52009DC0584

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Għażliet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-istabbiliment ta' Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali {SEG(2009)1433} {SEG(2009)1432} /* KUMM/2009/0584 finali */


SANCO/ 6429/2009 Rev. 4 (POOL/D5/2009/6429/6429R4-EN.doc)

[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.10.2009

KUMM(2009)584 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Għażliet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-istabbiliment ta' Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali

{SEG(2009)1433}{SEG(2009)1432}

WERREJ

1. Sfond u għanijiet ġenerali 4

2. Kif jistgħu jizdiedu l-għarfien u t-trasparenza fir-rigward tal-benessri tal-annimali 4

3. Il-benessri tal-annimali u r-rabta tiegħu ma' karatteristiċi oħra ta' kwalità 5

4. Informazzjoni għall-konsumaturi u strateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni 7

5. kampanji ta' informazzjoni u ta' edukazzjoni 7

6. Id-dimensjoni internazzjonali 9

7. Standards differenti u l-paragun tagħhom 9

8. It-Trasparenza u r-riċerka xjentifika dwar il-benessri tal-annimali 10

9. Konklużjoni 11

INTRODUZZJONI

Id-dibattitu dwar kif għandha tittejjeb il-komunikazzjoni għall-konsumaturi dwar il-benessri tal-annimali fil-produzzjoni tal-bhejjem ilu għaddej fl-UE għal bosta snin, talanqas mill-adozzjoni fl-2002 tar-rapport tal-Komunnità dwar “ Il-leġiżlazzjoni tal-benessri tal-annimali dwar annimali mrobbijin fil-Pajjiżi Terzi u l-implikazzjonijiet għall-UE ”.

Il-konferenza “Il-Benessri tal-Annimali - It-Titjib permezz tal-Ittikkettjar?” (Brussell, 28/03/2007), organizzata mill-Kumitat Ewropew Soċjali u Ekonomiku, il-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill ippermettiet li ssir l-ewwel diskussjoni wiesgħa ma' rappreżentanti tal-gruppi kollha tal-partijiet interessati. Wara il-konferenza, f’Mejju 2007, il-Kunsill tal-Ministri adotta konklużjonijiet dwar l-ittikkettjar tal-Benessri tal-Annimali, u stieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport sabiex tippermetti dibattitu fil-fond dwar il-kwistjoni.

Għalhekk il-Kummissjoni stiednet kuntrattur estern biex iwettaq studju ta' fattibilità[1] flimkien ma konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati sabiex il-kwistjoni tiġi evalwata iktar u jinġabru l-ikbar għadd ta’ kontributi dwar din il-kwistjoni mill-partijiet interessati fl-UE u barra l-UE. L-istudju ġie konkluż f’Jannar 2009.

L-ewwel Pjan ta’Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2006-2010[2] jiddefinixxi d-direzzjoni tal-politiki Komunitarji u l-attivitajiet relatati għas-snin li ġejjin biex ikomplu jippromwovu l-istandards għoljin tal-benessri tal-annimali fl-UE u internazzjonalment, filwaqt li jitqiesu l-opportunitajiet li l-benessri tal-annimali joffri lill-produtturi waqt li tiġi rrispettata d-dimensjoni kulturali tal-kwistjoni. L-agrikoltura organika u l-iskemi volontarji bħal "Label Rouge" u "Freedom Food" huma eżempji ċari ta' opportunitajiet ta' negozju bħal dawn.

“Pjattaforma ta’ informazzjoni [speċifika] dwar il-benessri tal-annimali” stabbilita fi ħdan is-Seba’ Programm ta’ Qafas u li timmira li tiffaċilità d-djalogu u l-iskambju tal-esperjenzi bejn il-partijiet interessati, hija element ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni[3]. Informazzjoni aħjar għall-konsumaturi toffri l-prospett ta’ ċiklu virtuż fejn il-konsumaturi joħolqu domanda għal prodotti tal-ikel b’sors li jħares iktar il-benessri tal-annimali li hija trażmessa permezz tal-katina alimentari lura lill-produttur primarju, li jkun jista' jirċievi prezz għoli għall-prodott tiegħu u b'hekk jirkupra parti minn xi spejjeż żejda marbuta mal-produzzjoni li jistgħu jinqalgħu. Billi benessri aħjar tal-annimali ħafna drabi jirriżulta fi produzzjoni ogħla hemm bosta possibilitajiet għall-produtturi biex jiġu f’qagħda fejn jirbħu dejjem b’din is-sistema. Tabilħaqq, id-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet tal-benessri tal-annimali, l-awtoritajiet tal-gvern, il-politiċi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-konsumaturi jistgħu jgħinu biex iżidu l-għarfien u jipproduċu titjib fil-prattiki tal-agrikoltura, l-għażla tal-konsumaturi u l-leġiżlazzjoni.

