52009DC0512




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.9.2009

KUMM(2009) 512 finali

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

"Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta' strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE"

{SEG(2009) 1257}

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

"Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta' strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE"

L-IMPORTANZA TA' TEKNOLOġIJI ABILITANTI ESSENJALI GħAS-SOċJETÀ U L-EKONOMIJA

L-għamla u l-potenzjal tal-industriji madwar id-dinja se jiġi trasformat matul il-5 sa 10 snin li ġejjin. Se jinħolqu prodotti u servizzi ġodda. Parti sinifikanti tal-prodotti u servizzi li se jkunu disponibbli fis-suq fl-2020 għalissa għadhom mhumiex magħrufa, imma l-mutur ewlieni wara l-iżvilupp tagħhom se jkun l-użu ta' teknoloġiji abilitanti essenzjali (TAE). Dawk il-pajjiżi u reġjuni li jisfruttaw dawn it-teknoloġiji se jkunu fuq quddiem nett fil-ġestjoni tal-bidla lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien u b'użu baxx tal-karbonju, li hija l-prekundizzjoni għall-iżgurar tal-benessri, il-prosperità u s-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom. Għaldaqstant l-użu minn TAE fl-UE mhuwiex biss ta' importanza strateġika imma huwa wkoll indispensabbli[1].

Fil-fatt l-UE għandha bżonn rendiment innovattiv qawwi sabiex tarma ruħha bil-mezzi kollha meħtieġa biex tindirizza l-isfidi soċjetali ewlenini li ġejjin, bħall-ġlieda kontra l-bdil fil-klima, il-ġlieda kontra l-faqar, it-trawwim tal-koeżjoni soċjali u t-titjib tal-effiċjenza tar-riżorsi u l-enerġija. Din it-triq tippermetti lill-UE taħtaf opoortunitajiet globali, filwaqt li toffri opportunitajiet ta' xogħol sostenibbli b'impjiegi ta' kwalità għolja. It-TAE huma intensivi fl-għarfien u marbuta ma' intensità għolja ta' riċerka u żvilupp, ċikli rapidi ta' innovazzjoni, infiq kapitali għoli u xogħol b'ħiliet għoljin. Huma jippermettu l-innovazzjoni fil-proċess, fil-prodotti u fis-servizzi fl-ekonomija kollha u huma ta' rilevanza sistemika. Huma huma multidixxiplinari u jaqsmu minn fost ħafna oqsma teknoloġiċi b'tendenza lejn il-konverġenza u l-integrazzjoni. It-TAE jistgħu jgħinu f'oqsma oħra lill-iktar avvanzati fit-teknoloġija biex jikkapitalizzaw l-isforzi ta' riċerka li jkunu għamlu.

Is-suq huwa kompetittiv ħafna u t-teknoloġiji jinħolqu tipikament fi ħdan ambjent tan-negozju, fejn l-SMEs ikollhom rwol importanti, speċjalment billi jipprovdu inputs u soluzzjonijiet innovattivi għal kumpaniji globali. Għalhekk, il-bini ta' sinerġiji u l-ilħuq ta' massa kritika hija importanti. Barra minn hekk, peress li r-riċerka fit-TAE spiss issir mill-qrib ma' siti tal-assemblaġġ u l-produzzjoni, l-użu fl-industriji fl-UE għandu jirriżulta fil-modernizzazzjoni tal-bażi industrijali u fl-issudar ulterjuri tal-bażi ta' riċerka fl-Ewropa. Filwaqt li r-riċerka u l-iżvilupp meħtieġa u l-applikazzjonijiet speċifiċi tagħhom huma primarjament ir-responsabilità tan-negozji, min ifassal il-politika hemm bżonn li joħloq il-kundizzjonijiet qafas u l-istrumenti ta' appoġġ it-tajbin għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali tal-UE għall-iżvilupp tat-TAE.

Bħalissa l-UE għandha kapaċitajiet ta' riċerka u żvilupp tajbin ħafna f'ċerti oqsma ta' teknoloġiji abilitanti essenzjali; madankollu m'għandhiex l-istess suċċess fil-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka permezz ta' prodotti manifatturati u servizzi. Biex titjieb din is-sitwazzjoni hemm bżonn ta' approċċ iktar strateġiku għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kapitalizzazzjoni. Barra minn hekk, s'issa, ma kien hemm l-ebda qbil komuni fuq x'għandu eżattament jitqies bħala TAE. L-UE diġà ppreżentat approċċ iktar strateġiku f'ċerti oqsma bħax-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija, in-nanoxjenzi u n-nanoteknoloġiji jew it-teknoloġiji tal-enerġija[2]. Iżda m'hemm l-ebda strateġija koerenti fil-livell Ewropew dwar kif dawn it-teknoloġiji jistgħu jitwasslu aħjar għal użu industrijali. Din il-Komunikazzjoni għalhekk tipprova tniedi proċess ta' identifikazzjoni tat-TAE li jqawwu l-kapaċità industrijali u ta' innovazzjoni biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali li ġejjin u tipproponi sett ta' miżuri biex jitjiebu l-kundizzjonijiet ta' qafas relatati. Hija tagħmel parti mill-iżvilupp tal-politika industrijali tal-UE u tat-tħejjija għall-pjan Ewropew għall-innovazzjoni[3].

