|
17.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 277/51 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali użati għal għanijiet xjentifiċi”
COM(2008) 543 finali – 2008/0211 (COD)
(2009/C 277/10)
Rapporteur: is-Sur ADAMS
Nhar it-12 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali użati għal għanijiet xjentifiċi
(COM(2008) 543 finali – 2008/0211 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Adams.
Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’173 vot favur, 14-il vot kontra u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. Il-KESE jilqa’ din id-Direttiva li jmissha ilha li tħejjiet u li ser tistandardizza u tirregolarizza l-għażla, l-użu u t-trattament tal-annimali użati għal għanijiet xjentifiċi. Madanakollu huwa jinsab imħasseb dwar kemm din id-Direttiva, fil-prattika, ser tieħu post, tnaqqas u tirfina l-użu tal-annimali għar-riċerka. Għalhekk, fost ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fit-test prinċipali, il-Kumitat jixtieq jenfasizza dawn li ġejjin.
1.2. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja aktar mill-qrib in-numru ta’ annimali użati għal għanijiet xjentifiċi. Dan jista’ jirrikjedi metodi tal-ġbir u l-monitoraġġ tad-data ġodda u speċifiċi għal kull settur. Uħud minnhom ma jaqgħux neċessarjament taħt l-ambitu ta’ din id-Direttiva.
1.3. Id-Direttiva għandha tistipula l-armonizzazzjoni tar-reviżjoni tal-proċeduri ta’ riċerka fl-Istati Membri u tippreċiża li l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru għandu jkollhom bażi ta’ data dwar l-esperimenti li qed isiru fuq l-annimali u japplikawha b’mod effettiv fil-proċess ta’ approvazzjoni tal-proġetti u l-proċeduri.
1.4. Ir-rwol taċ-Ċentru Ewropew għall-Validazzjoni ta’ Metodi Alternattivi (ECVAM) għandu jiġi żviluppat b’tali mod li jibda jaqdi rwol ċentrali fil-koordinazzjoni aktar milli jappoġġja r-riċerka biss. Għandu jitwaqqaf Ċentru tal-Eċċellenza tal-UE li jippromovi u jagħti prijorità lill-iżvilupp ta’ metodi tat-3Rs f’kull qasam li juża l-annimali, inkluż fir-riċerka medika bażika. Is-sostituzzjoni, it-tnaqqis u r-raffinament tal-użu tal-annimali fir-riċerka – l-approċċ ġenerali hekk kif tfisser għall-ewwel darba fl-1958.
1.5. L-esperimenti “severi” għandhom jitqiesu b’attenzjoni speċjali u għandu jsir sforz sabiex nidentifikaw alternattivi inqas krudili. L-esperimenti li jistgħu jikkawżaw uġigħ kbir, tbatija jew biża’ għandhom isiru biss jekk ma jkunux jeżistu alternattivi jew metodi ta’ riċerka effettivi oħrajn li jippermettu r-riċerka fuq ċertu mard li jolqot saħħet-il bniedem serjament. “Uġigħ kbir” ifisser tbatija u biża’ogħla mill-livell iklassifikat bħala “sever”, fil-kategoriji ta’ severità tad-Direttiva.
1.6. Kemm jista’ jkun malajr, id-Direttiva għandha titlob li l-primati mhux umani li jistgħu jintużaw fl-esperimenti għandhom ikunu l-wild ta’ primati mhux umani li trabbew għal dawn il-finijiet.
1.7. Id-Direttiva għandha tistqarr biċ-ċar li mhix ser tillimita d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew jadottaw miżuri aktar stretti għall-kura jew iż-żamma tal-annimali tal-laboratorju.
1.8. Il-KESE jitlob lill-komunità xjentifika biex tagħraf li l-programmi ta’ riċerka tagħha, kemm fil-prinċipju kif ukoll fil-prattika, jistgħu jkunu kompatibbli mal-għanijiet tat-3Rs u biex timpenja ruħha lejn dan l-approċċ dinamiku.