Kemm l-istudju tal-fattibilità kif ukoll il-fehmiet espressi mill-partijiet interessati jappoġġjaw l-integrazzjoni tal-oqsma ta' politika differenti li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-annimali. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-annimali, oqsma usa ta’ xogħol bħall-istabbiliment tal-istrateġiji ta’ komunikazzjoni għaċ-ċittadini dwar il-valur ta’ prodotti bi standards ogħla tal-benessri tal-annimali jew l-iżvilupp tal-investimenti strateġiċi Ewropej fil-qasam tar-riċerka tqiesu bħala oqsma xierqa għal koordinazzjoni Ewropea xierqa.

L-għan globali ta’ politika f’dan il-qasam huwa li jsir eħfef għall-konsumaturi li jidentifikaw u jagħżlu prodotti li jħarsu l-benessri tal-annimali u b'hekk jagħtu inċentiva lill-produtturi biex itejbu l-benessri tal-annimali.

SFOND U GħANIJIET ġENERALI

Ir-riżultati tal-istudju tal-fattibilità wrew il-ħtieġa li jiġi diskuss iktar fil-fond kif għandha tittejjeb l-informazzjoni dwar il-benessri tal-annimali u kif jistgħu jiġu rfinati l-iktar għodda xierqa. B’dan ir-rapport,il-Kummissjoni tixtieq tiffaċilita diskussjoni politika, prinċipalment mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni, fid-dawl tal-istudju tal-fattibilità. Il-metodoloġija li ġiet segwita fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport hija f'konformità mal-approċċ li ħadet il-Kummissjoni fil-politika ġenerali tagħha dwar il-kwalità tal-agrikoltura.

Ir-rapport jargumenta li l-politika tal-UE dwar l-informazzjoni dwar il-benessri tal-annimali fil-produzzjoni tal-bhejjem fil-futur għandha tagħti lill-bdiewa tal-UE l-appoġġ politiku li jeħtieġu biex jirbħu l-ġlieda tal-kwalità – fi kliem ieħor, biex jagħtu l-kwalitajiet meħtieġa u jikkomunikaw x'qegħdin jagħmlu tajjeb li l-konsumaturi qegħdin ifittxu, u jiġu ppremjati għal dan.

Il-kwistjonijiet eżaminati f'dan ir-rapport huma:

- safejn, l-istrumenti kurrenti, il-qafas u l-miżuri legali li jaffetwaw l-informazzjoni dwar il-kwalità tal-benessri tal-annimali tal-prodotti żootekniċi tal-UE qed jilħqu dan il-għan.

- jekk u kif ikunu jistgħu jittejbu biex dan il-għan jintlaħaq aħjar; u

- liema mekkaniżmi huma meħtieġa (jekk applikabbli) biex jintlaħaq dan il-għan.

Ir-riżultat tad-dibattitu politiku dwar dan ir-rapport se jitqies ukoll fil-qafas tal-evalwazzjoni tal-politika Komunitarja tal-benessri tal-annimali li għaddejja bħalissa fil-Kummissjoni u li se tkompli fl-2010.

KIF JISTGħU JIZDIEDU L-GħARFIEN U T-TRASPARENZA FIR-RIGWARD TAL-BENESSRI TAL-ANNIMALI

Iż-żooteknika fil-UE għandha reputazzjoni għall-istandards għoljin tagħha tal-benessri tal-annimali. Il-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali fl-UE għandha tradizzjoni twila u l-ewwel leġiżlazzjoni Komunitarja ġiet adottata fl-1974. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja preżenti dwar il-benessseri tal-annimali tinkludi l-istandards minimi li l-produtturi kollha għandhom jirrispettaw. Fejn jiġu applikati standards ogħla tal-benessri tal-annimali, il-produtturi jridu jsibu mezzi kif jiksbu prezz għall-prodott tagħhom li jikkorrispondi għall-valur miżjud li dan jagħti lill-prodotti u jikkumpensahom għall-investimenti li jkunu għamlu. Alternattiva minnhom tista’ tkun li jiġi segwit l-approċċ ta’ produzzjoni organika li fuq il-bażi ta’ pjan Ewropew ta’ azzjoni speċifiku [4] enfasizza l-importanza tal-politiki mmexxija mis-suq. Komunikazzjoni voluntarja dwar il-karatteristiċi tal-prodott tal-benessri tal-annimali (eż. Freedom Food) tirrappreżenta mod ieħor komplementarju biex jistimula l-interess tal-konsumaturi.

