11.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, azzjonijiet u strumenti

COM(2008) 359 finali

2009/C 218/15

Nhar is-17 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, azzjonijiet u strumenti

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Diċembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur PARIZA CASTAÑOS. Il-korapporteur kienet is-Sinjura BONTEA.

Matul l-451 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta’ Frar 2009 (seduta tal-25 ta’ Frar 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’130 vot favur, vot wieħed kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet: Niġġestixxu l-Immigrazzjoni

1.1

Il-KESE ppropona li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jwarrab r-regola dwar l-unanimità għall-politika tal-immigrazzjoni u jadotta d-deċiżjonijiet mal-Parlament, b’maġġoranza kwalifikata u b’kodeċiżjoni. Jemmen li l-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni għandha tiddaħħal fit-Trattat ta’ Liżbona skont il-proċedura ordinarja. B’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi attwali li jistgħu jdewmu l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Liżbona, il-Kumitat jixtieq itenni l-proposta tiegħu lill-Kunsill biex jadotta proċedura temporanja ħalli jitħaffef id-dħul fis-seħħ tal-maġġoranza kwalifikata u tas-sistema ta’ kodeċiżjoni.

1.2

Fl-opinjonijiet tiegħu, il-Kumitat wera li l-politika u l-leġiżlazzjoni tal-immigrazzjoni għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha, it-trattament ugwali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. Biex isaħħaħ dan l-objettiv, il-KESE jipproponi li għandhom jiddaħħlu żewġ prinċipji komuni ġodda: id-Drittijiet Fundamentali, u l-Istat tad-Dritt u l-Libertajiet Fundamentali.

1.3

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jwaqqfu mekkaniżmu għall-konsultazzjoni tal-parteċipanti interessati kollha, l-iktar l-imsieħba soċjali (it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem) iżda wkoll is-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet tal-immigranti, l-esperti akkademiċi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Kumitat adotta opinjoni (1) dwar il-ħolqien ta’ Forum dwar l-Integrazzjoni Ewropea għall-istrutturar ta’ din il-parteċipazzjoni u għat-tisħiħ tar-rwol tal-KESE.

1.4

Għaddew ħafna snin minn meta l-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK), li ġie appoġġjat mill-KESE (2) u mill-Parlament iżda ma ġiex adottat mill-Kunsill. Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għal metodoloġija komuni, u jqisha bħala l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni. Fil-fehma tal-Kumitat, il-prinċipji komuni għandhom jinbidlu f’indikaturi ta’ miri komuni u dawn għandhom jiffurmaw parti mill-profili tal-immigrazzjoni nazzjonali. Kull Stat Membru ser ifassal rapport annwali u l-Kummissjoni ser tħejji rapport ta’ sinteżi annwali biex jitressaq quddiem il-Parlament Ewropew. Il-KESE jikkunsidra li hu wkoll għandu jiġi kkonsultat f’dan il-proċess. Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ser jagħmel evalwazzjoni politika u jislet rakkomandazzjonijiet fuq il-bażi tar-rapport tal-Kummissjoni.

1.5

B’konformità mal-proċeduri nazzjonali, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-parlamenti nazzjonali ser jipparteċipaw fit-tfassil tar-rapporti annwali għal kull Stat Membru. Il-KESE jixtieq li jenfasizza l-ħtieġa li dan ir-rapport annwali jiġi ppubblikat, promoss u li jiżdied l-għarfien pubbliku dwaru.

1.6

Il-Kumitat jikkunsidra l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni bħala strument adegwat għall-iżgurar tal-koerenza bejn il-politiki nazzjonali u għandu jintuża biex jiżgura li l-Istati Membri jimxu ’l quddiem flimkien biex jintlaħqu l-miri stipulati f’Tampere u b’hekk tinħoloq żona Ewropea ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-MMK għandu jiġi implimentat mingħajr dewmien għat-twettiq tal-qafas legali stipulat fit-Trattat u kkonfermat matul il-Kunsilli ta’ Tampere u tal-Aja.

1.7

Il-Kumitat jixtieq li l-UE jkollha leġiżlazzjoni adegwata u armonizzata biżżejjed biex l-immigrazzjoni tgħaddi minn proċeduri legali, flessibbli u trasparenti, li permezz tagħhom ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu ttrattati b’mod ġust, bi drittijiet u b’obbligi bħal dawk li jgawdu minnhom iċ-ċittadini tal-UE.

1.8

Il-Kumitat jikkunsidra li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-imsieħba soċjali tippermetti lil numru konsiderevoli ta’ nies, li llum qed jaħdmu b’mod illegali, biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni amministrattiva tagħhom sabiex l-impjieg tagħhom jiġi regolarizzat.

1.9

Għandhom jitjiebu l-kooperazzjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, bl-inklużjoni ta’ element finanzjarju qawwi. Għalhekk il-Fondi tal-Programm Ġenerali għas-Solidarjetà u l-Ġestjoni tal-Flussi Migratorji (2007-2013) għandhom jintużaw b’mod effettiv bħala mezz ta’ qsim ta’ piż u ta’ suppliment għar-riżorsi baġitarji nazzjonali.

2.   Daħla

2.1

L-għan tal-Komunikazzjoni hu li tiżgura li l-Kunsill jadotta ġabra ta’ prinċipji politiċi komuni biex jitmexxa l-iżvilupp ġejjieni tal-politika dwar l-immigrazzjoni u tifforma parti minn proċess politiku usa’ għall-iżvilupp tal-pedamenti politiċi għall-adozzjoni tal-programmi multiannwali l-ġdid għall-politiki tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, li ser jieħdu post l-Programm tal-Aja u li ser jiġu adottati tul il-Presidenza Żvediża matul it-tieni nofs tal-2009.

2.2

Il-Presidenza Franċiża ppruvat tiżgura l-approvazzjoni tal-Kunsill għall-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil (3) sabiex tagħti spinta ġdida lil dawn il-politiki u ttejjeb il-kooperazzjoni intergovernattiva.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li għandha l-għan li ttejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar il-politika dwar l-immigrazzjoni fl-UE u jikkunsidra li huwa importanti li jissaħħu l-valur miżjud ta’ politika komuni Ewropea dwar l-immigrazzjoni u tar-rwol proattiv li għandu jkollha l-Kummissjoni.

