52009DC0569

Komunikazzjoni mill-Kummissjonilill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi ġirien, 2009-2013 {SEC(2009) 1403} {SEC(2009) 1404} {SEC(2009) 1405} /* KUMM/2009/0569 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 26.10.2009

KUMM(2009)569 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u fil-pajjiżi ġirien, 2009-2013

{SEC(2009) 1403}{SEC(2009) 1404}{SEC(2009) 1405}

1. L-HIV FL-EWROPA

1.1. Introduzzjoni

L-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi Ewropej ġirien qed jiffaċċjaw għadd kbir ta' infezzjonijiet ġodda tal-HIV u infezzjonijiet assoċjati magħhom u l-konsegwenzi mediċi, soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw minnhom. 50 000 każ tal-HIV ddijanjostikati dan l-aħħar fl-UE u l-pajjiżi ġirien fl-2007 biss, u stima ta' 2 miljuni li għandhom l-HIV/AIDS (People Living With Hiv/Aids - PLWHA) juru d-dimensjoni serja tas-sitwazzjoni[1].

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS tal-2005[2] pprovdiet strument ta' politika biex l-HIV/AIDS tiġi indirizzata fuq livell Ewropew u kienet il-bażi għal azzjoni tal-UE mill-2006 sal-2009. Iżda, il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS tibqa' ta' tħassib għas-saħħa pubblika u prijorità politika għall-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ġirien. It-trattamenti effettivi għall-HIV/AIDS huma disponibbli iżda ma hemmx kura. It-tisħiħ tal-prevenzjoni huwa għalhekk il-qofol tal-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, u l-abbandun tal-prevenzjoni hija ħela ta' ħajja u riżorsi. Il-Kummissjoni għandha impenn li tkompli tiġġieled kontra l-marda u qed tressaq Pjan ta' Azzjoni ġdid, wara dak ta' qablu, li jasal fi tmiem f'Diċembru 2009.

Din il-komunikazzjoni tikkomplementa l-"Programm Ewropew għal Azzjoni kontra l-HIV/AIDS, il-Malarja u t-Tuberkulożi permezz ta' Azzjoni Esterna (2007-2011)", li jkopri azzjoni esterna marbuta mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk ta' dħul medju[3].

Wara tletin sena ta' HIV/AIDS wieħed għadu ma jistax iserraħ moħħu. L-aqwa tweġiba għall-epidemija tibqa' taħlita ta' interventi speċifiċi għas-saħħa u oħrajn soċjali usa'. In-nies se jkomplu jbatu kemm-il darba l-prevenzjoni ma tiġix aċċellerata u jiġi żgurat aċċess universali għat-trattament, il-kura u l-appoġġ għan-nies kollha li jeħtieġu dan.

1.2. Il-qagħda ta' epidemija u l-bixriet fil-ġejjieni

Il-każijiet ta' PLWHA u ta' dijanjożijiet ġodda tal-HIV ivarjaw b'mod sinifikanti minn pajjiż għal ieħor, hekk kif ivarjaw ukoll ir-rati ta' prevalenza ta' HIV, f'medda bejn 0,1 % sa 1,2 % madwar l-Ewropa. Bħalissa fl-Ewropa tal-Lvant l-HIV u l-AIDS qed jiżdiedu b'rata allarmanti. It-toroq ewlenin ta' trażmissjoni tal-HIV ivarjaw skont il-post ġeografiku. Fl-UE l-HIV hija l-aktar trażmessa bil-kuntatt eterosesswali u Rġiel li jkollhom rapport sesswali ma' Rġiel oħra (Men having Sex with Men - MSM), filwaqt li fil-pajjiżi ġirien tal-Ewropa t-trażmissjoni hija l-aktar riżultat ta' użu tad-droga injettata (57 %). Fil-pajjiżi UE/EFTA l-akbar proporzjon ta' każijiet ġodda ta' HIV ġie rrappurtat fost l-MSM (39%). It-trażmissjonijiet eterosesswali tal-HIV qed jiżdiedu f'bosta pajjżi Ewropej u madwar 40 % ta' dawn ġew iddjanjostikati f'persuni li joriġinaw minn pajjiżi b'epidemiji ġeneralizzati. In-nisa huma ta' spiss vulnerabbli b'mod partikolari għall-infezzjonijiet HIV. Gruppi oħra vulnerabbli bħall-ħaddiema fis-sess kummerċjali u l-priġunieri huma ukoll affettwati b'mod konsiderevoli mill-HIV/AIDS. Bejn 30 % u 50 % tal-persuni infettati bl-HIV fl-UE, u sa 70 % fil-pajjiżi Ewropej ġirien, ma għandhomx għarfien dwar l-istatus ta' HIV tagħhom.

Id-dijanjożi kmieni tal-HIV akkumpanjata minn pariri u t-trattament fil-ħin għandhom rwol kruċjali fit-tnaqqis tat-trażmissjoni tal-HIV, kif ukoll tal-morbożità u l-mortalità marbutin mal-HIV/AIDS. L-għadd kbir ta' ko-infezzjonijiet HIV bħat-tuberkulożi, l-epatite u infezzjonijiet oħra trażmessi sesswalment huma ta' tħassib serju wkoll.