Kemm l-analiżi tar-riżultat taż-żewġ stħarriġiet tal-Eurometer[5] kif ukoll l-istudju ta' fattibilità[6] dwar l-ittikkettjar tal-benessri tal-annimali jissuġġerixxi li l-ittikkettjar tal-benessri tal-annimali, ibbażat fuq l-għarfien xjentifiku sod assessjat fuq il-bażi tar-rekwiżiti armonizzati, jistgħu jgħinu lill-konsumaturi biex jagħmlu deċiżjonjiet ta’ akkwist infurmati u jsir possibbli għall-produtturi li jibbenefikaw mill-opportunitajiet tas-suq.

Huwa importanti li jitqies kif ir-rekwiżiti u l-istandards ssodisfati mill-bdiewa, li llum imorru lil hinn mill-istandards minimi tal-benessri tal-annimali provduti fil-leġiżlazzjoni Ewropea, jistgħu isiru magħrufa aħjar fl-UE u barra l-UE. Kwistjoni oħra għad-diskussjoni hija jekk l-għan jista' jintlaħaq l-aħjar bl-ittikkettjar (ibbażat fuq standards pubbliċi jew privati), kampanji ta' informazzjoni pubblika jew taħlita ta' għodod differenti.

IL-BENESSRI TAL-ANNIMALI U R-RABTA TIEGħU MA' KARATTERISTIċI OħRA TA' KWALITÀ

L-istudju ta’ fattibilità eżamina diversi tikketti ta’ kwalità bħal label Rouge, Freedom Food u Neuland, u bħalissa hemm xi studji indipendenti Ewropej oħra għaddejjin f’dan il-qasam (Welfare Quality[7] EconWelfare[8]; Q-PorkChains[9]; EAWP[10]). L-agrikoltura organika diġà assoċjata mill-konsumaturi ma’ standards ogħla ta’ benesseri tal-annimali madwar l-UE u barra l-UE. Barra minn hekk, dak li huwa organiku huwa identifikat faċilment mill-konsumaturi permezz tal-logo tal-UE li se tiġġedded u se ssir obbligatorja mill-1 ta’ Lulju 2010.

Kemm l-istrateġiji tal-kummerċjalizzazzjoni tat-tikketti kif ukoll l-istudji qed jenfasizzaw li proporzjon sinifikanti ta’ ċittadini jixtiequ li jkunu infurmati mhux biss dwar il-“kwalitajiet fiżiċi”, bħall-kontenut ta’ ingredjenti mixtieqa u mhux mixtieqa, iżda wkoll dwar kwalitajiet oħra tal-ikel li jixtru, li jinkludu l-fatturi etiċi rrelatati mal-produzzjoni u l-mod kif jiġu ttrattati l-annimali[11].

Mil-lat tal-konsumaturi, il-benessri ta-annimali huwa attribut tipiku ta’ fiduċja. Dan ifisser li l-konsumaturi illum, f’ħafna każijiet, m’għandhomx l-abbiltà li jivverifikaw huma stess il-livell proprju tal-benessri tal-annimali meta jsiru affermazzjonijiet bħal dawn. Madankollu, f’relazzjoni mat-totalità tas-suq tal-ikel fl-UE, prodotti bħal dawn jirrappreżentaw biss segment żgħir minnu. L-istħarriġiet jindikaw li dan jista’ jirrifletti nuqqas ta’ informazzjoni u trasparenza fis-suq.

Fl-UE m’hemm l-ebda rekwiżiti armonizzati għall-ittikkettjar tal-istandards tal-benessri tal-annimali jew kif dawn għandhom jiġu evalwati. Ċerti partijiet interessati appoġġjaw il-prinċipju li iktar ma jkun hemm tikketti privati tal-benessri tal-annimali fuq is-suq tal-bejgħ bl-imnut, iktar ikollna bżonn niddeterminaw metodoloġija biex nevalwaw u nqabblu l-istandards tal-benessri tal-annimali.

Dan iqajjem il-mistoqsija ta’ jekk hemmx xi kwistjonijiet urġenti ġejjin mill-multiplikazzjoni tal-iskemi privati tal-ittikkettjar tal-benessri fil-livell nazzjonali li jistgħu jiġġustifikaw il-ħolqien ta' skema fil-livell tal-UE. B’mod ċar, kwalunkwe skema tal-UE bħal din, li tista’ tevita s-segmentazzjoni tas-suq intern kif ukoll tiffaċilita l-kummerċ intra-Komunitarju, teħtieġ li turi li tista’ żżid il-valur kemm għall-iskemi privati eżistenti kif ukoll għar-regolament dwar il-prodotti organiċi[12] mingħajr ma ġġarbilhom il-ħsara.