2. Daħla
2.1. Il-benesseri u l-protezzjoni tal-annimali, kemm jekk ikunu domestiċi jew tal-irziezet, huma indirizzati f’bosta direttivi, deċiżjonijiet u regolamenti tal-UE. Il-Protokoll 33 dwar il-Benesseri tal-Annimali (1) mehmuż mat-Trattat ta’ Amsterdam stqarr ix-xewqa li niżguraw “it-titjib tal-protezzjoni u r-rispett tal-benesseri tal-annimali bħala ħlejjaq senzjenti”. L-UE b’hekk tagħraf li l-annimali mhumiex sempliċement proprjetà jew oġġett u li l-mod ta’ kif nittrattawhom għandu jikkonforma ma’ kunsiderazzjonijiet etiċi u jkun soġġett għal regolamentazzjoni. L-annimali superjuri għandhom dan l-istatus għax bħalna jesperjenzaw l-uġigħ u l-gost, huma konxji mill-eżistenza tagħhom u jippreferu jgħixu ħajja serena u twila. Bosta speċijiet ta’ annimali b’sistemi newroloġiċi simili għal tal-bniedem huma spiss użati fl-esperimenti laboratorji għal diversi għanijiet. Mir-riżultati ta’ dawn it-testijiet jistgħu jibbenefikaw, fuq gradi differenti, il-bnedmin, l-annimali u l-ambjent. Madanakollu xi drabi dawn l-esperimenti jistgħu jġibu magħhom tbatija, sofferenza u xi drabi anki mewt għall-annimali konċernati.
2.2. Din id-Direttiva tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-1986 (2) u tista’ titqies bħala waħda minn sensiela ta’ direttivi li jirriflettu fehmiet ġodda dwar l-użu tal-annimali. Reċentement il-Kumitat indirizza r-reviżjonijiet li saru dan l-aħħar fuq id-direttivi li jittrattaw il-qtil u t-trasportazzjoni tal-annimali u l-introduzzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju dwar il-Protezzjoni u l-Benesseri tal-Annimali (3). Matul din is-sena daħlu fis-seħħ il-projbizzjoni kważi totali tal-bejgħ tal-prodotti kosmetiċi ttestjati fuq l-annimali u l-projbizzjoni sħiħa tal-ittestjar fuq l-annimali relatat mal-kosmetiċi (4).
2.3. Din il-proposta għal Direttiva dwar il-protezzjoni tal-annimali użati għal għanijiet xjentifiċi tagħmel parti minn din il-leġiżlazzjoni. Hija tilqa’ bis-sħiħ l-għan ġenerali li tħaddan fil-prinċipju l-komunità xjentifika globali, li tisostitwixxi, tnaqqas u tirfina l-użu tal-annimali fir-riċerka (it-3Rs). L-opinjoni tal-Kumitat teżamina jekk il-proposta hux ser tikkontribwixxi għal dan l-għan u kemm toħloq bilanċ bejn il-benesseri tal-annimali, il-benefiċċji għall-bniedem u l-progress xjentifiku.
3. Sommarju tal-proposta għal Direttiva
3.1. Ambitu tal-applikazzjoni u għanijiet awtorizzati
3.1.1. Id-Direttiva tapplika għall-annimali (ħafna drabi vertebrati) imrobbija jew użati għal għanijiet xjentifiċi. Hija teskludi l-prattiki agrikolturali, tat-trobbija tal-annimali u l-veterinarji. Il-proċeduri jistgħu jitwettqu għal għanijiet ta’ riċerka bażika għall-iżvilupp tal-għarfien fix-xjenza bijoloġika jew fix-xjenza tal-imġiba; riċerka għall-evitar, id-dijanjożi preventiva u t-trattament ta’ mard jew għall-valutazzjoni, l-individwazzjoni, ir-regolamentazzjoni jew il-modifikazzjoni tal-kundizzjonijiet fiżjoloġiċi; l-iżvilupp, il-manifattura jew l-ittestjar ta’ prodotti farmaċewtiċi, alimentari jew prodotti oħra li jkollhom xi wieħed mill-għanijiet li għadna kemm semmejna; il-protezzjoni tal-ambjent naturali fl-interessi tas-saħħa tal-benesseri tal-bniedem; ir-riċerka intenzjonata għall-preservazzjoni tal-ispeċijiet; it-tagħlim jew it-taħriġ avvanzat u l-inkjesti forensiċi.
3.2. L-ispeċijiet ta’ annimali
3.2.1. Il-primati għandhom ikunu trabbew għar-riċerka u għandhom jintużaw biss fi proċeduri li jitwettqu “bil-ħsieb li jiġu evitati, ipprevenuti, iddijanjostikati jew ittrattati l-kundizzjonijiet kliniċi li jistgħu jdgħajfu jew ipoġġu l-ħajja tal-bniedem fil-periklu tal-mewt”. L-użu tax-xadini kbar huwa projbit minkejja li teżisti proċedura ta’ “salvagwardja” li tippermetti lill-Istati Membri li bi ftehim mal-Kummissjoni Ewropea, jawtorizzaw l-użu tagħhom għal riċerka li hija kkunsidrata essenzjali għall-preservazzjoni tal-ispeċijiet jew f’każ li jfaqqgħu kundizzjonijiet kliniċi mhux mistennija li jistgħu jpoġġu l-ħajja tal-bniedem fil-periklu tal-mewt. L-ispeċijiet li huma fir-riskju jistgħu jintużaw biss għar-riċerka u l-ittestjar adattati jew applikati iżda mhux għar-riċerka bażika. L-annimali maħrubin u slavaġ ta’ speċijiet domestiċi ma jistgħux jintużaw u l-anqas ma jistgħu jinqabdu annimali mis-selvaġġ sa kemm ma jkunx hemm ġustifikazzjoni xjentifika speċifika. L-ispeċijiet tal-laboratorji (ġrieden, firien, ġerbills, ħamsters, fniek tal-Indi, żrinġijiet, klieb, qtates) għandhom ikunu trabbew speċifikament għal dak il-għan.
3.3. Is-severità tal-proċeduri
3.3.1. Jeżistu erba’ kategoriji ta’ severità. Kategorija ħafifa, moderata, severa jew mingħajr irkupru (jiġifieri maqtula waqt li l-annimal ikun għadu taħt anestesija ġenerali). Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi l-kriterji għall-klassifikazzjoni tal-proċeduri li għandhom jiġu adottati minn kumitat regolatorju. Dawn il-kriterji huma rilevanti għall-miżuri ta’ kura u benesseri li għandhom jittieħdu u għall-użu ripetut tal-annimali għall-ittestjar u japplikaw xi restrizzjonijiet f’dan il-qasam.
3.4. L-awtorizzazzjoni
3.4.1. Il-persuni li jwettqu s-superviżjonijiet jew il-proċeduri, il-qtil b’metodu anqas krudili u s-superviżjoni ta’ dawk li jieħdu ħsieb l-annimali jeħtieġu awtorizzazzjoni. L-istituzzjonijiet jirrikjedu awtorizzazzjoni għat-trobbija, il-forniment u l-użu tal-annimali fil-proċeduri. Il-persunal awtorizzat għandu jkun responsabbli mill-proġetti u jindirizza każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli. Kull istituzzjoni għandu jkollha l-entità permanenti għall-analiżi etika tagħha. Awtorizzazzjoni ta’ proġetti sa 4 snin jistgħu jingħataw minn awtorità kompetenti maħtura mill-Istat Membru abbażi ta’ evalwazzjoni trasparenti u etika li tinkludi ġustifikazzjoni xjentifika jew legali tal-proġett; l-applikazzjoni tal-metodi tat-3Rs fl-ippjanar tal-proġett; is-severità tal-proċeduri involuti u analiżi tal-ħsara u l-benefiċċji tal-proġett. (L-użu tal-annimal u t-tbatija li jgħaddi minnha jiġġustifikaw l-iżvilupp xjentifiku mistenni għall-ġid tal-bnedmin, l-annimali jew għall-ambjent?).
3.4.2. Is-sommarji mhux tekniċi tal-proġetti għandhom jiġu ppubblikati fl-applikazzjoni għall-proġetti awtorizzati kollha. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jużaw sistema ta’ proposta għal proġett imnaqqas (li ma jinkludix sommarji bħal dawn) għal kwalunkwe proġett li jinvolvi primati mhux umani u li juża proċeduri “moderati”.
