52009DC0108

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Infrastrutturi tal-ICT għax-xjenza elettronika /* KUMM/2009/0108 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 5.3.2009

KUMM(2009) 108 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

INFRASTRUTTURI TAL-ICT GĦAX-XJENZA ELETTRONIKA

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

INFRASTRUTTURI TAL-ICT GĦAX-XJENZA ELETTRONIKA

1. INTRODUZZJONI

1.1. L-għan tal-Komunikazzjoni

Din il-Komunikazzjoni tenfasizza r-rwol strateġiku tal-infrastrutturi tal-ICT[1] bħala assi kruċjali li jirfed il-politiki ta’ riċerka Ewropea u ta’ innovazzjoni, u ssejjaħ lill-Istati Membri u lill-komunitajiet xjentifiċi, bil-kooperazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, għal sforz imsaħħaħ u kkoordinat sabiex jitrawmu infrastrutturi tal-ICT ta’ klassi dinjija, magħrufin ukoll bħala l-infrastrutturi elettroniċi, biex iwittu t-triq għall-iskoperti xjentifiċi tas-seklu 21.

1.2. L-isfond tal-infrastrutturi elettroniċi

L-innovazzjoni, is-sies għall-iżviluppp ekonomiku, tiddependi fuq avvanzi xjentifiċi rapidi. Mill-banda l-oħra, ix-xjenza saret dejjem iktar imsejsa fuq il-kollaborazzjoni miftuħa u transkonfinali bejn ir-riċerkaturi madwar id-dinja. Barra minn hekk, ix-xjenza qed tuża b’mod intensiv l-informatika b’kapaċità kbira biex isservi bħala mudell għas-sistemi kumplessi u biex tipproċessa r-riżultati tal-esperimenti.

Il-ħolqien ta’ metodi ġodda ta’ riċerka li jisfruttaw ir-riżorsi avvanzati tal-informatika, il-ġbir tad-dejta u l-istrumenti xjentifiċi, fi kliem ieħor ix- xjenza elettronika , iwiegħdu li jirrivoluzzjonaw il-proċess tal-iskoperta xjentifika, kif għamel ir-‘Rinaxximent Xjentifiku'[2] li stabbilixxa l-bażi għax-xjenza moderna. Huwa kruċjali għall-Ewropa li tħaddan dan iċ-ċaqliq fil-mudell sabiex iżżomm il-vantaġġ kompettitiv tagħha u tirreaġixxi għall-istennijiet tas-soċjetà.

Biex jiffaċilitaw tranżazzjoni rapida għax-xjenza elettronika, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri investew b'mod sinifikanti fl- infrastruttura elettronika , inkluż in-netwerk tar-riċerka pan-Ewropew GÉANT[3], grids tax-xjenza elettronika, infrastrutturi tad-dejta u informatika qawwija ( supercomputing ).

L-istinkar lejn it-tmexxija dinjija fix-xjenza elettronika, l-istabbiliment tal-infrastrutturi elettroniċi bħala utilità sostenibbli u l-isfruttar tagħhom biex tiġi promossa l-innovazzjoni huma it-tliet forzi ta’ strateġija Ewropea mġedda li tappoġġa x-xjenza innovattiva tal-2020 u lil hinn. Din l-istrateġija titlob li jittieħed pass kbir ’il quddiem f’termini tat-tip u l-intensità tal-investiment, rabtiet aħjar bejn ir-riċerka u l-politiki tal-innovazzjoni u koordinazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali u Komunitarji.

1.3. L-infrastrutturi elettroniċi u l-kuntest tal-politika

Il-Kunsill dwar il-Kompetittività[4] stieden lill-Istati Membri biex ‘ jinkoraġġixxu istituzzjonijiet ta’ riċerka pubblika u privata biex jagħmlu użu sħiħ mill-forom ta' attività ta' riċerka mxerrda emerġenti (jiġifieri x-xjenza elettronika) bbażati fuq netwerks ta' riċerka internazzjonali li saru possibbli permezz tad-disponibbiltà u l-kwalità unika ta' klassi dinjija ta' infrastrutturi ta' netwerks Ewropej mxerrda bħall-GÉANT u l-GRID’ , b’hekk isaħħu l-ħtieġa għall-koordinazzjoni tal-politiki.

L-infrastrutturi elettroniċi jagħtu kontribut ewlieni lill-għanijiet tal-istrateġija i2010[5] u l-viżjoni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA)[6], u għandhom rwol ewlieni li jappoġġaw it-tixrid u l-użu ta’ faċilitajiet ġodda ta’ riċerka, li l-iżvilupp tagħhom huwa artikolat madwar il-gruppi ta’ politika ESFRI[7] u e-IRG[8] fi djalogu mal-Istati Membri. | i2010 (Analiżi f’Nofs il-Mandat, Mejju 2008) Il-kontribuzzjoni tal-ICTs għall-għanijiet ta’ Liżbona hija msaħħa bl-iżvilupp tal-infrastrutturi elettroniċi (bħall-GÉANT jew il-grids tax-xjenza elettronika) li jgħinu fil-bini ta’ ambjenti ġodda ta’ riċerka, u b’hekk irawmu l-produttività u jżidu l-kwalità tax-xjenza. |

Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ljubljana[9] tpoġġiet enfasi mġedda fuq l-appoġġ għall-ERA, b’enfasi li verżjoni ġdida għandha tinkludi l-moviment ħieles tal-għarfien (‘il-ħames libertà’), li jkun iffaċilitat b’mod partikolari billi jiġi pprovdut aċċess għall-infrastrutturi ta’ riċerka ta’ klassi dinjija u jinqasam u jintuża l-għarfien madwar is-setturi u l-konfini. Ir-rilevanza tal-infrastrutturi elettroniċi għall-innovazzjoni hija rikonoxxuta mir-rapport Aho[10] ta’ Mejju 2008. | 'Ir-Rapport Aho’ (Mejju 2008) "L-iżvilupp b’suċċess tal-infrastrutturi elettroniċi wera l-importanza tal-intervent Ewropew […] L-approċċ tal-infrastrutturi elettroniċi għandu jespandi għal pjattaformi li huma iktar orjentati lejn l-applikazzjoni u lejn l-utenti’[…] huma ‘meħtieġa f’setturi bħall-gvern elettroniku (speċjalment il-ksib), is-saħħa elettronika (applikazzjonijiet transkonfinali), il-loġistika u t-trasport'[…]" |

Ir-rapport jenfasizza ‘l-valur miżjud Ewropew tal-infrastrutturi transkonfinali, l-interoperabbiltà u l-istandards’. L-istudju ERINA[11] kkonferma l-potenzjal għoli ħafna tal-infrastrutturi elettroniċi lil hinn mill-qasam tar-riċerka, billi jgħinu biex itaffu t-tranżizzjoni ta’ teknoloġiji u servizzi ġodda għas-suq.