Għalkemm il-maġġoranza tal-konsumaturi huma konxji mill-prezzijiet, ir-riżultati ta’ diversi stħarriġiet f’dawn l-aħħar snin wrew l-eżistenza ta’ gruppi ta’ konsumaturi li huma interessati li jixtru prodotti bi kwalitajiet u karatteristiċi speċifiċi fosthom l-attributi tal-benessri tal-annimali. F’bosta Stati Membri dan is-segment ta’ konsumaturi li jfittxu l-kwalità qed jiġġenera opportunitajiet fis-suq għal prodotti bi standards ogħla tal-benessri tal-annimali, bħal kriterji ta' kwalità għalihom jew flimkien ma’ karatteristiċi oħra ’l fuq mill-medja. Eżempju partikolarment relevanti huwa s-suq tal-ikel organiku, fejn l-armonizzazzjoni tal-UE fetħet il-bieb għal segment ġdid ta’ konsumaturi: il-logo tal-agrikoltura organika toffri fiduċja lill-konsumaturi dwar l-oriġini u l-kwalitajiet tal-ikel u x-xorb tagħhom u l-preżenza tagħha fuq kwalunkwe prodott jiżgura l-konformità mar-Regolament tal-agrikoltura organika tal-UE li jipprovdi assigurazzjoni għal standards ogħla ta' benessri permezz ta' spezzjoni u ċertifikazzjoni effettivi madwar l-UE.

Xi skemi eżistenti ta’ ttikkettjar jindirizzaw ir-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali flimkien ma’ standards oħra ta’ kwalità, bħall-agrikoltura organika jew il-protezzjoni ambjentali. Għal din ir-raġuni, il-valur miżjud ta' skema tal-itikkettjar għall-benessri tal-annimali fil-livell tal-UE mal-isfond ta’ skemi eżistenti jeħtieġ li jitqies sew, kif għandu jitqies ukoll kif tista’ tiġi evitata xi duplikazzjoni li tista’ tirriżulta.

INFORMAZZJONI GħALL-KONSUMATURI U STRATEġIJI TA’ KUMMERċJALIZZAZZJONI

L-introduzzjoni ta’ “termini reżervati” huwa mod kif ix-xerrejja u l-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-karatteristiċi tal-prodott u l-attributi agrikoli. Ir-rekwiżiti obbligatorji jew volontarji għall-użu ta' "termini reżervati" tal-benessri tal-annimali bbażati fuq il-metodu tal-agrikoltura u l-indikaturi standardizzati tal-benessri jistgħu jeħtieġu l-elaborazzjoni ta' standards speċifiċi tal-UE u jeħtieġu li jkopru speċi u prodotti relevanti b'qafas ġenerali.

Eżempju tal-użu obbligatorju eżistenti ta’ “termini reżervati” fl-UE huma l-istandards tat-tqegħid fis-suq tal-bajd. Il-leġiżlazzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-bajd jobbliga li jiġu ttimbrati l-qxur tal-bajd skont is-sistema tal-agrikoltura li jkunu nkisbu taħtha. Hemm erba’ tikketti ta’ sistemi ta’ produzzjoni permessi: bajd minn tiġieġ fil-gaġeġ, bajd minn tiġieġ fl-irziezet, bajd minn tiġieġ li jitħallew jiġru barra u bajd organiċi; ir-rekwiżiti għal dawn is-sistemi ta’ produzzjoni huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni, u l-indikazzjonijiet tal-ittikkettjar jagħtu lill-konsumaturi informazzjoni li huma jistgħu jinterpretaw bħala indikatur tal-benessri tal-annimali, u jużaw dan meta jixtru l-bajd. Sa mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-perċentwali tal-produzzjoni tal-bajd ġej minn tiġieġ mhux fil-gaġeġ żdied b'mod sinifikanti fi kważi l-Istati Membri kollha. Il-leġiżlazzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-bajd x’aktarx li kellha rwol biex tiffaċilita lill-konsumaturi biex jibdlu milli jixtru l-bajd ġej mit-tiġieġ fil-gaġeġ għall-bajd prodott f’sistemi alternattivi billi jassumu li s-sistemi ta’ produzzjoni ta’ bajd ġej minn tiġieġ mhux fil-gaġeġ ifissru benessri aħjar għall-annimali. Barra minn hekk, eżempji ta’ “termini riżervati” eżistenti mhux obbligatorji huma stipulati fl-istandards tat-tqegħid fis-suq tal-laħam tat-tjur, fejn l-indikazzjonijiet tal-metodi agrikoli huma ddefiniti b'mod preċiż u l-bdiewa għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonjiet stabbiliti għall-użu ta’ “termini riżervati”.

Se jkun importanti li jitqiesu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-istabbiliment tad-definizzjonijiet ta’ “termini riżervati” obbligatorji jew mhux obbligatorji fl-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni fil-livell tal-UE fir-rigward tas-sistemi agrikoli li jindikaw ċerti livelli ta' benessri tal-annimali, b'mod partikolari meta jaqbżu l-istandards minimi provduti bil-leġiżlazzjoni.

