4.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE

(2009/C 182/02)

Rapporteur: Is-Sinjura SIRKEINEN

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tas-16 u s-17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Diċembru 2008. Ir-rapporteur kienet is-Sinjura SIRKEINEN.

Matul l-450 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-14 u l-15 ta’ Jannar 2009 (seduta tal-14 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’181 vot favur, 4 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet: Lejn strateġija esterna tal-enerġija tal-UE

1.1   Il-kwistjoni tal-enerġija ilha fiċ-ċentru tal-politika internazzjonali. L-atturi l-kbar l-oħra fix-xena politika globali għandhom aġendi tal-enerġija b’saħħithom, fil-miftuħ jew mistura. L-enerġija ta’ sikwit tiġi użata wkoll bħala strument jew saħansitra arma fit-tilwim internazzjonali.

Skont il-KESE, l-UE, bħala l-aktar unità ekonomika globali b’saħħitha, għandha teżerċita mill-aktar fis possibbli r-rwol tagħha fix-xena internazzjonali tal-enerġija.

1.2   Iċ-ċittadini Ewropej jinsabu mħassbin dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tagħhom, u dwar il-prezzijiet għoljin u xejn stabbli, kif ukoll il-bidla fil-klima u żviluppi globali inġenerali li mhumiex sostenibbli. Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE teħtieġ strateġija esterna tal-enerġija definita b’mod ċar u komprensiv, sabiex twieġeb għat-tħassib taċ-ċittadini, u b’mod partikolari, ir-rieda u d-determinazzjoni sabiex timplimentaha.

Il-KESE jipproponi żewġ pilastri għal politika esterna tal-enerġija tal-UE:

Li tiġi żgurata provvista tal-enerġija għall-UE, u

Politika attiva u responsabbli dwar l-enerġija u l-klima.

1.3   Ħafna elementi għal strateġija bħal din huma implimentati diġà. Il-kwistjoni tas-sigurtà tal-enerġija ġiet indirizzata mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15-16 ta’ Ottubru 2008, u aktar proposti ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fit-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija tat-13 ta’ Novembru 2008 (1), li l-KESE ser jikkummenta fuqha fid-dettall f’opinjoni oħra aktar tard.

Fil-fehma tal-KESE, l-UE trid tiżviluppa strateġija żviluppata dwar il-politika esterna għall-enerġija u pjan ta’ azzjoni prattiku, waqt li fl-istess ħin jitqiesu l-kummenti mleħħna f’din l-opinjoni.

Waqt li jagħraf l-interdipendenza reċiproka bejn il-fornituri u l-utenti tal-enerġija, il-KESE b’mod partikolari jħeġġeġ għal reċiproċità fl-aċċess għal netwerks u kundizzjonijiet għal investimenti, inkluż l-aċċess għal investimenti “upstream”.

Qed jiġu żviluppati bosta proġetti ta’ pipelines bejn l-Ewropa u r-reġjun tal-Kawkasu, l-Ażja u r-Russja. Dawn huma proġetti ta’ importanza kbira, iżda jista’ jagħti l-każ li ma jkunux biżżejjed għall-Ewropa fuq perjodu medju ta’ żmien.

1.4   S’issa l-politika tal-enerġija tal-UE ffuokat fuq il-ħolqien ta’ suq intern tal-enerġija, b’mod partikulari għall-elettriku u l-gass.

Il-KESE jappoġġja l-fehma li biex strateġija esterna u prestazzjoni jkunu effettivi jistgħu jkunu bbażati biss fuq politika interna komuni u ċara u fuq suq intern tal-enerġija li jaħdem tajjeb.

Il-KESE jenfasizza li miżuri ta’ politika interni dwar l-enerġija jistgħu jnaqqsu b’mod deċiżiv id-dipendenza esterna fuq l-enerġija u jqawwu s-sigurtà tal-provvista, b’mod partikulari l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u taħlita ta’ enerġija diversifikata, investimenti suffiċjenti fl-infrastruttura kif ukoll miżuri li jevitaw kriżi, bħal twissija bikrija, skambju ta’ informazzjoni u l-ħżin/sostituzzjoni.

