52009DC0432

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Evalwazzjoni Finali tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 u tal-programm multiannwali (2003-2006) għall-monitoraġġ tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005, it-tixrid ta' prattiki tajbin u t-titjib tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni (Modinis) /* KUMM/2009/0432 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.8.2009

KUMM(2009) 432 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni Finali tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 u tal-programm multiannwali (2003-2006) għall-monitoraġġ tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005, it-tixrid ta' prattiki tajbin u t-titjib tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni (MODINIS)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni Finali tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 u tal-programm multiannwali (2003-2006) għall-monitoraġġ tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005, it-tixrid ta' prattiki tajbin u t-titjib tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni (MODINIS)

WERREJ

1. Daħla 3

2. L-isfond 3

2.1. Il-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 3

2.2. MODINIS 3

2.3. i2010 4

3. Riżultati tal-evalwazzjoni 4

3.1. Il-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 4

3.2. MODINIS 5

4. Konklużjonijiet 7

Anness 1 8

1. Ir-Rilevanza 8

2. L-effiċjenza u l-koerenza tal-eEurope 8

3. Impatt u effikaċja 9

Anness 2 11

L-effiċjenza tal-MODINIS 11

L-effikaċja, l-impatt u r-rilevanza tal-MODINIS 11

Rakkomandazzjonijiet 12

1. DAħLA

Din il-Komunikazzjoni tagħti l-evalwazzjoni finali tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 u tal-programm Modinis. L-Artikolu 7.4 tad-Deċiżjoni dwar il-Modinis (id-Deċiżjoni Nru 2256/2003/KE) jindika li fi tmiem il-programm, "il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport ta' evalwazzjoni tar-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fil-programm"

Minħabba s-sinerġija li hemm bejn il-Modinis u l-eEurope, ġie deċiż li ż-żewġ evalwazzjonijiet isiru fl-istess żmien u li r-rapport dwar il-konklużjonijiet tagħhom isir b'mod konġunt.

2. L-ISFOND

2.1. Il-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005

Il-Pjan ta' Azzjoni eEurope (2000-2002) ġie approvat fil-Kunsill Ewropew ta' Feira (Ġunju 2000) bħala l-parti relatata mas-soċjetà tal-informazzjoni tal-istrateġija ta' Liżbona għat-tiġdid ekonomiku, soċjali u ambjentali. Dan il-pjan jiddefinixxi għadd ta' miri, li ġew immonitorjati regolarment permezz ta' indikaturi ta' referenza (benchmarking).

Madankollu, sa tmiem l-2002, ftit kien hemm x'juri li t-tqegħid tal-Ewropa fuq l-internet ssarraf fil-ħolqien ta' impjiegi u servizzi ġodda. Minħabba f'hekk, il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona (Marzu 2002) talab lill-Kummissjoni biex tfassal Pjan ta' Azzjoni eEurope li jiffoka fuq "id-disponibbiltà u l-użu mifruxin tan-netwerks broadband fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni sal-2005 u l-iżvilupp tal-protokoll Internet IPv6 u s-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni, l-eGovernment, l-eLearning, l-eHealth u l-eBusiness”[1]. Il-Pjan ta' Azzjoni sussegwenti, l-eEurope 2005, ġie approvat mill-Kunsill Ewropew ta' Sevilja (Ġunju 2002).

2.2. MODINIS

Modinis ġie adottat mill-Kunsill u mill-Parlament f'Novembru 2003, bħala " programm multiannwali għall-monitoraġġ tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005, it-tixrid ta' prattiki tajbin u t-titjib tas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni ". Dan il-programm kien ta' segwitu għall-programm "PROMISE", li fl-istadju finali tiegħu pprovda finanzjament għall-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2002, Modinis kopra perjodu ta' tliet snin (2003-2005). Wara, dan il-programm ġie estiż sas-sena 2006 biex jiżgura l-kontinwità sakemm jidħol fis-seħħ il-Programm ta’ Appoġġ tal-Politika tal-ICT (ICT-PSP), li huwa parti mill-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) li ġie adottat fl-2006.

Modinis għandu dawn l-għanijiet:

- Il-monitoraġġ tal-progress li jikseb l-eEurope,

- l-analiżi tal-prattiki tajbin tal-eEurope u t-tixrid tal-Aħjar Prattiki u tas-Servizzi tal-Informazzjoni,

- l-analiżi tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tas-Soċjetà tal-Informazzjoni, u

- it-tħejjija tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA).

Dawn l-għanijiet għandhom jinkisbu permezz ta':

- Benchmarking,

- studji,

- konferenzi u workshops,

- appoġġ għall-analiżi strateġika u d-diskussjoni, l-aktar permezz tal-Grupp Konsultattiv tal-eEurope.

