15.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 9/6


Rapport finali ta' l-Uffiċjal tas-Smigħ (Każ COMP/B-1/37.966 — Distrigaz)

(Skond l-Artikoli 15 u 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KEFA tat-23 ta' Mejju 2001 dwar it-termini ta' referenza għall-Uffiċjali tas-Smigħ f'ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni — ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21)

(2008/C 9/04)

L-abbozz tad-deċiżjoni jagħti lok għall-osservazzjonijiet li ġejjin.

L-isfond tal-proposta

Il-każ preżenti jirriżulta minn investigazzjoni ex officio li ffokat inizjalment fuq tliet kuntratti ta' provvista ta' gass konklużi bejn Distrigaz SA/Distrigas NV (“Distrigas”) u klijent industrijali fil-Belġju. Il-Kummissjoni waslet għal konklużjoni preliminari li ċerti aspetti ta' dawn il-kuntratti jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni u abbużi minn pożizzjoni dominanti fis-suq tal-provvista tal-gass fil-Belġju li jmorru kontra l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE.

I.   Evalwazzjonijiet Preliminari

Fl-1 ta' Marzu 2004, ġiet innotifikata Dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet (“DO”) lil Distrigas u lil klijent industrijali. Fuq talba, approvajt estensjoni taż-żmien għat-tweġiba lil Distrigas għad-DO sad-19 ta' Mejju 2004. Sew Distrigas u il-klijent industrijali ssottomettew tweġibiet bil-miktub għad-DO.

Inżamm smigħ orali fis-16 ta' Ġunju 2004, fejn Distrigas u l-klijent industrijali ppreżentaw il-fehmiet tagħhom fuq it-tħassib tal-Kummissjoni.

Fit-30 ta' Ġunju 2005, il-Kummissjoni adottat Evalwazzjoni Preliminari (“EP”) indirizzata lil Distrigas li kienet tittratta tħassib dwar il-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 82 tal-KE f'relazzjoni mal-kuntratti ta' provvista ta' gass ta' Distrigas ma' numru ta' klijenti industrijali fil-Belġju.

Sussegwentement il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni Supplimentari ta' Oġġezzjonijiet (DSO) fit-8 ta' Mejju 2006 indirizzata lil Distrigas li kienettitratta dwar tħassib dwar il-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 82 tal-KE f'relazzjoni mal-kuntratti kollha ta' provvista ta' gass ta' Distrigas ma' klijenti industrijali fil-Belġju. B'reazzjoni għal rikjesti speċifiċi, ingħatat estensjoni inizjali għat-tweġiba sat-30 ta' Ġunju, imbagħad sas-7 ta' Lulju u sussegwentement sa l-1 ta' Settembru 2006. Minħabba l-progress fid-diskussjonijiet dwar impenji (ara hawn taħt), kien ikkunsidrat li ma kienx hemm bżonn li Distrigas twieġeb għad-DSO.

Id-DO, l-evalwazzjoni preliminari u d-DSO huma kollha evalwazzjonijiet preliminari fl-ambitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003.

II.   Sottomissjoni ta' impenji u investigazzjoni tas-suq

Bi tweġiba għat-tħassib dwar ul-kompetizzjoni li tqajjem fl-evalwazzjonijiet preliminari, Distrigas issottomettet proposta ta' impenji lill-Kummissjoni fil-11 ta' Lulju 2006. Wara diskussjonijiet mas-servizzi tal-Kummissjoni rilevanti, tressqet proposta riveduta ta' impenji fl-1 ta' Marzu 2007.

Fil-5 ta' April 2007, il-Kummissjoni ippubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali skond l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fejn għamlet sommarju tal-każ u ta' l-impenji proposti minn Distrigas u stiednet partijiet terzi interessati biex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien xahar. Wara diskussjonijiet mas-servizzi tal-Kummissjoni rilevanti li saru meta l-osservazzjonijiet minn partijiet terzi kienu ġew evalwati, Distrigas issottometiet verżjoni emendata ta' l-impenji fit-12 ta' Ġunju 2007. Distrigas jikkonferma li dawn l-impenji għandhom jinftiehmu bħala impenji fl-ambitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

III.   L-aċċess għall-fajl u għall-investigazzjoni tas-suq

L-aċċess għall-fajl ingħata inizjalment lil Distrigas u lill-klijent industrijali wara il-kwistjoni ta' l-ewwel DO, u sussegwentement lil Distrigas wara d-DSO. Wara l-investigazzjoni tas-suq, Distrigas ġiet ukoll ipprovduta b'verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-reazzjonijiet kollha rċevuti b'rispons għall-investigazzjoni tas-suq.

Konklużjoni

Nikkonkludi li d-drittijiet tal-partijiet li jinstemgħu ġew rispettati f'dan il-każ.

Brussell, 25 ta' Settembru 2007

Karen WILLIAMS