1.5   L-Ewropa għandha kemm ir-responsabilità kif ukoll il-potenzjal li twassal għal kambjament radikali fil-kultura tal-konsum tal-enerġija — it-tielet rivoluzzjoni industrijali.

L-UE trid iżżomm il-pożizzjoni tagħha fuq quddiem fil-qasam tal-politika globali dwar il-klima, u b’kull mezz possibbli ssaħħaħ ġejjieni ta’ enerġija sostenibbli fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

1.6   Teknoloġiji ġodda u aqwa għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fit-tilħiq ta’ sfidi tal-enerġija fuq żmien qasir kif ukoll fit-tul, kemm ġewwa l-UE kif ukoll globalment.

Il-KESE jħeġġeġ biex l-UE, l-Istati Membri u l-kumpaniji jassiguraw li riżorsi suffiċjenti jiġu diretti lejn ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, kif ukoll kooperazzjoni globali ħafna iktar inklużiva f’dan il-qasam.

1.7   Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Liżbona dwar il-politika tal-enerġija u r-relazzjonijiet esterni għandhom isaħħu l-possibilitajiet li l-UE tieħu azzjoni kollha kemm hi u jkollha impatt iżjed b’saħħtu fix-xena globali tal-politika tal-enerġija.

Il-KESE jirrakkomanda li l-partijiet kollha responsabbli għandhom jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex isibu soluzzjoni sabiex it-Trattat ta’ Liżbona jidħol fis-seħħ mill-iktar fis.

L-iktar rekwiżit kruċjali huwa li l-UE taġixxi tassew b’mod unit. Għalhekk, l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq fehma ċara tar-rwoli differenti tal-Unjoni, tal-Istati Membri u tal-atturi ekonomiċi.

1.8.1   Is-setgħat, fuq livell estern u purament politiku, jaqgħu taħt l-Istati Membri. Meta l-Istati Membri rnexxielhom jitkellmu b’leħen wieħed, saru żviluppi pożittivi, b’mod partikulari fil-każ tar-relazzjonijiet mar-Russja.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien fuq il-politika esterna u jaġixxu kontra l-prassi li l-enerġija tintuża bħala arma fit-tilwim internazzjonali.

1.8.2   L-UE għandha politika komuni tal-kummerċ ibbażata fuq prinċipji uniformi. Il-Kummissjoni hija responsabbli għat-tmexxija ta’ negozjati dwar il-kummerċ fuq il-bażi ta’ mandat mogħti lilha mill-Kunsill.

Il-KESE jirrakkomanda li l-mandati għal negozjati multilaterali u għal negozjati bilaterali ma’ pajjiżi u reġjuni jkunu biżżejjed ambizzjużi iżda li jistgħu jitħaddmu sabiex jintlaħqu riżultati tanġibbli fir-rigward tal-enerġija.

1.8.3   Kuntratti ta’ xiri, ta’ infrastruttura u ta’ proġetti oħrajn huma konklużi u implimentati mill-kumpaniji. Spiss il-gvernijiet ikollhom rwol b’saħħtu jew anke deċiżiv fin-negozjati dwar kuntratti.

Il-KESE jirrakkomanda li fil-kuntest ta’ negozjati dwar kuntratti, ir-rappreżentanti tal-gvern tal-Istati Membri tal-UE għandhom jitolbu, bħala prerekwiżit ta’ appoġġ għall-kuntratt, li l-pajjiż terz imsemmi japplika ċerti regoli fis-swieq tiegħu, bħal pereżempju r-reċiproċità, it-trattament ugwali, it-trasparenza u l-protezzjoni għall-investimenti, kif ukoll ir-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, u li l-Kunsill jaqbel fuq qafas ta’ tali prinċipji li għandu jiġi applikat għan-negozjati kollha dwar il-kuntratti tal-enerġija ma’ pajjiżi terzi.

1.9   L-objettiv ta’ strateġija esterna tal-enerġija huwa li jirrispondi għall-ħtiġijiet u t-tħassib tan-nies fil-ħajja privata u professjonali tagħhom.