Modinis ġie implimentat permezz ta' programmi ta' ħidma annwali, approvati mill-Kumitat tat-Tmejjixa tal-Modinis.

L-ewwel programm ta' ħidma, għall-2004, kellu baġit ta' EUR 12.8 miljun (inkluż Eur 5.1 miljun ittrasferiti mill-2003). Għall-programmi ta' ħidma tal-2005 u l-2006, il-baġit kien ta' EUR 7.72 miljun kull wieħed. Il-baġit totali għall-Modinis kien ta' EUR 28.2 miljun.

L-estensjoni tal-Modinis għas-sena 2006 kienet ta' appoġġ għall-ewwel sena tal-inizjattiva i2010.

2.3. i2010

F'Ġunju 2005, il-Kummissjoni adottat l-inizjattiva "i2010: Soċjetà Ewropea tal-Informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi". L-i2010, li hija s-suċċessur tal-eEurope, hija strateġija komprensiva għall-użu tal-istrumenti politiċi kollha tal-UE sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali. Din l-inizjattiva hija bbażata fuq il-politiki, ir-regolamentazzjoni u r-riċerka u l-innovazzjoni tal-ICT sabiex tikkontribwixxi għall-għanijiet ta' Liżbona. Il-prijoritajiet ewlenin ta' din il-politika huma: a) li tippromwovi ambjent ta' appoġġ u kompetittiv għas-servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u tal-midja; b) li ssaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-ICT u c) li tiżgura li Soċjetà tal-Informazzjoni inklussiva tkun ta' ġid għall-kulħadd.

F’dawn l-aħħar tliet snin sar ħafna progress: twaqqaf qafas regolatorju ġdid għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva; tnediet ir-riforma tar-regolament tal-e-communications[2]; iddaħħal fis-seħħ regolament biex jinħoloq suq waħdieni għall-użu transkonfinali tat-telefonija ċellulari; ġew adottati inizjattivi biex ikabbru l-kontenut onlajn fl-Ewropa[3]; ġew stabbiliti u qed jiffunzjonaw inizjattivi kbar u ġodda ta' finanzjament għar-Riċerka u l-Iżvilupp u għall-Innovazzjoni; tnedew sħubijiet pijunieri bejn il-pubbliku u l-privat (Iniżjattivi Teknoloġiċi Konġunti); l-inizjattivi relatati mal-karozzi intelliġenti, il-Libreriji Diġitali Ewropej u l-ICTs għas-sostenibbiltà mexjin b'pass tajjeb, bħal ma huma wkoll l-inizjattivi relatati mal-eInclusion, l-eGovernment u l-eHealth[4].

3. RIżULTATI TAL-EVALWAZZJONI

L-evalwazzjonijiet tal-qafas politiku tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope u tal-programm ta' finanzjament assoċjat miegħu, Modinis, twettqu bejn Jannar 2006 u Lulju 2007, bl-appoġġ tal-evalwaturi li ngħataw kuntratt biex iwettqu dan ix-xogħol[5].

3.1. Il-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005

Il-Kummissjoni hija kuntenta bir-riżultati tal-evalwazzjoni indipendenti[6] u bil-konklużjonijiet pożittivi tagħha fir-rigward tar-rilevanza, l-effiċjenza u l-impatt tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005.

Fir-rigward tar-rilevanza, kien meħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-approċċ li jingħata qafas strateġiku ta' politika ġenerali f'ambitu politiku matur u kumpless kienx validu u fattibbli.

L-evalwaturi kkonkludew li l-approċċ ta' qafas strateġiku huwa utli u rilevanti. Fil-fatt, qablu li l-eEurope kien kruċjali biex jinbeda u jinżamm djalogu bejn pajjiżi b'kontesti kulturali u istituzzjonali, livelli ta' prestazzjoni, u aġendi u prijoritajiet tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (SI) differenti ħafna

L-evalwazzjoni identifikat ħames tipi ta' impatt. Għaldaqstant, l-eEurope jista' jitqies bħala:

- pjattaforma li tintuża biex tinfluwenza

- mezz ewlieni biex tinbeda u tinżamm politika nazzjonali tas-SI

- punt ta' referenza għall-politika nazzjonali tas-SI

- fattur li jagħti spinta lil ċerti oqsma tas-SI

- inċentiv biex il-politika nazzjonali tas-SI tiġi kkoordinata aħjar

Dawn it-tipi ta' impatt dehru f'għamliet differenti fost id-diversi Stati Membri. Skont l-evalwaturi, il-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 kien fattur importanti li għen biex l-ICT jibqa' jifforma parti mill-aġenda politika fi żmien meta l-interess f'dan is-suġġett kien qed imajna. L-eGovernment u l-eHealth huma żewġ eżempji ta' oqsma li fihom, grazzi għall-eEurope, l-Istati Membri qiegħdin jaħdmu biex jilħqu miri konkreti b'livell għoli ta' appoġġ.

