23.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/106


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-UE, l-Afrika u ċ-Ċina: Lejn djalogu u kooperazzjoni trilaterali”

COM(2008) 654 finali

2009/C 318/21

Relatur: is-Sur JAHIER

Nhar is-17 ta’ Ottubru 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-UE, l-Afrika u ċ-Ċina: Lejn djalogu u kooperazzjoni trilaterali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Settembru 2009. Ir-relatur kien is-Sur JAHIER.

Matul l-456 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar it-30 ta’ Settembru 2009 u l-1 ta’ Ottubru 2009 (seduta tal-1 ta’ Ottubru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’145 voti favur, 1 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

F’dawn l-aħħar ħmistax il-sena, l-Afrika ingħatat aktar attenzjoni min-naħa taċ-Ċina, li saret it-tielet sieħeb kummerċjali u ekonomiku tal-kontinent grazzi għaż-żieda kostanti fin-numru tal-iskambji kummerċjali, tal-investimenti u tas-sħubijiet mibdija mal-parti l-kbira tal-pajjiżi Afrikani. Minkejja li l-Ewropa baqgħet l-ewwel sieħeb ekonomiku tal-Afrika, f’dinja multipolari fejn il-pajjiżi emerġenti qed ifittxu sabiex joħolqu bilanċ ġdid, qiegħed dejjem jonqos il-vantaġġ komparattiv tagħha. Minħabba li l-Afrika tibqa’ territorju li huwa ġeografikament viċin u għandu rabtiet magħha li ġejjin minn interessi komuni, l-interventi ta’ ekonomiji ewlenin oħrajn jobbligaw lill-Ewropa sabiex tniedi mill-ġdid ir-relazzjonijiet ta’ sħubija tagħha mal-kontinent.

1.2

Il-KESE irid juri l-apprezzament tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni li tniedi djalogu u kooperazzjoni trilaterali bejn l-Unjoni Ewropea, iċ-Ċina u l-Afrika. Għalkemm l-eżitu ta’ dan huwa inċert u problematiku, din hija prospettiva meħtieġa u inevitabbli aktar minn qatt qabel. B’mod partikulari, għandhom ikunu apprezzati kemm l-approċċ pragmatiku u progressiv, kif ukoll il-validità tal-erba’ setturi speċifiċi proposti: il-paċi u s-sigurtà, l-infrastrutturi, l-isfruttament tar-riżorsi naturali u tal-ambjent, l-agrikultura u s-sigurtà tal-ikel.

1.3

Madankollu, il-kooperazzjoni trilaterali tagħmel sens biss jekk tkun effettiva u ugwali. Il-punt tat-tluq dwar in-nuqqas ta’ simetrija fir-relazzjonijiet tal-lum għandu jittieħed bis-serjetà: iċ-Ċina hija biss pajjiż kbir li jittratta mal-pajjiżi Afrikani b’mod individwali, filwaqt li l-UE ta’ spiss issibha diffiċli li titkellem b’vuċi waħda fir-relazzjonijiet tagħha mal-kontinent. Minkejja li l-preżenza taċ-Ċiniżi fl-Afrika mhijiex nieqsa mid-dubji, ħafna gvernijiet Afrikani jippreferu s-sħubija ma’ Beijing, li tidher aktar lesta sabiex tirrispondi għat-talbiet tagħhom mingħajr ma timponi kundizzjonijiet jew piżijiet burokratiċi.

1.4

Sabiex ikun hemm kooperazzjoni effettiva, huwa neċessarju li qabel kollox ikun verifikat kemm huma interessati l-partijiet kollha involuti fl-istrateġija li qed tkun proposta, kif ukoll l-impenn konkret tagħhom fid-djalogu trijangulari. Sadanittant, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom iwettqu l-inizjattivi meħtieġa sabiex ikollhom ir-risposti adegwati għall-proposti li saru.

Aktar minn hekk, huwa meħtieġ:

li l-Unjoni Ewropea timpenja ruħha aktar sabiex tagħti karattru unitarju lill-azzjonijiet tagħha, kemm fil-qasam ekonomiku kif ukoll f’dak diplomatiku u tal-kooperazzjoni tal-iżvilupp, permezz ta’ approċċ ġeostrateġiku aktar assertiv fuq medda twila ta’ żmien, li jirrilanċja bis-saħħa l-istrateġija bejn l-UE u l-Afrika adottata reċentament f’Lisbona, kif ukoll billi żżid l-approprjazzjonijiet;

li l-gvernijiet u l-UA jagħtu aktar attenzjoni għall-benefiċċji li pajjiżhom jistgħu jieħdu fuq medda twila ta’ żmien, permezz ta’ sħubija mal-Ewropa u ċ-Ċina, billi jillimitaw l-ispazju riservat għall-vantaġġi immedjati tal-mexxejja lokali. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jkunu appoġġjati fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet rispettivi tagħhom li jfasslu u jamministraw, strateġiji tal-iżvilupp reġjonali u tal-kontinent fuq medda twila ta’ żmien;

li ċ-Ċina tkun xprunata sabiex timpenja ruħha aktar sakemm ir-riżultati ta’ din il-kooperazzjoni trilaterali, kif ukoll ta’ dik bilaterali li hi għandha mal-pajjiżi Afrikani b’mod individwali, ikunu ta’ benefiċċju għall-organizzazzjonijiet kollha u għall-popolazzjoni, u mhux biss għall-gvernijiet tagħhom.

1.5

Il-mira li t-tkabbir lokali sostenibbli jkun fiċ-ċentru tal-ħidma tfisser li jkun qed jiġi żgurat li:

jiżdied il-ħolqien tal-valur miżjud lokali;

jinbnew infrastrutturi soċjali ġodda li jagħtu kas tal-infrastrutturi eżistenti;

ikun hemm trasferiment effettiv ta’ kompetenzi u ta’ teknoloġiji;

ikun sostnut it-tkabbir tas-swieq lokali u reġjonali, tal-intrapriżi lokali u b’mod ġenerali, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol;

jingħataw sostenn il-ftehimiet bejn il-pajjiżi barranin u l-intrapriżi lokali;

ma jiżdiedx id-dejn insostenibbli fuq medda twila ta’ żmien, u jkunu msaħħa l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali.

