52009DC0064

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-evalwazzjoni finali tal-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju multiannwali għall-promozzjoni ta’ użu aktar sikur tal-Internet u t-teknoloġiji online ġodda /* KUMM/2009/0064 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 18.2.2009

KUMM(2009) 64 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-evalwazzjoni finali tal-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju multiannwali għall-promozzjoni ta’ użu aktar sikur tal-Internet u t-teknoloġiji online ġodda

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-evalwazzjoni finali tal-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju multiannwali għall-promozzjoni ta’ użu aktar sikur tal-Internet u t-teknoloġiji online ġodda

1. INTRODUZZJONI

Din il-Komunikazzjoni tikkonċerna l-evalwazzjoni finali tal-programm multiannwali Safer Internet plus (2005-2008), li f'din il-komunikazzjoni se jissejjaħ "il-programm".

L-għan tal-programm, kif speċifikat fid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[1], kien li jippromwovi l-użu aktar sikur tal-Internet u t-teknoloġiji online ġodda, partikolarment għat-tfal, u biex jissielet kontra kontenut illegali u kontenut mhux mixtieq mill-utent aħħari.

Il-programm kien fuq perjodu ta’ erba’ snin, mill-1 ta’ Jannar 2005 sal-31 ta' Diċembru 2008, b’baġit ta’ referenza ta’ EUR 45 miljun.

Il-programm kien implimentat permezz ta’ erba’ linji ta’ azzjoni ewlenin:

- il-ġlieda kontra l-kontenut illegali;

- it-trattament ta’ kontenut mhux mixtieq u li hu ta’ ħsara;

- il-promozzjoni ta’ ambjent aktar sikur;

- li tiżdied is-sensibilizzazzjoni.

Meta mqabbel mal-Pjan preċedenti ta’ Azzjoni għal Internet aktar Sikur, l-ambitu tal-programm twessa’ biex jinkludi teknoloġiji online ġodda, fosthom il-kontenut tat-telefonija mobbli u tal-broadband, il-logħob online, it-trasferiment ta’ fajls minn kompjuter għall-ieħor (P2P) u l-għamliet kollha ta’ komunikazzjonijiet f’ħin reali bħaċ-chat rooms u l-messaġġi instantanji, primarjament bil-għan li tittejjeb il-protezzjoni tat-tfal u l-minorenni. Ġiet koperta firxa usa’ ta’ aspetti ta’ kontenut illegali u li hu ta' ħsara kif ukoll ta’ imġiba li għandha tiġi indirizzata, bħal razziżmu u vjolenza.

Il-mekkaniżmu ewlieni għall-implimentazzjoni tal-programm kien il-kofinanzjament ta’ proġetti magħżula fuq il-bażi ta’ sejħiet pubbliċi għall-proposti. Dan wassal għall-finanzjament ta’ firxa wiesgħa ta’ proġetti fid-diversi linji ta' azzjoni, ikkomplimentati fejn xieraq minn attivitajiet li ma kellhomx finanzjament.

Il-programm jikkofinanzja n-netwerk INSAFE ta’ punti ta’ konġunzjoni għas-sensibilizzazzjoni għat-twettiq ta' azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni indirizzati lejn it-tfal, il-familji u l-iskejjel, u l-helplines li magħhom it-tfal juru t-tħassib tagħhom dwar l-użu li jagħmlu mit-teknoloġiji online, u n-netwerk INHOPE ta’ hotlines li jippermettu lill-utenti tal-internet jirrappurtaw kwalunkwe kontenut illegali[2].

Il-programm jappoġġa wkoll in-netwerks tematiċi li jlaqqgħu d-diversi partijiet interessati, bħal riċerkaturi, organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u aġenziji tal-infurzar tal-liġi, bil-għan li jiġu ffaċilitati d-djalogu u l-iskambju tal-aħjar prattiki, proġetti speċifiċi maħsuba biex itejbu l-analiżi ta’ materjal illegali minn aġenziji tal-infurzar tal-liġi u proġetti għat-titjib tal-għarfien dwar diversi aspetti tal-użu tal-internet minn tfal, ġenituri u trasgressuri. Il-proġett EU Kids Online jipprovdi għarfien ġdid dwar l-esperjenzi tat-tfal u tal-ġenituri fir-rigward tar-riskji u s-sikurezza, u l-programm suċċessur għandu jindirizza n-nuqqas ta’ dejta komparattiva li ġiet identifikata minn dan il-programm. Proġett ieħor għandu jtejjeb l-għarfien dwar l-abbuż tat-tfal relatat mal-użu tal-internet billi jwettaq riċerka kwalitattiva dwar trasgressjonijiet mill-adulti[3].

Taħt l-awspiċi tal-programm twettqu żewġ sondaġġi tal-Eurobarometer bil-għan li jeżaminaw l-attitudni taċ-ċittadini tal-UE lejn il-kontenut illegali u li jagħmel il-ħsara u l-għarfien tagħhom dwar kif jistgħu jipproteġu ruħhom, u fil-ħarifa tal-2008 se jsir sondaġġ ieħor.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet studju dwar l-effikaċja tas-software ta’ filtrazzjoni. Fost id-diversi riżultati tal-Programm fi Frar hemm iċ-ċelebrazzjoni ta' Jum l-Internet aktar Sikur madwar id-dinja kollha, li fl-2008 pparteċipaw fiha 56 pajjiż. Il-Kummissjoni stabbilixxiet djalogu mal-industrija u s-soċjetà ċivili sabiex tinkoraġġixxi l-awtoregolamentazzjoni. Fl-2007, l-industrija tat-telefonija mobbli adottat Qafas Ewropew għall-użu Aktar Sikur tal-Mowbajls minn adoloxxenti u tfal. Il-Forum annwali dwar Internet Aktar Sikur huwa rikonoxxut bħala punt fejn il-partijiet interessati jistgħu jiltaqgħu u jiddiskutu kwistjonijiet attwali.

Skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni tal-Programm, il-Kummissjoni, fi tmiem il-programm għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport finali tal-evalwazzjoni tar-riżultati li joħorġu mill-implimentazzjoni tal-programm .

L-evalwazzjoni twettqet minn bord ta’ tliet esperti indipendenti[4] matul il-perjodu ta’ bejn Mejju u Lulju 2008, b’kollaborazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni konċernati[5].

2. L-GĦANIJIET TAL-EVALWAZZJONI

L-evalwazzjoni analizzat il-kwistjonijiet speċifiċi li ġejjin: ir-rilevanza tal-għanijiet tal-programm, il-prijoritajiet u l-mezzi ta’ implimentazzjoni, l-effikaċja tal-programm, x’irnexxielu jikseb, l-impatti tiegħu, is-sostenibbiltà tiegħu u l-komplementarjetà tiegħu ma’ inizjattivi oħra fl-Unjoni Ewropea u ’l barra minnha, kif ukoll ma’ inizjattivi nazzjonali.

3. IS-SEJBIET TAL-EVALWAZZJONI

L-esperti li wettqu l-evalwazzjoni kkonkludew li l-programm irnexxielu jilħaq l-għanijiet stabbiliti kif indikati kemm fid-Deċiżjoni oriġinali tal-Programm kif ukoll fil-programmi ta' ħidma annwali sussegwenti. Ikkontribwixxa sabiex l-Internet ikun aktar sikur permezz ta’ diversi interventi u ħalla impatt u influwenza sinifikanti. L-informazzjoni mogħtija mill-partijiet interessati turi b’mod ċar kemm huma japprezzaw il-programm, partikolarment l-opportunitajiet li jipprovdi għall-qsim tal-għarfien, u tenfasizza l-importanza li l-ħidma tkompli għaddejja.

Aktar speċifikament, ġie konkluż li:

Il-Kummissjoni kienet kapaċi tadatta l-prijoritajiet tal-programm biex tirreaġixxi għall-isfidi u l-ħtiġijiet li jinbidlu u li l-programm irnexxielu jiżgura li t-temi u l-azzjonijiet ikunu rilevanti għall-ambjent soċjali u teknoloġiku dinamiku li jopera fih.

L-ambitu ġeografiku tal-programm huwa aspett ieħor li fih il-programm irnexxielu jirreaġixi fil-waqt u b'mod effettiv. It-tkabbir ġeografiku rapidu tal-UE ġie rifless immedjatament bl-inklużjoni tal-Istati Membri l-ġodda fl-attivitajiet tagħha.