3.2

Il-Presidenza Franċiża kellha tikkonsulta ’l-Kumitat dwar il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. Il-KESE jikkunsidra li l-approċċ tal-Kummissjoni jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ il-metodu Komunitarju u l-konklużjonijiet tal-Kunsill jenfasizzaw il-kooperazzjoni intergovernattiva. Il-Kumitat jilqa’ l-idea ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gvernijiet u jissuġġerixxi lill-Kunsill li jappoġġja d-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni u li l-Parlament u l-KESE għandu jkollhom rwol aktar attiv fil-proċess ta’ żvilupp tal-politiki dwar l-immigrazzjoni.

3.3

Il-Komunikazzjoni tinnota li l-politika komuni dwar l-immigrazzjoni hi prijorità ewlenija għall-UE. Il-politika għandha titmexxa b’approċċ koordinat u integrat fil-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali u għandha tiġi żviluppata bi sħubija u b’solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-Komunikazzjoni tipproponi l-adozzjoni ta’ ġabra ta’ prinċipji komuni u politikament vinkolanti miftiehma mill-Kunsill u żviluppati permezz ta’ miżuri speċifiċi. Din għandha tiġi akkumpanjata b’metodoloġija komuni u mekkaniżmu ta’ monitoraġġ.

3.4

Il-KESE jappoġġja b’mod ġenerali dawn l-objettivi.

3.5

Il-KESE ppropona (4) li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jwarrab r-regola tal-unanimità fil-politika dwar l-immigrazzjoni u jadotta d-deċiżjonijiet b’maġġoranza kwalifikata u b’kodeċiżjoni.

3.6

Il-Kumitat wera, fl-opinjonijiet tiegħu, li l-politika u l-leġiżlazzjoni tal-immigrazzjoni għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem ta’ kull persuna, it-trattament ugwali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u b’hekk jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni, li l-politika dwar l-immigrazzjoni “Għandha tinbena fuq il-valuri universali tad-dinjità umana, tal-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà li tħaddan l-UE, inkluż rispett sħiħ lejn il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani.”

3.7

Meta t-Trattat ta’ Liżbona jidħol fis-seħħ ser tkun l-ewwel darba fl-istorja tal-integrazzjoni Ewropea li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ser tkun rikonoxxuta uffiċjalment bħala legalment vinkolanti fuq l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-UE fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja. Kemm l-Istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-politiki kollha, inklużi dawk marbuta maż-żona tal-libertà, sigurtà u ġustizzja, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.

3.8

Barra minn hekk l-Artikolu 47 tat-TUE, hekk kif stipulat fit-Trattat ta’ Liżbona, jirrikonoxxi li “L-Unjoni għandha jkollha personalità ġuridika”; u l-Artikolu 6.2 tal-istess Trattat jistipula li, skont din il-personalità l-ġdida, “L-Unjoni għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.

3.9

Il-KESE ppropona (5) li l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill tal-UE jippromovi, fil-kuntest tal-politika esterna, qafas legali internazzjonali għall-migrazzjoni, fuq il-bażi tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali. Dan il-qafas legali internazzjonali għandu jinkludi l-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO u tal-Konvenzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom, li għadha ma ġietx irratifikata mill-Istati Membri tal-UE, minkejja l-fatt li l-KESE adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja (6) fejn ippropona li dan għandu jsir.

3.10

Biex isaħħaħ dan l-objettiv, il-KESE jipproponi li għandhom jiddaħħlu żewġ prinċipji komuni ġodda: Id-drittijiet Fundamentali, u l-Istat tad-Dritt u l-Libertajiet Fundamentali.

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-prinċipji bażiċi

4.1

Il-Kummissjoni qed tipproponi għaxar prinċipji komuni għall-żivilupp ta’ politika komuni dwar l-immigrazzjoni, miġbura taħt tliet intestaturi: il-prosperità, is-sigurtà u s-solidarjetà.

4.2

Madankollu l-KESE jinnota li l-prinċipji misluta mid-drittijiet fundamentali huma neqsin; peress li l-politika u l-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni (ammissjoni, fruntieri, viżi, ritorn, kundizzjonijiet ta’ reżidenza, eċċ.) tal-UE l-Istati Membri tagħha għandhom jirrispettaw id-dinjità umana u d-drittijiet fundamenti, il-KESE jissuġġerixxi li għandha tiżdied intestatura ġdida bl-isem ta’ Id-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi żewġ prinċipji ġodda:

Prinċipju A:   Drittijiet Fundamentali

4.3

Fil-politiki tagħhom dwar l-immigrazzjoni, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom, jirrispettaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġġieldu kontra ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni u jsaħħu l-prinċipju ta’ trattament ugwali. Ir-rispett ta’ dawn il-prinċipji għandu jifforma l-bażi għall-abbozzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-immigrazzjoni.

4.4

F’opinjoni (7) reċenti tiegħu, il-KESE stqarr li d-drittijiet u l-obbligi għal ċittadini minn pajjiżi terzi – imniżżla fil-proposta għal Direttiva dwar il-proċedura unika (COM(2007) 638 finali) dwar it-trattament ugwali fir-rigward tas-salarji, kundizzjonijiet tax-xogħol, libertà ta’ assoċjazzjoni, edukazzjoni u żvilupp professjonali – jiffurmaw bażi tajjeb għall-leġiżlazzjoni futura dwar l-immigrazzjoni.

Prinċipju B:   L-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali

4.5

B’kunsiderazzjoni tal-ftehim tal-Istati Membri li l-UE għandha tirratifika l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-KESE jemmen li l-garanziji legali stipulati f’din il-konvenzjoni għandhom jiddaħħlu fil-prinċipji komuni għall-politika dwar l-immigrazzjoni, biex jiġi żgurat li l-immigranti kollha jkollhom aċċess effettiv għad-drittijiet u garanziji stipulati mill-Istat tad-Dritt sakemm ikunu residenti fl-UE.