Jidher li l-Grupp Konsultattiv tal-eEurope wettaq rwol importanti biex iseħħu l-iskambju ta' esperjenzi u biex jiżdied it-tagħlim reċiproku fuq livell Ewropew. Kien ta' appoġġ għall-Istati Membri biex iżommu perspettiva usa tal-isfidi li s-SI ġġib magħha u tas-soluzzjonijiet adottati minn pajjiżi oħra.

Madankollu, l-evalwaturi huma tal-fehma li l-grupp tal-partijiet interessati tal-Grupp Konsultattiv tal-eEurope ("it-tieni sessjoni") ma wettaqx ir-rwol konsultattiv tiegħu b'mod sodisfaċenti. Essenzjalment, dan kien grupp permanenti li ma rnexxilux jipprovdi l-għarfien espert meħtieġ għall-aġenda wiesgħa tal-eEurope.

Madankollu ħarġu wkoll rapporti importanri dwar id-distakk diġitali u l-eInclusion li wittew it-triq għal inizjattivi ta' politika kbar fl-ambitu tal-i2010, bħall-Komunikazzjoni dwar "Bridging the Broadband Gap"[7] u l-Inizjattiva eInclusion[8].

Sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet identifikati mill-evalwaturi, bla ma jintilfu l-benefiċċji tat-tlaqqigħ ta' għarfien espert, it-tieni sessjoni ġiet sostitwita minn mekkaniżmu ad hoc għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

3.2. MODINIS

Il-Kummissjoni hija kuntenta bil-valutazzjoni pożittiva[9] tal-Modinis bħala fattur li jippermetti t-twettiq tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 u bil-konsistenza bejn l-inizjattiva ta' politika u l-programm tal-infiq. L-evalwaturi jemmnu li Modinis irnexxilu jipprovdi valur miżjud Ewropew għall-attivitajiet tal-Istati Membri, b'mod partikolari permezz tal-attivitajiet ta' benchmarking, iżda wkoll permezz ta' konferenzi u t-tħejjija tal-ENISA.

Madankollu, ħassew li teżisti nuqqas ta' ċarezza fir-relazzjoni bejn il-Kumitat tat-Tmexxija tal-Modinis u l-Grupp Konsultattiv tal-eEurope, b'mod partikolari fir-rigward tat-tqassim tar-responsabbiltajiet u l-koordinazzjoni ta' bejn iż-żewġ entitajiet. Il-Kummissjoni tilqa' l-fatt li l-evalwaturi qablu li din il-problema ġiet solvuta fil-perjodu tal-estensjoni tal-Modinis u t-twaqqif tal-Grupp ta' Level Għoli tal-i2010.

Minħabba d-dewmien fl-adozzjoni tal-Modinis u l-fatt li l-ewwel programm ta' ħidma kellu jieħu fondi li ġew ittrasferiti mill-2003, inqalgħu xi diffikultajiet fit-twettiq tal-baġit u xi azzjonijiet kellhom jittieħdu aktar tard. Madankollu, kif jirrikonoxxu l-evalwaturi, fl-2005 u l-2006 t-twettiq tal-baġit qorob ħafna l-100%.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet li juru li l-istudji ffinanzjati mill-Modinis ma xxandrux biżżejjed u għalhekk ħallew impatt żgħir wisq. Madankollu, fiż-żmien meta twettqet l-evalwazzjoni, ħafna mill-istudji kienu għadhom ma ġewx iffinalizzati. L-istudji finalizzati kienu disponibbli ħafna, ippubbliċizzati sew u taw kontribut importanti għall-iżvilupp tal-politika: stħarriġ dwar l-użu tal-għodod tal-ICT fl-iskejjel, dwar l-użu tal-ICT mit-tobba tal-familja u dwar l-eGovernment ġie ppreżentat f'konferenzi ta' livell għoli. Flimkien ma' studji oħra dwar il-kopertura tal-broadband u l-kosti tal-aċċess, dan l-istħarriġ jipprovdi l-materjal analitiku meħtieġ għar-rapporti Annwali tal-i2010. Eżempju ieħor huwa l-istudju dwar il-Kontenut Interattiv onlajn[10], li ntuża għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Kontenut onlajn[11].

