52009DC0044

Green Paper - TEN-T: Eżami tal-politika - Lejn netwerk transewropew integrat aħjar għad-dispożizzjoni tal-politika komuni tat-trasport /* KUMM/2009/0044 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 4.2.2009

KUMM(2009) 44 finali

GREEN PAPER

TEN-T: Eżami tal-politika LEJN NETWERK TRANSEWROPEW INTEGRAT AĦJAR GĦAD-DISPOŻIZZJONI TAL-POLITIKA KOMUNI TAT-TRASPORT

GREEN PAPER

TEN-T: Eżami tal-politika LEJN NETWERK TRANSEWROPEW INTEGRAT AĦJAR GĦAD-DISPOŻIZZJONI TAL-POLITIKA KOMUNI TAT-TRASPORT

WERREJ

1. Daħla 2

2. Is-sisien li fuqhom għandha sserraħ il-politika futura tat-TEN-T 3

3. Il-kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp ulterjuri tat-TEN-T 8

4. L-għazliet possibbli għall-iżvilupp ulterjuri tat-TEN-T 17

5. Tagħrif għal dawk li jirreaġixxu għall-Green Paper 17

1. DAħLA

Il-politika tan-netwerk Trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) għandha l-għan li tipprovdi l-infrastruttura meħtieġa biex is-suq intern jaħdem sew u biex jintlaħqu l-miri tal-Aġenda ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi. Għandha wkoll l-għan li tgħin biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà u tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali u territorjali. Issostni d-dritt li kull ċittadin tal-UE għandu biex jiċċaqlaq liberament fit-territorju tal-Istati Membri. Barra minn hekk, tintegra r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali bil-ħsieb li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli.

L-400 biljun EUR investiti s'issa fin-netwerk li ġie stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-1996, u l-aħħar emendata fl-2004[1], għenu biex jitlestew għadd kbir ta' proġetti ta' interess komuni, jingħaqqdu bejniethom netwerks nazzjonali u jingħelbu ostakli teknoloġiċi bejn il-fruntieri nazzjonali. Għad baqa' madankollu ħafna x'isir biex jiġi implimentat bis-sħiħ il-pjan inizjali – kemm minħabba n-natura tal-proġetti, li minnha nfisha tieħu fit-tul kif ukoll id-dewmien konsiderevoli fit-tlestija ta' ħafna proġetti.

Kważi terz tal-ammont investit s'issa ġie minn sorsi Komunitarji[2]. Iċ-ċittadin individwali Ewropew madankollu mhux dejjem jista' jara faċilment ir-riżultati tal-politika ġenerali tat-TEN-T jew il-valur miżjud Ewropew iġġenerat mill-kontribuzzjonijiet mill-Komunità. Il--miri kienu x'aktarx wesgħin u kien impossibbli li jintlaħqu kollha bis-sħiħ bl-istrumenti disponibbli. F'ċerti aspetti lanqas ma kienu speċifiċi biżżejjed u b'hekk kien diffiċli biex l-azzjoni tkun ikkonċentrata u jinħolqu impatti effikaċi u riżultati viżibbli. Il-Kummissjoni għalhekk temmen li mhuwiex biss il-waqt li tistaqsi għalfejn il-miri ntlaħqu biss parzjalment imma wkoll jekk dawn il-miri għadhomx suffiċjenti biex jindirizzaw bil-quddiem il-problemi tal-futur, u x'mezzi huma meħtieġa sabiex jintlaħqu bis-sħiħ il-miri tal-ġejjieni tal-politika tat-TEN-T.

Filwaqt li l-politika tat-trasport timmira biex tippromwovi servizzi tat-trasport li jkunu ekonomikament u ambjentalment effikaċi, sikuri u żguri fi ħdan is-suq intern u lil hinn, il-politika tat-TEN-T teħtieġ tiżgura li dawn jaħdmu bl-aħjar mod, abbażi ta' infrastruttura integrata u innovattiva li żżomm il-pass mal-iżviluppi teknologiċi fis-setturi tal-enerġija, l-infrastruttura u l-vetturi[3]. Għandha tirrifletti, aktar milli għamlet s'issa, għanijiet Ewropej stabbiliti - mhux biss fis-settur tat-trasport imma ukoll fil-kuntest politiku usa', soċjoekonomiku, ambjentali u istituzzjonali.

Barra milli ssaħħaħ ir-rwol tat-TEN-T fi ħdan l-Aġenda ta' Liżbona, ir-rwol dinji dejjem jikber tal-Ewropa jeżiġi li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-iżvilupp tal-politika futura tat-TEN-T. It-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa u l-ħolqien tal-impjiegi jiddependi wkoll mill-kompetittività internazzjonali tagħha, li jeħtiġilha tkun sostnuta minn konnessjonijiet tajba tat-trasport ma' żoni oħra fid-dinja. Konnessjonijiet tajba mal-ġirien immedjati kollha tal-Ewropa, fosthom l-Afrika, barra minn hekk huma vitali mil-lat ekonomiku, politiku u ta' sigurtà.

L-ewwel u qabel kollox, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima teżiġi miżuri fuq livell Ewropew sabiex jissaħħaħ ir-rwol ewlieni tal-Ewropa fid-dinja. It-trasport u l-infrastruttura tat-trasport huma oqsma li joffru potenzjal konsiderevoli għall-kontribuzzjonijiet pożittivi. Il-miri tat-tibdil fil-klima għandhom jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-politika futura tat-TEN-T u jiġu riflessi f'approċċ verament Ewropew. Permezz ta' proċess li jintegra l-miri ekonomiċi u ambjentali, huwa ċarament orjentat lejn il-ħtiġijiet għal servizzi effikaċi għall-merkanzija u għall-passiġġieri buq bażi komodali u jinvolvi l-innovazzjoni, il-politika futura tat-TEN-T għandha tipprovdi bażi soda għal kontribut effikaċi lejn il-miri tal-Komunità għat-tibdil fil-klima.

Dan kollu jiġġustifika t-twettiq ta' eżami fundamentali tal-politika tat-TEN-T minflok eżami sempliċi u possibbilment aġġornar tal-pjanijiet ġenerali tal-proġetti prijoritarji. Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza li kisbet u r-riżultati milħuqa s'issa, l-approċċ tal-politika jeħtieġlu l-ewwel jiġi eżaminat sew. Minħabba l-ambitu tal-biċċa xogħol - f'termini politiċi, soċjoekonomiċi, ambjentali, istituzzjonali, ġeografiċi u tekniċi – il-Kummissjoni qed tfittex li tinvolvi kemm jista' jkun partijiet interessati minn oqsma differenti possibbli, sabiex tiżgura li l-għarfien, l-esperjenza u l-opinjonijiet esperti jitqiesu bis-sħiħ. Għalhekk il-Kummissjoni qed tibda l-proċess ta' eżami tat-TEN-T bi Green Paper, li tagħti fil-qosor ir-riflessjonijiet attwali tagħha u tistieden kontributi, qabel ma toħroġ bi proposti leġislattivi possibbli jew proposti oħra.

2. Is-sisien li fuqhom għandha sserraħ il-politika futura tat-TEN-T

- It-Trattat KE

L-Artikoli 154 – 156 tat-Trattat KE jiddefinixxu l-politika tan-Netwerks Trans-Ewropej u l-kontribut tagħha biex jintlaħqu l-miri tas-suq intern, il-koeżjoni soċjali u ekonomika għall-benefiċċju taċ-ċittadini, l-operaturi ekonomiċi u l-komunitajiet reġjonali u lokali kollha tagħha, fost l-oħrajn billi timmira l-azzjoni Komunitarja sabiex tippromwovi l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks nazzjonali u l-aċċess għal dawn in-netwerks. Barra minn hekk, l-iżvilupp sostennibbli għandu jiġi integrat fil-politika. Il-linji gwida tat-TEN-T ġew sussegwentement żviluppati sabiex jgħinu fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistipulaw li għandhom jidentifikaw proġetti ta' interess komuni u li l-Komunità tista' ssostni proġetti ta' interess komuni sostnuti mill-Istati Membri. Sabiex tiffaċilita aktar l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista' wkoll tieħu inizjattivi biex tippromwovi l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri.

- Dettalji

Il-Linji Gwida tat-TEN-T jipprevedu l-istabbiliment ta' netwerk wieħed multimodali bħala l-għan politiku aħħari, li jkopri kemm l-istrutturi tradizzjonali fuq l-art kif ukoll it-tagħmir (fosthom is-sistemi intelliġenti tat-trasport [SIT]) sabiex jippermetti traffiku sikur u effikaċi. Qed tinvolvi wkoll dejjem iżjed, l-użu ta' sistemi innovattivi li mhux biss jippromettu benefiċċji għat-trasport imma għandhom ukoll potenzjal sostanzjali għall-innovazzjoni industrijali.