1.3. Il-qagħda legali u soċjali - ostakoli u partikolaritajiet

Il-qafas leġiżlattiv u l-livelli tas-servizzi soċjali u tas-saħħa għall-persuni milquta mill-HIV/AIDS fl-Ewropa jvarjaw b'mod konsiderevoli minn pajjiż għal pajjiż. L-aċċess għas-servizzi u t-trattament mediku, kif ukoll għal miżuri ta' prevenzjoni jew ta' tnaqqis ta' ħsara, huwa ta' spiss limitat[4]. L-esklużjoni soċjali, id-diskriminazzjoni minħabba l-istatus ta' HIV u n-nuqqas ta' rispett tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem tal-PLWHA għadhom jippersistu. F'ċerti pajjiżi t-trażmissjoni sesswali tal-HIV tista' titqies bħala delitt.

L-HIV/AIDS bħala kwistjoni ta' tħassib għall-imigranti hija indirizzata b'mod differenti madwar l-Ewropa. Bosta pajjiżi Ewropej japplikaw restrizzjonijiet fuq id-dħul, il-mawra u r-residenza skont l-istatus ta' HIV. Dawn id-dispożizzjonijiet huma diskriminatorji u ma jipproteġux is-saħħa pubblika[5].

1.4. Il-qagħda politika - dikjarazzjonijiet u impenji

Id-dikjarazzjonijiet politiċi fuq livell Ewropew u l-inizjattivi globali[6] jiddefinixxu l-impenji u l-miri bħala tweġiba għall-HIV/AIDS. Dawn jagħmlu sejħa lill-UE, lill-gvernijiet nazzjonali, lill-għaqdiet internazzjonali, u lis-soċjetà ċivili biex jaġixxu u jiksbu r-riżultati. Hemm impenji biex jiġu żgurati l-aċċess universali għall-prevenzjoni tal-HIV, it-trattament, il-kura u l-appoġġ, l-investiment fir-riċerka għall-iżvilupp ta' għodda ġodda ta' prevenzjoni u terapija, il-promozzjoni tal-appoġġ għall-PLWHA u s-solidarjietà magħhom kif ukoll mal-popolazzjonijiet li jinsabu l-aktar fir-riskju, l-involviment tas-soċjetà ċivili u l-PLWHA fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika, u l-ħolqien ta' ambjent soċjali ta' appoġġ.

1.5. Il-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS (2006-2009)

Il-pjan ta' azzjoni ppreveda madwar 50 azzjoni li jridu jiġu implimentati mill-partijiet interessati ewlenin. Għadd ta' kisbiet ewlenin huma marbuta ma' involviment aktar b'saħħtu tas-soċjetà ċivili fuq livell Ewropew, iċ-ċentralizzazzjoni operattiva tas-sorveljanza tal-HIV/AIDS miċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard (ECDC), sforzi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-mediċini antiretrovirali bi prezz għal but ta' kullħadd, il-finanzjament ta' proġetti u programmi ta' prevenzjoni, l-investimenti fir-riċerka, u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-imsieħba. L-Istima tal-Impatt tal-HIV/AIDS (2009) fiha taqsira komprensiva tal-kisbiet tal-ewwel Pjan ta' Azzjoni taħt il-punt 5.3 u f[7]l-Anness 4 tiegħu.

2. IT-TWEĠIBA

L-azzjonijiet ta' tweġiba għall-isfidi jiffukaw fuq il-prevenzjoni, l-oqsma ta' priojorità, il-popolazzjonijiet l-aktar fir-riskju u bażi ta' għarfien imtejba permezz ta' kooperazzjoni u trasferiment tal-għarfien aħjar bejn il-partijiet interessati.

L-għanijiet ġenerali ta' din il-Komunikazzjoni huma: (i) li jitnaqqsu l-infezzjonijiet ġodda tal-HIV mal-pajjiżi kollha tal-Ewropa sal-2013, (ii) li jitjieb l-aċċess għat-trattament ta' prevenzjoni, il-kura u l-appoġġ u (iii) li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni li għandhom l-HIV/AIDS, li huma affettwati mill-marda jew li huma l-aktar miftuħa għaliha fl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ġirien. L-Istati Membri kollha tal-UE, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi potenzjalment kandidati, il-pajjiżi tal-Ftehim Ewropew għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) u l-pajjiżi fiż-żona tal-Politika Ewropea għall-Viċinat kif ukoll il-Federazzjoni Russa huma mistiedna jagħtu sehem fl-implimentazzjoni ta' dawn l-għanijiet. Il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tal-mobilizzazzjoni tal-isforzi u r-riżorsi kollha meħtieġa biex tiġi pprevenuta b'mod effettiv it-trażmissjoni tal-HIV, jinġiebu 'l quddiem id-drittijiet tal-bniedem tal-PLWHA u l-komunitajiet affettwati, minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE[8], u l-importanza tat-twassil ta' trattament u kura tal-HIV tal-aqwa kwalità lil kull min jeħtieġhom. L-epidemija attwali tal-HIV u l-bixriet mistennija fil-ġejjieni huma l-aħjar indirizzati permezz ta':

(i) Żieda fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta' prevenzjoni, li b'mod effettiv għandhom fil-mira r-realtajiet u l-ħtiġijiet lokali, filwaqt li jaħdmu biex jiżguraw aċċess universali għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ,

(ii) L-appoġġ ta' tweġiba effettiva għall-HIV/AIDS fir-reġjuni ta' prijorità, bħall-Istati Membri l-aktar affettwati tal-UE, il-Federazzjoni Russa u l-pajjiżi ġirien l-aktar milquta, u

(iii) L-iżvilupp ta' mezzi biex jintlaħqu u jiġu appoġġjati l-popolazzjonijiet l-aktar fir-riskju u l-aktar miftuħa għall-HIV/AIDS madwar l-Ewropa.