L-IDENTIFIKAZZJONI TAT-TEKNOLOġIJI ABILITANTI ESSENZJALI

Bosta Stati Membri bdew jidentifikaw it-teknoloġiji abilitanti li huma rilevanti għall-kompetittività u l-prosperità futuri tagħhom u li jimmiraw l-infiq tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp skont dan (ara SEC (2009) 1257). Madankollu, hemm differenzi bejn l-Istati Membri dwar x'għandu jitqies bħala TAE, li jista' jiġi spjegat mill-qawwiet u l-limiti tal-qafas industrijali u tar-riċerka tagħhom. Kienu qed isiru wkoll diskussjonijiet fil-livell Ewropew imma s'issa ma wasslux għal qbil komuni dwar liema minn dawn it-teknoloġiji jeħtieġu kooperazzjoniji iktar strateġika għat-titjib tal-kompetittività industrijali[4]. Skont l-aħħar rapport tax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Kompetittività, il-pajjiżi li qegħdin fuq quddiem bħaċ-Ċina, il-Ġappun u l-Istati Uniti qegħdin jiffukaw ukoll fuq teknoloġiji abilitanti, speċjalment il-bijoteknoloġija, l-ICT u n-nanoteknoloġija[5]. Fi ħdan l-ICT, oqsma speċifiċi bħall-makro- u n-nanoelettroniċi u fotoniċi ħaqqhom azzjonijiet politiċi immedjati minħabba s-sitwazzjoni tal-industrija tal-UE fil-kompetizzjoni globali u l-isfidi li ġejjin mill-kriżi ekonomika[6]. Sistemi ta' qbid u ħżin tal-karbonju (QĦK) huma attività oħra li l-UE offriet kooperazzjoni fuqhom lil sħab internazzjonali, għalhekk hija stess għandu jkollha t-teknoloġiji affordabbli neċessarja.

Abbażi tax-xejriet tar-riċerka u s-suq globali attwali dan li ġej jista' jitqies bħala l-iktar TAE strateġikament rilevanti, minħabba l-potenzjal ekonomiku, il-kontribut biex jissolvew sfidi soċjetali u l-intensità tal-għarfien:[7]

In-nanoteknoloġija tipprometti li twassal għall-iżvilupp ta' apparati u sistemi nano u mikro intelliġenti u għal innovazzjonijiet radikali f'oqsma vitali bħall-kura tas-saħħa, l-enerġija, l-ambjent u l-manifattura.

Mikro u nanoelettroniċi, fosthom semikondutturi , huma essenzjali għall-prodotti u s-servizzi kollha li għandhom bżonn kontroll intelliġenti f'setturi tant diversi bħal dak awtomobilistiku u tat-trasport, l-ajrunawtika u l-ispazju. Sistemi intelliġenti ta' kontroll industrijali jippermettu ġestjoni iktar effiċjenti ta' ġenerazzjoni, ħżin, trasport u konsum tal-elettriku permezz ta' netwerks u apparati elettriċi intelliġenti;

Il-fotonika hija qasam multidixxiplinari li jittratta d-dawl, u jinkludi l-ġenerazzjoni, id-detezzjoni u l-ġestjoni tiegħu . Fost affarijiet oħra hija tipprovdi bażi teknoloġika għall-konverżjoni ekonomika tad-dawl tax-xemx f'elettriku li huwa importanti għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, u varjetà ta' tagħmir u komponenti elettroniċi bħall-fotodijodi, LEDs u lejżers.

Materjali avvanzati joffru titjib maġġuri f'varjetà wiesgħa ta' oqsma differenti, eż. fil-qasam ajruspazjali, fit-trasport, il-bini u l-kura tas-saħħa. Dawn jiffaċilitaw ir-riċiklaġġ, it-tnaqqis tal-marka tal-karbonju u d-domanda għall-enerġija kif ukoll li jillimitaw il-bżonn għall-materji primi li fl-Ewropa huma skarsi.

Il-bijoteknoloġija twassal għal alternattivi ta' proċessi iktar indaf u sostenibbli għall-operazzjonijiet industrijali u agrialimentari. Pereżempju hija se tippermetti s-sostituzzjoni progressiva ta' materjali mhux rinnovabbli li bħalissa qed jintużaw f'diversi industriji b'riżorsi rinnovabbli, madankollu l-ambitu tal-applikazzjonijiet għadu fil-bidu.

Il-potenzjal ta' dawn it-teknoloġiji fil-parti l-kbira għadu ma ġiex sfruttat. Hemm bżonn li jevolvu soluzzjonijiet dejjem iktar sistemiċi sabiex jindirizzaw sfidi soċjetali ewlenin, bħall-iżgurar ta' komunikazzjoni b'veloċità qawwija, l-iżgurar tal-forniment tal-ikel, l-ambjent, is-sejba ta' soluzzjonijiet adatti għat-trasport, l-iżgurar ta' livelli għolja ta' kura tas-saħħa għal popolazzjoni li qed tixjieħ, il-ħruġ tal-potenzjal tas-servizzi, l-iżgurar tas-sigurtà interna u esterna u l-indirizzar tal-kwistjoni tal-enerġija. Teknoloġiji u applikazzjonijiet b'użu baxx ta' karbonju se jkollhom rwol vitali fl-ilħuq tal-miri Ewropej għall-enerġija u l-bdil fil-klima. Pereżempju, se jkun hemm bżonn ta' QĦK u netwerks tat-trasport relatati mas-CO2 biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fil-pajjiżi li se jkomplu jserrħu bil-qawwi fuq sorsi ta' enerġija fossili. It-TAE, bħall-materjali l-ġodda għall-produzzjoni tal-enerġija, it-trasport u l-ħżin għandhom rwol importanti. Dawn jistgħu jwasslu għal effiċjenza aħjar fir-riżorsi u l-enerġija u fl-bżonnijiet ta' impatt ambjentali tagħhom li jkunu vvalutati f'perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, filwaqt li jieħdu vantaġġ mill-inizjattivi relatati promossi fil-livell tal-UE f'dan il-kuntest[8]. Biex ikun hemm approċċ inklussiv għat-TAE, iridu jiġu indirizzatti attivament ukoll il-konsegwenzi ambjentali u tas-saħħa leġittimi.