3.5. Il-kura u l-ispezzjoni
3.5.1. Il-linji gwida tal-Konvenzjoni Ewropea għall-ħarsien tal-annimali vertebrati użati għal għanijiet sperimentali u għanijiet xjentifiċi oħra; (Kunsill tal-Ewropa, Sensiela tat-Trattati Ewropej – Nru 123) dwar iż-żamma u l-kura tal-annimali tal-laboratorji (ETS 123) ser isiru rekwiżiti obbligatorji. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi stabbilita infrastruttura adegwata b’għadd suffiċjenti ta’ spetturi mħarrġa biex iwettqu l-ispezzjonijiet. Kull stabbiliment għandu jiġi spezzjonat mill-inqas darbtejn fis-sena minn awtorità nazzjonali. Mill-inqas, waħda mill-ispezzjonijiet għandha ssir għall-għarrieda u l-istabbilimenti l-kbar għandhom jiġu spezzjonati aktar spiss. Teżisti dispożizzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni li tagħmel kontrolli tal-infrastruttura u l-funzjonament tal-ispezzjonijiet nazzjonali. Għandhom jinżammu reġistri dwar il-provenjenza, l-użu, it-tqegħid tagħhom fi djar jew ir-rimi tal-karkassi tal-annimali b’dispożizzjonijiet oħra għall-klieb, il-qtates u l-primati mhux umani.
3.6. Metodi alternattivi
3.6.1. Id-data ta’ Stat Membru dwar il-metodi tal-ittestjar li hija mitluba bil-liġi għandha tiġi aċċettata fl-Istati Membri kollha sabiex nevitaw ir-ripetizzjoni tal-proċeduri. Kull Stat Membru għandi jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ approċċi alternattivi li ma jinvolvux l-annimali u għandu jkollu laboratorju nazzjonali ta’ referenza għat-tisħiħ tal-metodi alternattivi. Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi u tikkoordina l-prijoritajiet ta’ ħidma tal-laboratorji nazzjonali ta’ referenza b’konsultazzjoni mal-Istati Membri. Fejn jeżisti metodu tal-ittestjar li ma jinvolvix l-użu tal-annimali u fejn dan jista’ jintuża minflok proċedura, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jużaw lilu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ammont ta’ annimali li jintużaw fil-proġetti jitnaqqas għall-minimu tiegħu mingħajr ma’ jikkompromettu l-għanijiet tal-proġett.
4. Kummenti ġenerali
4.1. Minkejja li d-data disponibbli dwar l-esperimentazzjoni fuq l-annimali dejjem takkumula, l-ammont ta’ annimali li jintużaw fil-laboratorji dan l-aħħar żdied u huwa stmat għal minimu ta’ 12-il miljun fl-Ewropa. Ta’ min jinnota li l-annimali l-oħra li jitrabbew għall-użu, iżda ma jintużawx u jinqerdu, u l-annimali li jitrabbew u jinqatlu sabiex jintuża t-tessut tagħhom għall-esperimenti mhumiex inklużi fil-figuri. L-ammont ta’annimali użati inġabar fi proċess volontarju u ġie ppublikat mill-Kummissjoni: Il-Ħames Rapport dwar l-Istatistika fuq l-għadd tal-annimali użati għal għanijiet sperimentali u għanijiet oħra xjentifiċi fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea 5.11.2007. Eżempju: L-annimali gerriema u l-fniek jirrappreżentaw 77,5 %, l-għasafar 5,4 % u l-primati mhux umani 0,1 % tal-annimali użati kollha. Din iż-żieda ġejja mit-tendenza tar-riċerkaturi li jużaw annimali mmodifikati ġenetikament fl-esperimenti u għar-rekwiżiti tal-ittestjar legali l-ġodda – pereżempju fil-qafas tal-leġiżlazzjoni REACH (5). L-organizzazzjonijiet inkarigati mill-benesseri tal-annimali jinsabu mħassba dwar l-impatt ġenerali tar-Regolament REACH fuq l-ittestjar tal-annimali li ser jirriżulta f’żieda fl-ammont ta’ annimali użati. Oħrajn bħal pereżempju l-WWF (http://www.wwf.org.uk/filelibrary/pdf/aniamltesting03.pdf) stqarrew li fuq perijodu fit-tul, il-benefiċċji ambjentali għall-fawna għandhom vantaġġi sinifikanti.