KAMPANJI TA' INFORMAZZJONI U TA' EDUKAZZJONI

Huwa magħruf li minbarra l-prezz, id-deċiżjonijiet tax-xiri tal-konsumaturi jiġu influwenzati minn għadd kbir ta’ determinanti interpersonali (il-kultura, in-normi tas-soċjetà, l-istatus soċjali, l-influwenzi tal-grupp u familji) u intrapersonali (involviment, l-emozzjonijiet, il-motivi, l-attitudnijiet, in-normi, il-personalità). Bi prinċipju, iktar informazzjoni provduta bit-tikketti għandha tippermetti lill-konsumaturi għażliet iktar infurmati. Sakemm ma jkollhomx għarfien affidabbli dwar il-valur miżjud ta’ prodotti li jħarsu l-benessri tal-annimali, m'għandhomx jiġu mistennija li jħallsu prezz li jirrifletti prodott ta' kwalità ogħla.

L-istudju ta’ fattibilità juri li t-tikkettjar x'aktarx li jkollu l-effetti mixtieqa jekk il-konsumaturi huma a) adegwatament infurmati dwar it-tifsira tat-tikketta; b) l-informazzjoni provduta tinftiehem faċilment; u c) il-konsumaturi (jew is-subgruppi relevanti) huma fil-prinċipju interessati li jkollhom din l-informazzjoni disponibbli għad-deċiżjonijiet tax-xiri tagħhom. Skont id-dejta tal-Eurobarometru, dan huwa l-każ għal prodotti ġejjin minn sistemi ta’ produzzjoni li jħarsu l-benessri tal-annimali.

Ir-riżultati tal-istudju tal-fattibilità juru li t-tikkettjar tal-benessri tal-annimali jistgħu jżidu l-għarfien tal-konsumaturi u jaċċeleraw il-penetrazzjoni tas-suq tal-prodotti li jħarsu l-benessri tal-annimali li jmorru lil hinn mill-istandards minimi previsti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan huwa wieħed mill-għanijiet prinċipali għal diversi partijiet interessati. Bħala konsegwenza, l-iżvilupp ta’ prattiki ġodda tal-benessri tal-annimali għandhom ikunu iktar motivati bid-domanda tas-suq. Inizjattivi ta’ komunikazzjoni speċifiċi addizzjonali jistgħu jikkontribwixxu iktar biex iżidu l-għarfien fost iċ-ċittadini, l-operaturi u l-produtturi fuq kwistjonijiet tal-benessri tal-annimali. Il-partijiet interessati enfasizzaw li l-komunikazzjoni trid tkun ibbażata fuq sfond xjentifiku sod.

Dan l-aħħar ġew żviluppati attivitajiet ta’ edukazzjoni u informazzjoni tal-konsumaturi biex iżidu l-għarfien dwar it-trobbija tal-annimali u dwar l-oriġini tal-prodotti tal-bhejjem. Dawn l-attivitajiet ta’ kummunikazzjoni ntlaqgħu sew mill-partijiet interessati u wrew li kienu utli biex iżidu l-apprezzament tal-pubbliku ġenerali għall-inizjattivi tal-benessri tal-annimali li seħħu kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali. Fl-istess waqt, il-viżibilità tal-politiki tal-UE f’dan il-qasam żdiedu permezz ta’ sħab ta' kummerċ importanti.

Kwistjoni importanti għal iktar diskussjoni hija r-rwol li l-kampanji tal-informazzjoni pubblika jista' jkollhom biex iżidu l-għarfien tal-konsumaturi Ewropej dwar il-benessri tal-annimali u jżidu s-sehem fis-suq tal-prodotti li jħarsu l-benessri tal-annimali. Eżempji ta’suċċess ta’ komunikazzjoni fil-livell tal-UE dwar il-benessri tal-annimali jinkludu s-sit tal-internet “Farmland” għat-tfal u l-kaxxa tal-għodda online li tifforma parti mill-kampanja promozzjonali riċenti dwar l-agrikoltura organika[13]. Barra minn hekk, għandu jitqies ukoll jekk għandhomx jiġu żviluppati u organizzati kampanji ta’ informazzjoni u programmi ta’ edukazzjoni fil-livell tal-UE u/jew fil-livell ta’ Stati Membri.

ID-DIMENSJONI INTERNAZZJONALI

Fuq bażi tal-analiżi li saret mill-Kummissjoni skemi volontarji tal-ittikkettjar huma permessi skont il-liġi tad-WTO sakemm ikunu pproporzjonati u miftuħa għall-produtturi tal-pajjiżi terzi, filwaqt li l-ittikkettjar obbligatorju jista' jiffaċċja iktar kontroversja fil-qafas tad-WTO. Id-diskussjoni dwar l-implikazzjonijiet tal-kummerċ tar-risponsi tal-politika għall-kwistjonijiet tas-soċjetà bħal benessri tal-annimali hija dovuta għall-iżviluppi kurrenti fil-livell internazzjonali. Id-WTO, l-OECD, l-OIE u l-CODEX bħalissa qed jiddibattu kwistjonijiet fir-rigward ta' standards privati u pubbliċi u l-effetti tagħhom fuq l-aċċess tal-kummerċ u tas-suq għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw..

L-impatt taċ-ċertifikazzjoni volontarja ibbażata fuq ir-rekwiżiti armonizzati tal-benessri tal-annimali għall-importazzjoni ġewwa l-UE x’aktarx li jista’ jkun pożittiv għal pajjiżi li diġà qed jikkunsidraw forom sostenibbli ta’ produzzjoni tal-annimali u għall-produzzjoni ġejja minn mezzi inqas intensivi ta’ trobbija tal-annimali. L-armonizzazzjoni tista’ tippermetti aċċess aħjar għas-suq u ppjanar fit-tul għall-investimenti.

Minħabba l-obbligi tal-kummerċ internazzjonali tal-UE se jkun importanti li jitqiesu l-modalitajiet li jiżguraw li prodott li mhuwiex tal-UE u li jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ produzzjoni tal-UE huwa eliġibbli li juża’ kwalunkwe skema ta’ kwalità tal-UE, u li din tal-aħħar tissodisfa l-obbligi tal-UE mad-WTO. Se jkun importanti li jiġu kkunsidrati l-implikazzjonijiet ta’ kwalunkwe skema bħal din għall-pajjiżi terzi b’attenzjoni speċjali fuq l-isħab tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-abbilità tagħhom li jadattaw.

STANDARDS DIFFERENTI U L-PARAGUN TAGħHOM

L-istħarriġiet juru li l-maġġoranza tal-konsumaturi Ewropej qalu li m'hemmx biżżejjed informazzjoni fuq il-livell tal-benessri tal-annimali provduta fil-produzzjoni tal-affarijiet li jixtru. Dan huwa minħabba li l-Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2006-2010 jissuġġerixxi li jiġu żviluppati indikaturi standardizzati tal-benessri tal-annimali, sabiex jipprovdu għal għodda bbażata fuq ix-xjenza li tkun tista' tkejjel, tinforza iktar u tikkomunika aħjar il-benessri tal-annimali. Il-proġett tal-"Welfare Quality" għandu bħala għan li jservi bħala bażi għall-elaborazzjoni ta' indikaturi xjentifiċi bbażati fuq l-annimali. Dan jista’ jwassal għal sistema bbażata mhux fuq metodu ta’ produzzjoni, iżda fuq riżultati biex jikklassifikaw il-benessri tal-annimali li jistgħu jkunu utli biex jipprovdu l-konsumaturi b’informazzjoni trasparenti u affidabbli. F’dan il-kuntest, diversi partijiet interessati enfasizzaw li netwerk Ewropew ta’ ċentri ta’ referenza (NEĊR) għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali jistgħu jikkostitwixxu għażla konkreta biex jipprovdu appoġġ tekniku għal żvilupp iktar fil-fond tas-sistema.

L-iżvilupp iktar fil-fond ta’ strument ta’ kejl jew skala li tippermetti tqabbil tal-istandards tal-benessri tal-annimali fost l-ispeċijiet, is-sistemi tal-agrikoltura u l-istadji tal-katina alimentari huma tendenza kurrenti fis-swieq madwar id-dinja u fil-qalba tar-riċerka xjentifika. L-evalwazzjoni tal-benessri tal-annimali fl-istadji kollha relevanti tal-katina ta’ valur (prinċipalment il-biedja, it-trasport u t-tbiċċir tal-annimali) tinsab fiċ-ċentru ta’ kull sistema tal-ittikkettjar tal-benessri tal-annimali. L-istudju tal-fattibilità wera li l-validità u l-affidabbilità ta’ ħafna mill-indikaturi ta’ spiss ma jkunx hemm qbil dwarhom. L-indikaturi komprensivi ssuġġeriti s’issa, bħal “rispons bioloġiku għall-istress”, ġew ikkritikati (b’mod partikolari mix-xjentisti u l-produtturi) bħala diffiċli biex jitkejlu.

Madankollu xi partijiet interessati huma tal-fehma li l-validazzjoni xjentifika u trasprenti tas-sistemi agrikoli għandhom jiffaċilitaw għall-produtturi l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-istandards ogħla tal-benessri tal-annimali. Il-kwistjoni hija jekk validazzjoni bħal din għandhiex issir fil-livell Ewropew, u jekk iva kif.

IT-TRASPARENZA U R-RIċERKA XJENTIFIKA DWAR IL-BENESSRI TAL-ANNIMALI

Skont il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati, oqsma wiesgħa ta’ xogħol bħall-istabbiliment tal-istrateġiji ta’ komunikazzjoni għaċ-ċittadini dwar il-valur ta’ prodotti bi standards ogħla tal-benesseri tal-annimali jew l-iżvilupp tal-investimenti strateġiċi Ewropej fil-qasam tar-riċerka huma oqsma xierqa għal koordinazzjoni Ewropea xierqa.

Barra minn hekk, il-Pjan Komunitarju ta’ Azzjoni tal-2006 dwar il-Benesseri tal-Annimali kien diġà ppreveda li t-tmexxija, it-titjib u d-diffużjoni tal-istandards tal-benesseri tal-annimali kif ukoll it-tħejjija tal-istudji soċjo-ekonomiċi relevanti u l-evalwazzjonijiet tal-impatt jistgħu jsiru iktar effiċjenti b'approċċ Ewropew ikkoordinat. Bħala konsegwenza, diversi partijiet interessati rriflettew fuq il-possibilità li ssir koordinazzjoni aħjar u li jintuża l-għarfien espert fil-livell Ewropew biex jaqdu t-tfassil tal-politika f'dan il-qasam.

Fl-UE diġà jeżisti grupp ċentrali żgħir ta’ istituzzjonijiet relevanti li jaħdmu fil-qasam tal-benessri tal-annimali, bħall-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza tal-Ikel (EFSA), iċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta (JRC) u l-laboratorji nazzjonali ta’ referenza. Madankollu, bħalissa l-mandat tagħhom ma jkoprix l-oqsma kollha ta’ għarfien espert meħtieġ u b’mod partikolari l-funzjoni tal-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet tal-benesseri tal-annimali fil-livell tal-UE kif enfasizzat minn diversi partijiet interessati.

Barra minn hekk, il-komunità xjentifika Ewropea, qed tikkonkludi ħames snin ta’ kooperazzjoni mill-qrib fil-qasam tal-proġett "Welfare Quality". Ix-xjentisti kkonsultati saħqu f’ diversi okkażjonijiet dwar l-importanza li tingħata priorità lill-istabbiliment ta’ netwerk Ewropew permanenti. Barra minn hekk, diversi sħab tan-negozju internazzjonali tal-UE[14] kemm fil-qasam tax-xjenza kif ukoll fil-qasam tal-ekonomija wkoll talbu li jinżamm l-approċċ tan-netwerk kollaborattiv kif sar fil-każ ta' “Welfare Quality”. Barra minn hekk, il-partijiet interessati ħassew il-ħtieġa għal sors indipendenti ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE u r-riskju kurrenti tad-duplikazzjoni tal-attivitajiet.

Abbażi ta' dan, l-istudju ta' fattibilità analizza l-mudelli differenti tan-netwerks ta’ referenza u l-ispejjeż relatati. Bħala l-alternattiva ppreferuta hu jikkonkludi li Netwerk Ewropew taċ-Ċentri ta’ Referenzi (NEĊR) li jistgħu jipprovdu appoġġ tekniku għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-benesseri tal-annimali, inkluż fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettjar, għandu jkun ibbażat fuq istitut ċentrali ta’ koordinazzjoni li jikkoopera ma’ netwerk ta’ istituzzjonijiet relevanti ta’ riċerka fl-Istati Membri – kollha rrikonoxxuti mill-Komunità. Dan huwa metodu ttestjat kemm-il darba fil-qasam tal-katina alimentari, fejn il-Laboratorji Komunitarji ta' Referenza jikkordinaw in-netwerks tal-Laboratorji Nazzjonali ta’ Referenza[15]. Sotto-ħidmiet possibbli mmexxija mill-isħab tan-netwerk jistgħu jinkludu: li jsiru studji u evalwazzjonijiet ta’ impatt, li jimplimentaw ir-riċerka fil-mira dwar il-kwistjonijiet tal-benesseri tal-annimali b’rilevanza Komunitarja, li jmexxu attivitajiet ta’ edukazzjoni u tixrid, eċċ.

Se jkun neċessarju li jitqies jekk il-vantaġġi, inkluż fir-rigward tal-piż amministrattiv jistgħux jiżbilanċjaw l-iżvantaġġi ta' żvilupp ta’ netwerk Ewropew taċ-ċentri ta’ referenza nazzjonali biex jivvalidaw b’mod xjentifiku l-istandards tal-benessri adottati fuq bażijiet volontarji u jikkontribwixxux għall-iżvilupp ta’ varjetà ta’politiki tal-benesseri tal-annimali. Alternattiva tista' tkun li jintuża bħala referenza l-mudell eżistenti tal-Laboratorji Komunitarji ta’ Referenza għas-saħħa tal-annimali. Il-laboratorji ta’ referenza Komunitarji kuma ffinanzjati mill-hekk imsejjaħ “fond veterinarju” (Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE) biex jipprovdu ċerti servizzi ddefiniti u biex jikkordinaw il-laboratorji nazzjonali ta’ referenza għas-servizz tal-Komunità.

KONKLUżJONI

Dan ir-rapport ippreżenta firxa ta’ kwistjonijiet dwar it-tikkettjar u l-komunikazzjoni dwar il-benessri tal-annimali, u l-istabbiliment possibbli ta’ Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza għall-ħarsien u l-benessri tal-annimali, abbażi tar-riżultati tal-istudju estern provdut lill-Kummissjoni f’Jannar 2009. L-għan tar-rapport huwa li jippermetti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni li jimpenjaw rwieħhom b’diskussjoni fil-fond dwar l-ittikkettjar tal-benessri tal-annimali kif ġie mitlub mill-Kunsill. Din id-diskussjoni inter-istituzzjonali se tipprovdi l-bażi għar-riflessjonijiet tal-Kummissjoni biex tfassal l-għażliet futuri possibbli tal-politika fil-kwistjoni[16]. Kwalunkwe proposti konkreti ġejjin mid-dibattitu politiku għandhom ikunu suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt iktar bir-reqqa.

[1] L-istudju sħiħ bil-konklużjonijiet jista' jinsab fis-sit tal-internet li ġej:http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/farm/labelling_en.htm

[2] http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/actionplan/actionplan_de.htm

[3] http://www.animalwelfareplatform.eu

[4] Pjan Ewropew ta’ Azzjoni għall-ikel organiku u l-agrikoltura organika COM(2004)415 finali

[5] L-istħarriġiet tal-Eurobarometru tal-2005 u l-2006. http://ec.europa.eu/food/animal/welfare/survey/index_en.htm

[6] Konklużjoni ewlenija mill- “Istudju ta’ fattibilità dwar l-ittikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-istabbiliment ta’ Ċentru Komunitarju ta’ Referenza għall-Ħarsien u l-Benessri tal-Annimali” ppreżentat mill- Food Chain Evaluation Consortium u ppubblikat flimkien ma’ dan ir-rapport ( minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “l-istudju ta’ fattibilità”): “ Hemm kunsens wiesa’ fost il-partijiet interessati li hemm bosta problemi kurrenti fir-rigward tal-informazzjoni rrelatata mal-benessri tal-annimali fuq prodotti ġejjin mill--annimali . Żewġt oqsma ta' spiss huma indikati mill-organizzazzjonijiet relevanti tal-partijiet interessati: Problemi bl-istandards/affermazzjonijiet tal-benessri tal-annimali, u nuqqas ta’ għarfien u fehim min-naħa tal-konsumatur fir-rigward tal-logos/tabelli. Kważi ħadd minn dawk li wieġbu għal stħarriġ li sar madwar l-UE tal-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati ma’ ħaseb li ma hemm l-ebda problema relevanti”.

[7] Welfare Quality®: Science and society improving animal welfare in the food quality chain – proġett iffinanzjat mill-UE (http://www.welfarequality.net).

[8] EconWelfare: Good animal welfare in a socio-economic context (Benessri tal-annimali tajjeb f’kuntest soċjo-ekonomiku): Proġett biex jiġi promoss għarfien dwar l-impatt fuq l-annimal, il-katina ta' produzzjoni u s-soċjetà Ewropea li tgħolli l-istandards Ewropej tal-benesseri tal-annimali – proġett iffinanzjat mill-UE (http://www.econwelfare.eu).

[9] Q-PorkChains: Improving the quality of pork for the consumers (It-titjib tal-kwalità tal-majjal għall-konsumaturi) – proġett iffinanzjat mill-UE (http://www.q-porkchains.org).

[10] EAWP: Pjattaforma Ewropea għall-Benessri tal-Annimali: Progressing animal welfare through the food chain (It-titjib tal-benesseri tal-annimali permezz tal-katina alimentari) – proġett iffinanzjat mill-UE (http://www.animalwelfareplatform.eu)

[11] Welfare Quality®: Science and society improving animal welfare in the food quality chain – proġett iffinanzjat mill-UE (http://www.welfarequality.net).

[12] Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 834/2007 u r-regoli implimentattivi tiegħu. Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 889/2008

[13] http://www.farmland-thegame.eu

http://ec.europa.eu/agriculture/organic/animal-welfare_en

[14] Sħab ta' “Welfare Quality”: http://www.welfarequality.net/everyone/26562/7/0/22.

[15] Twettqet evalwazzjoni esterna tas-sistema tas-CRL għall-Kummissjoni u se tiġi konkluża sal-aħħar tal-2009.

[16] Ara wkoll ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt li qed jakkumpanja dan ir-rapport (COM(2009)xxxx).