Proġetti ta' interess komuni fi ħdan it-TEN-T huma konsiderevolment differenti minn xulxin f'ħafna aspetti: il-proċessi ta' pjanar, il-firxa ġeografika u l-ispiża, il-perjodi ta' implimentazzjoni u t-tul tal-ħajja, kif ukoll l-investiment, l-implimentazzjoni u l-istrutturi operattivi. Il-politika tat-TEN-T taħseb għal firxa wiesgħa ta' approċċi fejn l-Istati Membri għandhom rwol ewlieni fil-forniment tal-infrastruttura tradizzjonali u jaħdmu flimkien mas-settur privat. In-natura tan-netwerk innifsu għalhekk tpoġġi responsabbiltà partikolari fuq l-atturi kollha involuti biex jaqsmu l-istess għanijiet u jagħmlu l-partijiet rispettivi tagħhom biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

- Riżultati tal-imgħoddi

Bidliet pożittivi li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-politika tat-TEN-T diġà jidhru. Netwerks nazzjonali tal-ferrovija u tat-toroq ingħaqdu f'ħafna postijiet u l-linji ferrovjarji transkonfinali qed jibdew isiru interoperabbli. Il-finanzjament Komunitarju kkonċentra fuq proġetti ewlenin tal-ferrovija b'veloċità għolja, li taw bidu għal ġenerazzjoni ġdida ta' traffiku tal-passiġġieri li jista' jikkompeti b'suċċess mal-ajru u mal-karozzi privati. Il-finanzi ġew allokati, skont il-Fond ta' Koeżjoni, għal proġetti ewlenin li jgħaqqdu pajjiżi u reġjuni b'livelli differenti ta' żvilupp u b'hekk jgħinu biex jitnaqqsu d-differenzi. Kellha effett katalittiku sinifikanti u ppermettiet li jitwettqu xi wħud mill-aktar proġetti ambizzjużi u kumplessi (fuq il-livell ġeoloġiku, tekniku, finanzjarju, legali/amministrattiv). Ħeġġet skemi pilota għal soluzzjonijiet ta' sħubija pubblika-privata, li bis-saħħa tagħhom inkisbet esperjenza dwar il-finanzjament u l-ġestjoni tal-proġetti.

Il-politika tat-TEN-T stimulat ukoll l-iżvilupp tas-sistemi intelliġenti tat-trasport. Barra minn Galileo, fl-oqsma tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru u fuq l-ilma, dan is-settur għamel progess sinifikanti permezz ta' proġetti sostnuti mit-TEN-T fl-livell Ewropew jew ewroreġjonali, li ħafna minnhom kieku ma kinux jiġu implimentati jew varati.

Il-politika tat-TEN-T bdiet tirrispondi għal kwistjonijiet fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija, fejn it-tkabbir mistenni (żieda ta' 34 % bejn l-2005 u l-2020) jenfasizza l-importanza li jiġu introdotti soluzzjonijiet realment komodali biex jingħelbu l-problemi bħalma huma l-konġestjoni, iż-żieda tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, u l-vojt infrastrutturali u organizzazzjonali. Il-kunċett tal-awtostradi tal-baħar – ta’ natura tabilħaqq multimodali – jistħoqqlu wisq aktar attenzjoni fl-iżvilupp ulterjuri tat-TEN-T. Iħeġġeġ trasport "aktar nadif" tal-merkanzija fuq bażi komodali, li jgħaqqad ukoll l-UE mad-dinja esterna.

- Valutazzjoni tal-vantaġġi d-dgћufijiet

Ippjanar tan-netwerk

L-ewwel u qabel kollox, il-Linji Gwida tat-TEN-T huma l-istrument Komunitarju għad-definizzjoni tal-politika u l-ippjanar tan-netwerk. Il-proġetti ta' interess komuni identifikati f'dawn il-Linji Gwida jistgħu jiġu definiti permezz ta' fejn jinsabu fil-pjan ġenerali u/jew permezz tal-karatteristiċi tagħhom.

Il-Linji Gwida, kif adottati fl-1996 u emendati l-aħħar fl-2004, jinkludu żewġ livelli ta' pjanar: livell komprensiv tan-netwerk (pjanijiet ġenerali għan-netwerks tal-ferrovija, ilmijiet interni navigabbli, trasport imħallat, ajruporti u portijiet) u tieni livell ta' 30 proġett prijoritarju – jiġifieri proġetti magħżula ta' interess komuni.

In- netwerk komprensiv jiġbor b'kollox: 95 700 km ta' konnessjonijiet ta' toroq, 106 000 km ta' konnessjonijiet tal-ferrovija (fosthom 32 000 km ta' konnessjonijiet b'veloċità għolja), 13 000 km ta' mogħdijiet ta' ilmijiet interni navigabbli, 411-il ajruport u 404 port tal-baħar. Il-biċċa l-kbira minn dawn il-konnessjonijiet u intersezzjonijiet diġà jeżistu. Madankollu, kważi 20 000 km ta' konnessjonijiet tat-toroq, aktar minn 20 000 km ta' konnessjonijiet tal-ferrovija (kważi kollha ta' veloċità għolja) u 600 km ta' konnessjonijiet bejn ilmijiet interni naviggabbli għadhom iridu jinbnew jew jittejbu sostanzjalment – bi spiża stimata ta' EUR 500 biljun skont l-istimi reċenti tal-Istati Membri[4].

L-"ippjanar" ta' dan in-netwerk Komunitarja essenzjalment fisser it-tgħaqqid flimkien ta' partijiet sinifikanti ta' netwerks nazzjonali tal-modi differenti u t-tgħaqqid tagħhom fil-fruntieri nazzjonali. Filwaqt li kien ċertament adattat fl-bidu tal-politika tat-TEN-T, l-adegwatezza ta' dan l-approċċ iddgħajfet dejjem aktar ma' kull tkabbir. L-ippjanar tan-netwerk tat-TEN-T ma kienx immotivat minn għanijiet ġenwinament Ewropej li jiżguraw is-sinerġija. Irrispettivament mir-responsabbiltà sovrana tal-Istati Membri fil-qasam tal-ippjanar tal-infrastruttura u l-implimentazzjoni fit-territorji tagħhom, il-kwistjoni dwar kif l-ippjanar nazzjonali jista' jingħaqad f'livell Ewropew ta' pjanar li jqis l-għanijiet lil hinn mill-perspettivi individwali ta' kull Stat Membru qed issir aktar u aktar rilevanti hekk kif l-UE qed tespandi u n-netwerks qed isiru dejjem aktar kumplessi.

Fil-parti l-kbira, il- proġetti prijoritarji tat-TEN-T ikopru l-assi ewlenin tal-ferrovija, it-toroq u l-ilmijiet interni navigabbli ta' diversi Stati Membri. Magħżula fl-2004 minħabba r-rilevanza kbira tagħhom għall-fluss tat-traffiku transnazzjonali, il-miri ta' koeżjoni u l-iżvilupp sostenibbli, twettqitilhom evalwazzjoni soċjoekonomika komuni. Madankollu, għadhom iqumu dubji, pereżempju, dwar l-adegwatezza metodoloġika tal-għażla tagħhom, il-potenzjal għall-interkonnessjoni u l-firxa (kemm ġeografikament u modalment), l-approċċ lejn il-kapaċità koerenti u l-istandards ta' kwalità, u l-mezzi biex tiġi stimulata aħjar it-tlestija tagħhom fi ħdan il-qafas ta' żmien ippjanat.

Barra milli jiddefinixxu l-proġetti ta' interess komuni permezz ta' fejn jinsabu fil-pjanijiet ġenerali u l-inklużjoni fil-lista tal-proġetti prijoritarji, il-Linji Gwida jistipulaw "karatteristiċi" u għanijiet u kriterji speċifiċi sabiex jiġu identifikati l-proġetti ta' interess komuni. Fil-qasam tas-sistemi intelliġenti tat-trasport, dan it-tip ta' approċċ konċettwali sawwar is-sisien għad-definizzjoni tal-proġetti ta' interess komuni.

Implimentazzjoni tan-netwerk

Il-Linji Gwida tat-TEN-T huma marbuta mal-istrumenti li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-proġetti identifikati bħala ta' interess komuni. Dawn huma a) għadd ta' strumenti finanzjarji msejsa fuq il-leġiżlazzjoni rilevanti, fosthom ir-Regolament Finanzjarju dwar it-TEN[5] u l-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEIR) u s-self mill-Bank Ewropew tal-Investiment, u l-istrumenti mhux finanzjarji, bħalma huma l-inizjattivi ta' koordinazzjoni li tieħu l-Kummissjoni.

S'issa l-istrumenti disponibbli ma kinux biżżejjed biex iwasslu għat-tlestija sħiħa tal-proġetti ta' interess komuni fil-qafas ta' żmien miftiehem fil-Linji Gwida. Dan huwa partikolarment veru għan-netwerk komprensiv. Ir-responsabbiltà għat-tlestija tal-għadd kbir ta' proġetti involuti hija kważi kollha tal-Istati Membri, li d-deċiżjonijiet tagħhom ta' kif jinvestu huma mmotivati minn għanijiet nazzjonali. Il-finanzjament Komunitarju skont il-Fond ta' Koeżjoni sostna l-implimentazzjoni tal-proġetti fl-Istati Membri eleġibbli u għalhekk ikkontribwixxa wkoll fil-funzjoni ta' aċċess (fosthom aċċess għar-reġjuni ultraperiferiċi); Il-finanzjament tat-TEN-T irnexxilu biss jindirizza parti mill-miri politiċi. Kollox ma' kollox, ir-risorżi Komunitarji li ntefqu sa issa bil-kemm ippermettew liċ-ċittadini li "jinnutaw id-differenza" – il-valur miżjud Ewropew – tal-azzjoni Komunitarja b'rabta mat-TEN-T komprensiv b’mod ġenerali. L-isforzi fl-investiment mill-Istati Membri fit-territorji rispettivi tagħhom jitqiesu fil-biċċa l-kbira bħala investimenti nazzjonali aktar milli kontribuzzjonijiet lejn mira Komunitarja.