2.1. It-tmexxija politika

It-tmexxija politika hija vantaġġ importanti li l-Unjoni Ewropea tista' tipprovdi fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS.

L-HIV/AIDS tibqa' kundizzjoni bi stigma li, fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ġirien tagħha, taffettwa l-aktar il-gruppi emarġinati. In-nuqqas ta’ indirizzar fir-rigward tal-epidemija tal-HIV iġib ħsara konsiderevoli għas-saħħa tal-individwu u dik pubblika, u żieda fl-ispejjeż tas-soċjetajiet. Tweġiba effettiva għall-HIV teħtieġ tmexxija politika biex jiġi żgurat li s-saħħa u d-drittijiet tal-gruppi vulnerabbli għall-marda u affettwati minnha jinġiebu 'l quddiem.

It-tmexxija politika hija importanti biex tiġi ddefinita u żgurata l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-azzjonijiet. Politika ċara ta' affermazzjoni hija indispensabbli biex dawn il-prijoritajiet jiġu allinjati mal-ħtiġijiet u r-riżorsi.

Il-Kummissjoni

- tenfasizza l-ħtieġa li torbot it-tweġiba għall-HIV/AIDS mal-prijoritajiet soċjo-ekonomiċi fl-istrateġiji politiċi fuq il-livell nazzjonali

- tissokta tappoġġja attivitajiet li għandhom l-għan li (1) inaqqsu l-istigma marbuta mal-HIV, (2) iġibu l-quddiem ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-PLWHA kollha u (3) jindirizzaw il-forom kollha tad-diskriminazzjoni marbuta mal-HIV u jappoġġjaw l-inklużjoni soċjali tal-PLWHA.

- iġġib 'il quddiem is-simplifikazzjoni tal-kwistjonijiet marbuta mal-HIV/AIDS fl-istrateġiji politiċi, il-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet mal-UE kollha

- tappoġġja s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali fil-livell nazzjonali u Ewropew, u tappoġġja l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNAIDS f'ħidmiethom biex jimmobilizzaw it-tmexxija politika fl-Ewropa tal-Lvant.

- tagħmel sejħa lill-ECDC biex tissokta bis-sorveljanza tal-progress biex jintlaħqu l-impenji tad-Dikjarazzjonijiet ta' Dublin, Vilnius u Bremen.

2.2. Involviment tas-soċjetà ċivili u l-persuni li għandhom l-HIV/AIDS

Is-Soċietà Ċivili hija fattur ewlieni fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fil-livelli kollha u hija strumentali biex l-HIV/AIDS tinżamm fuq l-aġenda politika.

L-għaqdiet tas-Soċjetà Ċivili, inklużi dawk li jirrappreżentaw il-PLWHA u l-komunitajiet affettwati, kienu strumentali fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet prattiċi u politiċi biex tiġi indirizzata l-HIV/AIDS. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni waqqfet il-Forum tas-Soċjetà Ċivili (FSC) għall-HIV/AIDS fl-2005. Is-soċjetà ċivili għaddiet minn proċess b'saħħtu ta' internazzjonalizzazzjoni u professjonaliżmu. Il-Kummissjoni trid tiżgura li s-soċjetà ċivili tibqa' involuta fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika marbuta mal-HIV/AIDS u tibqa' minn ta' quddiem fit-tweġiba kkoordinata, filwaqt li taqsam ir-responsabilità biex jintlaħqu l-impenji. Is-Soċjetà ċivili għandu jkollha l-libertà meħtieġa li taġixxi u li tkun involuta fil-livelli kollha fit-tweġiba għall-HIV/AIDS mal-Ewropa kollha u lil hinn minnha.

Il-Kummissjoni

- tappoġġja l-involviment tal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili, inklużi dawk li jirrappreżentaw il-PLWHA u l-komunitajiet affettwati, fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tat-tweġiba għall-HIV/AIDS fl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi ġirien.

- se żżomm il-Forum tas-Soċjetà Ċivili għall-HIV/AIDS bħala l-mezz ewlieni ta' pariri lill-Kummissjoni u l-Grupp ta' Riflessjoni dwar l-HIV/AIDS

2.3. Responsabilitajiet tas-soċjetà usa'

It-trattament ugwali u s-solidarjetà huma fatturi ta' valur tas-soċjetajiet tolleranti u miftuħa.

Kull forma ta' diskriminazzjoni u stigmatizzazzjoni marbuta mal-HIV/AIDS hija inaċċettabbli. L-istrateġiji politiċi nazzjonali għandhom jagħtu prijorità lit-titjib mal-popolazzjoni in ġenerali tal-għarfien bażiku dwar l-HIV/AIDS u l-prevenzjoni tat-trażmissjoni tal-HIV. Atteġġjamenti ta' mingħajr preġudizzju jneħħu l-ostakoli potenzjali biex jinkiseb tagħrif marbut mal-HIV u jistgħu jappoġġjaw mudelli ta' aġir li jnaqqsu r-riskji.

L-istigma u d-diskriminazzjoni marbuta mal-HIV/AIDS joħolqu ostakoli għall-aċċess tal-ittestjar, it-trattament u l-kura tal-HIV. Il-Kummissjoni se tkompli tindirizza din il-kwistjoni fuq livell politiku u fl-istrateġiji politiċi tagħha ta' trattament ugwali[9].