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tilqa' u tinnota r-rakkomandazzjonijiet mogħtija mill-evalwaturi tal-programm Modinis (għad-dettalji, ara l-Anness 2). Hi tqis li r-rakkomandazzjonijiet qegħdin jiġu implimentati bit-twettiq tal-ICT-PSP. L-attivitajiet koperti mill-Modinis issa saru jiffurmaw parti mill-"Attivitajiet Orizzontali" tal-ICT-PSP. Ir-rakkomandazzjonijiet jindirizzaw il-kwistjonijiet li ġejjin:

a) Ir-relazzjonijiet mal-Kumitat tat-Tmexxija

b) L-adozzjoni f'waqtha tal-programmi ta' ħidma

c) It-tfassil tal-indikaturi ta' referenza

d) L-enfasi fuq it-tixrid tal-aħjar prattiki

Ir-rakkomandazzjonijiet ġew indirizzati kif ġej:

a) Ir-rwol tal-Kumitat tat-Tmexxija tal-ICT-PSP hu li jesprimi opinjoni dwar l-abbozz ta' programm ta' ħidma annwali, skont l-Artikolu 47 tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi s-CIP. Fl-istess ħin, sar sforz sinifikanti biex tiżdied u tittejjeb il-komunikazzjoni mal-Kumitat. Il-Grupp ta' Livell Għoli tal-i2010 jiddiskuti l-orjentazzjoni u l-prijoritajiet tal-politika.

b) L-ewwel programm ta' ħidma tal-ICT-PSP dam ma ġie adottat minħabba, fost raġunijiet oħra, li d-Deċiżjoni dwar is-CIP damet ma ġiet adottata (novembru 2006). Barra minn hekk, l-ICT-PSP introduċa strumenti u għanijiet ġodda u r-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kumitat tat-Tmexxija ħassew il-ħtieġa li ssir aktar diskussjoni qabel ma tingħata opinjoni dwar il-programm ta' ħidma. Dan id-dewmien affettwa wkoll l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma tal-2008. Huwa mistenni li, mill-2009 'il quddiem, il-Programmi ta' Ħidma jkunu lesti biex jiffunzjonaw sa minn ftit qabel il-bidu ta' kull sena.

c) Il-qafas tal-Benchmarking tal-i2010 li ġie adottat fl-2006 serva ta' gwida għax-xogħol kollu ta' benchmarking, b'kooperazzjoni kontinwa mal-Istati Membri, l-aktar permezz tal-grupp ta' ħidma tal-Eurostat. Ir-rabta mal-proċess ta' Liżbona tiġi żgurata permezz tar-relazzjoni bejn l-indikaturi tal-i2010 mal-Linjigwida Integrati rilevanti għall-ICT. Barra minn hekk, l-Istati Membri jivvalidaw l-indikaturi regolarment billi jippubblikaw il-Profili tal-Pajjiżi fir-Rapport Annwali tal-i2010.

d) L-iskambju ta' prattiki tajbin ġie infurzat, kemm permezz ta' bażijiet ta' dejta li jistgħu jinstabu fuq l-internet (www.epractice.eu) kif ukoll permezz tal-iżvilupp ta' netwerks tematiċi ffinanzjati mill-ICT-PSP. Ġie estiż ukoll għal oqsma ġodda bħall-eInclusion u d-distakk diġitali (http://www.broadband-europe.eu)

4. KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni tqis dan ir-rapport bħala wieħed pożittiv li jikkonferma l-effikaċja u l-utilità tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 u tal-Modinis, li huwa l-programm ta' finanzjament ewlieni tiegħu. Ġew identifikati xi nuqqasijiet, iżda dawn ma ħallewx effett kbir fuq l-implimentazzjoni ġenerali tal-programm. Dawn in-nuqqasijiet ġew indirizzati permezz tal-inizjattiva ta' segwitu, l-i2010, u wieħed mill-istrumenti ta' finanzjament ewlenin tagħha (ICT-PSP).

Anness 1

Evalwazzjoni finali tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope2005

Siltiet mir-rapport tal-evalwazzjoni [12]

L-evalwazzjoni tal-eEurope kella tliet komponenti:

- Ir-rilevanza tal-eEurope;

- L-effiċjenza u l-koerenza tal-eEurope;

- L-impatt potenzjali tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope u l-mekkaniżmi ta' twettiq tiegħu.

1. Ir-Rilevanza

F'termini ta' kontenut, id-diversi gruppi ta' partijiet interessati involuti (eż., dawk li jfasslu l-politika, l-impriżi, l-istituzzjonijiet akkademiċi, eċċ.) jiddefinixxu r-rilevanza tal-eEurope b'modi differenti. Pereżempju, il-fatt li l-prijoritajiet tal-eEurope jitqiesu bħala rilevanti minn dawk li jfasslu l-politika fi Stat Membru partikolari mhux neċessarjament ifisser li dawn ikunu l-prijoritajiet tal-impriżi ta' dak il-pajjiż.

F'termini tal-approċċ politiku, l-aspett ewlieni tal-evalwazzjoni hu jekk għadux validu u fattibbli l-approċċ li jingħata qafas strateġiku ta' politika ġenerali f'ambitu politiku li maż-żmien qed isir dejjem aktar matur u kumpless .

Ir-riżultati tal-evalwazzjoni jindikaw li:

Il-Pjan ta' azzjoni eEurope 2005 kien kruċjali biex jinbeda u jinżamm djalogu bejn pajjiżi b'kuntesti kulturali u istituzzjonali, livelli ta' prestazzjoni, u aġendi u prijoritajiet tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (SI) differenti ħafna

Jidher li l-Istati Membri jaqblu unanimament dwar ir-rilevanza tal-eEurope bħala qafas ta' politika ġenerali, jew tal-anqas bħala approċċ komuni fl-Ewropa. F'dan is-sens, l-Istati Membri jaraw il-ħtieġa ta' forum li jgħaqqad u jikkoordina, pereżempju fi kwistjonijiet ta' standards u regolamenti u kwistjonijiet oħra relatati mal-interoperabbiltà. Madankollu, ir-rilevanza għall-eEurope fuq livell tal-Istati Membri tvarja, anke jekk ir-rilevanza tiegħu għall-UE tibqa' għolja. Dan hu konsegwenza tad-diversi stadji tal-iżvilupp tal-ICT u tal-ħtiġijiet differenti ta' politika, li fil-każ ta' xi Stati Membri, il-miri tal-eEurope ma jkunux jaqblu mal-livell ġenerali ta' żvilupp tas-Soċjetà tal-Informazzjoni.

2. L-effiċjenza u l-koerenza tal-eEurope

L-effiċjenza tal-eEurope ġiet ivvalutata abbażi tal-funzjoni tal-Grupp konsultattiv tal-eEurope u tas-sottogruppi relatati.

Il-Grupp Konsultattiv tal-eEurope wettaq rwol importanti biex iseħħu l-iskambju ta' esperjenzi u biex jiżdied it-tagħlim reċiproku fuq livell Ewropew. Il-laqgħat tal-grupp konsultattiv għenu biex ir-rappreżentanti tal-Istati Membri jiksbu perspettiva usa tal-isfidi li s-Soċjetà tal-Informazzjoni ġġib magħha u tas-soluzzjonijiet adottati minn pajjiżi oħra.

Madankollu, jidher li r-rwol tal-grupp konsultattiv biex joħloq stimoli għall-iżvilupp ta' azzjonijiet politiċi relatati mas-Soċjetà tal-Informazzjoni u biex jikkoordina dawn il-politiki kien wieħed limitat, minħabba li l-Istati Membri ma wrewx l-istess livell ta' impenn u minħabba n-nuqqas ta' interattività fost il-grupp. Jidher li l-Grupp Konsultattiv ma ffunzjonax kif kien mistenni – jiġifieri bħala indikatur ta' kif jaħdmu l-istrateġiji relatati mas-SI proposti mill-Kummissjoni. Danjidher li x'aktarx minħabba li l-parteċipanti tal-Istati Membri ma kinux tal-livell meħtieġ biex jieħdu deċiżjonijiet u ma kinux kapaċi jirrappreżentaw l-opinjoni ta' pajjiżhom.

Hemm dubju kbir dwar kemm kienet utli t-Tieni Sessjoni tal-Grupp Konsultattiv tal-eEurope. Il-mandat tagħha ma kienx ċar mill-bidu, u x-xogħol li twettaq fiha ħalla influwenza limitata fuq il-funzjonament tal-eEurope.

It-Tieni Sessjoni tal-Grupp Konsultattiv tal-eEurope kienet magħmula minn diversi esperti u partijiet interessati minn oqsma ta' politika u setturi tal-industrija differenti. Jidher li, għall-parteċipanti, din il-laqgħa serviet ta' forum siewi li fih setgħu jiġu skambjati opinjonijiet u jiġu stabbiliti netwerks ġodda. Madankollu, peress li l-parteċipanti ta' din is-Sessjoni kienu ġejjin minn ħafna setturi differenti u peress li s-sessjoni ma kellhiex mandat ċar, jidher li d-diskussjonijiet ma rnexxilhomx jilħqu d-dettall u l-livell ta' speċjalizzazzjoni neċessarji biex iħallu influwenza reali.

Il-biċċa l-kbira tax-xogħol jitwettaq mis-sottogruppi. Kemm is-sottogrupp tal-eHealth kif ukoll dak tal-eGovernment ħadmu tajjeb, u fihom saru diskussjonijiet u ntlaħaq kunsens dwar dawn il-kwistjonijiet importanti.

Madankollu, il-proliferazzjoni tas-sottogruppi u n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejniethom kienu l-kawża ta' tnaqqis fit-trasparenza u ta' ripetizzjoni ta' sforzi. Barra minn hekk, ma kienx hemm biżżejjed koordinazzjoni bejn is-sottogruppi tal-eEurope, kif ukoll bejn gruppi ta' ħidma ta' DĠ oħrajn.

3. Impatt u effikaċja

Il-valutazzjoni tal-impatt iffokat fuq il-kontribut tal-eEurope għall-politika u l-istrateġija tas-Soċjetà tal-Informazzjoni fl-Istati Membri, jiġifieri fuq l-ewwel livell ta' impatt. Madankollu, meta kien possibbli, l-evalwazzjoni ppruvat tidentifika l-impatti tat-tieni livell fuq il-programmi u l-miżuri ta' politika operattivi.

F'xi każijiet, l-eEurope wassal għat-teħid ta' azzjonijiet diretti fl-Istati Membri, kemm fl-ambitu tal-programmi ta' politika operattivi kif ukoll fit-titjib tal-koordinazzjoni interna.

Il-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 wassal għal diversi tipi ta' impatt fl-Istati Membri, skont il-motivazzjonijiet u l-karatteristiċi tal-pajjiżi. L-evalwazzjoni identifikat ħames tipi ta' impatt:

- eEurope bħala pjattaforma li tintuża biex tinfluwenza

- eEurope bħala mezz ewlieni biex tinbeda u tinżamm politika nazzjonali tas-SI

- eEurope bħala punt ta' referenza għall-politika nazzjonali tas-SI

- eEurope bħala fattur li jagħti spinta lil ċerti oqsma tas-SI

- eEurope bħala inċentiv biex il-politika nazzjonali tas-SI tiġi kkoordinata aħjar

Id-diversi tipi ta' impatt jidhru f'kumbinazzjonijiet differenti fost id-diversi Stati Membri u jindikaw li l-eEurope, bħala intervent pubbliku, irnexxilu jinfluwenza lill-Istati Membri b'modi differenti fil-qasam tal-politika tas-Soċjetà tal-Informazzjoni. L-evalwazzjoni wriet ukoll li l-impatt tal-eEurope huwa bidirezzjonali – fejn l-eEurope, definit bħala l-politika Ewropea konsolidata, xi kultant jiġi influwenzat mill-użu tal-mekkaniżmi ta' twettiq tiegħu minn Stati Membri.

Il-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005 kien fattur importanti li għen biex l-ICT jibqa' jifforma parti mill-aġenda politika fi żmien meta l-interess f'dan is-suġġett kien qed imajna, sa ċertu punt minħabba li (reġgħu) bdew ifeġġu temi li tqiesu bħala aktar importanti.

F'bosta każijiet, ikun diffiċli ħafna biex jibqa' jingħata appoġġ politiku ta' livell għoli għal oqsma ta' politika li ma jkunux awtomatikament fil-quċċata tal-aġenda politika nazzjonali għal terminu qasir. F'dawn il-każijiet, l-evalwazzjoni tindika li l-eEurope, permezz tal-mekkaniżmi ta' twettiq tiegħu, bħall-Grupp Konsultattiv, il-Konferenzi Ministerjali u l-attivitajiet ta' benchmarking, wettaq rwol kruċjali biex inizjattivi tal-ICT jibqgħu jgawdu appoġġ ta' livell għoli. Dan ukoll jista' jitqies li għandu x'jaqsam mad-diversi tipi ta' impatt, peress li l-appoġġ ta' livell għoli huwa wieħed mill-fatturi ewlenin li ħafna minn dawn l-impatti jiddependu fuqu. Għaldaqstant, l-istimolu ta' appoġġ ta' livell għoli, flimkien mal-iżvilupp u t-tixrid tal-aħjar prattiki jista' jitqies bħala għodda effikaċi biex jinkisbu r-riżultati mixtieqa mill-interventi politiċi bħal ma huma l-eEurope jew l-i2010.

L-eEurope kkontribwixxa biex jiġu stabbiliti xi għanijiet politiċi komuni fl-ambitu tas-Soċjetà tal-Informazzjoni, kif jidher fil-Pjanijiet ta' Azzjoni dwar l-eGovernment u l-eHealth li t-tnejn imorru lil hinn minn dikjarazzjonijiet ġenerali ta' interessi u jiddefinixxu għadd ta' għanijiet konkreti.

Filwaqt li r-riżultati tal-evalwazzjoni jindikaw li l-eEurope stimula appoġġ ta' livell għoli u allura, anke miżuri politiċi relatati mal-ICT fuq livell nazzjonali, l-allinjament globali tal-għanijiet tal-politika tas-SI tal-Istati Membri ma' dawk tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope jindika wkoll li saret enfasi fuq l-iżvilupp tal-politiki tal-eGovernment u tal-eHealth. Il-kontribut tal-eżerċizzju ta' benchmarking fir-rigward tal-eGovernment għandu jiġi enfasizzat – fejn id-diskussjonijiet dwar l-indikaturi u l-lista ta' prijoritajiet żammew l-ambitu tal-politika kontinwament fuq l-aġenda politika tal-Istati Membri.

Anness 2

Evalwazzjoni Finali tal-Modinis

Siltiet mir-Rapport tal-Evalwazzjoni [13]

L-EFFIċJENZA TAL-MODINIS

L-evalwazzjoni tal-effiċjenza tal-MODINIS iffokat fuq il-ġestjoni tal-programm, il-mod li bih ġie użat il-baġit, ir-rwol tal-kumitat tat-tmexxija tal-MODINIS, kif ukoll il-koerenza globali tal-programmi ta' ħidma tal-Pjan ta' Azzjoni eEurope 2005.

Skont l-evalwazzjoni, ir-rwol tal-kumitat tat-tmexxija kien limitat għall-funzjoni stipulata fil-proċedura amministrattiva. Madankollu, ir-relazzjoni bejn il-kumitat tat-tmexxija u l-EAG (il-Grupp Konsultattiv tal-eEurope) kienet ikkaratterizzata minn nuqqasijiet fit-tqassim tar-responsabbiltajiet u fil-koordinazzjoni ta' bejn iż-żewġ entitajiet. Speċifikament, inħolqot tensjoni bejn l-istatus ġuridiku formali tal-kumitat tat-tmexxija min-naħa waħda u l-livell għoli tal-grad tal-membri tal-Grupp Konsultattiv tal-eEurope min-naħa l-oħra.

Skont l-evalwazzjoni, ir-rwol tal-kumitat tat-tmexxija tal-MODINIS ġie ddefinit aħjar fl-inizjattiva i2010. Id-distinzjoni ċara bejn il-Grupp ta' Livell Għoli, iffinanzjat mill-baġit amministrattiv tal-Kummissjoni, u l-attivitajiet tal-MODINIS, naqqset mit-taħwid li kien hemm qabel dwar il-mod li bih kellhom jaġixxu bejniethom id-diversi fora ta' laqgħat - fejn ir-responsabbiltà tal-koordinazzjoni ġiet mgħoddija lill-Istati Membri.

Fir-rigward tal-mod li bih jiġu użati l-mezzi tal-baġit, l-ittardjar fl-adozzjoni tal-programm ta' ħidma affettwa bil-kbir lill-użu tal-finanzjament allokat lill-MODINIS matul is-sena 2004. Kemm l-infiq tal-baġit kif ukoll l-impenji tiegħu tjiebu matul l-2005 u l-2006. Attwalment, l-istruttura bażi għall-adozzjoni tal-programmi ta' ħidma u tal-baġits fil-Kummissjoni ma tippermettix attivitajiet għas-sena baġitarja sħiħa, minħabba t-tardjar kontinwu fil-proċess tal-adozzjoni formali, peress li l-ewwel tliet xhur jinħlew fuq l-aċċettazzjoni formali tal-abbozz tal-baġit u tal-programm. Din is-sitwazzjoni tikkomprometti l-effiċjenza, u b'hekk twassal għal infiq mill-baġit u tipperikola l-iskeda u r-rilevanza tal-attivitajiet tal-programmi ta' ħidma.

Barra minn hekk, ma saritx biżżejjed enfasi fuq l-attivitajiet ta' komunikazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni fil-programmi ta' ħidma, u għal dawn l-attivitajiet ġie użat biss ammont żgħir ħafna mill-baġit.

Minkejja dan, l-evalwaturi jsostnu li l-programmi ta' ħidma tal-MODINIS huma koerenti u konsistenti mal-miri tal-MODINIS fir-rwol li jwettaq bħala programm ta' appoġġ finanzjarju li jiffaċilita l-pjan ta' azzjoni eEurope 2005.

L-effikaċja, l-impatt u r-rilevanza tal-MODINIS

Kumplessivament, wieħed jista' jikkonkludi li l-impatt tal-MODINIS mhux l-istess għal-linji ta' azzjoni u pakketti ta' ħidma kollha. L-aktar impatt ċar jidher li kien fil-benchmarking, li ttieħed bis-serjetà mill-Istati Membri u f'xi każijiet wassal għal titjib sostanzjali fil-prestazzjoni. Il-benchmarking huwa wkoll l-ambitu li fih, l-involviment tal-MODINIS huwa l-aktar viżibbli, fis-sens li l-programm mhux biss ipprovda l-finanzjament għall-eżerċizzji ta' benchmarking, iżda talli ta wkoll kontribut għall-iżvilupp u l-adattament ta' indikaturi għall-i2010.

