megħrat naturali ta’ dawn l-inħawi.

3.9

B’riżultat tal-iżvantaġġi nautrali u l-ispejjeż tat-trasport marbuta mal-frammentazzjoni tal-art agrikola u d-densità tal-popolazzjoni baxxa, il-qligħ mill-intrapriżi agrikoli fiż-żoni tat-Tramuntana huwa iktar baxx u d-dħul iġġenerat jerġa’ iktar baxx. Dan jispjega l-ħlasijiet diretti baxxi li għadhom japplikaw s’issa taħt l-ewwel pilastru tal-PAK. Fir-reġjuni tat-Tramuntana bi żvantaġġi naturali, it-tħaddim tal-art agrikola, il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel u l-ħarsien tal-pajsaġġ naturali jistgħu jinkisbu biss jekk il-bdiewa jkollhom garanzija ta’ qligħ komparabbli ma’ dak tal-kollegi tagħhom f’żoni iktar favorevoli. Jekk dan ma jkunx il-każ, in-nies se jitilqu mill-irħula, l-art agrikola ma tibqax titħaddem, l-art li kienet tintuża għall-mergħa u għall-biedja titwarrab u ma tibqax produttiva. Il-KESE jissuġġerrixxi lill-Kummissjoni Ewropea li tistudja l-karatteristiċi tar-reġjuni tat-Tramuntana biex fejn ikun hemm bżonn dawn iż-żoni jiġu definiti bħala żoni speċjali bħar-reġjuni muntanjużi.

3.10

L-iżvantaġġi naturali jvarjaw minn reġjun għal ieħor kemm fit-tip kif ukoll fil-firxa tagħhom. Għalhekk fil-futur, huwa u jiġi kkalkulat il-ħlas ta’ appoġġ għaż-żoni żvantaġġati, għandhom jitqiesu l-ispejjeż involuti kollha li kien hemm bżonn f’kull reġjun individwali sabiex jingħelbu l-iżvantaġġi naturali u l-kundizzjonijiet li jiżvantaġġaw il-produzzjoni kollha. Iktar ma jkunu ħżiena l-kundizzjonijiet naturali, iktar għandu jkun ogħla l-ħlas ta’ kumpens. Madanakollu jeħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll il-limiti massimi u minimi.

4.   Il-limiti naturali għall-biedja tal-ħrit, ħarsa lejn il-problemi prinċipali u ġustifikazzjoni tat-trattament speċjali ta’ dawn iż-żoni

4.1

Ix-xtiewi kiesħa, il-perijodi tal-veġetazzjoni qosra, it-temperatura globali effettiva baxxa u x-xita, li titlob investiment kbir fis-sistemi tad-dranaġġ tal-ilma, kollha jolqtu l-biedja tal-ħrit. Dejjem skont il-materjal li jintuża, is-sistemi tad-dranaġġ għandhom ħajja ta’ madwar ħamsin sena u wara jkunu jridu jinbidlu. Barra minn hekk, kull sena dawn jirrikjedu spejjeż addizzjonali għall-kura u l-manutenzjoni. Sabiex il-ħamrija mxarbba tkun tista’ tiġi kkultivata hemm bżonn tal-installazzjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi tad-dranaġġ.

4.2

Il-ħamrija taż-żoni tat-Tramuntana ħafna drabi tkun aċiduża minħabba l-blat tal-qiegħ kristallin jew ramli. Sabiex jiġu kkultivati, dawn l-għelieqi jirrikjedu l-ġir kull sitta jew tmien snin. Dan jinvolvi spejjeż li ma jeżistux fiż-żoni fejn il-pH tal-ħamrija huwa newtrali. Dan il-proċess ma jsirx biex titejjeb il-fertilità tal-ħamrija. Il-ġir huwa sempliċiment indispensabbli għall-kultivazzjoni tal-ħamrija aċiduża u sabiex din titħares minn żvantaġġi naturali permanenti. Fil-fehma tal-KESE, il-problema tal-ħamrija aċiduża għandha titqies iktar minn qabel hija u tiġi stabbilita d-definizzjoni taż-żoni żvantaġġati u huma u jitfasslu l-kriterji l-ġodda.