Il-KESE jirrakkomanda li l-imsieħba soċjali kif ukoll l-organizzazzjonijiet ambjentali u rappreżentanti oħrajn tas-soċjetà ċivili jridu jinstemgħu u jkunu involuti b’mod attiv fit-tfassil ta’ definizzjoni dwar l-istrateġija esterna tal-enerġija. Il-kapaċitajiet tagħhom biex jappoġġjaw id-djalogu u n-negozjati internazzjonali għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ.

1.10   Kemm is-soċjetà ċivili organizzata kif ukoll il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali għandhom ċerta influwenza u għaldaqstant responsabilità li jsawru l-politika esterna tal-enerġija tal-UE.

Il-KESE jistieden lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iħeġġu lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tagħhom sabiex flimkien jaġixxu fuq dawn il-kwistjonijiet fil-livell tal-UE. Is-solidarjetà bejn l-Ewropej għandha tiġi qabel l-interessi dejqa lokali jew nazzjonali, għaliex l-objettivi ta’ sigurtà tal-enerġija u responsabilità internazzjonali jistgħu jintlaħqu aħjar billi naħdmu flimkien.

1.11   Id-djalogu u n-negozjati dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-enerġija jsiru fuq ħafna fora differenti, minħabba li hija kwistjoni ġeopolitika li għandha ħafna aspetti. Djalogu miftuħ li jkopri kemm jista’ jkun dawn l-aspetti differenti tas-suġġett ikun ta’ għajnuna għal fehim u involviment iżjed mifrux mill-partijiet interessati.

Il-kwistjoni tal-enerġija għandha titqiegħed fuq l-aġenda u tibqa’ hemm bħala punt fiss fil-laqgħa tal-KESE u round tables ma’ msieħba internazzjonali.

Il-KESE jara rwol għalih innifsu fl-organizzar ta’ seminars regolari bbażati b’mod wiesa’ fuq l-aspetti esterni tal-politika tal-enerġija tal-UE, b’mod partikulari li jinvolvu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, anke minn pajjiżi u reġjuni terzi. Is-seduta organizzata mill-Grupp ta’ Studju tal-KESE dwar il-politika esterna tal-enerġija fl-1 ta’ Ottubru 2008 fi Brussell diġà kellha suċċess.

2.   Daħla

2.1   Illum il-ġurnata, il-kwistjoni tal-enerġija saret parti essenzjali mill-aġenda politika madwar id-dinja kollha. Dan il-fatt huwa enfasizzat permezz ta’ instabilità politika u anke militari b’rabta evidenti mal-enerġija. Il-kuntest huwa d-domanda li qiegħda dejjem tiżdied, l-iżjed fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw — b’riżultat tal-iżvilupp pożittiv tal-livell ta’ għajxien f’dawn il-pajjiżi — u l-iskarsezza prevista ta’ xi karburanti fossili. Barra minn hekk, il-provvista taż-żejt u tal-gass hija kkaratterizzata minn dipendenza għolja fuq ftit pajjiżi produtturi, u l-provvista hija mistennija tkun dejjem iktar ikkonċentrata fil-ġejjieni.

2.2   L-instabilità ekonomika globali għandha rabta mal-prezz tal-enerġija. Inqas minn sentejn ilu l-prezz taż-żejt u sussegwentement il-prezz tal-gass beda jiżdied b’mod qawwi, u kkawża inflazjoni għolja u problemi konsiderevoli għall-konsumaturi u s-soċjetà kollha kemm hi. Bħalissa l-prezz taż-żejt waqa’ b’mod drammatiku, bir-riżultat li issa hemm tħassib dwar produzzjoni suffiċjenti u s-sigurtà tal-provvista. F’nofs din il-volatilità, it-tendenza fil-bidliet fil-prezzijiet tal-enerġija hija mistennija tiżdied, minħabba bilanċi fis-suq, u b’mod partikulari miżuri politiċi favur il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Dawk li huma l-iżjed dgħajfa fis-soċjetajiet tagħna huma mhedda mill-faqar enerġetiku.

