19.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 14/6


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont

(2008/C 14/02)

(Din il-komunikazzjoni tieħu post l-avviżi preċedenti dwar il-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont)

IR-RATI TA' REFERENZA U TA' SKONT

Fi ħdan il-qafas tal-kontroll Komunitarju ta' l-għajnuna statali, il-Kummissjoni tagħmel użu minn rati ta' referenza u ta' skont. Ir-rati ta' referenza u ta' skont huma applikati bħala sostitut għar-rata tas-suq u sabiex titkejjel l-ekwivalenti ta' għotja ta' għajnuna partikolarment meta titħallas bin-nifs, u biex jiġi kkalkulat l-element ta' għajnuna li jirriżulta minn skemi ta' sussidju fuq l-imgħax. Dawn jintużaw ukoll biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regola de minimis u mar-regolamenti dwar l-eżenzjoni ta' kategorija.

L-ISFOND TAR-RIFORMA

Ir-raġuni ewlenija għaliex qed terġa' tiġi kkunsidrata l-metodoloġija li tistabbilixxi rati ta' referenza u ta' skont hija li l-parametri finanzjarji meħtieġa mhux dejjem ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha, speċjalment f'dawk ġodda (1). Barra minn hekk, il-metodu attwali jista' jitjieb b'mod li jikkunsidra l-kredibilità ta' kreditu u l-kollaterali tad-debitur.

Għalhekk il-Kummissjoni tressaq metodu rivedut sabiex jiġu stabbiliti r-rati ta' referenza u ta' skont. Il-metodu propost jibni fuq l-arranġament kurrenti, li huwa aċċettat mill-Istati Membri kollha u b'applikazzjoni prattika, għall-iżvilupp ta' metodu ġdid li jnaqqas in-nuqqasijiet kurrenti, huwa kompatibbli ma-diversi sistemi finazjarji fl-UE (partikolarment fl-Istati Membri ġodda) u jista' jiġi implimentat b'mod sempliċi.

STUDJU

Studju tad-Deloitte & Touche (2), ikkummissjonat mid-DĠ għall-Kompetizzjoni, jipproponi sistema msejsa fuq żewġ pilastri: metodu “standard” u metodu “avvanzat”.

Il-metodu standard

B'dan il-metodu, il-Kummissjoni tippubblika, kull erba' xhur, rata bażi kkalkulata fuq bosta maturitatjiet — 3 xhur, sena, 5 snin u 10 snin — u għal muniti varji. Rati ta' l-IBOR (3) u swap rates jintużaw jew, fin-nuqqas ta' dawn il-parametri, rati tal-bonds tal-gvern. Il-primjum applikat għall-ksib tar-rata ta' referenza għal-self huwa kkalkolat skond il-kredibilità ta' kreditu tad-debitur u l-kollaterali. Skond il-kategorija ta' klassifika tal-kumpanija (“klassifika” mogħtija minn aġenziji ta' klassifika fil-każ ta' kumpaniji ewlenin jew mill-banek fil-każ ta' l-SMEs) il-marġini applikabbli għall-każ normali (il-klassifikazzjoni normali u l-kapital ta' garanzija normali (4)) jirrapreżenta 220 punt bażi. Din iż-żieda tista' titla' sa 1 650 fil-każ ta' kredibilità ta' kreditu baxxa u kapital ta' garanzija baxx.

Il-metodu avvanzat

Dan il-metodu jippermetti lill-Istati Membri sabiex jaħtru aġent indipendenti sabiex jagħmel il-kalkolu — bħal per eżempju bank ċentrali — responsabbli mill-pubblikazzjoni regolari ta' rata ta' l-imgħax ta' referenza ġusta, għal numru ikbar ta' maturitajiet fuq bażi iktar frekwenti minn tal-metodu standard. Dan il-metodu jkun iġġustifikat bl-għarfien u l-approssimazzjoni tad-data finanzjarja u bankarja li tkun disponibbli għal din l-istituzzjoni f'paragun mal-Kummissjoni. F'dak il-każ, il-Kummissjoni u awditur estern jivvalidaw il-metodi tal-kalkolu. Permezz ta' dan il-metodu, jista' jkun li f' ċerti każi jiġi kkunsidrat opting out.

Nuqqasijiet

Minkejja r-rilevanza ekonomika taż-żewġ metodi, jistgħu jiġu enfasizzati xi diffikulatijiet.

Il-metodu standard:

Ma jsolvix il-problema ta' nuqqas ta' data finanzjarja fl-Istati Membri ġodda u jżid parametri ġodda li mhumiex faċilment aċċessibbli.

Dan il-metodu standard jista' jiffavorixxi lill-kumpaniji l-kbar ghad-detriment ta' kumpaniji zgħar u medji li jew m'hemmx klassifika disponibbli għalihom jew għandhom waħda inqas vantaġġjuża (partikolarment minħabba informazzjoni asimmetrika fir-rigward ta' min jislef). Jista' toħloq diversi kwistjonijiet dwar is-suġġett tal-metodi ta' kalkolu tal-primjum li għandu jiġi applikat skond il-kredibilita' ta' kreditu u livelli tal-kollaterali.

Ma jissimplifikax ir-responsabilità ta' l-Istati Membri, partikolarment fir-rigward ta' kalkoli għall-verifika tal-konformità mar-regola de minimis u r-regolamenti dwar l-eżenzjoni ta' kategorija.

Il-metodu avvanzat:

Il-metodu avvanzat jista' jkun problematiku meta jiġi applikat fuq skemi ta' għajnuna: il-volatilità tar-rati tas-suq tista' tagħmel id-differenza bejn ir-rata ta' skema ta' self sottastanti u r-rata ta'referenza tant vantaġġjuza għal min jissellef li xi miżuri jistgħu jsiru inkompatibbli mar-regoli ta' għajnuna ta' l-Istat.

L-aġġustament tar-rati ta' kull tliet xhur jista' jikkomplika t-trattament tal-każi ladarba l-ammonti ta' għajnuna kkalkolati jistgħu jvarjaw konsiderevolment bejn il-bidu tal-fażi ta' valutazzjoni u d-data tad-deċiżjoni finali meħuda mill-Kummissjoni.

Dawn l-arranġamenti jidhru kkumplikati wisq u jistgħu jfallu milli jiżguraw trattament kostantement ġust fl-Istati Membri.

METODOLOĠIJA ĠDIDA

Sabiex jiġu evitati dawn id-diffikultaijiet, il-Kummissjoni tipproponi metodu li:

jkun applikat b'faċilità (partikolarment għall-Istati Membri meta jittrattaw għajnuniet taħt ir-regolamenti de minimis jew ta' l-eżenzjoni ta' kategorija);

jiżgura t-trattament ugwali madwar l-Istati Membri b'devjazzjonijiet minimi mill-prattiċi attwali u li jiffaċilita l-applikazzjoni tar-rati ta' referenza għall-Istati Membri ġodda;

jagħmel użu minn kriterji ssimplifikati li jikkunsidraw il-kredibilità ta' kreditu tal-kumpaniji minflok id-daqs ta' l-intrapriżi biss, li jidher li hu kriterju simplistiku wisq.

Barra minn hekk, dan il-metodu jagħmilha possibbli li tiġi evitata ż-żieda ta' inċertezza u kumplessità fil-metodi ta' kalkolu f'ambjent bankarju u finanzjarju, li dejjem għaddej minn tibdil, minħabba fl-implimentazzjoni tal-qafas Basle II, li jista' jħalli impatt sinifikanti fuq l-allokazzjoni tal-kapital kif ukoll fuq l-imġiba tal-banek. (Il-Kummissjoni ser tkompli ssegwi dan l-ambjent li qed jinbidel u, jekk ikun meħtieġ, tipprovdi gwida ulterjuri)

AVVIŻ TAL-KUMMISSJONI

Ir-raġuni ewlenija għall-kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-metodoloġija li tistabbilixxi rati ta' referenza u ta' skont hi li l-parametri finanzjarji meħtieġa mhux dejjem ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, il-metodu attwali jista' jitjieb b'mod li jikkunsidra l-kredibilità ta' kreditu u l-kollaterali tad-debitur.

Għalhekk il-Kummissjoni tadotta l-metodoliġija li ġejja sabiex jiġu stabbiliti rati ta' referenza:

Kalkolu bażi: IBOR ta' sena waħda

Ir-rata bażi hija msejsa fuq ir-rati tas-suq tal-flus fuq medda ta' sena, disponibbli fi kważi l-Istati Membri kollha, bil-Kummissjoni żżomm id-dritt li tuża maturitajiet iqsar jew itwal addottati għal ċerti każi.

Fejn dawk ir-rati ma jkunux disponibbli, ser tintuża r-rata tas-suq tal-flus fuq medda ta' 3 xhur.

Fin-nuqqas ta' data affidabbli jew ekwivalenti jew f'ċirkostanzi eċċezzjonali l-Kummissjoni tista', b'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istat(i) Membru/i kkonċerant(i) u fuq prinċipju bbażat fuq data mill-Bank Ċentrali ta' l-Istat Membru, tiddeċiedi dwara bażi oħra tal kalkolu.

Marġni (5)

Fil-prinċipju, il-marġni li ġejjin għandhom jiġu applikati skond il-klassifikazzjoni ta' l-impriża kkonċernata u l-kollaterali offruti (6).

Marġni tas-Self f'Punti Bażi

Kategorija ta' l-ikklasifikar

Kollateralizzazzjoni

Għolja

Normali

Baxxa

Tajba ħafna (AAA-A)

60

75

100

Tajba (BBB)

75

100

220

Sodisfaċenti (BB)

100

220

400

Dgħajfa (B)

220

400

650

Ħażina/Diffikultajiet finanzjarji (CCC u anqas)

400

650

1 000 (7)

Normalment, 100 punt bażi jiżdiedu mar-rata bażi. Dan jassumi (i) self lil impriżi fi klassifikazzjoni sodisfaċenti u kollaterali għolja, jew (ii) self lil impriżi bi klassifikazzjoni tajba u kollaterali normali.

Għal debituri li ma jkollhomx storja ta' kreditu jew klassifikazzjoni ibbażati fuq il-metodu ta' karta tal-bilanċ, bħal ċerti kumpaniji b'għanijiet speċjali (special-purpose companies) jew kumpaniji li għadhom jinbdew, ir-rata bażi għandha tiżdied b'mill-anqas 400 punt bażi (skond il-kollaterali disponibbli) u l-marġni qatt ma jista' jinżel anqas minn dak li jkun applikabbli għall-kumpanija parent.

Il-klassifikazzjoni mhux bilfors tingħata minn aġenziji speċifiċi ta' l-ikklasifikar — is-sistemi nazzjonali tal-klassifikazzjoni jew is-sistemi ta' kklasifikazzjoni użati mill-banek sabiex jirreflettu r-rati ta' kontumaċja huma aċċettabbli wkoll (8).

Il-marġni t'hawn fuq jistgħu jiġu riveduti minn żmien għal żmien sabiex tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tas-suq.

Aġġornament

Ser isir aġġornament tar-rata ta' referenza kull sena. Ir-rata bażi tiġi kkalkolata fuq il-bażi ta' l-IBOR ta' sena rreġistrat f'Settembru, Ottubru u Novembru tas-sena preċedenti. Ir-rata bażi li tiġi stabbilita tidħol fis-seħħ mill-ewwel ta' Jannar. Għall-perjodu mill-1 ta' Lulju 2008 sal-31 ta' Diċembru 2008, ir-rata ta' referenza ser eċċezzjonalment tiġi kkalkulata fuq il-bażi ta' l-IBOR ta' sena waħda rreġistrat fi Frar, Marzu u April 2008, skond l-applikazzjoni tal-paragrafu li ġej.

Barra minn hekk, sabiex jittieħdu in konsiderazzjoni l-varjazzjonijiet sinifikanti u għall-għarrieda, ser isir aġġornament kull darba li r-rata medja, ikkalkolata fuq it-tliet xhur preċedenti, tiddevja b'iktar minn 15 % mir-rata fis-seħħ. Din ir-rata ġdida tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xhur li fuqhom jinħadem il-kalkolu.

Rata ta' skont: Kalkolu ta' valur nett kurrenti

Ir-rata ta' referenza għandha tintuża wkoll bħala rata ta' skont, sabiex isir il-kalkolu tal-valuri kurrenti. Għalhekk fil-prinċipju, ser tintuża r-rata bażi miżjuda b'marġni fiss ta' 100 punt bażi.

Il-metodoloġija preżenti ser tidħol fis-seħħ mill-1 ta' Lulju 2008.


(1)  Ir-rati ta'referenza attwali għal dawn l-Istati Membri huma dawk ikkomunikati mill-Istati Membri li jirreflettu rata xierqa tas-suq. Il-metodoloġija li twassal għal dawn ir-rati tvarja bejn Stat Membru u ieħor.

(2)  Disponibbli mill-websajt tad-DĠ Kompetizzjoni.

http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/others/.

(3)  Ir-rata offruta mill-Inter-Bank fuq is-suq tal-flus.

(4)  Każi fejn ir-riċevitur juri klassifikar sodisfaċenti (BB) u rata ta' telf bejn il-31 % u l-59 %.

(5)  Kif joħroġ mill-istudju, il-marġini huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu indipendenti mill-maturazzjoni tas-self.

(6)  Il-kapital ta' garanzija normali għandu jitiqies li hu l-kapital ta' garanzija li normalment jintalab mill-istituzzjonijiet finanzjarji bħala garanzija għall-għoti b'self tagħhom. Il-livell tal-kollaterali jista' jitkejjel bħala t-telf f'każ ta' kontumaċja (Loss Given Default — LGD), li huwa t-telf mistenni f'perċentwal tal-kopertura tad-debitur filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ammonti rekuperabbli mill-assi tal-kollaterali u tal-falliment; konsegwentement it-telf f'każ ta' kontumaċja (LGD) huwa proporzjonalment invers għall-validità tal-kapital ta' garanzija. Għall-komunikazzjoni preżenti qed jiġi meqjus li l-kapital ta' garanzija “Għoli” jimplika telf f'każ ta' kontumaċja (LGD) ta' 30 % jew inqas, il-kapital ta' garanzija “Normali” jimplika telf f'każ ta' kontumaċja (LGD) ta' bejn il-31 % u d-59 %, filwaqt li l-kapital ta' garanzija “Baxx” jimplika telf f'każ ta' kontumċja (LGD) ta' 60 % jew iktar. Għal aktar dettalji, dwar il-kunċett LGD, ara Basel II: Konverġenza Internazzjonali ta' Kejl tal-Kapital u Standards tal-Kapital: Qafas Rivedut — Verżjoni Komprensiva, disponibbli fuq

http://www.bis.org/publ/bcbs128.pdf.

(7)  Skond l-applikazzjoni tad-dispożizjonijiet speċifiċi għas-salvataġġ u r-ristrutturar, kif stipulat attwalment fil-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna ta' l-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà, (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2) u partikolarment l-Artikolu 25 (a), li jirreferi għal “rata li għallinqas tkun tikkumpara mar-rati osservati fuq self lil kumpaniji b'saħħithom, u partikolarment bir-rati ta' referenza addottati mill-Kummissjoni”. Għalhekk, għal każi ta' għajnuna ta' salvataġġ, għandha tiġi applikata l-ewwel sena IBOR miżjuda b'mill-anqas 100 punt bażi.

(8)  Għal paragun bejn l-aktar mekkaniżmi komuni ta' kklassifikar tal-kreditu, ara pereżempju Tabella 1 fid-Dokument ta' Ħidma Nru 207 tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali:

http://www.bis.org/publ/work207.pdf.