Il-programm għandu wkoll rilevanza kbira fir-rigward tal-enfasi reċenti tiegħu fuq il-konsultazzjoni mat-tfal u ż-żgħażagħ u fuq l-iżgurar li kemm id-drittijiet kif ukoll l-opinjonijiet tagħhom ikunu ta' prijorità fl-aspetti kollha tal-programm.

Il-ġestjoni tal-programm kienet effiċjenti u effettiva. Jeżistu hotlines u punti ta’ konġunzjoni għas-sensibilizzazzjoni kważi fl-Istati Membri kollha, ġew stabbiliti għadd ta’ netwerks tematiċi, u għadha għaddejja ħidma biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniċi f’oqsma bħal ma huwa r-rikonoxximent tal-immaġni. Madankollu, kien aktar diffiċli li jiġi kkwantifikat il-livell dettaljat tal-effikaċja fl-għanijiet ġenerali tal-programm, u huwa importanti li fl-inizjattivi li jmiss tinġabar u tiġi analizzata aktar dejta li tista’ titkejjel sabiex jiġu żgurati l-effikaċja u l-impatt tal-attivitajiet iffinanzjati.

Jidher li l-programm laħaq għanijiet konsiderevoli. Mhux biss kompla jżomm il-kwistjoni ta' Internet aktar sikur fuq l-aġenda ta’ dawk li jfasslu l-politika madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, iżda talli sar xprunatur ta’ azzjonijiet lil hinn mill-kuntest Ewropew. L-esperjenzi u l-aħjar prattiki tal-programm jitqiesu, minn pajjiżi oħra li jiffaċċaw l-istess sfidi, bħala stimulanti u ta’ għajnuna kbira. L-għadd kbir ta' membri internazzjonali tal-INHOPE huwa wkoll xhieda tal-pożizzjoni li l-programm irnexxielu jikseb fil-komunità tal-internet inġenerali.

L-opportunità ta’ netwerking li joffri l-programm hija apprezzata ħafna minn bosta mill-partijiet interessati, li jenfasizzaw il-fatt li l-programm jippermetti l-kooperazzjoni bejn setturi li fl-assenza tal-programm ma kinux jaħdmu flimkien, bħal ma huma l-fornituri kbar tat-telekomunikazzjoni u l-NGOs.

L-espansjoni ta’ żewġ netwerks biex l-Ewropa kollha flimkien ma’ pajjiżi lil hinn minnha jiġu koperti virtwalment hija suċċess bla dubju. In-netwerk INSAFE kiber minn kopertura ta’ 21 pajjiż fl-2006 għal 34 pajjiż fl-2008. In-netwerk INHOPE kiber b’mod simili, bi 13-il pajjiż ġdid li daħlu membri tul il-perjodu tal-programm, li tellgħu t-total ta’ membri għal 33.

Suċċess ieħor miksub mill-programm kien kif irnexxielu jinkoraġġixxi l-ġbir u l-analiżi ta’ kwantità kbira ta’ riċerka dwar il-kwistjonijiet ta’ Internet aktar sikur, permezz tan-netwerk tal-UE Kids Online .

Sar xogħol li għen biex jiżdied id-djalogu fost u bejn setturi differenti, u biex jinkoraġġixxi l-industrija tat-telefonija mobbli fl-isforzi tagħha biex tadotta mekkaniżmi awtoregolatorji effettivi għall-protezzjoni tal-minorenni.

Fir-rigward tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, Jum l-Internet aktar Sikur kien suċċess bla dubju – dan l-avveniment kompla jikber minn sena għal sena kemm f’termini ta’ kwantitajiet kif ukoll fl-ambitu ġeografiku, fejn dejjem kompla jżid l-ambitu internazzjonali tiegħu u jikseb livell impressjonanti ta’ kopertura mill-istampa u l-mezzi tax-xandir.

F’termini tal-impatt tal-programm, il-konsistenza fl-approċċ u fil-messaġġi madwar l-Ewropa kollha hija fattur importanti biex il-programm jikseb suċċess kbir.

Madankollu, il-viżibbiltà tal-programm tista’ tittejjeb permezz ta’ aktar preżenza u promozzjoni fuq l-internet u fi bnadi oħra. Aktar konsistenza fil-preżentazzjoni għandha tgħin biex jiġu stabbiliti l-identità u l-kredibbiltà tal-programm f'setturi, pajjiżi u reġjuni differenti.

Is-sostenibbiltà tal-programm innifsu hija f’saħħitha. Madankollu, huwa importanti li tiġi mmonitorjata l-funzjoni tan-netwerks sabiex ikun żgurat li l-mudell jibqa’ l-aktar wieħed xieraq. B’mod partikolari, ir-rekwiżit li l-hotlines, il-punti ta’ konġunzjoni għas-sensibilizzazzjoni u l-helplines jifformaw punti ta’ konġunzjoni kombinati fuq livell nazzjonali sabiex iżidu l-effikaċja u l-effiċenzja, iqajjem il-kwistjoni dwar jekk iż-żewġ netwerks għandhomx jiġu kkombinati f’organizzazzjoni waħda li tikkoordina l-attivitajiet kollha madwar l-Ewropa.

Il-programm huwa komplementari ma’ diversi inizjattivi fl-UE u lil hinn minnha kif ukoll ma’ inizjattivi nazzjonali f’bosta mill-Istati Membri, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-kontenut illegali, il-promozzjoni tal-kompetenza fil-mezzi tax-xandir u l-affermazzjoni tad-drittijiet tat-tfal.

Il-partijiet interessati jagħmlu enfasi ċara dwar l-importanza tal-programm bħala katalizzatur għall-involviment internazzjonali u dak nazzjonali. Fil-każijiet fejn ma kienx jeżisti kompromess nazzjonali preċedenti, il-programm għen biex il-kwistjonijiet jitressqu fuq l-aġenda u biex ilaqqa’ l-partijiet interessati ħalli jiddiskutuhom flimkien. Fil-pajjiżi fejn l-organizzazzjonijiet kienu diġà bdew jaħdmu fuq dawn il-kwistjonijiet, il-programm għen biex l-approċċ jiġi kkoordinat u ta kredibbiltà lill-organizzazzjonijiet li mingħajr il-programm kienu jsibuha iebsa biex jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-industrija.

4. IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-EVALWAZZJONI

Ir-rapport tal-evalwazzjoni jagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li għandhom jitqiesu għax-xogħol tal-ġejjieni:

1. Id-drittijiet u l-privatezza tat-tfal, iż-żgħażagħ u l-utenti leġittimi l-oħra tal-Internet għandhom ikunu protetti u promossi fl-attivitajiet kollha tal-Programm. L-involviment taż-żgħażagħ infushom fid-diskussjonijiet, fit-tfassil u fil-kisba ta’ soluzzjonijiet għandu jkun aktar intens.

2. Jistgħu jsiru sforzi kontinwi sabiex il-Programm u l-proġetti individwali fuq livell nazzjonali jiksbu l-appoġġ attiv u l-involviment tas-setturi rilevanti kollha. Dan għandu jkun evidenti permezz tal-ħolqien ta’ netwerks fuq livell Ewropew bil-parteċipazzjoni ta’ diversi partijiet interessati sabiex jitlaqqgħu konstitwenzi differenti.

3. Għandha tingħata prijorità għolja għall-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi fuq livell politiku u operazzjonali, kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha, partikolarment fir-rigward tal-identifikazzjoni, il-lokalizzazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ immaġini ta’ abbuż illegali ta’ tfal.

4. Għandhom jiġu stabbiliti djalogu u kooperazzjoni aqwa fost id-diversi inizjattivi tal-UE li jkollhom interessi komuni jew bil-potenzjal ta’ kollaborazzjoni mal-programm Safer Internet plus sabiex jiġu identifikati oqsma ġodda ta’ sinerġija u innovazzjoni u sabiex tittejjeb l-effikaċja ta’ kull programm.

5. Is-soluzzjonijiet li jiġu adottati fil-ġejjieni għandhom ikomplu jqisu l-fatturi nazzjonali, kulturali, lingwistiċi u soċjodemografiċi, partikolarment għall-istati membri ġodda u l-pajjiżi kandidati jew li jkunu fil-proċess tal-adeżjoni, sabiex jiġi żgurat li l-interventi jkunu rilevanti u validi.

6. Il-bażi ta’ għarfien tekniku tal-Programm għandha tkompli tissaħħaħ sabiex jinżamm livell għoli ta’ għarfien u kredibbiltà.

7. Il-Programm x’aktarx li jibbenifika minn “marka” aktar konsistenti u mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll tal-kwalità għall-websites interni u partner websites u riżorsi oħra. L-istampa u l-mezzi tax-xandir madwar l-Ewropa għandhom jintużaw b'mod aktar proattiv.

8. Jistgħu jsiru attivitajiet li jżidu l-għarfien f’żewġ oqsma prinċipali: attivitajiet problematiċi, riskjużi u kriminali li jsiru online mit-tfal u ż-żgħażagħ infushom; ir-raġunijiet li wasslu għat-tendenzi identifikati mill-INHOPE fir-rigward tal-kontenut illegali.

9. Ir-rwoli taż-żewġ netwerks (INHOPE u INSAFE) għandhom jerġgħu jiġu analizzati sabiex jiġi żgurat li joffru l-aktar mekkaniżmu xieraq għall-koordinament tal-ħidma tal-punti nazzjonali ta’ konġunzjoni. Għandha titqies ukoll il-kwistjoni jekk iż-żewġ netwerks għandhomx jingħaqdu flimkien sabiex jirriflettu l-importanza li jiġu kkombinati l-attivitajiet ta’ hotline, ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ helpline u sabiex l-espansjoni ppjanata tal-ambitu tal-programm biex tinkludi l-bullying u l-grooming fuq l-internet tiġi ttrattata b’mod xieraq.

10. Għandha tingħata prijorità għolja biex tiżdied il-viżibbiltà tal-hotlines, li l-għarfien tagħhom fost il-pubbliku għadu baxx wisq. Jeħtieġ ukoll li l-viżibbiltà tal-helplines tingħata l-attenzjoni sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikollhom punti ta’ konġunzjoni xierqa, u biex il-ħidma tal-hotlines tiġi kkomplimentata billi jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ natura usa’.

11. Il-Programm jista’ jistabbilixxi kooperazzjoni aktar attiva mal-industrija. Għandha tingħata prijorità biex jiġi stabbilit kodiċi komuni ta’ prattika fost il-Fornituri tas-Servizzi tal-Internet madwar l-Ewropa kollha, fuq il-linji tal-Ftehim Qafas iffirmat mill-operaturi ta’ netwerks mobbli.

5. KUMMENTI U KONKLUŻJONIJIET TAL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni tqis bis-sħiħ is-sejbiet tal-evalwazzjoni finali tal-programm u se tqis ir-rakkomandazzjonijiet meta timplimenta l-programm ta’ segwitu. Il-progress li diġà sar fl-oqsma msemmija mir-rakkomandazzjonijiet se jissaħħaħ.

Fid-dawl tar-reazzjonijiet tagħha għar-rapport tal-esperti li wettqu l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni biex:

12. Jieħdu nota li l-programm ġie implimentat b’suċċess;

13. Jgħinu lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha li żżid il-viżibbiltà tal-programm Safer Internet u li tistimola djalogu kontinwu dwar kwistjonijiet marbuta ma’ Internet aktar sikur.

[1] Id-Deċiżjoni Nru 854/2005/KE tal-11 ta’ Mejju 2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ippubblikata fil-ĠU L 149, 11.6.2005, p. 1.

[2] Sa tmiem is-sena 2008, jekk jitqiesu l-proġetti li qed jiġu nnegozjati, se jkun hemm 27 punt ta’ konġunzjoni f’25 Stat Membru u fl-Iżlanda u n-Norveġja, kif ukoll 21 helpline u 24 hotline.

[3] Lista sħiħa tal-proġetti kkofinanzjati mill-programm tinsab fuq http://ec.euroapa.eu/saferinternet

[4] L-esperti ġew maħtura abbażi ta’ sejħa għall-offerti mnedija fir-rebbiegħa tal-2008.

[5] DĠ INFSO l-Unitajiet C3 u E6