11.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/101


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Niffaċċjaw l-isfida ta’ prezzijiet taż-żejt aktar għoljin

COM(2008) 384 finali

2009/C 218/20

Nhar it-13 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Niffaċċjaw l-isfida ta’ prezzijiet taż-żejt aktar għoljin

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur CEDRONE.

Matul il-451 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta’ Frar 2009 (seduta tal-25 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’162 vot favur, 6 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kummissjoni jinsabu mħassbin dwar l-effetti immedjati u inkwetanti tal-inflazzjoni tal-prezzijiet taż-żejt fuq xi setturi u fuq il-gruppi l-aktar dgħajfa tal-popolazzjoni. Fil-fatt, iż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt għandhom impatt dirett fuq il-prezzijiet tat-tisħin, fuq l-ispejjeż tat-trasport u indirettament anke fuq l-ispejjeż tal-prodotti tal-ikel: li jingħad li jiffurmaw il-biċċa l-kbira tan-nefqa tal-ifqar familji.

1.2

Il-problema teħtieġ interventi qawwija u urġenti, iżda tippreżenta wkoll kwistjoni delikata ta’ natura ġenerali. Jeħtieġ li l-appoġġ li jingħata lill-familji foqra jingħata permezz ta’ sussidji diretti skont id-dħul, u mhux permezz ta’ miżuri, pereżempju, ta’ natura fiskali (pereżempju permezz tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-prodotti taż-żejt), li jħallu impatt fuq il-prezzijiet tas-suq, b’tali mod li jnaqqsu l-effetti taż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt.

1.3

Il-KESE jikkunsidra bħala importanti ħafna li s-suq ikun jinsab f’qagħda li jkun jista’ jwettaq il-funzjoni tiegħu, li hi dik li jqis iż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt u li jiddetermina r-reazzjonijiet xierqa għal sitwazzjoni bħal din.

1.4

Iż-żidiet fil-prezzijiet iridu jwasslu lill-operaturi kollha sabiex jiksbu fehim dwar l-ekonomiji xierqa, dwar il-prodotti li saru l-iktar għaljin, filwaqt li jissostitwixxu l-prodotti li għolew ma’ prodotti li jiswew anqas u jgħaqqdu flimkien metodi ta’ produzzjoni u ta’ konsum li jippermettu lil dak li jkun li jiffranka, kull fejn dan ikun teknikament possibbli. Kif diġà ngħad, jeħtieġ li jkunu protetti l-ifqar familji, iżda b’għajnuniet diretti biss, mingħajr ma jkun hemm tgħawiġ tas-sinjali tas-suq li jridu jitħallew liberi li jwettqu l-funzjoni fiżjoloġika tagħhom ta’ ksib ta’ ekwilibriju mill-ġdid.

1.5

Il-Kummissjoni ssostni li jridu jitqiegħdu fis-seħħ strateġiji simili għall-benefiċċju wkoll tas-setturi produttivi li ntlaqtu b’mod partikolari miż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt. L-aktar is-settur tas-sajd, iżda b’mod iktar ġenerali, is-setturi kollha li għandhom l-għan li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ikel tal-popolazzjoni, u wkoll is-settur tat-trasport.

1.6

Anke f’dawn il-każijiet, il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu evitati riperkussjonijiet ta’ ħsara kbira għall-ekonomija produttiva għandhom ikunu f’forma ta’ għajnuniet diretti, u mhux permezz ta’ miżuri fiskali (tnaqqis tat-taxxa) li jnaqqsu b’mod artifiċjali l-prezzijiet, li minflok huwa meħtieġ li jirriflettu n-nuqqas dejjem akbar tar-riżorsi taż-żejt.

1.7

Fir-rigward tal-impatt makroekonomiku fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, jeħtieġ li jitfasslu pjanijiet koerenti ta’ appoġġ, l-iktar għall-ekonomiji l-iktar dgħajfa, fuq kollox permezz ta’ interventi finanzjarji mmirati lejn it-twettiq ta’ politiki għall-iffrankar tal-enerġija. Għal darba oħra, jenħtieġu miżuri ta’ appoġġ rilevanti ħafna wkoll, iżda li ma joperawx b’mod li joħolqu tgħawiġ tas-sinjali li s-swieq, fi kwalunkwe każ, għandhom jitħallew liberi li jsegwuhom.

1.8

Il-Kumitat huwa tal-fehma li jenħtieġu reazzjonijiet politiċi b’saħħithom mill-Unjoni Ewropea.

1.9

L-ewwel nett, f’dan il-każ bħal f’każijiet oħra, il-preżenza komunitarja ta’ korp bħall-Unjoni Ewropea, li tirrappreżenta għoxrin fil-mija tal-produzzjoni dinjija, jista’ jkollha rwol u saħħa ta’ importanza kbira. Proposti preċiżi u mfassla b’mod komunitarju minn korp b’responsabbiltà daqstant kbira fil-livell dinji ma jistgħux jiġu injorati faċilment. Sitwazzjoni għalkollox differenti hija dik meta l-inizjattivi Ewropej jiġu adottati bl-addoċċ, u jidhru forsi f’kontradizzjoni ma’ xulxin.