1.6

Id-djalogu u l-kooperazzjoni ugwali jridu jiżguraw li kull parti jkollha l-libertà li tiddiskuti dawk il-punti l-aktar kontroversjali jew dawk li fuqhom hemm evalwazzjonijiet u ħsibijiet differenti. Fid-dawl ta’ dak li diġà jagħmel parti mid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Europea, il-fatt li reġgħu iddaħħlu mill-ġdid fil-proċess kwistjonijiet prinċipali bħalma huma l-gvernanza demokratika, id-drittijiet tal-bniedem u r-rwol tas-soċjetà ċivili, u li bħalissa huma neqsin mill-komunikazzjoni, jagħmilha aktar koerenti mal-istrateġija ta’ Lisbona tal-2007, kif ukoll mal-ftehim ta’ Cotonou tal-2000 li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-AKP.

1.7

Il-KESE jidhirlu li jeħtieġ tkun enfasizzata l-importanza kbira li fid-djalogu trilaterali jkunu involuti gruppi ta’ atturi mhux statali, b’mod partikulari mis-settur privat, bħal għaqdiet tal-ħaddiema, tal-bdiewa, għaqdiet tan-nisa, tal-konsumaturi eċċ. Kawża wkoll tas-suċċess tal-ftehimiet ta’ Lomé u ta’ Cotonou, ir-rwol ta’ dawn l-atturi kiber bil-bosta f’dawn l-aħħar snin. Dan iċ-ċirku virtwuż, bil-parteċipazzjoni ta’ diversi atturi mill-qasam soċjoekonomiku fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika, m’għandux ikun penalizzat jew jiġi pperikolat, iżda għandu jingħata importanza adegwata. Għaldaqstanti il-KESE jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintegra, b’mod immedjat, dan il-punt fil-proposta tagħha.

1.8

Minħabba l-vokazzjoni multilaterali tal-Ewropa, u l-interess li dejjem jikber tal-Istati Uniti tal-Amerika fir-rigward tal-Afrika, il-kooperazzjoni trilaterali bejn l-UE, iċ-Ċina u l-Afrika tista’ tinkludi wkoll l-Istati Uniti tal-Amerika sabiex ikun hemm sħubija sħiħa, effettiva u ugwali li mingħajr dubju taħdem fl-oqsma msemmija, iżda jkollha l-possibilità li tikkollabora wkoll f’oqsma oħra.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-Afrika qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Minkejja li jirrappreżenta biss 2 % tal-PGD u anqas minn 1 % tal-produzzjoni industrijali dinjija, il-kontinent qed jerġa’ jagħmel parti mid-dinja globalizzata wara għexieren ta’ snin ta’ emarġinazzjoni politika u ekonomika. L-Unjoni Ewropea għadha l-imsieħeb numru wieħed tagħha fil-qasam ekonomiku, iżda aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-Afrika qiegħda dejjem tkun segwita mill-“finanzjaturi emerġenti”: l-aktar miċ-Ċina kif ukoll mill-Indja, il-Ġappun, il-Korea t’isfel, il-pajjiżi l-kbar tal-Amerika Latina u l-istati tal-Golf. F’dawn l-aħħar snin, l-Istati Uniti tal-Amerika wkoll reġgħu bdew jagħtu l-attenzjoni lill-kontinent. Fuq kollox huma interessati li jiżguraw provvisti sikuri tal-enerġija kif ukoll li jilqgħu għat-theddida tat-terroriżmu. Minkejja li 40 % tal-popolazzjoni tagħha għadha tgħix taħt il-livell minimu tal-faqar, qed tonqos il-perċezzjoni li l-Afrika hija “kontinent iddisprat” u minflok qed tkun aktar meqjusa bħala “fruntiera ġdida” li toffri opportunitajiet ta’ żvilupp u kummerċ.

2.2

F’dawn l-aħħar għaxar snin, l-istess kontinent Afrikan irreġistra żviluppi ġodda sostanzjali fil-qasam tal-politika: it-twelid tal-Unjoni Afrikana u t-tnedija tal-pjan strateġiku tagħha għas-snin 2004–2009 kif ukoll l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ġodda sabiex tintervjeni f’oqsma marbuta mas-soluzzjoni tal-kunflitti.

2.3

It-tisħiħ tal-komunitajiet ekonomiċi regjonali; il-programmi għall-iżvilupp ekonomiku (in-NEPAD, is-sħubija l-ġdida għall-iżvilupp tal-Afrika) u tal-gvernanza (il-mekkaniżmu Afrikan dwar ir-reviżjoni ta’ esperti ugwali fil-qasam). Dawn it-tibdiliet kollha flimkien ifissru, kif ġie enfasizzat kemm-il darba mill-Kummissarju Louis Michel (1), li t-twelid mill-ġdid tal-attenzjoni internazzjonali fil-konfront tal-Afrika huwa mnebbaħ minn tliet elementi prinċipali: l-interessi ekonomiċi, dawk marbuta mas-sigurtà u l-interessi l-ġodda tal-poter kif ukoll dawk ġeostrateġiki.

2.4

Fil-livell ekonomiku, flimkien mal-kompetizzjoni għall-aċċess u l-kontroll tar-riżorsi naturali tal-kontinent, fejn fuq quddiem nett hemm dawk tal-enerġija, l-attenzjoni daret ukoll fuq il-potenzjal kbir tas-suq intern Afrikan, li f’dawn l-aħħar snin kellu rata ta’ tkabbir medja ta’ 6 %, inflazzjoni baxxa u proċess virtwuż ta’ tnaqqis konsistenti tad-dejn pubbliku.

