11.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 218/30


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi u ta’ dawn l-istituzzjonijiet, li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE

COM(2008) 627 finali – 2008/0190 (COD)

2009/C 218/06

Nhar it-30 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 47(2), l-ewwel u t-tielet sentenzi, u l-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi u ta’ dawn l-istituzzjonijiet, li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur MORGAN.

Matul l-451 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-25 u s-26 ta’ Frar 2009 (seduta tas-26 ta’ Frar 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’156 vot favur, vot wieħed kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Peress li l-ipproċessar elettroniku tad-data kulma jmur dejjem qed jiġi applikat fis-servizzi finanzjarji, nistgħu ngħidu li l-flus diġà huma elettroniċi. Iċ-ċekkijiet jinqraw u jingħażlu elettronikament u l-karti ta’ debitu u ta’ kreditu jinqraw elettronikament mill-ATMs, it-terminals fil-punt tal-bejgħ u tipi oħra ta’ apparat għall-ħlas. Dawn l-applikazzjonijiet kollha huma bbażati fuq il-kreditu disponibbli f’kont tal-bank, li jista’ jkun limitat skont id-depożiti jew stabbilit mill-bank (eż. fil-każ ta’ karti ta’ kreditu). F’kull każ, il-bank jistħarreġ l-affidabilità għal kreditu u l-bona fide tal-klijent qabel ma joħroġ il-kotba taċ-ċekkijiet u l-karti ta’ debitu u ta’ kreditu. L-aċċess għal din is-sistema elettronika ta’ kreditu jiddependi mill-affidabilità għal kreditu. Bosta sezzjonijiet tal-komunità – dawk li m’għandhomx aċċess jew ftit li xejn għas-servizzi bankarji – mhumiex eliġibbli biex jipparteċipaw.

1.2

Il-flus elettroniċi huma differenti. Dawn ma jiddependux mill-kreditu. Jeħtieġu ħlas bil-quddiem. Il-ħlas bil-quddiem jinqaleb f’sostitut elettroniku għall-kontanti maħżun fuq mezzi elettroniċi ġestiti minn emittent tal-flus elettroniċi. Il-mezzi elettroniċi li jaħżnu l-ħlas bil-quddiem jistgħu jinġarru, normalment f’għamla ta’ karta mħallsa bil-quddiem jew jistgħu jkunu dokumenti rreġistrati online u aċċessati permezz tal-internet. Il-flus elettroniċijippermettu li jsiru ħlasijiet ta’ ammonti (ġeneralment) iżgħar mingħajr flus kontanti f’ambjenti varji bħal punti tal-bejgħ jew online permezz ta’ komunikazzjoni mill-mobajl jew l-internet. Il-fatt li wieħed ikollu flus elettroniċi mhuwiex marbut direttament mal-affidabilità għal kreditu. Kull ma hemm bżonn huwa li jsir ħlas bil-quddiem.

1.3

Il-flus elettroniċi x’aktarx qatt mhu ser jaqdu l-ħtiġijiet kollha li normalment huma moqdija bil-flus kontanti. Huwa wkoll minnu li x’aktarx mhumiex ser jieħdu post dik il-kaxxa taħt il-maduma bil-karti tal-EUR 500, iżda l-flus elettroniċi għandhom jaqduna fi tranżazzjonijiet li għalihom is-soltu nġorru l-flus kontanti fuqna. Madankollu, l-użu tagħhom s’issa miexi bil-mod ħafna. L-inizjattivi ta’ suċċess ġew attribwiti għall-iżviluppi tas-soċjetà tal-informazzjon. Il-flus elettroniċi għandhom jiżviluppaw b’mod parallel mas-soċjetà tal-informazzjoni. Għandhom ikunu l-flus tas-soċjetà tal-informazzjoni. Iż-żieda fl-użu tagħhom fil-futur tiddependi mill-inizjattivi intraprenditorjali u l-innovazzjoni teknika fis-soċjetà tal-informazzjoni. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jitneħħew l-ostakli għall-invenzjoni u l-innovazjoni. Il-KESE jappoġġja dan l-għan.

1.4

Fl-aħħar tas-snin disgħin, il-Kummissjoni Ewropea rat li l-emittenti tal-flus elettroniċi kienu limitati għal istituzzjonijiet ta’ kreditu, u ppruvat twessa’ l-ambitu tal-intrapriżi li joffru dawn is-servizzi. Biex is-suq jiżviluppa, il-Kummissjoni ħarġet id-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi(2000/46/KE) biex tiffaċilita l-aċċess għas-suq tal-flus elettroniċi mill-istituzzjonijiet mhux ta’ kreditu.

1.5

L-għan tad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi kien li jinħoloq reġim regolatorju xieraq għad-daqs tar-riskju rrapreżentat mill-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi l-ġodda li taħtu t-teknoloġija u l-innovazzjoni jistgħu jirnexxu. Ir-riżultat ma kienx xi suċċess kbir. Il-flus elettroniċi għadhom il-bogħod milli jilħqu l-potenzjal sħiħ ta’ benefiċċji li kien mistenni minnhom, u għadhom mhux meqjusa bħala alternattiva affidabli għall-flus kontanti.

1.6

Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet reviżjoni estensiva tal-iżviluppi fil-qasam tal-flus elettroniċi. Wasslet għall-konklużjoni li uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi fixklu l-iżvilupp tas-suq tal-flus elettroniċi u xekklu l-innovazzjoni teknoloġika. Il-proċess ta’ konsultazzjoni u evalwazzjoni identifika żewġ problemi. L-ewwel waħda hija n-nuqqas ta’ definizzjoni ċara ta’ flus elettroniċi u tal-ambitu tad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi. It-tieni waħda hija marbuta mal-qafas ġuridiku li jinvolvi r-reġim prudenzjali u l-applikazzjoni tar-regoli kontra l-ħasil tal-flus għal servizzi tal-flus elettroniċi. Il-konklużjoni kienet li l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi għandhom jiġu emendati u għalhekk ġie deċiż li d-Direttiva attwali għandha tiġi sostitwita b’Direttiva ġdida, li l-abbozz tagħha, COM(2008)627 finali, huwa propju s-suġġett ta’ din l-Opinjoni, għandha tissostiwixxi.

1.7

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tiffaċilita d-disinn ta’ servizzi tal-flus elettroniċi ġodda, innovattivi u siguri, li tipprovdi aċċess għas-suq lil atturi ġodda u li trawwem kompetizzjoni ġenwina u effettiva bejn il-parteċipanti kollha fis-suq. Fil-fehma tal-KESE, din l-inizjattiva hija f’waqtha għax l-interazzjoni tal-konsumatur mas-soċjetà tal-informazzjoni żdiedet b’mod esponenzjali minn tmiem l-aħħar deċennju ’l hawn, u issa hemm domanda mhux espressa u mhux sodisfatta għal faċilitajiet ta’ flus elettroniċi li l-konsumatur jista’ juża mingħajr diffikultà. Id-Direttiva għandha l-għan li tneħħi l-ostakli għall-inizjattivi intraprenditorjali li jistgħu jissodisfaw id-domanda.

1.8

L-introduzzjoni ta’ reġim regolatorju ġdid fis-settur finanzjarju hija kwistjoni potenzjali fid-dawl tal-kriżi tas-settur bankarju u t-tħassib ġenerali dwar ir-regolazzjoni ineffettiva tal-banek. Minkejja dan it-tħassib, il-KESE huwa sodisfatt li r-reġim propost huwa adegwat u proporzjonat. Ir-regolamenti l-ġodda ma japplikawx għall-banek li kienu l-istituzzjonijiet responsabbli għall-kriżi ta’ kreditu; it-tnaqqis tar-rekwiżit ta’ kapital inizjali meħtieġ iservi biss biex inaqqas l-ostakli għad-dħul fis-suq; ir-riżervi kapitali ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi għandhom ikunu fi proporzjon ma’ dawk tal-banek; il-fondi li jirrapreżentaw it-talbiet tal-utenti ser ikunu salvagwardati speċifikament f’firxa limitata ta’ investimenti; l-ammonti ta’ flus involuti ser ikunu insinifikanti. Jekk l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jiżviluppaw bħala qawwa ġenwina fis-suq tal-ħlasijiet, hemm dispożizzjonijiet fid-Direttiva li jemendawha fid-dawl tal-esperjenza.

1.9

Il-KESE huwa mħasseb dwar il-ħarsien tal-konsumatur u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex temenda d-Direttiva fir-rigward tal-limitazzjonijiet fuq l-investiment tal-fondi li ġew irċevuti mill-utenti tas-servizz tal-ħlas, il-konverżjoni immedjata ta’ ammonti depożitati fi flus elettroniċi, biex b’hekk tiġi mħarsa l-likwidità f’istituzzjonijiet ibridi u jitneħħew l-ammonti li jinżammu lid-detentur f’każ ta’ fidi qabel it-terminazzjoni tal-kuntratti tal-flus elettroniċi.

1.10

Il-kontanti huma anonimi. Tranżazzjonijiet sempliċi f’kontanti ma jiżvelawx l-identità tal-persuna li tkun qed tħallas. L-iskemi tal-flus elettroniċi jistgħu jkunu anonimi jew identifikati. Il-limitu ogħla tal-valur maħżun ta’ EUR 500 għandu jagħmel il-flus elettroniċi aktar attraenti għal utenti potenzjali, b’mod partikolari għal dawk li m’għandhomx aċċess jew ftit li xejn għas-servizzi bankarji. Għalkemm razzjonalment dawn il-limiti m’għandhomx jirrappreżentaw riskju sproporzjonat ta’ ħasil tal-flus, meta mqabbel ma’ dak li jista’ jsir b’ammonti kbar ta’ flus kontanti, xorta waħda hemm riservi dwar il-limiti proposti.

1.11

Il-muniti u l-karti tal-flus fihom spiża għall-produzzjoni u l-ġestjoni tagħhom mill-banek u n-negozjanti. Jidher ċar li ċ-ċittadini tal-UE għadhom marbutin mal-kontanti biex iħallsu u jaħżnu l-valur. F’dan il-perijodu ta’ inċertezza hemm żieda kbira fil-karti tal-flus fl-idejn.

1.12

Waħidha, id-Direttiva mhijiex ser iddawwar ir-rotta. Kulma ser tagħmel hu li tneħħi l-ostakli għan-negozji u l-innovazzjoni teknoloġika. L-ebda awtorità ma tista’ timponi l-użu tal-flus elettroniċi fuq il-pubbliku ġenerali. Il-banek qegħdin f’pożizzjoni li jkunu minn ta’ quddiem f’dan ir-rigward, iżda bl-eċċezzjoni tal-Belġju bil-karta Proton, m’għamlux ħafna progress. Il-karti tal-ivvjaġġar, il-karti tat-telefonija u tal-kummerċ fuq l-internet juru biċ-ċar li l-applikazzonijiet tas-soċjetà tal-informazzjoni għandhom tendenza li jżidu l-użu tal-flus elettroniċi. Barra minn dan, il-flus elettroniċi ta’ spiss huma prodott ta’ negozju ieħor u għalhekk l-emittent ta’ spiss jista’ jkun intrpriża ibrida u mhux speċjalizzata fuq il-flus elettroniċi biss. Din ir-rabta bejn il-flus elettroniċi u mudelli oħra ta’ intrapriżi hija importanti għall-emerġenza tal-flus elettroniċi. Din id-Direttiva tfasslet biex tiffaċilita tali żviluppi u għalhekk għandha l-appoġġ tal-KESE.

1.13

Hemm tħassib fundamentali dwar l-iżvilupp ta’ regolamenti kontra l-ħasil tal-flus. Il-KESE ma jistax jaċċetta li żewġ Direttivi jistabbilixxu limiti kontradittorji. Dan joħloq sitwazzjoni inaċċettabbli ta’ konfużjoni legali. Jekk il-limiti stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom jinżammu, id-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus għandha tiġi emendata.

1.14

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jadottaw politiki pożittivi huma u jimplimentaw id-Direttiva l-ġdida. Huwa importanti li r-regolamenti jiġu żviluppati f’konsultazzjoni mal-industrija u li jitfasslu b’mod li ma jkunux ta’ piż obbligatorju la fuq l-emittenti tal-flus elettroniċi u lanqas fuq il-klijenti tagħhom, waqt li l-ammonti ta’ flus involuti jinżammu baxxi kemm jista’ jkun. Skont l-approċċ adottat, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom is-setgħa li jappoġġjaw jew joħonqu din l-industrija żagħżugħa. Il-KESE jemmen li din l-industrija għandha tiġi appoġġjata fl-Istati Membri kollha.

1.15

Din id-Direttiva hija importanti. L-implikazzjonijiet tagħħha għandhom il-potenzjal li jwasslu ’l-bogħod. Il-KESE jħeġġeġ lill-atturi attwali u prospettivi fix-xena tal-flus elettroniċi jevalwaw mill-ġdid is-saħħa, id-dgħufija, l-opportunitajiet u r-riskji tagħhom fid-dawl ta’ din id-Direttiva. Is-suq qed jingħata opportunità oħra.

2.   Daħla

Il-punti 2.2, 2.3 u 2.4 jispjegaw il-karatteristiċi ewlenin tal-flus elettroniċi u r-rabta tagħhom mas-soċjetà tal-informazzjoni.

2.1

Hemm diversi eżempji dwar kif l-involviment tal-konsumatur fis-soċjetà tal-informazzjoni qed iwassal għall-użu tal-flus elettroniċi.

2.2

L-użu tal-karta RFID (1) huwa eżempju ċar ta’ dan. Iċ-ċipep RFID jistgħu jirreġistraw valuri monetarji u għalhekk jintużaw ħafna għall-ħlas fis-sistemi ta’ aċċess għat-trasport. Hong Kong introduċiet il-karta Octopus fl-1997. Din hija karta smart li taħżen il-valur li tista’ terġa’ tiġi ċċarġjata u li tintuża bla kuntatt. Minbarra li tintuża bħala sistema ta’ ħlas għal kważi l-mezzi kollha tat-trasport pubbliku f’Hong Kong, tintuża wkoll għall-ħlas fi ħwienet żgħar tal-konvenjenza, fis-supermarkets, fir-restoranti tal-fast food, fil-meters tal-parking fit-triq, fil-magni tal-bejgħ awtomatiċi, eċċ. Dawn il-karti jintużaw minn 95 % tal-popolazzjoni ta’ Hong Kong ta’ bejn is-16 u l-65 sena. Dan l-eżempju juri kif l-interazzjoni tal-konsumatur mas-soċjetà tal-informazzjoni twassal għall-iżvilupp usa’ tal-flus elettroniċi. Londra issa għandha l-karta Oyster li hija karta RFID bla kuntatt għall-użu fit-trasport pubbliku. L-utenti issa qed jantiċipaw l-estensjoni tagħha biex tkopri bejjiegħa tal-gazzetti, il-ħwienet tal-konvenjenza u tal-fast food li jinsabu madwar il-vendi u l-istazzjonijiet tat-trasport. Żviluppi bħal dawn ċertament li ser iseħħu kemm fir-Renju Unit u kemm fl-Istati Membri l-oħra hekk kif il-karti RFID jiġu adottati b’mod usa’.

2.3

Eżempju ieħor ta’ firxa usa’ huwa l-użu tal-kont imħallas bil-quddiem għat-telefonija mobbli, li diġà jista’ jintuża għal ħlas ta’ attivitajiet li jvarjaw minn linji ta’ assistenza għall-problemi marbuta mal-kompjuters, il-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet, il-logħob interattiv, id-divertiment għall-adulti, l-aħbarijiet u s-servizzi ta’ informazzjoni. Bħal fil-każ tal-karti tal-ivvjaġġar imħallsa bil-quddiem, il-kontijiet tat-telefonija mħallsa bil-quddiem huma definiti bħala flus elettroniċi meta l-valur maħżun jibda jiġi aċċettat min-negozji oħra apparti dawk tat-trasport u l-operaturi tat-telefonija.

2.4

L-internet jippromovi l-flus elettroniċi wkoll għaliex il-flus elettroniċi kapaċi jissodisfaw żewġ bżonnijiet. Il-parti l-kbira tal-applikazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur fuq l-internet jinvolvu tranżazzjoni ta’ kreditu. Min m’għandux aċċess għal bank huwa awtomatikament eskluż billi ma jkollux karta ta’ kreditu jew ta’ debitu. Bl-użu tal-karta tal-flus elettroniċi jistgħu jgawdu mill-benefiċċji tal-internet. Kien hemm ukoll żieda sinifikanti fit-tranżazzjonijiet bejn il-konsumaturi stess fuq l-internet, li ġew mħeġġa minn kumpaniji tal-irkant bħal E-Bay. Mhuwiex possibbli li jsiru tranżazzjonijiet minn konsumatur għal konsumatur permezz tal-karta ta’ kreditu jew ta’ debitu. Il-ħlas għandu jsir permezz ta’ flus elettroniċi siguri. Dan wassal għall-iżvilupp ta’ sistemi bħall-PayPal (2) li kellha relazzjoni simbjotika mal-E-Bay.

2.5

Il-karti tal-ivvjaġġar, il-karti tat-telefonija u tal-kummerċ fuq l-internet juru biċ-ċar li l-applikazzjonijiet tas-soċjetà tal-informazzjoni jżidu l-użu tal-flus elettroniċi. L-evidenza turi wkoll li l-flus elettroniċi jistgħu jkunu prodott sekondarju ta’ negozju ieħor u b’hekk l-emittent ta’ spiss ikun intrapriża ibrida. Din ir-rabta bejn il-flus elettroniċi u negozji oħra hija importanti għall-iżvilupp tal-flus elettroniċi. Din id-Direttiva tfasslet propju għal dan il-għan.

2.6

L-istituzzjonijiet ta’ kreditu bħal banek għandhom dak kollu meħtieġ biex ikunu emittenti tal-flus elettroniċi u joperaw taħt reġimi regolatorji xierqa. Sa ċertu punt, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ħadu l-inizjattiva. Il-karta Proton fil-Belġju hija prodott ta’ konsorzju bankarju. Din tikkombina l-karta ta’ debitu flimkien mal-funzjoni ta’ karta tal-flus u tintuża b’mod wiesa’ fost il-klijenti tal-banek fil-Belġju. Hemm prospettiva żgħira li karti kkombinati bħal din b’funzjoni ta’ flus elettroniċi li tintuża bla kuntatt u li hija bbażata fuq it-teknoloġija tal-RFID jidħlu fis-suq. Minkejja dan, hemm konflitt ċar ta’ interessi bejn il-flus elettroniċi u l-prodotti l-oħra tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu bħal karti ta’ kreditu u ta’ debitu.

2.7

Iċ-ċifri dwar in-numru limitat ta’ istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi liċenzjati b’mod sħiħ (20 istituzzjoni tal-flus elettroniċi u 127 entità li joperaw taħt eżenzjoni) jew dwar il-volum baxx ta’ flus elettroniċi maħruġa (attwalment l-ammont totali ta’ flus elettroniċi fl-UE jammonta għal EUR 1 biljun meta mqabbel ma’ EUR 600 biljun f’kontanti) juru li l-flus elettroniċi għadhom ma qabdux sew fil-parti l-kbira tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-flus kontanti fl-idejn żdiedu gradwalment mill-introduzzjoni tal-euro fl-2002 ’il hawn.

2.8

Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet reviżjoni estensiva tal-iżviluppi fil-qasam tal-flus elettroniċi. Il-proċess ta’ konsultazzjoni u evalwazzjoni identifika żewġ problemi ewlenin fid-Direttiva attwali dwar il-Flus Elettroniċi. L-ewwel waħda hija n-nuqqas ta’ definizzjoni ċara ta’ flus elettroniċi u tal-ambitu tad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi. It-tieni waħda hija marbuta mal-qafas ġuridiku li jinvolvi r-reġim prudenzjali u l-applikazzjoni tar-regoli kontra l-ħasil tal-flus għal servizzi ta’ flus elettroniċi.

2.9

Barra minn dan, id-Direttiva 2007/64/KE dwar is-Servizzi ta’ Ħlas ser tidħol fis-seħħ sa Novembru 2009. Ir-relevanza tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Ħlashija li tistabbilixxi reġim speċjali għall-istituzzjonijiet ta’ ħlas simili għar-reġim għall-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi. Id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas mhijiex kompatibbli mad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi u għaldaqstant jekk ir-reġim attwali tad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi ma jiġix rivedut eventwalment dan ser iwassal għal aktar inċertezza legali.

2.10

Il-riżultat ta’ dan kollu huwa li l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi jeħtieġ li jiġu emendati u għalhekk ġie deċiż li d-Direttiva attwali tiġi sostitwita b’Direttiva ġdida li l-abbozz tagħha huwa s-suġġett ta’ din l-Opinjoni.

3.   Il-punti ewlenin tad-Direttiva

3.1   L-għan tad-Direttiva huwa li tiffaċilita d-disinn ta’ servizzi tal-flus elettroniċi ġodda, innovattivi u siguri, li tipprovdi aċċess għas-suq lil atturi ġodda u li trawwem kompetizzjoni ġenwina u effettiva bejn il-parteċipanti kollha fis-suq. Huwa mistenni li l-innovazzjoni fis-suq tal-ħlasijiet ser toħloq benefiċċji tanġibbli għall-konsumaturi, in-negozji u l-ekonomija ġenerali waqt li soluzzjonijiet kreattivi għandhom jippromovu ħeffa fil-ħlasijiet, użu konvenjenti u funzjonalitajiet ġodda għas-soċjetà elettronika tas-seklu 21.

3.2   Id-definizzjoni tal-flus elettroniċi ġiet iċċarata: “flus elettroniċi” tfisser valur monetarju kif rappreżentat minn pretensjoni fuq l-emittent li tinħażen elettronikament u tinħareġ malli jiġu rċevuti l-fondi (Artikolu 2.2). Id-definizzjoni ma tapplikax għal strumenti mħallsa bil-quddiem għal użu wieħed (ċirku magħluq) li jistgħu jintużaw biss b’mod limitat (Artikoli 1.3, u 1.4).

3.3   L-ambitu tad-Direttiva l-ġdida jiffaċilita d-dħul fis-suq peress li japplika għal emittenti ta’ vouchers elettroniċi ta’ aktar minn użu wieħed (ċirku miftuħ) bħall-karti RFID u dawk tat-telefonija mobbli, u ma jinkludix il-flus elettroniċi bbażati fuq servers.

3.4   L-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi huma definiti b’mod usa’ fl-Artikoli 8 u 9. Hemm żewġ dimensjonijiet. L-ewwel waħda tiddikjara li firxa usa’ ta’ servizzi ta’ ħlas, kif definiti fl-Anness tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, jistgħu jiġu offruti, inklużi l-għoti ta’ kreditu, il-provvista ta’ servizzi anċillari u l-operazzjoni ta’ sistemi ta’ ħlas. It-tieni waħda tirrikonoxxi li l-emittenti tal-flus elettroniċi jistgħu jwettqu attivitajiet oħra bħal bejgħ bl-imnut jew it-telekomunikazzjoni waqt l-iżvolġiment normali tan-negozju. F’dawn il-każijiet ma jkunx aktar neċessarju li tinħoloq istituzzjoni indipendenti tal-flus elettroniċi. Ikun hemm bżonn li l-fondi ta’ flus elettroniċi jiġu ssalvagwardati skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas. L-awtorizzazzjoni ta’ tali istituzzjonijiet ibridi tal-flus elettroniċi għandha tippromovi żieda fil-ħruġ ta’ flus elettroniċi.

3.5   Id-drittijiet ta’ fidi huma karatteristika tal-ħarsien tal-konsumatur. Dawn huma ċċarati f’Artikolu 5: l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fuq talba tad-detentur, l-emittenti tal-flus elettroniċi jifdu, f’kull ħin u flus bi flus, il-valur monetarju tal-flus elettroniċi miżmuma. Din id-dispożizzjoni ħolqot problemi għall-operaturi tat-telefonija mobbli fejn il-ħlas bil-quddiem għas-servizzi tat-telefonija kien isir bil-possibbiltà ta’ użu għall-bejgħ bl-imnut, iżda dawn issa huma koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5.

3.6   Ir-reġim prudenzjali ġeneralment isegwi d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli rilevanti tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas. Madankollu, hemm diversi dispożizzjonijiet li jagħmlu r-reġim proporzjonat mar-riskji involuti. Hemm għadd ta’ aspetti.

3.6.1

Id-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi tistipula li istituzzjoni tal-flus elettroniċi għandu jkollha kapital inizjali ta’ EUR 1 miljun. Dan issa qed jitqis li kien eċċessiv meta mqabbel mar-riskji involuti u li kien ostaklu għat-twaqqifta’ SMEs innovattivi fil-qasam tal-flus elettroniċi. Fl-abbozz il-ġdid, il-kapital inizjali meħtieġ tnaqqas għal EUR 125 000.

3.6.2

Minbarra l-kapital inizjali, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi għandhom iżommu fondi tagħhom stess proporzjonali mal-krediti pendenti. Fid-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi dan kien ta’ 2 %. Ir-rekwiżit il-ġdid huwa ta’ 5 % u jonqos hekk kif jiżdied il-volum, skont l-ogħla mill-volum tal-valur ta’ kreditu pendenti jew il-volum tal-ħlasijiet fix-xahar.

3.6.3

Hemm limitazzjonijiet fuq l-investiment tal-fondi li ġew irċevuti mill-utenti tas-servizz tal-ħlas li jirrappreżentaw valur elettroniku pendenti, iżda dawn jgħoddu biss f’każ li l-emittent jagħmel negożju li ma jinvolvix ħlasijiet (Artikolu 9).

3.6.4

L-emendi proposti dwar il-ħasil tal-flus għar-reġim tat-Tielet Direttiva dwar il-Ħasil tal-Flus huma konsistenti mal-ħtiġijiet tan-negozji u l-prassi industrijali. Il-limitazzjoni fuq il-valur ta’ flus elettroniċi li jista’ jiġi aċċettat minflok kontanti żdied minn EUR 150 għal EUR 500 (Artikolu 16).

3.6.5

Id-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi tippermetti lill-Istati Membri li jagħtu eżenzjonijiet mill-parti l-kbira tar-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni biex jiffaċilitaw id-dħul fis-suq u l-innovazzjoni għal atturi ġodda. Dawn l-eżenzjonijiet ġew applikati b’mod inkonsistenti mill-Istati Membri u dan ħoloq kundizzjonijiet inugwali għall-parteċipanti fis-suq. Taħt ir-reġim il-ġdid l-eżenzjonijietser ikomplu (Artikolu 10) iżda, kif speċifikat fl-Artikoli rilevanti tad-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas, l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet m’għandhomx joperaw transkonfinalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Fi kliem ieħor m’hemmx proċeduri ta’ passportar fejn jidħlu l-eżenzjonijiet.

4.   Il-perspettiva ekonomika u soċjali

4.1   Il-KESE huwa interessat ħafna fil-progress lejn l-għanijiet tal-proġett ta’ Liżbona Din id-Direttiva jixirqilha l-appoġġ tagħna għax tappoġġja l-għanijiet ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi, miksuba fost affarijiet oħra permezz tal-innovazzjoni teknoloġika, l-inizjattiva intraprenditorjali, il-kreattività fuq l-internet u t-twaqqif ta’ SMEs li jwasslu għall-iżvilupp tas-soċjetà elettronika tas-seklu 21.

4.2   L-introduzzjoni ta’ reġim regolatorju ġdid fis-settur finanzjarju hija kwistjoni potenzjali fid-dawl tal-kriżi tas-settur bankarju u t-tħassib ġenerali dwar ir-regolazzjoni ineffettiva tal-banek. Minkejja dan it-tħassib, il-KESE huwa sodisfatt li r-reġim propost huwa adegwat u proporzjonat għar-raġunijiet li ġejjin:

Ir-regolamenti huma mfassla għall-SMEs innovattivi tal-komunità tal-ħlas. Il-kriżi bankarja reċenti ġiet ikkawżata mill-espożizzjoni tal-banek għad-djun. L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi mhux ser ikunu jistgħu jagħtu kreditu bbażat fuq fondi tal-utenti biex ma jkunx hemm dan ir-riskju.

Ir-rekwiżit ta’ fondi proprji (il-punti 3.6.1 u 3.6.2 hawn fuq) jgħolli l-kapital inizjali ta’ EUR 125 000 proporzjonalment maż-żieda fil-valur tal-fondi li ġew rċevuti mill-utenti tas-servizz tal-ħlas. It-tnaqqis fil-kapital inizjali jservi biss biex jitnaqqsu l-ostakli għad-dħul fis-suq. Id-Direttiva tispeċifika rekwiżiti sinifikanti ta’ kapital għal fondi proprji akbar.

Ir-riżervi kapitali ta’ istituzzjoni tal-flus elettroniċi ser ikunu proporzjonali għal dawk tal-banek u l-fondi li jirrappreżentaw il-pretensjonijiet tal-utenti ser ikunu salvagwardati speċifikament f’firxa limitata ta’ investimenti.

L-ammonti ta’ flus involuti huma insinifikanti. Jekk l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi jiżviluppaw bħala qawwa ġenwina fis-suq tal-ħlasijiet, hemm dispożizzjonijiet fid-Direttiva li jemendawha fid-dawl tal-esperjenza.

4.3   Il-KESE huwa mħasseb dwar il-ħarsien tal-konsumaturi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fid-Direttiva tagħmel il-bidliet li ġejjin:

4.3.1

Il-limitazzjonijiet fuq l-investiment tal-fondi bħalissa japplikaw biss għal istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi ibridi. Għal sigurtà akbar tal-klijenti, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw għall-isituzjonijiet tal-flus elettroniċi kollha.

4.3.2

L-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi ma jistgħux iżommu flus bħala depożiti. Il-flus li jidħlu għandhom jiġu maqluba immedjatament fi flus elettroniċi. Din is-salvagwardja mhix spjegata fid-Direttiva.

4.3.3

L-Artikolu 9 għandu jiġi emendat biex jespliċita r-rekwiżit li l-fondi fir-rigward tal-obbligazzjonijiet pendenti tal-flus elettroniċi għandu jiġi salvagwardat speċifikament minn istituzzjonijiet ibridi.

4.3.4

L-Artikolu 5.4 jippermetti li l-fidi fid-data tat-terminazzjoni ta-kuntratt jista’ jsir bla ħlas, iżda l-Artikolu 5.5 jippermetti li jkun hemm ħlas għal terminazzjoni bikrija. Din id-dispożizjoni għandha titneħħa għaliex m’hemmx distinzjoni bejn fidi tul u fidi fi tmiem il-kuntratt u r-riżultat x’aktarx ikun skematika ta’ terminazzjoni ta’ kuntratti li tnaqqas ir-rekwiżit prudenzjali li jkun magħruf il-klijent.

4.4   L-attitudni lejn il-kontanti tvarja minn kultura għal oħra fl-UE, hekk kif tvarja l-attitudni lejn it-teknoloġija. Ir-rati tal-użu tal-posta elettronika u l-internet jipprovdu ftit jew wisq kejl tal-probabbiltà li l-flus elettroniċi jiġu aċċettati. Fattur ieħor ikun id-demografija tal-industriji tal-bejgħ bl-imnut u s-servizzi. Kumpaniji ikbar x’aktarx jaċċettaw il-flus elettroniċi minn fażi bikrija. Għal dawn ir-raġunijiet u għal raġunijiet oħra marbutai mal-filosofija tal-Istati Membri, ma jkunx għaqli li nistennew li l-flus elettroniċi jaqbdu bl-istess ritmu madwar l-UE.

4.5   Minn madwar 20 istituzzjoni tal-flus elettroniċi akkreditati sal-lum, madwar 15 ġew akkreditat fir-Renju Unit. Il-politika pożittiva tal-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji tar-Renju Unit fir-rigward tal-flus elettroniċi ikkontribwiet għal dan ir-riżultat. B’mod partikolari, l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarju kkonsultat lill-industrija biex tiżgura li r-regolamenti tar-Renju Unit huma prattikabbli. F’dan ir-rigward għamlu suċċess. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jadottaw politiki hekk pożittivi fir-rigward tad-Direttiva l-ġdida. Politiki bħal dawn għandhom jikkontribwixxu biex tiżdied l-aċċettazzjoni tal-flus elettroniċi madwar l-UE.

4.6   Tħassib fundamentali jikkonċerna l-iżvilupp ta’ regolamenti kontra l-ħasil tal-flus. It-Tielet Direttiva kontra Ħasil tal-Flus inkludiet Artikolu li jagħti lill-Istati Membri l-libertà li ma japplikawx il-miżuri tal-obbligi dovuti lill-klijent jew li jippostponuhom fir-rigward tal-flus elettroniċi (obbligi Dovuti lill-klijent ssimplifikati) meta l-ammont maħżun ma jkunx aktar minn EUR 150 f’apparat li ma jkunx jista’ jerġa’ jiġi ċċarġjat, jew mhux aktar minn EUR 2 500 kull sena f’apparat li jista’ jiġi ċċarġjat. Il-limiti ekwivalenti kemm fid-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Ħlas u kemm fir-reviżjoni proposta għad-Direttiva dwar il-Flus Elettroniċi huma ta’ EUR 500 u EUR 3 000. Il-KESE ma jistax jaċċetta li żewġ Direttivi jistabbilixxu limiti kontradittorji. Jekk il-limiti stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom jinżammu, id-Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus għandha tiġi emendata.

4.7   Il-kontanti huma anonimi. Tranżazzjonijiet sempliċi f’kontanti ma jiżvelawx l-identità tal-persuna li tkun qed tħallas. L-iskemi tal-flus elettroniċi jistgħu jkunu anonimi jew identifikati. Problema fl-implimetazzjoni tad-Direttiva dwar il-Flua Elettroniċi mill-Istati Membri kienet li l-kunċett ta’ “kun af il-klijent tiegħek” ta’ spiss ġie applikat b’mod estrem. Għal tranżazzjonijiet ta’ ftit flus, ħafna utenti jkunu jixtiequ jibqgħu anonimi. Din kienet karatteristika tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwa il-Flus Elettroniċi fir-Renju Unit u l-miżuri ta’ “kun af il-klijent tegħek” ma japplikawx sakemm il-klijent ma jkunx laħaq livell materjali ta’ attività. Il-limitu ogħla tal-valur maħżun ta’ EUR 500 għandu jagħmel il-flus elettroniċi aktar attraenti għal utenti potenzjali, b’mod partikolari għal dawk li m’għandhomx aċċess jew ftit li xejn għas-servizzi bankarji. Għalkemm razzjonalment dawn il-limiti m’għandhomx jirrapreżentaw riskju sproporzjonat ta’ ħasil tal-flus, meta mqabbel ma’ dak li jista’ jsir b’ammonti kbar ta’ flus kontanti, xorta waħda hemm riservi dwar il-limiti proposti.

4.8   L-inklużjoni finanzjarja hija ffaċilitata bil-flus elettroniċi. F’soċjetà li kulma jmur dejjem tassumi li l-ħlas isir bil-karta ta’ debitu jew ta’ kreditu, il-possibbiltà li tinxtara karta li mbagħad tista’ tintuża fi tranżazzjonijiet ta’ kreditu u ta’ debitu hija potenzjalment attraenti ħafna. Ċerti gruppi fis-soċjetà jistgħu jiġu vvantaġġati b’mod partikolari b’din il-faċilità. Dawn jinkludu l-immigranti, dawk li m’għandhomx aċċess jew ftit li xejn għas-servizzi bankarji, u f’ċerti ċirkostanzi ż-żgħażagħ u l-persuni b’diżabilità. Il-KESE huwa mħasseb li mil-lat tal-ħarsien tal-konsumatur, dawn il-gruppi huma wkoll l-aktar vulnerabbli. L-Istati Membri għandhom iqisu dawn id-dgħufijiet huma u jimplimentaw id-Direttiva.

Brussell, 26 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  RFID – Identifikazzjoni tal-Frekwenzi tar-Radju – tuża ċippa elettronika li tista’ tiġi integrata f’diversi oġġetti bħat-tikketti ta’ oġġetti jew il-karti tal-identità personali. Din iċ-ċippa tinqara permez ta’ apparat mingħajr wajers li jaqra d-data minn fuq iċ-ċippa (wireless reader) u l-karta kemm tmiss dan l-apparat. Din l-applikazzjoni hija magħrufa bħala “bla kuntatt”. Il-karti tal-aċċess għall-bini, bħal dawk tal-KESE, huma karti RFID

(2)  Il-PayPal beda bħala istituzjoni tal-flus elettroniċi rregolata mill-FSA tar-Renju Unit. Minn dakinhar ’l hawn saret Istituzzjoni ta’ Kreditu u issa stabbiliet ruħha fil-Lussemburgu.