Il-kriżi finanzjarja attwali se titfa’ pressjoni fuq il-baġits nazzjonali. Madankollu, kif enfasizzat il-Kummissjoni riċentement[12], issa huwa iktar importanti minn qatt qabel li nesploraw ‘fondi innovattivi għal firxa wiesgħa ta’ proġetti infrastrutturali, inkluż it-trasport, l-enerġija u n-netwerks ta’ teknoloġija avvanzata...’

2. INFRASTRUTTURI ELETTRONIċI LI JOħOLQU RINAXXIMENT XJENTIFIKU ġDID

2.1. Iċ-ċaqliq fil-mudell tax-xjenza elettronika

L-adozzjoni tal-ICT fil-fażijiet kollha tal-proċess xjentifiku se tippermetti li r-riċerkaturi jimpenjaw rwieħhom fil-kollaborazzjoni effiċjenti f'termini ta' spiża ma’ kollegi minn madwar il-globu, filwaqt li ż-żieda fl-użu tal-esperimentazzjoni in silico[13] tiftaħ fruntieri ġodda għall-kooperazzjoni bejn il-bniedem u l-magni u għall-iskoperta xjentifika. Din tissejjaħ it-tranżazzjoni mill- wet labs [14] għall-ambjenti virtwali ta’ riċerka u hija l-iktar parti viżibbli taċ-ċaqliq fil-mudell tax-xjenza elettronika.

Is-sistematizzazzjoni tal-għarfien appoġġata mill-osservazzjoni u mill-esperimentazzjoni kienet il-fattur ta’ distinzjoni tar-revoluzzjoni fir-Rinaxximent. It-teħid tal-esperimentazzjoni lejn livelli mingħajr preċedent, fejn nitrattaw iż-żgħir ħafna, il-kbir ħafna u l-kumpless ħafna, iġibina fuq l-għatba ta' rinaxximent xjentifiku ġdid. Pereżempju: ir-riċerka dwar it-tibdil fil-klima teħtieġ simulazzjonijiet kumplessi bil-kompjuter li jidħlu u jfittxu d-dejta maħżuna f’arkivji onlajn madwar il-globu kollu; l-isfida li jinħolqu mudelli individwalizzati ta’ bnedmin għall-kura tas-saħħa mmirata teħtieġ mudellar u simulazzjoni dejjem iktar sofistikata; l-imitazzjoni tal-imġiba ta’ fenomeni perikolużi, bħal diżastri nukleari, pandemiji, tsunami, eċċ teħtieġ li r-riċerkaturi jesperimentaw iktar u iktar f’dinjiet virtwali milli f’ambjenti reali li jiswa ħafna flus u li għandu riskju għoli. Il-‘virtwalizzazzjoni’ tal-esperimenti tippermetti lir-riċerkaturi minn madwar il-globu kollu jikkoperaw u jaqsmu d-dejta billi jużaw netwerks ta’ riċerka u infrastrutturi tal-grid avvanzati. | Jitħaffef il-proċess tal-iskoperta ta' mediċini ġodda Tul l-emerġenza tal-influwenza tat-tjur fl-2006, il-laboratorji Ażjatiċi u Ewropej użaw 2000 kompjuter fil-grid EGEE[15] biex janalizzaw 300 000 komponent tal-mediċina f’erba’ ġimgħat – ekwivalenti għal 100 sena fuq kompjuter wieħed. B’hekk, l-evalwazzjoni tad-mediċina in-silico tista’ tħaffef l-iskoperta ta’ mediċini ġodda filwaqt li tnaqqas l-approċċ fil-laboratorji skont il-mudell tal-prova u l-iżball. Fabbriki tad-dejta xjentifika Il-Kolliżjonatur il-Kbir tal-Adroni (Large Hadron Collider) li hemm f’CERN[16] jiġġenera 600 miljun kolliżjoni tal-partikuli kull sekonda. Se jiġġenera kwantitajiet enormi ta' dejta li għandha tkun disponibbli għal 7000 fiżiku f’33 pajjiż permezz tal-GÉANT u l-infrastrutturi tax-xjenza elettronika. X’jiġri jekk il-kollega xjentist tiegħek ikun robot? Ir-robots qed jibdew jirrivoluzzjonaw il-prattiċi tal-laboratorji u jnaqqsu ‘x-xogħol monotonu u iebes’ tal-esperimenti manwali fil-‘wet labs’. Huma jawtomatizzaw il-proċessi u jħaffu l-ġbir u l-esplorazzjoni tad-dejta kruċjali għall-fehim ta’ fenomeni kumplessi u għall-ġenerazzjoni ta’ għarfien ġdid. |

Dawn il-bidliet għandhom effett ta’ trasformazzjoni fuq id-dixxiplini xjentifiċi billi jestendu l-għanijiet u l-ambitu tagħhom f’oqsma oħra, li jwasslu għal riċerka li tħaddan diversi dixxiplini.

Li tibqa’ kompettitiv quddiem dawn l-isfidi xjentifiċi emerġenti timplika kollaborazzjoni bejn it-timijiet ta’ riċerka u r-riżorsi madwar l-Ewropa u madwar id-dinja, il-kapaċità li tuża u tmexxi settijiet ta’ dejta li qed jikbru esponenzjalment, u l-użu ta’ ambjenti tal-informatika b'kapaċitajiet għolja għall-mudellar u għas-simulazzjoni.

