Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fuq materji ċivili u kummerċjali /* KUMM/2008/0116 finali - AVC 2008/0048 */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 29.2.2008 KUMM(2008) 116 finali 2008/0048 (AVC) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fuq materji ċivili u kummerċjali (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Sfond politiku u legali Fis-16 ta' Settembru 1988, l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej iffirmaw il-Konvenzjoni ta' Lugano mar-Repubblika ta' l-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Din il-Konvenzjoni, imsejħa il-"Konvenzjoni ta' Lugano", estendiet l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Brussell ta' l-1968 dwar l-istess materja, konkluża bejn l-Istati Membri tal-KE, għal ċerti Stati membri ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-EFTA). In-negozjati dwar reviżjoni tal-Konvenzjonijiet ta' Brussell ta' l-1968 u ta' Lugano ta' l-1988 saru matul is-snin 1998-1999 fl-ambitu ta' Grupp ta' Ħidma ad hoc imkabbar bil-parteċipazzjoni ta' l-Iżvizzera, in-Norveġja u l-Iżlanda. Dawn in-negozjati wasslu għall-adozzjoni ta' test ta' abbozz ta' konvenzjoni mħejjija mill-Grupp ta' Ħidma. Dan it-test ġie kkonfermat mill-Kunsill fis-27 u t-28 ta' Mejju 1999 (JUSTCIV 60 tat-30 ta' April 1999). Minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Amsterdam fl-1 ta' Mejju 1999, il-kwistjonijiet koperti mill-Konvenzjoni ta' Brussell ta' l-1968 saru parti mill-politika Komunitarja, skond l-Artikoli 61(c) u 65 tat-Trattat tal-KE. Bħala riżultat ta' dan, il-Konvenzjoni ta' Brussell ta' l-1968 inbidlet f'Regolament, preċiżament ir-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġurisdizzjoni u l-għarfien u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. F'dik l-okkażjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Brussell kienu ġew immodernizzati u s-sistema ta' għarfien u infurzar saret aktar mgħaġġla u aktar effiċjenti. Fid-dawl tal-paralleliżmu bejn is-sistemi ta' "Brussell" (KE) u ta' "Lugano" dwar il-ġurisdizzjoni, l-għarfien u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, il-Konvenzjoni ta' Lugano ta' l-1988 jeħtieġ li tkun adattata sabiex tiġi tirrifletti l-evoluzzjoni tas-sistema ta' "Brussell". B'mod partikolari, huwa importanti li s-sistema ta' għarfien u infurzar ta' sentenzi tiġi allinjata sabiex jinkiseb l-istess livell ta' ċirkulazzjoni ta' sentenzi ma' l-Istati ta' l-EFTA kkonċernati. Fit-22 ta' Marzu 2002, il-Kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li awtorizzat lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati għall-adozzjoni ta' Konvenzjoni bejn il-Komunità u, fuq il-bażi tal-Protokoll dwar din il-pożizzjoni, id-Danimarka, fuq naħa waħda, u l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Polonja, fuq in-naħa l-oħra, dwar il-ġurisdizzjoni u l-għarfien u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali biex din tidħol minflok il-konvenzjoni ta' Lugano tas-16 ta' Settembru 1988 (SEC(2002) 298 finali). Fis-Sessjoni tiegħu ta' l-14 u l-15 ta' Ottubru 2002, il-Kunsill adotta direttivi ta' negozjati li awtorizzaw lill-Kummissjoni biex tibda negozjati dwar Konvenzjoni ta' Lugano ġdida. Fis-Sessjoni tas-27-28 ta' Frar 2003, il-Kunsill iddeċieda li jitlob lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għall-parir tagħha dwar il-kwistjoni jekk il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Lugano l-ġdida tidħolx fil-kompetenza esklużiva tal-Komunità jew jekk tidħolx f'kompetenza maqsuma bejn il-Komunità u l-Istati Membri. Fl-Opinjoni 1/03 tagħha tas-7 ta' Frar 2006, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dehrilha li l-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Lugano l-ġdida tidħol kollha kemm hi fil-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Skond dan il-parir tal-Qorti, in-negozjati reġgħu bdew u ntemmu fi Brussell fit-28 ta' Marzu 2007. Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2007 ta' l-iffirmar, f'isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni l-ġdida ta' Lugano, il-Konvenzjoni ġiet iffirmata f'Lugano fit-30 ta' Ottubru 2007. Skond l-Artikolu 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fit-Titolu IV tat-Trattat. Minħabba f'dan, l-istrumenti tal-Komunità adottati fl-oqsma ta', fost affarijiet oħra, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ta' natura ċivili, ma jorbtux lid-Danimarka u ma jistgħux ikunu infurzati f'dan il-pajjiż. Bħala riżultat, id-Danimarka tipparteċipa f'dan il-kuntest bħala Parti Kontraenti tal-Konvenzjoni l-ġdida ta' Lugano. Bejn l-Istati Membri l-oħra tal-KE u r-Renju tad-Danimarka, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 japplikaw mill-1 ta' Lulju 2007, skond il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u l-għarfien u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, iffirmat fi Brussell fid-19 ta' Ottubru 2005. 2. Riżultati tan-negozjati u l-iffirmar tal-Konvenzjoni Il-Kummissjoni nnegozjat il-Konvenzjoni ta' Lugano l-ġdida skond id-direttivi ta' negozjati tal-Kunsill, f'koordinazzjoni mal-Kumitat speċjali mqabbad mill-Kunsill biex jassisti lill-Kummissjoni fin-negozjati. In-negozjati ġew finalizzati fi Brussell fit-28 ta' Marzu 2007. Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2007 dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni l-ġdida ta' Lugano, din ta' l-aħħar ġiet iffirmata f'Lugano fit-30 t'Ottubru 2007. 3. Konklużjoni Fid-dawl tar-riżultat pożittiv tan-negozjati u l-iffirmar tal-Konvenzjoni, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Kunsill jadotta d-deċiżjoni li tikkonċerna l-konklużjoni tal-konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fuq kwistjonjijiet ċivili u kummerċjali. 2008/0048 (AVC) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità, tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fuq materji ċivili u kummerċjali IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 61(c) tiegħu, u flimkien ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 300(3) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[1], Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[2], Billi: (1) Fis-16 ta' Settembru 1988, l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej iffirmaw ftehim internazzjonali mar-Repubblika ta' l-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (il-Konvenzjoni ta' Lugano)[3], u permezz ta' hekk estendew għall-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Brussell tas-27 ta' Settembru 1968 dwar l-istess materja (il-"Konvenzjoni ta' Brussell")[4]. (2) In-negozjati dwar reviżjoni tal-Konvenzjonijiet ta' Brussell ta' l-1968 u ta' Lugano ta' l-1988 saru matul is-snin 1998-1999 fl-ambitu ta' Grupp ta' Ħidma ad hoc imkabbar bil-parteċipazzjoni ta' l-Iżvizzera, in-Norveġja u l-Iżlanda. Dawn in-negozjati wasslu għall-adozzjoni ta' test ta' konvenzjoni abbozz imħejjija mill-Grupp ta' Ħidma, li ġie kkonfermat mill-Kunsill fis-27 u l-28 ta' Mejju 1999. (3) Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Brussell ġew immodernizzati u s-sistema ta' għarfien u infurzar saret aktar mgħaġġla u effiċjenti bir-Regolament (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġurisdizzjoni u l-għarfien u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. (4) Fid-dawl tal-paralleliżmu bejn is-sistemi tal-Konvenzjoni ta' Brussell u l-Konvenzjoni ta' Lugano dwar il-ġurisdizzjoni, l-għarfien u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Lugano għandhom jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 sabiex jinkiseb l-istess livell ta' ċirkulazzjoni ta' sentenzi ma' l-Istati ta' l-EFTA kkonċernati. (5) Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta' l-UE) u t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea (it-Trattat tal-KE), id-Danimarka ma tipparteċipax fit-Titlu IV tat-Trattat tal-KE. Sabiex id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Lugano japplikaw għad-Danimarka, id-Danimarka għandha tipparteċipa bħala Parti Kontraenti għal konvenzjoni ġdida li tkopri l-istess materja. (6) Bid-Deċiżjoni tas-27 ta' Settembru 2002, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja konvenzjoni bejn il-Komunità u, fuq il-bażi tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tagħha, id-Danimarka, fuq naħa waħda, u l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Polonja u l-Iżvizzera, fuq in-naħa l-oħra, dwar il-ġurisdizzjoni u l-għarfien u l-infurzar tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali biex din il-konvenzjoni tidħol flok il-konvenzjoni ta' Lugano. (7) Il-Kummissjoni nnegozjat din il-konvenzjoni, f'isem il-Komunità, mar-Repubblika ta' l-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Żvizzera, u r-Renju tad-Danimarka. Il-Konvenzjoni ġiet iffirmata, f'isem il-Komunità Ewropea, fid-30 ta' Ottubru 2007, suġġetta għall-konklużjoni eventwali tagħha f'data aktar tard, b'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2007. (8) Il-Komunità kkommettiet ruħha li tagħmel dikjarazzjoni, fi żmien ir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni, li kien fi ħsiebha tiċċara l-firxa ta' l-Artikolu 22(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 bil-għan li tqis l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, biex b'hekk ikun żgurat il-paralleliżmu tagħha ma' l-Artikolu 22(4) tal-Konvenzjoni. F'dan il-kuntest, għandha ssir referenza għall-istudju li sar biex tiġi vvalutata l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001. (9) Ir-Renju Unit u l-Irlanda, skond l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irland mehmuż mat-Trattat ta' l-UE u t-Trattat tal-KE, qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. (10) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll imsemmi hawn fuq dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni preżenti u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. (11) Il-Konvenzjoni issa għandha tiġi konkluża. IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fuq kwistjonijiet ċivili u kummerċjali li tieħu post il-Konvenzjoni ta' Lugano tas-16 ta' Settembru 1988 għandha tiġi konkluża f'isem il-Komunità Ewropea. Meta tiddepożita l-istrument tar-ratifikazzjoni, il-Komunità għandha tagħmel dikjarazzjoni kif previst fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiddepożitaw l-istrument tar-ratifikazzjoni previst fl-Artikolu 69(2) tal-Konvenzjoni. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESS Dikjarazzjoni mill-Komunità Ewropea Il-Komunità Ewropea hawnhekk tiddikjara li, waqt li qed timmodifika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fuq kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandha l-ħsieb li tiċċara l-firxa ta' Artikolu 22(4) ta' dak ir-Regolament bil-għan li tqis l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, biex b'hekk ikun żgurat il-paralleliżmu tagħha ma' l-Artikolu 22(4) tal-Konvenzjoni u fl-istess ħin tqis r-riżultati tal-valutazzjoni ta' l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 44/2001. [1] ĠU C [...] [...], p. [...]. [2] ĠU C [...] [...], p. [...]. [3] ĠU L 319, 25.11.1988, p. 9 [4] Il-Konvenzjoni ta' Brussell ta' l-1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi fuq kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, (verżjoni konsolidata)