Is-sitwazzjoni tal-proġetti prijoritarji, li kienu fiċ-ċentru tal-isforzi Komunitarji, kienet differenti - kemm finanzjarjament kif ukoll fejn tidħol il-koordinazzjoni. Għalkemm ir-risorzi finanzjarji Komunitarji disponibbli għadhom mhumiex biżżejjed biex jitlaħqu l-ħtiġijiet kollha ta' dawn il-proġetti, l-azzjoni - immirata lejn miri aktar limitati u maqbula b'mod komuni – kienet ħafna aktar effikaċi u viżibbli. It-tlestija fil-ġejjieni dejjem eqreb ta' xi wħud minn dawn il-proġetti tipprovdi eżempju konkret tal-benefiċċji potenzjali tal-miri tal-politika tat-TEN-T stipulati fit-Trattat. Proġett prijoritarju ewlieni tat-TEN-T bħalma hi l-linja ferrovjarja ta' veloċità għolja li tgħaqqad Pariġi, Brussell, Köln/Frankfurt, Amsterdam u Londra mhux biss għaqqad in-netwerks nazzjonali u mmarka kisba ta' ġenerazzjoni ġdida ta' traffiku ferrovjarju transkonfinali, iżda ppermetta wkoll liċ-ċittadini u n-negozjanti li jivjaġġaw li jesperjenzaw il-benefiċċji tal-moviment ħieles fl-Ewropa.

Il-proġett prijoritarju tal-Awtostradi tal-Baħar (li jkopri l-infrastruttura, il-faċilitajiet, il-proċeduri, it-teknoloġiji u s-servizzi) għandu l-għan li jrawwem servizzi multimodali integrati ta' kwalità u kapaċità avvanzata minn bieb sa ieħor, b'parti mill-vjaġġ bil-baħar. Huwa definit fil-Linji Gwida tat-TEN-T permezz ta' approċċ konċettwali li jistipula l-miri u l-proċeduri għall-identifikazzjoni tal-proġetti ta' interess komuni. Dan għen lill-Kummissjoni tiżviluppa applikazzjoni prattika ta' soluzzjoni komodali tat-trasport bl-għan li tittejjeb l-aċċessibbiltà u jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport tal-merkanzija bit-triq. Diversi strumenti Komunitarji u nazzjonali huma disponibbli, fosthom il-bagit tat-TEN-T, li prinċipalment jindirizza l-infrastruttura u l-istrutturi kbar fil-portijiet u l-konnessjonijiet fuq l-art. Il-kumplessità tal-proċeduri biex jinkiseb sostenn finanzjarju pubbliku u n-nuqqas ta' miri u kriterji ċari madankollu s'issa ostakolaw kwalunkwe implimentazzjoni wiesgħa tal-kunċett.

Fir-rigward tas-sistemi intelliġenti tat-trasport, il-politika tat-TEN-T għenet partikolarment biex jitħejjew Galileo u r-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru tas-Sema Uniku Ewropew (SESAR) – proġetti ewlenin Ewropej li, la darba jitħaddmu mistennija jużaw l-infrastruttura tat-trasport b'mod ħafna aktar effikaċi. Fit-trasport bit-triq, bil-ferrovija u bl-ajru, bħal fis-Servizzi tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Bastimenti u t-Tagħrif dwar ix-Xmajjar, ġew żviluppati proġetti tal-SIT b'mod flessibbli, abbażi ta' karatteristiċi stipulati fil-Linji Gwida tat-TEN-T. Dan l-approċċ konċettwali jippermetti li jiġu inkorporati żviluppi teknoloġiċi, ħtiġijiet tas-suq u inizjattivi ta' kooperazzjoni bejn is-sħab minn Stati Membri differenti u, flimkien mal-possibbiltà ta' finanzjament ta' 50 % għat-tħejjija tal-proġett, kellu impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp ta' proġetti transkonfinali li li kieku setgħu ma eżistewx. Dan it-tip ta' approċċ flessibbli għall-iżvilupp tal-proġetti, msejjes fuq miri u kriterji stabbiliti minn qabel, għandu wkoll jgħin biex jintlaħqu miri oħra tal-politika tat-trasport – il-forniment ta' servizzi tat-trasport effikaċi (kemm ekonomikament kif ukoll ambjentalment), ta’ sikurezza u sigurtà xierqa u ta' kwalità għolja.

- Domanda prevista għat-trasport

L-ippjanar tal-infrastruttura futura tat-trasport huwa marbut mill-qrib mal-previżjonijiet tad-domanda – kemm jekk fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE. Madankollu, filwaqt li għandhom l-għan li jipprovdu infrastruttura tat-trasport li twieġeb bis-sħiħ għad-domanda tal-ġejjieni, l-awtoritajiet tal-ippjanar qed jaffrontaw firxa ta' inċertezzi fir-rigward tal-fatturi li jistimulaw id-domanda, bħalma huma x-xejriet ekonomiċi u tal-popolazzjoni, il-prezzijiet tal-enerġija, l-ipprezzar tat-trasport u t-tassazzjoni, l-iżvilupp urban u l-istrutturi territorjali, bidliet fl-imġiba, u l-iżviluppi teknoloġiċi. Min-naħa tal-politka, miżuri tal-ġestjoni tad-domanda qed isiru aktar importanti u għandhom jitqiesu wkoll fl-ippjanar tal-infrastruttura. Dawn jinkludu partikolarment tariffi għall-infrastuttura, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u l-applikazzjoni tas-sistemi intelliġenti tat-trasport.

L-iżvilupp, tas-servizzi tat-trasport, orjentat lejn in-negozju f'suq intern li qed jevolvi għandu wkoll iħeġġeġ l-użu effikaċi tal-infrastruttura, u għandu impatt fuq l-iżvilupp tad-domanda. Servizzi ta' dan it-tip qed jikbru malajr billi jibnu fuq approċċ komodali li jinvolvi kemm il-koordinazzjoni effikaċi bejn naħa u oħra tal-fruntieri nazzjonali kif ukoll l-applikazzjonijiet tas-SIT. Il-politika tal-UE tat-trasport tikkonċentra fuq firxa ta' inizjattivi fil-qasam, fosthom il-Pjan ta' Azzjoni għall-Loġistika tal-Merkanzija, il-proposta għal Direttiva dwar il-Kurituri tal-Merkanzija bil-Ferrovija u l-politika ta' Sema Uniku Ewropew.

L-attivitajiet ta' negozju jistgħu jikbru fi ħdan il-qafas eżitenti tal-infrastruttura fl-immedjat, iżda hekk kif jevolvu jkun bżonn li jevolvi wkoll ir-rispons tal-politika tat-trasport, li tista' taffettwa kemm il-forniment tal-infrastuttura tat-trasport kif ukoll it-tqassim tagħha maż-żmien. Il-politika futura tat-TEN-T jeħtiġilha tkun flessibbli biżżejjed biex tgħaqqad il-politika tat-trasport u l-iżvilupp fl-infrastruttura tat-trasport fl-immedjat, fit-tul medju u twil ta' żmien.

M1 Il-valutazzjoni, li qed twettaq il-Kummissjoni, tal-iżvilupp li sar sal-lum fit-TEN-T għandha tkopri fatturi oħra?

3. Il-kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp ulterjuri tat-TEN-T

L-eżaminazzjoni tal-politika tat-TEN-T – bil-kwistjoni ċentrali ta' x'forma għandhom ikollhom in-netwerks multimodali futuri u kif għandha tiġi żgurata t-tlestija fil-ħin – teħtieġ taħlita sofistikata, fil-livelli differenti involuti, ta' approċċi tal-ippjanar, kapaċitajiet tal-implimentazzjoni u għarfien. Filwaqt li jiġu rrispettati id-drittijiet sovrani kollha tal-Istati Membri għall-proġetti li jikkonċernaw it-territorji tagħhom, il-kumplessità dejjem tikber, in-natura innovattiva u l-ambitu ġeografiku tal-ħidmiet involuti isejħu wkoll għal rwol akbar tal-Komunità.

Abbażi tal-valutazzjoni ta' hawn fuq tal-politika, għadd ta' kwistjonijiet għall-ġejjieni huma deskritti hawn taħt:

3.1 Ippjanar tan-netwerk

- Il-ġejjieni tan-netwerk komprensiv.

In-netwerk komprensiv attwali kien essenzjali biex tkun sodisfatta l-"funzjoni tal-aċċess" imsemmija fit-Trattat, u wera l-valur tiegħu bħala bażi għall-għajnuna skont il-Fond ta' Koeżjoni. Barra min dan, ħolqot bażi importanti għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-settur tat-tasrport – jiġifieri l-interoperabbiltà tal-ferroviji u s-sikurezza tal-mini tat-toroq. Id-dgħufijiet tagħha, min-naħa l-oħra, kienu d-diskrepanza bejn l-ambizzjonijiet ġenerali tal-ippjanar u l-mezzi biex tistimula u tissorvelja l-implimentazzjoni, u nuqqas ta' konċentrazzjoni minn perspettiva Ewropea.

Biex jinżamm il-livell tan-netwerk komprensiv tat-TEN-T teħtieġ eżaminazzjoni tal-metodoloġija għall-aġġornar u s-supervizzjoni tiegħu, u eżaminazzjoni tal-istrumenti meħtieġa għall-implimentazzjoni sħiħa u fil-ħin, fejn l-Istati Membri jkun ċertament jeħtiġilhom jassumu aktar responsabbiltà li torbot. L-abbandun tagħha, min-naħa l-oħra, jkun pereżempju jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali biex tiġi żgurata l-funzjoni tal-aċċess għan-netwerk.

M2 X' argumenti oħra jeżistu favur jew kontra li jinżamm in-netwerk komprensiv, u kif jistgħu jingħelbu l-iżvantaġġi rispettivi ta' kull approċċ?

- Hija possibbli l-inkorporazzjoni ta' 'netwerk prijoritarju'?

L-approċċ attwali tal-proġetti prijoritarji jirriffletti l-flussi ewlenin tat-traffiku bejn punt ta' tluq sa punt tal-wasla, mingħajr ma jqis il-kontinwità tagħhom, u għalhekk ma jirnexxilux jiskopri sew l-eżistenza ta' xi 'benefiċċji addizzjonali tan-netwerk'. Biex jagħmel hekk, u b'hekk itejjeb effikaċja tal-proġetti tat-TEN-T ta' interess Komunitarju kbir, l-approċċ attwali tal-proġetti prijoritarji jista' jevolvi f'approċċ ta' netwerk prijoritarju. Dan it-tip ta' approċċ lejn in-netwerk jippermetti wkoll inkorporazzjoni aktar sistematika tal-intersezzjonijiet (li ta' spiss huma s-sors ewlieni ta' konġestjoni u ineffiċjenzi oħra), portijiet u ajruporti bħala l-punti ta' dħul fin-netwerk u l-punti ewlenin ta' konnessjoni intermodali li jsaħħu l-integrazzjoni soda tan-netwerk. Permezz tat-tgħaqqid tal-konnessjonijiet u l-intersezzjonijiet eżistenti tal-infrastruttura ma' infrastruttura ppjanata f'netwerk uniku, il-kisbiet tal-imgħoddi tal-politika tat-TEN-T jistgħu jiġġeneraw ukoll valur addizzjonali.

Kwalunkwe approċċ lejn netwerk bħal dan għandu, bħala punt tat-tluq, jibni fuq qbil komuni dwar miri ċari u dwar metodoloġija trasparenti u oġġettiva tal-ippjanar. Dawn għandhom iqisu partikolarment il-flussi ewlenin tat-traffiku, kemm fil-Komunità kif ukoll f'partijiet oħra tad-dinja, tal-għanijiet ta' koeżjoni permezz tal-konnessjonijiet bejn ir-reġjuni b'livell ta' żvilupp u karateristiċi territorjali differenti, tal-konnessjoni ma' ċentri ta' żvilupp ekonomiku, tal-"valur tal-isforzi li diġà saru" fl-iżvilupp tat-TEN-T, il-miri ambjentali, u ta' għanijiet oħra tal-politika Komunitarja (eż. il-kompetizzjoni), tal-isforzi progressivi lejn użu aktar effiċjenti tal-infrastruttura, tad-diversità tas-sitwazzjonijiet tal-Istati Membri, u tal-qsim tar-responsabbiltà tal-ippjanar fil-livell Komunitarju u nazzjonali.

Netwerk prijoritarju ġeografikament definit għandu jiżgura l-kontinwità tal-proġetti prijoritarji attwali u jibni fuqhom fejn ġustifikat. Il-miri tat-tibdil fil-klima għandhom l-ewwel u qabel kollox jiggwidaw kwalunkwe approċċ lejn l-iżvilupp ta' netwerk prijoritarju possibbli. Dan it-tip ta’ netwerk għandu għalhekk ikun realment multimodali, jippermetti flussi kbar ta' traffiku ta' merkanzija u passiġġieri madwar l-Unjoni Ewropea bl-aktar mod effiċjenti – ekonomikament u ambjentalment – possibbli, fuq bażi komodali. Dan jirrikjedi l-aqwa interkonnessjoni tal-modi – pereżempju, permezz ta' konnessjonijiet il-ġewwa fl-art ta' portijiet marittimi u tal-ilmijiet interni navigabbli jew permezz ta' konnessjonijiet tal-ferrovija mal-ajruporti - u l-inklużjoni ta' proġetti kbar tas-sistemi intelliġenti tat-trasport. Filwaqt li tfittex li tagħmel kontribut notevoli għall-miri Komunitarji 20/20/20 tat-tibdil fil-klima, il-politika tat-TEN-T għandha wkoll tqis il-ħtieġa li tadatta għall-konsegwenzi possibli tat-tibdil fil-klima (bħal livelli jogħlew tal-ilma jew xejriet jinbidlu tas-sħana). Il-vulnerabbiltà tat-TEN-T għat-tibdil fil-klima u l-miżuri potenzjali ta' adattament għandhom għalhekk jiġu vvalutati, u għandha tingħata attenzjoni lill-kwistjoni ta' kif l-infrastruttura ġdida tista' tkun "tirreżisti għall-klima". Barra minn dan, sabiex jiġu vvalutati bis-sħiħ l-impatti ambjentali tat-TEN-T, għandhom jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stipulati fil-Protokol tal-UNECE dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika għall-Konvenzjoni tal-ESPOO.

Dan in-netwerk prijoritarju għandu jkun distint minħabba l-interoperabbiltà sħiħa (jiġifieri l-implimentazzjoni tal-Ġestjoni Ewropea tat-Traffiku tal-Ferroviji u l-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi l-oħra kollha fis-settur tal-ferroviji; l-implimentazzjoni tal-politika tas-Sema Uniku u l-Pjan Regolatorju tal-ATM; l-interoperabbiltà fis-setturi l-oħra tas-setturi tas-SIT) u, aktar minhekk, timmira lejn standards miftehma tal-kapaċità għall-komponenti involuti kollha fl-infrastruttura. (Attwalment, il-Linji Gwida tat-TEN-T jinkludi biss standards fil-mira għas-settur tal-ilmijiet navigabbli interni.) Azzjoni oħra Komunitarja li hija marbuta mill-qrib mad-disinn tal-infrastruttura – bħall-introduzzjoni possibbli ta' vetturi tat-triq akbar u itqal jew awtostradi intelliġenti – għandhom jitqiesu wkoll.

Netwerk prijoritarju għandu jġib il-kisbiet tal-imgħoddi u l-isfidi attwali u tal-ġejjieni tal-politika tat-TEN-T eqreb ta' xulxin. Fi ħdan dan il-qafas, l-UE tista' tissemplifika l-identifikazzjoni tal-proġetti ta' interess komuni u tagħżel b’mod aktar oġġettiv is-sostenn tagħha għalihom permezz tal-istrumenti Komunitarji, sakemm il-proġetti jiġu evalwati b'mod armonizzat. Tkun, wara kollox, qed tgħaqqad miżuri infrastrutturali ta' skali differenti – minn proġetti kbar u li jieħdu fit-tul għal proġetti li jiġu implimentati fi żmien iqsar u għalhekk isaħħu l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-azzjoni Komunitarja.

M3 Dan it-tip ta' approċċ lejn netwerk prijoritarju jkun aħjar mill-approċċ attwali ta' proġetti prijoritarji? Jekk le, għalfejn le u x'inhuma l-vantaġġi partikolari tal-aħħar wieħed? Jekk hu hekk x'benefiċċji (ulterjuri) iġib miegħu, u kif għandu jiġi żviluppat?

- "Pilastru konċettwali"

L-approċċ konċettwali tat-TEN-T jista' jitwessa' konsiderevolment sabiex jindirizza l-ħtiġijiet għall-infrastruttura li jirriżultaw mill-miżuri orjentati lejn in-negozju f'setturi differenti tas-servizzi tat-tarsport. Miri u kriterji tal-politika marbuta mas-setturi, kif stipulati fil-Linji Gwida tat-TEN-T, jistgħu jiggwidaw lill-operaturi fl-iżvilupp ta' proġetti ta' interess komuni. Bl-għan prinċipali li jkun ottimizzat l-użu tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura eżistenti, għall-ewwel dan l-approċċ jista’ jirrifletti l-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-infrastruttura, flimkien ma' domanda dejjem tikber, fit-tul taż-żmien. Jista' wkoll jintroduċi aktar flessibbiltà fil-kunċett ta' proġetti ta' interess komuni, b'hekk jippermetti rispons għall-iżviluppi fis-suq li bħalissa huma diffiċli li jiġu previsti. Jistabbilixxi rabta diretta partikolarment bejn il-miri tal-politika Komunitarja tat-trasport (bħall-promozzjoni tat-trasport sostennibbli tal-merkanzija permezz ta' diversi azzjonijiet leġiżlattivi u politiċi, trasport tal-ajru effikaċi u sostennibbli permezz tal-politika tas-Sema Uniku u s-SESAR) u l-politika tiegħu tal-infrastruttura u b'hekk jidderiġi t-TEN-T lejn l-għan prinċipali tiegħu li sservi ta' bażi għas-servizzi tat-trasport li jilħqu l-miri stabbiliti tal-Komunità.

M4 Dan it-tip ta' approċċ flessibbli biex jidentifika proġetti ta' interess komuni jkun adatt għal politika li, tradizzjonalment, isserraħ fuq id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri individwali tal-investiment fl-infrastruttura ? X'vantaġġi u żvantaġġi ulterjuri jkollu, u kif jista' jkun rifless bl-aħjar mod fl-ippjanar fil-livell Komunitarju?

