52009DC0209




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.4.2009

KUMM(2009) 209 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar il-progress li sar permezz tas-Seba' Programm Kwadru Ewropew għar-Riċerka

{SEG(2009) 589}

1. Daħla

Ir-riċerka xjentifika tidderiġi l-produzzjoni u l-isfruttar tal-għarfien, tiġġenera l-ideat u s-soluzzjonijiet li jrawmu tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-impjiegi u tgħin tindirizza l-isfidi b'terminu ta' żmien twil, bħat-tibdil fil-klima u l-popolazzjoni li qed tixjieħ. L-għan ewlieni tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka[1] (FP7) huwa li jgħin il-bini taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, suq intern Ewropew għar-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija, li jżid l-eċċellenza xjentifika u teknoloġika permezz ta' iktar kompetizzjoni, iżjed koordinazzjoni tal-attivitajiet tar-riċerka, u li jiffoka iżjed fuq il-programmi u l-politiki tal-isfidi prinċipali tas-soċjetà. L-FP7 huwa ċentrali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' Liżbona, bil-prijoritajiet tiegħu xjentifiċi u teknoloġiċi li jiffukaw fuq l-iżvilupp sostenibbli, sabiex jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli tal-Ewropa f'ekonomija globalizzata u sabiex jibdilha f'ekonomija dinamika u b'karbonju baxx ibbażata fuq l-għarfien li twieġeb għall-ħtiġijiet tas-soċjetà.

L-isfidi b'terminu ta' żmien twil li kellna naffaċċaw qabel il-kriżi ma sparixxewx, u l-miri tal-istrateġija ta' Liżbona llum huma iżjed validi minn qatt qabel. Issa huwa żmien li nħeġġu, u mhux naqtgħu, l-infiq fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, kemm sabiex naffaċċaw dawn l-isfidi u sabiex noħolqu l-bażi għall-irkupru.

Dan ir-rapport jivvaluta l-progress fl-implimentazzjoni tal-FP7 u dak li fadal isir sabiex jilħaq bis-sħiħ l-għanijiet oriġinali tiegħu. Jissodisfa l-obbligazzjoni legali tad-Deċiżjoni tal-KE dwar l-FP7[2] u jipprovdi bażi għall-Evalwazzjoni Interim tal-programm fl-2010[3]. Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni anness jipprovdi iktar dettalji dwar is-suġġetti koperti.

2. Il-bidu ta' sforz ambizzjuż u kumpless

L-FP7 huwa konsiderevolment ikbar fil-qies u fl-ambitu mill-programm FP6 ta' qablu. Jikkombina l-kontinwità man-novità. Elementi tal-FP6 li ġew ippruvati sew tkomplew, bħall-boroż ta' studju Marie-Curie, l-appoġġ għall-Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka, u l-attivitajiet tal-EURATOM, u l-fondi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) bħala fornitur ta' appoġġ robust u indipendenti xjentifiku u tekniku għall-politiki tal-UE. Fl-istess ħin, l-FP7 qed jintroduċi n-novitajiet u l-innovazzjonijiet radikali kemm fil-kontenut u fl-implimentazzjoni, li jeħtieġu bidliet ta' simplifikazzjoni u amministrazzjoni.

L-evidenza disponibbli għall-2007 u l-2008 tindika li l-FP7 kellu bidu tajjeb:

- Ir-rispons tal-komunità xjentifika għas-sejħiet tiegħu għall-proposti juri talba qawwija għar-riċerka Komunitarja. Daħlu madwar 36 000 proposta, u iktar minn 5 500 proposta ġew magħżula għall-fondi. Ir-rata ta' parteċipazzjoni globali hija ta' 21.7%, meta wieħed iqis il-proċeduri ta' applikazzjoni f'żewġ stadji.

- Il-kwalità tal-proċess ta' evalwazzjoni tingħaraf, b'91% tal-valutaturi jistqarru li l-kwalità tal-proċess ta' valutazzjoni kienet simili għal jew aħjar mill-valutazzjoni nazzjonali li huma ħadu sehem fiha.

L-approċċi ġodda mħaddna mill-FP7 jidhru li qed jagħtu riżultati:

- Is-suċċess tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka huwa evidenti mill-11 000 proposta u iktar li ġew milqugħa għall-ewwel sejħa. Iktar minn 500 proġetti ta' riċerka transkonfinali diġà inbdew f'istituzzjonijiet tar-riċerka prestiġġjużi madwar l-Ewropa bħala riżultat tal-ewwel sejħiet tal-iskemi tal-Għotja tal-Bidu tal-ERC u l-Għotja Avvanzata tal-ERC.

- Ħames sħubiji pubbliċi-privati fuq skala kbira – Inizzjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTI) – twaqqfu, kull wieħed bħala entità legali indipendenti skont l-Artikolu 171 tat-Trattat tal-KE: Mediċini Innovattivi (IMI); Sistemi Inkorporati Kompjuterizzati (ARTEMIS); Clean Sky (Sema Nadifa); Nanoelettroniċi (ENIAC) u ċ-Ċelloli tal-Karburant u l-Idroġenu (FCH) JTI. ARTEMIS u ENIAC varaw proġetti mill-ewwel sejħiet tagħhom u għandhom kif ippubblikaw it-tieni sejħiet tagħhom. Il-JTIs l-oħrajn varaw l-ewwel sejħiet tagħhom li għalihom bħalissa qed isir evalwazzjoni u selezzjoni tal-ewwel proġetti.

