52009DC0589

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES): L-Isfidi u l-Passi li Jmiss għall-Komponent Spazjali {SEG(2009) 1439} {SEG(2009) 1440} {SEG(2009) 1441} /* KUMM/2009/0589 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.10.2009

KUMM(2009)589 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES):L-Isfidi u l-Passi li Jmiss għall-Komponent Spazjali

{SEG(2009) 1439}{SEG(2009) 1440}{SEG(2009) 1441}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES):L-Isfidi u l-Passi li Jmiss għall-Komponent Spazjali

INTRODUZZJONI

Fl-2005, l-UE għamlet l-għażla strateġika[1] li tiżviluppa kapaċità Ewropea indipendenti għall-osservazzjoni tad-Dinja biex twassal servizzi fl-oqsma tal-ambjent u s-sigurtà, imsejħa Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà. Il-GEMS għandu għeruq sodi fil-kapaċitajiet eżistenti u huwa kkumplimentat minn komponenti addizzjonali tal-UE. Din hija differenza importanti mill-approċċ magħżul għal Galileo.

Għall-komponent spazjali, il-GMES jibni fuq għadd ta’ missjonijiet xjentifiċi li huma implimentati permezz tal-programmi tal-ESA[2] u tal-aġenziji spazjali nazzjonali[3]. Xi Stati Membri tal-UE stabbilixxew kapaċitajiet operattivi, xi wħud minnhom biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom ta' sigurtà u difiża[4]. Barra minn hekk, jinsab fis-seħħ proċess intergovernattiv permezz ta’ EUTMETSAT fil-qasam tal-meteoroloġija operattiva. L-UE, bis-saħħa tal-GMES, tnaqqas id-distakk bejn dawn iż-żewġ linji operattivi biex b’hekk il-kapaċitajiet Ewropej għall-osservazzjoni jkunu kompluti permezz tal-missjonijiet spazjali Sentinel[5]. Fil-ġejjieni prevedibbli mhuwiex previst li l-GMES jingħata dimensjoni ta’ difiża.

Sal-lum, ġew allokati riżorsi sinifikanti għall-iżvilupp tal-GMES: permezz tal-ESA u fi ħdan il-baġit tal-UE permezz tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (2007-2013). Dan l-investiment jiżgura l-iżvilupp tal-kostellazzjoni spazjali Sentinel u l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ aċċess tad-dejta għall-missjonijiet EUMETSAT, ESA u nazzjonali rilevanti. Il-fondazzjonijiet huma għalhekk stabbiliti għall-kontinwità tal-osservazzjoni Ewropea tad-Dinja lil hinn mill-2013, u dan hu prerekwiżit għall-iżvilupp gradwali tas-servizzi GMES, li għalihom il-Kummissjoni tiżgura ċ-ċentralizzazzjoni tal-ħtiġijiet tal-utenti.

Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-GMES tal-2008[6], il-GMES jikkonsisti f'komponent spazjali, in situ u tas-servizz. Din il-Komunikazzjoni tittratta l-komponent spazjali tal-GMES. Il-komponent spazjali huwa l-fattur determinanti ewlieni tal-kapaċità tal-UE li twettaq l-ambizzjonijiet tagħha għall-programm tal-UE għall-osservazzjoni tad-Dinja għaliex l-assi spazjali jiddeterminaw, b’mod ġenerali, l-firxa ta’ servizzi li jistgħu jingħataw, kif ukoll parti sinifikanti tal-ispiża globali tas-sistema.

DEċIżJONIJIET U KISBIET IMWETTQA SAL-LUM

B’mod ġenerali, il-fażi ta' żvilupp tal-Komponent Spazjali tal-GMES miexja ġmielha u t-tnedija tal-ewwel missjonijiet Sentinel hi ppjanata li tibda fl-2012. Barra minn hekk, sa mill-2008, tnedew erba’ servizzi GMES preoperattivi, li jinkludu:

- Servizz ta' monitoraġġ tal-art;

- Servizz marittimu;

- Servizz ta’ monitoraġġ tal-kompożizzjoni atmosferika;

- Servizz ta’ rispons ta’ emerġenza.

Il-kontribuzzjoni tal-GMES fil-qasam tat-tibdil fil-klima u s-servizzi ta’ sigurtà għadha trid tiġi definita aktar.