4.3

Fir-reġjuni tat-Tramuntana, iċ-ċereali li jinħasdu jridu jitnixxfu f’magni speċjali għax ħafna drabi l-kontenut tal-ilma li jżommu fihom jammonta għal madwar 30 %. Sabiex ikunu jistgħu jinħażnu, dan l-ammont irid jinżel għal bejn 12 % u 14 %. Il-kostruzzjoni tal-magni biex inixxfu ċ-ċereali titlob investimenti kbar u l-enerġija li tintuża għat-tnixxif hija sors ta’ spejjeż addizzjonali oħra. L-ispejjeż involuti għall-magni u l-faċilitajiet tat-tnixxif jistgħu jitilgħu għal madwar EUR 300 000 u kull installazzjoni għandha ħajja ta’ bejn għaxar u ħmistax-il sena, skont kemm tintuża. Skont id-data li taw l-intrapriżi agrikoli, l-ispiża medja għat-tnixxif tammonta għal bejn EUR 20 u EUR 25 għal kull tunnellata minkejja li l-ammont ta’ ilma fiċ-ċereali u l-enerġija li tintuża għat-tnixxif tinbidel minn sena għall-oħra. B’rendiment medju ta’ madwar tlieta jew erba’ tunnellati għal kull ettaru fir-reġjuni tat-Tramuntana, dan iżid l-ispejjeż tal-produzzjoni b’bejn EUR 60 u EUR 100 għal kull ettaru.

4.4

L-uċuħ tar-raba’ li jiġu kkultivati jridu jkunu reżistenti għall-kesħa u għall-ġlata ta’ mal-lejl, kundizzjoni li tkompli sa Ġunju. B’riżultat ta’ dan il-ħsad ikun iżgħar. Il-perijodi iqsar ta’ veġetazzjoni ma jippermettux il-kultivazzjoni ta’ varjazzjonijiet li jitolbu iktar żmien, li jikbru iktar f’temperaturi ogħla, kemm ta’ matul il-ġurnata kif ukoll ta’ matul il-lejl u li jistgħu jgħinu sabiex inaqqsu l-ispejjeż tat-trobbija tal-bhejjem tal-fart. Għalhekk f’dawn ir-reġjuni l-bhejjem jieklu l-ħaxix tal-ħażna li huwa iktar ogħli mill-qamħirrun.

4.5

Il-ġlata ta’ mal-lejl thedded b’mod partikolari il-kultivazzjoni tas-siġar tal-frott, tal-frott żgħir u l-ħaxix. Mill-inqas darba kull għaxar snin, il-perijodi tat-tinwir jesperjenzaw ġlata ta’ mal-lejl tant kiefra li teqred il-ħsad kollu. Minkejja li jeżistu diversi modi ta’ kif tista’ tiġi evitata ħsara bħal din, bħal pereżempju permezz tat-tisqija bil-friefet, smokescreens u “kutri” għal kontra l-ġlata, dawn il-metodi jinvolvu iktar spejjeż u xogħol.

4.6

Minħabba l-perijodi ta’ veġetazzjoni qosra, il-ħidma fl-għelieqi trid issir f’qasir żmien. Dan jirrikjedi ammont ikbar ta’ magni li jżid l-investiment medju għal kull ettaru.