- It-talba għall-Faċilità Finanzjarja tat-Tqassim tar-Riskju (RSFF) il-ġdida kienet b'saħħitha minn mindu ġiet varata f'Ġunju tal-2007, bi 30 operazzjoni tal-RSFF approvati u l-valur tas-self approvat ilaħħaq iż-2 biljun EUR sal-bidu tal-2009.

- Żewġ aġenziji – l-Aġenzija Eżekuttiva tar-Riċerka u l-Aġenzija Eżekuttiva ERC – ġew imwaqqfa sabiex jiżguraw l-amministrazzjoni effiċjenti ta' baġit dejjem jikber tal-FP7 mingħajr żieda diretta ta' persunal fil-Kummissjoni.

- Sar progress fis-simplifikazzjoni għall-parteċipazzjoni fl-FP7: Bil-fond ġdid tal-Garanzija ħafna mill-kontrolli ta' vijabbilità ta' qabel il-finanzjament ma għandhomx jgħoddu; Faċilità Unika ta' Reġistrazzjoni tawtorizza sottomissjoni ta' darba biss tad-dokumenti legali, u ċ-ċertifikati tar-reviżjoni u l-kontrolli ta' kapaċità ta' qabel il-finanzjament tnaqqsu b'fattur ta' għaxra meta mqabbla mal-FP6.

Xi kwistjonijiet jeħtieġu iktar attenzjoni u riflessjoni:

- Il-parti globali rranġata tal-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-proposti magħżula fi ħdan il-programmi speċifiċi "Kooperazzjoni" u "Kapaċitajiet" hija madwar 11% f'termini tal-kontribuzzjoni tal-KE mitluba.

- Ir-rati ta' parteċipazzjoni fl-FP7 ta' taħt il-medja ta' ħafna mill-Istati Membri l-ġodda huma bbilanċjati b'kontribuzzjonijiet finanzjarji ogħla: il-parteċipanti tal-UE12 kisbu kważi 5% tat-total mitlub tal-kontribuzzjoni tal-FP7, mqabbel ma' parti ta' 2.8% tal-UE12 fin-nefqa interna tar-R&Ż tat-total tal-UE27.

3. Progress sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-FP7

3.1 It-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka

F'Diċembru 2008, l-Istati Membri adottaw il-viżjoni konġunta tagħhom taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA) fl-2020[4]. Bil-"Proċess ta' Ljubljana", ikkommettew għal proċess ta' ħidma flimkien sabiex jirrealiżżaw din il-viżjoni, bi sħubija reċiproka u mal-Kummissjoni. Il-viżjoni tal-ERA hija waħda li toffri l-kundizzjonijiet it-tajba u l-inċentivi għal riċerka ta' impatt qawwi u investimenti tal-R&Ż iżżid il-valur Ewropew billi trawwem kompetizzjoni b'saħħitha għall-eċċellenza, speċjalment bejn ir-riċerkaturi; tħalli lir-riċerkaturi, l-għarfien xjentifiku u t-tekonoloġija sabiex jiċċirkulaw b'mod liberu ('il-ħames libertà'), filwaqt li tappoġġa l-koordinazzjoni bejn dawk li jagħtu l-fondi għar-riċerka u l-kooperazzjoni bejn l-industrija u l-akkademja.

L-FP7 jservi bħala katalista fl-isforzi lejn it-twettiq tal-ERA bl-użu ta' 4 programmi speċifiċi li kull wieħed għandu missjoni speċifika:

Il-programm KOOPERAZZJONI: Il-kisba ta' pożizzjoni fuq quddiem tal-UE f'oqsma prinċipali tal-S&T b'appoġġ lejn il-kollaborazzjoni R&Ż u l-innovazzjoni miftuħa

L-istrumenti kollaborattivi tar-riċerka tal-programm Kooperazzjoni jgħinu lill-industrija u l-akkademja jikkollaboraw f'ambjent ta' 'innovazzjoni miftuħa', u b'hekk jagħtu kontribut għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-għarfien u t-teknoloġiji. Il-valur miżjud Ewropew u l-effetti ta' strutturament fir-rigward tal-ERA huma kriterji deċisivi għall-għażla tas-suġġetti ta' prijorità, indipendentament mill-qies u l-ambitu tal-istrument. Filwaqt li proġetti R&Ż fuq skala iżgħar jistgħu iservu timijiet individwali tar-riċerka jew ħtiġijiet speċifiċi tal-politika, l-FP7 għaraf il-ħtieġa għall-approċċ iktar strateġiku għall-kisba ta' pożizzjoni fuq quddiem xjentifika u teknoloġika u l-istrutturar tal-ERA, u qed jimxi lejn programmi ikbar u inizjattivi strateġiċi b'ambitu u massa kritika usa': l-'Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti' (JTIs) u l-isħubiji pubbliċi-privati, hekk magħrufa fl-inizjattivi tal-Artikolu 169 li minnu l-UE tipparteċipa fi programmi tal-R&Ż li jsiru flimkien mill-Istati Membri.