Is-servizzi tal-GMES bħalissa jużaw il-missjonijiet xjentifiċi Ewropej, is-satelliti meteoroloġiċi operattivi u l-missjonijiet ta' pajjiżi terzi. Is-servizzi tal-GMES diġà wrew li huma ta’ għajnuna għall-UE u l-Komunità internazzjonali, b’mod partikolari biex jirreaġixxu, b'mod effiċjenti u f'waqtu, għal diżastri bħall-għargħar u t-terremoti fix-Xlokk tal-Asja u n-nirien fil-foresti fl-Ewropa.

Is-servizzi tal-GMES ġew imfassla u mħejjija biex jużaw id-dejta mill-missjonijiet Sentinel.

Mil-lat istituzzjonali, il-Kummissjoni stabbiliet il-qafas għall-arkitettura, it-tmexxija u l-aspetti finanzjarji tal-GMES inkluż il-Komponent Spazjali fl-2008[7]. Bi tweġiba, il-Kunsill tal-Kompetittività tal-UE stieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta, fl-2009, dwar il-progress imwettaq fit-tħejjija tal-bidla lejn l-istadju operattiv sħiħ tal-GMES inkluż l-iffinanzjar permezz tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali u Ewropej imsejsa fuq approċċ ta’ tmexxija komuni[8]. Il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-GMES[9] u s-sitt Kunsill Spazjali[10] afferma mill-ġdid il-ħtieġa għall-UE li tistabbilixxi strateġija baġitarja fi ħdan il-qafas tad-definizzjoni tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE li jmiss.

TħEJJIJA GħALL-PASSI LI JMISS

Wara l-iżvilupp tal-GMES fi stadju preoperattiv fuq il-bażi tal-investimenti konġunti tal-UE u l-ESA, jeħtieġ li jittieħdu aktar passi biex jiġi żgurat li l-investiment li sar sa issa jagħti l-frott u li l-GMES isir operattiv b’mod sħiħ bl-aktar mod konxju tal-ispejjeż.

Fuq medda qasira ta’ żmien, hu importanti li jiġi żgurat il-finanzjament għall-operazzjonijiet tal-missjonijiet Sentinel 1, 2 u 3 A, li se jitniedu fil-bidu nett. Il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-programm GMES tipprevedi kontribuzzjoni finanzjarja. Huwa daqstant importanti li jitlesta l-finanzjament tal-fażi ta’ żvilupp (l-iżvilupp u t-tnedija) tal-missjonijiet Sentinel 1, 2, 3 B.

Għandu jiġi garantit fluss kontinwu ta' dejta Sentinel lill-utenti permezz tal-approċċ l-aktar effettiv f’termini ta’ nfiq li jiżgura l-aħjar valur għall-flus. Għaldaqstant, se jkun hemm bżonn li jiġu żgurati l-operazzjonijiet u s-sostituzzjoni suċċessiva mill-unitajiet rikorrenti tat-12-il missjoni Sentinel kollha tal-GMES. Filwaqt li wieħed jixtieq jiżgura li l-Ewropa tkun fuq quddiem nett fid-disinn tas-satelliti, fil-kuntest ta' programm operattiv għandhom jiġu evitati aġġornamenti teknoloġiċi frekwenti (li dejjem ifissru ġenerazzjoni ġdida ta’ satelliti). Id-deċiżjonijiet kollha għandhom jittieħdu sal-2011.

Sabiex il-GMES jinżamm operattiv bis-sħiħ matul l-għaxar snin li ġejjin, se jkunu meħtieġa sforz kontinwu fil-qasam tar-riċerka kif ukoll aċċess garantit għad-dejta minn missjonijiet oħra. Tabilħaqq, il-GMES se jserraħ fuq madwar 40 missjoni li jappartjenu lill-ESA, l-EUMETSAT u lil xi Stati Membri tal-UE. Qed jitħejjew skemi ta’ aċċess għad-dejta għal operaturi privati u permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali. Għalkemm it-tul ta’ ħajja tas-satelliti jvarja, ġeneralment, il-perjodu previst għal dawn il-missjonijiet jestendi, bejn wieħed u ieħor, sal-2020. Hemm ukoll kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri humiex beħsiebhom ikomplu dawn il-missjonijiet. Għal raġunijiet ta’ kontinwità u effiċjenza f’termini ta’ spejjeż tal-GMES, jinħtieġ ċarezza min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-ippjanar għall-kontinwità ta’ dawn il-missjonijiet[11].