- Kwistjonijiet infrastrutturali ta' rilevanza partikolari għall-iżvilupp futur tat-TEN-T

Irrispettivament mill-"forma" futura tat-TEN-T, hemm għadd ta' kwistjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu indirizzati sew fl-ippjanar futur tat-TEN-T. Dawn jinkludu, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, dan li ġej:

Ħtiġijiet differenti tat-traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija

It-traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija jippreżentaw karatteristiċi differenti. It-traffiku tal-merkanzija mistenni jikber b'rata aktar mgħaġġla mit-traffiku tal-passiġġieri, id-distanzi medji tat-trasport tal-merkanzija huma itwal minn tal-vjaġġi tal-passiġġieri u jgħaqqdu punti bejn modi u bejn distanzi twal u t-traffiku lokali jeħtieġ miżuri differenti. Problemi ta' konġestjoni f'sezzjonijiet infrastrutturali jistgħu jitolbu s-separazzjoni tal-linji tal-ferrovija tal-passiġġieri jew tal-merkanzija. Fil-portijiet u l-ajruporti, l-immaniġġjar tal-passiġġieri u tal-merkanzija jinvolvi rekwiżiti differenti tal-infrastruttura, kemm fl-intersezzjonijiet kif ukoll fl-aċċess għal dawn l-intersezzjonijiet. L-aċċess tal-merkanzija bit-trakkijiet għall-bliet jitlob li jitqiesu dejjem aktar il-kwistjonijiet tal-ippjanar ambjentali u urban. Filwaqt li kull każ individwali għandu jiġi evalwat mil-lat ekonomiku u ambjentali, tista' tqum il-kwistjoni ta' jekk, u sa kemm, approċċi separati ta' pjanar għat-traffiku tal-merkanzija u tal-passiġġieri għandhom jiġu indirizzati fi ħdan il-politika ġenerali tat-TEN-T. Fiż-żewġ każi, l-intersezzjonijiet bħala punti ta' trasferiment bejn it-traffiku minn distanzi twal u dak urban għandhom jitqiesu fil-politika futura tat-TEN-T.

Ajruporti u portijiet bħala punti li jgħaqqdu l-Ewropa mad-dinja.

L-ajruporti għandhom rwol ewlieni fit-traffiku tal-passiġġieri (partikolarment, fid-dawl tar-rwol dinji dejjem akbar tal-Ewropa) u qed isiru aktar importanti fit-trasport tal-merkanzija bħala parti mill-katina komodali u loġistika. Fis-snin li ġejjien mistennija jaffrontaw diffikultajiet sinifikanti fil-kapaċità. It-trasport bl-ajru huwa partikolarment sensittiv għall-prezz tal-fjuwil, l-iżviluppi fis-sigurtà u l-ekonomija, u t-tip u d-daqs tal-"proġetti ta' interess komuni" fi ħdan l-ajruporti jistgħu għalhekk jinbidlu.

Bħala l-oriġini u d-destinazzjoni tal-biċċa l-kbira mill-proporzjoni tal-flussi tan-negozju internazzjonali tal-Komunità u element ewlieni tal-ktajjen tal-loġistika tal-merkanzija, fl-aħħar tletin sena l-portijiet marittimi raw żieda konstanti fit-traffiku. L-espansjoni tal-infrastruttura tal-portijiet, fosthom il-ħolqien ta' infrastruttura kif għandha tkun tal-aċċess marittimu, tinvolvi fażijiet twal ta' tħejjija u spejjeż għolja, u għalhekk timponi problemi fuq ħafna portijiet. Nuqqas ta' konnessjonijiet fl-art, partikolarment tal-ferrovija, ġew ukoll identifikati bħala ostaklu ewlieni għall-integrazzjoni tajba tal-portijiet fil-ktajjen tal-loġistika. Problemi fil-kapaċità tal-infrastruttura f'ċerti portijiet u l-aċċess għalihom bl-art jista' jkollhom impatt fuq il-flussi tat-trasport bl-art madwar l-Ewropa, peress li, pereżempju, il-flussi 'l ġewwa tan-negozju jistgħu jikkonċentraw biss fuq ftit portijiet ewlenin. Id-distribuzzjoni tal-merkanzija minn rotot bl-art tista' mbagħad tgħarraq iżjed il-problemi tal-konġestjoni u jkollha impatt negattiv fuq l-emissjonijiet totali tat-trasport.

Trasport fuq l-ilma fl-UE

Min-naħa l-oħra, in-netwerk tal-ilmijiet interni navigabbli għandu kapaċità wiesa' mhux użata li diġà hija disponibbli jew li tista' tiġi mħaddma b'relativament ftit riżorsi finanzjarji. Tgħaqqad il-portijiet marittimi ewlenin u tgħaqqad iċ-ċentri industrijali ewlenin il-ġewwa fl-art, ta' spiss matul kurituri konġesti ħafna tat-trasport. Madankollu, użu sħiħ u effikaċi tal-ilmijiet interni navigabbli għadu ostakolat minn għadd ta' punti ta' konġestjoni u nuqqasijiet.

Fir-rigward tal-iżvilupp ulterjuri tal-awtostradi tal-baħar, dawn għandhom bżonn jiġu definiti f'termini ta' miri, ambitu u kriterji għall-appoġġ pubbliku bħall-istimulu tal-inizjattivi pubbliċi u privati. Id-"dimensjoni ekoloġika" tal-awtostradi tal-baħar għandha tiġi aċċentwata, possibbilment bħala parti mill-kunċett tal-kuritur ekoloġiku għall-merkanzija. Il-vijabbiltà ekonomika tagħhom għandha tiġi enfasizzata wkoll, u l-finanzjament permezz ta' strumenti varji għandu jiġi ssemplifikat.

Loġistika tal-merkanzija

Il-loġistika tal-merkanzija saret kruċjali sabiex il-Komunità tissodisfa b'mod sostenibbli l-ħtiġijiet tat-trasport li għandha l-ekonomija. Abbażi tal-prinċipju li kull mod jintuża skont il-vantaġġi komparabbli li għandu fi ħdan il-ktajjen effiċjenti tat-trasport komodali, għandha rwol importanti biex tgħin lill-Komunità tikseb il-miri tagħha tal-tibdil fil-klima. Issostni t-tkabbir ekonomiku filwaqt li trendi t-trasport tal-merkanzija aktar effikaċi – kemm minn perspettiva ekonomika kif ukoll ambjentali. Sabiex tippermetti lil-loġistika tal-merkanzija tuża l-potenzjal kollu tagħha, il-politika tat-TEN-T jeħtiġilha tiżgura bażi xierqa għall-infrastruttura, partikolarment f'termini ta' terminali intermodali, kapaċità portwarja tal-baħar u x-xmajjar u tal-ferrovija (fosthom l-aċċess bl-art għall-portijiet tal-baħar), żoni ta' parkeġġ għall-vetturi kummerċjali u sistemi tas-SIT kemm bħala komponenti infrastrutturali kif ukoll bħala mezzi ta' monitoraġġ u traċċar tal-merkanzija. L-iżvilupp ta' kurituri ekoloġiċi, fi ħdan il-kunċett tal-loġistika tal-merkanzija, mistenni jsaħħaħ id-dimensjonijiet ambjentali u innovattivi. Il-komodalità, madankollu, hija wkoll kwistjoni importanti għat-traffiku tal-passiġġieri, fejn għandhom jiġu żgurati flussi bla intoppi bejn il-mezzi differenti tat-trasport pubbliku (eż. ferrovija-ajru), trasport bit-triq u pubbliku u traffiku fuq distanzi twal u traffiku urban.

M5 Kif jistgħu l-aspetti differenti enfasizzati hawn fuq jitqiesu bl-aħjar mod fi ħdan il-kunċett ġenerali tal-iżvilupp futur tat-TEN-T?+ X'aspetti ulterjuri għandhom jitqiesu?

Sistemi intelliġenti tat-trasport

Is-sistemi intelliġenti tat-trasport huma applikabbli fil-modi kollha tat-trasport, peress li jgħinu biex jiġu ottimizzati l-modi individwali u jikkontribwixxu għall-konnessjonijiet bla intoppi. Is-SIT għandhom il-potenzjal ċar li jżidu l-effikaċja tal-operazzjonijiet u jtejbu s-sikurezza, is-sigurtà u l-kumdità tal-utenti – u hekk kif EGNOS fl-2009 u wara Galileo fl-2013 jibdew jaħdmu bis-sħiħ, dawn l-effetti għandhom jiżdiedu. Huma l-pont bejn it-tagħmir infrastrutturali u l-vetturi dejjem aktar intelliġenti li qed jużawħ. Imma l-aktar importanti, is-SIT huma wkoll importanti biex jintlaħqu l-miri politiċi Komunitarji għat-trasport u lil hinn, fil-qasam tas-sikurezza (utenti mgħarrfa u appoġġjati aħjar), sigurtà (traċċar, identifikazzjoni), effikaċja tal-operazzjonijiet, l-indirizzar tal-konġestjoni (ġestjoni effikaċi tad-domanda u l-bilanċ tan-netwerk intermodali permezz tal-ipprezzar, l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali) u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (effiċjenza enerġetika, sewqan ekoloġiku, kurituri ekoloġiċi u sistemi Ewropej tat-trasport komodali aktar effiċjenti u effikaċi permezz tal-merkanzija-e, tbaħħir-e). Fis-settur tal-ajru, pereżempju, approċċ tas-sistema tan-netwerk Ewropea huwa essenzjali jekk għandhom jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni effiċjenti, sikura u ambjentalment sostennibbli tat-traffiku.

Fid-dawl tal-ispiża relattivament baxxa tagħhom meta mqabbla mall-bini tat-tagħmir infrastrutturali, u l-opportunità li jitħallat u jiġi ottimizzat l-investiment mis-settur pubbliku u privat, il-benefiċċji soċjali u li d-dħul mill-investiment huma konsiderevoli – bil-kundizzjoni li l-varar jkun kkoordinat, intersettorjali u mifrux madwar l-Ewropa kollha.