1.10

F’sitwazzjoni bħal din li għaddejjin minnha bħalissa, b’żieda qawwija possibbli fil-prezzijiet ta’ materja prima essenzjali, il-proposta ta’ konsultazzjoni u djalogu f’livell dinji bejn l-atturi l-kbar kollha tidher li hi prekundizzjoni ewlenija li għandha sseħħ qabel kwalunkwe inizjattiva oħra. Tista’ ssir konferenza dinjija bejn il-pajjiżi produtturi u l-pajjiżi konsumaturi.

1.11

It-tieni nett, jeħtieġ li tiġi stabbilita b’mod deċiż il-mira li jinħoloq suq wieħed Ewropew tal-enerġija. L-Ewropa nbniet fuq is-sisien ta’ proġetti kbar ta’ suq uniku: tal-faħam u tal-azzar, tal-enerġija atomika, tal-agrikoltura; u minn Jannar 1993, tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-kapital; u fl-aħħar, mill-1999, meta daħlet l-Unjoni Monetarja. Wasal iż-żmien li tiżdied azzjoni speċifika b’rabta mas-suq tal-enerġija.

1.12

Din kieku sservi sabiex tifdi lil dan is-settur fundamentali mill-forza qerredija ta’ spekulazzjoni li, kif inhu magħruf, fi ħdan il-limiti fiżjoloġiċi tagħha twettaq funzjoni essenzjali ta’ regolazzjoni tas-swieq, iżda li lil hinn minn dawn il-limiti tintroduċi elementi ta’ diżorganizzazzjoni sħiħa u ta’ inċertezza assoluta.

1.13

Is-suq Ewropew tal-enerġija jrid isir trasparenti u jiġi kontrollat mill-awtoritajiet responsabbli; jeħtieġ li titnaqqas l-imprevidibbiltà tal-prezzijiet b’mod konsiderevoli. Dan jista’ jinkiseb ukoll permezz ta’ ħidma xierqa ta’ informazzjoni u regolamentazzjoni tar-riżervi strateġiċi. Regolamentazzjoni xierqa ta’ suq importanti bħal dak Ewropew ma jonqosx milli jkollha effetti ta’ importanza kbira fuq id-dinja kollha.

2.   Proposti

2.1

Għalhekk, l-UE trid terġa’ lura għall-ispirtu oriġinali tagħha (it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika) u fl-aħħar nett trid twettaq suq intern tal-enerġija, ħtieġa li llum saret urġenti iktar minn qatt qabel sabiex jiġu evitati riskji u konsegwenzi fil-livell ekonomiku u soċjali u f’livelli oħra.

2.2

L-UE trid tadotta strumenti xierqa għat-teħid ta’ deċiżjonijiet (“tistituzzjonalizza” il-proċedura introdotta dan l-aħħar mill-Presidenza Franċiża minħabba l-kriżi finanzjarja) sabiex tkun tista’ tmexxi l-politika tal-enerġija b’mod intern u tintervjeni b’vuċi waħda fil-konferenzi internazzjonali fejn jiġu deċiżi dawn il-politiki, inkluż dawk marbutin maż-żejt, billi teħles il-prezz tal-provvista mill-ispekulazzjoni.

2.3

L-Unjoni trid tbiddel il-politiki tar-riżervi taż-żejt nazzjonali f’politika komuni u trasparenti, sabiex b’hekk toffri iktar sigurtà lill-politika tal-provvista.

2.4

Teħtieġ tapplika miżuri komuni, bħal dispożizzjonijiet fiskali armonizzati fuq prodotti taż-żejt, sabiex tillimita d-danni għas-setturi ekonomiċi l-iktar milquta u tilħaq qbil dwar għajnuniet diretti b’rabta mad-dħul għaċ-ċittadini konsumaturi, b’mod partikolari għall-gruppi l-iktar dgħajfa, li għalihom jistgħu jiġu allokati wkoll parti mill-profitti tal-kumpaniji.

2.5

Trid tintervjeni b’mod iktar deċiż sabiex tirregola l-kompetizzjoni fis-settur (attwalment kważi ma teżistix, peress li s-suq tal-provvista jaħdem f’sistema ta’ oligopolija) u tevalwa l-possibbiltà li tirrikorri għall-politika tal-prezzijiet fissi, tal-anqas fil-perjodi ta’ kriżi kbira, jew li tirrikorri xorta waħda għal miżuri sabiex tnaqqas id-distakk, ħafna drabi mhux ġustifikat, bejn il-prezzijiet tal-produzzjoni u l-prezzijiet tal-konsum. Sitwazzjoni fejn il-konsumatur la jista’ jaġixxi u lanqas jista’ jiddefendi ruħu.

2.6

Teħtieġ li, tappoġġja u tiffinanzja fond komuni r-riċerka u l-iżvilupp tas-sorsi alternattivi tal-enerġija, sabiex tnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt, b’mod partikolari fis-settur tat-trasport, billi tibda mis-settur tal-karozzi, permezz ta’ żieda qawwija fl-investimenti f’dan is-settur, pereżempju b’inċentivi fiskali jew inkella billi l-intrapriżi taż-żejt ikollhom l-obbligu li jallokaw parti mill-profitti għal dan il-għan!

