52009DC0291




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 24.6.2009

KUMM(2009) 291 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwarAzzjoni Kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwarAzzjoni Kontra l-Kanċer: Sħubija Ewropea

1. Għalfejn sħubija għall-azzjoni kontra l-kanċer?

Minkejja l-progress li sar dan l-aħħar, il-kanċer għadu ta' piż kbir fuq is-soċjetà Ewropea. Wara l-mard relatat maċ-ċirkolazzjoni, il-kanċer kien it-tieni marda l-aktar qerrieda fl-2006, li wassal għal żewġt imwiet minn 10 għan-nisa u tlitt imwiet minn 10 għall-irġiel, ekwivalenti għal madwar 3,2 miljun ċittadin fl-UE djanjostikat bil-kanċer kull sena.

Il-bażi legali għall-azzjoni fil-qasam tas-saħħa taqa' fil-biċċa l-kbira tagħha fuq l-Istati Membri (Artikolu 152 tat-Trattat tal-UE). Madankollu, kif spejgat fl-Istrateġija dwar is-Saħħa 'Flimkien għal Saħħitna: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013', hemm oqsma fejn l-azzjoni konġunta tal-UE tista' ġġib valur miżjud fit-trattament ta' sfidi ewlenin dwar is-saħħa b'mod aktar effettiv, permezz tal-qsim ta' tagħrif, u l-iskambju tal-għarfien espert u l-aħjar prattika[1].

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea urew ukoll l-impenn politiku tagħhom u taw direzzjoni strateġika għall-attivitajiet futuri Ewropej fir-rigward tal-kanċer. Fl-10 ta' April 2008, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra l-kanċer fl-UE mkabbra, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-piż Ewropew fir-rigward tal-kanċer ġew adottati fl-10 ta' Ġunju 2008[2]. [3]

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer għall-perjodu 2009-2013 li tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jittrattaw il-kanċer billi tipprovdi qafas għall-identifikazzjoni u l-qsim tat-tagħrif, tal-kapaċità u tal-għarfien espert fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer, u permezz tal-ingaġġ tal-partijiet interessati rilevanti madwar l-Unjoni Ewropea fi sforz kollettiv għall-indirizzar ta' din il-marda. Kif jidher mid-differenzi qawwija u mill-inugwaljanzi fl-inċidenza tal-kanċer u l-mortalità madwar il-Komunità, hemm valur miżjud konsiderevoli fil-ħidma globali fuq livell Ewropew biex nevitaw u nikkontrollaw il-kanċer b'mod aktar effettiv.

Din il-Komunikazzjoni tistipula fil-wisgħa l-għanijiet għas-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer, l-oqsma u l-azzjonijiet identifikati li għad iridu jiġu determinati u jitressqu 'l quddiem permezz ta' strateġija ta' sħubija Ewropea, l-istruttura proposta ta' Sħubija u l-passi antiċipati li jmiss.

1.1. Il-kanċer: mudell għall-applikazzjoni tal-prinċipji tal-Istateġija tas-Saħħa

Billi l-kanċer huwa wieħed mill-kawżi ewlenin ta' mard fl-Unjoni Ewropea, assoċjat ma' spiża konsiderevoli fuq is-soċjetà, huwa essenzjali li wieħed jinvesti fis-saħħa futura tal-Ewropa permezz tat-teħid ta' azzjonijiet sostenibbli u fit-tul għat-trattament ta' din il-marda. Fis-sena 2005 biss, ġie stmat li ntilfu aktar minn 17-il miljun sena ta' ħajja aġġustati wara diżabbiltà minħabba fil-kanċer fir-reġjun Ewropew tad-WHO. Madankollu, biex nittrattaw b'mod effettiv il-medda wiesa' ta' determinanti tas-saħħa marbuta mal-kanċer jeħtieġ ukoll li mmorru lil hinn mill-qasam tas-saħħa, u naddottaw strateġija trażversali, li tintegra s-saħħa f'oqsma tal-politika bħall-edukazzjoni, l-ambjent, it-tassazzjoni, ir-riċerka u l-affarijiet soċjali u esterni.

1.2. L-importanza li nindirizzaw il-kanċer biex inżidu kemm nistgħu s-snin ta' ħajja f'saħħitna

Huwa kruċjali li nittrattaw din il-marda b'mod aktar effettiv fl-UE, kif nirrealizzaw l-implikazzjonijiet soċjo-ekonomiċi taż-żieda mistennija tal-kanċer waqt li l-popolazzjoni Ewropea tixjiħ. Pereżempju, il-prevenzjoni effettiva tista' tikkontribwixxi ħafna fit-titjib tas-saħħa. Tbassar li permezz tal-implimentazzjoni ta' kopertura demografika ta' 100 % fir-rigward tal-iskrining tal-kanċer ċervikali, jistgħu jiġu salvati madwar 94 % ta' snin ta' ħajja mitlufa, u għal kull 152 pap smear test li jsir, tista' tinkiseb sena waħda ta' ħajja. F'dawn iż-żminijiet ta' instabbiltà finanzjarja, huwa aktar u aktar importanti li wieħed jinvesti fis-saħħa, b'mod partikolari permezz ta' azzjonijiet ta' prevenzjoni bħal dawn.