M6 Kif jistgħu s-SIT, bħala parti mit-TEN-T, itejbu l-funzjonament tas-sistema tat-trasport? Kif jista' l-investiment fil-Galileo u fl-EGNOS jiġi tradott f'żidiet fl-effikaċja u l-aħjar bilanċ tad-domanda tat-trasport? Kif jistgħu s-SIT jikkontribwixxu għall-izvilupp ta' TEN-T multimodali? Kif jistgħu l-opportunitajiet eżistenti fi ħdan il-qafas tal-finanzjament tat-TEN-T jissaħħu sabiex issostnu bl-aħjar mod l-implimentazzjoni tal-pjan tal-varar Ewropew tal-ERTMS (Sistema tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju Ewropew) matul il-perjodu li jmiss tal-perspettivi finanzjarji?

- Innovazzjoni

L-infrastruttura tat-trasport, fosthom is-SIT, u is-settur tal-vetturi għandhom potenzjal konsiderevoli għall-innovazzjoni, u għalhekk il-linja tradizzjonali li tifred l-infrastruttura u l-vetturi jista' jkun li qed tiċċaqlaq. Fir-rigward tal-iżviluppi tat-TEN-T matul id-deċennji li ġejjien, iqumu kwistjonijiet dwar kif l-infrastruttura ser ikollha tadatta għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda tas-SIT u l-vetturi (eż. l-implikazzjonjiet infrastrutturali tal-vetturi intelliġenti) u x'konsegwenzi ser ikollha l-innovazzjoni fl-infrastruttura fuq il-vetturi ferrovjarji.

Forom ta' enerġija ġdida fit-trasport jistgħu faċilment ikollhom bżonn li tiġi adattata l-infrastruttura (eż. l-istazzjonijiet tal-fjuwil). L-aħħar riċerka fuq il-vetturi elettriċi u ibridi hija inkoraġġanti, minħabba l-possibbiltà li titneħħa l-problema tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi u titqiegħed fuq l-impjanti tal-enerġija, fejn tista' tiġi trattata b’mod aktar effikaċi. Fit-tul taż-żmien, it-teknoloġiji tal-idroġenu jistgħu jkunu ta' għajnuna kbira fl-avjazzjoni u tbaħħir.

Barra mill-innovazzjoni teknoloġika, l-għan li jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti tal-infrastruttura jista' wkoll jeħtieġ innovazzjoni organizzattiva.

M7 Iċ-ċaqliq tal-linji li jifirdu l-infrastruttura u l-vetturi jew bejn il-forniment tal-infrastruttura u l-mod li tintuża jitlob li jitwessa' l-kunċett ta' proġett (infrastrutturali) ta' interess komuni? Jekk iva, kif għandu jiġi ddefinit dan il-kunċett?

- "Netwerk ċentrali" tat-TEN-T?

Sabiex it-TEN-T tkun bażi effikaċi għall-miri rilevanti kollha tal-politika tat-trasport u jiġi enfasizzat il-valur miżjud bħala parti integrali tal-politika komuni tat-trasport, il-"pilastri" differenti msennija hawn fuq jistgħu jitħalltu biex jiffurmaw netwerk ċentrali tat-TEN-T. Din in-netwerk jista' jinkludi kemm netwerk prijoritarju kif ukoll pilastru konċettwali, b'hekk jirrifletti il-ħtieġa għal flessibbiltà u orjentazzjoni lejn is-suq. Jista' wkoll jevolvi matul iż-żmien, jiżgura integrazzjoni ottimali tal-infrastruttura kollha ("bażika" u intelliġenti) u interkonnesjoni bejn il-modi, u jaġixxi ta' xprun għall-innovazzjoni - kemm teknoloġika kif ukoll organizzattiva. Jista' wkoll isir il-bażi għall-varar ta' diversi approċċi innovattivi, pereżempju f'termini tal-ipprezzar tat-trasport. Netwerk ċentrali, b'miri ċari Ewropej u l-ogħla prijoritajiet fil-qasam tat-trasport u l-politiki l-oħra tal-UE (is-Suq Intern, il-Koeżjoni, l-Iżvilupp Sostennibbli/it-Tibdil fil-Klima eċċ), jista' għalhekk ikun il-parti ċentrali tal-isforzi Komunitarji marbuta mal-politika tat-TEN-T.

M8 Dan it-tip netwerk ikun "fattibbli" fil-livell Komunitarju, u x'ikunu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi? X'metodi għandhom jintużaw biex tinħoloq?

3.2. Livell ta' implimentazzjoni

Il-politika tat-TEN-T hija biss kredibbli għaċ-ċittadini Ewropej jekk l-għażliet tal-ippjanar u l-kapaċità tal-implimentazzjoni jaqblu. L-għażla tal-ippjanar magħżula u l-istrumenti għall-implimentazzjoni tagħha għandhom għalhekk ikunu jaqblu.

- Finanzjament totali tal-proġetti ta' interess komuni stabbiliti fil-pjanijiet tat-TEN-T

Minkejja l-isforzi kollha biex itejbu b'mod sinifikanti l-effiċjenza tal-użu tal-infrastruttura u r-rispons għad-domanda ikun bl-aktar mod effiċjenti u sostennibbli, il-tlestija tat-TEN-T tibqa' biċċa xogħol finanzjarja ewlenija.

Jekk in-netwerk komprensiv jinżamm, l-implikazzjonijiet finanzjarji għat-tlestija jkunu immensi. L-istrumenti finanzjarji tal-Komunità fil-forma attwali tagħhom ma rnexxilhomx iwasslu għat-tlestija sħiħa u fil-ħin tal-proġetti kollha involuti. Sabiex il-Kummissjoni tiżgura, minkejja din id-diffikultà, li d-deċiżjonijiet futuri tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar din il-kwistjoni tiġi implimentata kif għandu jkun, l-Istati Membri għandhom jiżguraw it-tlestija tal-parti ewlenija tal-proġetti kkonċernati huma stess. Minħabba d-dewmien fit-tlestija ta' dan in-netwerk fl-imgħoddi, jista' jkun li hemm bżonn ta' responsibbiltà li torbot aktar lill-Istati Membri. Il-"funzjoni tal-aċċess" tat-TEN-T, kif imsemmi fit-Trattat, tista' wkoll ikollha bżonn li taqa' taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-Istati Membri konċernati.

Il-proġetti inklużi f'netwerk ċentrali – inqas estensiv min-netwerk komprensiv u jikkonċentra fuq l-elementi ta' rilevanza kbira biex jintlaħqu l-miri tal-Politika tat-TEN-T ovvjament ikunu jiswew ħafna wkoll. Kull proġett individwali ta' interess komuni, madankollu, għandu jkun ta' appoġġ qawwi għall-għanijiet stabbiliti tal-Komunità u jgħin biex tissaħħaħ il-ġustifikazzjoni tal-istima tal-ispiza totali tal-implimentazzjoni tat-TEN-T.

L-ippjanar tat-TEN-T għandu jippermetti stimar kemm jista' jkun preċiż tal-ispiża tan-netwerk sħiħ. Il-miri tal-implimentazzjoni u l-istimi tal-ispejjeż tal-Linji Gwida tat-TEN-T, li normalment ikollhom qafas ta' żmien ta' bejn 15 u 20 sena, jistgħu jinqasmu f'perspettivi immedjati, ta’ tul medju u twil taż-żmien. Dan jista' jipprovdi bażi soda għad-diskussjonijiet dwar il-finanzjament tat-TEN-T b’mod ġenerali, fejn l-Istati Membri, l-istrumenti Komunitraji u l-Bank Ewropew tal-Investiment ikomplu jkollhom rwol ewlieni. Minħabba n-natura ta' żmien twil tal-akbar proġetti tat-TEN-T, huwa wkoll importanti li wieħed iħares lil hinn minn perjodu wieħed tal-perspettivi finanzjarji Komunitarji, sabiex jagħti lill-investituri aktar ċertezza matul il-perjodu sħiħ tal-implimentazzjoni tal-proġett.

L-implimentazzjoni tat-TEN-T sa issa kienet karaterizzata b'żieda enormi fl-ispiża. Dawn kienu kkaġunati minn kundizzjonjiet ġeografiċi diffiċli, soluzzjonijiet tekniċi diffiċli, tibdil fix-xejriet li jinfluwenzaw l-aċċettazzjoni pubblika, inċertezzi mill-bidu dwar l-istandards tal-kapaċità, il-miżuri li jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali jew il-miżuri proattivi ambjentali, id-dewmien fl-implimentazzjoni u diversi problemi oħra. Jekk l-istandards tal-kapaċità tat-TEN-T jiġu stabbiliti fil-livell tal-ippjanar, hemm mnejn jonqsu l-inċertezzi. Assistenza proattiva mill-Kummissjoni, permezz tar-rwol tagħha ta' koordinazzjoni, tista' tindirizza d-diversi problemi u tippromwovi l-aħjar prattiċi, b'hekk issaħħaħ il-ġustifikazzjoni tal-istimi u tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-proġett.