2.5

Fiż-żewġ każi, iċ-Ċina uriet determinazzjoni kbira u kapaċità ta’ investiment strutturali fuq medda twila ta’ żmien (2), billi emendat ir-rabtiet storiċi li bdew fil-ħamsinijiet mal-pajjiżi Afrikani. Sa min-nofs tas-snin disgħin, filwaqt li kompliet tappoġġja il-kooperazzjoni tan-nofsinhar man-nofsinhar fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, iċ-Ċina tat aktar attenzjoni lill-opportunitajiet ekonomici li offriet l-Afrika filwaqt li stabbiliet relazzjonijiet ta’ ħbiberija kważi mal-pajjiżi kollha Afrikani. Id-dimensjoni kontinentali ta’ dan l-approċċ ġdid Ċiniż kien konfermat bil-ħolqien tal-forum dwar il-kooperazzjoni bejn iċ-Ċina u lAfrika (FOCAC) (3) min-naħa ta’ Beijing. Waqt is-summit tiegħu ta’ kull tliet snin (Beijing 2000, Addis Abeba 2006, Beijing 2006 u dak previst għal Diċembru 2009 ġewwa Sharm el-Sheikh fl-Eġittu) ġew stabbiliti r-ritmu u l-evoluzzjoni kontinwa tar-rabtiet bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi Afrikani. It-tiġdid tal-istrateġija Ċiniża fil-konfront tal-kontinent sar uffiċjali bil-pubblikazzjoni tal-White Paper dwar il-politika taċ-Ċina fl-Afrika f’Jannar 2006 (4).

2.6

It-tibdil sostanzjali tax-xenarju meta mqabbel mal-għexieren tas-snin ta’ qabel wassal sabiex l-UE wkoll tirrevedi l-politika tagħha fil-konfront tal-Afrika. Dan wassal sabiex f’Diċembru 2007 ġewwa Lisbona ġiet adottata strateġija komuni ġdida bejn l-Afrika u l-UE, u l-Kumitat kellu ċ-ċans jesprimi ruħu dwarha permezz ta’ opinjoni dettaljata u mirquma (5).

2.7

Filwaqt li ċ-Ċina u l-Ewropa qed jiskopru mill-ġdid l-interess fl-Afrika u d-disponibbilità li jagħmlu xi investimenti hemm, il-mod li bih dawn l-atturi importanti ser ikunu qed iwettqu l-ħidma reċiproka tagħhom fil-futur iqajjem mistoqsijiet u stennija, kemm minħabba l-prospettivi evidenti ta’ konkorrenza kif ukoll minħabba l-possibbilitajiet ta’ kooperazzjoni. Tajjeb wieħed jiftakar, li jekk f’termini assoluti l-UE u ċ-Ċina jinsabu fl-ewwel u t-tielet post rispettivament fost l-imsieħba kummerċjali u l-investituri barranin fl-Afrika, f’dawn l-aħħar għaxar snin il-piż relattiv tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Ewropa u l-Afrika naqas, filwaqt li dak bejn iċ-Ċina u l-Afrika żdied drastikament (6).

2.8

Kemm minħabba d-diskussjoni pubblika dwar l-importanza taċ-Ċina fl-Afrika kif ukoll wara li kienet xprunata mill-adozzjoni ta’ riżoluzzjoni dwar is-suġġett min-naħa tal-PE (7), f’April 2008, f’dawn l-aħħar sentejn, il-Kummissjoni Ewropea nediet riflessjoni mirquma, akkumpanjata minn inizjattivi sinifikattivi ta’ konsultazzjoni wiesgħa (8) sabiex tifhem ir-riperkussjonijiet tal-proċessi li għaddejjin filwaqt li jkunu stabbiliti l-linji li fuqhom jista’ jsir id-djalogu trilaterali bejn l-UE, iċ-Ċina u l-Afrika.

3.   Il-kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni

3.1

Il-Komunikazzjoni tipproponi li tfittex il-modi l-aktar opportuni li jiffaċilitaw il-proċess tad-djalogu u ta’ kooperazzjoni ugwali bejn l-Afrika, ċ-Ċina u l-UE. Għaldaqstant, l-għan prinċipali tal-Kummissjoni hu li tippromovi l-ftehim reċiproku u l-adozzjoni ta’ azzjonijiet komuni u koordinati fis-setturi strateġiċi, skont prijoritajiet li fuq kollox għandhom ikunu stabbiliti mill-istituzzjonijiet Afrikani.

3.2

Il-Komunikazzjoni hija mibnija fuq l-impostazzjoni pragmatika u progressiva, li tikkonċentra l-aktar fuq il-prospettiva ta’ koordinament konkret fis-setturi li huma meqjusa bħala kruċjali għall-promozzjoni tal-istabbilità u tal-iżvilupp Afrikan. Dawn huma:

Il-Paċi u s-sigurtà fl-Afrika, li tħares l-aktar lejn kollaborazzjoni aktar intensa mal-Unjoni Afrikana u maċ-Ċina fil-qafas tar-regoli tan-Nazzjonijiet Uniti, sabiex ikun sostnut l-iżvilupp tal-arkitettura Afrikana għall-paċi u s-sigurtà, filwaqt li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet tal-paċi mill-UA.

Is-Sostenn tal-infrastrutturi Afrikani, li huma s-sinsla tal-iżvilupp, l-investiment u l-kummerċ, għal interkonnettività akbar kif ukoll integrazzjoni reġjonali, b’mod partikulari fis-settur tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija.

L-Amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ambjent, li bit-tisħiħ tar-rabtiet ma’ inizjattivi bħall-EITI (Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi), il-FLEGT (pjan ta’ azzjoni għall-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ) u l-proċess Kimberley dwar it-trasparenza fl-industrija tad-djamanti, tippermetti proċessi aktar trasparenti, aktar trasferimenti teknoloġiċi u finanzjamenti sabiex ikun iffaċċjat it-tibdil fil-klima, u tiffavorixxi l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli.

L-Agrikultura u s-sigurtà fl-ikel, bil-ħsieb li jkunu msaħħa l-produttività u l-livelli tal-produzzjoni tal-agrikultura Afrikana, l-aktar permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni agrikola, il-kontrolli veterinarji u s-sigurtà fl-ikel, filwaqt li tibda tifforma parti mill-CAADP (il-Programm Komprensiv ta’ Żvilupp Agrikolu għall-Afrika).