5.   Il-prinċipji bażiċi komuni għall-iżvilupp ġejjieni tal-politika komuni dwar l-immigrazzjoni (proposta tal-Kummissjoni Ewropea)

5.1

Prosperità: il-kontribut tal-immigrazzjoni legali lejn l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-UE.

5.2

Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-kontribut li l-immigrazzjoni legali għamlet lejn l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-UE. Il-KESE kemm-il darba kkummenta fuq l-effetti pożittivi tal-immigrazzjoni għas-soċjetajiet ospitanti fl-Ewropa, b’kunsiderazzjoni tal-isfidi tal-Istrateġija ta’ Liżbona. Għalhekk il-Kumitat jittama li ser jitneħħew malajr il-limitazzjonijiet kaġun tal-perijodi tranżizzjonali li jaffettwaw liċ-ċittadini tal-Istati l-Membri l-ġodda.

5.3

Is-sezzjoni dwar il-prosperità tinkludi tliet prinċipji:

Prinċipju 1:   Regoli ċari u opportunitajiet indaqs għal kulħadd

5.4

Il-Kumitat jittama li l-UE jkollha leġiżlazzjoni adegwata u armonizzata biżżejjed biex l-immigrazzjoni tgħaddi minn proċeduri legali, flessibbli u trasparenti, li permezz tagħhom ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu ttrattati b’mod ġust, bi drittijiet u b’obbligi bħal dawk li jgawdu minnhom iċ-ċittadini tal-UE.

5.5

Hu essenzjali li l-UE tikkoopera mal-pajjiżi tal-oriġini sabiex tiġġestixxi l-flussi migratorji. Dan l-aħħar il-KESE adotta żewġ opinjonijiet (8) li jipproponu li għandha tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-oriġini u l-pajjiżi ospitanti Ewropej.

5.6

Il-politika komuni dwar il-viżi għandha tiġi applikata b’aktar flessibbiltà, għaliex ta’ spiss ixxekkel il-ġestjoni tal-flussi migratorji legali.

Prinċipju 2:   Bilanċ bejn il-ħiliet u l-ħtiġijiet

5.7

Bħala parti mill-Istrateġija ta’ Liżbona, l-immigrazzjoni bi skopijiet ekonomiċi għandha tkun sensittiva għal evalwazzjoni komuni bbażata fuq il-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol fl-UE, li tkun indirizzata lejn il-livelli kollha ta’ ħiliet, u lejn is-setturi kollha, sabiex tkun tista’ tiżġura l-prinċipju ta’ preferenza Komunitarja.

5.8

F’opinjoni (9) reċenti tiegħu, il-KESE għamel numru ta’ proposti marbutin mad-Direttiva “Karta Blu”, fir-rigward tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ “ħaddiema kkwalifikati” fl-UE u fl-Istati Membri sal-2020.

5.9

Fir-rigward tal-iżvilupp ta’ “profili tal-immigrazzjoni” li jagħtu informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-immigranti fis-suq tax-xogħol nazzjonali, il-Kumitat hu tal-fehma li jenħtieġ titjib fid-data nazzjonali u tal-UE dwar il-flussi migratorji u s-swieq tax-xogħol; il-KESE jikkunsidra li l-kunċett ta’ “profili tal-immigrazzjoni” għandu jkunu flessibbli u għandu jikkunsidra l-adattabbiltà tal-ħaddiem.

5.10

Il-KESE jixtieq li jenfasizza l-importanza tal-għarfien tal-lingwi u ta’ taħriġ professjonali għall-ħaddiema immigranti – li huma essenzjali biex jiġi żgurat li dawn ikunu kapaċi jsibu xogħol u jkunu jistgħu jadattaw aħjar għall-bidliet fis-suq tax-xogħol – flimkien mal-ħtieġa li jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki professjonali miksuba barra mill-UE.

5.11

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-objettiv tal-promozzjoni tal-intrapriża fost l-immigranti. Madankollu, sabiex jinkiseb dan l-objettiv, jeħtieġ li jingħelbu l-ostakoli dwar l-immigrazzjoni li għadhom jeżistu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

5.12

Peress li l-ħaddiema immigranti għandhom riskju akbar ta’ telf ta’ impjieg, hu essenzjali li jiġu żviluppati miżuri sabiex ikun hemm aktar impjegati, b’enfasi partikolari fuq in-nisa u indivdwi partikolarment żvantaġġjati.

5.13

Il-KESE jikkunsidra li biex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali, il-miżuri maħsuba fid-Direttiva dwar sanzjonijiet kontra min iħaddem għandhom jintużaw flimkien ma’ inċentivi u politiki attivi għar-regolarizzazzjoni u l-legalizzazzjoni tal-impjieg tal-immigranti. Biex dan iseħħ tenħtieġ aktar flessibbiltà fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-immigrazzjoni, kif ukoll rabta eqreb mat-tendenzi tas-suq tax-xogħol, peress li jenħtieġ li tiġi żviluppata u msaħħa l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u jkun hemm djalogu soċjali adegwat.

5.14

Għandha tiġi żgurata l-konformità mar-regolamenti tal-ILO, speċjalement mal-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-ħaddiema migranti (C 97 u C 143).

Prinċipju 3:   L-integrazzjoni hija ċ-ċavetta għal immigrazzjoni b’suċċess

5.15

Il-KESE ħareġ numru ta’ opinjonijiet (10) li jippromovu l-politika dwar l-imigrazzjoni u jinnota bi pjaċir li l-integrazzjoni hi waħda mill-prinċipji ewlenin tal-politika dwar l-immigrazzjoni. Il-“prinċipji bażiċi komuni”, li ġew adottati mill-Kunsill fl-2004, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-politiki dwar l-integrazzjoni, u l-ewwel wieħed fosthom jirreferi għall-integrazzjoni bħala proċess reċiproku jew li ġej miż-żewġ naħat (bejn l-immigranti u s-soċjetà ospitanti). Il-Kumitat jaqbel mal-mira tal-Kummissjoni li s-soċjetajiet Ewropej “għandhom itejbu l-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw id-diversità ġejja mill-immigrazzjoni, u jtejbu l-koeżjoni soċjali.

