28.1.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21/1 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tas-6 ta' Jannar 2009
dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ħlas transkonfinali fil-Komunità
(CON/2009/1)
(2009/C 21/01)
Introduzzjoni u bażi legali
Fil-31 ta' Ottubru 2008 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ħlas transkonfinali fil-Komunità (1), li jibdel u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (2) (minn hawn 'il quddiem ir-“regolament propost”).
Il-kompetenza tal-BĊE biex jippreżenta opinjonijiet hija bbażata fuq l-Artikolu 105(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u l-Artikolu 3.1, l-Artikolu 4(a) u l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew, billi r-regolament propost fih dispożizzjonijiet dwar l-operazzjoni bla xkiel ta' sistemi ta' ħlas u l-ġbir tal-istatistika tal-bilanċ tal-ħlasijiet. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
Osservazzjonijiet ġenerali
Il-BĊE jinnota li l-għan tar-regolament propost ikopri mhux biss tranżazzjonijiet ta' ħlas elettroniku u trasferimenti ta' kreditu transkonfinali imma wkoll krediti diretti transkonfinali. Dan huwa skont l-isforzi biex jitlaħaq is-Suq Intern għal servizzi ta' ħlasijiet u bit-tnedija taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-euro (SEPA) b'mod partikolari u l-BĊE jilqa' dan b'sodisfazzjon. Madankollu, ir-regolament propost iqajjem xi kwistjonijiet ukoll, li huma spjegati iktar 'l isfel, li jeħtieġu kunsiderazzjoni mill-qrib.
Osservazzjonijiet speċifiċi
1. Dispożizzjonijiet fuq ir-rappurtar tal-bilanċ tal-ħlasijiet
1.1. |
Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet proposti fuq ir-rappurtar tal-bilanċ tal-ħlasijiet (BtĦ), il-BĊE jikkunsidra li huwa essenzjali li tinstab soluzzjoni li ma tpoġġix fir-riskju la l-ħtiġijiet essenzjali tal-utent għall-istatistika tal-bilanċ tal-ħlasijiet taż-żona tal-euro u nazzjonali u lanqas it-tnedija f'waqtha tas-SEPA. |
1.2. |
L-iżvilupp ta' SEPA jimplika li s-sistemi tar-rappurtar tal-BtĦ ibbażati primarjament fuq data tal-ħlasijiet ma jistgħux jinżammew kif inhuma, fir-rigward tal-ħlasijiet f'euro ġewwa l-UE. Ir-riforma ta' dawk is-sistemi tista' jinvolvi mhux biss obbligi ta' rappurtar konsiderevolment anqas għall-banek (3) iżda wkoll żieda fil-piż ta' rappurtar ta' dawk li mhumiex banek u dan għandu jkun limitat kemm jista' jkun (eż. bl-applikazzjoni ta' teknika ta' stħarriġ u kampjunatura xierqa). Fl-istess ħin għandu jkun żgurat li l-istatistika tal-BtĦ tista' tkompli tinġabar bl-affidabilità, il-frekwenza u b'puntwalità akbar li huma meħtieġa għat-tfassil tal-politika monetarja tal-BĊE. |
1.3. |
Il-BĊE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta fl-Artikolu 5(1) biex jiżdied il-limitu tal-eżenzjoni għar-rappurtar tal-BtĦ sa EUR 50 000 u jirrikonoxxi li dan huwa diġà fis-seħħ fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, li diġà qalbu għal kollox jew ħadu passi biex jiġbru data permezz ta' sorsi alternattivi (data amministrativa, jew stħarriġ/rappurtar dirett) aktar milli minn sistemi ta' ħlas, jew sorsi kumplimentari żviluppati għal data ta' ħlasijiet. |
1.4. |
Il-kumpanniji l-kbar għandhom rwol kruċjali fil-ġbir tal-istatistika tal-BtĦ. Iżda għandhom it-tendenza li jiċċentralizzaw il-ħlasijiet tagħhom f'entitajiet speċjalizzati u għalhekk il-ħlasijiet tagħhom qed ikunu dejjem aktar skonnessi mill-metodu bbażat fuq stħarriġ. L-entitajiet iż-żgħar jistgħu jiġu ttrattati abbażi tal-kampjunatura. |
1.5. |
Biex jitkejjel u jiġi ffukat l-għan tal-istħarriġ relatat mar-rappurtar tal-BtĦ, il-BĊE jissuġġerixxi li sorsi oħrajn amministrattivi u ta' data statistika, bħall-fajls tad-data tal-VAT, INTRASTAT, Reġistri tal-Kumpaniji u Statistika tan-Negozju Strutturali, jittejbu meta jkun meħtieġ u possibbli, biex ikunu jistgħu jintużaw għall-identifikazzjoni tal-entitajiet li ser jiġu mistħarrġa jew għall-ġbir ta' informazzjoni fuq tranżazzjonijiet transkonfinali. Il-prattiċi tajbin fuq l-użu ta' dawk id-data jistgħu jiġu skambjati diġà fost il-kompilaturi tal-BtĦ. Bil-kontra, mingħajr preġudizzju għall-piż fuq dawk li jwieġbu, ir-regolamenti dwar dawk is-sorsi għandhom jippermettu identifikazzjoni aħjar ta' tranżazzjonijiet transkonfinali, speċjalment fir-rigward tas-servizzi. |
1.6. |
Il-BĊE jilqa' b'sodisfazzjon l-introduzzjoni tal-Artikolu 5(3), billi jikkjarifika li rekwiżiti tal-istatistika li ma jħallu l-ebda impatt fuq l-ipproċessar sħiħ ta' ħlasijiet SEPA mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlasijiet, u li jista' jiġi awtomatizzat għal kollox mill-fornituri tas-servizzi tal-ħlasijiet, m'għandhomx ikunu suġġetti għal xi limitu ta' eżenzjoni. |
1.7. |
Il-BĊE jikkunsidra d-data tal-ħlasijiet bħala għodda potenzjalment utli b'mod partikolari biex tiġi identifikata l-popolazzjoni li tirrapporta li ser tiġi mistħarrġa, jiġifieri biex jitwaqqaf u jinżamm reġistru ta' azjendi attivi internazzjonali (4). Dan jirrigwarda informazzjoni li hija faċilment disponibbli għall-banek u li tista' tingħata lill-kompilaturi tal-BtĦ b'mod għal kollox awtomatizzat f'intervalli raġonevoli, inkluż, minn naħa, l-oqsma mandatarji tal-messaġġ SEPA (inkluż in-Numri tal-Kont tal-Bank Internazzjonali (IBANs) ta' pagatur u min jitħallas) u, min-naħa l-oħra, kull data ta' referenza oħra li għandhom jintużaw u/jew jinħażnu mill-banek (eż. għall-finijiet kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament kontro terroristiku), bħall-indirizzi tad-detenturi tal-kontijiet. Imbagħad dawn id-data jistgħu jintrabtu mar-reġistru tan-negozju tal-istatistika nazzjonali. Dan il-metodu għandu jkun possibbli fid-diskrezzjoni ta' kull kompilatur nazzjonali tal-BtĦ. Billi huwa jħares il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5(3), dan il-metodu m'għandux ikun suġġett għal xi limitu fir-rappurtar. |
1.8. |
Għall-ġejjieni, fil-kuntest tas-SEPA, entitajiet mhux finanzjarji jistgħu jagħżlu li jżommu l-kont bankarju tagħhom ma' bank li huwa residenti f'pajjiż ieħor tal-UE. Jekk u meta jiġri dan, l-informazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 5(3) tar-regolament propost, li hija bbażata fuq l-assunzjoni li l-banek u d-detenturi tal-kontijiet tagħhom ġeneralment jirrisjedu fl-istess pajjiż, tista' ma tipprovdix aktar valutazzjoni sodisfaċenti tal-popolazzjoni li qed tirrapporta. F'kuntest bħal dan, u biex il-Kummissjoni tiġi megħjuna, il-BĊE huwa lest li jivvaluta ulterjorment safejn żviluppa dan il-fenomenu. Jekk sar sinjifikattiv, l-inklużjoni mill-banek tal-pajjiż ta' residenza ta' pagatur fil-messaġġ SEPA għandu jerġa' jiġi kkunsidrat (5). Dan jippermetti identifikazzjoni awtomatika u mhux ambigwa tal-ħlasijiet transkonfinali mill-bank ta' min jitħallas f'kull każ. Din il-proċedura għandha tiġi applikata mingħajr limitu. |
1.9. |