3.3

L-intenzjonijiet tal-Kummissjoni huma li d-djalogu u l-konsultazzjoni jiżviluppaw fuq il-livelli kollha (nazzjonali, reġjonali, kontinentali kif ukoll fir-rapport bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina), sabiex il-politiki u l-implimentazzjoni tagħhom jinftiehmu aktar, fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi, u għalhekk ikunu żviluppati possibilitajiet konkreti ta’ kooperazzjoni. Fl-istess ħin, il-proċess ser iservi sabiex isaħħaħ l-effettività tal-għajnuniet, b’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi ta’ Marzu 2005 u l-konklużjonijiet tas-seminar li sar ġewwa Akkra f’Settembru 2008.

3.4

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laqa’ u approva r-rakkomandazzjonijiet prinċipali li jinsabu fil-Komunikazzjoni, filwaqt li sostna li dan id-djalogu trilaterali jista’ jgħin “sabiex jappoġġja l-isforzi tal-Afrika u tal-komunità internazzjonali għall-promozzjoni tad-demokratizzazzjoni, l-integrazzjoni politika u ekonomika, il-gvernanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (9) u jirrakkomanda li jkun hemm analiżi fil-fond tal-miżuri konkreti proposti.

3.5

Iżda l-KESE huwa mħasseb u ddiżappuntat li s’issa, kemm iċ-Ċina kif ukoll l-UA għadhom ma ħadu l-ebda pożizzjoni uffiċjali dwar id-djalogu trilaterali propost mill-UE. Fl-okkażjoni tal-aħħar summit bejn l-UE u ċ-Ċina, il-kooperazzjoni mal-Afrika ma kinetx fuq l-aġenda kif kien qed jiġi propost fil-komunikazzjoni li qed tkun analizzata (10). Għaldaqstant f’dan il-mument m’hemmx provi tanġibbli tar-rieda taċ-Ċina u l-UA li jilqgħu l-proposta tal-UE.

4.   Elementi pożittivi

4.1

Il-Komunikazzjoni fiha diversi elementi li huma apprezzati u pożittivi, b’mod partikulari:

l-approċċ lejn id-djalogu għandu xejra ta’ ħsieb ta’ skambju li jifforma parti mill-politika tar-riċerka dwar il-koordinament bejn id-donaturi u l-partijiet interessati prinċipali;

il-pragmatiżmu evidenti fl-għażla tal-erba’ setturi li żgur huma strateġiċi u li għandhom ċans kbir li jirnexxu;

in-natura progressiva tal-proposta fir-rigward tal-bini ta’ kooperazzjoni trilaterali bħal din, li tfittex sabiex tivvalorizza l-istrutturi kollha li diġà jeżistu minflok twaqqaf struttura oħra multilaterali li tkun tiswa l-flus.

4.2

Fir-rigward tat-tieni punt, m’hemmx dubju li l-erba’ setturi magħżula huma kruċjali għall-iżvilupp tal-kontinent Afrikan, kif ukoll, anke jekk għal raġunijiet oħra, għas-sistemi tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iċ-Ċina u l-Afrika u bejn l-Ewropa u l-Afrika.

4.3

Il-qawmien mill-ġdid ta’ xi kunflitti u l-vulnerabbilità tal-proċessi tal-paċi li għaddejjin bħalissa, flimkien mal-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ integraliżmu u/jew ta’ żoni fejn jistgħu jitwieldu ċelloli tat-terroriżmu, jagħmlu din il-koperazzjoni aktar rilevanti fil-qafas taż-żamma tal-paċi u s-sigurtà. Għandha tingħata attenzjoni partikulari lejn is-sostenn tal-arkitettura Afrikana għall-paċi u s-sigurtà u tal-operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi tal-UE, taħt forma ta’ bini tal-kapaċitajiet, taħriġ, sostenn loġistiku u/jew ekonomiku.

4.4

Il-kooperazzjoni bħala manteniment u promozzjoni tal-paċi u tas-sigurtà għandha taħseb għal djalogu speċifiku fir-rigward tar-regoli dwar il-forniment u l-kummerċ tal-armi, b’mod partikulari lejn gvernijiet jew gruppi armati mhux tal-istat li huma involuti f’kunflitti li għaddejjin u/jew li jikkommettu ksur gravi tad-drittijiet umani (11). B’dan il-mod, jidħol ukoll fir-rapport trilaterali bejn iċ-Ċina, l-Ewropa u l-Afrika argument li dwaru diġà għaddejja diskussjoni fin-NU.

4.5

L-aċċenn imġedded dwar l-investimenti fl-oqsma infrastrutturali, li għal żmien twil kienu minsija mill-kooperazzjoni Ewropea, u li huma wħud mir-raġunijiet prinċipali tal-approċċ Ċiniż lejn l-Afrika, huwa strateġikament rilevanti għal żewġ raġunijiet. Fuq kollox, huma meħtieġa infrastrutturi adegwati li jiggarantixxu kemm l-aċċess u t-trasport tal-materja prima jew tal-prodotti fis-swieq Afrikani, kif ukoll dawk il-forom ta’ integrazzjoni reġjonali konkreti u effettivi, fundamentali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Afrika. Aktar minn hekk, it-titjib jew il-ħolqien mill-ġdid tal-infrastrutturi huwa prijorità ċara għal ħafna gvernijiet Afrikani u ma jistax jiddependi iktar fuq il-kapaċitajiet lokali ta’ finanzjament u ta’ sostenibbilità finanzjarja biss (12).

4.6

L-importanza tas-sostenibbiltà ambjentali u tal-amministrazzjoni tar-riżorsi naturali hija ovvja, mhux biss minħabba l-ħidma internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima, iżda anke minħabba l-aspetti l-oħra kollha marbuta mal-kundizzjonijiet tal-isfruttament, tat-trasport u tal-użu tar-riżorsi naturali tal-kontinent b’mod partikulari dak tal-minjieri u tal-enerġija.