5.16

Il-Kumitat jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni u jemmen li l-konsolidazzjoni tal-Qafas tal-UE dwar l-Integrazzjoni ser jeħtieġ spinta politika ġdida mill-Kunsill. Il-KESE ppropona l-kunċett ta’ “integrazzjoni ċivika” li hu bbażat fuq “l-armonizzazzjoni progressiva tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-immigranti, kif ukoll tal-aċċess għall-oġġetti, għas-servizzi u għall-mezzi ta’ parteċipazzjoni ċivika sabiex dawn isiru aktar konformi ma’ dawk tal-bqija tal-popolazzjoni, bil-kondizzjonijiet ta’ opportunitajiet u trattament indaqs (11). Għalhekk hu essenzjali li jiġi żgurat li l-immigranti jipparteċipaw aktar soċjalment u politikament fil-livelli lokali, nazzjonali u Ewropej. Il-Kumitat ħareġ opinjoni għall-Konvenzjoni Ewropea (12), fejn ippropona li ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi u li huma residenti għal perijodu twil għandhom jingħataw iċ-ċittadinanza tal-UE.

5.17

Bħalissa l-Kummissjoni qiegħda tikkoordina netwerk nazzjonali ta’ punti ta’ kuntatt li qed tkun esperjenza pożittiva ħafna. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ skambju u analiżi ta’ esperjenzi u prattika tajba mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-fatt li l-Kunsill ser joħloq Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, li ser jeħtieġ l-iżvilupp ta’ sistemi adegwati ta’ statistika u indikaturi komuni li l-Istati Membri għandhom jużaw fl-evalwazzjoni tar-riżultati tal-politiki dwar l-integrazzjoni.

5.18

Għandhom jiġu żviluppati “programmi ta’ integrazzjoni għal immigranti li jkunu għadhom kif jaslu” li jinkludu dimensjoni lingwistika (it-tagħlim ta’ lingwa), dimensjoni kulturali u ċivika (impenn lejn il-valuri fundamentali Ewropej) fil-qafas ta’ “proċeduri nazzjonali speċifiċi” bħall-“curricula ta’ integrazzjoni, impenji espliċiti fuq l-integrazzjoni, programmi ta’ merħba, pjani nazzjonali għaċ-ċittadinanza u l-integrazzjoni, korsijiet ta’ introduzzjoni għan-normi ċiviċi, jew ta’ orjentazzjoni”.

5.19

Il-Kumitat, flimkien mal-Fundazzjoni ta’ Dublin u l-imsieħba soċjali, analizza l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema immigranti (13) u kkonkluda li d-diversità fil-postijiet tax-xogħol tkabbar l-opportunitajiet tal-kumpaniji u tal-ħaddiema u li l-kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali għandha tikkumplimenta l-leġiżlazzjoni u l-politika pubblika waqt ix-xogħol.

5.20

F’numru ta’ opinjonijiet, il-KESE ppropona li d-drittijiet tal-immigranti għandhom jiddaħħlu fil-leġiżlazzjoni Ewropea u li l-immigranti għandhom jiġu infurmati dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom (skont il-liġi tal-pajjiż ospitant).

5.21

Meta jitqies il-fatt li f’xi Stati Membri d-drittijiet tal-immigranti huma marbutin mat-tul ta’ residenza tagħhom, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-immigranti għandu jkollhom aċċess sħiħ u bla diskriminazzjoni għall-kura tas-saħħa, il-protezzjoni soċjali, is-sigurtà soċjali u d-drittijiet tal-pensjonijiet. Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil jistipula wkoll il-garanzija ta’ ċerti drittijiet bħall-aċċess għall-“edukazzjoni, xogħol, sigurtà u servizzi pubbliċi u soċjali”.

5.22

Fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper, il-Kumitat ippropona li għandhom jiġu rikonoxxuti d-diversi drittijiet (14).

5.23

Il-KESE ippropona, f’diversi opinjonijiet (15), li tiġi mmodifikata d-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għar-rijunifikazzjoni tal-familja, minħabba li hija restrittiva ħafna, ma tirrispettax id-drittijiet fundamentali u toħloq ostakolu għall-integrazzjoni.

5.24

Barra minn hekk sa Marzu 2009 għandu jitwaqqaf il-Forum dwar l-Integrazzjoni Ewropea hekk kif propost mill-KESE (16) u rratifikat mill-konferenza preparatorja ta’ April 2008. L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-membri tal-Forum fit-twettiq ta’ xogħolhom.

5.25

Solidarjetà: kordinazzjoni bejn l-Istati Membri u kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.

5.26

Il-Kummissjoni tipproponi t-titjib tas-solidarjetà politika. Is-sezzjoni bl-isem ta’ Solidarjetà u Immigrazzjoni hi bbażata fuq tliet prinċipji:

Prinċipju 4:   Trasparenza, fiduċja u kooperazzjoni

5.27

Il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ solidarjetà politika u operattiva, fiduċja reċiproka, trasparenza, qsim tar-responsabbiltà u sforzi konġunti mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri. Il-KESE jappoġġja dawn il-prinċipji u jixtieq jenfasizza l-ħtieġa li nmorru lil hinn mill-isfera intergovernattiva biex tiġi ggarantita l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-politika komuni dwar l-immigrazzjoni.

5.28

Jenħtieġ li titjieb id-distribuzzjoni tal-informazzjoni u l-fiduċja reċiproka u li jiġu adottati aktar approċċi koordinati, jiġi mmonitorjat l-impatt ta’ miżuri nazzjonali lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u jiġu żviluppati sistemi interoperabbli, b’kunsiderazzjoni tal-attivitajiet tal-EUROSUR.

5.29

F’opinjoni (17) reċenti, il-KESE appoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea biex jiżguraw li l-Istati Membri jtejbu l-istatistika tagħhom dwar l-immigrazzjoni.

Prinċipju 5:   Użu effettiv u koerenti tal-mezzi disponibbli

5.30

Is-solidarjetà għandha tinkludi element qawwi finanzjarju li jikkunsidra s-sitwazzjoni speċifika tal-fruntieri esterni ta’ xi Stati Membri. Għalhekk il-fondi tal-Programm Ġenerali dwar is-Solidarjetà u l-Immaniġjar tal-Flussi Migratorji (2007-2013) għandhom jintużaw b’mod effettiv bħala mezz ta’ qsim ta’ piż u ta’ suppliment għar-riżorsi baġitarji nazzjonali.

5.31

Il-KESE ħejja opinjoni (18) li tikkritika l-approċċ adottat fil-politiki dwar il-ġestjoni tal-flussi migratorji u jipproponi approċċ li l-ewwel u qabel kollox jikkunsidra lill-individwi bħala pussessuri ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem.

5.32

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet urġenti, bħal dawk maħluqa mill-influss qawwi ta’ immigranti. Il-Kumitat jixtieq jinnota wkoll li xi kultant ikun hemm emerġenzi umanitarji li jeħtieġu s-solidarjetà mill-UE.

5.33

Il-KESE jappoġġja r-ratifika tal-Kumitat Baġitarju tal-Parlament Ewropew għal emenda għall-Baġit tal-UE għall-2009 sabiex jiġu allokati riżorsi finanzjarji għall-ħolqien ta’ “Mekkaniżmu ta’ Solidarjetà” li jippermetti l-qsim tal-piż fost l-Istati Membri tal-UE. Dan jinkludi l-allokazzjoni ta’ fondi għall-Fond Ewropew għar-Rifuġjati, il-promozzjoni ta’ skemi ta’ rilokar u l-fondi tal-Aġenzija Frontex tal-UE biex tkun tista’ testendi l-missjonijiet marittimi tagħha fl-Ewropa tan-Nofsinhar fuq bażi permanenti b’effett minn Jannar li jmiss.

Prinċipju 6:   Tisħib ma’ pajjiżi terzi

5.34

Il-KESE fassal żewġ opinjonijiet (19) fejn ippropona approċċ ġdid għall-politiki Ewropej: il-politika dwar l-immigrazzjoni għandha tkun ġestita b’kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini, sabiex jiġi żgurat li l-migrazzjoni hi fattur ta’ żvilupp f’dawk il-pajjiżi. Dan ikun ifisser ir-riformular ta’ ħafna aspetti ta’ dawn il-politiki, inklużi dawk li jittrattaw il-kriterji ta’ ammissjoni u l-opportunitajiet għall-mobbiltà tal-migranti.

5.35

Għalhekk il-Kumitat jilqa’ dan il-prinċipju, għaliex il-ġestjoni tal-flussi migratorji teħtieġ sħubija u kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi.

5.36

It-telf akkademiku għandu jiġi limitat, it-taħriġ u l-edukazzjoni mtejba u s-swieq tax-xogħol lokali msaħħa. Ix-xogħol deċenti għandu jiġi promoss, u għandu jingħaraf l-iżvilupp potenzjali tal-bgħit tal-flus u titwaqqaf l-immigrazzjoni irregolari.

5.37

Għandhom jiġu stabbiliti sħubijiet tal-mobbiltà bejn l-Istati Membri interessati u l-pajjiżi terzi, biex titwitta’ t-triq għal emigrazzjoni legali lejn l-Ewropa.

5.38

Għandhom jiġu offruti possibbiltajiet għal migrazzjoni ċirkolari, permezz ta’ miżuri legali u operattivi li jiggarantixxu lill-immigranti illegali d-dritt ta’ aċċess prijoritarju għal residenza legali aktar fit-tul fl-UE.

5.39

Il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni għandhom jinkludu aspetti bħas-sigurtà soċjali, u jkopru, fost affarijiet oħra, il-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ drittijiet soċjali akkwiżiti, b’mod speċjali tad-drittijiet għall-pensjoni, lejn il-pajjiżi tal-oriġini.

5.40

Sigurtà: ġlieda effettiva kontra l-“immigrazzjoni illegali”

5.41

F’opinjonijiet (20) preċedenti, il-KESE wissa li meta d-definizzjoni “immigrazzjoni illegali” tintuża biex tirreferi għal migranti individwali, din għandha tiġi ppreċiżata. Għalkemm mhuwiex legali li wieħed jidħol f’pajjiż mingħajr id-dokumenti u l-awtorizzazzjoni meħtieġa, dawk li jagħmlu hekk mhumiex kriminali. L-immigranti irregolari mhumiex kriminali, anke jekk is-sitwazzjoni tagħhom mhijiex legali. Il-kriminali vera huma dawk l-individwi li jittraffikaw illegalment lin-nies u li jisfruttaw l-immigranti illegali.

5.42

Is-sezzjoni dwar is-sigurtà tinkludi erba’ prinċipji:

Prinċipju 7:   Politika dwar il-viżi li tkun taqdi l-interessi tal-Ewropa u ta’ sħabha.

5.43

Il-KESE jixtieq ikun jaf jekk il-Kummissjoni għandhiex informazzjoni biżżejjed biex tevalwa l-impatt tal-politika dwar il-viżi fuq it-tnaqqis tal-immigrazzjoni illegali. Ir-rekwiżit għan-nies f’xi pajjiżi terzi li jkollhom viżi għal perijodu qasir jista’ jnaqqas l-immigrazzjoni illegali minn dawn il-pajjiżi, iżda jista’ jżid ukoll n-numru ta’ individwi li jaqgħu vittma tan-netwerks ta’ traffikar illegali u ta’ kuntrabandu tal-persuni. Barra minn hekk, politika dwar il-viżi tista’ tkun diskriminatorja ħafna kaġun tal-mobbiltà ristretta u għalhekk l-awtoritajiet konsolari għandhom jiġġestixxu din il-kwistjoni b’attenzjoni, billi jaġixxu b’ħeffa, b’mod trasparenti u billi jiżguraw li ma sseħħ l-ebda korruzzjoni.

5.44

Il-Kumitat jaqbel mal-adozzjoni ta’ viżi uniformi Ewropej ta’ Schengen u li jistgħu jinħolqu ċentri konsulari komuni li jservu numru ta’ Stati Membri.

Prinċipju 8:   Immaniġġjar integrat tal-fruntieri

5.45

Sabiex tinżamm l-integrità taż-żona ta’ Schengen mingħajr kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni, il-Kummissjoni tipproponi li għandu jiġi żviluppat u msaħħaħ “immaniġġjar integrat” ta’ strateġiji għall-kontrolli fuq il-fruntieri esterni tal-UE.

5.46

Għandhom jissaħħu l-operazzjonijiet tal-FRONTEX. Għandha tiġi żviluppata sistema integrata ta’ kontrolli fil-fruntiera bl-użu ta’ “teknoloġiji ġodda” u għandu jiġi sfruttat bi sħiħ il- potenzjal tas-Seba’ Programm Qafas tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa essenzjali li jiġi żviluppat u msaħħaħ aktar ir-rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ sostenn tal-FRONTEX fir-rigward tal-operazzjonijiet konġunti u l-kapaċità tagħha li tirreaġixxi malajr għall-ħtiġijiet tal-Istati Membri fil-fruntieri esterni. Fil-futur, l-UE ser tiddeċiedi dwar il-mandat u l-kontroll operattiv tal-Frontex, minħabba l-implikazzjonijiet legali skont il-liġi nazzjonali u dik internazzjonali.

5.47

Għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-migrazzjoni.

5.48

Il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-ħtieġa li tinżamm iż-żona ta’ Schengen, mingħajr kontrolli fil-fruntiera intern u li jissaħħu l-kooperazzjoni u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri fl-immaniġġjar tal-fruntieri esterni tal-UE.

5.49

Il-KESE jappoġġja ukoll il-ħolqien ta’ bankun wieħed bejn żewġ fruntieri, fejn kull vjaġġatur ikun suġġett għal kontroll wieħed minn awtorità waħda.

5.50

L-influss kontinwu u fuq skala kbira ta’ immigranti f’reġjun partikolari tal-UE huwa l-ewwel u qabel kollox problema umanitarja li l-awtoritajiet nazzjonali jridu jsibu soluzzjoni għaliha bl-għajnuna u l-appoġġ tal-UE. Xi reġjuni Ewropej bħall-gżejjer tan-Nofsinhar (Malta, Lampedusa, il-Kanarji, eċċ.) jiffaċċjaw problemi speċifiċi, għaliex huma punti intermedji għall-immigrazzjoni irregolari u xi kultant jirċievu aktar immigranti minn dawk li jistgħu jlaħħqu magħhom. Għalhekk huwa kruċjali li l-Unjoni Ewropea ddaħħal fis-seħħ sistema ta’ solidarjetà, li tipprevedi l-qsim ta’ piżijiet operattivi b’rabta mal-Istati Membri li jkunu qed jiffaċċjaw il-wasla rikorrenti u massiva ta’ immigranti illegali, billi jingħaqdu riżorsi Ewropej u oħrajn miġbura flimkien fuq livell nazzjonali.

5.51

Il-KESE jixtieq li l-effiċjenza murija fil-kontrolli fil-fruntiera tintwera wkoll fir-rispett lejn id-dritt tal-ażil, għaliex ħafna min-nies fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jilħqu l-fruntieri esterni tal-UE b’mod illegali. Il-Kumitat ser jadotta opinjoni (21) oħra dwar is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil.

5.52

Il-KESE appoġġja (22) l-ħolqien tal-FRONTEX u l-ħolqien fil-ġejjieni ta’ gwardja Ewropea tal-fruntiera kif ukoll ta’ skola għall-gwardja Ewropea tal-Fruntiera, għaliex il-kontrolli fil-fruntiera għandhom jitwettqu minn uffiċjali li għandhom għarfien speċjalizzat tat-traffikar tal-bniedem u b’livell ta’ għarfien tekniku konsiderevoli.

5.53

Id-dmirijiet tal-Aġenzija għandhom jinkludu l-koordinazzjoni ta’ servizzi ta’ salvataġġ – speċjalment salvataġġ fuq il-baħar – sabiex jiġi evitat l-użu ta’ netwerks ta’ immigrazzjoni riskjużi u biex jgħinu lin-nies li jinsabu fil-periklu kaġun tal-użu ta’ dawn in-netwerks.

Prinċipju 9:   Jitħaffef il-pass fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, u tolleranza żero għat-traffikar tal-persuni

5.54

Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi miġġieled ix-xogħol bla ktieb u l-impjieg illegali permezz ta’ miżuri preventivi, infurzar tal-liġi u sanzjonijiet. Għandhom jissaħħu l-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi u għandha tittejjeb il-kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu.

5.55

Il-Kumitat iqis li l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari hi d-dmir mhux biss tal-gwardji tal-fruntiera iżda ukoll tas-swieq tax-xogħol Ewropej, li f’xi setturi u f’xi pajjiżi joffru xogħol bla ktieb lill-immigranti irregolari. Il-KESE reċentement adotta opinjoni (23) fejn irratifika d-direttiva tal-Kummissjoni li tintroduċi sanzjonijiet kontra dawk li jħaddmu immigranti irregolari, billi tenfasizza l-importanza tal-imsieħba soċjali u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-immigranti.

5.56

L-immigrazzjoni irregolari tonqos ukoll meta l-UE u l-Istati Membri jkollhom leġiżlazzjoni aktar miftuħa u flessibbli dwar l-ammissjoni ta’ immigranti ġodda, kif ġie propost mill-KESE f’numru ta’ opinjonijiet.

5.57

Il-Kumitat jappoġġja lill-Kummissjoni, li tixtieq tiżgura li “ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu illegalment ikollhom aċċess għal servizzi li huma essenzjali biex jiġu garantiti d-drittijiet fundamentali tal-bniedem” (pereżempju, l-edukazzjoni, b’mod speċjali tat-tfal, u kura bażika tas-saħħa).

5.58

Il-KESE jqis li l-preżenza ta’ mijiet ta’ eluf ta’ immigranti irregolari fl-UE tirrappreżenta sfida għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Ir-ritorn infurzat ma jistax ikun l-unika tweġiba, għaliex id-dinjità tal-bniedem u t-trattament uman għandhom jiġu żgurati dejjem. U lanqas mhu finanzjarjament vijabbli. Għalhekk il-Kumitat, f’opinjonijiet (24) oħra ppropona li fil-qafas tal-koordinazzjoni tal-politika, il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iħejju miżuri ta’ regolamentazzjoni, li jbiegħdu r-riskju li l-immigrazzjoni irregolari titqies bħala l-antiporta tal-immigrazzjoni legali. Fir-regolarizzar tas-sitwazzjoni ta’ dawk involuti għandha tingħata kunsiderazzjoni għal grad ta’ integrazzjoni tagħhom f’termini soċjali u ta’ impjieg. Il-Kumitat jikkunsidra li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-imsieħba soċjali tippermetti numru konsiderevoli ta’ nies, li llum qed jaħdmu b’mod illegali, biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni amministrattiva tagħhom sabiex l-impjieg tagħhom jiġi regolarizzat.

5.59

In-nuqqas ta’ kontrolli effettivi fil-fruntieri esterni hu sikwit sfruttat min-netwerks kriminali li jittraffikaw lill-persuni u li m’għandhom l-ebda skruplu li jpoġġu l-ħajja tan-nies f’perikolu serju sabiex ikabbru l-profitti illegali tagħhom. F’opinjoni oħra (25), il-KESE nnota li l-awtoritajiet għandhom jipproteġu ’l-vittmi, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli, bħat-tfal u l-vittmi tat-traffiku tal-isfruttament sesswali, bl-istess enerġija li biha jiġġieldu kontra n-netwerks kriminali li jittraffikaw u jisfruttaw il-bnedmin.

5.60

Il-Kumitat hu mħasseb bil-kbir dwar l-użu ta’ sistemi bijometriċi li jistgħu jintużaw b’mod diskriminatorju u li jista’ jikser id-dritt ta’ privatezza tan-nies.

Prinċipju 10:   politika ta’ rimpatrijar sostenibbli u effettiva

5.61

Il-Kummissjoni tqis li l-politiki tar-rimpatrijar huma element indispensabbli fil-politika tal-UE dwar l-immigrazzjoni illegali u li għandhom jiġu evitati r-regolarizzazzjonijiet fuq skala kbira ta’ persuni li jkunu qed jgħixu illegalment, “filwaqt li għandha titħalla miftuħa l-possibbiltà għal regolarizzazzjonijiet individwali fuq il-bażi ta’ kriterji ġusti u trasparenti”.

5.62

Il-Kummissjoni tipproponi li tagħti dimensjoni Ewropea lill-politiki ta’ rimpatrijar billi tiżgura rikonoxximent reċiproku sħiħ dwar id-deċiżjonijiet ta’ rimpatrijar. Fl-opinjoni (26) tiegħu, il-KESE jikkunsidra li filwaqt li ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni komuni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil, l-għarfien reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar ir-rimpatrijar, hi ferm problematika jekk irridu li jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali skont l-Istat tad-Dritt.

5.63

F’dik l-opinjoni, il-Kumitat ippropona li l-iktar politiki ta’ rimpatrijar ta’ suċċess huma dawk li joffru inċentivi adegwati u li huma ġestiti flimkien mal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) u NGOs speċjalizzati.

5.64

Il-KESE ma ġiex ikkonsultat matul il-proċess ta’ tfassil ta’ direttiva dwar ir-rimpatrijar, iżda jaqbel mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jsostnu li xi dispożizzjonijiet tad-direttiva (it-tul tad-detenzjoni fiċ-ċentri tad-detenzjoni, in-nuqqas ta’ protezzjoni legali, it-trattament mhux adegwat tal-minuri, eċċ.) mhumiex konsistenti mad-drittijiet fundamentali u mal-Istat tad-Dritt.

5.65

Għandhom jittieħdu passi biex jiġi żgurat li l-pajjiżi tal-oriġini jerġgħu jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom – għaliex huma obbligati jagħmlu dan skont il-ftehimiet internazzjonali – u għandha ssir valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ rijammissjoni attwali sabiex titjieb l-implimentazzjoni tagħhom u sabiex jinsiltu tagħlimiet għan-negozjati ta’ trattati futuri.

Brussell, 25 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE tad-9.7.2008 dwar l-“Elementi għall-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ pjattaforma għal parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni fil-livell Komunitarju ta’ politiki għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 27, 3.2.2009).

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għall-Politika dwar l-Immigrazzjoni tal-Komunità” u l-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar il-Politika Komuni dwar l-Ażil, l-introduzzjoni ta’ metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni”, rapporteur: is-Sinjura Zu Eulenburg, (ĠU C 221, 17.9.2002). Mhux disponibbli bil-Malti.

(3)  Ara l-konklużjonjiet tal-Kunsill Ewropew 14368/08.

(4)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Il-Programm tal-Aja: Għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin - Il-Partenarjat għal tiġdid Ewropew fil-qasam tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños, (ĠU C 65, 17.3.2006). Mhux disponibbli bil-Malti.

(5)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Immigrazzjoni fl-UE u l-politika ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi ta oriġini għall-promozzjoni tal-iżvilupp”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 44, 16.2.2008).

(6)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħaddiema Immigrati”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 302, 7.12.2004).

(7)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta’ applikazzjoni għal permess uniku għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fi Stat Membru”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 27, 3.2.2009).

(8)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE li ġejjin:

dwar “Immigrazzjoni fl-UE u l-politika ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini għall-promozzjoni tal-iżvilupp”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 44, 16.2.2008),

dwar “Migrazzjoni u Żvilupp: Opportunitajiet u Sfidi”, rapporteur: is-Sur Sukhdev Sharma (ĠU C 120, 16.5.2008).