2.7

Teħtieġ tevita li d-deflazzjoni kaġun taż-żieda f’daqqa fil-prezzijiet taż-żejt mhux maħdum u tar-reċessjoni, tikkawża ħsara ekonomika agħar mill-inflazzjoni nnifisha. L-inflazzjoni ta’ bażi li kaġun tal-inattività (jew ta’ difetti tas-suq?) kompliet taġixxi anke wara t-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt mhux maħdum u, għaldaqstant tista’ taħbi l-wasla eventwali ta’ deflazzjoni.

3.   Daħla

3.1

Fl-aħħar, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiffaċċja l-kwistjoni taż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt, jew aħjar taċ-ċaqlieq tal-prezzijiet taż-żejt, fid-dawl tal-avvenimenti li seħħew fl-aħħar xhur marbutin mal-ispekulazzjoni finanzjarja u mal-waqgħa tal-Boroż. Din iż-żieda fil-prezzijiet ħolqot pressjonijiet ta’ inflazzjoni fl-UE. L-ECB (il-Bank Ċentrali Ewropew) u r-Riserva Federali irreaġixxew malajr għal dawn il-pressjonijiet u l-kontromiżuri li adottaw naqqsu l-pressjonijiet ta’ inflazzjoni iżda waqqfu t-tkabbir ekonomiku.

3.2

Kien biss dan l-aħħar li saret reviżjoni tal-istrateġiji ta’ trażżin monetarju sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi finanzjarja dinjija: minkejja dan, il-kriżi finanzjarja ħolqot ambjent diffiċli ta’ reċessjoni li xejn m’għandu x’taqsam maż-żejt u li permezz tiegħu tnaqqsu ħafna l-istess pressjonijiet ta’ inflazzjoni kaġun taż-żejt; b’konsegwenza li l-prezz taż-żejt ser jitlef l-opportunità li jogħla.

3.3

Il-konsegwenza l-oħra ta’ importanza kbira hija ċ-ċaqlieq tas-setgħa tal-akkwist mill-pajjiżi konsumaturi lejn il-pajjiżi produtturi, li tista’ tiġi bbilanċjata mill-ġdid permezz ta’ żieda fl-importazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar mill-pajjiżi konsumaturi (bejn l-2002 u l-2007 l-importazzjonijiet żdiedu b’medja ta’ 26 % fis-sena, b’rata ferm ikbar minn dik normali tal-importazzjonijiet dinjija).

3.4

Kif se naraw aħjar fis-sinteżi, il-Kummissjoni qed tiffaċċja l-kwistjoni minn aspetti differenti, filwaqt li aspetti oħrajn qed jiġu prattikament injorati jew mħollija barra (pereżempju l-effetti tal-ispekulazzjoni, il-preżenza ta’ forom ta’ oligopolija fis-settur li faċilment jinbidlu f’ “kartelli” bil-konsegwenzi relatati magħhom, eċċ.).

3.5

Għaldaqstant, il-KESE jeħtieġ jevalwa l-komunikazzjoni b’mod ċar u effettiv, filwaqt li jenfasizza l-punti pożittivi u negattivi tagħha, sabiex jfassal rakkomandazzjonijiet u proposti bil-għan li jitnaqqsu l-effetti tal-inflazzjoni fuq il-prezzijiet u fuq l-ispejjeż tal-produzzjoni.

3.6

Barra minn hekk, għandu juri wkoll in-nuqqasijiet politiċi tal-UE, id-dgħufija internazzjonali tagħha, in-nuqqas ta’ qbil tagħha f’dak li għandu x’jaqsam mal-kawżi mhux sekondarji tan-nuqqas ta’ kontroll tas-“suq” taż-żejt u tal-ispekulazzjonijiet li jaffettwaw dan is-suq.

3.7

Fadal kumment wieħed biss xi jsir: fid-dawl tal-andament tal-prezz taż-żejt, li għaddej minn tnaqqis qawwi meta mqabbel ma’ Lulju 2008, jeħtieġ lit-titolu tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jiġi aġġornat. Il-kontenut ta’ din l-opinjoni xorta waħda jikkunsidra ċ-ċaqlieq li l-prezz taż-żejt darriena għalihom u mhux l-ogħla livelli biss.

4.   Sinteżi tal-komunikazzjoni

4.1   Il-fatturi li kkawżaw iż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt

4.1.1

Il-Kummissjoni ssostni li ż-żieda drastika fil-prezzijiet taż-żejt li seħħet f’dawn l-aħħar xhur tista’ titqabbel biss ma’ dik li seħħet fis-snin sebgħin u li l-prezzijiet tal-konsum jikkonformaw ma’ dawk taż-żejt mhux maħdum u li l-livelli attwali jaqbżu l-ogħla livell li ntlaħaq fil-bidu tas-snin tmenin.