L-indikatur tas-Snin ta' Ħajja fis-Saħħa huwa miżura użata mill-Kummissjoni biex tevalwa l-għadd ta' snin li persuna ta' ċerta età hija mistennija li jkun baqalha tgħix mingħajr diżabbiltà, u tintuża biex tissorvelja s-saħħa bħala fattur fil-produttività u l-prosperità ekonomika biex tappoġġja l-linji politiċi għall-promozzjoni tas-saħħa.

1.3. Rispons kollettiv Is-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer

Biex nikkoordinaw b'mod aktar effettiv l-attivitajiet u l-azzjonijiet li qed jittieħdu f'oqsma ta' linji politiċi differenti mill-Istati Membri u minn persuni interessati oħra, u bl-għan li jitnaqqas il-piż inugwali tal-kanċer fl-Ewropa li qed jiżdied, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer għall-perjodu 2009-2013 .

Kif indikat hawn fuq, din is-Sħubija timmira li tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jittrattaw il-kanċer billi tipprovdi qafas għall-identifikazzjoni u l-qsim tat-tagħrif, tal-kapaċità u tal-għarfien espert fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer, u permezz tal-ingaġġ tal-partijiet interessati rilevanti madwar l-Unjoni Ewropea fi sforz kollettiv għall-indirizzar ta' din il-marda. Kif jidher mid-differenzi nazzjonali u reġjonali fl-inċidenza u l-mortalità tal-kanċer, hemm ambitu konsiderevoli għat-tnaqqis tal-piż Ewropew tal-kanċer permezz ta' rispons konġunt, iggwidat minn strateġiji msejsa fuq l-evidenza għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard. Din l-istrateġija ta' sħubija għandha tgħin biex tevita l-azzjonijiet imferrxa u d-duplikazzjoni tal-isforzi. Għandha wkoll tikkontribwixxi għall-użu aħjar tar-riżorsi limitati disponibbli.

Sa tmiem is-Sħubija, l-għan għall-Istati Membri kollha huwa li jkunu integraw il-pjanijiet kontra l-kanċer. Il-Kummissjoni tqis li l-istabbiliment ta' pjanijiet bħal dawn għandhom jagħmlu kontribut sostenibbli biex inaqqsu l-piż tal-kanċer fl-UE, u li l-mira ta' tnaqqis ta' 15 % sal-2020 (510 000 każ ġdid) huwa riżultat li jista' jintlaħaq.

2. Rispons għall-politika komprensiva: oqsma u azzjonijiet

2.1. Terz tal-mard tal-kanċer jista' jiġi evitat – ir-rispons li huwa l-aktar effikaċi għall-infiq

Il-promozzjoni tas-saħħa

Strateġija orizzontali fuq il-bażi tat-trattament ta' determinanti ewlenin tas-saħħa hija essenzjali biex tikkontrolla ż-żieda tal-piż tal-kanċer madwar l-Unjoni Ewropea. Il-kanċer huwa kkawżat minn ħafna fatturi u għalhekk il-prevenzjoni tiegħu għandha tindirizza fuq livell indaqs l-istil ta' ħajja, il-kawżi relatati max-xogħol u dawk ambjentali. Huwa stmat li madwar terz tal-mard tal-kanċer jista' jiġi evitat permezz ta' tibdil jew evitar ta' fatturi ewlenin ta' riskju bħat-tipjip, il-ħxuna żejda, in-nuqqas ta' konsum ta' frott u ħxejjex, in-nuqqas ta' attività fiżika, u l-konsum tal-alkoħol.

Il-promozzjoni tas-saħħa fuq il-bażi ta' determinanti ewlenin tas-saħħa hija prijorità fit-tul għall-Kummissjoni Ewropea, u din tinkludi strateġiji għan-nutrizzjoni, il-ħxuna żejda u l-kwistjonijiet ta' saħħa relatati mal-obeżità, u l-appoġġ għall-ħsara relatata mal-alkoħol. Il-Kummissjoni adottat ukoll politika ta' kontroll ambizzjuża kontra t-tabakk bl-għan li tiddiskoraġġixxi t-tfal u ż-żgħażagħ milli jibdew ipejpu, tappoġġja l-waqfien mit-tipjip u tħares liċ-ċittadini kollha milli jesponu rwieħhom għad-duħħan passiv, waqt li tqis il-ħtieġa li tfassal il-promozzjoni tas-saħħa skont il-popolazzjoni speċifika u l-gruppi mmirati.