Il-JTIs iħaddnu approċċ innovattiv għall-isħubiji pubbliċi-privati, imma l-proċess biex jiġu stabbiliti bħala 'korpi tal-komunità' kien twil u tedjuż. Għadu kmieni wisq sabiex wieħed jiġġudika jekk il-JTIs humiex se jkollhom l-impatt mistenni f'termini ta' avvanz tat-tmexxija teknoloġika tal-UE fl-oqsma prinċipali, imma jidhru promettenti sabiex jiksbu iktar investimenti tal-UE għar-riċerka, f'qafas iktar simplifikat, fil-futur. Tlett inizzjativi ġodda tal-Artikolu 169 ġew varati fl-FP7: L-Għejxien f'Ambjent Assistit (AAL), EUROSTARS[5] u l-Programm ta' Riċerka Ewropea dwar il-Metroloġija (EMRP).Meta wieħed iqis l-esperjenza u l-lezzjonijiet li ttieħdu mill-ewwel inizzjattiva tal-Artikolu 169 fl-FP6, is-Sħubija tal-Provi Kliniċi tal-Ewropa u l-Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw (EDCTP), u l-bini fuq l-iskemi ERA-NET, sforzi komuni bħal dawn bejn programmi nazzjonali qed jagħtu prova tal-mertu tagħhom, anke fil-kuntest ta' inizzjattivi possibbli fil-futur għall-implimentazzjoni konġunta tal-programmi.

Il-programm IDEAT: Stimulazzjoni ta' kreatività u l-eċċellenza tar-Riċerka Ewropea

Il-Kunsill tar-Riċerka Ewropea sar komponent li jidher ħafna u influwenti taż-Żona Ewropea tar-Riċerka. B'baġit ta' madwar €7.5 biljun fuq perjodu ta' 7 snin qed jipprovdi appoġġ stabbli għal riċerka transkonfinali fl-Ewropa b'massa kritika li tintlaħaq biss fil-livell tal-UE. B'għarfien tal-benefiċċji li jiġu minn kompetizzjoni miftuħa għall-Ewropa kollha, numru ta' Stati Membri tal-UE diġà ddeċidew li jagħtu għotjiet nazzjonali lil dawk il-parteċipanti li marru tajjeb iżda li ma rċevew xejn fil-proċess ta' evalwazzjoni tal-għotjiet tal-ERC.

Fil-qalba tas-suċċess kien hemm l-istabbiliment ta' Kunsill Xjentifiku indipendenti magħmul minn xjentisti eminenti. B'mod awtonomu dan ta forma lill-istrateġija xjentifika għar-riċerka transkonfinali fl-Ewropa u, bi sħubija mal-Kummissjoni, waqqaf strutturi u mekkaniżmi sabiex jiġu implimentati skemi ta' għotjiet fl-oqsma kollha tar-riċerka bbażati fuq il-kriterju uniku tal-eċċellenza u mmexxija mill-investigazzjoni.

Għalkemm laħħaq mal-isfidi involuti fil-varar ta' operazzjoni istituzzjonali fuq skala daqshekk kbira, ma hemmx lok għaliex wieħed iħossu sodisfatt. Matul l-2009, trid titlesta t-tranżizzjoni tal-istruttura ta' implimentazzjoni fl-Aġenzija Eżekuttiva tal-ERC. Reviżjoni indipendenti tal-ERC għandha tħares b'mod oġġettiv lejn safejn se jwassal dan is-suċċess bikri apparenti u tgħin tidentifika iktar titjib. Din għandha tagħti kontribut għas-suċċess fit-tul tal-ERC bħala wieħed mill-komponenti l-iktar importanti ta' Żona Ewropea tar-Riċerka vera.

Il-programm NIES: It-tisħiħ tal-potenzjal uman tar-riċerka Ewropea permezz taċ-'ċirkolazzjoni tal-moħħ'

In-numru ta' applikazzjonijiet fl-ewwel sejħiet juri li l-boroż ta' studju Marie Curie offruti mill-programm NIES baqa' attraenti bħal dejjem, filwaqt li jagħti kontribut għal 'ċirkulazzjoni tal-moħħ' bilanċjata kemm fuq livelli Ewropej u dawk globali u l-ħolqien ta' ħaddiema ta' kwalità għolja u R&Ż Ewropea mobbli. Madankollu, l-użu tal-boroż ta' studju bejn l-industrija u l-akkademja jistgħu jitjiebu b'opportunitajiet ta' komunikazzjoni aħjar mal-industriji u l-SMEs.

Il-programm KAPAĊITAJIET: It-titjib tal-kapaċità tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa

L-azzjonijiet kollha taħt il-programm Kapaċitajiet huma mfittxa ħafna, speċjalment dawk li jappoġġaw ir-riċerka għall-SMEs u l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs.

Il-fattur li jillimita l-bini tal-44 proġett ta' infrastruttura ta' prijorità li huma ta' interess strateġiku Ewropew identifikati bl-'Infrastrutturi tar-Riċerka tal-Forum Strateġiku Ewropew' (ESFRI) huwa n-nuqqas ta' riżorsi Komunitarji u nazzjonali, u l-integrazzjoni mhux suffiċjenti ma' strumenti finanzjarji oħra (BEI, Fondi Strutturali). L-adozzjoni ta' qafas legali ġdid għall-Infrastrutturi tar-Riċerka Ewropej għandhom jipprovdu iktar tkabbir u sikurezza fl-ippjanar finanzjarju. L-iktar netwerk internazzjonali avvanzat fid-dinja, il-GEANT, implimenta teknoloġija innovattiva ibrida tan-netwerking u għadd ta' servizzi li jiffukaw fuq l-utent, u b'hekk għen il-kollaborazzjoni fir-riċerka madwar id-dinja. Flimkien mal-GEANT, l-infrastruttura elettronika (e-Infrastructure) tal-EGEE (Enabling Grids for E-Service) tgħin lix-xjentisti jkollhom aċċess għar-riżorsi komputazzjonali madwar id-dinja kollha.

L-attivitajiet tal-"Potenzjal tar-Riċerka" u r-"Reġjuni tal-Għarfien" jipprovdu valur fil-bini tal-kapaċità xjentifika li taqsam ir-reġjuni, partikolarment fir-reġjuni ta' konverġenza, imma jidher li hemm nuqqas fil-baġit biex ikollhom impatt imdaqqas, partikolarment fl-Istati Membri l-Ġodda. L-użu aħjar u iktar immirat tal-Fondi Strutturali, li għall-perjodu 2007-2013 irriservaw baġit għar-riċerka u l-innovazzjoni ta' madwar l-istess qies tal-FP7, jistgħu b'sinerġija mal-għanijiet u l-istrumenti tal-FP7 jagħmlu ħafna iktar biex iżidu l-livell tal-eċċellenza xjentifika u teknoloġika madwar l-UE.

Issaħħu l-isforzi sabiex tinbena sħubija f'livell Ewropew bejn ir-riċerka u s-soċjetà. Skema ġdida ta' fondi qed tgħin l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivika sabiex jipparteċipaw fl-FP7 u l-Pjattaformi tas-Soċjetà qed jiżviluppaw aġendi ta' riċerka, pereżempju fuq kwistjonijiet bħal żoni urbani ta’ koeżjoni soċjali.

Fil-kuntest tal-ERA, l-FP7 qed jagħti kontribut għall-iżvilupp ta' politiki ta' riċerka iżjed koerenti u koordinati fl-Ewropa permezz tal-appoġġ tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni u għall-iżvilupp ta' sħubiji ERA skont il-proċess ta' Ljubljana.

3.2 Kontribuzzjoni għall-iżvilupp sostenibbli

Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-FP7 huwa li jagħti kontribut għall-iżvilupp sostenibbli, iwieġeb għall-ħtiġijiet tal-industrija u s-soċjetà u, b'koerenza ma' politiki u strumenti oħra, sabiex jikseb ekonomija ta' karbonju baxx ibbażata fuq l-għarfien.

Ir-rispons għall-isfidi interdixxiplinarji, il-ħtiġijiet tas-soċjetà u l-prijoritajiet tal-politika ...

L-FP7 jiffoka ħafna fuq li jindirizza l-isfidi tas-soċjetà u li jwieġeb għall-prijoritajiet tal-politika tal-Komunità. Fl-ewwel sentejn tal-FP7 dan irriżulta f'44% tal-baġit tal-programm ta' kooperazzjoni li jkun allokat għar-riċerka interdixxiplinarja li tappoġġa l- istrateġija imġedda tal-iżvilupp sostenibbli , primarjament fl-ambjent, l-enerġija u l-ikel, l-agrikoltura u t-temi bijoteknoloġiċi, u jinkludi il-JTIs "Sema Nadifa" u ċ-"Ċelloli tal-karburant u l-Idroġenu" bħala elementi prinċipali.

L-FP7 għandu rwol importanti meta jindirizza l- isfidi ambjentali , speċjalment fil-kuntest tal-pakkett tal-Azzjoni tal-Klima u l-Enerġija li tiġġeded. Dan jinkludi kwistjonijiet bħal bijodiversità, it-tnaqqis tad-diżastri u l-osservazzjoni tad-dinja.

Bħala rispons għall-isfidi tat- tibdil fis-saħħa u dak demografiku , l-FP7 ta appoġġ fl-iżvilupp ta' għodod u servizzi ġodda għall-amministrazzjoni tal-għarfien mediku u t-twassil ta' mezzi ġodda ta' kura tas-saħħa partikolarment bil-programm Saħħa (u speċjalment il-JTI Mediċini Innovattivi), il-programm ICT għas-Saħħa, l-inizzjattiva tat-tmexxija tas-suq e-Health (Saħħa Elettronika), il-programm Għejxien f'Ambjent Assistit u l-ICT għall-Proċess ta' Xjuħija Tajba (ICT for Ageing Well).

L-FP7 żied sostanzjalment l-isforzi tiegħu sabiex jindirizza l- isfidi tas-sigurtà , per eżempju billi jagħti fondi għall-inizzjattivi fil-qasam tal-bijoterroriżmu, kemm biex iwassal it-teknoloġiji biex iwieġbu għall-inċidenti imma wkoll biex jifhem id-dimensjoni psikoloġika u l-istat ta' preparazzjoni li huma elementi importanti fil-prevenzjoni, il-kriżijiet u l-amministrazzjoni ta' wara kriżi.

L-FP7 qed jirrispondi għall- isfidi inter u multidixxiplinarji li jidħlu f'oqsma bħall-ambjent, l-enerġija, it-trasport, u l-bijoteknoloġija – pereżempju fil-varar ta' sejħa f'diversi temi għall-proposti dwar il-bijoraffinerji[6] – u fl-għajnuna għall-istabbiliment u l-bidu ta' implimentazzjoni ta' Strateġija Ewropea għar-Riċerka Marina u Marittima. L-isforzi sabiex jinkiseb fehim aħjar tal-fatturi bażiċi li qed jiffurmaw l-iżvilupp tas-soċjetà u ekonomiku fl-Ewropa qed jikkumplimentaw ir-riċerka tekonoloġika pura. L-appoġġ għax-xjenzi soċjo-ekonomiċi u l-istudji umanistiċi jipprovdi evidenza għall-iżvilupp ta' għażliet ġodda ta' politika (bħal pereżempju fil-każ tal-kriżi finanzjarja ta' dan l-aħħar).

L-għaqda tal-isforzi, il-ġbir tar-riżorsi u l-iżvilupp ta' strateġiji konġunti bil- 'programmar konġunt' jidher bħala t-triq 'l quddiem sabiex ikun hemm ilqugħ iktar effettiv għall-isfidi l-kbar tas-soċjetà. Il-Pjan Strateġiku tat-Teknoloġija tal-Enerġija jista' jservi ta' mudell, billi jwassal proċessi u għodod sabiex jimpenja b'mod iktar effettiv l-gvernijiet, l-industrija u l-komunità tar-riċerka, permezz ta' Grupp ta' Tmexxija tal-Istati Membri, l-Inizzjattivi Industrijali Ewropej u l-istabbiliment tal-Allejanza tar-Riċerka tal-Enerġija Ewropea, rispettivament – kollha bbażati fuq aġenda tar-riċerka koerenti u strateġika Ewropea.

...waqt li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ekonomija reali ...

L-FP7 ra impenn imġedded sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-industrija, partikolarment b'kooperazzjoni mal-Pjattaformi tat-Teknoloġija Ewropej (ETPs). Is-36 ETPs eżisteni jgħinu l-koordinazjoni u jiġbru l-isforzi tar-R&Ż partikolarment fl-oqsma tematiċi li għandhom parteċipazzjoni għolja tal-industrija, bħall-ICT, it-Teknoloġiji Nano, l-Enerġija, it-Trasport u l-Ispazju. Bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri u bl-użu ta' Pjattaformi tat-Teknoloġija Nazzjonali, l-ETPs iġibu effett strutturali li jmur lil hinn sew mill-programm Kwadru[7]. F'ċerti każijiet, irriżultaw fl-istabbiliment ta' JTIs.

Il-progress fl-ilħuq tal-mira ta' 15% għall-parteċipazzjoni tal-SMEs kien inqas milli mistenni. Bi skemi ta' appoġġ iddiżinjati speċifikament għall-SMEs, bħall-inizjattiva l-ġdida li għadha kemm ġiet varata EUROSTARS li tindirizza l-SMEs intensi fir-riċerka, li possibilment qed issir iktar attraenti, il-ħtieġa tal-miri u tal-istrumenti tal-SMEs kurrenti jistħoqqilha iktar analiżi u riflessjoni.

Il-Faċilità Finanzjarja tat-Tqassim tar-Riskju (RSFF) il-ġdida , li tieħu l-fondi konġunti mill-FP7 u l-Bank Ewropew tal-Investiment u l- provediment ta' self għall-investimenti tar-R&Ż li huma ta' riskju għoli, esperjenzat talba qawwija mill-industrija, partikolarment mill-impriżi ta' daqs medju . L-operazzjonijiet kurrenti tas-self ikopru l-enerġija, l-ICT, ix-xjenzi tal-ħajja u l-impriżi tal-karozzi f'14-il pajjiż Ewropew u se jkunu estiżi iktar fl-2009.

... u l-isfruttament totali tal-potenzjal tar-R&Ż tal-UE billi jittejbu b'mod ottimu l-koerenza u s-sinerġija bejn il-politiki u l-istrumenti

B'konsiderazzjoni tal-prijoritajiet ta' kompetizzjoni, huwa iżjed importanti minn qatt qabel li jkun enfasizzat il-valur tar-riċerka Komunitarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE tal-iżvilupp sostenibbli u l-impjiegi. L-isfruttament tal-potenzjal kollu tar-riċerka tal-UE, madankollu, jista' jintlaħaq biss b'koerenza u koordinazzjoni aħjar bejn il-politiki u l-istrumenti relatati mar-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni, f'livell nazzjonali u tal-UE, u partikolarment bejn l-istrumenti tal-fondi Komunitarji, li jinkludu l-Programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni (CIP), il-programmi Edukazzjoni u t-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Fondi Strutturali. Koordinazzjoni bħal din għandha tintervjeni kemm fil-fażi tad-disinn kif ukoll matul l-implimentazzjoni tagħhom.

L-Ewropa għadha lura fir-rigward tat-trasformazzjoni tar-riżultati tal-għarfien u r-riċerka fi prodotti u servizzi innovattivi. L-ostakli għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-għarfien u t-teknoloġiji u l-prodotti li qedgħin inkorporati fihom iridu jitneħħew, u jintalbu miżuri apparti bħal l-istandardizzazzjoni, il-prokurament pubbliku u r-regolamenti li jistgħu jgħinu l-ħruġ ta' swieq għall-prodotti innovattivi li jwieġbu għall-ħtiġijiet tas-soċjetà ('swieq tat-tmexxija')[8].

Partikolarment fil-kriżi kurrenti, li wieħed jibbilanċja l-ħtieġa għall-azzjonijiet fuq terminu ta' żmien qasir li jtejbu t-talba għall-investimenti R&Ż li huma "smart" li jinfurzaw l-mixja tal-Ewropa lejn ekonomija ta' karbonju baxx ibbażata fl-għarfien, hija sfida kontinwa. Dan huwa enfasizzat fil-kuntest tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku[9]: b'investiment fl-effiċjenza tal-enerġija sabiex jinħolqu l-impjiegi u tiġi ffrankata l-enerġija; teknoloġiji ndaf sabiex jitjiebu setturi bħall-kostruzzjoni u l-karozzi fis-swieq ta' karbonju baxx tal-futur; u infrastruttura u interkonnessjoni li tippromwovi l-effiċjenza u l-innovazzjoni.

3.3 Il-ftuħ tar-riċerka tal-UE għad-dinja

L-isfidi l-kbar globali bħat-tibdil fil-klima, il-faqar, il-mard infettiv, it-theddid tal-forniment tal-enerġija, l-ikel u l-ilma u s-sigurtà taċ-ċittadin jenfasizzaw il-ħtieġa għal kooperazzjoni effettiva internazzjonali tar-riċerka . L-FP7 jimmira li jappoġġa l-attivitajiet ta' riċerka konġunti f'oqsma ta' interess komuni li huma ta' benefiċċju kemm għall-UE u għall-pajjiżi terzi b'varjetà ta' skemi ġodda bħal Azzjonijiet Speċifiċi ta' Kooperazzjoni Internazzjonali, sejħiet miftuħa mmirati, 'il-ġemellaġġ tal-proġetti' u sejħiet koordinati fil-livell tal-programm. L-attivitajiet ta' kooperazzjoni internazzjonali għalhekk huma integrati aħjar fil-programm sħiħ u ma għadhomx jiġu ttrattati bħala attività separata.

Il-Qafas Strateġiku Ewropew għall-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-S&T li ġie żviluppat mill-ġdid jenfasizza l-ħtieġa għat-tisħiħ tas-sħubija bejn l-Istati Membri u l-Komunità jekk għandna nagħtu kontribut effettiv għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità fid-dinja. Il-qafas jiffaċilita l-ftuħ tal-ERA għad-dinja billi jintegra il-ġirien tal-Ewropa fl-ERA b'assoċjazzjoni mal-FP7, billi jrawwem kooperazjoni ma' pajjiżi terzi prinċipali b'miri ġeografiċi u tematiċi, u billi jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-qafas għall-kooperazzjoni tal-S&T internazzjonali, bħal fl-infrastrutturi globali tar-riċerka, il-mobbiltà tar-riċerkaturi, il-ftuħ reċiproku tal-programmi ta' riċerka u d-drittijiet tal-propjetà intellettwali.

Ix-xjenza u l-inġinerija jipprovdu ħafna soluzzjonijiet għat-tnaqqis fil-faqar u l-iżvilupp soċjo-ekonomiku fl-Afrika. Is-Sħubija bejn l-Afrika u l-UE dwar ix-Xjenza, is-Soċjetà tat-Tagħrif u l-Ispazju[10] tipprovdi l-bażi sabiex tgħaqqad il-fondi għall-iżvilupp u r-riċerka mis-sorsi Ewropej u nazzjonali madwar proġetti li jwieġbu għall-ħtiġijiet identifikati mill-Unjoni Afrikana u l-istati membri tagħha.

Ir- Reattur Esperimentali Internazzjonali Termonukleari (ITER) jirrapreżenta pass kbir lejn id-dimostrazzjoni tal-vijabbiltà tal-proviżjoni ta' enerġija nadifa u abbundanti bit-teknoloġija tal-fużjoni nukleari. Bħala proġett globali uniku u verament kollaborattiv jirrapreżenta wkoll każ ta' test importanti u ta' sfida għall-ħolqien, l-amministrazzjoni u l-finanzjament ta' infrastruttura xjentifika internazzjonali fuq skala kbira.

3.4 Titjib tal-Amministrazzjoni, il-Kontroll u s-Simplifikazzjoni

L-għan fundamentali tal-amministrazzjoni tal-FP7 huwa li jkabbar l-impatt tar-riċerka għall kull Ewro investit (prestazzjoni), filwaqt li jipprovdi l-assikurazzjoni li l-fondi għar-riċerka huma konformi mar-regoli (legalità u regolarità) u jiżgura li l-impatt finanzjarju tal-iżbalji huwa minimizzat (korrezjoni). Għalkemm ma jeskludux wieħed lill-ieħor b'mod reċiproku, isiru kompromessi bejn dawn l-għanijiet u l-kisba tal-bilanċ it-tajjeb bejniethom u bejn ir-riżorsi limitati allokati għal kull wieħed hija kruċjali għas-suċċess tal-programm.

Il-prestazzjoni tal-programm hija garantita b'sejħiet ta' kompetittività għolja u bl-evalwazzjoni indipendenti xjentifika tagħhom. Il-proċessi ta' aministrazzjoni, il-proċeduri u l-għodod iridu jkunu sempliċi u effettivi sabiex jiżguraw l-investiment responsabbli u kontabbli tal-fondi Komunitarji u sabiex jevitaw l-piż żejjed amministrattiv. Apparti mill-kisbiet elenkati fis-Sezzjoni 2, il-progress lejn is-simplifikazzjoni huwa evidenti:

- Il-ħlas lura tal-ispiża qed jiġi ssimplifikat bl-introduzzjoni gradwali ta' rati fissi u ħlas f'somma waħda, bir-rappurtar attwali tal-ispiża miżmum fejn il-benefiċjarji jgħidu li dan huwa iktar sempliċi.

- Il-medja tal-metodoloġiji tal-ispejjeż tal-persunal qed jiġu introdotti progressivament. Dan huwa pass importanti ħafna għax l-ispejjeż tal-persunal jibqgħu l-kawża prinċipali tal-iżbalji. Madankollu, l-użu tagħhom se jkun possibbli biss f'numru limitat ta' benefiċjarji fl-ewwel fażi pilota.

- Id-dokumentazzjoni ġiet simplifikata u armonizzata fil-programm kollu, u għodod ġodda elettroniċi jiffaċilitaw in-negozjar tal-kuntratti.

- Il-frekwenza tar-rapportar tnaqqset u ġiet varata sistema bbażata fuq l-internet għall-ġabra tar-rapporti finanzjarji.

- Gwida miktuba b'mod ċar u linja telefonika ta' għajnuna qedgħin disponibbli sabiex jgħinu lill-benefiċjarji jevitaw l-iżjed żbalji frekwenti.

Imma s-simplifikazzjoni tista' sseħħ biss fil-kuntest legali applikabbli, partikolarment ir-Regolament Komunitarju tal-Finanzjament, u r-Regoli ta' parteċipazzjoni u t-tixrid tal-ideat. Minħabba li ma tistax tibdel ir-regoli hija stess, l-isforzi tal-Kummissjoni elenkati hawn fuq jiffukaw fuq li jneħħu l-ostakli amministrattivi, jissimplifikaw il-proċeduri u jipprovdu gwida ċara. Filwaqt li dawn il-bidliet inkrimentali jmorru fid-direzzjoni t-tajba, qed jikber l-għarfien li s-simplifikazzjoni reali u sostanzjali tkun teħtieġ bidla tar-regoli nfushom[11], filwaqt li l-iżbalji fit-tranżazzjonijiet jinżammu f'livell aċċettabbli. Dan se jfisser:

- Qbil tal-atturi kollha kkonċernati fuq il-bilanċ propju bejn il-kontabbiltà u t-teħid tar-riskju. Il-Bord Ewropew ta' Konsulenza tar-Riċerka għamel talba lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jagħtu lok għal approċċ li huwa toleranti tar-riskju u bbażat fil-fiduċja fil-fondi għar-riċerka. Il-Kummissjoni varat il-proposti sabiex tikseb dan f'dibattitu inter-istituzzjonali fil-Komunikazzjoni tagħha "Lejn ftehim komuni tal-kunċett ta' riskju tolerabbli tal-iżball"[12] u għandha l-intenzjoni li tippreżenta analiżi dettaljata tar-riskju ttolerat, inter alia, maż-żona ta' politika tar-Riċerka fl-2010 jekk ikun hemm inkoraġiment suffiċjenti mill-Awtorità tal-Baġit.

- Reviżjoni sostanzjali mill-awtoritajiet leġiżlattivi tar-regoli finanzjarji tal-Komunità relatati mal-programmi tal-qafas fil-futur. Dan għandu jwassal għal ċarezza ikbar u inqas ostakli, imma jgħin ukoll fl-operazzjoni effettiva tal-istrumenti l-ġodda, li jipprovdu l-bażi għall-approċċ iżjed strateġiku lejn l-amministrazzjoni tal-programm ta' riċerka.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija ppjanata fl-2010, li tkun l-okkażjoni għar-riflessjoni fuq dawn il-kwistjonijiet.

L-aġenda tar-riċerka tal-UE hija dejjem iżjed immirata lejn l-ilħuq ta' għanijiet ta' politika li huma relatati ma' sfidi ekonomiċi, tas-soċjetà u ambjentali usa'. L-alternattivi għall-amministrazzjoni diretta għalhekk għandhom ikunu kkunsidrati sabiex jiżdied il-poter u l-impatt tal-istrutturar tal-politika tar-riċerka tal-UE u l-fondi assoċċjati b'appoġġ għall-għanijiet tal-politika globali tal-UE. Iż-żewġ aġenziji maħluqa sabiex jimplimentaw partijiet mill-FP7 – l-Aġenzija Eżekuttiva tar-Riċerka (REA) u l-Aġenzija Eżekuttiva tal-ERC – għenu sabiex il-baġit miżjud tal-FP7 jiġi amministrat b'mod effiċjenti mingħajr żieda diretta ta' persunal fil-Kummissjoni. Se jieħdu r-responsabbiltajiet kollha matul l-2009. L-evalwazzjonijiet ta' dawn l-aġenziji se jagħtu kontribut biex tkun ottimizata iktar l-operazzjoni tagħhom, sabiex tagħmel spazju għall-amministrazzjoni ta' baġits ħafna ikbar tar-riċerka filwaqt li tissepara l-amministrazzjoni tal-proġett u l-finanzi mit-tfassil tal-politika. Jista' jkun li jkun meħtieġ li ssir iktar enfasi fuq approċċi li jimmiraw li jżidu l-effett strutturali tal-appoġġ finanzjarju bi sħubija mal-partijiet interessati u l-Istati Membri, bħal fil-każ ta' inizzjattivi teknoloġiċi konġunti u l-investimenti tal-Artikolu 169.

4. KONKLUżJONIJIET

Is-7 Programm Kwadru qiegħed jadatta sabiex jgħin lill-UE tilħaq il-miri tagħha li toħloq soċjetà ta' karbonju baxx ibbażata fuq l-għarfien. Qed ifittex li jżid il-poter tal-effett tiegħu fuq l-investiment pubbliku u privat tar-R&Ż u li jiddiversifika l-istrumenti tiegħu sabiex ikabbar il-valur miżjud Ewropew.

L-FP7 jibqa' strument kruċjali fil-promozzjoni tal-eċċellenza xjentifika u l-iżvilupp teknoloġiku, iwieġeb għall-prijoritajiet tal-politika tal-UE u l-ħtiġijiet tal-industrija u s-soċjetà. Il-kuntest ekonomiku avvers kurrenti jenfasizza l-importanza iżjed u iżjed. L-FP7 jagħti kontribut għall-isforzi sostnuti tar-riċerka, kemm privati u pubbliċi, kif hemm fl-eżempju tal-inizjattivi ta' sħubija pubblika privata tal-karozzi ekoloġiċi, il-bini li huwa effiċjenti fl-enerġija u l-fabbriki tal-futur varati bħala parti mill-Pjan ta' Rkupru Ewropew.

Sabiex tikseb parir dwar iktar titjib u l-adattament possibli tal-FP7, il-Kummissjoni se tfittex parir ta' grupp ta' esperti indipendenti, li se jagħmlu Evalwazzjoni Interim tal-FP7 . Il-mandat tagħhom għandu jkun adottat sal-Ħarifa tal-2009, u l-evalwazzjoni għandha titlesta sal-Ħarifa tal-2010.

L-analiżi u l-kwistjonijiet speċifiċi ppreżentati f'din il-Komunikazzjoni u d-dokument ta' ħidma anness jipprovdu bażi għall-Evalwazzjoni Interim li ġejja u iktar diskussjonijiet politiċi fil-Kunsill, il-Parlament u mal-partijiet interessati. Dawn għandhom jindirizzaw il-mistoqsijiet prinċipali li ġejjin:

- Kif jista' jitjieb l-impatt tal-FP7 u FPs tal-futur fil-formazzjoni ta' Żona Ewropea tar-Riċerka?

- Il-miżuri l-ġodda (ERC, JTIs, l-Artikolu 169, RSFF) huma effiċjenti fir-rigward tal-ilħuq tal-għanijiet intenzjonati tagħhom?

- Kif jista' l-impatt u l-valur miżjud tar-riċerka kollaborattiva li jidħol f'ħafna dixxiplini xjentifiċi, setturi industrijali u oqsma tal-politika jitjieb iktar bil-ħsieb li jindirizza aħjar sfidi kbar tas-soċjetà?

- L-FP7 għandu rwol adegwat sabiex iqiegħed lill-Ewropa fuq il-mappa globali tax-xjenza u t-teknoloġija?

- Sa fejn kienu effettivi l-miżuri ta' simplifikazzjoni? Iktar passi se joħolqu r-riżultati mixtieqa jew jeħtieġ li nikkunsidraw approċċi radikalment ġodda?

Is-sejbiet f'din l-Evalwazzjoni Interim mhux se jkunu biss relevanti għal reviżjoni possibbli tal-FP7, imma se jkunu wkoll ta' influwenza kbira fuq id-dibattiti li ħerġin dwar l-oqfsa finanzjarji tal-futur tal-Unjoni Ewropea, l-Istrateġija ta' Liżbona ta' wara l-2010 u l-Programm Kwadru li jmiss.

[1] Żewġ Programmi tas-Seba' Kwadru skont it-Trattati tal-KE u l-Euratom (flimkien imsejħa "FP7") bdew fl-2007. Għal tagħrif dwar l-għanijiet tal-FP7 u l-istruttura kif ukoll dwar l-implimentazzjoni tiegħu s'issa, ara eż. ir-Rapporti Annwali 2007 u 2008 fuq http://ec.europa.eu/research/index.cfm?pg=reports.

[2] Art. 7(2) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

[3] Dan ir-Rapport jibbenifika mill-opinjoni tal-Bord ta' Konsulenza tar-Riċerka Ewropew (ERAB) tad-19 ta' Frar, 2009, riprodott fl-Anness għad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.

[4] Il-Viżjoni ERA 2020 adottatata mill-Kunsill tal-Kompetittività fit-2 ta' Diċembru 2008, ara dok. 16767/08

[5] Il-proposta BONUS trid tiġi ppreżentata qabel l-aħħar tal-2009.

[6] ĠU C 226, 3.9.2008, p. 20.

[7] ftp://ftp.cordis.europa.eu/pub/technology-platforms/docs/evaluation-etps.pdf

[8] COM(2009)116: Strateġija għall-R&D u l-Innovazzjoni fl-ICT fl-Ewropa: Ngħollu l-Mira

[9] COM(2008)800: Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku

[10] http://ec.europa.eu/development/icenter/repository/EAS2007_action_plan_science_en.pdf

[11] Rapport dwar l-evalwazzjoni ta' wara tal-FP6:http://ec.europa.eu/research/reports/2009/pdf/fp6_evaluation_final_report_en.pdf

[12] COM(2008)866.