5.   Il-limiti naturali għat-trobbija tal-bhejjem, ħarsa lejn il-problemi prinċipali u ġustifikazzjoni tat-trattament speċjali ta’ dawn iż-żoni

5.1

Fit-Tramuntana, il-bhejjem jirgħu għal perijodu iqsar (minn nofs Mejju sal-aħħar ta’ Settembru) għalhekk irid jinħażen ħafna għalf għax-xitwa u dan iżid l-ispejjeż tal-produzzjoni. Barra minn hekk ikunu jridu jinbnew imħażen speċjali għall-għalf. Ħafna drabi, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi, il-ħaxix ma jkunx jista’ jibda jinħasad fil-ħin u b’hekk jonqos il-valur sustanzjuż tiegħu. Xita frekwenti matul il-ħsad tas-silla jew il-ħaxix tista’ twassal għal deterjorament tal-kwalità tal-għalf.

5.2

L-ispejjeż tal-bini u l-faċilitajiet għat-trobbija tal-annimali huma ogħla f’dawn ir-reġjuni minn ta’ dawk fejn il-klima hija iktar sħuna għax il-pedamenti tagħhom iridu jkunu iktar fondi mis-saff tal-ġlata u l-pajpijiet tal-ilma u l-kanali jridu jgħaddu minn taħt il-ġlata (pereżempju fl-Estonja fond ta’ mill-inqas 1,2 metri).

5.3

Barra minn hekk sabiex il-btieħi tal-irziezet u t-toroq li jużaw jitnaddfu mis-silġ hemm bżonn li jsiru iktar spejjeż. L-uċuh tat-toroq iridu jinbidlu kull 5 jew 10 snin minħabba l-ħsara tal-ġlata. Id-densità baxxa tal-popolazzjoni tfisser li l-pajjiżi tat-Tramuntana jkollhom toroq fejn il-wiċċ ma jkunx maħdum, jiġifieri jkun tat-trab jew żrar. Sabiex jinżammu u jittejbu dawn ir-rotot hemm bżonn ta’ finanzi addizzjonali, b’mod partikolari sabiex jitħarsu mill-ħsara fir-rebbiegħa u għall-prevenzjoni tat-trab fis-sajf.

5.4

L-ispejjeż tal-produzzjoni għal kull kilo ħalib huma iktar għolja fiż-żoni b’densità tal-popolazzjoni baxxa minn taż-żoni fejn jgħixu iktar nies u l-biedja hija intensiva għax id-distanzi involuti fit-trapsortazzjoni tal-ħalib huma itwal. F’uħud mill-gżejjer tal-baħar u l-gżejjer interni pereżempju, il-produzzjoni tal-ħalib m’għadhiex isseħħ għax minħabba l-ispejjeż tat-trasport ma baqgħitx iġġib qligħ. Fattur ieħor li jżid l-ispejjeż f’dawn iż-żoni huwa t-trasport ta’ oġġetti bżonjużi għall-biedja lejn l-intrapriżi agrikoli.

6.   Il-preservazzjoni tal-irziezet u tal-ħajja rurali fir-reġjuni tat-Tramuntana għandha sinifikat għall-Ewropa kollha

Il-preservazzjoni tal-biedja u l-isforzi sabiex ma tkomplix tonqos il-popolazzjoni fiż-żoni rurali tar-reġjuni tat-Tramuntana huma fatturi importanti għall-Ewropa kollha għaliex ser jikkontribwixxu sabiex:

il-popolazzjonijiet ta’ dawn ir-reġjuni jkollhom il-prodotti tal-ikel lokali tagħhom u sabiex fil-każ tat-tisħin globali l-UE jkollha provvista tal-ikel sigura;

jinżammu x-xogħlijiet u b’hekk ma tkomplix tonqos il-popolazzjoni fiż-żoni rurali;

titħares u f’ħafna każijiet anki tiżdied id-diversità bijoloġika;

il-pajsaġġ jibqa’ aċċessibbli u attraenti għat-turisti u l-industrija tad-divertiment u

tiġi żgurata s-sigurtà taż-żoni fil-fruntieri tal-UE.

Brussell, 30 ta’ Settembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 86; ĠU C 44, 16.2.2008, p. 56 u ĠU C 120, 16.5.2008, p. 47.