Determinanti ewlenin oħra huma l-fatturi ambjentali u dawk relatati max-xogħol, bħall-esponiment għal sostanzi karċinoġeniċi u mutaġeniċi, u l-kwalità tal-arja ġewwa u barra. Ir-Rapport Dinji tal-2008 dwar il-Kanċer mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) jenfasizza l-importanza tal-prevenzjoni ewlenija ambjentali u t-tnaqqis tal-esponiment. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-iżvilupp ta' leġiżlazzjoni ġdida relatata mal-esponiment ġenerali għall-kimiċi[4], jiġifieri fl-ilma, fl-iskart u permezz ta' sustanzi organiċi persistenti li jniġġsu, għalhekk jikkontribwixxu għall-prevenzjoni mill-inċidenza tal-kanċer. Biex tittratta l-impatti ta' fatturi ambjentali bħal dawn fuq is-saħħa b'mod aktar effettiv u biex trawwem il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u għas-Saħħa. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/37/KE tistipula għadd ta' miżuri ta' prevenzjoni biex jeliminaw jew jimminimizzaw l-esponiment għall-karċinoġeni u l-mutaġeni relatati max-xogħol[5]. Il-lista ta' karċinoġeni u mutaġeni qed tiġi aġġornata f'konformità mal-evidenza xjentifika.

Fost l-attivitajiet speċifiċi ta' prevenzjoni mill-kanċer li wrew li kienu ta' suċċess hemm il-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer[6]. Dan jagħti żewġ messaġġi ċari ħafna:

- ċerti tipi ta' kanċer jistgħu jiġu evitati – u s-saħħa b'mod ġenerali tista' titjieb – permezz tal-adozzjoni ta' stili ta' ħajja aktar tajbin għas-saħħa; u wkoll

- il-kanċer jista' jitfejjaq, jew il-prospettivi tal-fejqan jistgħu jiżdiedu sew, kemm-il darba dan jinqabad fi stadju bikri.

Is-sejbien bikri

Il-kanċer jista' jitnaqqas u jiġi kkontrollat permezz ta' strateġiji ta' implimentazzjoni msejsa fuq l-evidenza għas-sejbien bikri u għall-kontroll ta' pazjenti bil-kanċer. Dan jinkludi tagħrif xieraq biex jiżgura l-għarfien dwar il-benefiċċji tal-iskrining għal dawk li għandhom jibbenefikaw minnu. Dan huwa qasam fejn il-valur miżjud tal-Komunità diġà wera li huwa effiċjenti fl-appoġġ għall-iżvilupp fl-Istati Membri tal-programmi ta' skrining kontra l-kanċer tas-sider, dak ċervikali u kolorettali.

Minkejja dawn l-isforzi sostanzjali, il-volumi tal-eżamijiet ta' skrining fl-UE huwa inqas min-nofs in-numru minimu annwali ta' eżamijiet li kienu jkunu mistennija kieku t-testijiet tal-iskrining speċifikati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrining kontra l-kanċer kellhom ikunu disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE ta' età xierqa (madwar 125 miljun eżami fis-sena)[7] [8].

Strateġiji alternattivi ta' prevenzjoni kontra aġenti infettivi li jistgħu jikkawżaw il-kanċer, bħall-papillomavajrus ta' riskju għoli fil-bniedem (HPV) b’impatt partikolari għan-nisa żgħażagħ, għandhom ukoll jiġu eżaminati aktar. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ippubblika "Gwida għall-introduzzjoni tat-tilqim kontra l-HPV fil-pajjiżi tal-UE", li jistipula l-bażi xjentifika għall-introduzzjoni potenzjali tat-tilqim kontra l-HPV.

L-għanijiet għall-azzjoni: għat-tnaqqis tal-piż tal-kanċer permezz ta' kopertura ta' 100 % tal-popolazzjoni fir-rigward tal-iskrining għall-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali[9] kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrining tal-kanċer sal-2013; l-għoti ta' 125 miljun eżami fis-sena liċ-ċittadini. Sabiex jintlaħa dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jippromwovu kampanji ta' tagħrif fuq skala kbira dwar l-iskrining tal-kanċer, dirett lil—pubbliku ġenerali u dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa.

Azzjonijiet oħra jistgħu jinkludu:

- L-evalwazzjoni tal-effettività tal-politika Komunitarja fil-qasam tal-kontroll tat-tabakk;

- L-użu tal-mekkaniżmi eżistenti, bħall-fora tal-partijiet interessati li jiffukaw fuq l-alkoħol u n-nutriment, biex l-azzjonijiet kontra l-kanċer jimxu 'l quddiem;

- Ir-reviżjoni tal-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer, li jinkludi l-implementazzjoni tiegħu;

- L-evalwazzjoni tal-piż tal-kanċer fl-UE li ġej mill-infezzjonijiet;