2.3   Bħalissa, 53 % tal-enerġija primarja kollha użata fl-UE hija importata. Id-dipendenza fuq l-importazzjoni hija ta’ 40 % għall-karburanti solidi, 56 % għall-gass u 82 % għaż-żejt (iċ-ċifri tal-2005). L-aġġornament tax-xenarju ta’ bażi tal-Kummissjoni fl-2007 juri total ta’ 67 % ta’ dipendenza fuq l-importazzjoni fl-2030. Skont It-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija li saret riċentement, l-importazzjoni tal-karburanti fossili hija mistennija tibqa’ bejn wieħed u ieħor fl-istess livelli tal-lum fl-2020, meta l-politika tal-klima u l-enerġija tal-UE jkunu ġew implimentati bis-sħiħ.

2.4   L-UE timporta aktar minn 40 % tal-gass tagħha, u kwart taż-żejt mir-Russja, u s-sehem tal-gass, b’mod partikolari, ser jiżdied. L-ikbar fornituri taż-żejt huma l-Lvant Nofsani u n-Norveġja, filwaqt li għall-gass it-tieni l-ikbar sors ta’ importazzjoni huwa n-Norveġja mbagħad l-Alġerija. Id-dipendenza hija reċiproka — fornituri tal-UE jiddependu mid-domanda tagħna. B’mod partikolari dan japplika għar-Russja, peress li iktar min-nofs tal-esportazzjonijiet tal-enerġija tagħha jmorru għall-UE.

2.5   Kemm iċ-ċifri għoljin ta’ dipendenza fuq l-importazzjoni kif ukoll id-dominanza ta’ ċerti sorsi ta’ importazzjoni, li mhux kollha jirrispettaw l-istess regoli tas-suq u dawk politiċi tal-UE, poġġew il-kwistjoni tas-sigurtà tal-enerġija bħala prijorità fuq l-aġenda tal-UE. Dan kompla jiżdied kemm minħabba t-twaqqif ta’ provvisti min-naħa tar-Russja, kif ukoll minħabba azzjonijiet militari riċenti fil-Ġeorġja.

2.6   L-enerġija mhijiex settur wieħed omoġenju f’dik li hija politika esterna tal-enerġija jew politika oħra tal-enerġija. L-ewwel u qabel kollox, iż-żejt jintuża għat-trasport u ma jistax jiġi sostitwit faċilment. L-UE hija parti mis-swieq globali taż-żejt u għalhekk ma tantx għandha fejn tista’ tiċċaqlaq. Sorsi u teknoloġiji oħra tal-enerġija jistgħu jintużaw għal diversi affarijiet u sa ċertu punt wieħed jista’ jintuża flok l-ieħor. Il-faħam u l-uranju huma nnegozjati f’suq globali miftuħ, filwaqt li għandha tingħata importanza lill-gass, minħabba ż-żieda kontinwa fid-domanda u n-numru limitat u l-karatteristiċi tal-fornituri.

2.7   Matul dawn l-aħħar ftit snin, l-UE implimentat diversi azzjonijiet bil-mira li tiżgura l-provvista esterna tagħha tal-enerġija.

2.8   Dan l-aħħar, fil-15-16 ta’ Ottubru 2008 l-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposti jew inizjattivi rilevanti dwar il-kwistjoni tas-sigurtà tal-enerġija, fejn ġew identifikati sitt prijoritajiet. Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba fit-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija tagħha. Il-KESE ser ilesti opinjoni separata u ddettaljata dwar dan id-dokument u l-pakkett ta’ proposti li jakkumpanjah.

3.   Elementi interni tal-politika esterna tal-enerġija tal-UE

3.1   Ħafna azzjonijiet ta’ politika fi ħdan l-UE u l-Istati Membri jistgħu jħejju t-triq għal inqas dipendenza fuq l-enerġija esterna u għal iżjed sigurtà fl-enerġija, flimkien mal-pożizzjoni mtejba tal-UE fl-azzjonijiet tal-politika esterna tal-enerġija tagħha. Dawn il-miżuri se jissemmew fil-qosor biss hawnhekk, minħabba li ġew diskussi fid-dettall f’opinjonijiet oħra tal-KESE.