4.7

F’dawn l-aħħar snin, id-dibattitu kien l-aktar dwar il-kundizzjonijiet ambjentali u tax-xogħol fl-impjanti amministrati jew li għandhom x’jaqsmu mal-intrapriżi Ċiniżi li joperaw fl-Afrika, kif dokumentat fid-dettall minn studju tal-“African Labour Research Network” (13) Wieħed m’għandux jinsa li dan l-istess diskors jgħodd ukoll għal ħafna soċjetajiet Ewropej jew transnazzjonali. Il-problema tar-rispett tal-istandards internazzjonali, bħal dik tat-trasparenza (14) fil-konklużjoni u t-twettiq tal-kuntratti ffirmati mal-gvernijiet Afrikani, tirrigwarda liċ-Ċina, l-Ewropa u l-Afrika bl-istess mod u għaldaqstant għandha tkun parti integrali mid-djalogu trilaterali dwar l-amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u tal-ambjent, bħalma hu dak tas-sostenn għall-infrastrutturi Afrikani.

4.8

Ir-rikonoxximent tal-importanza tal-agrikultura u tas-sigurtà tal-ikel fl-aħħar reġa’ sar prijorità tad-donaturi l-kbar u fl-istrateġija komuni fil-konfront tal-kontinent Afrikan. Madankollu huwa meħtieġ li din l-attenzjoni tinbidel b’urġenza f’passi konkreti, li jkunu sostnuti fuq medda twila ta’ żmien fir-rigward tal-iżvilupp rurali sħiħ. Dan billi tkun żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tal-popolazzjonijiet rurali, l-involviment tal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa u l-ħarsien tagħhom fir-rigward tal-aċċess u l-amministrazzjoni tar-riżorsi lokali fuq medda twila ta’ żmien.

4.9

F’dan ir-rigward, tajjeb wieħed jiftakar fit-twissija li saret dan l-aħħar fis-“Summit tal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa tal-ħames reġjuni Afrikani” li kien organizzat ġewwa Ruma mill-Coldiretti, u li kien jittratta dwar iż-żieda qawwija ta’ xiri ta’ artijiet agrikoli fl-Afrika, u f’dawk il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, minn pajjiżi bħall-Korea t’isfel, iċ-Ċina, l-Emirati Għarab Magħquda, l-Arabja Sawdita u l-Ġappun. Dan sabiex jiggarantixxu l-provvisti tal-ikel u r-riżorsi għall-produzzjoni tal-bijokarburanti (15).

4.10

Il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà tal-ikel tista’ tkun użata wkoll sabiex jinbeda d-djalogu dwar temi oħra rilevanti, fosthom ir-rispett lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millenju, il-ħarsien ta’ gruppi iktar vulnerabbli u l-protezzjoni tas-saħħa. Dan l-aħħar qasam jeħtieġ li jingħata attenzjoni partikulari sabiex jinstabu strateġiji komuni fil-ġlieda kontra t-tliet pandemiji l-kbar (16) – il-malarja, l-HIV / AIDS u t-tuberkolożi – li diġà huma suġġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali f’fora multilaterali.

4.11

Fir-rigward tar-rwol tal-istituzzjonijiet Afrikani fil-proċess tad-djalogu trilaterali, iċ-ċentralità tal-Unjoni Afrikana flimkien mal-organizzazzjonijiet ekonomiċi reġjonali u l-Istati b’mod individwali hija għal kollox apprezzata. Il-possibilità li t-trojka tal-UA tipparteċipa fid-djalogu ta’ kull sena li jsir bejn l-UE u ċ-Ċina huwa daqstant importanti, bħal ma’ huwa l-ħsieb li l-kummissjoni tal-UA ta’ Addis Abeba tkun mogħtija r-rwol ta’ faċilitatur waqt il-konsultazzjonijiet trijangolari regolari. Dawn l-indikazzjonijiet imorru tajjeb mal-ħtieġa, kif diġà enfasizzata mill-KESE fl-opinjoni dwar l-istrateġija bejn l-UE u l-Afrika (17), li l-istituzzjonijiet Afrikani għandhom jassumu post ta’ responsabilità konkreta, kemm sabiex isaħħu s-sovranità u l-leġittimità tagħhom, kif ukoll sabiex ikun hemm sħubijiet li jkunu verament ekwilibrati. Madankollu, huwa meħtieġ li dawn il-prijoritajiet ikunu aċċettati mill-UA u li din tagħmilhom tagħha, u li dawn jinbidlu fi pjani ta’ azzjoni konkreti mingħajr dewmien.

4.12

It-tfittxija għal djalogu trilaterali bejn l-UE, iċ-Ċina u l-Afrika huwa aktar rilevanti meta wieħed jikkunsidra l-attrazzjoni ta’ Beijing fil-kontinent. F’għajnejn ħafna gvernijiet Afrikani, iċ-Ċina tidher bħala l-eżempju li jridu jsegwu, billi kienet kapaċi toħroġ mill-faqar, tegħleb il-mard u ssir attur prinċipali fix-xena internazzjonali fi spazju ta’ ġenerazzjoni waħda biss. Il-battalja Ċiniża kontra l-faqar saret l-aktar fiż-żoni rurali, permezz tal-iżvilupp u ż-żieda tal-produttività agrikola, strateġija li tista’ sservi l-interessi tal-pajjiżi Afrikani wkoll (18). L-attrazzjoni taċ-Ċina tkompli tikber ukoll minħabba l-fatt li m’għandhiex passat kolonjali, għadha ssejjaħ lilha nnifisha bħala pajjiż li għadu qed jiżviluppa u tirrifjuta l-loġika tar-relazzjonijiet bejn id-donatur u l-benefiċjarju, storikament aktar maħsuba għaż-żona tal-OECD. Dawn il-karatteristiċi, flimkien mal-fondi kbar li għandhom għall-investimenti jew sabiex jagħtuhom bħala self lill-gvernijiet Afrikani, jagħtu lill-Beijing l-assi meħtieġa fir-relazzjonijiet mal-Afrika.