Skont l-analiżi ppreżentata fix-Xenarju fuq Medda Twila ta’ Żmien tal-ESA[12], l-isforz finanzjarju jkun jirrappreżenta b’kollox madwar EUR 4 biljun għall-perjodu 2014-2020. Dan l-investiment jinkludi stima tal-ispejjeż annwali ta’ EUR 430 miljun għall-attivitajiet operattivi u EUR 170 miljun għar-riċerka u l-iżvilupp. Fl-aħħar nett, jeħtieġ li titkompla d-diskussjoni dwar jekk l-ambitu previst tal-GMES għandux jiġi estiż jew le, lil hinn mill-2020. Dan l-eżami se jkollu jseħħ skont ir-rekwiżiti ta’ osservazzjoni u informazzjoni, kif identifikati mill-UE u fl-isfond ta’ frekwenza akbar ta’ osservazzjonijiet spazjali madwar id-dinja.

Is-sitt Kunsill Spazjali stieden lill-ESA biex tikkonsolida l-analiżi ppreżentata fix-Xenarju fuq Medda Twila ta’ Żmien permezz ta’ konsultazzjoni ulterjuri mal-EUMETSAT u l-Istati Membri proprjetarji tal-infrastruttura spazjali, sa tmiem l-2009. Il-kontribuzzjoni potenzjali tal-UE għall-GMES lil hinn mill-2013 se tiġi identifikata f'dan il-kuntest ta' programmazzjoni u se tkun suġġetta għal valutazzjoni baġitarja ex-ante fi ħdan il-qafas tad-definizzjoni tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE li jmiss. Madankollu, hu importanti li wieħed jenfasizza li l-investimenti fil-GMES huma msejsa fuq impenji fuq medda twila ta’ żmien li huma marbuta man-nefqa finanzjarja fuq medda twila ta’ żmien.

PROPRJETÀ U POLITIKA DWAR ID-DEJTA

B’konformità mal-proposta tagħha għal Regolament dwar il-Programm tal-GMES maħsub biex jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ aċċess sħiħ u miftuħ għad-dejta, il-Kummissjoni beħsiebha, b’konsultazzjoni mal-ESA, tiżviluppa qafas legali u regolatorju għall-GMES.

F’dan il-kuntest, il-proprjetà tal-missjonijiet Sentinel għadha kwistjoni miftuħa li trid tiġi ċċarata. Il-Kunsill ta mandat lill-Kummissjoni biex tagħmel dan[13]. Skont il-Ftehim bejn il-KE u l-ESA dwar l-Implimentazzjoni tal-Komponent Spazjali tal-GMES, l-ESA bħalissa qed tieħu ħsieb u għandha l-kustodja tas-satelliti, is-sistemi spazjali u oġġetti oħra prodotti fil-qafas tal-programm tal-Komponent Spazjali tal-GMES, inklużi l-missjonijiet Sentinel, sakemm isiru arranġamenti ulterjuri.

Is-sjieda tikkonferixxi d-drittijiet esklużivi u l-kontroll tal-proprjetà, u dan jippermetti lill-proprjetarju jiddetermina kif għandha tintuża infrastruttura spazjali partikolari. Għaldaqstant, il-proprjetà hi marbuta ħaġa waħda mat-tmexxija. Il-proprjetarju tal-infrastruttura għandu jkun ukoll il-maniġer tal-programm biex ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet dwar in-natura tal-infrastruttura, il-kundizzjonijiet tal-użu tagħha u l-obbligi relatati bħall-manutenzjoni, ir-responsabbiltà u l-ġestjoni tal-assi.

Waħda mis-soluzzjonijiet possibbli hija li l-Kummissjoni ssir is-sid tal-infrastruttura Sentinel f’isem l-UE. Dan l-approċċ ikun koerenti ma’ dak li qed jiġi żviluppat għall-programmi ta’ applikazzjonijiet spazjali mmexxija mill-UE, partikolarment il-Programmi GNSS Ewropej (EGNOS u Galileo). Madankollu, tinħtieġ aktar diskussjoni mal-partijiet kollha interessati u deċiżjoni finali se tittieħed biss ladarba jiġu stabbiliti l-prijoritajiet u l-allokazzjonijiet tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali ġdid (lil hinn mill-2013).