3.2   Il-miżura li għandha tittieħed l-ewwel u qabel kollox hija t-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija, peress li dan jaffettwa l-iżvilupp tad-domanda għall-enerġija u b’hekk id-dipendenza esterna.

3.3   Taħlita bilanċjata ta’ enerġija u diversifikazzjoni tas-sorsi ta' enerġija b’mod partikolari lejn sorsi ta’ enerġija indiġeni b’kontenut baxx ta’ karbonju, bħal pereżempju l-bijoenerġija, l-enerġija li ġejja mir-riħ u dik nukleari.

3.4   Rigward il-karburanti fossili, għandhom jittejbu kemm il-produzzjoni kumbinata tas-sħana u l-enerġija b’effiċjenza għolja kif ukoll il-qbid u l-ħżin tal-karbonju.

3.5   Il-kompetizzjoni fil-kummerċ tal-gass għandha tiżdied billi jiġu stabbiliti impjanti tal-LNG u infrastruttura oħra.

3.6   Suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb jappoġġja l-effiċjenza fir-riżorsi u huwa soluzzjoni għal problemi possibbli ta’ provvista, kemm lokali kif ukoll reġjonali. Jeħtieġ li jkun hemm kemm investiment biżżejjed fl-infrastruttura, kif ukoll aċċess miftuħ għan-netwerks u infrastruttura oħra. Interkonnessjoni effiċjenti teħtieġ kooperazzjoni effettiva bejn ir-regolaturi tal-enerġija.

3.7   Biex jiġu indirizzati r-riskji tas-sigurtà tal-provvista, jeħtieġ li jkun hemm azzjonijiet speċifiċi. Solidarjetà effettiva u mekkaniżmi ta’ twissija bikrija għandhom jiġu stabbiliti sabiex jaħdmu flimkien f’każ ta’ kriżi tal-enerġija u diżordni fil-provvista. Fil-ġejjieni l-KESE ser jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-proposti riċenti tal-Kummissjoni dwar dawn il-kwistjonijiet.

3.8   Il-KESE jesprimi l-appoġġ partikulari tiegħu għal miżuri effiċjenti sabiex jiġu konnessi żoni iżolati tal-Unjoni, b’mod speċjali fl-Istati Baltiċi, għas-suq komuni tal-enerġija u li tiġi żgurata provvista tal-enerġija suffiċjenti u diversifikata.

4.   Kummenti ġenerali tal-KESE dwar il-politika esterna tal-enerġija tal-UE

4.1   Il-KESE jiddefinixxi żewġ pilastri tal-politika esterna tal-enerġija

Li tiġi żgurata provvista tal-enerġija għall-UE, u

Politika globali attiva u responsabbli dwar l-enerġija u l-klima.

4.2   Dawn il-politiki jeħtieġu perspettiva għall-futur qarib u għall-futur imbiegħed. Fil-futur qarib, minħabba l-fatt li s-sostituzzjoni fuq skala kbira tas-sorsi tal-enerġija u l-użu tal-infrastrutturi jieħdu l-ħin, hemm il-ħtieġa li tiżdied il-provvista tal-enerġija, filwaqt li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli għall-futur qarib sabiex titnaqqas id-domanda. Fil-futur imbiegħed, meta l-investimenti fir-riċerka u fit-teknoloġiji l-ġodda jkunu qegħdin iħallu l-frott, id-domanda għall-enerġija tista’ tkompli titnaqqas u, b’mod partikolari, sorsi tal-enerġija limitati jew inkella problematiċi jistgħu jiġu sostitwiti permezz ta’ alternattivi oħra.

4.3   Sadanittant, il-KESE jistenna li l-politiki dwar il-bidla fil-klima se jkollhom effett qawwi fuq il-qasam tal-enerġija minn żewġ aspetti — prezzijiet ogħla u inqas dipendenza fuq il-karburanti fossili.

4.4   Teknoloġija ġdida hija l-mod fundamentali kif jiżdied l-użu tal-enerġija u jiġu sostitwiti sorsi tal-enerġija li huma problematiċi. Fl-Ewropa, billi ninsabu fuq quddiem fil-qasam tal-politiki dwar l-enerġija u l-klima, irridu naħtfu l-possibilità, niżviluppaw it-teknoloġiji neċessarji, ngħinu ’l oħrajn biex insolvu l-problemi tagħhom u noħolqu impjiegi ġodda. Sabiex dan isir, huwa neċessarju li anke mil-lum ninvestu biżżejjed fir-riċerka dwar l-enerġija u fl-iżvilupp tat-teknoloġija.

5.   L-iżgurar tal-provvista tal-enerġija tal-UE

5.1   L-UE għamlet bosta sforzi kemm b’mod bilaterali kif ukoll b’mod multilaterali sabiex testendi r-regoli tagħha u l-implimentazzjoni tagħhom fil-bqija tad-dinja, b’mod partikolari għall-imsieħba tagħha fil-kamp tal-enerġija. Sa issa, is-suċċess kien wieħed limitat. Jeħtieġ li jkun hemm azzjoni iżjed b’saħħitha.

5.2   Hemm ħtieġa urġenti ta’ reċiproċità fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-investimenti. Ħafna pajjiżi li jipproduċu l-enerġija jeħtieġu investiment barrani biex jiżviluppaw is-sorsi tal-enerġija u l-infrastrutturi tagħhom, iżda dan mhux se jseħħ sakemm ir-regoli jkunu ineżistenti, mhux ċari jew mhux implimentati b’mod sistematiku. L-arranġamenti għall-Karta tal-Enerġija għandhom jinżammu u approċċi simili għandhom jiġu inklużi fi trattati bilaterali tal-enerġija fil-futur.

5.3   L-istess kundizzjoni tapplika għal kwistjonijiet regolatorji oħra, bħal pereżempju it-trattament ugwali, il-libertà u r-rispett għall-kuntratt u l-aċċess għal infrastruttura transitorja.

5.4   L-UE għandha tesiġi b’mod attiv u tiddifendi d-drittijiet u l-possibilitajiet tal-kumpaniji Ewropej biex jinvestu “upstream” fl-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija u infrastrutturi.

5.5   L-Ewropa teħtieġ ċerta sigurtà ta’ provvista filwaqt li l-fornituri tagħna, b’mod partikolari r-Russja, jenfasizzaw li huma jeħtieġu s-sigurtà tad-domanda sabiex jagħmlu l-investimenti meħtieġa. Spiss ikun hemm il-ħtieġa ta’ kuntratti għall-futur imbiegħed sabiex jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi fuq skala kbira. Sabiex jinstab l-aħjar bilanċ ta’ poter, tali kuntratti għandhom jitħejjew fi ħdan qafas Ewropew. Dan jitlob li jkun hemm skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u kooperazzjoni mill-qrib mal-atturi tas-suq.

5.6   Il-Pjan ta’ Prijorità tal-UE dwar l-Interkonnessjoni jkopri ċerti proġetti kbar ta’ interkonnessjoni, li jinkludu wieħed għal konnessjoni esterna — il-pipeline ta’ Nabucco li jintuża biex il-gass jiġi trasportat mill-Kaspju għall-Ewropa Ċentrali. Dawn huma proġetti ta’ importanza kbira, iżda jista’ jagħti l-każ li ma jkunux biżżejjed għall-Ewropa fuq perjodu medju ta’ żmien.

5.7   Ir-rabta bejn l-UE u l-Kawkasu u l-Ażja Ċentrali jista’ jkun li tkun teħtieġ diversi pipelines ġodda minbarra dak tal-proġett Nabucco. L-UE għandha tippreżenta proposti sabiex tikkoordina proġetti reġjonali li jkunu ta’ daqs sinifikanti, u sabiex timmobilizza investiment pubbliku u privat.

5.8   Il-KESE jieħu nota tas-sitt azzjonijiet ta’ prijorità tal-infrastruttura proposti mill-Kummissjoni fit-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija. Il-Kumitat ser jieħu pożizzjoni dwar dawn, kif ukoll dwar il-Green Paper “Lejn netwerk Ewropew ta’ enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva” (2).

5.9   Jeħtieġ li d-djalogi mal-OPEC u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf jidħlu iżjed fid-dettall, filwaqt li l-ftehimiet mal-Ażerbajġan u l-Każakstan għandhom jiġu implimentati fit-totalità tagħhom. Jeħtieġ li jkun hemm rabtiet iżjed b’saħħithom mal-produtturi tal-Ażja Ċentrali bħat-Turkmenistan u l-Użbekistan sabiex jitħaffef il-proċess ta’ trasportazzjoni tar-riżorsi tal-enerġija mill-Kaspju għall-UE.

5.10   L-importanza tal-Afrika bħala fornitur tal-enerġija żdiedet b’mod konsiderevoli. Sħubija żviluppata mal-Afrika jeħtieġ li tkun waħda komprensiva, b’tali mod li tassisti b’mod bilanċjat l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomiji tal-produtturi Afrikani taż-żejt u tal-gass.

5.11   Il-kooperazzjoni Mediterranja, li bħalissa għaddejja minn żvilupp qawwi, għandha rwol importanti peress li din tkopri aspetti differenti tal-enerġija — produzzjoni, transitu u konsum.

5.12   Dalwaqt se tiżdied l-importanza tad-Dimensjoni tat-Tramuntana. L-oqsma taż-żejt u tal-gass fl-Oċean Artiku u l-kooperazzjoni fiż-żoni tat-Tramuntana għandu jkollhom prijorità ogħla fil-politika esterna tal-enerġija tal-UE. Il-kooperazzjoni taż-żona fil-Baltiku min-naħa tagħha tkopri fil-parti l-kbira l-utent tal-enerġija u l-pajjiżi ta’ transitu, fejn ir-rabta mar-Russja hija essenzjali.

5.13   Mar-Russja, l-għan għandu jkun li jintlaħaq ftehim ta’ qafas b’saħħtu u komprensiv ibbażat fuq l-ugwaljanza, fehim reċiproku u reċiproċità. Ir-Russja għandha tippermetti t-transitu tal-gass fin-netwerk Russu u tippermetti li kumpaniji Ewropej jinvestu fl-iżvilupp ta’ netwerks u sorsi Russi. Hija r-responsabbiltà tar-Russja li ttaffi ftit mit-tħassib dwar il-kredibilità tagħha bħala fornitur tal-enerġija, hekk kif l-imsieħba Ewropej tagħha huma mistennija li jirrispettaw il-kuntratti u l-impenji tagħhom.

5.14   L-UE għandha tiżviluppa wkoll kooperazzjoni ma’ utenti oħrajn tal-enerġija, fi ħdan u lil hinn mill-qafas tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija.

6.   Politika globali attiva u responsabbli dwar l-enerġija u l-klima

6.1   Il-kultura preżenti tal-konsum tal-enerġija nħolqot fl-Ewropa u fl-Istati Uniti tal-Amerka bl-ewwel rivoluzzjoni industrijali. Filwaqt li ħafna pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw qegħdin jippruvaw jgħollu l-livell ta’ għajxien tagħhom, ħafna minnhom jinsabu fl-istess sitwazzjoni li l-Ewropa kienet tinsab fiha xi għexieren ta’ snin ilu. F’dawk il-pajjiżi dan ifisser żieda mgħaġġla fil-konsum tal-enerġija — huwa d-dritt tagħhom u huwa meħtieġ għas-sigurtà globali u għal żvilupp paċifiku. Illum il-ġurnata, l-Ewropa għandha kemm ir-responsabilità kif ukoll il-potenzjal li twassal għal bidla radikali fil-kultura tal-konsum tal-enerġija — it-tielet rivoluzzjoni industrijali.

6.2   Madwar 2 biljun ruħ madwar id-dinja f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jgħixu mingħajr ma jkollhom aċċess għall-elettriku u jkollhom iserrħu fuq l-injam, id-demel u l-iskart agrikolu, fatti li wasslu biex it-tniġġis tal-ajra interna jkun fost l-ewwel 10 kawżi dinjija ta’ mortalità jew mewt prematur. L-aċċess għal netwerks tal-elettriku u għall-kapaċità tal-produzzjoni għal dawn in-nies huwa wieħed mill-akbar impenji globali li għandha d-dinja. Dan kollu jfisser investimenti kbar u żieda enormi fil-konsum globali tal-enerġija. Madankollu, dawn l-investimenti għandhom isiru sabiex jippermettu li dawn in-nies ikollhom kundizzjonijiet ta’ għajxien diċenti u li jixirqu lill-bnedmin kif ukoll il-possibilità li jkollhom livell ta’ għajxien ogħla.

6.3   L-UE, bid-dritt, ħadet post fuq quddiem fil-politiki tal-klima. Hawnhekk l-objettiv l-iktar importanti għandu jkun li jintlaħaq ftehim effettiv internazzjonali li jkopri l-pajjiżi kollha, għaliex kemm l-effetti tat-tisħin globali kif ukoll iż-żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra se jkunu b’saħħithom l-iktar lil hinn mill-Ewropa. Il-Konferenza dwar il-Klima f’Kopenħagen f’Diċembru 2009 se tkun ta’ importanza kbira fin-negozjati globali u l-UE għandha taħdem kemm tiflaħ għal din il-konferenza. Madankollu, azzjonijiet unilaterali mill-UE jistgħu jħallu piż mhux sostenibbli fuq l-ekonomija tal-UE.

6.4   L-UE żviluppat u għadha tiżviluppa strumenti sabiex ittaffi l-bidla fil-klima — kemm teknoloġiji tal-enerġija li jiġġeddu u oħrajn li jużaw ammonti żgħar ta’ karbonju kif ukoll teknoloġiji li ma jaħlux ħafna enerġija. Dawn it-teknoloġiji għandhom jintużaw b’mod effettiv madwar id-dinja kollha. Dan għandu jwassal ukoll għal żieda fid-domanda għall-għarfien Ewropew u l-prodotti Ewropej, biex b’hekk jinħolqu impjiegi ġodda.

6.5   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-idea ta’ ftehim internazzjonali dwar l-effiċjenza tal-enerġija bejn dawk il-pajjiżi li huma l-ikbar utenti tal-enerġija (l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, l-Awstralja, l-Indja u ċ-Ċina). Pass f’din id-direzzjoni huwa l-forum miftiehem mill-G-8 fil-Ġappun f’Lulju 2008. Iżda wieħed għandu jkun ċert li dawn il-konsumaturi prinċipali kollha jipparteċipaw b’mod effettiv fil-ftehim u jagħtu l-kontribut dovut tagħhom. Minbarra l-promozzjoni tal-politiki dwar l-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp u t-tixrid tat-teknoloġiji u ta’ sorsi rinnovabbli, il-ftehim għandu jkopri l-prevenzjoni tal-prattika ta’ prezz doppju (dual pricing), jiġifieri prezzijiet sussidjati tal-enerġija lill-utenti domestiċi. Dan iwassal għal ħela konsiderevoli ta’ enerġija.

6.6   L-UE għandha tappoġġja wkoll b’mod effettiv l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Hawnhekk l-approċċ għandu jkun tali sabiex jiġu evitati l-investimenti fi produzzjoni u konsum li huma intensivi fl-enerġija. Il-politiki tal-iżvilupp tal-UE għandhom jintużaw aħjar għal dan il-għan.

6.7   Appoġġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ għandu jkun l-għodda prinċipali fost l-istrumenti għall-kooperazzjoni tal-enerġija ma’ pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

6.8   Il-KESE jenfasizza li l-kooperazzjoni kollha, b’mod partikolari mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, għandha tikkunsidra l-mira tal-iżvilupp sostenibbli ta’ dawn il-pajjiżi, fosthom l-iżvilupp fid-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.

Brussell, l-14 ta’ Jannar 2009

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea: It-Tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija SEC(2008) 2794, SEC(2008) 2795.

(2)  Green Paper “Lejn Netwerk Ewropew ta’ enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva” COM(2008)782 finali.