F'dak li għandu x'jaqsam mat-tliet linji l-oħra ta' azzjoni, bosta mill-attivitajiet finanzjati mill-MODINIS kienu utli u ġġeneraw attivitajiet ta' segwitu, bħal ma huwa l-każ tal-konferenzi jew tat-tħejjija tal-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni. Jirriżulta li l-konferenzi kienu avvenimenti importanti fl-oqsma bażiċi tal-eEurope, ħolqu stimolu għall-iżvilupp ta' politiki ġodda u taw kontribut għall-iżvilupp ta' pjanijiet konkreti ta' direzzjoni u ta' azzjoni. L-uniku mekkaniżmu ta' twettiq li ġie meqjus li għandu importanza limitata kien dak tal-istudji ffinanzjati mill-MODINIS. Dawn l-istudji ma ġewx imxandra biżżejjed u jidher li ħallew impatt żgħir wisq fuq l-iskambju ta' informazzjoni u l-ksib ta' kompetenza mill-Istati Membri. L-impatt imħolli mill-MODINIS jidher li kien dak li jiżgura l-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet li huma konsistenti mal-miri tal-eEurope.

Bla dubju, il-MODINIS kien rilevanti bħala mekkaniżmu implimentattiv għall-eEurope, fis-sens li ppermetta t-tnedija ta' attivitajiet panEwropej li ma setgħux jiġu implimentati jew iffinanzjati mill-Istati Membri stess. Għalhekk, kien importanti biex jipprovdi valur miżjud Ewropew għall-attivitajiet imwettqa mill-Istati Membri.

Rakkomandazzjonijiet

Huwa rrakkomandat li, fi programmi simili fil-ġejjieni, il-kumitat tat-tmexxija għandu jingħata r-rwol limitat li jadotta l-programmi ta' ħidma u jalloka l-baġit. Madankollu, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb il-proċess ta' komunikazzjoni mal-kumitat u li tiżgura li r-rwol tiegħu jiġi definit sew.

Huwa meħtieġ ukoll li l-Kummissjoni ssib metodi kif tadotta l-programmi ta' ħidma fil-ħin, u li tikkorrispondi s-sena baġitarja mal-programm ta' ħidma sabiex tiffaċilita l-effikaċja fl-infiq tal-baġit.

Id-definizzjoni tal-indikaturi ta' referenza għandha tiġi aġġornata kontinwament u adattata għall-iżviluppi ġodda u għad-dħul ta' Stati Membri ġodda fl-Unjoni. Kontinwament, għandhom jibqgħu jsiru sforzi biex jiġu definiti indikaturi ġodda. Għandhom jiġu żgurati l-koerenza u l-kooperazzjoni bejn id-diversi gruppi ta' ħidma responsabbli għad-definizzjoni tal-indikaturi, sabiex l-isforzi ma jiġux ripetuti u tinkiseb l-ogħla kwalità tal-indikaturi għall-i2010.

Fl-i2010, l-iskambju ta' prattiki tajbin għandu jiġi msaħħaħ, peress li Stati Membri ġodda u temi ġodda jeħtieġu sforz konġunt biex jittejbu t-tagħlim u l-koerenza fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kollha.

It-tixrid ta' prattiki tajbin permezz ta' konferenzi u studji jidher li ma għadux biżżejjed għall-ħtiġijiet attwali. L-evalwazzjoni tissuġġerixxi li għandhom jiġu allokati aktar sforzi u riżorsi għat-tixrid tal-aħjar prattiki, pereżempju permezz ta' bażijiet ta' dejta li jistgħu jinstabu fuq l-internet,

[1] Il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona, Konklużjonijiet tal-Presidenza, paragrafu 40(http://ue.eu.int/en/Info/eurocouncil/index.htm)

[2] http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/tomorrow/index_en.htm.

[3] COM(2007) 836, http://ec.europa.eu/avpolicy/other_actions/content_online/index_en.htm.

[4] COM(2007) 694, http://ec.europa.eu/information_society/activities/einclusion/index_en.htm.

[5] Rambøll Management and Technopolis

[6] Ara l-Anness 1.

[7] COM (2006) 129

[8] COM (2007) 694

[9] Ara l-Anness 2.

[10] http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/docs/studies/interactive_content_ec2006.pdf

[11] Com (2007) 836 finalihttp://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2007:0836:FIN:EN:PDF

[12]

Għar-rapport sħiħ żur il-websajt:

http://ec.europa.eu/dgs/information_society/evaluation/data/pdf/studies/s2005_01/eEurope2005_final_report.pdf

[13] Għar-rapport sħiħ żur il-websajt:http://ec.europa.eu/dgs/information_society/evaluation/data/pdf/studies/s2005_01/modinis_final_report.pdf