5.   Elementi ta’ kritika

5.1

Fl-istess waqt ir-relazzjoni bejn iċ-Ċina u l-Afrika għandha punti kritiċi li joħolqu tħassib fost l-osservaturi barranin u li dwarhom jeħtieġ li jinstabu spazji għal djalogu fil-proċess ta’ kooperazzjoni trilaterali kif propost mill-Kummissjoni.

5.2

Il-preżenza dejjem tikber taċ-Ċiniżi fl-Afrika mhijiex nieqsa mid-dubji, fuq quddiem nett, ir-ritorn lejn iċ-ċentralità tal-gvernijiet lokali u tal-elitisti urbani bil-konsegwenza tal-emarġinazzjoni tas-settur privat Afrikan li huwa fattur ta’ tħassib, it-tqegħid fir-riskju tal-kisbiet soċjali modesti min-naħa tat-trade unions Afrikani u l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jippenalizzaw l-aktar lill-ħaddiema lokali. Relazzjoni ta’ sħubija ugwali għandha tagħti l-possibilità lit-tliet partijiet - l-UE, iċ-Ċina u l-Afrika – li jiddiskutu wkoll dawk il-punti l-aktar kontroversjali jew dawk li fuqhom hemm evalwazzjonijiet u ħsibijiet differenti.

5.3

Fil-konfront bejn l-erba’ setturi ta’ kooperazzjoni proposti mill-Kummissjoni permezz ta’ tmien punti li kienu stabbiliti bħala prijoritajiet fil-pjani ta’ azzjoni tal-istrateġija bejn l-UE u l-Afrika li ġie mniedi f’Lisbona (19), wieħed jinnota n-nuqqas ta’ temi importanti mill-komunikazzjoni, fosthom il-gvernanza demokratika, id-drittijiet umani u x-xogħol diċenti. Huwa importanti għall-UE, bħalma huwa r-rwol tas-soċjetà ċivili, li dawn it-temi jiffurmaw parti mid-djalogu trilaterali. Dan għaliex ikunu aktar koerenti mal-istrateġija ta’ Lisbona, kif ukoll mal-ftehim ta’ Cotonou tas-sena 2000 (20) li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi tal-AKP.

5.4

L-istrateġiji tal-UE u taċ-Ċina fl-Afrika huma differenti. Filwaqt li l-UE tagħti l-parti l-kbira tal-għajnuniet tagħha f’forma ta’ donazzjonijiet, u timponi kundizzjonijiet politiki dejjem akbar (ir-rispett tar-regoli demokratiċi, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-progress fil-prattiki dwar gvernanza tajba kif ukoll l-involviment tas-soċjetà ċivili) u bil-mira li jonqos il-faqar, iċ-Ċina l-aktar li tagħti huwa self b’kundizzjonijiet favorevoli, li l-parti kbira tagħhom ikunu marbuta mal-bini tal-infrastrutturi u jkunu garantiti minn kuntratti li jkollhom skadenza fit-tul sabiex ikunu sfruttati r-riżorsi naturali. Aktar minn hekk is-self Ċiniż ikun ta’ spiss marbut mal-użu tal-intrapriżi, materjal u xi drabi ħaddiema Ċiniżi wkoll, skont forom ta’ “għajnuniet marbuta” li m’għadhomx aċċettati fil-pajjiżi tal-OECD. Fl-aħħar nett, l-istess regoli taż-żona OECD fir-rigward ta’ sejħiet għall-offerti, f’ħafna każi jiffavorixxu lis-soċjetajiet tal-pajjiżi emerġenti, liċ-Ċina fl-ewwel post.

5.5

L-approċċ Ċiniż, bħala regola ġenerali, jirriżulta li huwa aktar aċċettat mal-amministraturi Afrikani minħabba li mhuwiex assoċjat ma’ kundizzjonijiet u mhux imxekkel mill-piż burokratiku Ewropew. Madankollu dan jirrappreżenta riskju doppju: il-ħolqien ta’ forma ta’ dejn kbir, li l-effetti tiegħu fuq medda twila ta’ żmien jistgħu ma jkunux sostenibbli, kif ukoll it-tisħiħ tad-dipendenza tal-ekonomija tal-pajjiżi individwali fuq il-“produzzjoni ta’ uċuħ tar-raba’ waħdiena” u mill-esportazzjonijiet tagħhom, li min-naħa tagħhom huma marbuta mal-bidliet tal-prezzijiet fis-swieq internazzjonali.

5.6

Min-naħa tagħha, l-Ewropa għalkemm baqgħet l-ewwel sieħeb ekonomiku u kummerċjali tal-Afrika, issibha diffiċli li titkellem b’vuċi waħda, kif ukoll sabiex toħloq u tkun koerenti dwar il-politiki tagħha, kemm dawk tal-iżvilupp, tal-kummerċ jew tal-politika barranija u tas-sigurtà. Fir-realtà, għad hemm ukoll ħafna limitazzjonijiet fejn jidħol il-koordinament tal-azzjonijiet ta’ diversi Stati Membri, li jtellfu l-impatt u l-effettività.

6.   Xi kwistjonijiet oħra

6.1

Flimkien mal-kundizzjonijiet diġà msemmija u li l-UE timponi fir-relazzjonijiet tagħha mal-Afrika, hemm elementi oħra li huma assoċjati mal-approċċ differenti bejn l-Ewropa u ċ-Ċina u ma jonqosx li jkunu enfasizzati min-naħa tad-diversi gvernijiet Afrikani.