Il-firxa wiesgħa ta' tipi differenti ta' proġetti involuti fl-iżvilupp tat-TEN-T titlob soluzzjonijiet finanzjarji differenti. B'orjentazzjoni dejjem aktar lejn is-suq fis-settur tat-trasport u l-isforzi lejn l-ottimizzazzjoni tal-infrastruttura, għandu jitfaċċa għadd dejjem akbar ta' proġetti b'potenzjal ta' awtofinanzjament totali. L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja b'rabta mal-miżati għall-infrastruttura u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż għandha tagħti lill-Istati Membri possibbiltajiet addizzjonali kemm għall-ġestjoni aħjar tal-kapaċitajiet disponnibbli kif ukoll biex jiġu ottimizzati s-sistemi tat-trasport, u biex jiġu ffinanzjati infrastrutturi u teknoloġiji ġodda. Ir-rwol tas-settur privat fit-twettiq tal-proġetti għandu wkoll jiġi intensifikat fejn xieraq. L-istrumenti Komunitarji li jsostnu s-sħubija pubblika-privata għandhom jiġu żviluppati aktar fejn dan jista' jwassal għal titjib fl-effiċjenza. Iċ-Ċentru Ewropew ta' Għarfien Espert dwar is-Sħubija Pubblika-Privata li twaqqaf riċentament huwa mistenni li jkompli jgħin biex tinfirex l-esperjenza u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' skemi ta' sħubija pubblika-privata.

M9 Kif jistgħu jiġu stabbiliti l-ħtiġijiet finanzjarji tat-TEN-T kollu – fl-immedjat u fit-tul medju u twil taż-żmien? X'forma ta' finanzjament – pubbliku jew privat, Komunitarju jew nazzjonali – isservi l-aħjar l-aspetti tal-iżvilupp tat-TEN-T?

M10 X'għajnuna tista' tingħata lill-Istati Membri biex tgħinhom jiffinanzjaw u jwettqu l-proġetti taħt ir-responsabbiltà tagħhom? Għandu jiġi mħeġġeġ aktar l-involviment tas-settur privat fil-bini tal-infrastruttura? Jekk iva, kif?

- Strumenti finanzjarji Komunitarji b'sostenn għall-implimentazzjoni tat-TEN-T

Għotjiet, partikolarment skont il-linja tal-badgit u l-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali, għandhom rwol ewlieni kemm fit-tħejjija kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-proġett. Huma allokati għotjiet għall-istudji (minn studji tal-fattibbiltà għal studji tekniċi u ambjentali u esplorazzjonijiet ġeoloġiċi li jqumu ħafna), b'hekk jgħinu biex jingħelbu d-diffikultajiet tal-bidu tal-proġett, u għall-fażi tax-xogħlijiet. Kwistjoni ewlenija għall-ġejjieni marbuta mall-implimentazzjoni tal-politika tat-TEN-T hija s-simplifikazzjoni tal-allokazzjoni tal-għotjiet u biex tintrabat mal-valur miżjud Ewropew tal-proġetti biex jiġi żgurat l-aħjar valur għall-flus Komunitarji.

Il-proġetti kollha ta' interess komuni jistgħu għalhekk jiġu soġġetti għal analiżi armonizzata u rikonnoxxuta minn kulħadd tal-ispejjeż u l-benefiċċji li tistabbilixxi l-valur miżjud Ewropew. Din l-analiżi għandha tkopri kemm l-ispejjeż esterni u l-benefiċċji tan-netwerk kif ukoll ta' koeżjoni, u tqis id-differenzi ġeografiċi bejn il-benefiċċji u l-ispiża finanzjarja tal-investimenti (Stat Membru jista', pereżempju, jkun affrontat bi spejjeż partikolarment għolja għall-implimentazzjoni ta' proġett fit-territorju tiegħu, filwaqt li Stati Membri oħra jistgħu jieħdu benefiċċji sproporzjonati minn dan l-investiment). Tippermetti li l-għotjiet mill-baġit Komunitarju jiġu allokati b'mod ġust u oġġettiv, u li jiġu limitati għal proġetti b'valur miżjud Ewropew stabbilit. Barra minn dan, sabiex jinkiseb l-akbar vantaġġ mill-finanzjament Komunitraju lejn il-miri tat-TEN-T, il-ġestjoni tar-riżorsi kollha baġitarji disponnibbli (il-baġit tat-TEN-T, il-Fond ta' Koeżjoni, is-self tal-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali u tal-BEI) għandhom jiġu kkoordinati aħjar.

Barra minn dan biex tingħata l-għajnuna, l-istrumenti l-oħra bħall-Istrument tas-Self Garantit introdott fl-2007 u l-Faċilità tar-Riskju Kapitali (inizjattiva pilota għall-forniment tal-ekwità skont il-baġit tat-TEN-T) isarrfu f'modi innovattivi u promettenti għas-sostenn tal-proġetti tat-TEN-T. Id-diversifikazzjoni tal-portofoll tal-istrumenti, fi sforz biex jiżdied l-effett vantaġġuż tal-għajnuna Komunitarja, biex tiġi adattata l-għajnuna għall-ħtiġijiet partikolari ta' proġett u tippermetti l-istrutturar effikaċi tal-proġett, jistgħu jitqiesu wkoll. Strumenti innovattivi jistgħu jinkludu Ewrobonds.

M11 X'inhuma l-vantaġġi u d-dgħufijiet tal-istrumenti eżistenti Komunitraji, u hemm ħtieġa ta' oħrajn ġodda (fosthom strumenti "innovattivi")? Kif jista' l-użu flimkien ta' fondi minn riżorsi varji Komunitraji jiġu ssemplifkati biex jgħinu fl-implimentazzjoni tat-TEN-T?

- L-istrumenti mhux finanzjarji Komunitarji b'sostenn għall-implimentazjoni tat-TEN-T

Koordinazzjoni – Koordinaturi Ewropej u "koordinaturi tal-kurituri"

Il-koordinaturi Ewropej, maħtura mill-Kummissjoni biex jgħinu fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' ċerti proġetti prijoritarji, urew diversi drabi li huma effikaċi. Ir-rwol tagħhom jista' jitkabbar sabiex jgħin jistimula l-implimentazzjoni ta' aktar proġetti ewlenin tat-TEN-T (flimkien ma' finanzjament immirat sew skont l-istrumenti finanzjarji tal-UE). Sezzjonijiet transkonfinali kritiċi ċertament għandhom jibqgħu partikolarment importanti f'dan ir-rigward, b'hekk jenfasizzaw il-prospetti tal-proġett kollu.

Il-koordinazzjoni jista' jkollha rwol important fi kwalunkwe approċċ ta' netwerk ċentrali. Apparti mill-koordinazzjoni "tradizzjonali" tal-proġetti prijoritaji permezz tal-koordinaturi Erwopej, proġetti "minn isfel għal fuq" b'orjentazzjoni lejn in-negozju – bħall-merkanzija bil-ferrovija u l-Kurituri Ambjentali – huwa ċar li jitolbu wkoll koordinazzjoni transkonfinali soda. Dan it-tip ta' "approċċ ta' kuritur koordinat" ikollu bżonn jinvolvi l-partijiet interessati kollha – il-fornituri tal-infrastruttura, l-operaturi, l-utenti u l-awtoritajiet lokali u reġjonali- jekk għandhom jiġu żviluppati soluzzjonijiet li huma aċċettabbli għal kulħadd kif ukoll teknikament, ekonomikament u finanzjarjament fattibbli. Biex ikunu sostennibbli, għandhom jinkludu l-komponenti infrastrutturali rilevanti kollha (eż. fil-każ tal-kurituri tal-merkanzija bil-ferrovija: jitneħħew il-punti ta' konġestjoni, terminali intermodali, konnessjonijiet mal-portijiet, tagħmir tal-ERTMS u s-SIT). Għall-għanijiet ta' finanzjament Komunitarju, dawn il-proġetti jistgħu jiġu trattati bħala tip ġdid ta' "proġett Ewropew", li għandhom jiġu indirizzati flimkien aktar milli jirċievu għajnuna frammentata.

Approċċi ta' kuritur jistgħu jkopru kemm il-kurituri fejn l-implikazzjonijiet infrastrutturali huma relattivament żgħar, imma fejn jistgħu jinkisbu benefiċċji sinifikanti f'qasir żmien, u kurituri li jinvolvu proġetti kritiċi fit-tul żmien bħall-proġetti trans-Alpini u trans-Pirenej. Fil-każijiet tal-aħħar, l-approċċ jista’ jinvolvi soluzzjonijiet infrastrutturali intermedjarji, b'hekk jgħinu biex tittejjeb l-effikaċja tal-proġetti kollu.

Metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni

L-applikazzjoni tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK) għat-TEN-T jista' jgħin biex jiġi stabbilit qafas komuni ta' ħidma għall-Kummissjoni, l-Aġenzija Eżekuttiva tat-TEN-T u l-Istati Membri, u tipprovdi bażi komuni ta' għarfien msejsa fuq in-netwerk tat-TEN-T. Implimentat permezz tas-Sistema tal-Informatika tat-TENtec u l-portal tagħha, l-MMK jippermetti lill-gruppi ewlenin ta' utenti aċċess għad-dejta maħżuna fid-dejtabejż u għall-mapep tas-sistemi tal-informazjoni ġeografika (GIS) bid-dejta tat-TEN-T, u biex jiġu aġġornati. L-aċċess pubbliku (eż għar-rapporti u l-mapep b'informazzjoni dwar in-netwerk) jista' jkun ukoll strument ta' komunikazzjoni utli biex jipprovdi infromazzjoni dwar il-ħidma tal-Kummissjoni b'rabta mat-TEN-T. Informazzjoni iżjed sistematika u komprensiva dwar l-iżvilupp tal-politika tat-TEN-T kollox ma' kollox hija importanti biex jiżdied l-għarfien taċ-ċittadini dwar il-benefiċċji tagħha.

L-istabbiliment ta’ punti ta’ riferiment jista' jitqies bħala mezz biex l-Istati Membri jitħeġġu jinvestu fit-TEN-T. L-istabbiliment ta' standards ta' prestazzjoni, pereżempju, jista' jgħin biex jiġu ddeterminati l-kapaċitajiet għal tipi differenti ta' infrastruttura u jservi ta' sies għall-ottimizzazzjoni tal-użu tal-infrastruttura u l-identifikazzjoni tal-punti ta' konġestjoni. Diġà inkisbet esperjenza pożittiva f'dan ir-rigward fis-Settur tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru filwaqt li kien diffiċli ħafna biex tiġi identifikata l-kapaċità infrastrutturali fis-settur tal-ferrovija. L-iskambju tal-aħjar prattiċi jipprometti għadd ta' opportunitajiet għall-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġett – fil-qasam tal-ġestjoni tal-proġetti ewlenin, approċċi ta' sħubija pubblika-privata, u konsiderazzjoni tal-aspetti ambjentali fl-ippjanar infrastrutturali.

M12 Kif jistgħu jittejbu l-istrumenti mhux finanzjarji eżistenti u jistgħu jiġi introdotti oħrajn ġodda?

4. L-għazliet possibbli għall-iżvilupp ulterjuri tat-TEN-T

Mill-punti li jidhru taħt punt 3, il-Kummissjoni tqis tliet għażliet possibbli għall-iżvilupp ulterjuri tat-TEN-T:

1. Li tinżamm l-istruttura attwali ta' żewġ livelli man-netwerk komprensiv u l-proġetti prijoritarji (separati)

2. Li t-TEN-T titnaqqas għal livell wieħed (proġetti prijoritarji, possibbilment magħquda f'netwerk prijoritarju)

3. Struttura b'żewġ livelli man-netwerk komprensiv u netwerk ċentrali, b'netwerk prijoritarju - ġeografikament definit - u pilastru kunċettwali biex jgħin l-integrazzjoni tal-politiki varji tat-trasport u tal-aspetti tal-infrastruttura tat-trasport.

Tabella 1 telenka l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' dawn it-tliet għażliet.

M13 Liema minn dawn l-għażliet hija l-aktar adatta, u għalfejn?

5. Tagħrif għal dawk li jirreaġixxu għall-Green Paper

Il-konsultazzjoni dwar il-kwistjonijiet deskritti fil-Green Paper għandhom jibqgħu għaddejjin sa 30/04/2009.

Il-kontributi jistgħu jintbagħtu lil:

Commission européenne

DG Énergie et transports

RTE-T

B-1049 Bruxelles

L-indirizz elettroniku: TREN-B1-GREEN-PAPER-TEN-T@ec.europa.eu

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tanalizza r-riżultati ta' din il-konsultazzjoni u tużhom bħala element fil-ħidma tagħha fit-tfassil ta' dan il-qasam ta' politika. Jekk jogħġbok innota li l-kontributi u l-ismijiet tal-awturi jistgħu jiġu ppubblikati fuq l-internet, sakemm il-korrispondenti ma jirrifjutawx espliċitament l-kunsens tagħhom meta jibagħtu l-kontributi tagħhom.

L-għazliet strutturali għat-tfassil TEN-T

Għażla | Titlu | Deskrizzjoni | Vantaġġi/żvantaġġi mistennija li għandhom jiġu indirizzati |

(1) | Żewġ livelli: netwerk komprensiv u proġetti prijoritarji (struttura attwali) | Livell 1: Netwerk komprensiv (pjanijiet ġenerali modali u s-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku kif inklużi fil-Linji Gwida attwali tat-TEN-T) jinżamm kif inhu attwalment. Livell 2: Approċċ tal-proġetti prijoritarji jinżamm kif inhu attwalment. Ezami u reviżjoni possibbli abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida attwali tat-TEN-T, l-Artikoli 22 u 23(3): Netwerk komprensiv u proġetti prijoritarji jistgħu jiġu riveduti bħala parti mill-eżami tal-Linji Gwida abbażi ta' żewġ rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni. Proġetti prijoritarji għandhom jiġu soġġetti għal rapport dwar il-progress sal-2010; jistgħu jiġu proposti emendi fil-lista tal-proġetti jekk meħtieġ. | Benefiċċji: Livell 1: "mezz" importanti għal diversi miri tal-politika tat-trasport (l-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà, sikurezza u leġiżlazzjoni oħra) u, fil-ġejjieni, possibbilment, għal teknoloġiji ġodda, miżati għall-infrastruttura eċċ. Jiżgura wkoll il-funzjoni tal-aċċess għar-reġjuni. Livell 2: "il-parti viżibbli" tal-politika tat-TEN-T: Soġġett għall-għajnuna finanzjarja kkonċentrata Komunitarja u inizjattivi kkoordinati tal-Kummissjoni. Riżultati li jistgħu jitkejlu b'effet notabbli fuq is-suq intern, il-koeżjoni u miri sostennibbli tat-trasport. Żvantaġġi: Livell 1: ma jeżistux mezzi fil-livell Komunitarju biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u fil-ħin tal-proġetti. Livell 2: effett tan-netwerk fil-livell Ewropew mhux ottimizzat. |

(2) | Livell wieħed: proġetti prijoritarji possibbli f'forma estiża | Livell Wieħed: Proġetti prijoritarji fil-forma attwali (emendati kif meħtieġ), ikkumplimentati bil-ħtiġijiet prijoritarji infrastrutturali li jirriżultaw mir-rekwiżiti ta' servizzi varji tat-trasport. Proġetti prijoritarji jistgħu possibbilment ikunu marbuta, u emendati kif xieraq, f'netwerk prijoritarju. | Benefiċċji: Jippermetti konċentrazzjoni tal-istrumenti Komunitarji fuq l-akbar projoritajiet, joffri prospetti aħjar għat-tlestija sħiħa tan-netwerk fil-qafas ta' żmien skedat. Viżibbiltà u kredibbiltà kbira tal-politika Komunitarja. Żvantaġġi: Netwerk komprensiv b'funzjonijiet ta' politika tat-trasport u l-aċċess jgħeb bħala netwerk Komunitarja minħabba n-nuqqas ta' mezzi li jiżguraw implimentazzjoni denja. |

(3) | Żewġ livelli: Netwerk komprensiv u "netwerk ċentrali" | Livell 1: Netwerk komprensiv (pjanijiet ġenerali modali u s-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku kif inklużi fil-Linji Gwida attwali tat-TEN-T) jinżamm kif inhu attwalment. Livell 2: "Netwerk ċentrali" jikkonsisti minn: a) "pilastru ġeografiku" (definit f'termini konkreti ġeografiċi). Din tinkludi "netwerk prijoritarju" (li jibda mill-approċċ attwali ta' proġett prijoritarju) li jorbot ma' u jestendi kif meħtieġ assi ewlenin transnazzjonali, intersezzjonijiet importanti bħala punti intermodali ta' konnessjoni (portijiet, terminali tal-merkanzija, eċċ) u azzjoni Ewropea ewlenija fil-qasam tal-ITS; b) "pilastru konċettwali" li jipprovdi s-sisien għall-proġetti ta' identifikazzjoni, kurituri u partijiet tan-netwerk matul iż-żmien; msejsa fuq ħtiġijiet immedjati, fit-tul medju u twil ta' żmien tas-servizz; orjentazzjoni qawwija lejn in-negozju. Dan il-pilastru huwa definit permezz ta' elementi konċettwali bħal mhuma l-miri, il-kriterji eċċ, u jipprovdi sies għall-identifikazzjoni trasparenti u oġġettiva tal-proġetti (ukoll bħala sies possibbli għall-finanzjament Komunitarju) | Benefiċċji: Livell 1: kif stipulat fl-għażla (1). Livell 2: għandu potenzjal akbar li jikseb effetti reali tan-netwerk u sussegwentament jenfasizza l-impenn tal-Istati Membri biex ilestu dan in-netwerk. Jipprovdi wkoll sies ta' referenza għall-politiki tat-trasport, innovazzjonijiet futuri (użu effikaċi tal-infrastruttura, il-komodalità, il-loġistika, teknoloġiji ġodda, eċċ) u oġġettivi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Inġenerali: Tippermetti il-konċentrazzjoni tal-istrumenti Komunitarji (finanzjarji u ta' koordinazzjoni) fuq it-tlestija sħiħa tan-netwerk; iżżid l-effett, il-viżibbiltà u kredibbiltà tal-politika. Tistabbilixxi sisien sodi għan-negozjati fuq il-baġit Komunitarju tal-2014-2010. Żvantaġġi: Livell 1: nuqqas ta' mezzi li jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u fil-ħin, filwaqt li jiżguraw il-funzjonijiet importanti tal-politika tat-trasport u l-aċċess għan-netwerk. Livell 2: inklużjoni ta' fatturi "inċerti" fl-ippjanar tat-TEN-T, li jistgħu biss jiġu definiti permezz ta' miri u kriterji aktar milli bi proġetti konkreti. |

[1] Id-deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Linji Gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-Network tat-Trasport trans-Ewropew, kif l-aħħar emendat mid-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE tad-19 ta' April 2004

[2] Għotjiet mill-baġit tat-TEN-T, mill-Fond ta' Koeżjoni u mill-Fond Ewropew tal-Iżvilupp Reġjonali, flimkien ma' self mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

[3] Il-kelma "vettura" kif użata f'din il-ktiba tirreferi għall-mezzi tat-trasport ta' kull tip

[4] Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija u t-Trasport, TEN-T – Ir-Rapport ta' Mejju 2008 dwar l-Implimentazzjoni tal-Proġetti Prijoritarji.

[5] Ir-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija