11.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/96


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE, fir-rigward ta’ rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

COM(2008) 428 finali – 2008/0143 (CNS)

2009/C 218/19

Nhar it-28 ta’ Awwissu 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur SANTILLÁN CABEZA.

Matul l-451 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta’ Frar 2009 (seduta tal-25 ta’ Frar 2009 ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’171 vot favur u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE japprova l-emendi tekniċi, ħafna minnhom essenzjali, li l-proposta għal Direttiva tagħmel għad-Direttiva 2006/112/KE. Madankollu, huwa mhux kuntent bl-ambitu limitat tal-proposta dovut għan-nuqqas ta’ kunsens politiku.

1.2

Kif intqal qabel, l-applikazzjoni tal-VAT fuq servizzi u prodotti li jiffrankaw l-enerġija u jibżgħu għall-ambjent huwa aspett li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat.

1.3

Fir-rigward tal-VAT imnaqqas fuq l-għoti ta’ servizzi li jikkonsistu fir-rinnovament, it-tiswija, l-alterazzjoni, il-manutenzjoni u t-tindif ta’ djar, il-KESE jiddubita jkunx xieraq li titneħħa r-referenza għall-akkomodazzjoni “soċjali”. Fi kwanlunkwe każ, peress li l-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa mhix obbligatorja, din id-deċiżjoni għandha tittieħed mill-Istati Membri individwali.

1.4

L-introduzzjoni fl-Istati Membri kollha tal-possibbiltà li japplikaw VAT imnaqqas fuq is-servizzi tar-restoranti u l-catering, li xi Stati Membri jirrifjutaw, għandha l-għan li tistabbilixxi kundizzjonijiet ugwali, billi r-riskju li tiġi ostakolata l-kompetizzjoni taħt l-arranġamenti eżistenti huwa baxx. Il-KESE japprova l-esklużjoni tax-xorb alkoħoliku mill-applikazzjoni ta’ rata iktar baxxa.

1.5

Fejn jidħlu “tiswijiet żgħar fuq proprjetà mobbli tanġibbli”, il-liġijiet tal-Istati Membri se jkollhom jispeċifikaw liema servizzi se jibbenefikaw mir-rata mnaqqsa, minħabba l-firxa wiesgħa tat-termini użati.

1.6

Il-KESE jipproponi li l-prodotti dijetetiċi għal ċertu mard għandhom jiġu ddikjarati li huma eżenti mill-VAT (ara punt 4.8.6 ta’ din l-opinjoni).

1.7

Il-KESE jissuġġerixxi li l-kriterju tal-proposta għandu jinbidel biex f’Anness III jidħlu s-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni fuq il-karozzi skont it-termini indikati f’punt 4.8.5.1 tal-opinjoni attwali.

1.8

Il-KESE jaqbel mal-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa għal kategoriji aktar wiesgħa ta’ merkanzija u servizzi sakemm dan huwa kompatibbli mar-riżorsi speċifiċi tal-baġit disponibbli għall-Istati Membri, is-sitwazzjoni ekonomika u l-interessi tas-suq intern bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

1.9

Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni favur l-armonizzazzjoni sħiħa tal-VAT, filwaqt li jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ deċiżjoni politika min-naħa tal-Kunsill tal-UE.

2.   Daħla

2.1   Il-proposta għal Direttiva li tirreferi għaliha l-opinjoni attwali tikkonsisti f’żidiet u adattamenti tekniċi għad-Direttiva tal-2006, minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva dwar il-VAT” (1).

2.2   Skont il-Kummissjoni, l-għan huwa li jiddaħħlu numru ta’ riformi urġenti biex jissolvew “il-problemi legali u politiċi li nqalgħu jew minħabba interpretazzjonijiet diverġenti tad-Direttiva jew minħabba nuqqas ta’ kundizzjonijiet ugwali għall-Istati Membri kollha fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rati mnaqqsa f’dawk l-oqsma fejn mhuwiex affettwat il-funzjonament xieraq tas-suq intern.”

2.3   L-għan huwa li tingħata aktar awtonomiija u ċertezza, kif ukoll trattament ugwali lill-Istati Membri.

2.3.1   Għalkemm hi mhix immirata esklussivament għall-SMEs, li huma wieħed mill-oqsma ta’ azzjoni prijoritarja tal-Istrateġija ta’ Liżbona, se jkollha effetti pożittivi fuqhom, billi s-setturi inkwistjoni jinkludu ħafna SMEs u l-proposta se tagħti ċertezza legali fil-qasam tat-tkomplija tal-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa ta’ VAT f’dawn is-setturi.

2.4   Saru erba’ tipi ta’ bidliet fid-Direttiva dwar il-VAT:

l-inklużjoni ta’ servizzi pprovduti lokalment, inkluż l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet permanenti u aġġornati dwar is-servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema elenkati fl-Anness IV li se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010. Konsegwentement l-Anness IV ser jitħassar;

it-tħassir tal-artikoli u l-paragrafi ta’ natura temporanja jew li jirrigwardaw sitwazzjonijiet speċifiċi fl-Istati Membri u li m’għadhomx japplikaw;

it-titjib fl-abbozzar;

it-tibdil fl-abbozzar ta’ Anness III, li jinkludi “l-lista ta’ provvisti ta’ merkanzija u servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 98”.

3.   L-Anness III il-ġdid

3.1   Tibdil fl-abbozzar jew żidiet f’kategoriji speċifiċi.

3.1.1   Kategorija 3: prodotti farmaċewtiċi. L-inklużjoni ta’ “prodotti assorbenti ta’ iġjene” li tkopri l-protezzjoni sanitarja femminili u l-ħrieqi tat-tfal.

3.1.2   Kategorija 4: apparat għal persuni b’diżabilità. Tiżdied il-frażi “apparat u […] tagħmir elettriku, elettroniku jew tagħmir ieħor u mezzi ta’ trasport …, kif ukoll it-tislif jew il-kiri …”. Il-Proposta issa tinkludi wkoll tagħmir jew apparat li huwa ddisinjat jew adattat apposta għal persuni b’diżabilità (eż. tastieri Braille, karozzi adattati speċjali).

3.1.3   Kategorija 6: kotba. L-inklużjoni ta’ “kotba bl-awdjo, […] CD-ROMs jew appoġġ fiżiku simili …”. Estensjoni ta’ kotba fuq CD, CD-ROM jew kull mezz fiżiku simili li b’mod predominanti jirriproduċi l-istess kontenut ta’ tagħrif testwali bħall-kotba stampati.

3.1.4   Kategorija 8: servizzi ta’ xandir tar-radju u tat-televiżjoni. Kjarifika li s-servizzi taxxabbli huma l-provvisti nfushom, mhux ir-riċezzjoni tagħhom.

3.1.5   Kategorija 9: provvista ta’ servizzi minn kittieba, eċċ. Kjarifika li l-kategorija tkopri wkoll lil “dawk remunerati permezz tad-drittijiet dovuti lilhom”. Bidla minħabba li d-drittijiet mhumiex servizzi taxxabbli, iżda l-ħlas għal ċerti servizzi.

3.1.6   Kategorija 16: servizzi ta’ funerali u kremazzjoni. L-għan tat-test il-ġdid huwa li jissepara l-għan tad-definizzjoni mill-kwalità tal-fornitur.

3.1.7   Kategorija 18: tindif ta’ toroq, trattament tal-iskart, eċċ. L-inkonsistenzi tneħħew bl-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa għal tliet servizzi addizzjonali li mhumiex inklużi fit-test attwali: “purifikazzjoni u riċiklaġġ ta’ ilma tar-rimi”, “dranaġġ” u “riċiklaġġ tal-iskart u servizzi li jwasslu għall-użu mill-ġdid”.

3.2   Estensjoni tal-provvisti marbuta mas-settur tad-djar u ċertu bini mhux kummerċjali.

3.2.1   Il-modifika ta’ Kategorija 10 u ż-żieda ta’ Kategorija ġdida 10a huma maħsuba biex:

jestendu l-għażla tal-Istati Membri bit-tneħħija tar-referenza għad-“djar ipprovduti bħala parti mill-politika soċjali”;

iżidu s-servizzi ta’ “rinnovament, tiswija u tindif ta’ djar” (bħalissa jinsabu fl-Anness IV) u l-manutenzjoni tagħhom;

jestendu t-tnaqqis għas-servizzi li jikkonsistu fir-rinnovament, it-tiswija, l-alterazzjoni, il-manutenzjoni u t-tindif li jsiru fil-“postijiet ta’ qima, il-wirt kulturali u l-monumenti storiċi.”

3.3   L-inklużjoni ta’ żewġ kategoriji ġodda

3.3.1   Servizzi ta’ restoranti u catering

3.3.2   Kategorija 12 tal-Anness III attwali (li mhix emendata) tkopri:

Akkomodazzjoni pprovduta f’lukandi u stabbilimenti simili, inkluża l-provvista ta’ akkomodazzjoni għall-vaganzi u l-kiri ta’ positijiet f’siti tal-kampeġġ u parks għall-karavani

3.3.3   Il-Kategorija ġdida (12a) tkopri:

Il-provvista ta’ servizzi ta’ restoranti u tal-catering bl-esklużjoni ta’ xorb alkoħoliku”.

3.3.3.1   Hemm żewġ raġunijiet għal din iż-żieda: a) il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha jiġu ttrattati l-istess, u b) minħabba li dawn is-servizzi jissodisfaw l-istess kriterji bħas-servizzi l-oħra pprovduti lokalment li ġew miżjuda.

3.3.4   Servizzi pprovduti lokalment

3.3.4.1   Dawn il-kategoriji ġodda jkopru ħames każijiet:

“19)

forniment ta’ servizzi tal-ġonna jew ta’ landscaping u manteniment (manutenzjoni) ta’ ġonna;

20)

tiswija minuri ta’ proprjetà mobbli tanġibbli, inklużi r-rota u tricycles (triċikli) ta’ kull tip iżda esklużi l-mezzi l-oħra kollha tat-trasport;

21)

servizzi ta’ tindif u ta’ manteniment (manutenzjoni) ta’ proprjetà mobbli tanġibbli;

22)

forniment ta’ servizzi ta’ kura domestika, bħall-għajnuna fid-dar u l-kura tat-tfal, l-anzjani, il-morda jew persuni b’diżabilità;

23)

kura personali tat-tip ipprovduta fis-salons tax-xagħar u fl-istabbilimenti ta’ kura estetika personali”.

3.3.4.2   Dawn il-Kategoriji jinkludu servizzi li diġà jidhru fl-Anness IV attwali, li jistabbilixxi arranġamenti temporanji sal-31 ta’ Diċembru 2010, iżda jinkludu wkoll xi servizzi ġodda ta’ natura simili.

4.   Kummenti

4.1   IL-KESE iddiskuta s-suġġett tal-opinjoni attwali bir-reqqa meta eżamina l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Lulju 2007 dwar ir-rati tal-VAT li ma jagħmlux parti mir-rati standard tal-VAT (2), li mbagħad kienet ibbażata fuq studju tal-Copenhagen Economics.

4.2   Fl-opinjoni tiegħu (3) il-KESE enfasizza l-aspetti li ġejjin:

Il-VAT jintuża mill-Istati Membri biex jintlaħqu għanijiet purament fiskali.

Ir-rati mnaqqsa huma tweġiba għall-kriterji politiċi u soċjali.

L-armonizzazzjoni tal-VAT tibqa’ proġett ftit li xejn realistiku, li jiġġustifika (skont il-Kummissjoni) tentattiv għall-armonizzazzjoni ta’ attivitajiet li għandhom impatt transkonfinali jew li jikkonformaw ma’ kriterji aċċettati tal-politika Komunitarja.

Għandu jiġi żgurat li kull tnaqqis fir-rati tal-VAT ikun ġenwinament imsejjes fuq raġunijiet soċjali.

Is-simplifikazzjoni u t-trasparenza iħaffu x-xogħol għan-negozji u l-kontrolli mill-awtoritajiet.

Jekk titwarrab għal mument l-illużjoni ta’ reġim definittiv, għandha tingħata aktar awtonomija lill-Istati Membri biex jistabbilixxu rati mnaqqsa għas-servizzi lokali.

4.2.1   Il-kummenti espressi f’dik l-opinjoni għadhom validi għal kollox.

4.3   Il-proposta għal Direttiva tagħmel biss tibdil parzjali u bidliet meħtieġa b’urġenza għall-arranġamenti attwali. Kif tispjega l-Kummissjoni, hi ma tippruvax tagħmel reviżjoni profonda tad-Direttiva eżistenti, li dwarha d-dibattu “għadu biss beda”. Madankollu hi jirnexxielha tindirizza kwistjonijiet ta’ importanza soċjali u ekonomika, bħall-VAT fuq restoranti, setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema, u servizzi pprovduti lokalment.

4.4   Emendi tekniċi

L-emendi purament tekniċi ġeneralment jimmeritaw l-appoġġ tal-KESE sakemm ikunu neċessarji, itejbu l-abbozzar u jiċċaraw aspetti kontroversjali.

4.5   Emendi li jikkonċernaw is-settur tad-djar.

4.5.1   Forniment u kostruzzjoni ta’ djar

4.5.1.1   L-applikazzjoni permanenti fuq kull tip ta’ dar, mhux biss dawk li jifformaw parti minn “politika soċjali”, kif stipulat fil-Kategorija 10 attwali, twessa’ b’mod sinifikanti l-kamp ta’ applikazzjoni tat-tnaqqis fil-VAT. Din il-bidla hija appoġġjata mill-argument li l-Istati Membri interpretaw it-tifsira ta’ “politika soċjali” b’modi differenti u anke minħabba r-regoli tal-post tat-tassazzjoni ta’ dawn il-provvisti, li jistabbilixxu t-tassazzjoni fil-post fejn tinsab il-proprjetà.

4.5.1.2   Għalkemm b’dan il-mod tinkiseb l-armonizzazzjoni, wieħed għandu jikkunsidra jekk dan l-approċċ daqshekk wiesa’ hux ażżardat iżżejjed, meta jitqies l-impatt tar-riforma (4). L-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa fuq id-djar kollha, ikunu xi jkunu l-prezz u l-iskop, se jirnexxielha tilħaq l-għan soċjalment u ekonomikament mixtieq?

4.6   Tiswija ta’ djar u bini ieħor

4.6.1   Ir-rinnovament u l-alterazzjonijiet diġà kienu inklużi fl-Anness III għad-djar bħala parti minn politika soċjali, u r-rinnovament u t-tiswija ta’ djar privati u t-tindif fid-djar privati kien diġà inklużi fl-Anness IV. Bir-raġun ġew miżjuda wkoll “postijiet ta’ qima, wirt kulturali u l-monumenti storiċi”.

4.6.2   Barra minn hekk, l-esklużjoni ta’ “materjali li jiffurmaw parti sinifikanti mill-valur tas-servizz ipprovdut” tneħħiet. Il-proposta għalhekk tagħmilha possibbli għal kulħadd li jinkludi t-tali provvista taħt ir-rata mnaqqsa, meta l-oġġetti jkunu parti mis-servizz ipprovdut.

4.6.2.1   Il-KESE jqis dawn iż-żewġ emendi bħala raġonevoli.

4.7   VAT imnaqqas fuq s-servizzi ta’ restoranti u catering

4.7.1   VAT imnaqqas fis-settur tar-restoranti u l-catering huwa kwistjoni sensittiva li ilha suġġetta għal diskussjoni. Ċerti Stati Membri ma jaqblux mal-proposta.

4.7.2   Skont l-istima tal-Impatt tal-Kummissjoni (5), is-settur tal-bars, ir-restoranti u s-servizzi tal-catering jifforma 6.1 % tal-konsum privat (6) u 1.9 % tal-valur miżjud. Huwa jirrappreżenta wkoll 3.3 % tal-impjiegi kollha (7). L-assoċjazzjoni tal-kummerċ HOTREC tindika li s-settur jinkludi 1 600 000 stabbiliment (8).

4.7.3   Kif diġa indika l-KESE, ir-rata applikata għas-settur taffettwa lil dak li huwa s-servizz lokali, iżda taffettwa wkoll il-mod ta’ kif jinfirex it-turiżmu fl-Istati Membri. Dan il-fatt, flimkien mal-fatt li l-VAT fuq ir-restoranti huwa sors ewlieni ta’ dħul, jikkomplika l-adozzjoni ta’ kriterju uniku fl-UE, u għalhekk għadha ma seħħitx (9).

4.7.3.1   Fir-rigward tat-turiżmu, l-effetti x’aktarx ikunu differenti fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, fir-rigward tas-settur tal-lukandi (simili għas-servizz tar-restoranti mill-perspettiva tas-suq intern) li bħalissa huwa eliġibbli għal rati ta’ VAT imnaqqsa, il-Kummissjoni mhix konxja minn ostakoli kkawżati mill-VAT. Aktar minn hekk, l-infiq fir-restoranti ma jidhirx li hu l-akbar infiq li jsir waqt il-vaganza.

4.7.4   L-arranġament attwali, bbażat fuq dispożizzjonijiet temporanji skont id-Direttiva 2006/112/KE fih diverġenzi importanti: 11-il Stat Membru diġa’ japplika r-rati mnaqqsa abbażi ta’ derogi speċifiċi (10), waqt li s-16 l-oħra ċċaħdu minn din il-possibiltà. L-emenda proposta għalhekk tersaq lejn uniformità ġenerali f’dan il-qasam.

4.7.5   L-esklużjoni ta’ xarbiet alkoħoliċi hija neċessarja għall-konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti li jirregolaw ix-xiri tagħhom fi stabbilimenti għal konsum aktar tard (11).

4.7.6   Fi kwalunkwe każ għandu dejjem jitqies li l-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa mhix obbligatorja, iżda hija possibbiltà disponibbli għall-Istati Membri.

4.8   Servizzi pprovduti lokalment (12)

4.8.1   Il-Kategoriji l-ġodda 19 sa 23 jkopru medda wiesgħa ta’ servizzi, uħud minnhom diġa’ inklużi fid-Direttiva eżistenti taħt dispożizzjonijiet temporanji: konsegwentement, jekk it-test ma jiġix emendat, huma jeħlu r-rata normali tal-VAT mill-1 ta’ Jannar 2011.

4.8.2   B’mod ġenerali m’hemmx riskju li tiġi ostakolata l-kompetizzjoni f’dan it-tip ta’ servizz li jħaddem għadd ġmielu ta’ nies.

4.8.3   L-inklużjoni tax-xogħlijiet fil-ġnien u servizzi relatati hija ġustifikata peress li dawn għandhom l-istess karatteristiċi tas-servizzi l-oħra.

4.8.4   Tiswija ta’ “proprjetà mobbli u tanġibbli”:

a)

il-kriterju li jiddefinixxi tiswijiet “minuri” inżamm;

b)

madankollu, bl-introduzzjoni ta’ bidla kunċettwali importanti, intgħażlet definizzjoni ġenerali minflok referenza speċifika għal ċerti oġġetti (bħal roti, żraben, eċċ.) Proprjetà mobbli hija proprjetà li tista’ tinġarr minn post għall-ieħor (skont id-definizzjoni tal-kodiċi ċivili Spanjol), u l-interpretazzjoni ta’ proprjetà tanġibbli hija dik stabbilita f’diversi sistemi ġuridiċi Ewropej. Il-kategorija l-ġdida hija wiesgħa ħafna, għalhekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali se jkollha tispeċifika t-tipi ta’ proprjetà li għalihom tapplika d-Direttiva skont il-korp leġiżlattiv ta’ kull pajjiż, għalkemm il-KESE jissuġġerixxi li ma jsirux restrizzjonijiet fuq tipi differenti ta’ servizzi.

4.8.5   It-tiswija u l-manutenzjoni tal-karozzi:

Fid-dawl tal-isforzi finanzjarji kbar li qed isiru mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri b’appoġġ għall-industrija tal-karozzi, hemm bżonn li t-tiswija u l-manutenzjoni tal-karozzi tiddaħħal b’mod espliċitu mas-servizzi pprovduti lokalment, biex jissaħħaħ il-poter tal-akkwist tas-sewwieqa Ewropej, titjieb il-kwalità u s-sigurtà tal-karozzi fit-triq u jitħarsu l-impjiegi fis-settur.

4.8.5.1   Għalhekk nissuġġerixxu li fl-Anness III jsiru dawn il-bidliet:

(8)(20) Wara “… tricycles (triċikli) ta’ kull tip”, biddel “iżda esklużi l-mezzi l-oħra kollha tat-trasport” b’ “vetturi motorizzati privati u industrijali”;

(8)(21) Wara “proprjetà tanġibbli”, żid “fosthom dawk għal vetturi motorizzati privati u industrijali”.

4.8.6   Ikel speċjali għal ċertu mard:

Ikel dijetetiku għal ċertu mard, bħalma huma l-phenylcetonuria jew il-coeliac disease, għandhom jitqiesu bħala eżenti mill-VAT.

4.9   Servizzi li jirrikjedu ħafna ħaddiema

4.9.1

Dawn is-servizzi huma diġa’ inklużi fis-servizzi pprovduti lokalment (sezzjoni 4.8).

4.9.2

B’mod ġenerali, dawn jirrikjedu xogħol li l-biċċa l-kbira tiegħu (fil-kuntest tal-ekonomija sħiħa) jsir minn nisa u rġiel bi ftit ħiliet u f’impjieg temporanju. Trattament fiskali iktar favorevoli jista’ jippromwovi aktar stabbilità fl-impjieg tagħhom.

4.9.3

Fir-rigward tal-effetti, il-Copenhagen Economics jipprovdi xi data fuq iż-żieda stmata fil-PGD bħala riżultat tat-tnaqqis tal-VAT fuq servizzi li huma pprovduti lokalment u f’restoranti minħabba l-ispostament tad-DIY mill-ekonomija formali għall-ekonomija s-sewda.

Brussell, 25 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347 tal-11.12.2006).

(2)  COM(2997) 380 finali tal-5.7.2007.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar ir-rati tal-VAT minbarra r-rati standard tal-VAT”, ĠU C 211, 19.8.2008, p. 67.

(4)  B’kollox is-settur tal-kostruzzjoni jirrapreżenta 6.2 % tal-valur miżjud (EU-27), u l-bini tad-djar huwa nofs dan il-persentaġġ, jiġifieri 3.1 %.

(5)  SEC(2008) 2190. Brussell, 7.7.2008.

(6)  UE-25 (l-Istati Membri kollha minbarra l-Bulgarija u r-Rumanija).

(7)  UE-27. Jekk jitqiesu l-lukandi wkoll, it-total jitla’ għal 4.4 %.

(8)  Lukandi, restoranti u kafeterji fl-Ewropa. Il-figura tirreferi għat-tliet setturi. HOTREC tikkonkludi li n-numru ta’ persuni impjegati magħhom huwa tal-anqas 9 000 000.

(9)  Filwaqt li xi Stati Membri, bħal Franza, huma favur l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa li diġà hemm f’pajjiżi oħra, il-Ġermanja, fost l-oħrajn topponi l-proposta, peress li topponi kull żjieda fil-firxa tat-tnaqqis tar-rati tal-VAT.

(10)  Dawn huma: il-Greċja, Spanja, l-Irlanda, l-Italja, Ċipru, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, u l-Islovenja.

(11)  Id-Direttiva 2006/112/KEE, Anness III Kategorija 1 tkopri “Oġġetti tal-ikel (fosthom xorb iżda teskludi x-xorb alkoħoliku) …”.

(12)  Is-servizzi lokali, fosthom parti kbira mis-servizzi li jeħtieġu ħafna ħaddiema jiffurmaw 4.8 % tal-konsum privat (UE-25, bl-esklużjoni tal-Bulgarija u r-Romanija) u 2.1 % tal-valur miżjud. Huma meqjusa li ma tantx għandhom piż ekonomiku, ħlief fil-każ tat-tiswijiet fuq il-bini.