Il-Kummissjoni

- tistqarr mill-ġdid il-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha jkunu xi jkunu l-istatus ta' saħħa tagħhom, l-orjentament sesswali, l-istil ta' ħajja, l-oriġini nazzjonali u soċjali

- se taħdem mal-partijiet kollha interessati u l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti biex issaħħaħ l-isforzi ta' qawmien ta' għarfien u biex tagħti bidu għal kampanji pubbliċi dwar l-HIV/AIDS

- tħeġġeġ taħriġ professjonali usa' dwar l-HIV, b'mod partikolari fl-oqsma soċjali u tas-saħħa kif ukoll fl-infurzar tal-liġi u l-edukazzjoni.

2.4. Aċċess universali għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ

L-iffinanzjament xieraq u l-appoġġ politiku huma meħtieġa biex jinkiseb "aċċess universali' mal-Ewropa kollha.

L-infezzjonijiet tal-HIV jistgħu jiġu prevenuti u ttrattati, u għalhekk irid ikun hemm infrastrutturi u tagħrif effettivi tal-kura tas-saħħa. Il-mexxejja tal-pajjiżi tal-G8 u, sussegwentement, il-kapijiet tal-istat u l-gvern fis-sessjoni speċjali tal-Assemblea Ġenerali tal-UN tal-2005 (UNGASS), approvaw l-impenn li "jiżviluppaw u jimplimentaw pakkett għall-prevenzjoni, it-trattament u l-kura tal-HIV, bl-għan li jintlaħaq kemm jista' jkun l-aċċess universali għat-trattament għal dawk kollha li jeħtieġuh sal-2010"[10].

Hekk kif il-pajjiżi qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jilħqu l-impenn tagħhom biex iżidu l-aċċess universali għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ għall-HIV sal-2010, il-Kummissjoni tistqarr mill-ġdid l-impenn tagħha u tenfasizza l-ħtieġa li tinvesti biex tilħaq u żżomm dawn l-għanijiet sal-2010 u lil hinn.

L-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jikkooperaw biex itejbu l-forniment ta' mediċini antiretrovirali bla periklu u għall-but ta' kulħadd lil kull min jeħtieġhom. Il-mediċini aċċessibbli huma essenzjali biex jintlaħaq l-aċċess universali madwar l-Ewropa kollha.

Il-Kummissjoni

- se taħdem biex tappoġġja l-awtoritajiet rilevanti u l-partijiet interessati biex jiżviluppaw approċċi effettivi li jiżguraw il-forniment ta' mediċini antiretrovirali bla periklu u għall-but ta' kulħadd lil kull min jeħtieġhom

- se taħdem flimkien ma' għaqdiet internazzjonali, bħall-UNAIDS, l-UNICEF u d-WHO, fl-isforzi tagħhom lejn l-ilħuq ta' aċċess universali fil-pajjiżi ġirien - tħeġġeġ l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri jivvalutaw il-possibilitajiet ta' fondi strutturali u soċjali u strumenti oħra biex jiżdiedu s-servizzi tas-saħħa marbuta mal-HIV/AIDS

3. PRIJORITAJIET

Il-prevenzjoni tat-trażmissjoni tal-HIV hija possibbli u hija l-iktar mod effettiv biex tiġi indirizzata l-HIV/AIDS. L-istrateġiji ta' prevenzjoni fil-mira u bbażati fuq evidenza li jindirizzaw ir-realtajiet lokali u l-popolazzjonijiet bi prijorità huma l-qofol tas-suċċess. Il-miżuri ta' prevenzjoni effettiva huma investimenti ta' nfiq effettiv b'benefiċċji sostanzjali fuq medda twila ta' żmien.

Il-prevenzjoni effettiva teħtieġ bażi ta' evidenza qawwija u sistemi ta' sorveljanza b'saħħithom, inkluża dejta sinifikattiva dwar l-aġir biex jiġi żgurat li l-forzi ewlenin wara l-epidemija jiġu indirizzati b'mod xieraq. Il-prevenzjoni pożittiva u s-saħħa u d-drittijiet sesswali u ta' tkattir tal-PLWHA huma aspetti importanti għall-ippjanar u l-programmi tal-politika nazzjonali. Il-prevenzjoni għandha ġġib 'il quddiem aġir sesswali aktar sikur. L-użu korrett u konsistenti tal-kondoms jibqa' l-mezz l-aktar effettiv fil-prevenzjoni tal-HIV mit-trażmissjoni sesswali, u l-forniment ta' labar sterili u tagħmir ta' titqib u t-trattament ta' sostituzzjoni huma l-aktar mezzi effettivi fil-prevenzjoni tal-HIV mill-użu tad-droga bis-siringa. Il-prevenzjoni għandha tindirizza b'mod xieraq il-qagħda tat-tfal[11] u ż-żgħażagħ. Hemm ukoll mezzi effettivi biex it-trażmissjoni mill-omm għat-tfal ma sseħħx, li għandhom jiġu applikati b'mod wiesa'. Il-prevenzjoni għandha tkun marbuta mal-ittestjar volontarju tal-HIV u msaħħaħ mill-pariri, l-aċċess universali għat-trattament, il-kura u l-appoġġ.

Fl-implimentazzjoni tal-istrateġija, l-intervent tal-UE se jkollu l-ewwel fil-mira r-reġjuni bi prijorità u l-popolazzjonijiet l-aktar fir-riskju.