(9)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 27, 3.2.2009).

(10)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE li ġejjin:

dwar “Elementi għall-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ pjattaforma għal parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni fil-livell Komunitarju ta’ politiki għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 27, 3.2.2009);

dwar “Immigrazzjoni, integrazzjoni u r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 125, 27.5.2002). Mhux disponibbli bil-Malti.

dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u l-impjieg”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 80, 30.3.2004). Mhux disponibbli bil-Malti.

dwar “Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu”, rapporteurs: is-Sur Rodríguez García-Caro, is-Sur Pariza Castaños u s-Sur Cabra de Luna (ĠU C 318, 23.12.2006). Mhux disponibbli bil-Malti.

(11)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños, korapporteur: is-Sur Melícias (ĠU C 125, 27.5.2002). Mhux disponibbli bil-Malti.

(12)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “l-aċċess għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 208, 3.9.2003). Mhux disponibbli bil-Malti.

(13)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-immigrazzjoni fl-UE u l-politiki ta’ integrazzjoni: kooperazzjoni bejn gvernijiet reġjonali u lokali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 318, 23.12.2006). Mhux disponibbli bil-Malti.

(14)  Id-dritt għas-sigurtà soċjali, inkluża l-kura medika;

Id-dritt għal aċċess għall-prodotti u għas-servizzi, inkluż l-alloġġ, bl-istess kondizzjonijiet taċ-ċittadini nazzjonali;

L-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

Ir-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki fil-qafas tal-leġiżlazzjoni Komunitarja;

Id-dritt għall-edukazzjoni tal-minuri, inklużi l-iffinanzjar u l-għotjiet għall-istudju;

Id-dritt li wieħed jeżerċita t-tagħlim u r-riċerka xjentifika skont il-Proposta għal Direttiva;

Id-dritt għal assistenza legali mingħajr ħlas f’każ ta’ bżonn;

Id-dritt għall-aċċess ta’ servizz mingħajr ħlas ta’ stazzjonar mill-ġdid (servizz pubbliku);

Id-dritt li wieħed jiġi mgħallem il-lingwa tal-pajjiż ospitanti;

Ir-rispett tad-diversità kulturali;

Id-dritt tal-moviment ħieles u tar-residenza fi ħdan l-Istat Membru.

(15)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE li ġejjin:

dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u l-impjieg”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (OJ C 80, 30.3.2004). Mhux disponibbli bil-Malti.

dwar “Il-Green paper dwar approċċ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni ekonomika”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 286, 17.11.2005). Mhux disponibbli bil-Malti.

dwar “L-immigrazzjoni fl-UE u l-politiki ta’ integrazzjoni: kooperazzjoni bejn gvernijiet reġjonali u lokali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 318, 23.12.2006). Mhux disponibbli bil-Malti.

dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ impieg bi kwalifiki għoljin”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 27, 3.2.2009).

(16)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Elementi għall-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta’ pjattaforma għal parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni fil-livell Komunitarju ta’ politiki għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 27, 3.2.2009).

(17)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali”, rapporteur: is-Sinjura Sciberras (ĠU C 185, 8.8.2006). Mhux disponibbli bil-Malti.

(18)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Refuġjati għall-perijodu 2008-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali ‘Is-Solidarjetà u l-Amministrazzjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni’”, il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li tistabbilixxi l-Fond għall-Fruntieri Esterni għall-perijodu 2007-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali ‘Is-Solidarjetà u l-Amministrazzjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni’”, il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-perijodu 2007-2013, bħala parti mill-Programm Ġenerali ‘Is-Solidarjetà u l-Amministrazzjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni’”, il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għar-Ripatrijazzjoni għall-perijodu 2008-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali ‘Is-Solidarjetà u l-Amministrazzjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni’”, rapporteur: is-Sinjura Le Nouail-Marlière (ĠU C 88, 11.4.2006). Mhux disponibbli bil-Malti.

(19)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE li ġejjin:

dwar “Immigrazzjoni fl-UE u l-politika ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini għall-promozzjoni tal-iżvilupp”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 44, 16.2.2008).

dwar il-“Migrazzjoni u żvilupp: opportunitajiet u sfidi”, rapporteur: is-Sur Sharma (ĠU C 120, 16.5.2008).

(20)  Ara l-aktar, l-opinjoni tal-KESE dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar politika komuni dwar l-immigrazzjoni illegali”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 149, 21.6.2002). Mhux disponibbli bil-Malti.

(21)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tal-25 ta’ Frar 2009 dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar programm ta’ politika dwar l-ażil – approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños, korapporteur: is-Sinjura Bontea (Għadha mhux pubblikata fil-Ċurnal Uffiċjali).

(22)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-“Proposta tar-Regolament tal-Kunsill li jwassal għall-ħolqien ta’ Aġenzija Ewropea għall-amministrazzjoni tal-kooperazzjoni operattiva fil-fruntieri esterni”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 108, 7.12.2004). Mhux disponibbli bil-Malti.

(23)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tintroduċi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali”, rapporteur: is-Sinjura Roksandić, korapporteur: is-Sur Almeida Freire (ĠU C 204, 9.8.2008).

(24)  B’mod partikolari, l-opinjoni tal-KESE dwar il-“Green Paper dwar il-politika tar-ritorn tal-Komunità dwar residenti illegali ”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 61, 14.3.2003). Mhux disponibbli bil-Malti.

(25)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar ir-residenzi għall-perijodu qasir maħruġa lill-vittmi ta’ azzjoni ta’ faċilitar tal-immigrazzjoni illegali jew it-traffikar fil-bnedmin li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 221, 17.9.2002). Mhux disponibbli bil-Malti.

(26)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill għat-tfassil ta’ kriterji u arranġamenti prattiċi ta’ kumpens tal-iżbilanċi finanzjarji riżultat tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, rapporteur: is-Sur Pariza Castaños (ĠU C 220, 16.9.2003). Mhux disponibbli bil-Malti.