Dan jitlob adozzjoni wiesgħa ta’ ambjenti ġodda ta’ riċerka b’ICT avvanzat biex ikunu akkomodati b’mod effettiv ir-rekwiżiti mingħajr preċedent tal-komunitajiet xjentifiċi tal-lum għall-konnettività, l-informatika u l-aċċess għall-informazzjoni.

2.2. L-infrastrutturi elettroniċi għax-xjenza elettronika tal-lum u ta’ għada

Billi jiġu ffaċilitati skoperti u innovazzjonijiet xjentifiċi ġodda, l-infrastrutturi elettroniċi huma għodda essenzjali fl-appoġġ għall-‘Istrateġija ta’ Liżbona’ għal tkabbir u impjiegi sostenibbli.

Il-Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku tal-Kummissjoni Ewropea (FP7) ħoloq momentum sinifikanti għat-tixrid tal-infrastrutturi elettroniċi, mhux biss biex isaħħaħ l-eċċelleza xjentifika, imma wkoll biex jippromovi l-innovazzjoni u l-kompetittività industrijali.

Filwaqt li t-tmexxija dinjija nkisbet fil-GÉANT u fil-grids tax-xjenza elettronika, irid isir iżjed xogħol biex tkun żgurata l-pożizzjoni tal-Ewropa fl-informatika qawwija u biex ikun żgurat approċċ koerenti għall-aċċess u l-konservazzjoni tad-dejta xjentifika.

It-tkabbir esponenzjali tal-kapaċità tal-ħardwer (il-kapaċità informatika tirdoppja kull 18-il xahar, il-ħażna kull 12-il xahar, u l-veloċità tan-netwerk kull 9 xhur[17]) u t-talbiet xjentifiċi (jilħqu l-livell exa-scale[18]) joħolqu rekwiżiti u sfidi ġodda għat-tfassil tal-infrastrutturi elettroniċi tal-2020. | Is-simulazzjonio fl-inġinerija fuq skala kbira Is-simulazzjoni bil-kompjuter hija element ewlieni fl-inġinerija moderna. Il-produzzjoni ta’ oġġetti kumplessi bħal ajruplani, karozzi u tagħmir personali isserraħ fuq mudelli u simulazzjonijiet kumplessi, u fuq il-kooperazzjoni tar-riċerkaturi u l-inġiniera. |

Jeħtieġ li l-infrastrutturi elettroniċi jinkludu sett ta’ funzjonalitajiet iktar rikki, bħal ġenerazzjonijiet ġodda ta’ softwer tas-sistema u tal-applikazzjoni, magni virtwali, pjattaformi għall-għoti ta' servizzi, għodod ta’ viżwalizzazzjoni, għodod għat-tiftix imsejsa fuq is-semantika, eċċ, sabiex jappoġġaw it-timijiet multidixxiplinari fit-trasformazzjoni tal-bits, bytes u flops[19] fl-iskoperti xjentifiċi u fl-inġinerija kumplessa.

Hemm il-ħtieġa kif ukoll l-opportunità li l-infrastrutturi elettroniċi jkomplu jiżviluppaw bħala pjattaforma strateġika li tfassal it-tmexxija xjentifika u innovattiva Ewropea. Dan jitlob li jkun hemm sforz imġedded mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-komunitajiet xjentifiċi biex jagħtu spinta lill-investiment fl-infrastrutturi elettroniċi u biex jiżguraw l-koordinazzjoni xierqa u l-allinjament tal-istrateġiji nazzjonali u Komunitarji.

2.3. Strateġija mġedda

Ir-riċerka fl-2020 ma tistax tkun immaġinata mingħajr l-użu intensiv tal-infrastruttura elettronika sofistikata, u allura l-Ewropa teħtieġ li tikkommetti ruħha għal strateġija mġedda biex tittratta l-isfidi u l-prijoritajiet assoċjati. Għal strateġija bħal din hemm tliet forzi interrelatati ewlenin: ix-xjenza elettronika, l-infrastrutturi elettroniċi u l-innovazzjoni.

- L-ewwel forza titlob li l-Ewropa ssir ċentru ta’ eċċellenza għax-xjenza elettronika, li tisfrutta l-multidixxiplinarjetà u l-kollaborazzjoni globali biex tgħaqqad il-ħiliet u r-riżorsi kumplimentari billi tuża s-simulazzjonijiet intensivi tal-informatika. Għalhekk, l-Ewropa teħtieġ li ssaħħaħ il-kapaċità tar-riċerka tagħha fl-informatika b'kapaċitajiet għolja.

- It-tieni forza tal-istrateġija timmira li ssaħħaħ l-infrastrutturi elettroniċi bħala pjattaforma ta’ riċerka persistenti biex tiżgura ‘l-kontinwità fir-riċerka’. L-enfasi qiegħda fuq it-tqassim tas-servizzi tal-kwalità tal-produzzjoni 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa, u fuq is-sostenibbiltà fuq żmien fit-tul tal-infrastrutturi elettroniċi, li titlob il-koordinazzjoni tal-isforzi fuq il-livell nazzjonali u tal-UE u l-adozzjoni ta’ mudelli ta’ tmexxija adegwati.

- It-tielet forza tiffoka fuq il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-infrastrutturi elettroniċi. It-trasferiment tal-għarfien espert f’oqsma lil hinn mix-xjenza (eż. is-saħħa elettronika, il-gvern elettroniku, it-tagħlim elettroniku) u l-użu tal-infrastrutturi elettroniċi bħal pjattaformi effiċjenti f'termini ta' spiża għall-esperimentazzjoni teknoloġika fuq skala kbira (eż. l-Internet tal-Ġejjieni, softwer parallel enormi, Laboratorji Ħajjin) huma dimensjonijiet differenti li jridu jiġu esplorati.

Din l-istrateġija se tidħol fis-seħħ minn għadd ta’ azzjonijiet konkreti li jimmiraw l-oqsma strutturali differenti tal-infrastrutturi elettroniċi. Is-suċċess tal-implimntazzjoni tagħha jeħtieġ il-koordinazzjoni tal-isforzi u tal-impenn imsaħħaħ min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE li qed jiffinanzjaw.