il-problemi diversi li nqalgħu bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani fl-okkażjoni tan-negozjati għall-konklużjoni tal-ftehim ta’ sħubija ekonomika (FSE), meta mqabbla mal-ftuħ tas-swieq Ċiniżi għad-dħul ta’ oġġetti mingħajr dazju mill-Afrika, u li ngħata prominenza tajba (sas-sena 2010, in-numru tagħhom għandu jitla’ għal 440, meta mqabbel mal-190 tal-2006);

l-impenn qawwi u li jidher fir-rigward tal-bini tal-infrastrutturi, skejjel, sptarijiet u bini pubbliku min-naħa tal-gvern Ċiniż, meta mqabbel mal-proġetti li ħafna drabi baqgħu ma tlestewx għal kollox u li jagħmlu parti mill-interventi Ewropej tal-passat;

risposta aktar konkreta min-naħa taċ-Ċina fir-rigward tal-formazzjoni u t-taħriġ ta’ professjonisti fis-settur agrikolu, mediku, xjentifiku u kulturali, kif ukoll il-ftuħ tal-aċċess għall-istudenti Afrikani fl-universitajiet u ċ-ċentri tat-taħriġ Ċiniżi;

l-għażla kbira ta’ prodotti li ġejjin miċ-Ċina – li f’xi każi ma jirrispettawx l-istandards internazzjonali dwar is-sigurtà tal-prodotti, b’konsegwenzi serji fuq is-saħħa pubblika u fuq l-ambjent – u li jinvadu b’mod progressiv is-swieq u d-djar tal-kontinent kollu, li ta’ spiss iħallu effetti negattivi fuq setturi partikulari tal-produzzjoni lokali, l-aktar fuq dak tal-industrija tat-tessuti. (21).

6.2

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali ta’ bħalissa ser twassal sabiex fl-aħħar ikun hemm riflessjoni dwar l-effetti li din jista’ jkollha fuq l-Afrika (22).

L-effetti tar-riċessjoni dinjija, it-tnaqqis tal-esportazzjonijiet, il-miżuri ta’ protezzjoni madwar diversi swieq u l-waqa’ fil-prezzijiet ta’ ħafna mill-materja prima, joħolqu xenarju ta’ tħassib, li jista’ jpoġġi dubji serji fuq ir-riżultati miksuba fl-għaxar snin li għaddew, bħalma huma t-tnaqqis tad-dejn u tad-defiċit pubbliku, iż-żieda u l-kompetizzjoni dwar l-investimenti fir-rigward tal-infrastrutturi u t-tisħiħ tas-sistemi fiskali, jekk mhux l-isforzi dwar id-diversifikazzjoni tal-istrutturi nazzjonali tal-produzzjoni.

6.3

Quddiem din il-kriżi, iċ-Ċina dan l-aħħar reġgħet ikkonfermat u żiedet l-impenn tagħha kemm f’dak li huma għajnuniet u self, kif ukoll f’dawk li huma investimenti (23). L-UE qed tfittex li tonora l-ftehimiet li għamlet, iżda xi Stati diġà naqqsu b’mod drastiku r-riżorsi u l-ftehimiet finanzjarji bilaterali fl-2009, bl-istess previżjonijiet, jekk mhux agħar, għall-2010. Kif intqal fis-summits kollha li saru dan l-aħħar, huma meħtieġa riżorsi ġodda.

6.4

Fir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Afrika u bejn iċ-Ċina u l-Afrika, qed issir aktar importanti s-sensiela ta’ żviluppi migratorji, l-aktar dik marbuta mal-wasla ta’ ċittadini Ċiniżi fil-pajjiżi Afrikani, li għadhom mhumiex studjati biżżejjed. Il-bidu ta’ riflessjoni dwar il-mod u l-kobor ta’ dawn l-influssi kif ukoll ir-rabtiet li dawn jista’ jkollhom, għandu jservi sabiex nifhmu l-impatt li dawn jista’ jkollhom fuq l-iżvilupp Afrikan.

6.5

Il-KESE jidhirlu li l-kwistjoni kumplessa tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili hija fundamentali, kwistjoni mhux biss kruċjali għall-parti Ewropea (24), iżda li saret element sinifikattiv u parti mir-relazzjonijiet ta’ sħubija mal-Afrika, b’mod partikulari wara l-ftehim ta’ Cotonou. Din il-prospettiva għadha ma tidhirx li hija rilevanti fir-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina u l-Afrika, u lanqas fir-relazzjonijiet bilaterali bejn Beijing u l-pajjiżi individwali.

L-erba’ setturi indikati mill-Kummissjoni joffru spazju wiesa’ għall-parteċipazzjoni strutturata tal-atturi kollha mhux statali, b’mod partikulari, l-imprendituri, it-trade unions u l-għaqdiet tal-bdiewa, tan-nisa u tal-konsumaturi. Ir-rwol tagħhom fis-soċjetà Afrikana, l-istess bħal dawk fl-iżviluppi ekonomiċi u fir-relazzjonijiet politiċi, għalkemm magħruf u li żviluppa riżultat tas-suċċess tal-proċess li nbeda bil-ftehimiet ta’ Lomé u ta’ Cotonou, qiegħed fil-periklu li jitlef l-importanza tiegħu u li mill-ġdid ikun imwarrab fil-ġenb jekk id-djalogi bilaterali jew trilaterali jibqgħu biss fuq livell intergovernattiv: minflok ir-rwol għandu jkun meqjus bħala rikkezza deċiżiva li għandha tkun valoriżżata u utilizzata mill-ġdid.

6.6

Il-KESE jinsab imħasseb li l-komunikazzjoni li qed tkun analizzata ma ssemmix din il-kwistjoni u lanqas il-possibilità konkreta li jkunu involuti kemm l-imsieħba soċjali kif ukoll, b’mod ġenerali, l-atturi mhux statali fil-qafas tal-proċess kif propost.

Brussell, l-1 ta’ Ottubru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara b’mod partikulari Louis MICHEL, Afrique-Europe: l’indispensable alliance, Pro-manuscripto, KE, diċ 2007.

(2)  M’hemmx biss riżorsi naturali, infrastrutturali u kummerċjali. L-ewwel bank Ċiniż Industrial Land Commercial Bank of China, kiseb 20 % tal-akbar bank tal-Afrika t’isfel u tal-Afrika, Standard Bank, billi ħareġ 5.6 biljun Dollaru. Dan huwa l-akbar investiment li qatt sar fl-Afrika minn grupp barrani.

(3)  Żur is-sit uffiċjali tal-FOCAC, www.focac.org/eng

(4)  “China’s African policy”, 12 ta’ Jannar 2006, http://www.focac.org/eng/zgdfzzc/t463748.htm

(5)  GU C 77, 31.03.2009 p.148-156, L-istrateġija bejn l-UE u l-Afrika, relatur: is-Sur DANTIN.

(6)  Skont statistika maħruġa mill-FMI, il-kummerċ bejn l-UE u l-Afrika, li fl-1995 kien jammonta għal 45 % tal-kummerċ globali Afrikan, niżel għal ftit aktar minn 30 %, filwaqt li dak taċ-Ċina kiber minn ammont żgħir fl-1995 għal madwar 27 % fil-preżent. Fl-2008 il-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-Afrika laħaq il-106,8 biljun Dollaru Amerikan. Dan ifisser li l-mira li tintlaħaq is-somma ta’ 100 biljun sas-sena 2010, li kienet stabbilita waqt is-summit ta’ Beijing fl-2006, mhux biss intlaħqet iżda kienet superata sentejn qabel. Ara wkoll “Commission staff working paper, Annexes to the Comunication of the Commission”, SEC(2008) 2641 finali.

(7)  “China’s policy and its effect on Africa”, Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2008 (A6-0080/2008/P6_TA-PROV(2008)0173, relatur: Is-Sinjura Ana Maria GOMES).

(8)  B’mod partikulari, il-konferenza organizzat mill-KE fit-28 ta’ Ġunju 2007, fejn attendew aktar minn 180 espert u diplomatiċi Afrikani, Ċiniżi u Ewropej bit-titlu “Partners in competition? The EU, Africa and China”.

(9)  Ara l-konklużjoni tal-2902 sessjoni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tal-10 ta’ Novembru 2008.

(10)  Il-11-il summit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar fl-20 ta’ Mejju 2009, il-komunikat finali konġunt.

(11)  Cfr. il già citato rapporto e risoluzione del PE, 2008, A6-0080/2008/P6_TA-PROV(2008)0173, risoluzione del PE marzo 2008, relatrice: Ana Maria GOMES.

(12)  Ara d-diskussjonijiet u d-deliberazzjonijiet tat-12 il-summit tal-UA li sar bejn is-26 ta’Jannar u t-3 ta’ Frar 2009 ġewwa Addis Abeba, bit-tema prinċipali tkun L-iżvilupp tal-infrastrutturi fl-Afrika www.africa-union.org

(13)  A. Yaw Baah – H. Jaunch, “Chinese investment in Africa, a labour perspective”, ALRN, Mejju 2009, http://www.fnv.nl/binary/report2009_chinese_investments_in_africa_tcm7-23663.pdf

(14)  Ara. Tax Justice Network, “Breaking the curse: how transparent taxation and fair taxes can turn Africa’s mineral wealth into development”, http://www.taxjustice.net/cms/upload/pdf/TJN4Africa_0903_breaking_the_curse_final_text.pdf

(15)  L-organizzazzjonijiet għamlu referenza biss għas-sena 2008 fejn kienu akkwistati artijiet li jlaħħqu madwar 7,6 miljun ettaru u ftehimiet marbuta mal-agrikultura li kienu inizjalati miċ-Ċina ma’ numru ta’ pajjiżi Afrikani, http://www.coldiretti.it/docindex/cncd/informazioni/314_09.htm Ara wkoll L. Cotula, S. Vermeulen, R. Leonard, J. Keeley, “Land grab or development opportunity”? –“Agricultural investment and international land deals in Africa”, FAO-IFAD-IIED, Mejju 2009.

(16)  ĠU C 195, 18.8.2006, p.104–109, Dare priorità all’Africa: il punto di vista della società civile europea, relatur: Is-Sur BEDOSSA (dokument mhux maqlub għall-Malti).

(17)  ĠU C 77, 31.3.2009, p.148–156, kif diġà riferut.

(18)  Permezz ta’ 7 % tal-art li tinħadem, iċ-Ċina tmantni 22 % tal-popolazzjoni dinjija, sostanzjalment rebħet il-ġlieda kontra l-faqar estrem, l-illitteriżmu, il-mard u l-epidemiji l-aktar devastanti filwaqt li naqqset ir-rata tal-mewt tat-tfal. Skont Martin Ravallion (Are there lessons for Africa from China’s success against poverty? - The World Bank, Policy Research working paper – Numruo4463, Jannar 2008), L-Afrika tista’ titgħallem lezzjonijiet importanti permezz ta’ analiżi dettaljata dwar x’wassal għall-iżvilupp taċ-Ċina. Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

Ara wkoll R. SANDREY, H. EDINGER, “The relevance of Chinese agricultural technologies for African smallholder farmers: agricultural technology research in China”, Centre for Chinese Studies, Stellenbosch University, April 2009, http://www.ccs.org.za/downloads/CCS%20China%20Agricultural%20Technology%20Research%20Report%20April%202009.pdf

(19)  Il-paċi u s-sigurtà; il-gvernanza demokratika u d-drittijiet umani; il-kummerċ, l-integrazzjoni reġjonali u l-infrastrutturi; sħubijiet sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju; l-enerġija; it-tibdil fil-klima; il-migrazzjoni, il-mobilità u x-xogħol; ix-xjenza, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-ispazju.

(20)  Ara l-artikolu 9 subparagrafu 1.

(21)  Dwar dan ara r-rapport interessanti tal-2007 tal-Bank Dinji “Africa’s silk road”.

(22)  Dwar dan ara l-Kominikazzjoni “Supporting developing countries in coping with the crisis”, COM(2009) 160 fin. – mhux maqlub għall-Malti, u l-Opinjoni tal-KESE li għaddejjin diskussjonijet dwarha bħalissa.

(23)  Ara l-impenji li saru matul il-vjaġġ li sar mill-President Hu Jintao f’erba’ pajjiżi Afrikani (il-Mali, is-Senegal, it-Tanżanija u l-Mawrizju) f’nofs Frar tal-2009.

(24)  ĠU C 110, 9.5.2006, p.68-74, Ir-Relazjoni bejn l-UE u ċ-Ċina: ir-rwol tas-società ċivili, relatur: is-Sur SHARMA, (dokument mhux maqlub għal Malti).