52009DC0676

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - It-tieni Rapport dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju {SEG(2009)1687} /* KUMM/2009/0676 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 18.12.2009

KUMM(2009)676 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-tieni rapport dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju

{SEG(2009)1687}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

It-tieni rapport dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

I. Daħla

1. Għal diversi snin, il-linji ferrovjarji Ewropej sabu ruħhom f’perjodu mmarkat minn tibdil kbir, marbut kemm mal-iżvilupp tal-qafas regolamentarju, partikularment dak Ewropew, kif ukoll ma’ fatturi ekonomiċi, soċjali u demografiċi.

2. Fid-disgħinijiet, ġew adottati serje ta’ miżuri f’livell Komunitarju fuq il-pjan leġiżlattiv, paritkularment tliet pakketti leġiżlattivi, sabiex ġie stabbilit spazju ferrovjarju Ewropew ibbażat fuq kompetizzjoni ħielsa bejn il-kumpaniji ferrovjarji (ara l-Anness 1[1]).

3. Bħalissa, dan il-moviment qed jilħaq fażi deċiżiva; filwaqt li fil-bidu s-suq kien jirrigwarda biss il-merkanzija ferrovjarja, issa se jkun it-trasport internazzjonali tal-passiġġieri li se jinfetaħ għall-kompetizzjoni mill-1 ta’ Jannar 2010. Fl-istess ħin, il-qafas regolamentarju li jirrigwarda l-interoperabbiltà u s-sigurtà ġie adattat dan l-aħħar permezz tal-adozzjoni tad-Direttivi 2008/57/KE u 2008/110/KE[2].

4. Dan l-iżvilupp kontinwu tal-qafas regolamentarju qanqal id-Deċiżjoni tal-leġiżlatur li jitlob lill-Kummissjoni biex timmonitorja regolarment l-iżvilupp tas-suq ferrovjarju Ewropew, sabiex tevalwa l-influwenza tal-azzjonijiet tal-politika Komunitarja fis-suq tal-linji ferrovjarji u tiffaċilita d-definizzjoni tal-miżuri li jeħtieġ jiġu adottati u implimentati fil-ġejjieni fil-qasam tal-linji ferrovjarji.

5. Għalhekk, dan ir-rapport iwieġeb għall-obbligu li jipproċedi għall-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju Ewropew mitlub mid-Direttiva 2001/12/KE[3].

6. Dan ġie pprovdut fl-ewwel dokument imsejjaħ Komunikazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju, adottat fit-18 ta’ Ottubru 2007[4]. Dan ir-rapport jirrappreżenta mhux biss aġġornament tal-ewwel dokument iżda wkoll għadd ta' elementi ġodda fuq suġġetti li mhumiex koperti minn dak ta' qabel.

II. Sistema ta’ monitoraġġ tas-suq ferrovjarju

7. Il-Kummissjoni stabbiliet sistema ta’ monitoraġġ tas-suq ferrovjarju (Rail Market Monitoring Scheme-RMMS) sabiex tissodisfa l-eżiġenzi fir-rigward tal-osservazzjonijiet tas-suq.

8. Fil-kompiti ta’ monitoraġġ tagħha, il-Kummissjoni hija megħjuna minn grupp ta’ ħidma magħmul minn esperti tal-ministeri nazzjonali u tal-industrija ferrovjarja kif ukoll l-imsieħba soċjali. Bejn l-2001 u nofs is-sena 2009 saru tlieta u għoxrin laqgħa tal-grupp ta’ ħidma tal-RMMS. Erbgħa minnhom saru wara l-addozzjoni tar-rapport ta’ qabel.

9. L-effikaċja ta’ dawn ix-xogħlijiet tjiebet permezz tat-tħejjija ta’ kwestjonarju standard li jinkludi serje ta’ indikaturi li jirrigwardaw aspetti differenti tas-suq ferrovjarju (ara l-Anness 26). Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li għadd ta’ Stati Membri ma weġbux għall-kwestjonarju jew wieġbu biss biċċa minnu. Minħabba f’hekk, it-tagħrif f’ċerti annessi mhuwiex komplut. L-inklużjoni ta’ obbligu legali biex jiġi pprovdut ċertu tagħrif fil-qafas tat-tfassil mill-ġdid tal-ewwel pakkett ferrovjarju qed jiġi eżaminat bħalissa.

10. Din l-analiżi hija bbażata fuq il-ħidmiet tal-RMMS u b’mod partikulari fuq ir-riżultati tal-kwestjonarju, iżda wkoll fuq studji riċenti u fuq sorsi ta’ statistiċi disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikulari l-Eurostat. F’dak li jirrigwarda l-Eurostat, huwa ta’ dispjaċir li d-dejta annwali għat-trasport fl-2008 hija nieqsa minħabba problema ta’ kompjuter.

III. L-implimentazzjoni tal-qafas istituzzjonali u ġuridiku

11. L-Istat Membri kollha li għandhom netwerk ferrovjarju ttrasponew id-Direttivi tal-ewwel pakkett ferrovjarju. Madankollu, it-traspożizzjoni żbaljata fi gradi differenti u li kultant taffettwa aspetti differenti, wasslet lill-Kummissjoni biex tibgħat ittri ta’ avviżi ta’ tqegħid fil-mora lil erbgħa u għoxrin Stat Membru f’Ġunju 2008, imbagħad avviż motivat lil wieħed u għoxrin Stat Membru f’Ottubru 2009 (ara l-Anness 3).

12. B’mod partikulari mill-2008, il-Kummissjoni rċeviet bosta lmenti fuq il-funzjonament tas-suq, marbuta speċjalment mal-imġiba tal-atturi, bħal ngħidu aħna fir-rigward tal-ġestjoni tat-terminali u l-aċċess għas-servizzi. Huwa f’dan il-qafas li l-Kummissjoni tfittex li tiddetermina jew temenda ċerti dispożizzjonijiet tal-ewwel pakkett ferrovjarju permezz tat-tfassil mill-ġdid ta' dan tal-aħħar.

13. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-grupp ta’ korpi ta’ kontroll (ara l-Anness 4) stabbilit mill-Kummissjoni. Dan tal-aħħar jippermetti li jiġi stabbilit djalogu li jħalli r-riżultati u li jqabbel il-prassi nazzjonali differenti.

14. F’dak li għandu x’jaqsam mat-tieni pakkett ferrovjarju, l-istituzzjonijiet nazzjonali meħtieġa ġew stabbiliti (ara l-Annessi 4, 5 u 6). Is-servizzi tal-Kummissjoni qegħdin biex iniedu eżerċizzju ta’ kontroll tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, li jiffoka l-iktar fuq l-aspetti marbutin mas-sigurtà.

15. F’dak li jirrigwarda t-tielet pakkett ferrovjarju, id-data ta’ skadenza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2007/58/KE[5] dwar il-ftuħ tas-suq għas-servizzi ferrovjarji internazzjonali tat-trasport tal-passiġġieri fil-Komunità kienet l-4 ta' Ġunju 2009 (Anness 2). Id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji għandha tiġi trasposta qabel l-4 ta’ Diċembru ta’ din is-sena.

16. Fl-aħħar nett l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, stabbilita fl-2006, issa qed topera bis-sħiħ. Din l-Aġenzija tappoġġja l-implimentazzjoni ta' spazju ferrovjarju Ewropew integrat fuq il-pjan tekniku.

IV. Il-funzjonament tas-suq tat-trasport ferrovjarju fl-UE [6]

IV.1 IL-POżIZZJONI TAT-TRASPORT FERROVJARJU F’RELAZZJONI MA’ MODI OħRA

17. Għalkemm il-proporzjon tal-linji ferrovjarji fit-trasport tal-merkanzija kien qed jonqos kontinwament fl-għexieren ta’ snin qabel, is-sitwazzjoni ġiet stabilizzata fil-bidu tas-snin 2000. B'hekk il-proporzjon imkejjel f’tunnellati-kilometri fit-trasport tal-merkanzija fl-UE-27 inbidel minn 12.6 % fl-1995 għal 10.5 % fl-2002, sakemm laħaq l-10.7 % fl-2007.

Grafika 1: Il-proporzjon tal-linji ferrovjarji fit-trasport tal-merkanzija (UE-27, 1995-2007)

[pic]

Sors: Manwal statistiku “Iċ-ċifri tal-enerġija u tat-trasport fl-UE fl-2009” (Energy and Transport in Figures Statistical Pocketbook 2009).

18. Il-proporzjon tal-linji ferrovjarji fit-trasport tal-merkanzija tal-art ilu li ġie stabilizzat mill-2002 għal 17.1 %, filwaqt li laħaq l-20.2 % fl-1995.

19. Fil-każ tat-trasport tal-passiġġieri, it-tnaqqis li seħħ f’dawn l-aħħar tletin sena dan l-aħħar waqaf f’daqqa. Fl-UE-27, il-proporzjon tal-linji ferrovjarji fis-suq tat-trasport tal-passiġġieri għadda minn 6.6 % fl-1995 għal 5.9 % fl-2003, qabel ma reġa’ tela’ għal 6.1 % fl-2007 (ara l-Anness 7).

Grafika 2: Il-proporzjon tal-linji ferrovjarji fit-trasport tal-passiġġieri (UE-27, 1995-2007)

[pic]

Sors: Manwal statistiku “Iċ-ċifri tal-enerġija u tat-trasport fl-UE fl-2009” (Energy and Transport in Figures Statistical Pocketbook 2009).

20. Il-proporzjon tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fit-trasport tal-art kien ta’ 6.9 % fl-2007, imqabbel ma' 6.5 % fl-2003.

IV.2 Tendenzi tat-trasport ferrovjarju f’termini ta’ volumi u prestazzjonijiet[7]

a) It-trasport tal-merkanzija

21. Wara snin ta’ tnaqqis kontinwu u sostanzjali fl-Istati membri l-ġodda, it-trasport tal-merkanzija żdied b’mod sinifikanti bejn l-2000 u l-2007 (ara l-grafika 3); dan huwa partikularment il-każ f’ċerti Stati fejn kumpaniji ferrovjarji li mhumiex storiċi kisbu proporzjonijiet sinifikanti tas-suq.

Grafika 3: Il-progress tat-trasport tal-merkanzija ferrovjarja 2000-2007

[pic]

Sors: Manwal statistiku “Iċ-ċifri tal-enerġija u tat-trasport fl-UE fl-2009” (EU Energy and Transport in Figures Statistical Pocketbook 2009), tabella 3.2.5.

22. Fl-2007, l-UE-27 rat żieda ta’ 2.8 % fit-trasport tal-merkanzija ferrovjarja, imqabbel ma' 1.1 % fl-UE-12 u 3.7 % fl-UE-15 (ara l-Anness 8 u dawk sussegwenti).

23. Fl-2008, il-progress tat-trasport tal-merkanzija ferrovjarja fl-UE-27 espressa f’tunnellati-kilometri kien varjat ħafna; waqa’ b’29.2 % fl-Estonja u b’21.5 % fl-Irlanda, filwaqt li żdied b’9.7 % fid-Danimarka u b’6.9 % fil-Latvja (ara l-grafika 4).

Grafika 4: Il-progress tat-trasport tal-merkanzija ferrovjarja 2007-2008

[pic]

Sors: kwestjonarji tal-RMMS mimlija mill-Istati Membri f’Mejju-Ġunju 2009

24. Min-nofs is-sena 2008, it-trasport ferrovjarju tal-merkanzija ġie affettwat b’mod sinifikanti minħabba l-kriżi ekonomika; fil-fatt, din laqtet, fost l-oħrajn, setturi li bi tradizzjoni jużaw is-servizzi tal-merkanzija ferrovjarja, bħalma huma l-industriji tal-azzar, tal-kimika u tal-vetturi. Skont id-dejta proviżorja tal-Komunità Ewropea tal-Ferroviji (CER), dan it-tnaqqis għandu jkun ta’ madwar 28 % fl-UE kollha bejn it-tieni trimestru tal-2008 u t-tieni trimestru tal-2009.

b) It-trasport tal-passiġġieri

25. Bejn l-2000 u l-2007, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, b’mod partikulari kważi l-pajjiżi tal-UE-15 kollha, raw żieda fit-trasport ferrovjarju li jużaw il-passiġġieri. Din iż-żieda laħqet 44.6 % fl-Irlanda, 36.1 % fil-Latvja u 30.5 % fir-Renju Unit. Kien hemm tnaqqis sinifikanti f’diversi Stati tal-UE-12, b’mod partikolari fir-Rumanija (-35.7 %), fil-Litwanja (-32.3 %) u fil-Bulgarija b’-30.8 % (ara l-grafika 5).

Grafika 5: Il-progress tat-trasport ferrovjarjru li jużaw il-passiġġieri fil-perjodu 2000-2007 [pic] Sors : Manwal statistiku “Iċ-ċifri tal-enerġija u tat-trasport fl-UE fl-2009” (EU Energy and Transport in Figures Statistical Pocketbook 2009), tabella 3.3.7.

26. Iż-żieda fit-trasport kien sinifikanti b’mod partikulari fil-qasam tal-veloċità għolja. L-għadd ta’ passiġġieri-kilometri f’miljuni ta’ persuni għadda minn 59 fis-sena 2000 għal 92 fl-2007, li minnhom 48 fi Franza, 22 fil-Ġermanja u 8 fl-Italja. Il-proporzjon tal-veloċità għolja fit-trasport kollu tal-passiġġieri laħaq it-23 % għall-UE-27 fl-2007; din iċ-ċifra hija qrib is-60 % fi Franza.

27. Fl-2008, it-trasport tal-passiġġieri kompla jiżdied, b’mod partikulari fi Spanja (+16.7 %), fl-Awstrija (+13.8 %) u fil-Lussemburgu (+8.8 %). L-ikbar tnaqqis fit-trasport kien fir-Rumanija (-7.3 %), fl-Ungerija (-5.2 %) u fil-Latvja (-4.2 %), kif jidher fil-grafika 6.

Grafika 6: Il-progress tat-trasport ferrovjarju li jużaw il-passiġġieri fl-2007/2008

[pic]

Sors: kwestjonarji tal-RMMS mimlija mill-Istati Membri f’Mejju-Ġunju 2009

28. Bejn it-tieni trimestru 2008 u t-tieni trimestru 2009, skont id-dejta proviżorja tas-CER, it-trasport tal-passiġġieri naqas b’bejn wieħed u ieħor 5 % fl-UE-15, u b’0.7 % fl-UE-12. Jidher li din il-waqgħa kienet iktar ċara fir-rigward tal-ivvjaġġar tan-negozjanti fejn tista’ tilħaq iktar minn 10 %; il-bejgħ tal-biljetti tat-tieni klassi jibqa’ relattivament stabbli kemm minħabba l-fatt li xi passiġġieri li kienu jivvjaġġaw b'biljett tal-ewwel klassi qalbu għal tat-tieni, u kemm minħabba politika tariffarja vantaġġjuża min-naħa tal-kumpaniji ferrovjarji.

V. Il-ftuħ tas-suq ferrovjarju

29. Fis-settur tal-merkanzija hemm iktar minn 600 liċenzja ta’ operazzjoni ferrovjarja, li minnhom 315 fil-Ġermanja u 67 fil-Polonja. In-numru ta’ liċenzji fis-settur tal-passiġġieri issa qabeż l-450, li minnhom 302 fil-Ġermanja u 45 fir-Renju Unit.

30. Il-grafika 7 turi l-proporzjonijiet tas-suq tal-kumpaniji ferrovjarji li mhumiex storiċi li joffru servizzi ta’ merkanzija. F’termini ta’ tunnellati-kilometri, il-kumpaniji li mhumiex storiċi għandhom l-ikbar proporzjon tas-suq fl-Estonja (49 %), fir-Renju Unit (44 %), fir-Rumanija (41 %), fl-Olanda (25 %) u fil-Polonja (24 %). Fil-każ tat-trasport tal-passiġġieri, il-kumpaniji li mhumiex storiċi għandhom proporzjon tas-suq partikularment kbir fl-Estonja (58 %), fl-Iżvezja, kif ukoll fir-Renju Unit, fejn diversi kumpaniji li ġejjin minn monopolju preċedenti huma integrati f'kumpaniji differenti. L-Anness 12 juri d-distribuzzjoni tal-proporzjon tas-suq fost il-kumpaniji differenti fl-UE-27.

Grafika 7: It-total tal-proporzjon tas-suq (f’persentaġġ) għall-kumpaniji li mhumiex storiċi ta’ servizzi għall-merkanzija ferrovjarja fi tmiem l-2008

[pic]

Sors: kwestjonarju tal-RMMS mimli mill-Istati Membri f’Mejju-Ġunju 2009.

31. Fir-rigward tal-merkanzija, is-swieq l-iktar miftuħa huma l-Estonja, ir-Renju Unit u r-Rumanija (ara l-Anness 13). Il-monopolju de facto għadu jeżisti f’diversi Stati Membri. Għat-trasport tal-passiġġieri, il-monopolji lokali ta’ spiss ikunu maġenb xulxin mingħajr ebda kompetizzjoni bejn il-kumpaniji ferrovjarji differenti.

VI. Prestazzjonijiet tal-kumpaniji ferrovjarji

a) Impjieg

32. L-għadd ta' impjegati fi tmiem l-2008 f'kumpaniji li jieħdu ħsieb l-operazzjoni kummerċjali tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tela' għal 118 000 fil-Polonja, 112 000 fi Franza u 86 000 fil-Ġermanja (ara l-Anness 14). Madankollu, il-kompetenzi rispettivi tal-ġestjonarji tal-infrastrutturi u tal-kumpaniji ferrovjarji jvarjaw minn Stat għall-ieħor u b’hekk it-tqabbil ikun diffiċli.

b) Saħħa finanzjarja

33. Hemm ukoll diskrepanza kbira bejn il-prestazzjonijiet tal-kumpaniji ferrovjarji tal-UE-15 u dawk tal-UE-12 (ara l-Anness 15). Is-saħħa finanzjarja dgħajfa tal-kumpaniji ferrovjarji fl-UE-12 tidher l-iktar fl-insuffiċjenza fil-ħlas tal-prestazzjoni tas-servizzi pubbliċi, id-djun persistenti li l-kumpaniji għandhom mal-Istat, u l-investimenti li mhumiex ekonomikament vijabbli li wettqu ċerti operaturi matul dawn l-aħħar snin. Il-kriżi li għaddejja bħalissa għandha impatt fuq l-UE-27 kollha, u dan ikompli jdgħajjef is-saħħa tal-kumpaniji.

c) Il-vetturi ferrovjarji

34. Ir-rata ta' tkabbir annwali tas-suq għall-perjodu 2007-2013 ġie kkalkulat mill-UNIFE (Unjoni tal-Industriji Ferrovjarji Ewropej) fl-2008 għal 2.2 % fuq livell dinji[8]. Madankollu, huwa probabbli li r-realtà tkun inferjuri għal dawn il-previżjonijiet minħabba l-kriżi li fost l-oħrajn taffettwa b’mod qawwi x-xiri tal-vetturi ferrovjarji maħsuba għat-trasport tal-merkanzija.

35. Sal-2013, is-settur tal-ferroviji b’veloċità kbira għandu jkun iktar dinamiku fl-Ewropa tal-Punent, filwaqt illi s-settur tal-ferroviji konvenzjonali tal-passiġġieri u tal-merkanzija jibqa' dominanti fl-Ewropa tal-Lvant.

d) Kwalità ta’ servizz u elementi ta’ tqabbil rigward il-prezzijiet tal-biljetti

36. Il-qies tal-kwalità tas-servizzi ferrovjarji tal-merkanzija fl-Unjoni Ewropea, li kienet is-suġġett ta’ komunikazzjoni fl-2008[9], jibqa’ diffiċli minħabba n-nuqqas ġenerali tal-indikaturi ta’ kwalità. Fejn jeżistu tabilħaqq, bħal fil-każ tat-trasport intermodali (ara l-Anness 16), jidher li l-kwalità tas-servizzi għadha insuffiċjenti.

37. Fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri, il-konsumaturi għadhom mhumiex sodisfatti bis-servizzi tat-trasport extra-urban: skont studju li sar għall-Kummissjoni, inqas minn passiġġier minn tnejn jistqarr li huwa sodisfatt (ara l-Anness 23)[10]

38. Barra minn hekk, studju ieħor[11] jenfasizza li l-prezzijiet tal-biljetti tal-ferrovija jvarjaw b’mod konsiderevoli skont l-Istati Membru; biljett tat-tieni klassi ta' 200 kilometru huwa ekwivalenti għal EUR 60 fir-Renju Unit, EUR 48 fil-Ġermanja iżda mhux iktar minn EUR 5.50 fil-Bulgarija u EUR 6 fil-Latvja. Fl-UE-15 il-biljetti jiswew l-inqas fil-Greċja (EUR 8), fil-Portugall (EUR 14) u fil-Belġju (EUR 17).

e) Sigurtà

39. Skont ir-rapport tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, fl-2007 kien hemm total ta’ 1 517 vittma ta’ inċidenti marbutin mat-trasport ferrovjarju filwaqt li fis-sena ta’ qabel kien hemm 1 319. Din id-differenza hija dovuta għal żieda sinifikanti fl-għadd ta’ vittmi fuq il-passaġġi invell. Fir-rigward tal-passiġġieri tal-ferrovija biss, fl-UE mietu 70 persuna fl-2007 filwaqt li kważi 40 000 persuna mietu f’inċidenti tat-traffiku; barra minn hekk, l-għadd ta’ passiġġieri vittmi ta’ inċidenti fuq il-linji ferrovjarji naqas b’minn 400 fl-1970 għal 77 biss fl-2006 (ara l-Anness 24).

VII. Infrastruttura tat-trasport ferrovjarju

a) Tul tan-netwerks

40. It-tul totali tal-linji tal-ferrovija tal-UE huwa ta’ madwar 212 000 km. L-Istati Membri li għandhom l-itwal netwerks huma l-Ġermanja (33 890 km), Franza (29 918 km) u l-Polonja (19 419 km) (ara l-Anness 17). Malta u Ċipru ma għandhomx netwerk ferrovjarju. Ir-Repubblika Ċeka, il-Belġju u l-Lussemburgu għandhom l-ogħla densità ta’ linji ferrovjarji (122, 111 u 106 km/1000 km², rispettivament).

41. Fl-2008, in-netwerk ferrovjarju Ewropew kien jinkludi 5764 km ta’ linji ferrovjarji b’veloċità għolja, li jinsabu Franza, Spanja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju u r-Renju Unit. In-netwerk b’veloċità għolja qed jiġi estiż ħafna, partikularment fi Spanja fejn bħalissa qed jinbnew iktar minn 1600 km ta’ linji ferrovjarji (ara l-Anness 18).

b) Progress tal-investimenti fl-infrastruttura

42. Il-pajjiżi tal-UE-12 jiddistingwu ruħhom bid-dgħjufija tal-investiment iddedikat lit-trasport ferrovjarju; skont iċ-ċifri tal-2006 pprovduti mis-CER, l-investiment medju għal kull kilometru fil-manutenzjoni tal-linji ferrovjarji kien ħames darbiet iktar fl-UE-15 milli fl-UE-12 (ara l-Anness 20).

43. Barra minn hekk, wieħed jinnota l-istaġnar tal-investimenti ferrovjarji kofinanzjati skont il-politika tal-koeżjoni meta mqabbla maċ-ċifri għall-perjodu 2000-2006. Din id-dikjarazzjoni għandha ċertu piż minkejja sitwazzjoni favorevoli ħafna minħabba żieda ta’ 69 % tal-baġit allokat għat-trasport mill-politika reġjonali. Fi ħdan l-UE-12, il-proporzjon tal-linji ferrovjarji fit-total tal-investimenti nazzjonali fis-settur tat-trasport huwa l-iktar għoli fis-Slovenja (45.6 %), fil-Litwanja (36.5 %), fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovakkja (34 %), filwaqt illi huwa l-iktar dgħajjef fil-Polonja (20.8 %). Għaldaqstant l-investimenti fl-infrastrutturi tat-toroq jibqgħu superjuri bil-kbir ħdejn l-investimenti fil-linji ferrovjarji, fl-Ewropa tal-Punent u b’mod speċjali fl-UE-12 kif jenfasizza studju tal-International Transport Forum (ITF)[12] (ara l-Anness 19).

c) Ħlas u kuntratti multi-annwali

44. Dejjem skont l-ITF, il-ħlasijiet ta’ aċċess għan-netwerk ivarjaw b’mod sinifikanti ħafna minn ġestjonarju tal-infrastruttura għall-ieħor (ara l-Anness 21). B’mod ġenerali, il-ħlasijiet huma għolja ħafna għat-trasport tal-merkanzija fl-Istati Membri l-ġodda, speċjalment fis-Slovakkja u fil-pajjiżi Baltiċi; min-naħa l-oħra, huma iktar baxxi fid-Danimarka, fi Spanja u fl-Iżvezja. Il-ħlasijiet ta’ aċċess għall-ferroviji tal-passiġġieri Intercity huma l-ogħla fil-Belġju, fil-Litwanja u fil-Ġermanja, filwaqt li huma iktar baxxi fil-pajjiżi tat-Tramuntana.

45. Madankollu, skont l-Unjoni Internazzjonali tat-Trasport Ikkombinat Ferrovija-Triq, wieħed jinnota li t-tnaqqis fit-traffiku kkawżat mill-kriżi wassal lil ċerti ġestjonarji tal-infrastruttura biex inaqqsu l-ħlasijiet tal-aċċess għall-ferroviji tal-merkanzija, b'mod partikulari fil-Polonja u fis-Slovakkja.

46. F’dak li jirrigwarda l-kuntratti multi-annwali, il-Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew[13] tirrikkmanda ċertu għadd ta’ miżuri lill-Istati Membri u lill-ġestjonarji tal-infrastruttura biex jiżguraw livell tajjeb ta' servizzi kif ukoll l-ekwilibriju finanzjarju meħtieġ. Kuntratti multi-annwali ġew iffirmati bejn il-ġestjonarji tal-infrastruttura u l-kumpaniji ferrovjarji f’nofs tużżana Stati Membri (ara l-Anness 22).

d) It-tħaddim tal-ERTMS

47. L-introduzzjoni tas-sistema ERTMS (European Railway Traffic Management System) hija pass importanti ’l quddiem lejn l-iżgurar ta’ interoperabbiltà ikbar. Fi tmiem l-2009, bejn wieħed u ieħor 3 000 kilometru ta’ linji fis-servizz fl-UE ġew mgħammra bl-ERTMS. Il-pjanijiet nazzjonali tat-tħaddim juru li n-netwerk mgħammar bl-ERTMS għandu jikseb 20 000 kilometru fi tmiem l-2012 u 30 000 kilometru fi tmiem l-2020.

48. Pjan Ewropew ta’ tħaddim ġie adottat fit-22 ta’ Lulju 2009. Dan il-pjan Ewropew huwa bbażat fuq il-pjani nazzjonali iżda jiffoka fuq il-linji ferrovjarji l-iktar importanti fil-livell Ewropew. Għaldaqstant ma jiġborx l-integralità tal-pjanijiet nazzjonali, iżda jagħmel obbligatorju t-tagħmir tal-assi ewlenin sad-dati ta’ skadenza preċiżi. Għalhekk, lejn l-2020, il- hubs ewlenin tal-merkanzija Ewropej se jkunu marbuta ma’ linji ferrovjarji mgħammra bl-ERTMS, u b’hekk tinfetaħ it-triq għal opportunitajiet ġodda għall-operaturi tal-merkanzija ferrovjarja.

VIII. Konklużjonijiet

49. Dan ir-rapport jippreżenta t-tendenzi prinċipali osservati matul l-aħħar snin tas-suq ferrovjarju tal-UE b'mod partikulari fl-2008. Madankollu, barra mill-effetti li qed tħalli l-kriżi ekonomija bħalissa, li għadhom inċerti, ma hemmx dubju li l-iżvilupp ta’ spazju ferrovjarju Ewropew u l-ftuħ progressiv tas-suq għall-kompetizzjoni taw lok għall-istabilizzar tal-proporzjon tal-linji ferrovjarji fis-settur tat-trasport.

50. Barra minn hekk, dan id-dokument jipprovdi wkoll ħarsa fil-qosor fuq l-ewwel effetti tanġibbli tal-kriżi li sa minn nofs l-2008 affettwa dan is-settur. L-effetti huma iktar evidenti fil-qasam tal-merkanzija ferrovjarja milli fis-settur tat-trasport tal-passiġġieri. Barra minn hekk, il-kriżi taffettwa iktar is-settur tal-vetturi ferrovjarji milli l-infrastruttura, li għandha tibbenefika iktar mill-miżuri ta’ rkupru ekonomiku previsti mill-Istati Membri.

51. Il-pjanijiet ta’ rkupru mħabbra għandhom ikunu ta’ benefiċċju għan-netwerk ferrovjarju b’EUR 20 biljun, iffukati l-iktar fl-Istati tal-UE-15. Madankollu, tqajmu xi dubji dwar il-kapaċità finanzjarja tal-Istati sabiex iwettqu l-investimenti previsti kollha minkejja d-diffikultajiet baġitarji u ż-żieda tad-dejn mistennija. Min-naħa tagħha, l-Unjoni mmobilizzat il-fondi disponibbli sabiex tieħu sehem f’dan l-isforz ta’ rkupru u biex taċċelera l-iżvilupp tan-netwerks trans-Ewropej billi tantiċipa b’mod partikulari l-allokazzjoni ta’ EUR 500 miljun fil-qafas tal-baġit TEN-T.

52. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-kriżi li għaddejja bħalissa, wieħed jinnota żieda tal-konsolidazzjoni tas-settur tal-merkanzija ferrovjarja mmarkata bl-espansjoni għal pajjiżi oħra ta' ċerti gruppi bħal DB Schenker, kif jidher fil-grafika 8.

Grafika 8: Fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet fil-qasam ferrovjarju sa mill-2005

Sena | Kumpanija | Kontroll ta’ | Kumpaniji |

2005 | DB Schenker (DE) | 98% | RBH (DE) |

2005 | Trenitalia (IT) | 51% | TX Logistik (DE) |

2006 | Babcock & Brown (AU) | 100% | Crossrail (CH) |

2007 | DB Schenker (DE) | 100% | WS (UK) |

2007 | DB Schenker (DE) | 55.1% | Tansfesa (ES) |

2008 | DB Schenker (DE) | 49% | Nord Cargo (FR) |

2008 | SNCF (FR) | 75% | ITL (DE) |

2008 | OKD Doprava (CZ) | 100% | Viamont Cargo (CZ) |

2008 | Rail Cargo Austria (AT) | 55% | Linea (FR) |

2008 | Veolia (IT) | 100% | Rail4Chem (DE) |

2009 | DB Schenker (DE) | 100% | PCC (PL) |

2009 | Europorte 2 (FR) | 100% | Veolia Cargo (FR) |

2009 | SNCF (FR) | 100% | Veolia Cargo (DE) |

2009 | Veolia Transport (IT) | 50% | Transdev (FR) |

2009 | DB Schenker (DE) | 95% | PTK Holding (PL) |

Sors: Mofair ("Wettbewerber-Report Eisenbahn 2008-2009"); Il-Kummissjoni Ewropea

53. Hemm ukoll diskrepanza kontinwa bejn l-Istati tal-UE-15 u l-UE-12, fejn is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji tat-trasport ferrovjarju għadha batuta. Ċerti operaturi kellhom jirrisolvu din il-kwistjoni billi jew jirrikorru bil-kbir għal persunal li jaħdem b'ħin parzjali (bħal ngħidu aħna s-Slovakkja) jew billi jnaqqsu l-persunal, b’mod partikulari fil-Bulgarija.

54. L-irkupru tas-settur tal-merkanzija se jiddependi mill-ħolqien mistenni ta’ kurituri għall-merkanzija[14], iżda wkoll mill-iżvilupp tat-trasport flimkien mal-pajjiżi terzi li jinsabu fil-fruntiera mal-UE. In-negozjati li għaddejjin bħalissa tat-trattat mal-pajjiżi Balkani, l-applikazzjoni tal-Komunità għas-sħubija mal-OTIF kif ukoll il-kollaborazzjoni teknika mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni tal-Linji Ferrovjarji (OSJD) jagħmlu parti minn dan l-irkupru.

55. Il-proċess ta’ monitoraġġ tas-suq ferrovjarju se jissaħħaħ fi żmien qasir bil-pubblikazzjoni ta’ żewġ studji li qed jiġu mwettqa mill-Kummissjoni. Dawn jissejħu rispettivament "Is-sitwazzjoni u l-perspettivi tat-traffiku internazzjonali" u "Studju dwar l-alternattivi regolamentari għat-tkomplija tal-ftuħ tas-suq tat-trasport ferrovjarju”.

[1] Dan ir-rapport dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni li jinkludi 26 Anness.

[2] Id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (ĠU L 191 tat-18 ta’ Lulju 2008) u d-Direttiva 2008/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU L 345 tat-23 ta’ Diċembru 2008) li temenda d-Direttiva 2004/49/KE dwar is-sigurtà tal-linji ferrovjarji tal-Komunità.

[3] Taqsima Va tad-Direttiva 2001/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 (ĠU L 075 tal-15 ta’ Marzu 2001) li temenda d-Direttiva 91/440/KEE tal-Kunsill dwar l-iżvilupp tal-linji ferrovjarji tal-Komunità.

[4] Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju tat-18 ta’ Ottubru 2007 (COM(2007) 609).

[5] Id-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 (ĠU L 315 tat-3/12/2007, paġna 44) li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/440/KEE dwar l-iżvilupp tal-linji ferrovjarji tal-Komunità u d-Direttiva 2001/14/KE dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji.

[6] Billi Ċipru u Malta ma għandhomx netwerks ferrovjarji, ir-referenzi kollha għall-UE-12 u għall-UE-27 għandhom jinftiehmu mingħajr dawn iż-żewġ pajjiżi.

[7] Bi “prestazzjonijiet tat-trasport ferrovjarju” nifhmu t-trasport bil-linji ferrovjarji f’tunnellati-kilometri jew f’passiġġieri-kilometri.

[8] L-Istudju “UNIFE Worldwide Rail Market Study – status quo and outlook 2016”, 2008.

[9] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Settembru 2008 “Il-kwalità tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija” [COM(2008) 536 finali – Mhux ippubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali ].

[10] Sors: sondaġġi tal-IPSOS tal-2006 u l-2008 dwar is-sodisfazzjon tal-konsumaturi.

[11] Sors: l-istudju tal-UBS “Prezzijiet u salarji 2009”.

[12] Studju bl-isem “Charges for the Use of Rail Infrastructure 2008".

[13] Komunikazzjoni bl-isem “Kuntratti multi-annwali għall-kwalità tal-infrastruttura ferrovjarja", COM(2008) 54 tas-6 ta’ Frar 2008.

[14] Proposta għal Regolament dwar in-netwerk ferrovjarju għalll-merkanzija kompetittiva, 11 ta’ Diċembru 2008.