Waħda mill-aktar azzjonijiet importanti marbuta mal-proprjetà hija l-implimentazzjoni ta’ politika dwar id-dejta li timmira għall-aktar aċċess wiesa’ u faċli possibbli għall-utenti.

Wara l-prinċipju ta' aċċess sħiħ u miftuħ fir-regolament propost tal-GMES, il-Kummissjoni se tissuġġerixxi l-prinċipji li ġejjin għall-Komponent Spazjali:

- Politika ta’ aċċess miftuħ u b’xejn tad-dejta għall-missjonijiet Sentinel permezz ta' skema bla ħlas ta' liċenzji u aċċess onlajn, suġġetta għal aspetti ta' sigurtà. Dan l-approċċ jimmira li jimmassimizza l-użu tajjeb tad-dejta Sentinel għall-aktar firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet u li jistimola l-użu ta’ informazzjoni msejsa fuq dejta ta’ osservazzjoni tad-Dinja għall-utenti aħħarija.

- Titjib tal-kundizzjonijiet ta' aċċess għad-dejta, innegozjati għal missjonijiet li mhumiex taħt il-kontroll tal-UE, permezz ta' kontribuzzjoni finanzjarja u b’kundizzjoni li dan ikun effiċjenti f’termini ta’ spejjeż. L-ambizzjoni għandha tkun il-kisba ta’ approċċ ta’ sħubija mal-Istati Membri u nazzjonijiet oħra li jwettqu missjonijiet ta' partijiet terzi.

TMEXXIJA

Il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi u ssostni kapaċità Ewropea operattiva għall-osservazzjoni tad-Dinja permezz ta’ programm immexxi mill-UE. L-ESA tikkontribwixxi, permezz tal-Programm tagħha tal-Komponent Spazjali tal-GMES, għall-fażi ta’ żvilupp tal-programm operattiv tal-UE.

Għaldaqstant, l-implimentazzjoni tal-Komponent Spazjali tal-GMES se tiddependi fuq il-kooperazzjoni b’suċċess tal-atturi ewlenin li ġejjin: il-Kummissjoni Ewropea megħjuna mill-Istati Membri, l-ESA bħala l-koordinatur tal-Komponent Spazjali tal-GMES, u l-EUMETSAT. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-assenjazzjoni li ġejja tal-ħidmiet tkun timmassimizza s-sinerġiji bejn l-imsieħba differenti.

Il-Kummissjoni Ewropea se tiżgura l-koordinazzjoni ġenerali tal-programm tal-UE għall-osservazzjoni tad-Dinja inkluża t-tmexxija tal-programm, iċ-ċentralizzazzjoni tal-ħtiġijiet tal-utenti, il-politika dwar id-dejta, l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u l-kooperazzjoni internazzjonali u l-appoġġ għall-iżvilupp tas-suq. Il-Kummissjoni se sserraħ, fejn ikun rilevanti, fuq l-għarfien espert xjentifiku u tekniku, inkluż it-telerilevament, taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tagħha.

Il-Kummissjoni se twaqqaf mekkaniżmu ta' koordinazzjoni mal-Bord tal-Imsieħba tal-GMES billi tiffoka d-diskussjonijiet u tiffaċilita d-deċiżjonijiet fil-bords rilevanti ta’ imsieħba oħra (l-ESA, l-EUMETSAT, l-Istati Membri).

L-ESA tinsab fl-aħjar pożizzjoni u għalhekk għandha tkompli taġixxi bħala l-aġent ta’ żvilupp u akkwist f’isem l-UE.

L-ESA se topera wkoll, ad interim , l-infrastruttura spazjali tal-monitoraġġ tal-art u r-rispons ta’ emerġenza, sakemm jiġi identifikat l-operatur aħħari. L-EUMETSAT se topera l-infrastruttura spazjali għall-oċeanografija u l-monitoraġġ tal-kompożizzjoni atmosferika.

L-ESA u l-EUMETSAT se jkollhom jistabbilixxu l-istrutturi biex imexxu b’mod xieraq il-ħidmiet iddelegati għall-UE u f’isimha.

Politika ta’ Akkwist għall-Infrastruttura Spazjali tal-GMES

L-għan ewlieni tal-fażi ta’ operazzjonijiet tal-missjonijiet Sentinel hu li jiġi żgurat il-fluss kontinwu ta’ dejta lill-utenti. Dan se jinkludi mhux biss l-aspetti tekniċi, bħall-kontroll tal-infrastruttura spazjali u t-tqassim tad-dejta, iżda wkoll ir-riforniment gradwali tal-infrastruttra spazjali fid-deċennji li ġejjin.