3.1. Ir-reġjuni bi prijorità

Ir-rata ta' prevalenza tal-HIV f'bosta pajjiżi ġirien tal-Lvant tal-Ewropa hija għolja, l-għadd ta' infezzjonijiet ġodda dejjem tiela' jew stabbilizza ruħħu fuq rata għolja, l-aċċess għat-trattament huwa limitat għall-perċentwali baxxa ta' 10 % tan-nies li jeħtiġuh, il-koinfezzjonijiet bħat-tuberkulożi u l-epatite huma theddida serja għas-saħħa pubblika, u l-biċċa l-kbira tal-gruppi emarġinati bħall-IDU, l-imigranti u l-MSM huma affettwati b'mod proporzjonalment għoli.

Għalkemm l-HIV/AIDS tikkonċerna l-biċċa l-kbira tal-Ewropa, hemm ħtieġa partikolari biex jiġu indirizzati dawk ir-reġjuni li qed jerfgħu l-itqal piż. Il-fatturi li jikkontribwixxu għal dan il-piż huma: (i) id-daqs u d-distribuzzjoni tal-popolazzjonijiet l-aktar fir-riskju (ii) il-faqar u l-istatus ta' żvilupp ekonomiku, (iii) nuqqas ta' ugwaljanza soċjali, medika u ekonomika, inkluża d-diskriminazzjoni.

Il-Kummissjoni tagħraf il-ħtieġa li żżid il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi kandidati, il-pajjiżi kandidati potenzjali, u pajjiżi oħra ġirien, u li tappoġġja l-pajjiżi biex jiżviluppaw strateġiji maqtugħa għalihom. Hemm il-ħtieġa li jiġu introdotti miżuri ta' prevenzjoni effettivi, b'mod partikolari miżuri ta' tnaqqis tal-ħsara. Il-politika ta' saħħa pubblika u dik soċjali għandha tqis il-ħtiġijiet tal-minoranzi etniċi. In-nuqqas ta' ugwaljanza soċjali u l-ostakoli għall-kura tas-saħħa għandhom jingħelbu kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak operattiv.

Dan japplika b'mod partikolari għall-pajjiżi taż-żona tal-lvant tal-Politika Ewropea għall-Viċinat (PEV) u l-Federazzjoni Russa fejn l-epidemija tal-HIV hija kkonċentrata fil-popolazzjonijiet l-aktar fir-risku, b'potenzjal li tinfirex fil-popolazzjoni in ġenerali billi t-trażmissjoni eterosesswali qed tiżdied. Għalkemm il-miżuri u l-istrateġiji bi tweġiba għall-HIV/AIDS jinsabu ġeneralment fis-seħħ, l-aċċess għall-prevenzjoni, it-trattament u l-kura tal-HIV, u l-appoġġ, jeħtieġ titjib. L-appoġġ għall-isforzi tal-pajjiżi ġirien se jwaqqaf milli jinfirxu l-infezzjonijiet tal-HIV fl-UE u infezzjonijiet oħra marbuta magħha bħat-tuberkulożi u se jtejbu l-kundizzjonijiet tal-PLWHA fir-reġjun.

L-impenji politiċi għandhom iwasslu għal djalogu kostruttiv u jgħinu biex jingħelbu ostakoli attwali għall-implimentazzjoni ta' strateġiji attwali jew oħrajn ġodda. Hija u tibni fuq il-kooperazzjoni attwali, il-Kummissjoni hija lesta li ssaħħaħ il-kooperazzjoni permezz ta' mekkaniżmi u strumenti attwali. Bil-ħsieb li ssaħħaħ is-sorveljanza, il-Kummissjoni hija lesta li ġġib 'il quddiem bil-mod il-mod il-kooperazzjoni bejn l-ECDC u l-pajjiżi ġirien.

3.2. Gruppi bi prijorità - popolazzjonijiet l-aktar fir-riskju

Għalkemm l-ogħla għadd assolut ta' każijiet HIV ġodda fl-UE jseħħu minn trażmissjoni eterosesswali, il-gruppi l-aktar fir-riskju huma affettwati b'mod proporzonalment għoli. L-integrazzjoni sħiħa tal-minoranzi, tal-gruppi emarġinati jew soċjalment żvantaġġati hija fattur ewlieni fl-istrateġiji politiċi ta' suċċess kontra l-HIV/AIDS. L-aċċess universali għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ kif ukoll għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali u għal ambjent legali mhux diskriminatorju għandhom ikunu disponibbli għall-gruppi l-aktar fir-riskju. Programmi ta' prevenzjoni mmirata u soluzzjonijiet effettivi għandhom jinkludu l-komunikazzjoni adattata, l-aċċess għal trattament ta' kwalità għolja idealment mingħajr ħlas u fil-ħin, kunfidenzjali u anonimu. Il-prevenzjoni mmirata għandha b'mod partikolari tilħaq iż-żgħażagħ fi ħdan il-popolazzjonijiet l-aktar fir-riskju. Proporzjon kbir ta' żgħażagħ ma kellhomx esperjenza tar-realtajiet tal-AIDS tal-imgħoddi u minħabba f'hekk huma aktar negliġenti fir-rigward tar-riskju ta' infezzjoni tal-HIV. L-azzjonijiet tal-ġejjieni fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS għandhom jiffukaw fuq il-popolazzjonijiet l-aktar fir-riskju biex ikollhom l-ikbar impatt fuq l-epidemija:

(i) L-Irġiel li jkollhom rapport sesswali ma' Rġiel oħra huma l-popolazzjoni l-aktar fir-riskju fl-UE. Id-dimensjoni reali tal-epidemija tal-HIV MSM fil-pajjiżi Ewropej ġirien mhijiex magħrufa. L-istigma, id-diskriminazzjoni u l-omofobija huma ta' spiss marbuta mal-omosesswalità u jistgħu jwasslu għal dejta ta' sorveljanza ppreġudikata u għalhekk għal stima baxxa ta' dan il-grupp fl-epidemija tal-HIV/AIDS.

Il-programmi ta' prevenzjoni mmirata għandhom ikunu msaħħa biex jilħqu l-MSM, u l-ittestjar volontarju tal-HIV u msaħħaħ mill-pariri (flimkien ma' skrining u trattament effettiv ta' infezzjonijiet trażmessi sesswalment) jeħtieġ li jiġi intensifikat għall-popolazzjonijiet fir-riskju u l-MSM. Is-servizzi aċċessibbli ta' trattament, kura u appoġġ għall-HIV b'mod mhux diskriminatorju u kunfidenzjali għall-MSM huma ta' importanza kbira.

(ii) L-użu tad-droga bis-siringa (Injecting drug abuse - IDU) huwa l-fattur ewlieni tat-trażmissjoni tal-HIV fl-Ewropa tal-Lvant, fejn jirrappreżenta 2/3 tal-infezzjonijiet ġodda kollha. Il-vizzju tad-droga jitlob tweġiba medika u soċjali integrata. L-aċċess għal labar sterili, it-trattament tal-vizzju bbażat fuq l-evidenza, inklużi miżuri ta' sostituzzjoni u ta' tnaqqis tal-ħsara, irrużultaw li huma effettivi ħafna, inkluż f'żoni ta' prevalenza għolja u f'postijiet partikolari bħall-ħabs. L-investiment fil-kura tas-saħħa komprensiva għal min juża d-droga bis-siringa għandu jgħin biex jitnaqqas l-għadd ta' infezzjonijiet ġodda tal-HIV fost dawk li għandhom il-vizzju tad-droga, u jiħfief il-piż marbut mal-użu tad-droga.

(iii) L-imigranti minn pajjiżi bi prevalenza għolja ta' HIV u l-popolazzjonijiet li jispustaw rwieħhom huma affettwati partikolarment mill-HIV/AIDS, minkejja li aktar dejta tkun meħtieġa dwar ir-rabta bejn l-istatus legali u soċjo-ekonomiku tal-imigranti u l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u l-vulnerabilità tagħhom għall-HIV/AIDS. It-trażmissjoni eterosesswali tal-HIV fost l-imigranti tirrappreżenta madwar 40 % tad-dijanjożijiet ġodda tal-HIV minħabba rapporti sesswali fl-UE. L-aċċess għall-miżuri ta' prevenzjoni komprensiva u għall-ittestjar volontarju u kunfidenzjali għall-HIV u għas-servizzi ta' pariri, servizzi tas-saħħa u dawk soċjali jeħtieġ li jinġieb 'il quddiem. L-iżvilupp tas-servizzi tas-saħħa pubblika u dawk soċjali għall-imigranti jikkostitwixxi miżura effettiva kontra t-trażmissjoni tal-HIV.

Il-Kummissjoni

- iġġib 'il quddiem l-isforzi fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, li jżidu t-tolleranza u s-solidarjetà biex jiġu inklużi fis-soċjetà l-popolazzjonijiet emarġinati u l-aktar fir-riskju

- tappoġġja l-mezzi effettivi, adattati u etiċi tal-prevenzjoni tal-HIV inkluż l-aċċess imtejjeb għall-ittestjar volontarju u msaħħaħ mill-pariri għall-popolazzjonijiet l-aktar fir-riskju u f'żoni bi prevalenza għolja ta' infezzjoni tal-HIV.

- se tinkludi l-HIV/AIDS u kwistjonijiet marbuta mas-saħħa sesswali fil-ħidma usa' tagħha għas-saħħa taż-żgħażagħ, b'mod partikolari biex iġġib 'l quddiem għarfien aħjar dwar l-HIV/AIDS

- titlob lill-ECDC tipprovdi dejta għal għarfien aktar preċiż tal-epidemija tal-HIV, inklużi l-inċidenza u l-prevalenza tal-HIV, id-dejta dwar l-aġir, u infezzjonijiet tal-HIV mhux dijanjostikati

- se tipprovdi riżorsi permezz ta' programmi attwali (l-aktar fis-saħħa pubblika u r-riċerka) u strumenti tal-UE biex ittejjeb il-prevenzjoni u tindirizza l-koinfezzjonijiet bħat-tuberkulożi u l-epatite

- tappoġġja xogħol marbut mal-HIV/AIDS imwettaq fil-qafas tas-"Sħubija dwar is-Saħħa Pubblika u l-Benessri Soċjali tad-Dimensjoni tat-Tramuntana" (NDPHS)

- se tindirizza l-HIV/AIDS f'negozjati fil-ġejjieni dwar ftehimiet bi- u multilaterali ma' pajjiżi terzi fejn meħtieġ

- se taħdem mal-ECDC biex tiżviluppa bil-mod il-mod sal-2013 il-kooperazzjoni bejn l-ECDC u l-pajjiżi ġirien biex tiġġieled kontra l-HIV/AIDS u infezzjonijiet marbuta magħha.