4.1.2

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li ż-żieda attwali rriżultat l-aktar minħabba l-bidla strutturali maġġuri fid-domanda u fil-provvista minħabba ż-żieda fil-konsum (b’mod partikolari fiċ-Ċina u fl-Indja), it-tnaqqis tal-bjar taż-żejt, il-fatt li l-intrapriżi Statali tal-pajjiżi tal-OPEC ftit li xejn jirreaġixxu għall-forzi tas-suq, ir-restrizzjonijiet fil-kapaċità tar-raffineriji f’xi pajjiżi, id-dgħufija tad-dollaru, iż-żieda fl-inflazzjoni, eċċ.

4.2   L-effetti fuq l-ekonomija tal-UE

4.2.1

Fost l-iktar effetti serji, ta’ min wieħed isemmi ż-żieda fl-inflazzjoni, l-effett fuq il-prezzijiet tal-enerġija kaġun ta’ ġabra ta’ fatturi oħra; ħafna drabi anke meta jonqsu l-prezzijiet tal-materja prima, il-prezzijiet tal-konsum ma jonqsux.

4.2.2

L-agħar li ntlaqtu kienu l-familji, b’mod partikolari dawk bi dħul baxx, anke jekk fuq livelli differenti fil-pajjiżi Ewropej, bil-konsegwenza ta’ żieda fl-iżbilanċ ekonomiku u fis-setgħa tal-akkwist tas-salarji bil-ħolqien ta’ aktar faqar.

4.2.3

Il-konsegwenzi huma kbar anke għall-intrapriżi u għat-tkabbir. Il-Kummissjoni temmen li s-setturi tal-agrikoltura, tat-trasport u tas-sajd, b’mod partikolari, huma dawk l-aktar milquta minn din it-tip ta’ żieda. Wieħed jittama li dan kollu jwassal għal interess akbar fir-riċerka u għal żieda fl-enerġija rinnovabbli.

4.3   L-impatt makroekonomiku fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

4.3.1

Anke fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, li jimportaw iż-żejt, il-konsegwenzi se jkunu dejjem iktar serji kaġun taż-żieda fl-inflazzjoni kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-intrapriżi.

4.3.2

F’dawn il-pajjiżi, il-konsegwenzi huma saħansitra iktar serji minħabba tal-effetti fuq il-prodotti tal-ikel, fuq il-finanzi pubbliċi, eċċ., mentri fil-pajjiżi sottożviluppati, li iżda huma esportaturi taż-żejt, hemm akkumulazzjoni tal-kapital li toħloq sfidi partikolari għall-politiki makroekonomiċi, speċjalment meta wieħed jikkunsidra l-ġestjoni, ta’ sikwit ħażina, tad-dħul miż-żejt.

4.4   Ir-reazzjonijiet politiċi tal-UE

4.4.1

Ir-reazzjonijiet tal-UE huma msejsa fuq il-presuppost li dawn il-prezzijiet se jibqgħu għoljin għal perjodu medju u fit-tul; għaldaqstant, jenħtieġu reazzjonijiet adegwati bħal dawk stipulati fil-pakkett “il-bidla fil-klima u l-enerġija rinnovabbli” u bħal dawk previsti għall-ħolqien ta’ suq wieħed reali tal-enerġija.

4.4.2

Minnufih jenħtieġ li jsir sforz sabiex jitnaqqsu l-effetti fuq il-konsumaturi, b’mod partikolari fuq l-ifqar familji; is-suġġerimenti jkopru s-sistema fiskali għall-prodotti taż-żejt, proposta ta’ summit bejn il-pajjiżi produtturi u dawk konsumaturi u l-provvista ta’ riżorsi supplimentari għall-pajjiżi li jimportaw iż-żejt.

4.4.3

Qed jiġi suġġerit li bħala reazzjonijiet strutturali għal perjodu medju ta’ żmien, jiġi intensifikat id-djalogu mal-pajjiżi produtturi ewlenin, li jsir monitoraġġ tal-“kompetizzjoni” fis-settur, li ssir stima tat-trasparenza tar-riżervi taż-żejt, li ssir reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ f’dan il-qasam (tar-riżervi taż-żejt), li ssir valutazzjoni tal-miżuri fiskali favur sorsi b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, li jintużaw il-profitti tal-industriji tal-estrazzjoni bi skop ta’ investiment, li eventwalment dawn il-profitti jkunu intaxxati, li jiġi promoss id-djalogu bejn l-UE u l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw.

4.4.4

Bħala reazzjonijiet strutturali fit-tul qed jiġi suġġerit li: jintlaħaq ftehim bejn il-pajjiżi tal-UE dwar il-bidla fil-klima u l-enerġija rinnovabbli, li tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija, li jiddaħħlu bidliet strutturali sabiex is-setturi tat-trasport u tas-sajd isiru iktar effiċjenti, li jingħataw inċentivi fiskali diretti jew sussidji sabiex jitħeġġeġ l-iffrankar tal-enerġija mill-familji, li sseħħ diversifikazzjoni ferm akbar tal-provvista tal-enerġija tal-UE.

5.   Konsiderazzjonijiet u kummenti

5.1

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tfasslet meta l-prezz taż-żejt laħaq l-“ogħla livell” inkwetanti tiegħu fil-bidu tas-sajf li għadda. Ta’ min wieħed jiftakar li l-ekonomija kontemporanja darrietna għal bidliet ta’ perspettiva f’daqqa u konsiderevoli saħansitra f’qasir żmien bejn xulxin.