3. L-EWROPA FUQ QUDDIEM

3.1. L-infrastrutturi elettroniċi llum

L-infrastrutturi elettroniċi bħalissa huma strutturati f’ħames oqsma minsuġa flimkien, li flimkien jipprovdu firxa ta’ funzjonijiet u servizzi:

GÉANT huwa l-ikbar netwerk tal-komunikazzjoni b’ħafna gigabits ddedikat għar-riċerka u għall-edukazzjoni. Fl-Ewropa, GÉANT diġà jaqdi madwar 4000 università u ċentru ta’ riċerka u jgħaqqad 34 Netwerk Nazzjonali għar-Riċerka u l-Edukazzjoni (NRENs). Huwa marbut ma’ netwerks simili fid-dinja kollha, allura jifforma netwerk globali uniku ta’ riċerka (il-Balkani, il-Baħar l-Iswed u r-reġjun Mediterranju, flimkien mal-Ażja, l-Afrika ta’ Isfel u l-Amerika Latina). Il-pożizzjoni fuq quddiem tal-GÉANT inkisbet bis-saħħa tal-mudell imsaħħaħ ta’ tmexxija li fih l-NRENs jiżguraw it-tixrid meħtieġ fuq il-livell nazzjonali u jikkoordinaw flimkien l-implimentazzjoni tan-netwerk pan-Ewropew permezz tal-allinjament tal-għażliet strateġiċi u teknoloġiċi kif ukoll it-tqassim tar-riżorsi finanzjarji fuq il-livell nazzjonali u Ewropew. | X’inhi infrastruttura elettronika? Infrastruttura elettronika hija ‘ambjent li fih ir-riżorsi ta’ riċerka (ħardwer, softwer u l-kontenut) jistgħu jinqasmu jiġu aċċessati minnufih kull fejn ikun meħtieġ biex jippromovu riċerka aħjar u iktar effettiva’. Ambjent bħal dan jintegra fih netwerks, grids u middleware, riżorsi tal-informatika, workbenches sperimentali, arkivji tad-dejta, għodod u strumenti, u l-appoġġ operattiv għall-kollaborazzjoni globali tar-riċerka virtwali. X’inhi grid? Grid hija servizz li jaqsam il-qawwa tal-kompjuter u l-kapaċità tal-ħażna tad-dejta fuq l-internet. Tmur lil hinn mill-konnessjoni bejn kompjuters u fl-aħħar mill-aħħar timmira li tbiddel in-netwerk globali tal-kompjuters f’riżorsa tal-informatika vasta għal applikazzjonijiet intensivi ta’ kompjuters u dejta fuq skala kbira. |

- Il-Grids tax-xjenza elettronika feġġew biex jirreaġixxu għar-rekwiżiti tad-dixxiplini xjentifiċi l-iktar serji (eż. ix-xjenza b’enerġija qawwija, il-bijoinformatika) biex jaqsmu u jgħaqqdu s-saħħa tal-kompjuters u l-istrumenti xjentifiċi sofistikati u ta’ spiss uniċi. Bl-appoġġ mill-Programmi ta’ Qafas tal-UE, l-Ewropa issa qed tospita l-ikbar multi-science grids . Illum, l-EGEE iħaddem grid multidixxiplinari b’iktar minn 80 000 kompjuter f’300 sit f’50 pajjiż madwar id-dinja kollha, użat minn diversi eluf ta’ riċerkaturi. Il-proġett DEISA[20] jipprovdi ambjent persistenti, ta’ kwalità tal-prodott, ta’ informatika qawwija madwar l-Ewropa, li jgħaqqad flimkien lill-iktar 11-il-kompjuter b’saħħtu ħafna fil-kontinent.

- Il-qasam tad- dejta xjentifika jimmira li jittratta l-proliferazzjoni aċċelarata u mhux ikkontrollata tad-dejta, li jekk mhux se tkun ikkontrollata, tista’ tnaqqas l-effiċjenza tal-proċess tal-iskoperta xjentifika[21]. Għalhekk, huwa kruċjali li jiġu żviluppati għodod u metodi ġodda biex jiżguraw id-disponibbiltà, il-kura u l-konservazzjoni tal-kwantitajiet tad-dejta mingħajr preċedent. Il-pajsaġġ tal-arkivji tad-dejta madwar l-Ewropa huwa pjuttost eteroġenu, imma hemm bażi solida biex tiġi żviluppata strateġija koerenti biex tingħeleb il-frammentazzjoni u l-komunitajiet tar-riċerka jitħallew imexxu, jużaw, jaqsmu u jikkonservaw id-dejta aħjar. Il-proġetti fil-qasam tal-infrastruttura tad-dejta xjentifika ffinanzjati mill-Ewropa għandhom viżjoni komuni: kwalunkwe forma ta’ riżorsa b’kontenut xjentifiku (rapporti xjentifiċi, artikli tar-riċerka, dejta esperimentali jew tal-osservazzjoni, midja rikka, eċċ.) għandha tkun aċċessibbli faċilment, bħala pjattaforma tal-qsim tal-għarfien, permezz ta’ servizzi tal-infrastruttura elettronika li huma faċli biex jintużaw.

- L-infrastrutturi elettroniċi tal- informatika qawwija jindirizzaw l-isfidi intensivi tad-dejta u l-isfidi kumplessi li jipprovdu x-xjenza moderna b’kapaċitajiet ġodda tal-informatika u s-simulazzjoni li għandha bżonn. L-interess strateġiku tal-Istati Membri u tal-komunità tar-riċerka fis-servizzi Ewropej tal-informatika u tas-simulazzjoni b'kapaċitajiet għolja wassal għall-ħolqien ta’ infrastruttura elettronika ġdida, PRACE[22], appoġġata mill-programm ‘Kapaċitajiet’ tas-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka

- Il-Komunitajiet Globali tar-Riċerka Virtwali , li jantiċipaw il-bidu tal-kunċetti tar-riċerka 2.0[23], ħolqu perspettivi ġodda għall-kollaborazzjoni transkonfinali u multidixxiplinari fost il-komunitajiet tar-riċerka. Qed issir bidla kulturali fil-mod kif qed jiġi prodott u mferrex l-għarfien xjentifiku, li se twassal għall-ħolqien ta’ Komunitajiet Globali tar-Riċerka Virtwali. L-Ewropa diġà qed tikkontribwixxi għall-innovazzjoni tal-proċess xjentifiku billi tippermetti lill-komunitajiet xjentifiċi jużaw l-infrastrutturi elettroniċi biex jindirizzaw l-isfidi tar-rilevanza globali.

3.2. L-infrastrutturi elettroniċi għall-2020 u lil hinn

Ir-rispons tal-Ewropa għall-isfidi tax-xjenza elettronika fuq żmien fit-tul jeħtieġ approċċ iktar effiċjenti u koordinat għall-investiment Ewropew f’infrastrutturi xjentifiċi ta’klassi dinjija. Billi jiġu pprovduti risponsi komuni għar-rekwiżiti differenti tal-utent, l-infrastrutturi elettroniċi huma kruċjali sabiex ikattru eċċellenza xjentifika, jippromovu sħubija xjentifika globali u jistimulaw l-iżvilupp ta’ kapital uman ta’ kwalità għolja, filwaqt li jiżguraw ekonomiji ta’ skala. L-infrastrutturi elettroniċi huma oġġetti pubbliċi li jappoġġaw l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-politiki tal-innovazzjoni. Għalhekk, l-involviment attiv tal-awtoritajiet pubbliċi fl-istabbiliment tal-prijoritajiet u l-istrateġiji huwa essenzjali.

Il-kapaċità unika tal- GÉANT li tippermetti l-kollaborazzjoni tar-riċerka innovattiva permezz ta’ konnettività b’veloċità għolja u servizzi avvanzati hija waħda mill-iktar stejjer prominenti ta’ suċċess Ewropej. Biex l-Ewropa tibqa’ żżomm t-tradizzjoni kburija tagħha tal-innovazzjoni u r-riċerka fix-xjenza iktar tard mill-2020, il-GÉANT jeħtieġ li jibni fuq is-suċċess fenominali tiegħu biex jilħaq id-dimensjoni tal- exa -scale u jikkontribwixxi għat-tfassil tal-Internet tal-Ġejjieni.

Illum, is-sostenibbiltà tal-grids tax-xjenza elettronika tiddependi l-iktar fuq talba qawwija mill-komunitajiet tal-utenti xjentifiċi, li jaħdmu flimkien fi proġetti li huma ffinanzjati minn programmi nazzjonali u Komunitarji. Dan iġib miegħu r-riskju ta’ operat li ma jkomplix u qed isir fattur li jfixkel l-isfruttament sħiħ tal-grids. | Inizjattivi Nazzjonali tal-Grid (NGIs) L-NGIs huma entitajiet b’missjoni pubblika li jimmiraw li jintegraw riżorsi ffinanzjati fuq il-livell nazzjonali għad-dispożizzjoni tas-servizzi msejsa fuq il-grid. Huma jipprovdu servizz komplut għal għadd ta’servizzi komuni msejsa fuq il-grid għall-komunitajiet ta’ riċerka nazzjonali. |

Ċikli ta’ żvilupp teknoloġiku msejsa fuq proġett u qosra jistgħu jnaqqsu l-interoperabbiltà tal-infrastrutturi tal-grids, u allura jfixklu l-kooperazzjoni tar-riċerka li tħaddan diversi dixxiplini u l-ekonomiji ta’ skala. Il-proġetti EGEE u DEISA diġà għamlu passi kbar biex jgħaqqdu d-dixxiplini u jikkordinaw l-istrateġiji. Biex tkun żgurata s-sostenibbiltà fuq żmien fit-tul, dawn it-tentattivi għandhom jevolvu f’mudelli ta' organizzazzjoni verament pan-Ewropej li jiftħu l-infrastrutturi elettoniċi tal-grid għad-dixxiplini xjentistiċi kollha u jikkumplimentaw l-istrateġija ta’ finanzjament nazzjonali fl-appoġġ għax-xjenza elettronika. Diversi Inizjattivi Nazzjonali tal-Grid qed ifiġġu biex jirreaġixxu għall-ħtiġijiet tad-dixxiplini xjentifiċi għar-riżorsi tal-informatika b’mod koordinat u effikaċi f'termini ta' spiża.

L-għan tal-infrastrutturi elettroniċi tad-dejta xjentifika huwa li tiġi żviluppata ekosistema ta’ arkivji diġitali Ewropej, li jgħaqqdu u jżidu l-valur tal-arkivji nazzjonali u l-arkivji msejsa fuq id-dixxiplina biex jirreaġixxu għat-talbiet tal-Istati Membri li jtejbu l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika. | Dejta, dejta u iktar dejta... L-arkivji tal-bijoinformatika qed jikbru fid-daqs b’rata esponenzjali. Sal-2012, l-informazzjoni miżjuda kull sena fl-arkivju uniku tad-dejta se tilħaq l-petabytes/sena, daqs 10 kilometri akkumulazzjoni ta’ CDs. |

Il-ħolqien ta’ ‘xjenza kbira ta’ dejta’ għandu dimensjoni globali[24], minħabba li tirrifletti l-valur miżjud ta' dejta ta' osservazzjoni u esperimentali mhux ipproċessata prattikament fl-oqsma kollha tax-xjenza (l-umanistika, il-bijodiversità, ix-xjenza b’enerġija qawwija, l-astronomija, eċċ.). L-Ewropa teħtieġ li toqgħod attenta b’mod partikolari għall-aċċessibbiltà, l-assigurazzjoni ta' kwalità u l-konservazzjoni tal-ġbir tad-dejta ewlenija. Pereżempju, il-politiki ambjentali Ewropej huma appoġġati mid-Direttiva INSPIRE[25], li hija maħsuba biex toħloq infrastruttura Ewropea għall-informazzjoni spazjali li twassal servizzi integrati ta’ informazzjoni spazjali. F’pajsaġġ eteroġenu ta’ dejta diġitali, fejn huwa stmat li 28 % biss tar-riżultati tar-riċerka jsiru f’arkivji diġitali[26], jeħtieġ li tiġi żviluppata strateġija ġdida għall-ġestjoni tal-informazzjoni xjentifika u l-politiki assoċjati, imsejsa fuq l-attivitajiet li jwasslu għar-riżultati tal-partijiet interessati ewlenin tar-riċerka (eż. EMBL, ESA, ECMWF, CERN)[27] kif ukoll l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-libreriji.

L-informatika qawwija ġiet identifikata bħala prijorità ewleninija biex tagħti spinta lill-kapaċità xjentifika Ewropea. Dan jeħtieġ strateġija ġdida għall-involviment industrijali u għall-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet li qed jiffinanzjaw[28]. Meta tindirizza l-kwistjonijiet strateġiċi, ta’ politika, tekniċi, finanzjarji u ta’ tmexxija relatati mal-informatika qawwija, PRACE qed toħloq momentum fiċ-ċaqliq tal-fondi nazzjonali sinifikanti għall-użu ta’ ekosistema tal-magni peta -scale fl-Ewropa, bl-għan li sal-2020 tilħaq il-kapaċità exa -scale.

Biex tappoġġa b’mod effiċjenti x-xjenza elettronika u tkun fuq quddiem fil- Komunitajiet Globali tar-Riċerka Virtwali , l-Ewropa teħtieġ li tkompli tiżviluppa infrastrutturi elettroniċi ta’ klassi dinjija li jkunu kapaċi jappoġġaw il-mudell ‘parteċipattiv’ ġdid. Dan jipprovdi opportunità unika sabiex jissaħħaħ ir-rwol tar-riċerka Ewropea fil-kuntest globali li qed jevolvi.

Madankollu, biex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tal-kollaborazzjoni xjentifika globali, jeħtieġ li jiġu indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet. Dawn jikkonċernaw il-kunflitti tal-kulturi bejn dixxiplini differenti, il-ħtieġa li jerġgħu jinħasbu mill-ġdid il-mudelli organizzattivi, u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi u mudelli ta’ negozju ta’ assigurazzjoni ta' kwalità.

Strateġiji ġodda għall-iżvilupp teknoloġiku tal-infrastrutturi elettroniċi huma fundamentali wkoll biex jiżguraw soluzzjonijiet li ‘jilqgħu għall-ġejjieni’, imsejsa fuq standards miftuħin, li jistgħu jinżammu u jkomplu jitjiebu fuq tul ta’ żmien u jżidu l-valur għall-investiment fil-faċilitajiet tar-riċerka, strumenti kbar u/jew uniċi, eċċ.

4. AZZJONIJIET EWROPEJ

L-implimentazzjoni b’suċċess ta’ strateġija mġedda tiddependi fuq li jidħlu fis-seħħ serje ta' azzjonijiet konkreti li jimmiraw għall-oqsma differenti tal-infrastrutturi elettroniċi Ewropej u fuq li jiġu stabbbiliti sinerġiji bejniethom.

4.1. It-tisħiħ tat-tmexxija dinjija tal-GÉANT

GÉANT, b’artikolazzjoni mill-viċin mal-NRENs, jeħtieġ li lir-riċerkaturi, lill-edukaturi u lill-istudenti jkompli jipprovdilhom konnettività persistenti tal-aqwa kwalità b’livelli ta’ kapaċità ħafna iktar ogħla sabiex inaqqas ix-xkiel tal-aċċess għar-riżorsi u l-istrumentazzjoni mqassma. Jeħtieġ li jsaħħaħ il-perspettiva globali tiegħu, li tinkorpora kemm ir-reġjuni avvanzati kif ukoll r-reġjuni li qed jiżviluppaw[29].

GÉANT jeħtieġ ukoll li fin-netwerking jintegra l-aħħar xejriet teknoloġiċi u li jappoġġa l-esperimentazzjoni fil-mudelli ġodda li se jwasslu għall-Internet tal-Ġejjieni[30]

L-Istati Membru huma mistiedna biex isaħħu l-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali u Ewropej fil-qasam tan-Netwerks għar-Riċerka u għall-Edukazzjoni.

L-Istati Membri u l-komunitajiet tar-riċerka huma mistiedna biex jappoġġaw u jużaw il-GÉANT bħala pjattaforma esperimentali li twassal għall-Internet tal-Ġejjieni.

Il-Kummissjoni, permezz tal-FP7 u tal-kooperazzjoni internazzjonali, se tkompli tipprovdi appoġġ fiss lill-GÉANT biex issaħħaħ il-kapaċità u l-perspettiva globali tagħha.

4.2. L-istrutturar tal-pajsaġġ tal-grid tax-xjenza elettronika

Il-grids tax-xjenza elettronika Ewropea tal-ġejjieni għandhom ikomplu jibnu fuq is-suċċess tal-inizjattivi attwali, immexxija mill-ħtiġijiet komuni ta’ dixxiplini xjentifiċi differenti, u jfittxu l-adozzjoni mill-industrija.

Madankollu, biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà fuq żmien fit-tul, il-mudelli tat-tmexxija jeħtieġu li jevolvu lejn Inizjattiva Ewropea tal-Grid (EGI) li tibni fuq l-Inizjattiva Nazzjonali tal-Grid (NGIs) emerġenti.

L-Istati Membru huma mistiedna biex isaħħu u jkomplu jiżviluppaw l-Inizjattiva Nazzjonali tal-Grid (NGIs) bħala l-bażi għal strateġija Ewropea mġedda.

Il-Kummissjoni se tappoġġa t-tranżizzjoni għall-mudelli ta’ tmexxija ġodda għall-grids Ewropej tax-xjenza elettronika kif ukoll għat-tixrid effiċjenti tagħhom li jaqdu firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ riċerka, billi tiżgura l-interoperabbiltà teknoloġika tal-grids globali.

