52008PC0835

Rakkomandazzjoni Mill-Kummissjoni lill-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati f’isem il-Komunità għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija tas-Sajd mar-Repubblika tal-Ginea /* KUMM/2008/0835 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, il-3.12.2008

COM(2008) 835 finali

RAKKOMANDAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati f’isem il-Komunità għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija tas-Sajd mar-Repubblika tal-Ginea

RAKKOMANDAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati f’isem il-Komunità għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija tas-Sajd mar-Repubblika tal-Ginea

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Komunità u r-Repubblika tal-Ginea kkonkludew ftehim tas-sajd dwar is-sajd ‘il barra mill-kosta tal-Ginea[1], fit-28 ta’ Marzu 1983, li l-aħħar protokoll tiegħu[2] li daħal fis-seħħ fis-26 ta’ April 2004 u li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kumpens finanzjarju previsti bil-ftehim, jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2008.

Il-Kummissjoni tipproponi li tinnegozja Protokoll ġdid, adattat aħjar għall-opportunitajiet u għall-ħtiġijiet reali tal-flotta tal-Istati Membri, f’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2004 dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija tas-Sajd. L-inizjalar ta’ protokoll ġdid qabel id-data ta' skadenza tal-protokoll attwali, jippermetti li tiġi ggarantita l-kontinwità tal-attivitajiet tas-sajd.

Barra minn hekk, u bil-għan li jitqiesu l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2004 dwar il-ftehimiet ta' sħubija tas-sajd, huwa xieraq li jiġi nnegozjat Ftehim ta' Sħubija tas-sajd minflok il-ftehim attwali tas-sajd mar-Repubblika tal-Ginea.

Għalhekk, il-Kunsill huwa mistieden japprova d-direttivi tan-negozjati li jinsabu fl-Anness ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

2. RAKKOMANDAZZJONI

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni għalhekk tirrakkomanda li :

- Il-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati bil-għan li jiġi konkluż Ftehim ta’ Sħubija tas-Sajd mar-Repubblika tal-Ginea,

- Il-Kummissjoni tmexxi dawn in-negozjati f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

- Li l-Kunsill japprova d-direttivi tan-negozjati li jinsabu fl-Anness għal din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kummissjoni

Membru tal-Kummissjoni

ANNESS

Direttivi ta' negozjati

L-għan tan-negozjati huwa li jiġi konkluż Ftehim ta’ Sħubija tas-Sajd bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Ginea, abbażi tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2004, li kienu bbażati fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 2002.

Bil-għan li jkun jista’ jiġi ggarantit permezz ta’ dan il-ftehim ta’ sħubija, il-promozzjoni ta’ sajd sostenibbli u responabbli, il-Kummissjoni ser tibbaża n-negozjati tagħha fuq l-għanijiet li ġejjin:

- id-definizzjoni ta’ opportunitajiet ta’ sajd għall-bastimenti Komunitarji, b’konsiderazzjoni kif xieraq tal-użu reali mill-operaturi tal-opportunitajiet tas-sajd tal-protokoll attwali, tal-perspettivi futuri fil-qasam tal-attivitajiet tas-sajd, tal-istat tar-riżorsi u tal-kapaċità tar-Repubblika tal-Ginea, biex titħaddem politika ta’ ġestjoni sostenibbli tar-riżorsa.

- konsiderazzjoni tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli.

- it-tisħiħ tad-djalogu dwar il-politika settorjali bil-għan li jitħeġġeġ l-istabbiliment ta’ politika tas-sajd responsabbli, f’konformità mal-għanijiet tal-iżvilupp tal-pajjiż, partikolarment f’dak li jirrigwarda l-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd, il-ġestjoni tar-riżorsi u t-titjib tal-kundizzjonijiet sanitarji tal-prodotti tas-sajd.

[1] Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 971/83 tal-Kunsill tat-28 ta’ Marzu 1983 – ĠU L 111/1 tas-27 ta’ April 1983

[2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 830/2004 tas-26 ta' April 2004 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jiddeffinixxi għall-perjodu taż-żmien mill-1 ta' Jannar 2004 sal-31 ta' Diċembru 2008, l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju li hemm provvediment dwaru fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Ginea dwar is-sajd 'il barra mill-kosta tal-Ginea – ĠU L 127/31 tad-29 ta’ April 2004