4.2. Korpi tar-riċerka bijomedikali qajmu bosta kwistjonijiet ta’ kjarifika dwar id-Direttiva proposta. Il-kwistjonijiet prinċipali jikkonċernaw iż-żieda fl-amministrazzjoni u l-burokrazija, il-fatt li d-Direttiva tista’ tnaqqas id-dritt tal-protezzjoni tar-riċerka kunfidenzjali u l-opportunità li tipprovdi għal iktar aċċess għall-informazzjoni u l-proċeduri mill-gruppi ta’ pressjoni. Dawk li jużaw l-annimali fl-esperimenti ħafna drabi jesprimu frustrazzjoni li l-pubbliku u l-gruppi ta’ pressjoni ma jagħrfux li l-ittestjar ħafna drabi jkun l-aħħar għażla tagħhom kemm għax jiswa l-flus kif ukoll għax huwa etikament ambivalenti. Il-Kumitat jemmen li l-industrija tar-riċerka sa ċertu punt tista’ tiddefendi kull każ li semmejna iżda l-kwistjonijiet diġà ġew indirizzati kompletament hija u titfassal id-Direttiva.
4.3. Fl-aħħar mill-aħħar il-kumpaniji jistgħu jibbenefikaw minn sostituzzjoni tal-annimali. L-ittestjar fuq l-annimali jqum ħafna flus u jieħu ż-żmien għalhekk metodi alternattivi fil-ġejjieni ser iġibu magħhom opportunitajiet kummerċjali ġodda.
4.4. Il-KESE huwa tal-fehma li d-Direttiva ma tirreferix għall-progress li sar fil-qasam tal-ittestjar li ma jużax annimali. Fid-dawl tal-fatt li ma teżistix bażi legali li skontha l-Kummissjoni tista’ titlob l-armonizzazzjoni tar-reviżjoni tal-proċeduri ta’ riċerka fl-Istati Membri, il-KESE għandu d-dubji tiegħu dwar kemm huwa possibbli li l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru jkollhom bażi ta’ data dwar l-esperimenti li qed isiru fuq l-annimali u japplikawha b’mod effettiv fil-proċess ta’ approvazzjoni tal-proġetti u l-proċeduri. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dak kollu li huwa fil-poter tagħha sabiex tiżgura li l-korpi nazzjonali responsabbli mill-awtorizzazzjoni u ċ-ċentri nazzjonali tat-tisħiħ tal-metodi alternattivi jkunu konxji mill-attivitajiet tal-kontropartijiet tagħhom u għandhom jiżviluppaw approċċi konġunti sabiex jiskoraġġixu d-distorsjoni tas-suq intern.
4.5. Il-pubbliku ta’ xi Stati Membri huwa pjuttost interessat fil-kwistjoni tal-ittestjar fuq l-annimali u huwa sensittiv għaliha. Il-KESE jemmen li billi nnaqqsu t-tbatija tal-annimali nkunu qed nirriflettu x-xewqat tal-maġġoranza filwaqt li fl-istess ħin naċċettaw li l-ittestjar fuq l-annimali kultant huwa bżonjuż għall-ġid aħħari ta’ kulħadd.
5. Kummenti speċifiċi
5.1. Il-Kumitat jagħraf li d-Direttiva proposta tista’ tnaqqas l-ammont ta’ annimali li jintużaw għall-esperimenti u ttejjeb il-benesseri tal-annimali involuti. Filwaqt li l-għan fuq perijodu fit-tul għandu jkun it-tnaqqis tal-ammont tal-annimali li jintużaw għall-esperimenti, it-twaqqif ta’ miri speċifiċi jista’ jkollu l-effett kontroproduttiv li jibgħat l-użu regolat f’pajjiżi oħra. Madanakollu l-Kummissjoni għandha ssib mezzi ta’ kif timmonitorja l-ammont ta’ annimali użati u jekk hemm bżonn tirrevedi l-approċċ tagħha. Dan jista’ jirrikjedi metodi tal-ġbir u l-monitoraġġ tad-data ġodda u speċifiċi għal kull settur. Uħud minnhom ma jaqgħux neċessarjament taħt l-ambitu ta’ din id-Direttiva.
5.2. L-attività attwali tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp tal-alternattivi hija kkonċentrata fuq it-tossikoloġija li tkopri inqas minn 10 % tal-ittestjar fuq l-annimali. Hemm bżonn ta’ approċċ pan-Ewropew fil-qasam tal-iżvilupp tal-alternattivi fis-setturi kollha tar-riċerka li jagħmlu użu mill-annimali (Artikoli 44–47) filwaqt li nagħrfu li l-koordinazzjoni ta’ dan l-approċċ ser tkun kompitu kbir. Sabiex inżidu l-alternattivi ser ikollna bżonn l-isforz tal-gruppi multidixxiplinarji xjentifiċi u tal-leġiżlaturi u aktar appoġġ għaċ-Ċentru Ewropew għall-Validazzjoni ta’ Metodi Alternattivi (ECVAM), li waqqfet l-UE fl-1991, u ċentri Ewropej u nazzjonali oħra. Ir-rwol tal-ECVAM għandu jiġi żviluppat b’tali mod li jibda jaqdi rwol fil-koordinazzjoni aktar milli jagħti appoġġ għar-riċerka biss. Barra minn hekk il-Kumutat jipproponi li jitwaqqaf Ċentru tal-Eċċellenza tal-UE li jippromovi u jagħti prijorità lill-iżvilupp ta’ metodi tat-3Rs fl-oqsma kollha li jagħmlu użu mill-annimali inkluża r-riċerka medika bażika. Dan l-ambitu jkun usa’ mill-ambitu tal-ECVAM.
5.3. Ir-regolament REACH huwa sfida sinifikanti għall-industrija u l-awtoritajiet regolatorji jekk dawn ser iżommu mal-aġenda stabbilita ta’ żmien. Permezz tar-regolament jistgħu jiġu żviluppati strateġiji progressivi ta’ ttestjar u alternattivi ġodda li jnaqqsu t-tbatija fuq l-annimali u jtejbu id-data. Metodi effiċjenti ser inaqqsu l-ispejjeż tal-industrija wkoll. Bosta awturi elenkaw diversi approċċi tal-ittestjar ibbażati fuq il-ħidma tal-ECVAM li għandhom jiġu kkunsidrati. Dawn l-approċċi diġà bdew jintużaw, b’mod partikolari fl-Istati Uniti.
5.4. Il-Kumitat jilqa’ bis-sħiħ l-opinjoni xjentifika ġenerali li l-ittestjar fuq l-annimali ta u ser ikompli jagħti kontribut kbir fir-riċerka xjentifika. Madanakollu hemm bżonn li l-komunità xjentifika globali li hija involuta fl-ittestjar tal-annimali taċċetta l-limiti tal-approċċi attwali u tqis il-metodi kollha hija u tirrevedi l-ħsieb wara l-esperimentazzjoni speċifika. Huma hu jiġu żviluppati l-alternattivi, il-programmi ta’ riċerka fejn l-ittestjar fuq l-annimali x’aktar mhux ser ikollu valur, għandhom jingħataw prijorità. Il-Kumitat jilqa’ l-valutazzjoni retrospettiva tal-benefiċċju tal-proċeduri tal-annimali u jemmen li jekk tiġi applikata fil-proċeduri kollha għandha l-potenzjal li tevita użu kbir tal-annimali u fl-istess waqt tindirizza t-tħassib tal-partijiet interessati fir-rigward tal-valur ta’ ċertu proċeduri.
5.5. Il-Kumitat jilqa’ l-klassifikazzjoni li ser issir tas-severità tal-esperimenti. L-esperimenti “severi” għandhom jitqiesu b’attenzjoni speċjali u għandu jsir sforz sabiex nidentifikaw alternattivi inqas krudili. L-esperimenti li jikkawżaw ħafna uġigħ, tbatija jew biża’ għandhom isiru biss jekk ma jkunux jeżistu alternattivi jew metodi ta’ riċerka effettivi li jippermettu r-riċerka fuq ċertu mard li jolqot saħħet-il bniedem serjament.
5.6. Id-Direttiva tistipula li l-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp u l-użu tal-proċeduri u l-approċċi li jippromovu t-3Rs sabiex inaqqsu l-użu u t-tbatija tal-annimali. Dan jistgħu jagħmluh billi jtejbu l-ippjanar tal-esperimenti, jevitaw ir-ripetizzjoni u ma jidħlux għal studji esploratorji vasti għalxejn. Għandna nappoġġjaw il-metodi li jnaqqsu, jirfinaw u jissostitwixxu l-ittestjar fuq l-annimali bħala parti mill-istrateġiji integrati ta’ ttestjar bħat-testijiet in vitro, ir-relazzjoni kwantitattiva bejn l-istruttura u l-attività (QSAR), is-sistemi avvanzati, il-computer modelling u l-metodi statistiċi. L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp ta’ rappurtaġġ ta’ inizjattivi bħal dawn sabiex jiżguraw li l-alternattivi qed jiġu żviluppati u applikati.
5.7. Il-Kumitat jilqa’ l-proposta tad-Direttiva dwar il-projbizzjoni kważi sħiħa tal-użu tax-xadini l-kbar.
5.8. Il-Kumitat jagħraf li l-primati mhux umani ser ikomplu jintużaw f’kuntesti speċifiċi ta’ riċerka iżda jemmen li l-eliminazzjoni tal-użu tal-primati fit-testijiet għandu jkun għan fuq perijodu fit-tul ladarba jkun hemm biżżejjed alternattivi. Sadattant id-Direttiva għandha tistipula li l-primati mhux umani li jistgħu jintużaw fl-esperimenti għandhom ikunu l-wild ta’ primati mhux umani li trabbew għal dawn il-finijiet. Fir-rigward ta’ dan, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw eżenzjonijiet fuq bażi ta’ ġustifikazzjoni xjentifika (l-Artikolu 10). Fil-kuntest ta’ din l-inċertezza, il-KESE jipproponi li wara ħames snin mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni tal-benesseri tal-annimali u evalwazzjoni tal-fattibbiltà tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti.
5.9. Id-Direttiva tistipula lill-Istati Membri li japplikaw l-istandards minimi tal-kura u ż-żamma tal-annimali hekk kif stabbiliti fl-Anness IV u l-Kummissjoni tista’ tadatta l-istandards għal progress tekniku u xjentifiku li jkun sar b’konformità mal-proċedura proposta tal-Kumitat u tagħmilhom vinkolanti (Artikolu 32). Artikolu 95 tat-Trattat, bħala bażi legali għad-Direttiva proposta jistipula proċeduri stretti sabiex l-Istati Membri jiddefendu standards ogħla. Sabiex jiġu eliminati l-inċertezzi, il-KESE jixtieq li f’Artikolu 32, id-Direttiva tistqarr biċ-ċar li mhix ser tillimita d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw jew jadottaw miżuri aktar stretti għall-kura jew iż-żamma tal-annimali tal-laboratorju.
5.10. Id-Direttiva attwali titlob li d-deċiżjoni li l-awtorizzazzjoni tingħata, tittieħed u tiġi kkomunikata lill-istabbiliment sa mhux aktar tard minn 30 jum mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Jekk l-Istat Membru ma jirnexxilux jieħu deċiżjoni sa tmiem dan il-perijodu, l-awtorizzazzjoni għandha titqies bħallikieku ġiet mogħtija, fil-każ li l-proġett ikkonċernat jinvolvi biss proċeduri kklassifikati bħala “ħafifa” u li fih ma jintużawx primati mhux umani (l-Artikolu 43). Il-KESE jemmen li dan mhux iġġustifikat u m’għandux japplika jekk l-evalwazzjoni etika hija parti integrali mill-proċess tal-awtorizzazzjoni tal-proġett.
Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(3) ĠU C 28, 3.2.2006, p. 25; ĠU C 151, 17.6.2008, p. 13; ĠU C 161, 13.7.2007, p. 54; ĠU C 324, 30.12.2006, p. 18; Opinjoni supplimentari tal-KESE CESE 879/2009 (NAT/431) adottata fit-13 ta’ Mejju 2009.
(4) ĠU L 262, 27.9.1976, ĠU L 66, 11.3.2003.
(5) Regolament (KE) nru 1907/2006.