Biex jittaffa aktar il-piż tar-rappurtar ta' aġenti kemm finanzjarji kif ukoll dawk mhux finanzjarji, il-BĊE jappoġġa l-inizjattivi kollha li jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni bejn kompilaturi, għall-finijiet statistiċi biss. Dan jista' jeħtieġ l-eliminazzjoni ta' impedimenti legali għall-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet tal-istatistika tal-UE, filwaqt li jinżammew is-salvagwardji tal-kunfidenzjalità meħtieġa. Biex jgħin lill-Kummissjoni, il-BĊE huwa lest li jfittex mezzi biex isir progress f'dan il-qasam. |
1.10. |
Fir-rigward tal-proposta għat-tneħħija tar-rekwiżiti tar-rappurtar nazzjonali bbażat fuq is-settlement fuq fornituri tas-servizz tal-ħlas mill-1 ta' Jannar 2012, kif intqal fl-Artikolu 5(2) tar-regolament propost, il-BĊE jenfasizza l-bżonn għal soluzzjoni provviżorja għall-Istati Membri li għadhom jiddependu fuq rappurtar ibbażat fuq is-settlement sakemm tinstab soluzzjoni armonizzata għal kollox mal-Ewropea kollha. Ġiet diskussa soluzzjoni provviżorja bħal din ġewwa l-Eurosistema u rriżultat din il-proposta mill-BĊE:
Barra minn dan l-BĊE jirrakkomanda li jiġu osservati mill-qrib l-iżviluppi fis-snin li ġejjin, wara li jitqiesu l-iżviluppi tekniċi fis-SEPA u l-iżviluppi fil-metodi ta' ġbir statistiku. |
2. Klawsola għal reviżjoni — użu tal- Kodiċi tal-Identifikazzjoni tal-Bank (BIC)
2.1. |
Skont l-Artikolu 12(1) tar-regolament propost, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Bank Ċentrali Ewropew rapport dwar l-użu tal-IBAN u tal-BIC fir-rigward tal-awtomazzjoni tal-pagamenti, flimkien ma' kwalunkwe proposta xierqa. Fuq l-assunzjoni li l-għan ta' din id-dispożizzjoni huwa biex jiġi ffaċilitat u jsir aktar effiċjenti l-bidu tal-ħlasijiet, il-BĊE jappoġġa l-abolizzjoni possibbli tal-ħtieġa ta' klijenti bl-imnut li jużaw il-BIC jekk l-użu tal-IBAN biss huwa teknikament possibbli, billi dan itaffi l-piż li jiġu pprovduti żewġ identifikaturi differenti. |
2.2. |
L-IBAN ġie introdott bħala rekwiżit mandatarju għal ħlas indaqs taħt ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 u, fil-fehma tal-BĊE, wera li kien il-pedament għall-istandardizzazzjoni ta' ħlasijiet fil-kuntest tas-SEPA billi jsaħħaħ l-ipproċessar sħiħ tal-ħlasijiet u jiffaċilita l-verifika tan-numri tal-kontijiet. Għalhekk, il-BĊE jirrakkomanda bis-sħiħ li jinżamm l-użu mandatarju tal-IBAN. Il-BĊE jinnota wkoll li l-introduzzjoni ta' format standard simili għall-kontijiet ta' titoli bl-istess mod bħas-sistema tal-IBAN tista' ttejjeb is-sistema tal-kunflitti tal-liġijiet ta' titoli intermedjati. |
3. Imposti għall-tranżazzjonijiet ta' ħlasijiet transkonfinali u ħlasijiet nazzjonali korrispondenti
L-Artikolu 3(1) tar-regolament propost jipprovdi għall-prinċipju tal-ugwaljanza ta' imposti dwar ħlasijiet transkonfinali u ħlasijiet domestiċi korrispondenti 'tal-istess valur'. L-uniku kriterju għall-identifikazzjoni tal-ħlas domestiku korrispondenti fir-regolament propost hija r-referenza għall-valur ta' dawn il-ħlasijiet ekwivalenti. F'dan ir-rigward, il-BĊE huwa mħasseb li d-dispożizzjoni imsemmija aktar 'il fuq tista' ma tipprovdix lill-fornituri ta' servizz ta' ħlas b'linji ta' gwida adegwati ta' interpretazzjoni fir-rigward tal-kunċett ta' ħlasijiet domestiċi korrispondenti. Għaldaqstant, il-BĊE jipproponi li jiġi introdott paragrafu li jistabbilixxi l-kriterji ta' valutazzjoni bażiċi biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu ġewwa l-Komunità, minflok ma l-fornituri ta' servizz ta' ħlas jitħallew b'marġni ta' diskrezzjoni wiesa' fir-rigward tal-interpretazzjoni tiegħu.
4. Ambitu ta' applikazzjoni
Ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 japplika għall-'istituzzjonijiet', u l-Artikolu 2(e) jiddefinihom bħala 'kull persuna naturali jew legali li, bħala negożju, tesegwixxi ħlasijiet transkonfini'. Isegwi li la l-BĊE u lanqas il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) ma huma koperti bir-Regolament (KE) Nru 2560/2001. Din is-sitwazzjoni tinbidel bl-Artikolu 2(5) tar-regolament propost, li japplika għall-fornituri ta' servizzi ta' ħlas iddefiniti, inter alia, bħala 'kwalunkwe mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2007/64/KE…' (6) (minn hawn 'il quddiem il-'PSD'). L-Artikolu 1(1) tal-PSD jistabblixxi l-kategoriji ta' fornituri ta servizzi ta' ħlas, inklużi l-BĊE u l-BĊNi meta ma jaġixxux fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji. Isegwi mid-dispożizzjonijiet msemmijin iktar 'il fuq li r-regolament propost japplika għall-ħasijiet transkonfinali sa EUR 50 000 li jagħmlu l-ECB jew il-BĊNi meta jkunu qed jaġixxu 'l barra mil-ambitu tal-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji u meta dawn it-tranżazzjonijiet ma jsirux għalihom innifishom. Il-BĊE jilqa' b'sodisfazzjon l-ambitu estiż tar-regolament propost f'dan ir-rigward, li jikkonforma mal-prinċipji tas-SEPA.
5. Kummenti oħra legali
5.1. |
Il-BĊE jappoġġa l-għan tar-regolament propost li jkun hemm konformità mal-istandards ta' leġiżlazzjoni tajba u jaqbel mal-introduzzjoni tal-qafas ta' definizzjoni semplifikat. Madankollu, jidher li jidħlu f'xulxin xi ftit il-kunċett ta' 'pagamenti transkonfinali' u 'tranżazzjoni ta' ħlas' li hemm rispettivament fl-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 2(7) tar-regolament propost. |
5.2. |
Il-BĊE huwa tal-opinjoni li jekk kunċett definit jidher f'aktar minn leġiżlazzjoni waħda sekondarja, id-definizzjoni korrispondenti għandha tkun, kemm jista' jkun possibbli, identika fil-leġiżlazzjoni kollha bħal din biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, speċjalment f'atti legali relatati mill-qrib. Iżda hemm xi diverġenzi bejn il-kunċett ta' 'strument ta' ħlas' kif iddefinit fl-Artikolu 4(23) tal-PSD u l-ekwivalenti tiegħu fl-Artikolu 2(2) tar-regolament propost. Fil-PSD, hemm referenza għall-'ordni tal-ħlas' filwaqt li d-definizzjoni fir-regolament propost tirreferi għal 'tranżazzjoni ta' ħlas. Dan mhuwiex feliċi u jista' joħloq konfużjoni, speċjalment billi kemm 'ordni tal-ħlas' u 'tranżazzjoni ta' ħlas' huma kunċetti definiti kemm fir-regolament propost u fil-PSD. Għalhekk, il-BĊE jissuġġerixxi li dawn iż-żewġ atti legali jiġu allineati fir-rigward tad-definizzjoni inkwistjoni |
5.3. |
Billi r-regolament propost ma fih l-ebda dispożizzjoni dwar it-trasparenza tal-imposti li jikkorrespondu mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2560/2001, il-BĊE jirrakkomanda li jiġi kkunsidrat jekk għandhiex issir referenza fir-regolament propost għad-dispożizzjonijiet rilevanti fil-PSD dwar kundizzjonijiet u rekwiżiti ta' informazzjoni għal servizzi ta' ħlas. |
6. Proposti għall-abbozzar
Fejn l-opinjoni ta' hawn fuq dwar l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tar-regolament propost iwassal għal tibdil fir-regolament propost, qed isiru l-proposti għall-abbozzar fl-Anness.
Magħmula fi Frankfurt am Main, fis-6 ta' Jannar 2009.
Il-President tal-BĊE
Jean-Claude TRICHET
(1) KUMM(2008) 640 finali.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2001 dwar pagamenti transkonfini f'euro, ĠU L 344, 28.12.2001, p. 13.
(3) Skond l-Artikolu 1(3) tar-regolament propost, il-banek xorta jibqgħu meħtieġa li jirrapportaw it-tranżazzjonijiet finanzjarji u mhux finanzjarji transkonfinali tagħhom.
(4) B'mod partikolari dan japplika għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs) li jirċievu ħlasijiet minn u/jew jibagħtu ħlasijiet lil kontijiet bankarji mhux residenti (jiġifieri kontijiet bankarji b'kodiċi tal-pajjiż mhux residenti fih). Dan jista' jservi ta' indikazzjoni li dawn l-SMEs x'aktarx jagħmlu tranżazzjonijiet transkonfinali. L-IBAN (bil-kodiċi tal-pajjiż fih) fil-messaġġ SEPA jista' jintuża bħala prokura biex jiġu identifikati dawn l-SMEs.
(5) Jekk jittieħed dan il-pass, il-Kunsill tal-Ħlasijiet Ewropew (EPC) ikollu jintalab li jagħmel obbligatorju l-qasam eżistenti fuq il-pajjiż ta' residenza ta' pagatur, bħalissa dan huwa opzjonali fil-messaġġ SEPA (u possibbilment ikun hemm ftehim fuq kodifikazzjoni).
(6) Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.
ANNESS
Proposti għall-abbozzar
Test propost mill-Kummissjoni |
Emendi proposti mill-BĊE |
Emenda 1 1 |
|
Artikolu 2(1) tar-regolament propost |
|
Artikolu 2(1) 'pagamenti traskonfinali' tfisser tranżazzjonijiet ta' ħlas elettroniku mibdijin mill-pagatur jew mill-benefiċjarju u mwettqa permezz ta' fornitur tas-servizzi tal-ħlas jew fergħa tiegħu f'wieħed mill-Istati Membri, bil-ħsieb li jitqiegħed ammont ta' flus għad-dispożizzjoni ta' benefiċjarju permezz tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas jew fergħa tiegħu, fi Stat Membru ieħor; |
Artikolu 2(1) 'pagamenti traskonfinali' tfisser tranżazzjonijiet ta' ħlas elettroniku mibdijin mill-pagatur jew mill-benefiċjarju u mwettqa permezz ta' fornitur tas-servizzi tal-ħlas jew fergħa tiegħu f'wieħed mill-Istati Membri, bil-ħsieb li jitqiegħed ammont ta' flus għad-dispożizzjoni ta' benefiċjarju permezz tal-fornitur tas-servizzi tal-ħlas jew fergħa tiegħu, fi Stat Membru ieħor; |
Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 5.1 tal-opinjoni |
|
Emenda 2 |
|
Jiddaħħal l-Artikolu 3(3) fir-regolament propost |
|
Artikolu 3(3) L-ebda test bħalissa |
Artikolu 3(3) L-ekwivalenza bejn il-ħlasijiet transkonfinali u l-ħlasijiet domestiċi korrispondenti għandhom jiġu vvalutati fuq il-bażi ta' kriterji bħall-kanal tal-bidu, il-veloċità, il-grad ta' awtomazzjoni, ir-relazzjoni mal-klijent u l-livell tas-servizz pprovdut lill-klijent |
Ġustifikazzjoni — Ara l-paragrafu 3 tal-opinjoni |