4.3. It-tisħiħ tal-aċċess għall-informazzjoni xjentifika

L-infrastrutturi elettroniċi Ewropej u nazzjonali jeħtieġu li jindirizzaw l-isfida emerġenti tax-xjenza tad-dejta ċentrika. Biex dan jinkiseb, l-Ewropa teħtieġ li tuża ekosistema ta’ arkivji ta’ informazzjoni xjentifika koerenti u mmexxija. L-Ewropa teħtieġ li tiddefinixxi politiki konsistenti li jħeġġu l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika (eż. konformi mal-indikazzjonijiet tad-dokument ta’ pożizzjoni ESFRI dwar id-dejta xjentifika, il-Komunikazzjoni dwar l-informazzjoni xjentifika fl-era diġitali: aċċess, tixrid tal-ideat u konservazzjoni[31] u l-pilota tal-Aċċess Miftuħ fl-FP7[32] imniedi fl-2008).

L-Istati Membru u l-komunitajiet xjentifiċi huma mistiedna biex ikabbru l-investiment fl-infrastrutturi tad-dejta xjentifika u jippromovu l-qsim tal-aqwa prattiċi.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-investiment katalitiku tal-FP7 f’infrastrutturi tad-dejta xjentifika, biex tappoġġa l-politiki tal-aċċessibbiltà u tal-konservazzjoni.

4.4. Il-bini ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ faċilitajiet tal-informatika qawwija

Konformi mal-pjan tal-ESFRI[33], l-Ewropa teħtieġ li tuża ekosistema ġdida tar-riżorsi tal-informatika sabiex sal-2010 tikseb il-kapaċità peta-flop u fl-2020 tersaq lejn l-informatika exa -scale. Dan jitlob fokus partikolari fuq l-iżvilupp u t-titjib tas-softwer u tal-mudelli ta’ simulazzjoni biex tiġi sfruttata l-qawwa tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda tal-kompjuters b’saħħithom ħafna, u jitlob it-tisħiħ tar-riċerka u l-iżvilupp biex it-teknoloġiji tal-ħardwer u s-softwer ikunu jistgħu jiċċaqalqu ’l fuq u ’l isfel fil-katina ta’ valur, inklużi komponenti u sistemi avvanzati, softwer tas-sistema u tal-applikazzjoni, mudellar u simulazzjoni.

Biex din il-kapaċità ta’ riċerka ġdida tinbena, titmexxa u tiġi sfruttata, l-Ewropa teħtieġ li tiżviluppa strutturi organizzattivi ġodda, li jibnu fuq il-ħidma innovattiva tal-PRACE. Barra minn hekk, l-opportunitajiet offerti mis-sħubijiet pubbliċi-privati u mill-akkwist pubbliku prekummerċjali[34] jeħtieġu li jiġu sfruttati biex jagħtu imbuttatura lill-investiment f’dan il-qasam strateġiku.

Għal dan l-għan, l-investiment Ewropew fl-informatika qawwija għandu jkollu impatt industrijali ċar.

L-Istati Membri huma mistiedna biex ikabbru u jaqsmu l-investiment fl-appoġġ tal-PRACE kif ukoll f'żoni ta’ riċerka relatati b’artikolazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni se tniedi azzjonijiet biex tiddefinixi u tappoġġa aġenda strateġika Ewropea ambizjuża għall-informatika qawwija, li tvarja minn komponenti u sistemi sa softwer u servizzi meħtieġa.

4.5. L-ospitalità tal-komunitajiet globali tar-riċerka virtwali

L-Ewropa teħtieġ li tisfrutta l-infrastrutturi elettroniċi biex tgawdi l-potenzjal innovattiv għoli tar-riċerka miltidixxiplinari u biex tgħin lir-riċerkaturi tagħha jisfruttaw il-benefiċċji. Teħtieġ ukoll li tiżgura li d-dixxiplini xjentifiċi jkunu strutturati u organizzati biex ikunu jistgħu jibbenefikaw kompletament mis-servizzi pprovduti mill-infrastrutturi elettroniċi. Dan jitlob sforzi tat-taħriġ msaħħa biex ikun żgurat li r-riċerkaturi jkunu jistgħu jużaw l-infrastrutturi elettroniċi bl-aħjar mod.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jeħtieġu li jiżguraw li l-investiment futur fil-faċilitajiet tar-riċerka jkun imfassal b’tali mod li jisfrutta l-infrastrutturi elettroniċi kompletament.

L-Istati Membri u l-komunitajiet tar-riċerka huma mistiedna li jħaddnu l-mudell tax-xjenza elettronika billi jkomplu jisfruttaw il-benefiċċji tal-infrastrutturi elettroniċi.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-attivitajiet ta' integrazzjoni tagħha tal-FP7 biex tippromovi l-ħolqien ta’ komunitajiet Ewropej tar-Riċerka Virtwali iktar b’saħħithom u biex tħeġġiġhom jaqsmu l-aqwa prattiċi, softwer u dejta.

5. KONKLUżJONIJIET

L-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali għall-Ewropa biex tkampa mal-isfidi enormi fl-10 sal-15-il sena li ġejjin. Ix-xjenza se tesperjenza bidliet ewlenin fil-mod kif issir. Ir-riċerkaturi se jiffaċċjaw livelli ta’ kumplessità mingħajr preċedent fit-trattament tal-isfidi xjentifiċi b’impatt globali fuq is-soċjetà. Se jkun essenzjali li għarfien minn oqsma differenti tax-xjenza jinġabar flimkien.

L-infrastrutturi elettroniċi jipprovdu l-pjattaformi li jwasslu għall-applikazzjonijiet intensivi tal-informatika li jippermettu kollaborazzjoni tal-għarfien minn oqsma differenti tax-xjenza. Forom ġodda ta’ organizzazzjoni – inklużi organizzazzjonijiet virtwali madwar il-globu – se jfiġġu mill-użu ta’ ambjenti ta’ netwerks imferrxin sew bħall-GÉANT.

L-isforzi msaħħin u koordinati tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-komunitajiet xjentifiċi konċernati se jgħaġġlu l-pass tat-tixrid tal-infrastrutturi elettroniċi sabiex il-kapaċità u l-funzjonalità tagħhom tiżdied b’ħafna iktar.

L-istrateġija mġedda biex tinkiseb it-tmexxija fix-xjenza elettronika, biex jiġu żviluppati infrastrutturi elettroniċi ta’ klassi dinjija u biex jiġi sfruttat il-potenzjal tar-riċerka innovattiva hija essenzjali biex l-Ewropa tkun fiċ-ċentru tal-eċċellenza xjentifika u sieħba xjentifika verament globali.

[1] It-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni.

[2] M . B. Hall, The scientific renaissance, 1450-1630 ISBN 0486281159.

[3] In-netwerk GÉANT jipprovdi firxa ta’ servizzi, li għadhom mhumiex disponibbli kummerċjalment (il-veloċità attwali tvarja minn 40 sa 100 gigabit/s), għall-ixjentisti mal-fruntieri fuq bażi permanenti.

[4] Il-Kunsill dwar il-Kompetittività tat-22-23 ta’ Novembru 2007(www.consilium.europa.eu/ueDocs/cms_Data/docs/pressData/en/intm/97225.pdf).

[5] Il-qafas ta’ politika tal-UE għas-soċjetà tal-informazzjoni u l-midja (www.ec.europa.eu/i2010).

[6] COM(2007) 161: Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda.

[7] Forum għal Strateġija Ewropea dwar l-Infrastrutturi tar-Riċerka (www.cordis.europa.eu/esfri).

[8] Il-Grupp ta’ Riflessjon tal-Infrastruttura elettronika (www.e-irg.eu).

[9] Il-Kunsill tal-Ljubljana 2008 (http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/08/st10/st10231.en08.pdf).

[10] Ir-Rapport Aho: ‘Riċerka u Innovazzjoni fis-Soċjetà tal-Informazzjoni: Inwasslu r-riżultati b’impatt sostnut’, Mejju 2008, (http://ec.europa.eu/dgs/information_society/evaluation/rtd/fp6_ist_expost/index_en.htm).

[11] L-istudju ERINA (www.erina-study.eu/homepage.asp).

[12] COM(2008) 800 finali: Pjan Ewropew biex Tirkupra l-Ekonomija.

[13] In silico hija espressjoni użata biex tfisser ‘magħmula fuq kompjuter jew permezz ta’ simulazzjoni tal-kompjuter’, maħluqa b’analoġija mal-frażijiet Latini in vivo u in vitro , li huma użati biex jirreferu għall-esperimenti magħmula fuq organiżmi ħajjin u fuq organiżmi mhux ħajjin, rispettivament.

[14] Wet lab huwa laboratorju mgħammar bi plaming, ventilazzjoni u tagħmir xieraq li jippermetti riċerka xjentifika prattika.

[15] EGEE (Enabling Grids for E-sciencE (jintużaw il-grids għax-xjenza elettronika), www.eu-egee.org).

[16] CERN (l-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari)

[17] Liġijiet normalment aċċettati li jmexxu l-evoluzzjoni tat-teknoloġija: ta’ Moore u Gilder.

[18] Il-programmi tal-informatika exa-scale (1 exa = 1000 peta = 1000000 tera) li jimmiraw għall-2020 qed jitfaċċaw fil-Ġappun u fl-Istati Uniti tal-Amerika.

[19] Flops jew FLOPs — FLoating point Operations Per second ( Punti li jitilgħu fil-wiċċ kull sekonda ) — unità ta’ kejl tal-kapaċità tal-kompjuters.

[20] DEISA (Infrastrutturi Ewropej Imxerrda għall-Applikazzjonijiet tal-Informatika Qawwija) (Distributed European Infrastructure for Supercomputing Applications), www.deisa.eu).

[21] COM(2007) 56: Informazzjoni Xjentifika fl-Era Diġitali.

[22] PRACE (Sħubija għall-Informatika Avvanzata fl-Ewropa (Partnership for Advanced Computing in Europe), www.prace-project.eu).

[23] Ir-riċerka 2.0 hija terminu li jiddeskrivi l-użu tat-tekonoloġija tal-internet 2.0 biex titjieb il-kreattività, it-tqassim tal-informazzjoni u l-kollaborazzjoni fir-riċerka.

[24] Il-programm DataNet tal-Fondazzjoni Nazzjonali tax-Xjenza tal-Istati Uniti (http://www.nsf.gov/pubs/2008/nsf08021/nsf08021.jsp).

[25] Id-Direttiva 2007/2/KE Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea.

[26] DRIVER: ‘Investigative Study of Standards for Digital Repositories and Related Services’ (Studju Investigattiv tal-Istandards għall-Arkivji Diġitali u għas-Servizzi Relatati) (http://dare.uva.nl/document/93727).

[27] EMBL (Laboratorju Ewropew dwar il-Bijoloġija Molekolari), ESA (Aġenzija Spazjali Ewropea), ECMWF (Ċentru Ewropew għat-Tbassir tat-Temp għal Perjodu Medju), CERN (Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari).

[28] L-Ewropa ma kinitx rappreżentanti b'mod sodisfaċenti fil-listi skont il-mertu tal-aqwa fid-dinja fl-informatika b'kapaċitajiet għolja (http://www.top500.org/).

[29] Il-bini fuq inizjattivi bħal ALICE (http://alice.dante.net), EUMEDconnect (www.eumedconnect.net), TEIN2 (www.tein2.net) appoġġat minn DG RELEX, DEV u AIDCO.

[30] Jiġu appoġġati inizjattivi bħall-FIRE (Riċerka dwar il-Ġejjieni tal-Internet u Esperimentazzjoni): (http://cordis.europa.eu/fp7/ict/fire/).

[31] COM(2007) 56: Komunikazzjoni dwar l-informazzjoni xjentifika fl-era diġitali: aċċess, tixrid tal-ideat u konservazzjoni.

[32] http://ec.europa.eu/research/science-society/open_access.

[33] Il-pjan tal-ESFRI jidentifika infrastruttura ġdida ta’ riċerka biex jilħaq il-ħtiġijiet tal-komunitajiet ta’ riċerka Ewropej fuq żmien fit-tul (www.cordis.europa.eu/esfri/roadmap.htm).

[34] COM(2007) 799: L-akkwist pubbliku prekummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta’ kwalità għolja fl-Ewropa.