- Ħarsa ġenerali tal-medda tar-rakkomandazzjonijiet fl-UE dwar l-implimentazzjoni tat-tilqim kontra l-papillomavajrus fil-bniedem bħala politika dwar is-saħħa pubblika għall-prevenzjoni tal-kanċer ċervikali;

- Ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-iskrining kontra l-kanċer fid-dawl tal-iżviluppi xjentifiċi ta' dan l-aħħar, u l-ostakoli li l-Istati Membri qed jaffaċċjaw fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' skrining tal-kanċer tas-sider, ċervikali u kolorettali;

- L-iżvilupp ta' skema ta' akkreditazzjoni volontarja Ewropea bi prova għall-iskrining tal-kanċer tas-sider u segwitu, li jibnu fuq linji gwida Ewropej għall-assikurazzjoni ta' kwalità fl-iskrining tal-kanċer tas-sider u d-dijanjosi bħala l-linji gwida li ilhom jeżistu l-aktar u li huma l-aktar żviluppati fil-qasam.

2.2. L-applikazzjoni fil-prattika tal-aħjar strateġiji fil-kura tas-saħħa – l-identifikazzjoni u t-tixrid ta' prattika tajba

Strateġija komprensiva tal-kanċer u timijiet multidixxiplinarji jistgħu jiżguraw kura aktar effettiva għall-pazjenti bil-kanċer. Pereżempju, ir-raba' edizzjoni tal-linji gwida Ewropej għall-assikurazzjoni ta' kwalità fl-iskrining tal-kanċer tas-sider u d-dijanjosi tinkludi qafas dettaljat għall-istabbiliment u t-tmexxija ta' unitajiet speċjalisti effettivi għat-trattament u l-kura tal-kanċer tas-sider. Il-kura integrata tal-kanċer, li tagħti konsiderazzjoni mistħoqqa lill-benessri psikosoċjali u lill-appoġġ, hija parti kruċjali tal-kura li wieħed għandu jinkoraġġixxi. Flimkien ma’ kura tas-saħħa fis-sens strett, qiegħda dejjem tiżdied il-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq il-kwalità ta' ħajja għal għadd li dejjem qed jikber ta' pazjenti li jsofru minn kanċer kroniku li l-marda tagħhom ma tistax titfejjaq iżda li tista' tiġi stabbilizzata għal għadd ta' snin. Fl-aħħar, il-kura li ttaffi l-uġigħ għal pazjenti tal-kanċer li huma morda b’mod terminali tvarja wkoll fil-kwalità bejn l-Istati Membri u din tista’ tibbenefika mill-iskambju ta’ prattika tajba.

Qasam ieħor ta' valur miżjud tal-UE jista' jkun il-kooperazzoni fin-Netwerks ta' Referenza Ewropej, bħal pereżempju fil-qasam ta' mard rari, li jinkludi ħafna tipi rari ta’ kanċer. In-Netwerks ta' Referenza Ewropej stipulati fil-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Applikazzjoni tad-Drittijiet tal-Pazjenti fil-Kura tas-Saħħa Transkonfinali għandhom jipprovdu l-kura għas-saħħa lill-pazjenti kollha li għandhom kundizzjonijiet li jitolbu konċentrazzjoni partikolari ta' riżorsi jew ta' għarfien espert biex jipprovdu kura li tista' titħallas, ta' kwalità għolja u effikaċi fl-infiq, u li jistgħu wkoll ikunu punt fokali għat-taħriġ mediku u r-riċerka, għat-tagħrif u l-valutazzjoni medika.

L-għanijiet għall-azzjoni: li jiġu ttrattati l-inugwaljanzi fil-mortalità tal-kanċer soġġetti għall-kura tas-saħħa permezz tat-tnaqqis tad-differenza bejn l-Istati Membri li għandhom l-aħjar u l-agħar prestazzjoni. Filwaqt li jista' ma jkunx possibbli li jitneħħew l-inugwaljanzi eżistenti kollha, il-Kummissjoni qed tħares lejn il-mira fattibbli ta' tnaqqis ta' 70 % sal-2020, waqt li tqis l-iżviluppi xjentifiċi u ċ-ċirkostanzi differenti tal-pajjiżi differenti u t-tipi differenti ta' kanċer. Din il-mira għandha tkun appoġġjata mill-iżvilupp ta' linji gwida għall-mudelli tal-aħjar prattika fil-kura relatata mal-kanċer, waqt li tqis il-kuntesti nazzjonali, reġjonali u lokali.

Azzjonijiet oħra jistgħu jinkludu:

- Il-qsim tat-tagħrif u l-għarfien espert dwar mudelli differenti għal kura komprensiva u integrata tal-kanċer, b'mod partikolari l-organizzazzjoni tal-kura, bl-għan li jinħoloq konsensus fir-rigward tad-definizzjonijiet u l-mudelli tal-kura, inkluż il-kura li ttaffi l-uġigħ u l-kura għall-mard kroniku;

- It-tiftix tal-applikazzjoni ta' sforzi Ewropej kontinwi taħt l-Evalwazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa bħala mezz li jittratta l-kanċer b'aktar effiċjenza, waqt li jibni fuq il-qafas li għandu jiġi stabbilit skont id-Direttiva proposta dwar l-Applikazzjoni tad-Drittijiet tal-Pazjenti fil-Kura tas-Saħħa Transkonfinali;

- It-tiftix ta' soluzzjonijiet tekniċi u finanzjarji alternattivi għall-provvista Ewropea ta' isotopi mediċi, waqt li jitqiesu l-iskarsezzi tal-provvista madwar l-Ewropa.

2.3. Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fir-riċerka dwar il-kanċer

Strateġija komprensiva għandha tinkludi l-aspetti kollha tar-riċerka dwar il-kanċer, li tvarja mill-prevenzjoni sar-riċerka ta' konverżjoni u riċerka klinika. Ir-riċerka dwar is-saħħa hija ta' importanza prinċipali fl-impenji ta' riċerka tal-UE. Matul il-Sitt Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u fl-ewwel żewġ sejħiet tas-Seba' Programm ta' Qafas, madwar EUR 750 miljun ngħataw għar-riċerka dwar il-kanċer, li tkopri t-tipi ewlenin kollha ta' kanċer u li tinvolvi medda wiesgħa ta' atturi, bħall-akkademiċi, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u l-imsieħba industrijali l-kbar.

Minħabba li r-riċerka dwar il-kanċer titwettaq ġeneralment fuq livell nazzjonali u billi hija konsiderevolment frammentata u diversa ma kull naħa tal-UE, il-Komunità beħsiebha tħaffef l-isforzi biex ittejjeb il-koordinazzjoni mifruxa mal-UE kollha f'dan il-qasam, f'konformità mal-għanijiet taż-Żona Ewropea ta' Riċerka. Flimkien ma’ dan, qed jiġu introdotti elementi bħall-Inizjattiva Innovattiva tal-Mediċina (IIM) u l-ESFRI (ir-Roadmap Ewropea, li tinkludi wkoll l-infrastrutturi tar-riċerka għall-provi kliniċi u r-riċerka biomedika), li għandhom jagħmlu tajjeb għar-riċerka tal-kanċer. L-IIM hija kollaborazzjoni panEwropea pubblika u tas-settur privat li qed tagħmel minn kollox biex tappoġġja l-iskoperta u l-iżvilupp ta' mediċini aħjar, inklużi terapiji tal-kanċer, waqt li r-Roadmap tal-ESFRI jinkludi proġetti għall-appoġġ tal-istabbiliment tal-faċilitajiet ta' provi kliniċi u tal-biobanking biex iħejji t-triq għal qafas Ewropew aktar armonizzat. F'dan il-kuntest, huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat il-fatt li fl-2001 ġiet adottata Direttiva tal-Provi Kliniċi Ewropej , li tistipula qafas Ewropew standardizzat għall-implimentazzjoni ta' prattika korretta ta' klinika fit-twettiq ta' provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem[10].

L-għanijiet għall-azzjoni: għall-iżvilupp ta' strateġija koordinata għar-riċerka dwar il-kanċer madwar l-UE, bl-għan li tinkiseb il-koordinazzjoni ta' terz mir-riċerka mis-sorsi kollha ta' fondi sal-2013.

Azzjonijiet oħra jistgħu jinkludu:

- L-identifikazzjoni ta' diskrepanzi, u t-tlaqqigħ flimkien tal-imsieħba fi sforz kollettiv biex jiġu indirizzati l-ostakoli fir-riċerka dwar il-kanċer fl-Ewropa;

- L-identifikazzjoni ta' differenzi fir-riċerka u l-metodoloġija, it-titjib tal-kooperazzjoni fir-riċerka biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u t-tisħiħ tar-riċerka dwar il-prevenzjoni u r-riċerka ta' konverżjoni;

- It-tisħiħ tal-aċċess pubbliku għat-tagħrif dwar ir-riċerka tal-kanċer u b'mod partikolari l-provi kliniċi;

- Biex tkompli ttejjeb l-ambjent regolatorju fir-rigward tar-riċerka klinika fl-UE, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Provi Kliniċi10 bl-għan li tagħmel proposti leġiżlattivi, jekk xieraq.

2.4. Il-proċess ta' ffissar ta' limiti – l-għoti tat-tagħrif komparabbli meħtieġ għall-politika u l-azzjoni

Sistema ta' tagħrif dwar il-kanċer hija importanti biex tiżgura tagħrif u dejta komprensivi u standardizzati dwar il-kanċer mill-Istati Membri kollha. Il-ġbir tad-dejta u tat-tagħrif jippermetti, prinċipalment permezz ta' tqabbil tranżnazzjonali, l-identifikazzjoni u l-promozzjoni tal-aħjar prattika msejsa fuq l-evidenza fir-rigward tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer. Dan it-tqabbil Ewropew fl-imgħoddi wassal għall-iżvelar ta' differenzi konsiderevoli fis-sopravivvenza kontra l-kanċer fl-UE bejn il-pajjiżi b'livelli simili ta' provvista ta' ġid u ta' kura tas-saħħa. B'konsegwenza ta' dan, għadd ta' Stati Membri, li rrappurtaw mortalità relattivament għolja minħabba l-kanċer fil-bidu tas-snin 90 irrevedew u sussegwentement irriformaw il-linji politika nazzjonali tagħhom dwar il-kanċer, u llum qed jirrapportaw titjib fis-sopravivvenza kontra l-kanċer. Permezz tal-iżvilupp tal-iffissar ta' limiti għall-aħjar prattika fl-Ewropa, jeżisti fi kliem ieħor, ambitu konsiderevoli għall-indirizzar tal-inugwaljanzi fis-saħħa. Għalhekk, il-qsim tat-tagħrif rilevanti għall-iskop ta' statistika huwa essenzjali għall-iżvilupp ta' intervenzjonijiet effettivi għas-saħħa pubblika u għall-proċess ta' ffissar ta' limiti fl-Ewropa. Għandhom jintużaw tekniki xierqa għall-ġbir ta' dejta u għall-analiżi, eż. l-anonimizzazzjoni, fi qbil mal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tad-dejta personali[11].

Ir-rwol prinċipali f'sistema ta' tagħrif dwar il-kanċer huwa tar-reġistri tal-kanċer imsejsa fuq il-popolazzjoni nazzjonali u reġjonali li jiġbru u janalizzaw id-dejta dwar il-kanċer fl-Istati Membri. Il-kontribut imprezzabbli ta' dawn ir-reġistri jirrappreżenta biss parti żgħira mill-infiq totali għall-kanċer fl-UE. Pereżempju, il-proporzjon tal-infiq nazzjonali għar-reġistri tal-kanċer fil-Finlandja fl-2007 kien biss ta’ 0.0037 % tal-infiq totali fuq il-kanċer, li juri l-effettività tan-nefqa ta’ dan l-investiment żgħir fil-provvediment tad-dejta meħtieġa għal linji politiċi effettivi.

L-għanijiet għall-azzjoni: għall-iżgurar ta' dejta korretta u komparabbli dwar l-inċidenza, il-prevalenza, il-morbidità, il-kura u s-sopravivvenza u l-mortalità tal-kanċer fl-UE sal-2013.

Azzjonijiet oħra jistgħu jinkludu:

- L-identifikazzjoni tal-ostakoli fil-ġbir ta' dejta u fl-indikaturi, inklużi l-ostakoli leġiżlattivi u l-aċċessibbiltà għad-dejta, u modi biex jingħelbu dawn il-problemi.

- Ftehim dwar sensiela ta' indikaturi tal-qalba li jkejlu u jagħmluha possibbli għat-tqabbil tal-piż tal-kanċer fl-Ewropa, il-kwalità tal-kura u l-impatt tal-istrateġiji tal-kanċer, b'enfasi speċjali fuq l-inugwaljanzi fis-saħħa.

- L-inkoraġġiment ta' standards ta' kwalità għolja u ta' netwerking fuq ir-reġistri tal-kanċer;

- Il-ġbir ta' dejta fuq l-ispiża tal-kanċer lis-soċjetà;

- It-tmexxija ta' stħarriġ li jikkalkula l-opinjoni Ewropea dwar ir-reġistrazzjoni tad-dejta dwar il-kanċer bħala mezz għar-riċerka dwar is-saħħa pubblika u l-ippjanar ta' sistemi effettivi għas-saħħa.

3. Azzjoni sostenibbli fit-trattamet tal-kanċer – naħdmu flimkien fi sħubija

Skont l-Artikolu 152 tat-Trattat tal-KE u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, is-Sħubija Ewropea għall-Azzjoni Kontra l-Kanċer għandha tiffoka fuq l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu f'livell tal-UE għall-prevenzjoni u kontroll aktar effettivi tal-kanċer. Imsejsa fuq strateġija kooperattiva u bbażata fuq l-azzjoni, din is-sħubija konġunta għandha tlaqqa' flimkien sensiela sħiħa ta' atturi f'livell tal-UE, inklużi Stati Membri, esperti, professjonisti fil-kura tas-saħħa, OMG, gruppi ta' pazjenti, rappreżentanti mis-soċjetà ċivili u mill-industrija, bħala mudell għall-mard li ma jitteħidx b'mod ġenerali.

Is-sħubija għandha tipprovdi pjattaforma biex tanalizza l-piż attwali tal-kanċer u tax-xejriet, l-istrateġiji nazzjonali għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer, l-insuffiċjenzi u d-diskrepanzi, u l-għanijiet mixtieqa għal azzjoni futura fir-rigward tal-kanċer f'livell tal-UE. Permezz tal-iskambju tat-tagħrif, l-għarfien espert u l-aħjar prattika, is-Sħubija għandha tikkontribwixxi biex tnaqqas l-inugwaljanzi fis-saħħa billi tgħin lill-Istati Membri batuti biex ikunu aktar effiċjenti fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer. Barra minn hekk, l-attivitajiet Ewropej fil-promozzjoni tas-saħħa relatati mal-kanċer, bħat-tabakk, l-ikel, l-attività fiżika u l-isforzi ambjentali, se jiġu indirizzati qabel kollox permezz tal-mekkaniżmi eżistenti, inkluża l-Pjattaforma tal-UE għall-Azzjoni fir-rigward tad-Dieta, l-Attività Fiżika u s-Saħħa u l-Forum dwar l-Alkoħol u s-Saħħa, aktar milli s-Sħubija nnifisha. Is-Sħubija għandha taġixxi f'oqsma komplementari biex tiżgura strateġija komprensiva u koerenti għall-kanċer f'livell tal-UE.

Biex tmexxi 'l quddiem dawn l-oqsma u l-azzjonijiet identifikati, din il-Komunikazzjoni tipproponi azzjoni speċifika konġunta li għandha tiġi appoġġjata mill-Programm għas-Saħħa mill-2010 'l hemm[12]. Il-ħidma tas-sħubija qed tiġi proposta li titwettaq fi gruppi ta' ħidma tal-partijiet interessati differenti (imsejsa fuq l-erba' oqsma ta' azzjoni fit-taqsima tnejn), li jew iwettqu l-oqsma identifikati ta' ħidma direttament jew jissorveljaw il-ħidma li għandha titwettaq minn atturi, istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet barranin, kif xieraq. Qed jiġi propost li l-attivitajiet tal-gruppi ta' ħidma tal-partijiet interessati jiġu kkoordinati minn grupp ta' direzzjoni, li għandu jirrapporta lis-segretarjat tas-Sħubija u lill-forum miftuħ, li għandu jsir darba fis-sena. Flimkien ma' dan, permezz tal-Programm tas-Saħħa, il-Kummissjoni beħsiebha tagħti appoġġ tekniku addizzjonali, inkluż appoġġ amministrattiv u xjentifiku, lill-gruppi ta' ħidma tal-partijiet interessati (Dijagramma 1). Il-forum miftuħ annwali jimmira li jipprovdi pjattaforma lill-membri tas-Sħubija u lill-partijiet oħra interessati f'livell tal-UE biex tikber il-fehma tagħhom fir-rigward tal-isfida tal-kanċer fis-soċjetà Ewropea, u biex dawn jidentifikaw fejn l-azzjoni komuni tista' ġġib valur miżjud lill-isforzi nazzjonali fil-ġlieda kontra l-piż tal-kanċer.

Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea għandu jkun li tiżgura l-istrateġija kooperattiva u orjentata lejn l-azzjoni tas-Sħubija, u li taċċerta li l-azzjonijiet u l-attivitajiet proposti huma xierqa għall-azzjoni f'livell tal-UE.

Dijagramma 1 [pic]

3.1. Il-passi li jmiss

Is-Sħubija hija mistennija li titnieda fit-tielet kwart tas-sena 2009.

Is-Sħubija beħsiebha tlaqqa' flimkien il-partijiet interessati Ewropej b'għan u impenn komuni għat-tnaqqis tal-kanċer. Biex tkun żgurata rappreżentanza ugwali u ġusta, il-partijiet interessati kollha li l-għanijiet tagħhom huma konformi mal-għan ġenerali tas-Sħubija huma fil-prinċipju mistiedna jissieħbu fl-inizjattiva. Madankollu, biex tinkiseb rappreżentanza bbilanċjata tal-partijiet interessati, il-membri li qed jirrappreżentaw organizzazzjoni speċifika, qasam ta' interess jew industrija għandhom sa fejn possibbli jkunu rappreżentati minn organizzazzjonijiet ċentrali li joperaw f'livell Ewropew, kif ukoll ikunu kapaċi u lesti li jieħdu rwol attiv fit-tnaqqis tal-piż tal-kanċer fl-Ewropa. Il-partijiet interessati rappreżentati minn organizzazzjoni ċentrali huma wkoll mistiedna jipparteċipaw fis-Sħubija, iżda għandhom jagħmlu dan taħt il-patroċinju tal-organizzazzjoni tagħhom.

Din il-Komunikazzjoni tiddefinixxi fil-wisa' l-għanijiet għal azzjoni Ewropea kontra l-kanċer waqt li l-għan tas-Sħubija huwa li jiġu determinati attivitajiet speċifiċi ewlenin għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-kanċer permezz tal-istrateġija ppreżentata hawn fuq. Din tinkludi wkoll sorveljanza regolari u valutazzjoni tal-ħidma mwettqa mill-inizjattiva. Il-grupp ta' direzzjoni, madankollu, se jkun mitlub jirrapporta lis-segretarjat tas-Sħubija u lill-forum miftuħ fuq bażi annwali. Is-segretarjat tas-Sħubija se jkun mistenni wkoll iressaq rapporti ta' implimentazzjoni interim u finali lill-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (EAHC) skont il-proċeduri u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-azzjonijiet konġunti. Flimkien ma' dan, għall-assigurazzjoni tat-trasparenza u r-responsabbiltà, l-għanijiet u r-riżultati deskritti tas-Sħubija se jiġu ppreżentati fuq websajt separata. Din il-websajt, l-hekk imsejħa Sħubija Virtwali, se jipprovdi ħarsa ġenerali estensiva tal-inizjattivi u l-ħidma mwettqa mis-Sħubija. Il-websajt għandha tkun parti minn strateġija ta' komunikazzjoni usa' biex tiżgura t-tixrid madwar il-Komunità kollha.

Fi tmiem il-qafas finanzjarju attwali, għandu jsir proċess ta' reviżjoni biex jevalwa s-suċċessi u n-nuqqasijiet tas-Sħubija. Għandu jitressaq rapport finali mill-Kummissjoni lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew dwar il-ħidma mwettqa fuq il-bazi ta' din il-Komunikazzjoni, li għandu jifforma l-bażi għad-determinazzjoni ta' azzjoni Komunitarja futura fir-rigward tal-kanċer.

3.2. Il-finanzjament

L-azzjonijiet f’din is-Sħubija se jiġu appoġġati mill-istrumenti finanzjarji eżistenti sa tmiem il-qafas finanzjarju attwali (2013), mingħajr konsegwenzi baġitarji addizzjonali. Il-pjanijiet ta' ħidma annwali tat-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa għandhom ikunu strument ewlieni fl-appoġġ ta' din is-Sħubija strateġika. Flimkien ma' dan, hemm bosta programmi Komunitarji oħra li wkoll jipprovdu l-finanzjament rilevanti għall-kanċer, eż. is-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku kif ukoll il-Programmi ta' Politika Reġjonali.

4. Konklużjoni

Il-kanċer jaffettwa għadd dejjem jikber ta' individwi flimkien ma' qrabathom u jirrappreżenta piż enormi fuq is-soċjetà f'Ewropa li qed tixjieħ. Kif rajna minn attivitajiet preċendenti, bħall-Programmi tal-Ewropa kontra l-Kanċer u fil-Programmi dwar is-Saħħa, l-azzjoni Ewropea fil-qasam tal-kanċer tista' ġġib valur miżjud konsiderevoli f'li tittratta b'aktar effiċjenza l-piż ta' din il-marda fuq livell nazzjonali, reġjonali kif ukoll lokali madwar il-Komunità kollha. Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tibni fuq dawn l-isforzi permezz ta' azzjoni sostenibbli, waqt li ssegwi strateġija ta' sħubija, li tinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet interessati li jaħdmu flimkien fil-ġlieda kontra l-kanċer.

[1] Flimkien għal Saħħitna: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013 – COM(2007) 630.

[2] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' April 2008 dwar il-glieda kontra l-Kanċer fl-Unjoni Ewropea mkabbra, P6-TA(2008)0121.

[3] Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tnaqqis tal-Piż tal-Kanċer, l-2876 Laqgħa tal-Kunsill dwar l-Impjiegi, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur, il-Lussemburgu, 10 ta' Ġunju 2008.

[4] Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488.94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1)

[5] Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċeroġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol, ĠU L 229, 30.4.2004, p. 23.

[6] Il-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanċer (2003), disponibbli fuq: http://www.cancercode.org.

[7] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2003/878/KE tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-Iskrining tal-Kanċer (ĠU L 327, 16.12.2003, p. 34)

[8] Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: l-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2003 dwar l-Isrkrining kontra l-Kanċer (2003/878/KE) - COM(2008) 882.

[9] Kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni, dawn huma t-tipi ta' kanċer li għalihom il-kriterja jintlaħqu li l-iskrining għandu jkun offrut biss jekk ikun hemm provi li dan inaqqas il-mortalità kkawżata minn din il-marda speċifika, jekk il-benefiċċji u r-riskji huma magħrufa sew, u jekk l-effettività tan-nefqa tal-iskrining hija aċċettabbli.

[10] Id-Direttiva 2001/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ April 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-implimentazzjoni ta’ prattika korretta ta’ klinika fit-twettiq ta’ provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 121, tal-1.5.2001, p. 34).

[11] Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

[12] Fi ħdan l-oqfsa tal-Programm tas-Saħħa, azzjoni konġunta tirreferi għal attivitajiet imwettqa mill-Komunità u minn Stat Membru wieħed jew aktar jew mill-Komunità u mill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi oħra li flimkien qed jieħdu sehem fil-Programm.