L-approċċ ġenerali ta' akkwist tal-infrastruttura spazjali għandu jkun identifikat fuq il-bażi tat-tagħlimiet li ttieħdu tal-fażi attwali ta’ żvilupp tal-Komponent Spazjali tal-GEMS u tal-mudell stabbilit sewwa ta’ kooperazzjoni ESA/EUMETSAT għas-satelliti meteoroloġiċi. Dawn il-prinċipji li ġejjin għandhom jiġu inklużi:

- L-għan tal-akkwist tal-infrastruttura spazjali huwa li jiżgura d-disponibbiltà kontinwa tad-dejta ta’ osservazzjoni tad-Dinja. Dan jimplika li l-iżvilupp tal-ġenerazzjoni segwenti u l-isfruttament tal-infrastruttura eżistenti jseħħu b’mod parallel.

- L-akkwist għandu jimmira li jiżgura l-aħjar valur għall-flus u jżomm l-awtonomija teknoloġika għall-Ewropa. Dan għandu jiġi implimentat permezz tal-kompetizzjoni filwaqt li jiġi żgurat l-aħjar użu possibbli tal-kapaċitajiet industrijali spazjali fl-Ewropa. Wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-infrastruttura u l-isfruttament tagħha jdumu tul ċikli programmatiċi twal (eż. 15-20 sena).

KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

Il-kooperazzjoni internazzjonali dejjem kienet marbuta mill-qrib mal-GMES bħala l-kapaċità Ewropea għall-osservazzjoni tad-Dinja. Il-GMES jiġi indirizzat fid-djalogi bilaterali dwar l-ispazju bejn l-UE u n-nazzjonijiet ewlenin fil-qasam tal-ispazju, biex jiġu identifikati modi ta' kooperazzjoni bbilanċjata.

L-UE tmexxi djalogu mal-Unjoni Afrikana u l-organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani biex teżamina l-modi kif jintuża l-GMES bħala sostenn għall-politiki ta' żvilupp.

Il-GMES jinsab ukoll fil-qalba tal-kontribuzzjoni tal-UE għas-Sistema ta' Sistemi Globali għall-Osservazzjoni tad-Dinja (GEOSS): Il-prinċipji ta’ qsim ta’ dejta definiti f’dan il-forum multilaterali jifformaw wieħed mill-bażijiet għall-politika dwar id-dejta Sentinel.

Fil-kuntest tal-Kumitat dwar is-Satelliti ta' Osservazzjoni tad-Dinja (CEOS), il-komponent spazjali tal-GEOSS, il-Kummissjoni timmira li żżomm id-djalogu mal-imsieħba internazzjonali u tikkontribwixxi għall-kostellazzjonijiet virtwali ta’ osservazzjoni tad-Dinja żviluppati, b’mod partikolari, bħala sostenn għall-osservazzjoni tat-tibdil fil-klima.

KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni se tkun il-maniġer tal-programm tal-GMES u se torganizza ruħha skont hekk. Għall-komponent spazjali, dan ifisser:

- L-iffinalizzar tal-fażi ta’ żvilupp tal-kostellazzjoni attwali ta’ sitt serji ta’ missjonijiet Sentinel u t-tħaddim tal-infrastruttura biex jiġi żgurat il-fluss f’waqtu u kontinwu tad-dejta lill-utenti;

- It-tħejjija tal-unitajiet rikorrenti u tal-aġġornamenti teknoloġiċi tal-ġejjieni tal-infrastruttura spazjali, fuq il-bażi ta’ proċess ta’ konsolidazzjoni stabbilit għall-ħtiġijiet tal-utenti.

Il-Kummissjoni se tkompli teżamina l-kwistjoni tal-proprjetà, inkluża l-għażla li ssir il-proprjetarja tal-infrastruttura Sentinel iffinanzjata b’mod konġunt mill-UE u l-ESA.

Soġġett għall-adozzjoni b’suċċess tar-Regolament propost dwar il-Programm tal-GMES, il-Kummissjoni se tkompli bl-implimentazzjoni ta’ politika ta’ aċċess b’xejn u miftuħ għad-dejta tal-missjonijiet Sentinel.

F’konformità mal-orjentazzjonijiet tas-Sitt Kunsill Spazjali, il-Kummissjoni se tipproponi strateġija ta’ finanzjament fuq il-bażi tal-analiżi ppreżentata fix-Xenarju fuq Medda Twila ta’ Żmien tal-ESA, inkluż it-tfassil ta’ strumenti adegwati u skemi ta’ finanzjament għall-Komponent Spazjali filwaqt li jitqies l-infiq effettiv tal-operazzjonijiet tal-GMES.

Il-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mal-ESA, se tmexxi djalogi mal-Istati Membri u mal-EUMETSAT u l-Istati Membri tagħha biex tindirizza s-sinerġiji ma' linji oħra Ewropej ta' osservazzjoni tad-Dinja u tanalizza l-valur miżjud tal-azzjoni Komunitarja.

ANNESS: Ħarsa Ġenerali fil-Qosor tal-Missjonijiet GMES

Il-Komponent Spazjali tal-GMES jinkludi sitt serji ta’ missjonijiet Sentinel ta’ osservazzjoni tad-Dinja . Madwar 12-il missjoni maqsuma f’sitt kostellazzjonijiet bħalissa jinsabu f’fażi ta’ żvilupp.

Is-serji Sentinel jinkludu kostellazzjonijiet ta’ numru ta’ unitajiet[14]. Din hija t-tweġiba għall-ħtiġijiet tal-utenti għall-implimentazzjoni tas-servizzi GMES, li esprimew il-ħtieġa li jkun hemm kontinwità tal-osservazzjoni u aċċess kontinwu għad-dejta, serħan il-moħħ fil-kuntest ta’ sistema operattiva u frekwenza akbar ta’ osservazzjonijiet.

- Sentinel 1: Immaġni b’majkrowejv b’riżoluzzjoni għolja

Il-fażi ta’ żvilupp tas-serje Sentinel 1 tinkludi kostellazzjoni inizjali ta’ żewġ satelliti (magħrufa bħala unitajiet A u B). Is-Sentinel 1 għandha magħha Radar b’Apertura Sintetika (SAR). Din kapaċi topera f'kull xorta ta' temp u hija utli għall-applikazzjonijiet fuq l-art u tipprovdi dejta ġenerali f’kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena għar-rispons ta’ emerġenza u s-sigurtà. L-interferometrija tal-SAR wriet li hija xjentifikament valida għall-monitoraġġ taċ-ċaqliq tal-art. It-tnedija tas-Sentinel 1 A hi prevista għal nofs l-2012. Hi ppjanata l-unità B, għalkemm xi elementi tagħha sal-lum għadhom mhumiex iffinanzjati.

- Sentinel 2: Immaġni multispettrali b’riżoluzzjoni għolja

Il-fażi ta’ żvilupp tas-serje Sentinel 2 tinkludi kostellazzjoni inizjali ta’ żewġ satelliti (magħrufa bħala unitajiet A u B). Is-Sentinel 2 hija utli għall-applikazzjonijiet fuq l-art u tipprovdi dejta ġenerali għar-rispons ta’ emerġenza u s-sigurtà. It-tnedija tas-Sentinel 2 A hi prevista għal nofs l-2013. Hi ppjanata l-unità B, għalkemm xi elementi tagħha sal-lum għadhom mhumiex iffinanzjati.

- Sentinel 3: Immaġni multispettrali b’riżoluzzjoni medja u altimetrija

Il-fażi ta’ żvilupp tas-serje Sentinel 3 tinkludi kostellazzjoni inizjali ta’ żewġ satelliti (magħrufa bħala unitajiet A u B). Is-Sentinel 3 hija utli għall-monitoraġġ globali u bil-kulur tal-art u tal-oċeani. Din għandha magħha wkoll altimetru li jipprovdi osservazzjonijiet komplementari għal dawk tas-serje Jason. It-tnedija tas-Sentinel 2 A hi prevista għal nofs l-2013. Hi ppjanata l-unità B, għalkemm xi elementi tagħha sal-lum għadhom mhumiex iffinanzjati.

- Sentinel 4: Monitoraġġ tal-kompożizzjoni atmosferika minn orbita ġeostazzjonarja

Il-fażi ta’ żvilupp tas-serje Sentinel 4 tinkludi strumenti ta’ monitoraġġ tal-kompożizzjoni atmosferika li jridu jittellgħu abbord il-vettura spazjali EMETSAT għall-missjoni Meteosat tat-Tielet Ġenerazzjoni (MTG). It-tnedija hi prevista għas-sena 2017 u se tiddependi fuq id-dati ta’ tnedija għall-missjoni MTG.

- Sentinel 5: Monitoraġġ tal-kompożizzjoni atmosferika minn orbita terrestri baxxa

Il-fażi ta’ żvilupp tas-serje Sentinel 5 tinkludi strumenti ta’ monitoraġġ tal-kompożizzjoni atmosferika li jridu jittellgħu abbord il-vettura spazjali EMETSAT għas-Sistema fl-Orbita Polari post EUMETSAT (magħrufa bħala l-missjoni post-EPS). L-ewwel tnedija hi prevista għas-sena 2019 u se tiddependi fuq id-dati ta’ tnedija għall-missjoni post-EPS.

Is-satellita prekursur Sentinel 5 bħalissa tinsab f’fażi ta’ żvilupp u għandha titnieda fl-2014 biex tnaqqas id-distakk bejn il-missjoni ENVISAT tal-ESA u l-istrumenti Sentinel 5 li jridu jittellgħu abbord il-missjoni post-EPS tal-EUMETSAT.

- Missjoni Jason-CS: altimetrija bi preċiżjoni għolja

Kontinwità ta’ missjonijiet ta’ altimetrija bi preċiżjoni għolja b’sostenn għat-topografija ta' wiċċ l-oċeani bħala segwitu għas-serje Jason.

Barra minn hekk, il-programm tal-Komponent Spazjali tal-GMES jiddependi fuq madwar 40 missjoni li jappartjenu lill-Istati Membri, l-ESA, l-EUMETSAT u partijiet terzi oħra , biex jissodisfa l-ħtiġijiet tas-servizzi tal-GMES. Dawn il-missjonijiet huma elenkati fid-dikjarazzjoni tal-ESA dwar il-Programm tal-Komponent Spazjali tal-GMES u jissejħu missjonijiet parteċipanti. Skemi ta’ aċċess għad-dejta jinsabu fis-seħħ biex jiżguraw li d-dejta tagħhom tkun disponibbli għas-servizzi tal-GMES.

[1] COM(2005) 565, 10.11.2005.

[2] Inklużi l-missjonijiet Franċiżi SARAL (Satellite avec ARgos + Altika), Venus, Megha Tropiques, Parasol, Demeter u Calipso, EnMap u Bird tal-Ġermanja u l-missjoni Belġjana VEGETATION.

[3] Inklużi l-Missjonijiet Earth Explorer, ERS u ENVISAT.

[4] Il-Pleiades fi Franza, it-TerraSAR-X u t-TandemX fil-Ġermanja u l-COSMOSkymed fl-Italja. Missjonijiet nazzjonali oħra jinkludu s-serje SPOT fi Franza, ir-RapidEye fil-Ġermanja, is-SEOSAT fi Spanja u l-missjoni DMC immexxija mir-Renju Unit.

[5] Is-sitt serji ta’ missjonijiet Sentinel bħalissa jinkludu seba’ satelliti individwali u żewġ tagħbijiet utli abbord il-vetturi spazjali ospiti.

[6] COM(2008)748 finali tat-12.11.2008

[7] COM(2008) 748, 12.11.2008.

[8] Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività “Lejn Programm GMES tal-UE” 16267/08 tat-2.12.2008

[9] COM(2009) 223, 20.5.2009.

[10] L-orjentazzjonijiet tas-sitt Kunsill Spazjali tad-29 ta’ Mejju 2009.

[11] L-ippjanar għall-kummerċjalizzazzjoni tal-missjonijiet, jew l-ippjanar industrijali biex jitkompla l-iżvilupp kummerċjali ta’ ċerti missjonijiet ma jistax ikun impenn legali iżda dejjem se jkun iddeterminat mill-vijabilità tal-mudelli ta' negozji korrispondenti.

[12] ESA/C(2009)36:

[13] Orjentazzjonijiet tat-Sitt Kunsill Spazjali.

[14] Magħrufa bħala l-unitajiet A u B, li jtiru b’mod simultanju, u li l-operazzjonijiet tagħhom se jkopru l-perjodu 2013-2020, segwiti mill-unitajiet C u D kif previst fix-Xenarju fuq Medda Twila ta’ Żmien tal-ESA.