Fil-katina tal-forniment tat-TAE, sistemi ta' manifatturazzjoni avvanzati huma importanti biex jipproduċu prodotti bbażati fuq l-għarfien li jkunu kummerċjabbli u ta' valur għoli u s-servizzi relatati (eż. ir-robotika moderna). Dan huwa rilevanti speċjalment f'industriji b'kapital intensiv b'metodi ta' assemblaġġ kumplessi bħall-produzzjoni u l-assemblaġġ ta' bċejjeċ tal-ajru li jinvolvu l-ispettru kollu tat-teknoloġiji ta' manifatturazzjoni mis-simulazzjoni u l-ipprogrammar tal-linji ta' assemblaġġ robotiċi għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġiji u l-materjali. Minħabba l-iżvilupp rapidu fix-xjenza u r-riċerka, it-teknoloġiji ta' hawn fuq jistgħu jsiru globali malajr fis-snin li ġejjin u jistgħu jfiġġu teknoloġiji ġodda. Deskrizzjoni dettaljata ta' dawn it-teknoloġiji inkluż il-potenzjal stmat fis-suq ta' bħalissa hija ppreżentata fis-SEC (2009) 1257.

RAPPORT DWAR IL-PROGRESS, IS-SUċċESSI U L-ISFIDI

Kumplessivament, l-UE għandha intensità ta' riċerka u żvilupp ta' 25 % biss f'manifattura b'teknoloġija għolja meta mqabbla mat-30 % fl-Istati Uniti. Barra minn hekk is-sehem tat-teknoloġija għolja fi ħdan l-industrija tal-manifattura totali fil-Ġappun hija ta' 33 % ogħla u tal-Istati Uniti anke 50 % ogħla minn dik tal-Ewropa. L-industriji b'teknoloġija għolja huma l-aktar intensivi fir-riċerka u l-iżvilupp, fejn l-isforzi ta' manifatturazzjoni u riċerka hemm bżonn li jiġu integrati biex iħarsu s-suċċess fit-tul tat-tnejn. Għalhekk, kemm is-sehem iżgħar tal-industrija tat-teknoloġija għolja fl-UE u l-intensità relattivament iżgħar tar-Riċerka u l-Iżvilupp tispjega l-qabża bejn l-użu ta' TAE bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-Ġappun[9]. L-UE madankollu għandha qawwiet f'ċerti teknoloġiji għolja abilitanti grazzi għall-bażi industrijali u ta' riċerka tajba tagħha. Dan huwa partikolarment minnu għall-materjali avvanzati li huma marbuta mal-kompetittività tal-UE fl-industriji kimiċi, awtomobilistiċi, tal-inġinerija mekkanika, ajrunawtiċi u spazjali. L-UE għandha wkoll qawwiet industrijali u ta' riċerka sinifikanti fin-nano- u fil-mikroelettronika, il-bijoteknoloġija u l-fotonika. Fin-nanoteknoloġija, teknoloġja li għadha emerġenti, l-UE għandha livelli simili ta' nfiq fir-riċerka u l-iżvilupp bħall-Istati Uniti imma b'sehem iżgħar mis-settur privat (ara SEC (2009) 1257).

Fil-fatt l-UE qiegħda tiffaċċja ostakli sinifikanti biex tilħaq użu usa' ta' dawn it-TAE. B'mod partikolari, l-UE kienet inqas effettiva mill-Istati Uniti u xi pajjiżi Ażjatiċi f'termini ta' kummerċjalizzazzjoni u esplojtazzjoni tan-nanoteknoloġija, xi aspetti tal-fotonika, il-bijoteknoloġija u s-semikondutturi. Dawn huma kollha oqsma fejn saru sforzi pubbliċi sostanzjali fir-riċerka u l-iżvilupp, madankollu dawn ma jissarrfux biżżejjed f'kisbiet ekonomiċi u soċjetali. Hemm bosta raġunijiet għal dan:

- L-UE ma tikkapitalizzax b'mod effettiv ir-riżutati tar-riċerka u l-iżvilupp tagħha stess[10]. Minħabba f'hekk riċerka għalja ħafna, kemm minn sorsi pubbliċi u kemm minn sorsi privati meħuda fl-UE twassal għall-kummerċjalizzazzjoni f'reġjuni oħra. Dan mhux fl-interess Ewropew u żviluppi bħal dawn jipperikolaw il-kapaċitajiet futuri ta' riċerka fl-UE, għax fil-medda taż-żmien it-twila l-attivitajiet ta' riċerka u żvilupp x'aktarx li jsegwu l-produzzjoni lejn pajjiżi terzi. Jista' jkun relattivament faċli għall-kompetitturi jew l-imitaturi biex ilaħħqu u jieħdu ħafna mill-profitti potenzjali mill-iżviluppatur oriġinali, jekk id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) ma jkunux protetti b'mod effettiv u infurzati internazzjonalment.

- Spiss l-għarfien u l-fehim pubbliku ta' teknoloġiji abilitanti essenzjali jkun nieqes. Dan jista' jikkontribwixxi għal tħassib ambjentali jew ta' saħħa u sigurtà dwar l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji għolja. Dan mhux minnu biss għall-applikazzjonijiet marbuta partikolarment mal-konsum pubbliku jew l-użu aħħari bħal fil-kura tas-saħħa u l-ikel, imma wkoll għal oqsma oħra. Spiss ma jkun hemm l-ebda strateġija proattiva li tgħaqqad flimkien lill-partijiet interessati biex jindirizzaw tħassib pubbliku jew beżgħat biex jiġu evitati dewmien fl-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda fl-UE. Sabiex tiġi żgurata aċċettazzjoni usa' tal-utenti u l-użu fil-pront ta' teknoloġiji għolja, il-fehim u l-għarfien pubbliku dwar il-bżonnijiet tat-teknoloġiji abilitanti hemm bżonn li jittejbu u kwalunkwe tħassib etiku, ambjentali, ta' saħħa u ta' sigurtà jridu jkunu antiċipati, ivvalutati u indirizzati fi stadju bikri.

- Hemm nuqqas ta' xogħol ta' ħila mmirat lejn in-natura multidixxiplinari tat-teknoloġiji abilitanti essenzjali. Filwaqt li l-Ewropa għandha kapaċitajiet ta' riċerka f'teknoloġiji abilitanti essenzjali li huma minn ta' quddiem u tista' tieħu minn bażi ta' għarfien sostanzjali fix-xjenza u fl-inġinerija[11], hemm bżonn li tkompli tespandi l-bażi ta' gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (XTIM) u ssib modi biex timmassimmizza t-tqassim effettiv tagħhom fir-riċerka u n-negozju. It-trasferiment tal-għarfien bejn ir-riċerkaturi, l-intraprendituri u l-intermedjarji finanzjarji hemm bżonn li jissaħħu. L-istudenti u l-professuri speċjalment għandhom bżonn ta' inċentivi iktar qawwija biex jikkummerċjalizzaw ir-riżultati tar-riċerka biex iżidu l-effetti kollaterali tar-riċerka universitarja.

- Fl-UE, il-livelli tal-finanzjament tal-kapital ta' riskju u l-investiment privat disponibbli għat-TAE jibqgħu komparattivament baxxi. Is-sitwazzjoni saret terġa' iktar problematika matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika ta' bħalissa. Pereżempju, madwar 80 % tal-finanzjament tal-kapital ta' riskju ta' madwar id-dinja relatat man-nanoteknoloġija jiġi mill-Istati Uniti. Spejjeż ta' żvilupp għoljin u inċertezza jagħmlu d-disponibilità tal-kapital ta' riskju kruċjali. Iċ-ċikli tal-ħajja qosra tal-prodott ta' ħafna prodotti ta' teknoloġija għolja, eż. semikondutturi jew prodotti bbażati fuq il-fotonika flimkien ma' spejjeż ta' żvilupp inizjali għoljin, spiss jagħmlu l-finanzjament riskjuż u diffiċli. Fl-2005, l-investiment totali tal-Istati Uniti fil-kapital ta' riskju f'setturi ta' teknoloġija għolja kien ta' madwar tliet darbiet tal-livell investit fl-UE[12]. Il-kapitalisti ta' riskju Amerikani jidhru li għandhom iktar suċċess billi jikkonċentraw l-investiment tagħhom fi proġetti/teknoloġiji iktar avvanzati li qed jiġġeneraw profitti ogħla, filwaqt li timijiet ta' riċerka Ewropej jeħtieġu jfittxu kapital ta' riskju fi stadju bikri wisq meta l-inċertezzi spiss ikunu għadhom għoljin wisq għaż-żewġ partijiet[13].

- Il-frammentazzjoni tal-isforzi tal-politika tal-UE spiss tkun ikkawżata minn nuqqas ta' viżjoni u koordinament fit-tul. Hemm bżonn ta' tqassim aħjar tax-xogħol biex jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-isfruttament industrijali fl-UE. Il-politiki teknoloġiċi tal-Istati Membri individwali, filwaqt li ffukati similarment, spiss ikunu jonqoshom is-sinerġiji u l-benefiċċji tal-ekonomiji ta' skala u l-ambitu li jiġu minn azzjonijiet konġunti koordinati. L-istrument għall-inizjattivi ta' teknonoloġija konġunti jistgħu jkunu ssemplifikati u msaħħa iktar u r-rwol tal-pjattaformi teknoloġiċi[14] jista' jitwessa' u l-koordinament bejn il-pjattaformi jista' jissaħħaħ biex jiġi żgurat il-kontribut għat-TAE għas-soluzzjoni ta' sfidi soċjetali essenzjali. Skont il-livell ta' maturità tat-TAE, huwa essenzjali li jkun hemm integrazzjoni qawwija bejn ir-riċerka sperimentali, l-innovazzjoni u l-isfruttament industrijali. Eżempju huwa l-bżonn li jitwettqu "prova tal-kunċett" fil-preproduzzjoni u proġetti ta' test tal-fabbrikazzjoni għaljin ħafna biex tiġi żgurata l-adozzjoni ta' TAE. Dawn il-proġetti ta' dimostrazzjoni jistgħu jibbenefikaw minn programmazzjoni konġunta u parteċipazzjoni mal-UE kollha, biex jintlaħaq id-daqs effettiv minimu għad-diffużjoni ta' dawn it-teknoloġiji. Il-frammentazzjoni tas-swieq għall-innovazzjonijiet hija dgħufija ewlenija kkawżata eż. minn regolamenti differenti, standardizzazzjoni, ċertifikazzjoni u proċeduri ta' akkwist pubbliku fost l-Istati Membri.

- F'xi pajjiżi terzi it-TAE jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ mill-istat, li spiss ma jkunux trasparenti u għalhekk jeħtieġu li jkunu analizzati ulterjorment. . Fil-Komunità, l-Istati Membri jistgħu jagħtu sostenn pubbliku b'konformità mar-regoli eżistenti tal-għajnuna mill-istat u jħeġġu miżuri għal TAE, li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-istat. Huwa tal-ogħla importanza li jkun żgurat li l-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu jikkompetu bl-istess kundizzjonijiet tal-kompetituri tagħhom minn pajjiżi terzi. Regoli Ewropej tal-għajnuna mill-istat jipprovdu qafas u kundizzjonijiet biex jippermettu lill-Istati Membri jagħtu l-istess intensitajiet ta' għajnuna pprovduta minn pajjiżi terzi fil-qasam tal-għajnuna mill-istat għar-riċerka u l-iżvilupp.

IT-TRAWWIM TA' TEKNOLOġIJI ABILITANTI ESSENZJALI FL-UE

L-indirizzar tal-bżonn li jitrawmu t-TAE fl-UE jeħtieġ titjib ċar fir-rendiment tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE sabiex tirnexxi l-ambizzjoni tal-UE li ssir post ta' klassi dinjija għall-intraprenditorjat u l-innovazzjoni, b'din tal-aħħar tkun indirizzata fir-reviżjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-innovazzjoni[15]. Din ir-reviżjoni, fost l-oħrajn, enfasizzat l-importanza tat-twaqqif ta' privattiva Komunitarja u sistema unifikata ta' litiġji dwar il-privattivi. Biex it-TAE jibdew jintużaw b'mod effettiv fl-industrija hemm bżonn li jiġu indirizzati l-oqsma politiċi li ġejjin:

Fokus ikbar fuq l-innovazzjoni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali

It-tnaqqis ekonomiku affettwa l-investiment b'mod ġenerali u speċjalment f'setturi b'fattur teknoloġiku bħall-kimiċi, l-industrija awtomobilistika, il-kostruzzjoni u l-elettronika. Riżultat industrijali iktar baxx u adozzjoni teknoloġika iktar bil-mod inaqqsu d-domanda għal fornituri ta' teknoloġija bażika. Għan ewlieni tas-sostenn pubbliku għar-riċerka u l-iżvilupp fil-Qafas tal-UE u l-programmi tal-Istati Mambri għandu jkun li jiġi żgurat li l-fluss tal-innovazzjoni jinżamm u li l-adozzjoni tat-teknoloġija tkun iffaċilitata[16]. Is-sejħiet għall-proposti fis-snin li ġejjin għandhom jitfasslu b'tali mod li jiżguraw ir-rabta bejn ir-riżultat tar-riċerka u l-impatt industrijali. Il-programmi appoġġati pubblikament għandhom ikunu msaħħa biex jgħinu lill-industriji essenzjali jżommu l-pjanijiet ta' innovazzjoni fit-tul tagħhom għat-teknoloġiji abilitanti u b'hekk jiżguraw il-kompetittività tagħhom fit-tkabbir ekonomiku sussegwenti[17].

Fokus ikbar fuq it-trasferiment tat-teknoloġija u fuq il-ktajjen tal-provvista mal-UE kollha

Il-proċess tat-trasferiment tat-teknoloġija bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-industrija hemm bżonn li jissaħħu. L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u n-Netwerk Ewropew għall-Intrapriża jista' jkollhom rwol importanti f'dan ir-rigward, imma l-Istati Membri jista' jkollhom bżonn iżidu l-kapaċità tagħhom għat-trasferiment tat-teknoloġija permezz tat-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-istituzzjonijiet tal-kuntratt ibbażat fuq ir-riċerka u l-SMEs[18]. Aċċess ikbar għall-SMEs biex jippermettu teknoloġiji għolja mmanifatturati fl-Ewropa u l-promozzjoni ta' għenieqed u netwerks ta' innovazzjoni reġjonali huma essenzjali għall-ħolqien u ż-żamma ta' innovazzjoni ta' klassi dinjija. Dawn huma elementi essenzjali ta' strateġija ta' innovazzjoni Ewropea b'bażi wiesgħa u tal-Att tan-Negozji ż-Żgħar. Il-potenzjal ta' espansjoni tat-trasferiment teknoloġiku u l-ktajjen tal-provvista mal-UE kollha jista' jeħtieġ ukoll li jissaħħaħ, eż. billi t-tagħrif dwar l-għarfien espert fir-riċerka u l-ispeċjalizzazzjoni tal-SME fornitur isir disponibbli b'mod usa' madwar l-UE. Involviment iktar bikri ta' klijenti potenzjali f'attivitajiet ta' riċerka u żvilupp jista' wkoll itejjeb it-trasferiment teknoloġiku.

Fokus ikbar fuq programmazzjoni strateġika konġunta u proġetti ta' dimostrazzjoni

Il-Komunità, kif ukoll l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom ifittxu approċċ iktar strateġiku u koordinat biex jiġu evitati duplikazzjonijiet mhux ekonomiċi u jikkapitalizzaw b'mod iktar effettiv ir-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp relatati mat-TAE. Dan l-approċċ għandu jinkludi sforzi miżjuda ta' innovazzjoni u jagħmel enfasi ikbar fuq it-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka fi prodotti kummerċjabbli. Sejħiet konġunti, li diġà saru bejn temi differenti jistgħu jiffukaw iktar fuq it-TAE bl-ikbar potenzjal għas-sinerġiji u għall-użu usa' fl-industriji Ewropej. B'mod parallel, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiddiskutu l-valutazzjoni tat-TAE, jistabbilixxu l-aqwa prassi u jissettjaw prijoritajiet mill-medda taż-żmien medja għal dik twila.

Sabiex tintlaħaq massa suffiċjentement kritika u tingħeleb il-frammentazzjoni, il-programmi ta' innovazzjoni ffinanzjati fl-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentivi iktar qawwija għal azzjonijiet ta' programmazzjoni konġunti u kollaborattivi bejn l-Istati Membri[19]. Dan jippermetti li jiġu żviluppati politiki teknoloġiċi iktar ambizzjużi, li jiftħu l-benefiċċji ta' ekonomiji ta' skala u ambitu u jiffiċilita alleanzi strateġiċi bejn kumpaniji Ewropej.

Hekk kif l-ispejjeż tal-proġetti ta' dimostrazzjoni xi kultant ikunu ta' importanza ikbar minn dawk tar-riċerka u l-iżvilupp fi stadju ogħla, iktar kollaborazzjoni madwar l-UE b'involviment iktar qawwi mill-industrija u mill-utenti jista' jippermetti li l-proġetti jkunu realizzati effiċjentement u b'mod iktar affordabbli. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex tiġi identifikata u mibdija firxa ta' inizjattivi Ewropej konġunti u komuni, ta' riċerka, dimostrazzjoni jew ta' għemil ta' prototipi u infrastrutturi, bħal fil-każ tal-kofinanzjament ta' proġetti ta' dimostrazzjoni ta' QĦK. Barra minn hekk, hija se tagħmel studju biex tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji biex tistabbilixxi l-produzzjoni ta' semiconductor wafer ta' 450mm fl-UE u l-impatt sussegwenti fuq il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea.

Politiki dwar l-għajnuna statali

Għajnuna mill-istat immirata sew li tindirizza nuqqasijiet fis-suq tkun strument xieraq biex jiżdiedu r-riċerka u l-iżvilupp u biex titrawwem l-innovazzjoni fl-UE. Il-qafas Komunitarju tal-2006 għall-għajnuna statali għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni żied l-intensitajiet tal-għajnuna permessa u l-għadd ta' kategoriji ta' għajnuna. Il-Kummissjoni beħsiebha twettaq reviżjoni tal-qafas fl-2010 li se jivvaluta jekk l-emendi humiex neċessarji inkluż jekk il-possibilitajiet li tingħata spinta lill-innovazzjoni permezz tal-għajnuna Statali humiex adegwati.

Kumbinazzjoni tal-użu ta' TAE mal-politika tal-Bdil fil-klima

Filwaqt li hu ovvju li l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien mhux se tintlaħaq mingħajr il-kapaċità li jiġu żviluppati u użati t-TAE, xorta huwa importanti li jkun enfasizzat li r-rwol ewlieni tal-UE fil-ġlieda kontra l-bdil fil-klima jrid ikun ibbażat fuq l-iktar teknoloġiji moderni, b'mod partikolari t-TAE. Il-kumbinazzjoni tat-trawwim tat-TAE u l-ġlieda kontra l-bdil fil-klima toffri opportunitajiet ekonomiċi u soċjali importanti u tiffaċilita wkoll konsiderevolment il-finanzjament tas-sehem Ewropew mill-piż li se jkun ir-riżultat tal-ftehim internazzjonali li qiegħed jitħejja.

Is-swieq ewlenin u l-akkwist pubbliku

L-UE teħtieġ ambjent favorevoli għall-kapitalizzazzjoni effettiva tar-riżultati ta' riċerka fil-prodotti. Hemm bżonn ukoll li tippromwovi d-domanda li teħtieġ approċċ iktar immirat bħal dak segwit fil-politika ta' innovazzjoni bl-Inizjattiva tas-Suq Ewlieni. L-akkwist pubbliku jista' wkoll ikollu rwol fl-istimolu ta' teknoloġiji abilitanti għoljin u applikazzjonijiet innovattivi ewlenin ġodda. L-Istati Membri jistgħu jużaw akkwist prekummerċjali u akkwist għal innovazzjonijiet qrib is-suq fuq skala kbira biex jistimulaw swieq teknoloġiċi abilitanti emerġenti.

It-tqabbil internazzjonali ta' politiki ta' teknoloġija għolja u kooperazzjoni internazzjonali msaħħa

L-iskambju ta' esperjenzi u l-aqwa prassi bejn l-Istati Membri u ma' reġjuni oħra għandu jkun intensifikat. L-Istazzjon spazjali internazzjonali jissimbolizza mhux biss kisba xjentifika, imma jirrifletti wkoll il-kisbiet industrijali bl-għaqda ma' xulxin. Il-Kummissjoni għalhekk se tagħmel tqabbil internazzjonali ta' politiki ta' teknoloġija għolja f'pajjiżi ewlenin u emerġenti oħrajn, bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Indja u tesplora l-ambitu għal kooperazzjoni iktar mill-qrib.

Il-Politika tal-Kummerċ

Fi ħdan "l-Istrateġija tal-Ewropa Globali" tal-Kummissjoni għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu żgurati kundizzjonijiet kummerċjali favorevoli għat-TAE b'mezzi bilaterali u multilaterali, jiġifieri jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq internazzjonali, jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet tal-investiment, jitjieb il-ħarsien tal-IPR, u jitnaqqas l-użu ta' sussidji u ostakli ta' tariffi u mhux ta' tariffi fil-livell globali.

Il-politika tal-kummerċ irid jiżgura li distorsjonijiet potenzjali fil-kummerċ li jkunu ġejjin minn sussidji diretti jew indiretti f'pajjiżi terzi jkunu skrinjati u ttrattati b'mod effettiv, pereżempju permezz ta' strumenti ta' difiża tal-kummerċ jew permezz tal-proċedura tas-soluzzjoni għat-tilwim fejn ikun hemm vjolazzjonijiet tar-regoli eżistenti bħall-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta' Kontrobilanċ. Għalhekk, il-Kummissjoni se timmonitorizza attivament is-sussidji u distorsjonijiet oħra għall-kummerċ minn pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll kif tista' tiżgura bl-aħjar mod li ftehimiet bilaterali u multilaterali futuri jipprojbixxu effettivament prattiki ta' sussidju bħal dawn u li klawżoli ta' soluzzjoni għat-tilwim bilaterali jkunu msaħħa jekk ikun hemm bżonn. Fora internazzjonali eżistenti, bħal-"Laqgħa tal-Gvernijiet/Awtoritajiet dwar is-Semikondutturi (GAMS)", għandhom jintużaw biex jiġu indirizzati l-problemi li ġew identifikati.

Strument ta' finanzjament mill-BEI u finanzjament ta' kapital ta' riskju

Il-Kummissjoni se tistimula iktar investiment finanzjarju miżjud f'industriji ta' teknoloġiji għolja għar-riċerka, l-iżvilupp, il-manifattura u l-infrastruttura u se tħeġġeġ lill-BEI biex jiżviluppa iktar il-politika ta' self tiegħu biex jagħti prijorità lill-industrija ta' teknoloġija għolja bl-użu ta' strumenti xierqa bħal faċilità finanzjarja ta' qsim tar-riskju u l-istrument tal-garanzija tas-self jew it-tfassil ta' strumenti ġodda sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti, billi titqies il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali.

Il-finanzjament tal-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika wkoll jeħtieġ tisħiħ tal-fondi tal-kapital ta' riskju speċjalizzati fl-investiment fi stadju bikri. Fondi bħal dawn huma sostnuti taħt l-istrumenti finanzjarji tal-Programm Qafas dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP)[20]. Tista’ tkun żgurata biżżejjed disponibilità ta' kapital ta' riskju permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati li għandhom rwol kritiku fil-ħolqien u l-espansjoni ta' kumpaniji b'riċerka u żvilupp intensivi[21].

Ħiliet, edukazzjoni ogħla u taħriġ

Trid tingħata attenzjoni għall-aġġornament tal-ħiliet u għall-iżvilupp ta' strateġiji ta' ħiliet adegwati biex jiġi pprovdut taħriġ vokazzjonali xieraq b'reazzjoni għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol[22]. Dan jista' jiżgura li l-potenzjal sħiħ tat-teknoloġiji l-ġodda jkun sfruttat. Ix-xjenzi naturali u l-inġinerija jridu jilħqu l-post xieraq tagħhom fis-sistemi edukattivi. Il-perċentwali tal-gradwati f'dan il-qasam għandu jiżdied, anke billi jattira talenti internazzjonali[23]. Hemm bżonn li jitjiebu l-ħiliet u l-esperjenza multidixxiplinarji. Għandhom isiru wkoll sforzi addizzjonali għat-titjib tal-ħiliet ekoloġiċi u abjentali u fl-introduzzjoni ta' studji ambjentali fil-kurrikuli tal-inġinerija u tan-negozju b'konformità mal-istrateġija tal-UE tal-e-skills[24].

IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

It-tfassil ta' qafas tal-politika industrijali għal teknoloġiji abilitanti għoljin jinħtieġ li jkun ibbażat fuq viżjoni komuni u b'bażi wiesgħa madwar l-UE dwar it-teknoloġiji li l-UE tixtieq tirnexxi fihom fir-riċerka u l-produzzjoni. Dan se jkun element importanti għall-iżvilupp tal-UE fi spazju li jkattar l-innovazzjoni. Huwa se jinħtieġ ukoll li jkun jaqbel mal-ambizzjoni Ewropea li jkollha rwol internazzjonali essenzjali fl-iffaċċjar tal-isfidi soċjetali globali u biex tittraduċi l-impenn tagħha fil-kisbiet tal-benessri kemm f'darha kif ukoll fl-esteru.

Għal dak l-għan se jkun hemm bżonn ta' viżjoni komuni fit-tul u sħubija b'saħħitha bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha, in-negozji u l-partijiet interessati ewlenin. Għalhekk il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jaqblu dwar l-importanza tal-użu tat-TAE fl-UE u biex jappoġġjaw l-orjentazzjonijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni preżenti.

Fil-medda l-qasira l-Komunità se trawwem l-użu ta' teknoloġiji abilitanti essenzjali fi ħdan il-qafas politiku attwali tagħha. (i) ir-regoli tal-għajnuna mill-istat (bħall-qafas tal-għajnuna Statali temporanja) (ii) aspetti tan-negozju (iii) aċċess għall-finanzi l-iktar fi ħdan l-att ta' innovazzjoni li ġej dalwaqt[25] u (iv) tisħiħ ta' inizjattivi eżistenti u/jew proposta ta' azzjonijiet diretti fil-qasam ta' teknoloġiji abilitanti għoljin speċifiċi.

Barra minn hekk hija tissuġġerixxi t-twaqqif ta' grupp espert ta' livell għoli inkarigat li jiżviluppa strateġija komuni iktar fit-tul għat-teknoloġiji abilitanti essenzjali, li jindirizza partikolarment l-oqsma identifikati fil-kapitolu 4. Il-grupp ta' livell għoli se jkun magħmul mill-esperti akkademiċi u industrijali tal-Istati Membri. Dan il-grupp ta' esperti ta' livell għoli jibni fuq ir-riżultati tas-sejbiet tal-grupp espert dwar it-teknoloġiji essenzjali fl-2005. Biex jinħolqu s-sinerġiji dan il-grupp espert għandu jserraħ u jikkoopera mill-qrib ma' gruppi esperti oħra tal-Kummissjoni dwar l-innovazzjoni u t-teknoloġija, l-EIT, il-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej u l-Inizjattivi tat-Teknoloġija Konġunta u għandu:

1. jivvaluta l-qagħda kompetittiva tat-teknoloġiji rilevanti fl-UE b'fokus partikolari fuq l-użu industrijali u l-kontribut tagħhom biex jindirizzaw sfidi soċjetali,

2. janalizza fil-fond il-kapaċitajiet pubbliċi u privati disponibbli tar-riċerka u l-iżvilupp għat-TAE fl-UE (fil-livelli kollha) u

3. jipproponi rakkomandazzjonijiet politiċi speċifiċi għal użu industrijali iktar effettiv għat-TAE fl-UE.

Il-Kummissjoni se tirrapporta lura lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sal-aħħar tal-2010.

[1] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tat-28 ta’ Mejju 2009 sostnew "li jkun ta' importanza partikolari li jinżammu investimenti qawwija fir-riċerka u l-iżvilupp fl-industriji ta' teknoloġija għolja fl-Ewropa. Dawn jipprovdu l-iktar setturi importanti ta' manifatturazzjoni b'teknoloġiji indispensabbli" u qed jistennew "l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiżviluppa politika proattiva biex tabilita industriji ta' teknoloġija għolja."

[2] "Ix-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija - Strateġija għall-Ewropa" COM(2002)27, "Nanoxjenzi u nanoteknoloġiji: Pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa għall-2005 - 2009" COM(2005) 243 u Pjan strateġiku Ewropew għat-teknoloġija tal-enerġija (SET-plan) COM(2007) 723

[3] Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta’ Diċembru 2008 jsejjaħ għat-"tnedija ta' pjan Ewropew għall-innovazzjoni ... li jinkludi fih il-kundizzjonijiet kollha għal żvilupp sostenibbli u t-teknoloġiji ewlenin għall-ġejjieni."

[4] Rapport sinteżi tal-grupp ta' esperti tat-teknoloġiji essenzjali (2005); Xkiel fis-sistema ta' kreattività: lejn strateġija tar-riċerka li tmur lil hinn minn Liżbona.

[5] Rapport taċ-ċifri ewlenin tax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Kompetittività 2008/2009.

[6] Oqsma oħra importanti tal-ICT, bħas-softwer u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' Internet Futur bi broadband b'veloċità qawwija huma appoġġjati minn iniżjattivi separati tal-UE u għalhekk huma mhumiex fil-punt fokali ta' din il-Komunikazzjoni; ara pereżempju, Strateġija għar-R&D u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-ICT fl-Ewropa: Ngħollu l-mira COM(2009) 116.

[7] Għal analiżi iktar fil-fond tad-diversi TAE, ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal akkumpanjanti (SEC (2009) 1257)

[8] Ara l-Komunikazzjoni Dwar il-Politika Integrata tal-Prodotti COM (2003) 302; Il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija COM (2007) 723 għandu l-għan ewlieni li jaċċelera l-iżvilupp ta' teknoloġiji ewlenin bħall-QĦK u t-teknoloġiji rinnovabbli; L-Alleanza Ewropea għar-Riċerka tal-Enerġija (EERA) imnedija fi ħdan il-qafas tal-Pjan SET se twaqqaf programmi konġunti, inkluża xjenza bażika tal-enerġija u teknoloġiji abilitanti u innovattivi.

[9] http:// ec.europa.eu/research/era/pdf/key-figures-report2008-2009_en.pdf.

[10] Ara wkoll, Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel COM (2009) 442.

[11] Il-pajjiżi tal-UE għad għandhom sehem ikbar ta' gradwati fix-xjenza u t-teknoloġija (27 %) mill-Ġappun (24 %) jew mill-Istati Uniti (16 %), minkejja sehem iżgħar ta' riċerkaturi fil-forza tax-xogħol: Sors: Eurostat (2006): "Ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni fl-Ewropa".

[12] OECD Xjenza, Teknoloġija u Indistrija: Perspettiva 2008.

[13] Rapport taċ-ċifri ewlenin tax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni 2005 u “The shifting structure of private equity funding in Europe. What role for early stage investment?” ECFIN/L/6(2005)REP/51515.

[14] Eżempji ta' pjattaformi teknoloġiċi relatati mat-teknoloġiji għoljin abilitanti jinkludu l-Pjattaforma tat-Teknoloġija Ewropea dwar il-Kimika Sostenibbli jew il-Pjattaforma Teknoloġija dwar it-teknoloġiji ta' manifatturazzjoni futuri.

[15] Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f'dinja li qed tinbidel COM (2009) 442. Din il-Komunikazzjoni ma tirreplikax strumenti ta' innovazzjoni ġenerali li huma meħtieġa għat-trawwim tat-TAE, imma tiffoka fuq dawk l-azzjonijiet li huma speċifiċi għall-użu tat-TAE.

[16] Il-Pjan ta' Rkupru propost mill-Kummissjoni fl-2008 jinkludi sħubijiet pubbliċi privati għar-riċerka u l-iżvilupp relatati mal-"Fabbriki tal-Futur", "Binjiet Effiċjenti fl-Enerġija" u "Karozzi Ekoloġiċi".

[17] Sforzi li diġà saru bil-Programm Qafas u l-JTIs fuq in-nanoelettronika u s-Sistemi Inklużi Fihom għandhom ikunu msaħħa.

[18] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni għall-proprjetà intellettwali f'attivitajiet ta' trasferiment tal-għarfien u Kodiċi ta' Prassi għall-universitajiet u għaqdiet ta' riċerka pubblika oħrajn C(2008)1329.

[19] Għall-qasam tar-riċerka ara COM (2008) 468 "Lejn Programmazzjoni Konġunta tar-Riċerka: Naħdmu flimkien biex nindirizzaw l-isfidi komuni b’mod aktar effettiv."

[20] Id-Deċiżjoni 1639/2006/KE tal-24 ta' Ottubru 2006; ĠU L 310/15.

[21] Għal lista ta' self attwali mill-BEI għal proġetti b'komponenti ta' teknoloġija għolja żur www.eib.org.

[22] Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda COM (2008) 868.

[23] Indikatur possibbli għall-bijoteknoloġija pereżempju huwa l-għadd ta' Gradwati b'PhD fix-Xjenzi tal-Ħajja, ara pereżempju: European Techno-Economic Policy Support Network (2006): “Consequences, opportunities and challenges of Modern Biotechnology for Europe”; L-infiq kumplessiv Ewropew fl-edukazzjoni ogħla huwa ta' 1.3 % tal-PGD, li huwa iktar baxx milli fl-Istati Uniti (2.9 %); ara Bruegel (2009) memos lill-Kummissjoni l-ġdida: il-prijoritajiet ekonomiċi tal-Ewropa 2010-2015.

[24] "Ħiliet fl-elettronika għas-seklu 21: It-trawwim tal-Kompetittività, it-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi" COM (2007) 496.

[25] COM (2009) 442.