5.2

Fil-fatt, l-ekonomija dinjija, għall-kuntrarju ta’ dak li kien qiegħed iseħħ xi ftit ta’ xhur ilu, hija karatterizzata minn prospettiva inkwetanti ta’ reċessjoni, li fl-istimi ta’ previżjoni tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) jidher li se tolqot anke lill-pajjiżi kollha li qegħdin jiżviluppaw li, min-naħa tagħhom, f’dawn l-aħħar żmenijiet (bejn wieħed u ieħor f’dawn l-aħħar tletin sena, wara tmiem l-hekk imsejħa epoka tad-deheb tal-kapitaliżmu kontemporanju) bdew jiżviluppaw b’ritmu deċiżament iktar mgħaġġel u stabbli mill-pajjiżi avvanzati.

5.3

F’dan il-kuntest, it-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt, inklużi l-ogħla livelli li ntlaħqu f’Lulju li għadda (livelli li, kemm skont il-valur nominali kif ukoll f’termini reali, qatt ma kienu ntlaħqu qabel) u l-iktar prezzijiet baxxi ta’ Novembru 2008, li wara l-inflazzjoni reġgħu lura għal-livelli ta’ ħamsa u għoxrin sena ilu, jista’ jkun li ma jkunx avveniment ta’ darba biss. Fil-fehma tal-ekonomisti, l-ikbar biża hi tinħoloq deflazzjoni, li żgur tolqot lis-suq taż-żejt.

5.4

Barra minn hekk, tajjeb li jiġu evitati previżjonijiet fit-tul dwar il-konsum kollu possibbli tar-riżervi disponibbli taħt l-art. Għal għexieren ta’ snin dan hu fattur ta’ biża’ rikorrenti; għalkemm jista’ jkun li m’hemmx raġuni valida għal din il-biża’. F’ħarġa riċenti tar-rivista ferm magħrufa The Economist (tal-21 ta’ Ġunju 2008), jingħad li r-riżervi eżistenti taż-żejt, skont ir-rata tal-produzzjoni attwali, suppost li jservu għal 42 sena (li mhumiex ftit: x’inhu l-iktar li jista’ jiġri fir-rigward ta’ innovazzjonijiet xjentifiċi u teknoloġiċi, fit-42 sena li ġejjin?); iżda ngħad ukoll li r-riżervi tal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani ilhom bosta snin l-istess u, għaldaqstant, wieħed jista’ jikkonkludi, dejjem skont ir-rivista, li s-sejbiet il-ġodda għandhom tendenza li jpattu għaż-żejt li jiġi prodott u li jinħaraq, jew inkella li l-istimi dwar ir-riżervi mhumiex daqstant preċiżi. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-kalkoli huma bbażati fuq ir-rati ta’ produzzjoni attwali. Minkejja dan, il-problema mhix ġejja mill-eżawriment tar-riżervi fil-perijodu fit-tul, iżda aktar mill-possibilità li fil-ġejjieni nħabbtu wiċċna ma’ kriżi, b’riżultat ta’ żbilanċ bejn il-provvista u d-domanda fuq medda qasira ta’ żmien, u b’mod partikulari wara interruzzjonijiet li jistgħu jseħħu fil-produzzjoni fiż-żoni strateġiċi.

5.5

It-tiftix għal riżervi ġodda u sorsi ġodda huwa, u għandu jkun, proċess kontinwu. Avveniment partikolarment indikattiv, fost l-iktar avvenimenti importanti tas-seklu li għadda, u importanti ħafna għall-finijiet tagħna, kien dak taż-żidiet f’daqqa fil-prezzijiet taż-żejt fis-snin sebgħin; dawn iż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt kienu frott tar-restrizzjonijiet marbuta mal-provvista li ddaħħlu mill-pajjiżi produtturi, aktar milli kienu fenomeni naturali tas-suq, bħalma jidhru li huma l-iżbilanċi attwali. Xorta waħda iżda, iż-żieda qawwija ħafna fil-prezzijiet li kienet irreġistrata dak iż-żmien, kienet wasslet li jsir tiftix għal sorsi ġodda, billi ntużaw metodi ta’ produzzjoni ferm innovattivi.

5.6

Wieħed dejjem għandu jikkunsidra iktar bir-reqqa l-iżviluppi li jseħħu b’rabta mas-swieq, bħala konsegwenza ta’ kwalunkwe fenomenu ta’ żbilanċ bejn id-domanda u l-provvista.

5.7

Wara l-politiki monetarji drastiċi li ġew adottati sa mill-bidu tas-snin tmenin, li l-iktar li ġew implimentati kienu mill-gvernijiet ta’ Ronald Reagan fl-Amerika u dak ta’ Margaret Thatcher fir-Renju Unit, u skont it-teoriji tal-iskola monetarista ta’ Milton Friedman f’Chicago, kien hemm żidiet qawwija fir-rati tal-imgħax, li wasslu lil dawk li kellhom ir-riżervi biex jimmodifikaw il-prijoritajiet tagħhom u li jikkunsidraw li ż-żamma taħt l-art tar-riżorsi taż-żejt bħala ta’ ħsara kbira għall-interessi tagħhom minħabba t-telf ta’ profitt li dan kien joħloq. Iż-żieda fir-rati tal-imgħax kienet waħda mill-kawżi ewlenin li wasslet għat-tmiem tal-kartell taż-żejt f’nofs is-snin tmenin.

5.8

L-analiżi għandha mhux biss tikkunsidra l-informazzjoni meħuda minn għarfien ġeoloġiku jew teknoloġiku b’mod ġenerali, iżda għandha tqis ukoll il-fatturi li jistgħu jitnisslu mill-analiżi ekonomika; u fuq hekk, jekk in-nuqqas ta’ riżorsi u l-eċċess tad-domanda fil-konfront tal-provvista jiddeterminaw żidiet fil-prezzijiet, dawn tal-aħħar jeżerċitaw azzjoni reċiproka fuq id-disponibbiltà tar-riżorsi stess, filwaqt li ta’ sikwit jikkontribwixxu għal tnaqqis fl-iżbilanċi. F’dawn il-każijiet ta’ min wieħed jikkunsidra li t-tiftix li qiegħed jiġi promoss għal riżervi ġodda taż-żejt jista’ jkollu effett reċiproku fuq żoni u siti partikolarment vulnerabbli fuq livell ambjentali (pereżempju, il-Pol tat-Tramuntana). Sitwazzjoni li għandha tiġi evitata billi jsir rikors għal tiftix ta’ sorsi alternattivi.

5.9

Tista’ ssir konsiderazzjoni oħra, ta’ natura metodoloġika sabiex issir investigati tal-kawżi taż-żieda fil-prezzijiet li seħħet dan l-aħħar. Żgur li presuppost essenzjali ta’ kwalunkwe strateġija hu l-għarfien l-iktar dettaljat possibbli tas-sitwazzjoni li trid tiġi iffaċċjata. Ekonomista kbir Taljan, Luigi Einaudi, kien iwissi li “jeħtieġ li wieħed isir jagħraf qabel jiddeċiedi”.

5.10

Il-KESE jemmen li teżisti xewqa kbira li jinkiseb għarfien preċiż dwar il-funzjonament tas-suq taż-żejt. Il-beżgħat li jinħolqu miċ-ċaqlieq f’daqqa tal-prezzijiet taż-żejt huma frott ta’ data tal-istatistika bbażata b’mod essenzjali fuq stħarriġ tal-prezzijiet li jiġu reġistrati kuljum fis-swieq. Pereżempju, waħda mill-iktar metodoloġiji magħrufin hi dik adottata mill-IMF, fil-kalkolu tal-hekk imsejjaħ APSP (average petroleum spot price – il-prezz medju attwali taż-żejt, li huwa medja mhux ikkunsidrata bir-reqqa tal-prezzijiet ta’ Brent, ta’ Dubai u tad-WTI, li hu l-prezz Amerikan).

5.11

Jista’ jkun utli li jiġu indikati l-prezzijiet medji tal-importazzjoni taż-żejt mhux maħdum, li jistgħu jitnisslu mill-istatistiki tal-kummerċ barrani tal-anqas tal-pajjiżi importaturi ewlenin. X’iktarx li l-għarfien tal-kondizzjonijiet tal-provvista taż-żejt mhux maħdum hi ferm iktar kredibbli minn dak imsejjes fuq l-ipproċessar tal-prezzijiet ta’ kuljum tas-suq.

5.12

Il-KESE jemmen li huwa ġust li jsostni li analiżi bir-reqqa tal-kawżi taż-żieda qawwija ħafna li seħħet dan l-aħħar fil-prezzijiet taż-żejt, u tat-tnaqqis drastiku iktar riċenti tagħhom, trid tibda minn analiżi tat-tendenzi reali bażiċi tal-ekonomija dinjija.

5.13

Madankollu juri li fil-komunikazzjoni m’hemm l-ebda referenza għall-piż li żgur kellhom il-forzi qawwija ħafna ta’ spekulazzjoni fuq iż-żieda bla kontroll tal-prezzijiet taż-żejt, li fin-nuqqas tagħha kien ikun ferm diffiċli li l-prezz jitla’ għal 147 dollaru l-barmil f’Lulju, u jaqa’ għal madwar 60 dollaru f’Ottubru 2008.

5.14

Jekk wieħed jikkunsidra ċ-ċaqliq li seħħ b’rabta mad-data strutturali bażika, wieħed jista’ jinnota li l-konsum dinji tal-enerġija issa qabeż stabbilment l-10 biljun tunnellata ta’ żejt, u li dan it-tkabbir qiegħed ikompli jiżdied permezz ta’ żieda fil-PGD (Prodott Gross Domestiku) dinji li, minħabba d-daqs assolut tiegħu, u wkoll minħabba l-intensità relattiva tiegħ, qatt ma seħħ qabel.

5.15

Madankollu, ta’ min wieħed jagħmel stima tal-importanza tal-istennija ta’ reċessjoni, frott l-avvenimenti tal-kriżi tas-swieq finanzjarji dinjin; iżda fi kwalunkwe każ, ma tistax tiġi sottovalutata ċ-ċirkostanza li għal erba’ snin sħaħ, mill-2004 sal-2007, il-produzzjoni dinjija żdiedet bil-5 % fis-sena, l-iktar permezz tal-ispinta 'l quddiem li tawha l-ekonomiji li qegħdin jiżviluppaw, l-ewwel fosthom iċ-Ċina u l-Indja, iżda mhux biss: anke l-Afrika reġgħet qabdet it-triq li twassal għall-progress, u qiegħda tikber b’rata ta’ 6–7 % fis-sena; ir-Russja reġgħet se tikseb l-irwol ta’ ġgant dinji li kellha; u ħafna ekonomiji oħrajn saru jagħmlu parti mir-realtà l-ġdida li qiegħda tispikka fix-xena internazzjonali.

5.16

Il-PGD dinji, kalkulat f’termini reali tal-prezzijiet tal-2007, tela’ minn 53 triljun dollaru tal-2003 (id-dollari ġew ikkalkulati, kif naħsbu li huwa l-aħjar mod li bih dawn jiġu kalkulati, f’termini tal-parità tas-setgħat tal-akkwist, jew tal-PPP, Purchasing Power Parities, aktar milli skont ir-rati tal-kambju tas-suq) għall-65 triljun tal-2007, b’żieda totali ta’ 12-il triljun dollaru; daqslikieku, fi żmien erba’ snin, mal-ekonomika dinjija żdiedet ekonomija daqs dik tal-Istati Uniti tal-Amerika.

5.17

Żieda ta’ 5 % fis-sena tfisser li, f’każ li tinżamm din ir-rata ta’ tkabbir (ħaġa mhux neċessarjament impossibbli), il-produzzjoni dinjija tirdoppja fi żmien erbatax-il sena, u tiġi erba’ darbiet id-daqs li hi fi żmien tmienja u għoxrin sena, fi spazju ta’ żmien ta’ ġenerazzjoni waħda. Din hija stennija, xi ftit jew wisq inkredibbli, iżda li turi kif ninsabu deħlin f’fażi assolutament ġdida tal-istorja ekonomika.

5.18

Għalhekk tajjeb li l-komunikazzjoni tfakkar li, bħalma dejjem seħħ fl-epoki storiċi kollha, it-tkabbir ekonomiku jimxi skont is-sorsi tal-enerġija. Għaldaqstant, l-iżvilupp ekonomiku b’saħħtu ħafna li qiegħed iseħħ bħalissa jikkawża, fost l-effetti ewlenin tiegħu, pressjoni qawwija fuq is-sorsi tal-enerġija.

5.19

Hekk kif diġà ntqal ta’ min wieħed jenfasizza, l-effetti kkawżati mill-ispekulazzjoni li topera fuq firxa wiesgħa fis-suq taż-żejt u li tkabbar iċ-ċaqliq fil-prezzijiet li bla dubju jirriżulta minn effetti bażiċi ta’ natura strutturali.

5.20

Sabiex wieħed jifhem il-fenomenu ta’ ċaqlieq tal-prezzijiet li bħalissa terz tal-enerġija li għall-konsum titnissel miż-żejt!

5.21

Jekk isir eżami iktar bir-reqqa tad-data disponibbli dwar il-prezzijiet tas-suq taż-żejt, joħorġu riżultati sorprendenti, li ma jablux ma’ dak li ntqal fil-Komunikazzjoni (is-sors: inflationdata.com/inflation/inflation_Rate/Historical_Oil_Prices_Table.asp tal-Financial Trend Forecaster).

5.22

L-analiżi tad-data tagħti indikazzjoni li, minn tmiem is-snin erbgħin sa nofs is-snin sebgħin, il-prezz taż-żejt, muri f’termini reali, jiġifieri purifikat mill-inflazzjoni ġenerali marbuta mal-andament kumplessiv tal-prezzijiet, baqa’ sostanzjalment l-istess, ta’ ftit iktar minn medja ta’ 20 dollaru l-barmil! Dan jirriżulta mis-sorsi kollha li jistgħu jiġu kkonsultati f’dan ir-rigward.

5.23

Għal madwar tletin sena (il-perjodu li mbagħad fih żviluppat l-hekk imsejħa epoka tad-deheb tal-kapitaliżmu kontemporanju, li fir-rigward tagħha l-istoriku kbir Eric Hobsbawn tkellem dwar l-iktar fażi intensiva ta’ żvilupp ekonomiku esperjenzata sal-lum il-ġurnata mill-umanità fuq skala tant vasta), l-iżvilupp b’saħħtu ħafna tal-ekonomija dinjija ma twaqqafx min-nuqqas ta’ riżorsi tal-enerġija: jidher ċar li l-provvista, setgħet tlaħħaq ma’ domanda li bdiet tiżdied b’mod straordinarju.

5.24

Iżda bħalma hu magħruf, iż-żidiet f’daqqa fil-prezzijiet taż-żejt tas-snin sebgħin, bl-ewwel waħda taħbat mal-gwerra tal-Yom Kippur ta’ Ottubru 1973, u t-tieni mar-rivoluzzjoni ta’ Khomeini fl-Iran, iddeterminaw żidiet qawwijin ħafna fil-prezzijiet li kienu frott, skont il-Kummissjoni, għal azzjoni ta’ kontroll tal-produzzjoni li twettqet b’suċċess mill-kartell tal-OPEC.

5.25

Iżda, fil-fehma tal-KESE, fil-bażi ta’ dik il-kriżi u ta’ dik iż-żieda f’daqqa fil-prezzijiet kien hemm ukoll fatturi oħra, l-iktar, il-fażi ta’ diżordni monetarju kbir li laħqet il-quċċata tagħha bid-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ tisrif tad-dollaru ta’ Awwissu 1971. Dak id-diżordni nħoloq minn żbilanċi eċċessivi fil-bilanċ tal-ħlasijiet Amerikani, li għamlu ż-żamma tas-sistema monetarja b’rati tal-kambju stabbli ta’ Bretton Woods impossibbli. Il-kriżi tad-dollaru ssarrfet fi pressjonijiet ta’ inflazzjoni qawwija, li spiċċaw affettwaw lis-suq taż-żejt fuq skala kbira. Fl-aħħar nett, ta’ min wieħed ifakkar li fil-bidu tas-snin sebgħin is-sitwazzjoni ekonomika dinjija kienet karatterizzata minn spinta produttiva formidabbli 'l quddiem, li ddeterminat pressjoni b’saħħitha tad-domanda fuq is-suq kollu tal-materja prima.

5.26

Jidher li għandna aktar nagħtu każ tad-differenzi milli għax-xebħ mas-sitwazzjoni attwali. Bħala xebħ hemm biss it-tkabbir b’saħħtu ħafna tal-ekonomija dinjija. Iżda, ma jidhirx li jidhru manipulazzjonijiet importanti tas-suq, ħlief il-manuvri spekulattivi, li però huma differenti ħafna mill-azzjoni tal-kartell taż-żejt tal-OPEC, li beda jipparteċipa b’mod uffiċjali f’konferenzi internazzjonali reali.

5.27

Il-KESE isostni li, lanqas l-akkumulazzjoni attwali tar-riżervi tad-dollari, l-iktar fiċ-Ċina u fil-Ġappun, ma tixbah ħafna lill-proliferazzjoni ta’ riżervi ta’ valuti simili li seħħet bejn tmiem is-snin sittin u l-bidu tas-snin sebgħin. Iċ-Ċina u l-Ġappun joqogħdu attenti ħafna li ma jonfqux f’daqqa u bl-addoċċ ir-riżervi enormi tad-dollari tagħhom stess fis-suq.

5.28

Il-politika monetarji diffiċli ħafna tal-pajjiżi l-kbar tal-Punent wasslet, l-iktar mill-1986, għal waqgħa fil-prezzijiet. Interessanti li jintwera l-fatt li, dejjem f’termini reali, li minkejja t-tkabbir qawwi tal-ekonomija dinjija u tad-domanda għaż-żejt, il-medja tal-prezzijiet fis-seba’ snin bejn l-1993 u l-1999 kienet ekwivalenti għal 23 dollaru l-barmil, eżatt l-istess medja ta’ erbgħin sena qabel (1953-1959).

5.29

Il-KESE jaqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li ssostni li l-aċċelerazzjoni tat-tkabbir ekonomiku dinji, anke jekk m’għadhiex iffukata fuq l-ekonomiji avvanzati iżda f’dawk li qegħdin jiżviluppaw, xorta waħda m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala anqas importanti. Dan l-iżvilupp jidher li qanqal tendenza bażika marbuta maż-żieda fil-prezzijiet, f’termini nominali u reali, minn valur moderat ta’ madwar 30 dollaru l-barmil fl-2003 (sena li fiha bdiet il-fażi “serja” tas-sitwazzjoni dinjija) sal-valur tal-lum il-ġurnata ta’ iktar minn 60 dollaru, prattikament id-doppju. Huwa minnu li mill-2003 sal-2007 d-dollaru tilef kwart tal-valur tiegħu fil-konfront tal-euro u, għaldaqstant, il-prezzijiet taż-żejt f’euro ma rdoppjawx. Iżda xorta waħda żdiedu b’50 %.

5.30

Dan huwa minnu anke jekk l-“ogħla livell” li ntlaħaq f’Lulju li għadda ta’ 147 dollaru x’aktarx hu riżultat ta’ spekulazzjoni; u, jekk dak l-ogħla livell huwa ta’ natura spekulattiva, irridu nistennew fil-futur qarib, żieda fil-prezzijiet, meta l-ispekulaturi jibdew jakkwistaw mill-ġdid iż-żejt bi prezz tajjeb. Il-protagonisti tal-industrija dinjija taż-żejt, li s-setgħa tal-influwenza tagħhom għandha tal-anqas titnaqqas u ssir iktar trasparenti, attwalment jikkunsidraw fil-fatt bħala “normali”, il-prezz ta’ madwar 80 dollaru l-barmil, jiġifieri f’livell ħafna ogħla mill-prezzijiet reġistrati fil-bidu tal-fażi taż-żieda fil-prezzijiet (ta’ madwar 30 dollaru tal-perjodu 2002-2003).

Brussell, 25 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI