52009DC0489

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operat tad-dispożizzjonijiet għall-ittimbrar ta' dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi skont l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) /* KUMM/2009/0489 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.9.2009

KUMM(2009) 489 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-operat tad-dispożizzjonijiet għall-ittimbrar ta' dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi skont l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)

INTRODUZZJONI

Fit-13 ta' Ottubru 2006 daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, minn issa 'l quddiem KFS)[1]. Il-KFS ikkonferma l-obbligu, li kien iddaħħal permezz tar-Regolament (KE) Nru 2133/2004[2], li d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jiġu ttimbrati hekk kif dawn jidħlu u joħorġu. Il-Kodiċi jagħti wkoll lista ta' dokumenti li fuqhom għandu jitqiegħed it-timbru ta' dħul u ta' ħruġ, kif ukoll dokumenti li huma eżenti milli jiġu ttimbrati. Barra min dan, iddaħħlet il-possibbiltà li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jassumu li ċittadin ta' pajjiż terz li jkollu dokument tal-ivvjaġġar li ma jkollux fuqu timbru ta' dħul ma jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet tat-tul tal-perjodu taż-żjara fi ħdan l-Istati Membru kkonċernat. Iċ-ċittadin ta' pajjiż terz għandu l-possibbiltà li jikontesta din l-assuzjoni. Jekk hu jew hi ma jikkontestawhiex, il-persuna tista' titkeċċa mit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati.

Fis-6 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni adottat ir-rakkomandazzjoni tagħha li tistabbilixxi “Manwal Prattiku għall-Gwardjani tal-Fruntieri” [3] (MPGF) b'linji ta' gwida speċifiċi għall-ittimbrar tad-dokumenti tal-ivvjaġġar (It-Tieni Parti, Taqsima I, punt 4) u b'mod partikolari l-eżenzjonijiet mill-ittimbrar, sitwazzjonijiet fejn ma jkunx hemm aktar spazju għall-ittimbrar fid-dokument tal-ivvjaġġar, l-ittimbrar ta' dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu soġġetti għalll-obbligu tal-viża, eċċ.

Skont it-termini tal-Artikolu 10(6) tal-KFS, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-tmiem tal-2008 dwar l-operat tad-disposizzjonijiet dwar l-ittimbrar tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.

Għal dan il-għan, f'Awwissu 2008 il-Kummissjoni fasslet kwestjonarju indirizzat lill-Istati Membri biex tikseb informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-ittimbrar ta' dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. Kien hemm bżonn li jintbagħtu diversi noti ta' tfakkira sakemm inkisbet l-informazzjoni meħtieġa. Dan ir-rapport tħejja fuq il-bażi tat-tweġibiet li taw il-ħamsa u għoxrin Stat Membru ta' Schengen. Żewġ Stati Membri (Malta u l-Portugall) ma pprovdewx l-informazzjoni mitluba[4].

L-ELEMENTI EWLENIN TAS-SISTEMA TA' TTIMBRAR

L-ewwelnett, l-obbligu li d-dokumenti tal-ivvjaġġar jiġu ttimbrati sistematikament hekk kif ċittadini ta' pajjiżi terzi jidħlu u joħorġu għal żjara qasira li ma tkunx ta' aktar minn tliet xhur, f'kull perjodu ta' sitt xhur, fi ħdan iż-żona ta' Schengen, irid ikun osservat.

Ta' min jgħid li fil-każ ta' kontrolli anqas riġidi fuq il-fruntieri, skont l-Artikolu 8 tal-KFS, il-gwardjani tal-fruntieri għadhom obbligati li jistampaw id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi sew kif jidħlu kif ukoll kif joħorġu.

L-Artikolu 10(3) tal-KFS idaħħal eżenzjonijiet mill-ittimbrar sistematiku, bħal fil-każ ta' dokumenti tal-ivvjaġġar ta' Kapijiet ta' Stat u ta' dinjatarji li l-wasla tagħhom tkun tħabbret uffiċjalment minn qabel b'mezzi diplomatiċi, kif ukoll kategoriji oħra kif imniżżla fl-Artikolu msemmi.

Ma għandu jitpoġġa l-ebda timbru ta' dħul jew ħruġ fuq dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini tal-UE, tan-Norveġja, tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein u tal-Iżvizzera. Barra minn dan, m'għandu jitqiegħed l-ebda timbru fuq dokumenti ta' reżidenti tar-reġjun tal-fruntiera skont is-sistema tat-traffiku fuq il-fruntieri, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1931/2006[5]. Id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u ta' membri tal-familja ta' ċittadini tal-UE huma wkoll eżenti milli jiġu ttimbrati mad-dħul u l-ħruġ meta dawn jippreżentaw karta ta' reżidenza maħruġa minn Stat Membru skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE[6].

L-arranġamenti prattiċi għall-istampar huma mniżżla fl-Anness IV tal-KFS dwar l-ittimbrar, li jdaħħlu pereżempju regoli komuni dwar l-ittimbrar ta' dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi soġġetti għall-obbligu tal-viża jew l-obbligu tal-Istati Membri li jaħtru punti ta' kuntatt nazzjonali responsabbli għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-kodiċi ta' sigurtà tat-timbru tad-dħul u ta' ħruġ użati fil-postijiet fejn tinqasam il-fruntiera.

L-Artikolu 10(3), l-aħħar inċiż tal-KFS idaħħal il-possibbiltà li jkun hemm eżenzjoni eċċezzjonali mill-ittimbrar, fuq talba ta' ċittadin ta' pajjiż terz, fil-każ tal-possibbiltà li l-ittimbrar jikkawża diffikultajiet serji għall-persuna (bħal problemi ta' natura politika). F'dak il-każ, id-dħul jew il-ħruġ irid ikun irreġistrat fuq dokument separat u għandu jingħata liċ-ċittadin ta' pajjiż terz.

L-Artikolu11 tal-KFS idaħħal assunzjoni possibbli ta' żjara illegali ta' ċittadin ta' pajjiż terz li jinstab fuq it-territorju ta' Stat Membru ta' Schengen jew meta jkun qed joħroġ miż-żona ta' Schengen mingħajr ma jkollu timbru tad-dħul. F'din is-sitwazzjoni, iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jista' jikkontesta l-assunzzjoni billi jipprovdi, b'kull mezz li jista' jkollu, provi kredibbli, bħal ma huma biljetti tal-ivvjaġġar jew kontijiet tal-lukandi, provi tal-preżenza tiegħu jew tagħha barra ż-żona ta' Schengen, li huwa jew hija jkun jew tkun irrispetta/t il-kundizzjoni ta' żjara qasira fiż-żona ta' Schengen. F'każ bħal dan, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jindikaw fid-dokument tal-ivvjaġġar, skont il-liġi u l-prassi nazzjonali, id-data u l-post ta' meta tkun inqasmet il-fruntiera esterna ta' wieħed mill-istati Membri.

Barra min dan, iċ-ċittadin ta' pajjiz terz jista' jingħata formola kif iddaħħlet fl-Anness VIII tal-KFS. Il-formola tingħata biss fil-każ meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz jagħti prova li huwa jew hija irrispetta/t l-kundizzjoni tat-tul taż-żjara qasira awtorizzata, għalkemm id-dokument tal-ivvjaġġar tiegħu jew tagħha ma jkunx fih timbru.

Jekk il-persuna ma jirnexxiliex tiċħad l-assunzjoni ta' żjara illegali, hu jew hija jista'/tista' j/titkeċċa mill-awtoritajiet kompetenti mit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati.

L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jinfurmaw lil xulxin, lill-Kummisjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-prassi nazzjonali tagħhom fejn jidħlu l-assunzjoni ta' żjara illegali, u kif din tinċaħad.

INFORMAZZJONI ġENERALI DWAR L-APPLIKAZZJONI TAD-DISPOżIZZJONIJIET DWAR L-ITTIMBRAR TA' DOKUMENTI TAL-IVVJAġġAR TA' ċITTADINI TA' PAJJIżI TERZI U DIFFIKULTAJIET LI KIEN HEMM

Fit-tweġibiet tagħhom, l-Istati Membri ddikjaraw li huma wettqu l-ittimbrar tad-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'mod sħiħ, korrett u sistematiku. L-Istati Membri ddikjaraw li ma kien hemm l-ebda problema ewlenija matul it-twettiq ta' dan l-eżerċizzju. Għalhekk, ma ġew irrappurtati l-ebda problemi speċifiċi marbuta ma' ħinijiet twal ta' stennija fil-fruntieri esterni jew mal-ittimbrar fil-każ li l-kontrolli fil-fruntiera jsiru anqas stretti skont l-Artikolu 8 tal-KFS.

Id-diffikultajiet li nstabu, kif deskritti mill-Istati Membri, huma tan-natura li ġejja:

- Nuqqas ta' timbru ta' dħul minn Stati Membri oħra;

Il-Kummissjoni tisħaq li huwa biss l-ittimbrar sistematiku li jagħmilha possibbli li jiġu stabbiliti, b'ċertezza, id-data u l-post ta' meta tkun inqasmet il-fruntiera esterna u huwa għalhekk neċessarju għall-verifika tar-rispett tat-tul ta' żjara awtorizzata ta' ċittadin ta' pajjiż terz fi ħdan iż-żona ta' Schengen (ara wkoll il-punt 5 hawn taħt).

- Diffikultajiet fil-qari, peress li t-timbri jkunu ġew stampati ħażin (eż. fuq il-bolla tal-viza b'mod li l-parti tal-viża li tinqara bil-makna tkun mgħottija u għalhekk ma tkunx possibbli l-verifika bl-użu ta' qarrejja elettroniċi ottiċi), fuq timbri ta' qabel, b'mod parzjali (parti mit-timbru tkun nieqsa), b'mod kaotiku u mhux kronoloġiku, b'mod mhux ċar u dritt (eż. fuq it-tarf tal-passaport jew partijiet li ma jistgħux jinqraw b'nuqqas ta' linka);

Sabiex ikun jista' jiġu ddeterminat malajr u b'mod tajjeb it-tul ta' żjara ta' ċittadin ta' pajjiż terz fit-territorju ta' Schengen, il-Kummissjoni tfakkar li l-prassi rakkomandati dwar l-ittimbrar huma disponibbli, kif ipprovdut fil-Punt 4.6 tal-MPGF, u b'mod partikolari:

- It-timbri għandhom ikunu stampati, jekk huwa possibbli, f’ordni kronoloġiku biex ikun eħfef li jinstab meta l-persuna tkun qasmet il-fruntiera l-aħħar;

- It-timbru tal-ħruġ għandu jkun stampat qrib it-timbru tad-dħul;

- It-timbru għandu jkun stampat f’pożizzjoni orizzontali biex ikun jista’ jinqara faċilment;

- L-ebda timbru m’għandu jkun stampat fuq timbri li jkunu hemm diġà, inklużi dawk ittimbrati minn pajjiżi oħra.

Barra minn dan, ta' min ifakkar li l-Anness IV, punt 3 tal-KFS jistabbilixxi regoli dwar l-ittimbrar ta' dokumenti tal-ivvjaġġar li jkun fihom il-viżi. Għalhekk, [...] it-timbru jiġi, jekk jista' jkun, jitwaħħal b'mod li jkopri t-tarf tal-viża mingħajr ma jaffettwa l-possibbiltà li jinqraw l-indikazzjonijiet fuq il-viża jew il-karatteristiċi ta' sigurtà tat-tikketta tal-viża. Jekk ikollhom jitwaħħlu diversi timbri [...] dan għandu jsir fuq il-paġna li tkun faċċata ta' dik fejn tkun twaħħlet il-viża. Jekk dik il-paġna ma tkunx tista’ tintuża, it-timbru jrid jiġi stampat fuq il-paġna ta’ wara. Iż-żona li tinqara mill-magna m'għandhiex tiġi ttimbrata.

- M’hemm l-ebda spazju aktar għat-timbri fuq id-dokument tal-ivvjaġġar - b'mod partikolari għal sewwieqa ta' trakkijiet jew vjaġġi frekwenti fuq xogħol bejn fruntiera u oħra tul il-fruntiera esterna – u nuqqas ta' regolament tal-UE dwar din il-kwistjoni;

Meta kienet ippreżentat l-MPGF, il-Kummissjoni kienet taf li jista' jiġri li d-dokument li jagħmilha possibbli li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz jaqsam il-fruntiera ma jkunx għadu tajjeb biex jiġi ttimbrat peress li ma jkunx għad fadal paġni vojta. F’każ bħal dan, iċ-ċittadin tal-pajjiż terz għandu jingħata parir biex japplika għal passaport ġdid, biex fil-ġejjieni jkun hemm fejn jiġu stampati t-timbri. Jekk il-passaport li ma jkollux aktar spazju għat-timbri jkun fih viża valida, għandha tintalab viża ġdida li titwaħħal fuq il-passaport il-ġdid.

Xi Stati Membri staqsew jekk l-Artikolu 10(3), li jippermetti b'mod eċċezzjonali dispensa mill-ittimbrar jekk timbru ta' dħul jew ħruġ ikun jista' jwassal għal diffikultajiet serji għaċ-ċittadin ta' pajjiż terz, hux applikabbli fil-każ ta' ċittadin ta' pajjiż terz li ma jkollux paġni vojta fejn jiġu stampati t-timbri fid-dokument tal-ivvjaġġar tiegħu jew tagħha. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li din id-dispożizzjoni mhix applikabbli f'dan il-każ peress li d-dispensa tingħata għall-unika raġuni ta' diffikultajiet (eż. ta' natura politika) li l-ittimbrar jista' jikkawża lill-persuna. Madankollu, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni kif mogħtija fl-MPGF[7], b'mod eċċezzjonali u partikolarment fil-każ ta' vjaġġaturi regolari fuq xoghol bejn il-fruntieri, tista' tintuża karta separata, li fuqha jistgħu jiġu stampati t-timbri. Il-karta għandha tingħata liċ-ċittadin tal-pajjiż terz u għandha jkollha fuqha l-informazzjoni mniżżla fil-MPGF. F'kull każ, in-nuqqas ta' paġni vojta f'passaport mhix, minnha nnifisha, raġuni valida u suffiċjenti biex jinċaħad id-dħul lil persuna.

Ċerti Stati Membri jiddikjaraw li jużaw karti separati biex jistampaw it-timbri tad-dħul jew ħruġ fuq talba taċ-ċittadini tal-pajjiż terz, partikolarment sewwieqa ta' trakkijiet li jaqsmu ta' spiss il-fruntiera esterna. Trid tinġibed ukoll l-attenzjoni għal vjaġġaturi fuq xogħol li jaqsmu l-fruntiera, li mhumiex eliġibbli għal permess ta' traffiku lokali fuq il-fruntiera. Ta' min jisħaq li l-Ungerija u s-Slovenja jittimbraw karti separati li jakkumpanjaw karta tal-identità tal-Kroazja. dawn iż-żewġ Stati Membri jaċċettaw dan fuq il-bażi tal-ftehimiet bilaterali tagħhom mill-1997. Skont l-informazzjoni mogħtija mis-Slovenja, statistikament, anqas minn 0.5% tas-sewwieqa tat-trakkijiet kull sena jitolbu li jingħataw timbru fuq karti separati. Ir-raġuni msemmija minn ċittadini ta' pajjiżi terzi meta jagħmlu din it-talba hija l-aktar l-ispejjeż għoljin biex wieħed ikollu passaport ġdid. F'ċerti każijiet, ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunu jridu jżommu paġna waħda vojta għal xi viża jew permess ta' reżidenza fil-futur.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-każijiet imsemmiija hawn fuq m'għandhomx jitqiesu bħala eżenzjoni mill-ittimbrar peress li ma jaqgħux fi ħdan l-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3), l-aħħar inċiż tal-MFS.

- Nuqqas ta' proċedura aktar uniformi fejn jidħol l-ittimbrar ta' dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jivvjaġġaw bit-tfal;

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili ħarġet għadd ta' rakkomandazzjonijiet, ta' natura li ma torbotx, inkluż l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' "persuna waħda – passaport wieħed". Dan il-prinċipju kien intlaqa’ fuq livell tal-Komunità[8]. Jekk ikun applikat minn pajjiżi terz, il-prinċipju jkun jippermetti l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet dwar l-ittimbrar ta' dokumenti tal-ivvjaġġar għal kull persuna rispettivament.

- Dubji dwar il-ħtieġa li jiġu ttimbrati d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess validu ta' reżidenza maħruġ minn Stat Membru ta' Schengen.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess validu ta' reżidenza maħruġ minn Stat Membru ta' Schengen m'għandhomx jiġu ttimbrati. L-iskop tal-ittimbrar ta' passaport huwa dak li jiġi stabbilit jekk ċittadin ta' pajjiż terz ikunx irrispetta t-tul awtorizzat ta' żjara qasira fiż-żona ta' Schengen. Din il-loġika ma tistax tiġi applikata lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess validu ta' reżidenza, peress li l-perjodu kemm wieħed jista' jdum fl-Istati Membru ta' Schengen li jkun ħareġ il-permess huwa ddeteminat mill-validitià tal-permess ta' reżidenza. L-ittimbrar tal-passaport mad-dħul u mal-ħruġ ma jistax jaffettwa t-tul taż-żjara awtorizzata mill-permess tar-reżidenza maħruġ minn Stat Membri ta' Schengen. Il-verifika tar-rispett tat-tul taż-żjara minn persuni li jkollhom permess ta' reżidenza, li jinvoli l-qsim tal-fruntieri esterni u l-ivvjaġġar lejn Stati Membri oħra ta' Schengen għandu jistrieħ fuq ir-rappurtar tal-preżenza fi ħdan Stat Membru ta' Schengen ieħor skont l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta' Schengen[9]. Jista' jkun li dan l-istrument ma jippermettix li jsir il-kalkolu tat-tul taż-żjara b'mod daqstant faċli bħal fil-każ tal-verifika tat-timbri. Madankollu, din hija konsegwenza tal-istabbiliment ta' żona ta' mingħajr kontrolli interni tal-funtieri. Ta' min wieħed jisħaq li sa issa, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi, li għandhom permess ta' reżidenza maħruġ minn Stat Membru ta' Schengen, li abbuża mid-dritt tiegħu li jivvjaġġa bil-ħsieb li joqgħod fi Stat Membru ieħor għal aktar minn tliet xhur.

INFORMAZZJONI DWAR ċITTADINI TA' PAJJIżI TERZI EżENTATI MILL-ITTIMBRAR (L-ARTIKOLU 10(3)) U KAżIJIET TA' EżENZJONI MILL-ISTAMPAR

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma jiġbrux dejta statistika dwar l-għadd ta' talbiet minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li għandhom jiġu eżentati mill-obbligu tat-timbru, jew ma jirreġistraw xejn dawn it-talbiet. Xi Stati Membri jiddikjaraw biss ftit talbiet minn ċittadini ta' pajjiżi terzi, li jiġu kkunsidrati individwalment.

Barra minn dan, tqajmu dubji dwar l-ittimbrar ta' dokumenti tal-ivvjaġġar u dwar il-kalkolu ta' perjodi ta' żjara ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi - membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni – li jkunu qed jivvjaġġaw b'karta ta' reżidenza skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE.

Il-Kummissjoni tfakkar li ċittadini ta' pajjiżi terzi, membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni, huma eżenti mill-ittimbrar mad-dħul u l-ħruġ meta jkunu qed jivvjaġġaw b'karta ta' reżidenza maħruġa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE, u li jkunu qed jakkumpanjaw ċittadini tal-Unjoni li jkunu qed jeżerċitaw id-dritt ta' moviment ħieles jew reżidenza. Għall-kuntrarju, ċittadin ta' pajjiż terz, membri tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni, mhux eżenti mill-ittimbrar meta jkun qed jivvjaġġa waħdu jew meta l-persuna, li tkun qed takkompanja ċittadin tal-Unjoni, ma tippreżentax il-karta ta' reżidenza msemmija (jigifieri l-persuna tgħix ma' ċittadin tal-UE barra l-UE u m'għandhiex karta ta' reżidenza).

Mhux possibbli li jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn iċ-ċittadin ta' pajjiż terz, membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni, jgħaqqad l-ivvjaġġar fejn hu jew hi jakkumpanjaw iċ-ċittadin tal-UE li jkun qed jeżerċita d-dritt ta' moviment ħieles u meta ċ-ċittadin tal-pajjiż terzi jivvjaġġa waħdu. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li din is-sitwazzjoni tista' toħloq konfużjoni iżda filfatt ma toħloqx problemi; meta jkun qed jivvjaġġa waħdu, ċittadin ta' pajjiż terz ma jistax jaqbeż it-tul massimu ta' żjara, jiġifieri tliet xhur, fi ħdan iż-żona ta' Schengen. Fil-każ fejn ċittadin ta' pajjiż terz ikun qed jakkumpanja ċittadin tal-Unjoni, it-tul taż-żjara awtorizzata ta' ċittadin ta' pajjiż terz mhux limitat għal tliet xhur f'kull perjodu ta' sitt xhur.

Fl-aħħar nett, xi Stati Membri jissuġġerixxu li titfassal lista ta' kategoriji ta' persuni li d-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom m'għandhomx ikunu ttimbrati mal-ekwipaġġ ta' passiġġieri fuq konnessjonijiet internazzjonali u ferroviji tal-merkanzija. Il-Kummissjoni taqbel ma' dan is-suġġeriment u se tinizjala eżenzjoni mill-ittimbrar għal ekwipaġġi ta' ferroviji f'relazzjoni mal-attività professjonali tagħhom, bħal fil-każ ta' piloti jew baħħara, peress li l-ferroviji jsegwu skeda fissa.

INFORMAZZJONI DWAR ċITTADINI TA' PAJJIżI TERZI LI JINSABU FIT-TERRITORJU TA' STAT MEMBRI JEW META JKUNU ħERġIN MIż-żONA TA' SCHENGEN MINGħAJR MA JKOLLHOM TIMBRU TAD-DħUL FID-DOKUMENT TAL-IVVJAġġAR B'ASSUNZJONI MIċħUDA JEW MHUX MIċħUDA TA' żJARA ILLEGALI (L-ARTIKOLU 11)

Għadd konsiderevoli ta' Stati Membri ma jiġbrux dejta statistika dwar l-għadd ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi misjuba fit-territorju ta' Stati Membri jew meta jkunu ħierġa miż-żona ta' Schengen mingħajr ma jkollhom timbru tad-dħul jew fuq l-għadd ta' persuni li jkunu jistgħu jiċħdu jew ma jiċħdux l-assunzjoni ta' żjara illegali b'mod partikolari.

Xi Stati Membri (is-Slovenja, il-Belġju, l-Ungerija, ir-Rumanija, l-Italja u l-Estonja) ippreżentaw dejta statistika eżatt, bil-grafika, dwar in-numru eżatt ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, postijiet u dati tad-dħul tagħhom fiż-żona ta' Schengen. Xi Stati Membri oħra ippreżentaw biss informazzjoni ġenerali dwar għadd sinifikanti jew baxx ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li nstab li ma kellhomx it-timbru tad-dħul fuq id-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom.

L-Artikolu 11(1) tal-KFS idaħħal il-possibbiltà li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jassumu li dak li jkollu dokument tal-ivvjaġġar li ma jkollux timbru tad-dħul fuqu ma jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet tat-tul ta' żjara applikabbli fi ħdan l-Istati Membru kkonċernat. Madankollu, mhux ċar, mit-tweġibiet tagħhom, jekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri jinvokawx dejjem l-assuzjoni ta' żjara illegali meta t-timbru tad-dħul ikun nieqes mill-passaport ta' ċittadin ta' pajjiż terz.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jiddikjaraw li jużaw il-formola tal-Anness VIII tal-KFS meta tkun approvata l-evidenza dwar ir-rispett tal-kundizzjoni tat-tul ta' żjara qasira awtorizzata fil-każi fejn id-dokument tal-ivvjaġġar ma jkunx fih timbru tad-dħul. Xi Stati Membri (il-Ġermanja, Franza, is-Slovenja u d-Danimarka) jiddikjkaraw li ma jużawx il-formola iżda li jistampaw id-dokument tal-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta' pajjiż terz b'timbru ta' korrezzjoni li jsemmi d-data u l-post tad-dħul fiż-żona ta' Schengen. Xi Stati Membri jiddikjaraw li jużaw iż-żewġ strumenti (il-formola kif ukoll it-timbru).

L-Ungerija ddikjarat li żviluppat Sistema ta' Reġistrazzjoni fuq il-Fruntiera li tirreġistra ċ-ċittadini kollha ta' pajjiż terz li jidħlu jew joħorġu mill-fruntieri esterni tagħha. L-informazzjoni tista' tintuża biex tinċaħad l-assunzjoni ta' żjara illegali jekk il-persuna kkonċernata tidħol fiż-żona ta' Schengen fl-Ungerija. Il-Bulgarija tiddeskrivi sistema simili awtomatika ta' informazzjoni dwar il-kontroll tal-fruntieri, u r-Rumanija għandha database simili dwar id-dħul u l-ħruġ.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ddikjaraw li huma ma jiġbrux xi informazzjoni statistika jew iżommu xi databases dwar l-għadd ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jistgħux jiċħdu l-assunzjoni ta' żjara illegali. Xi Stati Membri jiddikjaraw li mhux possibbli li tiġi stabbilita distinzjoni bejn persuni mkeċċija għax ma jkunux jistgħu jiċħdu l-assunzjoni ta' żjara illegali jew għal raġunijiet oħra. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri b'mod speċifiku jsemmu li stabbilew proċeduri nazzjonali għat-tkeċċija ta' immigranti illegali. Stati Membri li ppreżentaw informazzjoni konkreta dwar l-għadd ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi mibgħuta lura (l-Estonja, il-Latvja, is-Slovenja, l-Olanda u l-Litwanja), qalu li f'kull każ, il-persuni ntbagħtu lura, jew tkeċċew, miż-żona ta' Schengen.

INFORMAZZJONI OħRA MARBUTA MAL-APPLIKAZZJONI TAD-DISPOżIZZJONIJIET TAL-ARTIKOLI 10 U 11

Il-Greċja tkellmet dwar l-introduzzjoni ta' bidla awtomatika u ta' kuljum fin-numru ta' kodiċi tas-sigurtà tat-timbri tad-dħul u ta' ħruġ permezz ta' strument elettroniku li se jkun żviluppat għal dan l-iskop.

Dan l-aħħar, tqajmet mistoqsija mill-Polonja fil-Kumitat ta' Ħidma tal-Kunsill dwar il-Fruntieri dwar kif għandhom jiġu ttimbrati d-dokumenti tal-ivvjaġġar meta żewġ viżi jew aktar Schengen tat-tip "C", ta' ġenitur u tat-tfal, jitwaħħlu fil-passaport tal-ġenitur. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli mill-Istati Membri, jidher li l-prassi proċedurali f'dawn il-każijiet hija differenti minn Stati Membru għall-ieħor, eż. l-indikazzjoni tal-għadd ta' persuni ħdejn it-timbru jew l-isem tat-tfal. Il-KFS ma fih l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-proċedura f'dan il-każ. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li, fil-prinċipju, kull sticker tal-viża li titwaħħal mal-passaport għandha tkun sistematikament ittimbrata mad-dħul u l-ħruġ skont l-Artikolu 10 u l-Anness IV, punt 3, tal-KFS. Jistgħu jinqalgħu diffikultajiet biex jiġi identifikat liema timbru jikkorrispondi għal-liema persuna fil-każ ta' viża għal dħul multiplu u vjaġġi frekwenti taż-żewġ persuni. Madankollu, peress li ma hemmx informazzjoni disponibbli mill-Istati Membri dwar il-frekwenza ta' dawn il-każijiet li jseħħu fuq il-fruntieri esterni u dwar diffikultajiet prattiċi li nstabu, il-Kummissjoni ma tqisx li jkun xieraq li taħseb għal xi armonizzazzjoni tal-proċeduri dwar l-ittimbrar ta' dokumenti tal-ivvjaġġar fil-każijiet deskritti hawn fuq.

Il-Kummissjoni tixtieq tqajjem il-kwistjoni tal-ittimbrar ta' dokumenti tal-ivvjaġġar fil-każ tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontroll fuq il-fruntieri interni, skont l-Artikolu 23 u ta' wara, tal-KFS. Skont l-Artikolu 28, fejn jerġgħu jiġu introdotti kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntieri interni, id-disposizzjonijiet rilevanti fit-Titolu II għandhom japplikaw mutatis mutandis. Għalhekk għandhom japplikaw ċerti dispożizzjonijiet relevanti dwar il-kontroll tal-fruntieri esterni bħal kontrolli fuq il-fruntieri fuq pesuni jew ċaħda tad-dħul. Madankollu, l-ittimbrar fuq il-fruntieri komuni bejn l-Istati Membri ta' Schengen m'għandux isir, peress li l-persuna tkun għadha fi ħdan iż-żona ta' Schengen. Il-fatt li l-kontrolli fuq il-fruntiera interna jkunu ddaħħlu temporanjament ma jistax jaffettwa t-tul ta' żjara awtorzzata ta' ċittadin ta' pajjiż terz fi ħdan iż-żona ta' Schengen. L-ittimbrar ikun jagħti idea falza, peress li timbru tad-dħul ieħor ikun ġie stampat mingħajr ma jkun seħħ dħul. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Artikolu 10 mhux applikabbli matul riintroduzzjoni temporanja tal-kontroll fuq il-fruntieri interni.

KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni disponibbli u tal-analiżi ta’ hawn fuq, tislet il-konklużjonijiet li ġejjin:

1. Il-leġiżlazzjoni preżenti tal-Komunità tipprovdi għal obbligu li d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jiġu ttimbrati mad-dħul u mal-ħruġ. Il-KFS fih lista ta' dokumenti li fuqhom għandu jitqiegħed it-timbru ta' dħul u ta' ħruġ, kif ukoll dokumenti li huma eżenti milli jiġu ttimbrati. Barra minn dan, iddaħħlet il-possibbiltà għall-awtoritajiet nazzjonali li jassumu li persuna ma tkunx tissodisfa l-kundizzjonijiet ta' tul ta' żjara fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat jekk id-dokument tal-ivvjaġġar tiegħu jew tagħha ma jkollux fuqu t-timbru tad-dħul, kif ukoll il-possibbiltà li ċ-ċittadin ta' pajjiż terż jikkontesta din l-assunzjoni. Skont l-Artikolu 10(6) tal-KFS, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-tmiem tal-2008 dwar l-operat tad-disposizzjonijiet dwar l-ittimbrar tad-dokumenti tal-ivvjaġġar. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li ma kienx possibbli li din l-iskadenza tiġi rrispettata. Dan id-dewmien huwa minħabba s-sottomissjoni tard ta' informazzjoni minn għadd ta' Stati Membri.

2. Il-Kummissjoni tisħaq, kif għamlu wkoll għadd sinifikanti ta' Stati Membri, dwar in-neċessità li jiġu rispettati b'mod strett ir-regoli dwar l-ittimbrar sistematiku, kronoloġiku u korrett, kif stabbiliti mill-KFS u mill-MGFS. Ir-rispett ta' dawn ir-regoli jiffaċilita t-twettiq korrett tal-kontrolli fuq il-fruntieri u jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta' ħinijiet ta' stennija fil-fruntieri esterni tal-UE.

3. Il-Kummissjoni tfakkar li r-regoli komuni marbuta mal-ittimbrar ta' dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom sticker tal-viża qegħdin fl-Anness IV, punt 3 tal-KFS.

4. Il-Kummissjoni tisħaq li d-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom permess validu ta' reżidenza ta' Stat Membri ta' Schengen huma eżenti mill-obbligu tat-timbru mad-dħul u mal-ħruġ.

5. Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 10 tal-KFS mhux applikabbli matul l-introduzzjoni temporanja mill-ġdid ta' kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 23 u ta' wara, tal-KFS.

6. Il-Kummissjoni tagħraf id-diffikultajiet li jkollhom ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom jaqsmu l-fruntiera ta' spiss, bħal ma huma sewwieqa ta' trakkijiet jew dawk li jkollhom jaqsmu l-fruntiera għal xogħol. Madankollu, diffikultajiet minħabba nuqqas ta' paġni vojta fejn ikun jista' jsir l-ittimbrar jistgħu jingħalqu biss permezz ta' sistema awtomatizzata ta' reġistrar tad-dħul u tal-ħruġ li biha l-ittimbrar isir superfluwu. Il-Kummissjoni ma tarax li hemm bżonn li s-sewwieqa tat-trakkijiet jiġu eżentati mit-timbru partikolarment fid-dawl ta' tħassib li wrew xi Stati Membri dawr ir-riskju ta' immigrazzjoni u impjiegi illegali.

7. Il-Kummissjoni hi tal-fehma li ma hemmx bżonn li tikkunsidra eżenzjonijiet addizzjonali mill-ittimbrar, ħlief fil-każ ta' ekwipaġġi ta' ferroviji f'relazzjoni mal-attività professjonali tagħhom, bħal fil-każ ta' piloti jew baħħara, peress li l-ferroviji jsegwu skeda fissa. Il-Kummissjoni se tinizjala miżuri biex taħseb għal eżenzjoni mill-ittimbrar għal dawn il-persuni.

8. Skont it-tweġibiet, għadd importanti ta' Stati Membri ma jiġbrux dejta statistika dwar l-għadd ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jinstabu fuq it-territorju tagħhom, jew li jkunu ħerġin miż-żona ta' Schengen mingħajr ma jkollhom timbru tad-dħul, u dwar dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li setgħu (jew ma setgħux) jiċħdu l-assunzjoni ta' żjara illegali. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jiġbru din l-informazzjoni u biex jagħmluha disponibbli sabiex ikun jista' jiġi analizzat aħjar it-tħaddim tad-dispożizzjonijiet dwar l-ittimbrar.

9. Fl-aħħar nett, għadd ta' Stati Membri għadhom ma wettqux l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu11, l-aħħar inċiż, biex jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar il-prassi nazzjonali tagħhom fejn tidħol l-assunzjoni ta' żjara illegali u ċ-ċaħda tagħha, imsemmija fl-Artikolu 11. Il-Kummissjoni tistieden lil dawk l-Istati Membri biex jagħmlu dan fi żmien xahar wara li jkun adottat dan ir-rapport.

[1] ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1

[2] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2133/2004 tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar ir-rekwiżit għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jittimbraw sistematikament id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri, ĠU L 369 tas-16.12.2004, p.5

[3] Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Novembru 2006 li pproduċiet "Manwal Prattiku għall-Gwardji tal-Fruntieri (il-Manwal ta' Schengen)" li għandu jkun użat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kontrolli tal-fruntieri fuq il-persuni. C(2006) 5186 finali

[4] Peress li l-Iżvizzera tapplika l-acquis ta' Schengen sa mit-12 ta' Diċembru 2008 biss, ma saret l-ebda talba lil-Iżvizzera dwar l-esperjenza tagħha dwar l-istampar.

[5] Ir-Regolament (KE) Nru 1931/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera fil-fruntieri esterni fuq l-art tal-Istati Membri, ĠU L 405, 30.12.2006, p.1

[6] Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom sabiex jiċċaqalqu u joqogħdu liberament fit-territorji tal-Istati Membri, ĠU L 158 tat-30.4.2004, p. 77.

[7] Il-Punt 4.5 tal-MPGF.

[8] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar l-istandards għall-karatteristiċi tas-sigurtà u l-bijometriċi fil-passaporti u d-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri, ĠU L 385, 29.12.2004, p. 1. L-Istati Membri kollha japplikaw dan il-prinċipju, ħlief l-Awstrija u l-Olanda.

[9] ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.