- tħeġġeġ l-Istati Membri jiżviluppaw aktar u jimplimentaw programmi ta' kooperazzjoni teknika orizzontali u ta' skambju biex isaħħu l-kapaċità tal-istituzzjonijiet governattivi u tal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili biex jiżviluppaw, jimplimentaw u jevalwaw programmi nazzjonali effettivi għall-HIV/AIDS

4. TITJIB TAL-GĦARFIEN

4.1. Sorveljanza, monitoraġġ u valutazzjoni

Il-partijiet interessati għandhom jikkontribwixxu lejn sistema ta' sorveljanza solida.

Is-sorveljanza tal-HIV/AIDS[12] għall-Ewropa titwettaq mill-ECDC f'kooperazzjoni mal-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropa, u mill-UNAIDS. Is-sistemi ta' sorveljanza nazzjonali għandhom isiru kompatibbli fis-sħiħ mar-rekwiżiti internazzjonali u l-pajjiżi kollha għandhom jirrappurtaw regolarment l-epidemiji tal-HIV/AIDS tagħhom. Is-sorveljanza tat-tieni ġenerazzjoni u tal-aġir trid tissaħħaħ biex wieħed jifhem aktar id-dinamika tal-epidemija fl-Ewropa. L-iżvilupp tal-politika u l-implimentazzjoni jeħtieġu dejta solida u ta' kwalità, jiġifieri jkun hemm bżonn ta' aktar studji dwar l-aġir. Dawk li jfasslu l-politika jeħtieġu evidenza aħjar dwar il-kawża tal-epidemija. Is-sehem tal-infezzjonijiet trażmessi sesswalment (STIs) fit-trażmissjoni tal-HIV għandu jiġi evalwat biex ikun ta' informazzjoni għat-tfassil tal-politika u jwassal għal prevenzjoni, dijanjożi, trattament u monitoraġġ aħjar.

Il-Kummissjoni

- tħeġġeġ l-Istati Membri kollha, fit-tkomplija tas-sorveljanza mwettqa skont id-Deċiżjoni 2119/98/KE, jiġbru dejta aktar b'saħħitha u komprensiva dwar l-HIV/AIDS u l-STIs, inkluż dwar il-koinfezzjonijiet.

- titlob lill-ECDC ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien u msieħba oħra bħall-UNAIDS

4.2. Riċerka u mediċina

Aktar xjenza bijoloġika, medika u soċjali hija meħtieġa biex jinstabu s-soluzzjonijiet.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ aktar investiment pubbliku u privat fuq medda twila ta' żmien fir-riċerka għall-iżvilupp ta' teknoloġiji u trattamenti ġodda u mtejba għall-HIV u infezzjonijiet marbuta. L-inċidenza għolja tat-tuberkulożi u t-tuberkulożi reżistenti għal ħafna mediċini hija ta' tħassib speċjali u trid tiġi ssorveljata mill-qrib u indirizzata b'mod effettiv. L-aċċess wiesa' għas-servizzi mediċi integrati u l-investiment f'infrastrutturi effettivi tal-kura tas-saħħa huma kritiċi fil-kontroll ta' dawn l-infezzjonijiet. Biex wieħed jifhem u jwieġeb b'mod effettiv għat-tixrid tal-HIV u l-koinfezzjonijiet tinħtieġ aktar riċerka soċjali, ekonomika u tal-aġir, kif ukoll għarfien aċċessibbli għall-politika u l-ipprogrammar effettivi bbażati fuq l-evidenza.

Il-Kummissjoni

- se tkompli tipprovdi riżorsi biex ittejjeb l-iffukar fuq ir-riċerka dwar l-HIV u l-infezzjonijiet opportunistiċi marbuta permezz tal-qafas ta' riċerka u l-programmi tas-saħħa

- tisqarr mill-ġdid il-ħtieġa li jikbru l-isforzi fir-riċerka u l-iżvilupp tal-vaċċini, inklużi teknoloġiji ġodda għall-vaċċini, mikrobiċidi u fit-terapewtika ġdida.

- se tkompli tappoġġja l-investimenti għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' interventi innovattivi ta' prevenzjoni u terapija

- se taħdem mal-partijiet interessati kollha biex tiffoka aktar sforzi fuq ir-riċerka tax-xjenza soċjali marbuta mal-HIV/AIDS

5. RIŻULTATI MISTENNIJA

Il-Kummissjoni tistenna li l-azzjonijiet imwettqa bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri, il-pajjiżi ġirien u l-partijiet interessati mal-Ewropa kollha bi qbil mal-prijoritajiet imsemmija hawn fuq iwasslu għal:

- Għadd imnaqqas ta' infezzjonijiet HIV , aċċess għal ittestjar tal-HIV għal kull min jinsab f'riskju, u aċċess universali għal trattament, kura u appoġġ permezz ta' kooperazzjoni mtejba transkonfinali, miżuri ta' prevenzjoni mmirata, miżuri ta' tnaqqis tal-ħsara, tagħrif dwar it-tnaqqis tar-riskju, aċċess universali għal mediċini bla periklu u għall-but ta' kulħadd u servizzi mediċi u soċjali integrati. L-aġir individwali b'riskju se jitnaqqas kemm jista' jkun sabiex tiġi evitata t-trażmissjoni tal-HIV.

- Titjib veru tal-kwalità tal-ħajja tal-persuni li għandhom l-HIV u l-popolazzjonijet l-aktar fir-riskju. Il-PLWHA u l-popolazzjonijiet l-aktar fir-riskju għandu jkollhom aċċess ġenerali għall-ittestjar, il-prevenzjoni, it-trattament u s-servizzi tal-kura, għal miżuri ta' tnaqqis tal-ħsara, għas-servizzi ta' prevenzjoni sekondarja u dawk soċjali u psikoloġiċi. L-Unjoni Ewropea tappoġġja l-integrazzjoni wiesgħa tal-PLWHA fil-proċessi soċjali u tax-xogħol u fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika tal-HIV/AIDS.

- Solidarjetà msaħħa lejn tweġiba ċara għall-HIV/AIDS. Id-diskriminazzjoni u l-istigmatizzazzjoni marbuta mal-HIV/AIDS trid tiġi indirizzata mal-Ewropa kollha u fil-livelli kollha tas-soċjetà. Dan għandu jwassal għal aktar interventi kontra l-HIV/AIDS ibbażati fuq l-evidenza, għal infrastrutturi aħjar u aċċess imtejjeb għall-informazzjoni, l-ittestjar, it-trattament, il-kura u l-appoġġ.

- Edukazzjoni, tagħrif u għarfien aħjar dwar l-HIV/AIDS. L-inklużjoni tal-edukazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva fil-kurrikuli tal-iskola tkun ta' benefiċċju għall-prevenzjoni tal-HIV u l-STI u għandha ssib appoġġ politiku wiesgħa. Iż-żgħażagħ għandhom ukoll jingħataw is-setgħa u jiġu involuti fit-tfassil tal-informazzjoni li tikkonċerna lilhom, u għandha tiġi żviluppata informazzjoni mfassla għalihom, partikolarment għaż-żgħażagħ f'riskju ta' esklużjoni mis-soċjetà. It-tagħrif u l-għarfien limitat tal-fatti dwar l-HIV/AIDS u l-STIs iwassal għal rati ogħla ta' trażmissjoni. Il-bażi tat-tagħrif għandha tiġi evalwata fuq bażi regolari sabiex jingħataw prijorità dawk il-kwistjonijiet l-aktar ċari u sabiex l-isforzi edukattivi jinżammu qrib il-ħtiġijiet tal-gruppi fil-mira.

6. PJAN TA' AZZJONI, MONITORAĠĠ U VALUTAZZJONI

Din il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija kkomplementata minn pjan ta' azzjoni operattiva li trid tiġi żviluppata aktar bil-kooperazzjoni tal-Grupp ta' Riflessjoni dwar l-HIV/DIDS, il-Forum tas-Soċjetà Ċivili u l-partijiet interessati esterni bi qbil mal-linji tal-azzjonijiet politiċi ppreżentati hawnhekk.

L-azzjonijiet tal-UE se jiġu ffinanzjati permezz tal-Programm tas-Saħħa 2008-13 u l-pajjiżi eliġibbli għandhom jagħmlu użu mill-fondi strutturali. L-iffinanzjar jista' jkun disponibbli wkoll permezz tas-7 Programm ta' Qafas għar-Riċerka.

Sal-2012 se titwettaq valutazzjoni indipendenti tal-intervent ġenerali tal-UE biex tiġi miġġielda l-HIV/AIDS fl-Ewropa biex jiġu evalwati l-impatt u r-rilevanza tal-azzjonijiet. Bl-appoġġ tal-ECDC, il-Grupp ta' Riflessjoni dwar l-HIV/AIDS, is-CSF u għaqdiet internazzjonali magħżula, il-Kummissjoni se tidentifika l-indikaturi xierqa għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta' din il-Komunikazzjoni u l-pjan ta' azzjoni. Il-Kummissjoni u l-partijiet interessati se jidentifikaw l-organizzazzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet attribwiti matul il-proċess ta' implimentazzjoni.

[pic] |

[1] ECDC/WHO. Sorveljanza fl-Ewropa tal-HIV/AIDS, 2007. Stokkolma, 2008; u r-Rapport tal-UNAIDS 2008.

[2] COM(2005) 654.

[3] COM(2005) 179.

[4] Il-Progress dwar l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta' Dublin dwar is-sħubija fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS fl-Ewropa u l-Ażja Ċentrali. Rapport WHO/UNAIDS. 2008.

[5] Dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni Ewropea fit-63 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali dwar l-Implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tal-Impenn dwar l-HIV/AIDS u d-Dikjarazzjoni Politika dwar l-HIV/AIDS, New York, 16 ta' Ġunju 2009.

[6] Dublin 2004, Vilnius 2004, Bremen 2007, il-konklużjonijiet tal-Kunsill 2005 u 2007, rapport tal-Parlament Ewropew 2007 u 2008, UNGASS 2001/2006/2008, Miri ta' Żvilupp għall-Millennju 2000, Gleneagles 2005, Heiligendamm 2007.

[7] SEC(2009) 1404

[8] ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

[9] Id-Direttivi fil-qasam ta' kontra d-diskriminazzjoni huma: Id-Direttiva tal-Ugwaljanza Razzjali, 2000/43/KE, u d-Direttiva tal-Ugwaljanza fl-Impjieg, 2000/78/KE. Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini ta' razza jew etnika, u d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.

[10] Ir-Rapport tad-WHO 2008: Lejn aċċess universali sal-2010.

[11] Ara d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġiet rratifikata mill-Istati Membri kollha tal-UE.

[12] Ara d-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE.