52008PC0058

Proposta ghal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 638/2004 dwar l-istatistika Komunitarja li għandha x'taqsam mal-kummerċ ta' merkanzija bejn l-Istati Membri /* KUMM/2008/0058 finali - COD 2008/0026 */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 7.2.2008

KUMM(2008) 58 finali

2008/0026 (COD)

Proposta ghal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 638/2004 dwar l-istatistika Komunitarja li għandha x'taqsam mal-kummerċ ta' merkanzija bejn l-Istati Membri

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1. Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-għan ta’ din il-proposta għall-emenda tar-Regolament (KE) 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn l-Istati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91[1] huwa:

- li jitnaqqas l-għadd ta' intrapriżi obbligati bil-leġiżlazzjoni Komunitarja li jirrapportaw lis-sistema ta’ l-istatistika kummerċjali intra-Komunitarja (Intrastat), biex b’hekk jitnaqqas il-piż ta’ rapportar statistikali;

- li jkunu ristretti r-rekwiżiti tal-kwalità għall-kompilazzjoni ta’ l-istatistika kummerċjali intra-Komunitarja biex jagħmlu tajjeb għat-telf fil-preċiżjoni tad- data għall-kummerċ li mhuwiex iddikjarat mill-intrapriżi iżda kkalkolat mill-awtoritajiet nazzjonali;

- li jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ l-utenti permezz tal-kompilazzjoni ta' l-istatistika kummerċjali intra-Komunitarja mqassma mill-karatteristiki tal-kummerċ;

- li jkun irranġat — skond l-istqarrija konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni[2] dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE — ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni[3] kif emendat bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li introduċiet proċedura regolatorja bi skrutinju għal miżuri ta’ ambitu ġenerali mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inkluż permezz tat-tħassir ta’ xi elementi minnhom jew billi jiġi ssupplementat l-istrument biż-żieda ta’ elementi ġodda mhux essenzjali.

1.2. Kuntest ġenerali

Il-Kummissjoni impenjat ruħha biex tneħħi l-burokrazija u r-regolamentazzjoni żejda. Kif deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'Regolamentazzjoni Aħjar għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi fl-Unjoni Ewropea[4]’, is-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti ta’ l-UE (u għalhekk it-tnaqqis fil-piż fuq in-negozji) hija waħda mill-kwistjonijiet fil-qalba ta’ din l-inizjattiva ta’ politika. Fil-bidu ta’ l-2005, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni estensiva ta’ l-Istati Membri u l-komunità kummerċjali flimkien ma' konsultazzjoni pubblika għall-internet. Wara din il-konsultazzjoni, fil-25 ta’ Ottubru 2005 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni[5] li tistipula strateġija ġdida ta’ simplifikazzjoni f’livell ta’ l-UE. Il-Komunikazzjoni identifikat sensiela inizjali ta' leġiżlazzjoni li għandha tiġi ssimplifikata fuq bażi ta' konsultazzjoni wiesgħa, u nediet proċess kontinwu mmexxi mid-dħul minn proċeduri ta' reviżjoni ġodda aktar sistematiċi biex jidentifikaw il-prijoritajiet futuri ta’ simplifikazzjoni msejsa fuq analiżi wiesgħa ta’ l-impatt tal-leġiżlazzjoni.

L-Anness 2 tal-Komunikazzjoni jistipula programm kontinwu għall-istrateġija ġdida ta’ simplifikazzjoni. Il-programm jispeċifika dawk il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li għandhom jiġu riveduti u evalwati bl-għan li dawn jiġu ssimplifikati fit-tliet snin li ġejjin. Huwa jittratta ħafna mit-tħassib speċifiku li ħareġ mill-konsultazzjoni fuq firxa wiesgħa f'oqsma ewlenin għall-kompetittività kummerċjali bħal-liġi tal-kumpaniji, is-servizzi finanzjarji, it-trasport, il-ħarsien tal-konsumatur, l-iskart, u l-istatistika tal-kummerċ barrani.

Is-simplifikazzjoni fil-qasam ta’ l-istatistika ġiet indirizzata mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘it-Tnaqqis tal-piż risponsiv, is-simplifikazzjoni u l-istabbiliment ta’ prijoritajiet fil-qasam ta’ l-istatistika Komunitarja[6]. Din identifikat l-istatistika relatata mal-kummerċ fil-merkanzija bejn l-Istati Membri (Intrastat) bħala qasam fejn is-simplifikazzjoni hija possibbli u mixtieqa.

L-istatistika kummerċjali intra-Komunitarja tirreġistra l-flussi fiżiċi tal-merkanzija mobbli bejn l-Istati Membri. Id- data tinġabar kull xahar minn kumpaniji mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-istatistika. L-istatistika miġbura fuq il-bażi ta’ din id- data fiha rekords ta’ kull xahar dwar il-flussi li deħlin (il-kunsinni li jaslu) u l-flussi li ħerġin (il-kunsinni li jintbagħtu), espressi f’valur u kwantità mqassma mill-Istat Membru li qed jirrapporta u dak imsieħeb kif ukoll mill-merkanzija skond in-Nomenklatura Magħquda.

Il-Kunsill ta’ l-ECOFIN tat-28 ta’ Novembru 2006 laqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tnaqqas il-piż statistiku u stieden lill-Kummissjoni “biex tanalizza l-fattibilità tal-metodu b'direzzjoni unika (fl-Intrastat) u ta’ metodi alternattivi li jkunu jistgħu jwasslu fil-wisgħa l-istess riżultati, kif ukoll kwistjonijiet ta' tranżizzjoni u, biex tippreżenta pjan preċiż għal aktar progress lill-Kunsill f’Ottubru 2007 filwaqt li tqis din l-analiżi". Il-Kunsill saħaq ukoll li t-tranżizzjoni lejn sistema b’direzzjoni waħda, jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe metodu ieħor biex iġib tnaqqis sinifikanti fil-piż tar-rispons statistiku, ma għandhomx jeffettwaw id-disponibilità, iż-żamma tal-ħin u l-kwalità ta’ dik l-istatistika nazzjonali li hija kruċjali għall-għanijiet ta' politika ekonomika Ewropea, bħall-istatistika tal-kontijiet nazzjonali u d- data dwar il-flussi globali bejn iż-żona euro u l-Istati Membri l-oħra ta' l-UE.

Bl-għan ta' aktar investigazzjoni fir-rigward ta' modi ta' modernizzazzjoni tas-sistema ta' l-istatistika kummerċjali intra-Komunitarja u t-tnaqqis tal-piż ta' rappurtar, Eurostat waqqaf Grupp ta’ Ħidma ddedikat speċifikament għas-simplifikazzjoni ta’ l-Intrastat. Il-Grupp huwa magħmul minn speċjalisti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni u jservi bħala mezz ta’ kjarifika għall-ħidma ta’ studju u għall-analiżi mwettqa mis-sottogruppi differenti tiegħu.

L-analiżi mwettqa mill-Grupp ta’ Ħidma u mis-sotto gruppi tiegħu ffukaw fuq żewġ għażliet ewlenin ta’ simplifikazzjoni: il-bidla għal sistema ta’ rappurtar b’direzzjoni waħda u ż-żieda fil-limiti ta’ eżenzjoni għar-rapportar ta’ l-Intrastat, li għandhom inaqqsu l-kopertura kummerċjali. L-għażliet l-oħra kollha nstabu li ma għandhom l-ebda impatt sinifikanti fuq il-piż tar-rappurtar ta’ l-intrapriżi.

Iż-żewġ għażliet ewlenin ġew evalwati skond it-tliet kriterji ta' valutazzjoni: il-piż fuq l-intrapriżi, iż-żamma tal-ħin tad- data u l-preċiżjoni tad- data . Ir-riżultati juru li l-għażla ta’ limitu hija l-aktar soluzzjoni fattibbli fit-terminu l-qasir. Din kienet ukoll l-għażla ppreferuta ta' l-esperti ta' l-Istati Membri fil-Grupp ta' Ħidma. L-għażla b’direzzjoni unika, min-naħa l-oħra, għandha żvantaġġi kbar li ma jistgħux jingħelbu fi żmien qasir.

Bħalissa l-Istati Membri qed jistipulaw il-livelli tagħhom f’livell li jiggarantixxi l-kopertura ta’ mill-inqas 97 fil-mija tal-kummerċ tagħhom f’termini ta’ valur. Fi tmiem l-2006, dan kien ifisser li madwar 78 fil-mija ta’ ditti li jinnegozjaw ma’ Stati Membri oħra ġew eżentati mill-obbligu tar-rappurtar. It-tnaqqis tar-rata minima ta’ kopertura għandha tkompli żżid l-għadd ta’ kumpaniji eżentati milli jirrappurtaw lill-Intrastat.

It-tnaqqis tar-rata minima ta’ kopertura ta’ l-Intrastat jista' jiġi implimentat fi żmien relattivament qasir. Dan minħabba li żieda fil-livell ma tbiddilx il-loġika tas-sistema. Il-prinċipji u l-proċeduri tas-sistema attwali jibqgħu l-istess. Il-bidla fil-kopertura tal-kummerċ għalhekk tista’ tiġi implimentata pjuttost faċilment: il-bidliet leġiżlattivi u l-miżuri li jmorru magħhom biex jiggarantixxu l-kwalità tad-data ta’ l-istatistika huma inqas estensivi u kumplikati meta mqabbla ma’ dawk meħtieġa biex jimplimentaw l-għażla tad-direzzjoni unika.

Madankollu, tnaqqis fil-kopertura ta’ l-Intrastat għandu fl-istess ħin inaqqas il-preċiżjoni tad- data . Ikollhom isiru aktar estimi ta’ data mhix miġbura. Dan iżid ukoll l-asimmetriji fil-flussi riflettenti tal-kummerċ, speċjalment fil-livell l-aktar dettaljat tal-klassifika tal-merkanzija. Minħabba d-differenzi fil-metodi ta’ estimi użati mill-Istati Membri differenti, l-asimmetriji jistgħu wkoll jiżdiedu fil-livell globali. It-tnaqqis fil-kopertura għalhekk jitlob miżuri li jakkumpanjaw biex jiżguraw il-kwalità soddisfaċenti tad- data ta' l-istatistika.

Lil hinn mis-soluzzjoni fit-terminu l-qasir, huwa utli li l-fattibilità tal-bidla għar-rappurtar f’direzzjoni unika tiġi aktar analizzata fuq perjodu twil ta' żmien, biex din il-bidla possibbli fis-sistema ta' l-istatistika tkun aċċettabbli għall-utenti. Fost il-kwistjonijiet ta’ prijorità li għandhom jiġu analizzati f’dan ir-rigward hemm it-tnaqqis sinifikanti ta’ asimmetriji fil-flussi riflettenti tal-kummerċ, soluzzjoni għall-problema ta’ puntwalità permezz ta’ l-iżvilupp ta’ metodi affidabbli ta’ estimi għal data nieqsa jew ittardjata, u l-iżvilupp tal-proċeduri tal-verifika ta’ kwalità li għandha tissodifa l-ħtiġijiet nazzjonali. Barra dan, għadd ta’ għażliet oħrajn ta’ simplifikazzjoni bħall-integrazzjoni ta’ l-Intrastat u d-dikjarazzjonijiet VIES (is-sistema ta’ skambju ta’ tagħrif tal-VAT) u aktar żvilupp fir-rigward ta’ l-għodod tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni awtomatika[7] għandhom jiġu segwiti.

Fis-snin ta’ wara, dawn l-attivitajiet għandhom ikunu indirizzati mill-programm MEETS (Modernizzazzjoni ta’ l-Intrapriża Ewropea u ta’ l-Istatistika Kummerċjali – Modernisation of European Enterprise and Trade Statistics)[8]. Il-programm MEETS għandu jsir operattiv mill-2008 għal perjodu ta’ 5 snin (sa l-2013). Wieħed mill-erba’ għanijiet tiegħu huwa li jwettaq ħidma ta’ studju fuq is-simplifikazzjoni ta’ l-Intrastat. Għandu jkun hemm baġit ta’ EUR 8.965 miljun disponibbli għal dan l-għan.

1.3. Is-soluzzjoni proposta

Is-soluzzjoni fit-terminu l-qasir għandha tkun konsistenti bi kwalunkwe għażla ta’ simplifikazzjoni fit-tul, eż. il-komunikazzjoni f'direzzjoni unika. Fl-istess ħin, din għandha twassal għal tnaqqis sinifikanti fil-piż tar-rappurtar ta’ l-istatistika fuq l-intrapriżi filwaqt li tiżgura l-kwalità soddisfaċenti tad- data ta’ l-istatistika.

Għalhekk, huwa propost li titnaqqas il-kopertura kummerċjali għal kunsinni li jaslu sa 95 % u li tinżamm il-kopertura kummerċjali ta' 97 % għal kunsinni li jintbagħtu. Soluzzjoni bħal din hija konsistenti b’għażla possibbli f’direzzjoni unika fil-ġejjieni msejsa fuq il-ġbir ta’ data dwar id-dispaċċ. Il-potenzjal għat-tnaqqis tal-piż ta' rappurtar b’mod partikolari fuq l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (IŻM) huwa sinifikanti minħabba fl-istruttura tal-kumpaniji li jirrappurtaw fuq in-naħa tal-wasla: dan huwa ddominat mill-IŻM. L-analiżi wriet ukoll li t-tnaqqis tal-kopertura kummerċjali għal 95 % għandu biss impatt żgħir fuq il-kwalità tad- data ta’ l-istatistika u għandu jkun għalhekk aċċettabbli għall-utenti. Madankollu, il-miżuri biex itejbu l-kwalità u l-komparabbiltà ta' l-istatistika miġbura mill-Istati Membri huma mixtieqa u se jiġu proposti fil-leġiżlazzjoni.

Barra l-inizjattiva għat-tnaqqis tal-piż ta’ l-istatistika fuq l-intrapriżi, il-proposta takkomoda xewqat addizzjonali oħra min-naħa ta’ l-utenti fir-rigward tal-kummerċ mill-karatteristiċi tan-negozju. L-Istati Membri għandhom jipprovdu data kummerċjali annwali mqassma mill-karatteristiċi tan-negozju biex juru, per eżempju, kif il-kumpaniji Ewropej joperaw fil-kuntest tal-globalizzazzjoni. Ir-rabta bejn l-istatistika tan-negozju u dik kummerċjali tista’ tiġi stabbilita permezz tal-qbil ta’ tagħrif disponibbli fir-reġistru kummerċjali intra-Komunitarju ma’ tagħrif fir-reġistri tan-negozji ta’l-Istati Membri. Fil-preżent, bosta mill-Istati Membri jiġbru din l-istatistika fuq bażi volontarja. Il-proposta timmira li tipprovdi bażi legali għal ġbir obbligatorju. B’mod parallel, l-istess tagħrif għall-kummerċ ma’ pajjiżi mhux membri huwa mitlub fil-proposta għal reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Extrastat[9].

Fl-aħħar, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/512/KE emendat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28ta’ Ġunju 1999 dwar il-komitoloġija. Hija introduċiet “il-proċedura regolatorja bi skrutinju” għal miżuri ta’ ambitu ġenerali mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ atti bażiċi. Ir-Regolament eżistenti (KE) Nru 638/2004 għandu jiġi emendat skond dan.

1.4. Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Ir-Regolament (KE) 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-istatistika Komunitarja rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn l-Istati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91[10]. Ir-Regolament għandu jiġi emendat mill-proposta attwali.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1982/2004 tat-18 ta’ Novembru 2004 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn l-Istati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1901/2000 u (KEE) Nru 3590/92[11]. Il-proposta timmira li temenda d-dispożizzjonijiet implimentattivi.

1.5. Konsistenza ma’ linji politiċi u għanijiet oħra ta’ l-UE

Il-proposta hija konsistenti ma’ l-‘Inizjattiva ta’ Regolamentazzjoni Aħjar’ ta’ l-Unjoni Ewropea.

2. KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-ANALIżI TA' L-IMPATT

2.1. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Fi tmiem l-2006, bil-ħsieb ta' aktar investigazzjoni fir-rigward ta' modi ta' modernizzazzjoni tas-sistema ta' l-istatistika kummerċjali intra-Komunitarja u t-tnaqqis tal-piż ta' rappurtar, Eurostat waqqaf Grupp ta’ Ħidma ddedikat speċifikament għas-simplifikazzjoni ta’ l-Intrastat.

Il-Kunsill ta’ l-ECOFIN tat-13 ta’ Novembru 2007 reġa’ ddiskuta miżuri biex jitnaqqas il-piż ta’ l-istatistika u qabel dwar proposta biex jitnaqqas il-proporzjon ta’ kopertura fit-terminu l-qasir waqt li jitħejja metodu alternattiv fuq perjodu twil ta’ żmien, bħall-metodu tad-direzzjoni unika, li jeħtieġ aktar studju.

2.2. Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert

Ma kienx meħtieġ għarfien espert estern.

2.3. Analiżi ta' l-effetti u l-konsegwenzi

Ġew identifikati tliet għażliet:

Għażla A: Iż-żamma ta’ l-i status quo u l-leġiżlazzjoni eżistenti mingħajr tibdil.Il-ġbir ta’ data dwar il-kummerċ intra-Komunitarju huwa rregolat mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Għalhekk, l-impenn tal-Kummissjoni biex tnaqqas dejjem aktar il-piż ta’ l-istatistika fuq in-negozju fil-qasam ta’ l-Intrastat jista’ biss jinkiseb permezz tal-bidla fil-qafas legali eżistenti.

Għażla B L-istabbiliment tar-rata ta' kopertura minima mnaqqsa ta’ l-Intrastat u l-ħtiġijiet ta’ kwalità direttament fir-Regolament tal-Parlament Ewropw u tal-Kunsill.Attwalment, ir-rata ta’ kopertura ta’ l-Intrastat hija definita fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għażla B tkun teħtieġ l-emenda ta’ dan l-artikolu kif ukoll l-introduzzjoni tar-rekwiżiti għall-kwalità tad- data ta’ l-istatistika.Madankollu, il-kopertura tan-negozju hija pjuttost parametru tekniku u bħala tali hija aktar speċifikata kif xieraq fid-dispożizzjonijiet implimentattivi. Id-definizzjoni tar-rata ta’ kopertura kummerċjali fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill aktar milli fid-dispożizzjonijiet implimentattivi għandha wkoll tnaqqas il-flessibilità meħtieġa biex jitħallew bidliet futuri possibbli fir-rigward ta’ dan il-parametru fil-mixja lejn aktar simplifikazzjoni tas-sistema ta’ l-istatistika kummerċjali intra-Komunitarja. Għandu jkun ukoll diffiċli li jkunu definiti bil-quddiem ir-rekwiżiti kollha ta’ kwalità fir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u din l-istrateġija għal darb'oħra ma tħallix biżżejjed flessibilità għal emendi possibbli.

Għażla Ċ: It-tneħħija tar-rata kummerċjali ta’ kopertura espressa f’% bir-Regolament (KE) 638/2004 u l-għotja tas-setgħa lill-Kummissjoni li tiddetermina r-rata minima ta’ kopertura ta’ l-Intrastat u r-rekwiżiti ta’ kwalità.Din l-istrateġija għandha tiżgura l-flessibilità għal bidliet futuri possibbli lir-rata ta’ kopertura ta’ l-Intrastat. Dawn il-bidliet ikunu msejsa fuq evalwazzjoni regolari tal-limiti mwettqa skond il-proċedura tal-komitoloġija b’kollaborazzjoni mill-qrib ma' l-awtoritajiet nazzjonali (il-Kumitat ta’ l-Intrastat jiltaqa’ tliet darbiet f’sena) biex jinstab kompromess mill-aħjar bejn il-piż ta’ l-istatistika u l-preċiżjoni tad- data. Id-dispożizzjonijiet implimentattivi għandhom imbagħad bħala l-ewwel pass jippermettu lill-Istati Membri sal-bidu ta' l-2009 biex ibaxxu r-rata ta' kopertura għal kunsinni li jaslu biex jiġbru mill-inqas 95 fil-mija tal-valur tal-wasla, waqt li jżommu f'moħħhom il-livelli għat-tluq ta' kunsinni ta’ 97 fil-mija.Il-klawżoli dwar ir-rekwiżiti tal-kwalità għandhom jiġu emendati b' mod simili. L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 638/2004 għandu jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li timplimenta kwalunkwe miżuri meħtieġa għat-titjib fil-kwalità tad- data . Għandu jkun utli li wieħed ikun aktar speċifiku fl-istima ta' tagħrif nieqes. Skond il-leġiżlazzjoni eżistenti, l-istima tad- data nieqsa hija r-responsabilità ta’ kull Stat Membru (l-Artikolu 12(2)). Il-leġiżlazzjoni għandha għalhekk tiġi emendata biex tippermetti l-adozzjoni ta’ proċeduri standardizzati skond il-proċedura ta’ komitoloġija.

Ċ hija l-alternattiva ppreferuta mill-Kummissjoni, billi tagħti lok għas-simplifikazzjoni mmirata għall-għażla tal-limitu. Din toffri flessibilità massima biex issewwi s-sistema ta’ l-Intrastat, billi d-dispożizzjonijiet għandhom ikunu ġestiti mill-Kumitat ta' Eurostat u ta' l-Intrastat.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1. Sinteżi ta' l-azzjoni proposta

Il-proposta preżenti tipprovdi l-qafas legali għall-eżenzjoni ta’ aktar kumpaniji mill-provvediment ta’ tagħrif ta’ l-Intrastat filwaqt li fl-istess ħin iżżomm il-preċiżjoni tad- data u tissodisfa r-rekwiziti ta’ l-utent għall-istatistika dwar il-kummerċ mill-karatteristiċi tan-negozju.

3.2. Bażi legali

L-Artikolu 285 tat-Trattat jipprovdi l-bażi legali ta’ l-istatistika Komunitarja. Il-Kunsill, huwa u jaġixxi skond il-proċedura ta’ ko-deċiżjoni, jadotta miżuri għall-produzzjoni ta’ l-istatistika meħtieġa għall-prestazzjoni ta’ l-attivitajiet Komunitarji. Dan l-Artikolu jistipula r-rekwiżiti għall-produzzjoni ta’ l-istatistika Komunitarja li għandhom jilħqu l-istandards ta’ imparzjalità, affidabilità, oġġettività, indipendenza xjentifika, rapport bejn l-ispiża u l-effettività, u kunfidenzjalità ta’ l-istatistika.

3.3. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-prinċipju tas-sussidjarjeta japplika sakemm il-proposta ma taqax fi ħdan il-kompetenza esklussiva tal-Komunità.

L-għan ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri d-definizzjoni tar-rati ta’ kopertura, ir-rekwiżiti ta’ kwalità u l-ġbir ta’ l-istatistika dwar il-kummerċ mill-karatteristiċi tan-negożji ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar f’livell Komunitarju fuq il-bażi ta’ att legali Komunitarju, minħabba li l-Kummissjoni biss tista’ tikkoordina l-armonizzazzjoni meħtieġa tat-tagħrif dwar l-istatistika f'livell Komunitarju. Għaldaqstant, il-Komunità tista' tadotta miżuri, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

3.4. Il-Prinċipju tal-Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

- Dan ir-Regolament jillimita lilu nnifsu għall-minimu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan u ma jmurx aktar lil hinn milli dak li hu meħtieġ għal dak l-iskop.

- Huwa mistenni tnaqqis sinifikanti fil-piż ta' kumpaniji eżentati milli jirrappurtaw lill-Intrastat permezz ta' dan ir-Regolament. Madankollu, jista’ jkun hemm żieda fl-ammont ta’ xogħol għall-amministrazzjonijiet nazzjonali ta’ l-istatistika, minħabba li r-rekwiżiti ta’ kwalità jkunu jeħtieġu sforz akbar ta' validazzjoni u ta' kontroll.

- Il-programm MEETS huwa ppjanat li jitnieda fl-2008[12]. Parti mill-baġit ta’ dan il-programm huwa maħsub għat-titjib fil-kwalità ta’ l-Intrastat.

3.5. L-għażla ta' strumenti

Strument propost: Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Mezzi oħra ma jkunux xierqa għar-raġunijiet li ġejjin:

- Hija ħaġa aċċettata b'mod ġenerali li Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ikun xieraq għall-parti l-kbira ta' l-attivitajiet ta' l-istatistika li jeħtieġu applikazzjoni uniformi u dettaljata madwar il-Komunità.

- Regolament huwa preferut minn direttiva bħala att bażiku għax, kuntrarjament għal direttiva, Regolament jistipula l-istess liġi madwar il-Komunità kollha, waqt li jħalli lill-Istati Membri bla poteri dwar japplikawhiex parzjalment jew b'mod selettiv u ma jagħtihom l-ebda għażla fil-forma u l-metodi li jridu jintużaw biex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu.

- Barra minn hekk, Regolament huwa applikabbli direttament, li jfisser li ma għandux bżonn li jiġi traspost fil-liġi nazzjonali, b'hekk jevita dewmien marbut ma’ traspożizzjonijiet bħal dawn. Dan iwassal ukoll għal leġiżlazzjoni aħjar u iżjed malajr.

Il-proposta timmira li temenda d-dispożizzjonijiet eżistenti diġà stabbiliti f'Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

4. IMPATT BAġITARJU

It-tnaqqis tar-rata ta’ kopertura għall-kumpaniji li jirrappurtaw lill-Intrastat ma għandu jkollu l-ebda implikazzjoni baġitarja.

L-applikazzjoni ta’ rekwiżiti aktar riġidi ta’ kwalità jistgħu jeħtieġu l-investment fir-riċerka u fl-għodda ta’ validazzjoni u ta’ aġġustament fl-amministrazzjonijiet nazzjonali. Il-baġit tal-programm MEETS jista’ jkopri dawn l-ispejjeż implimentattivi (2008:1 400 000; 2009: 1 355 000; 2010: 2 000 000; 2011: 1 500 000; 2012: 1 500 000; 2013: 1 210 000 f’EUR huma mwarrba għall-Intrastat).

L-għaqda ta' żewġ settijiet ta' data differenti eżistenti biex juru l-kummerċ fil-karatteristiċi tan-negozju tista' tinvolvi spejjeż negliġibbli għal xi wħud mill-amministrazzjonijiet nazzjonali.

5. TAGħRIF SUPPLIMENTARI

5.1. Simplifikazzjoni

Din l-inizjattiva tagħmel parti mill-Programm Kontinwu għas-Simplifikazzjoni tal-Kummissjoni. L-għan ewlieni huwa li jitnaqqas ir-rispons tal-piż ta' l-istatistika għal kumpaniji li jirrappurtaw lis-sistema ta' l-Intrastat. It-tnaqqis tar-rata ta' kopertura għall-kunsinni li jaslu għal 95 % għandha tfisser li 190 000 kumpanija għandhom jiġu eżentati milli jirrappurtaw il-flussi tal-wasliet lill-awtoritajiet nazzjonali.l

5.2. Revoka ta' leġiżlazzjoni eżistenti

L-adozzjoni tal-proposta għandha tikkumplementa l-leġiżlazzjoni eżistenti.

5.3. Iż-Żona Ekonomika Ewropea

Mhux rilevanti għaż-ŻEE.

2008/0026 (COD)

Proposta ghal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 638/2004 dwar l-istatistika Komunitarja li għandha x'taqsam mal-kummerċ ta' merkanzija bejn l-Istati Membri

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285 (1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-istatistika tal-Komunità rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn l-Istati Membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/91[13], jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet bażiċi għall-istatistika Komunitarja li għandha x’taqsam mal-kummerċ ta' merkanzija bejn l-Istati Membri.

(2) Fil-qafas tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-piż fir-rispons, dwar is-simplifikazzjoni u l-istabbiliment ta’ prijoritajiet fil-qasam ta’ l-istatistika Komunitarja[14], l-Intrastat, is-sistema għall-ġbir ta’ statistika Komunitarja li għandha x’taqsam mal-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri, ġie identifikat bħala qasam fejn is-simplifikazzjoni hija possibbli u mixtieqa.

(3) Tista’ tittieħed azzjoni immedjata biex tnaqqas il-piż ta’ l-istatistika billi titbaxxa r-rata ta' kopertura tad- data miġbura permezz ta' l-Intrastat. Dan jista’ jsir billi jittellgħu l-livelli li taħthom il-partijiet huma eżentati milli jipprovdu tagħrif dwar l-Intrastat. Minħabba f’dan, is-sehem ta’ l-istatistika msejsa fuq l-istimi magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali għandu jiżdied.

(4) L-Istati Membri għandhom jipprovdu lil Eurostat b’ data annwali miġbura dwar il-kummerċ imqassma mill-karatteristiċi tal-kummerċ. L-utenti għalhekk se jkunu pprovduti b’tagħrif statistikali ġdid dwar kwistjonijiet ekonomiċi rilevanti, u tip ta’ analiżi ġdida se ssir possibbli, per eżempju l-analiżi ta' kif il-kumpaniji Ewropej joperaw fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, mingħajr ma jimponu dawn ir-rekwiżiti l-ġodda ta' l-istatistika fuq il-kumpaniji li jirrappurtaw. Ir-rabta bejn l-istatistika tan-negozju u tal-kummerċ għandha tiġi stabbilita permezz ta' l-għaqda tat-tagħrif mir-reġistru ta' l-operaturi intra-Komunitarji mat-tagħrif mitlub mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 tat-22 ta' Lulju 1993 dwar il-koordinazzjoni tal-Komunità fit-tfassil ta' reġistri tan-negozji għall-għanijiet ta' l-istatistika[15].

(5) Is-setgħat implimentattivi biex titnaqqas il-kopertura minima tal-kummerċ għandhom jingħataw lill-Kummissjoni. Dan għandu jiżgura flessibilità għal bidliet possibbli fil-ġejjieni msejsa fuq evalwazzjoni regolari tal-livelli f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-awtoritajiet nazzjonali biex jinstab kompromess mill-aħjar bejn il-piż ta’ l-istatistika u l-preċizjoni tad- data.

(6) It-tnaqqis tal-kopertura minima tal-kummerċ jitlob miżuri biex jagħmlu tajjeb għall-ġbir mhux daqshekk komplut ta’ data li jispjega l-impatt negattiv fuq il-kwalità, speċjalment fuq il-preċiżjoni tad- data . Għandha tingħata setgħa lill-Kummissjoni biex tirrestrinġi l-arranġamenti ta' kwalità ta' l-Istati Membri u b' mod partikolari biex tiddefinixxi l-kriterja għall-istima tal-kummerċ mhux miġbura permezz ta' l-Intrastat.

(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 638/2004 jistipula li ċerti miżuri għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar ta' setgħat ta' implimentazzjoni mgħoddija lill-Kummissjoni[16].

(8) Id-Deċiżjoni 1999/468/KE hija emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li daħħlet proċedura regolatorja bi skrutinju għal miżuri ta' ambitu ġenerali maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' strument bażiku adottat skond il-proċedura li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 251 tat-Trattat, fosthom billi jitneħħew uħud minn dawk l-elementi jew billi jkun supplimentat l-istrument biż-żieda ta' elementi ġodda mhux essenzjali.

(9) Skond l-istqarrija konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni[17] dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, biex din il-proċedura l-ġdida tkun applikabbli għall-istrumenti li ġew adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat li diġà huma fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom ikunu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli.

(10) Rigward ir-Regolament (KE) Nru 638/2004, is-setgħa għandha tingħata lill-Kummissjoni b’mod partikolari biex tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista’ tadotta regoli differenti jew speċifiċi li japplikaw għal merkanzija jew movimenti speċifiċi, tadatta l-perjodu ta’ referenza waqt li titqies ir-rabta ma’ l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dwana, tistipula l-arranġamenti għall-ġbir ta’ din l-informazzjoni, partikolarment il-kodiċi li għandhom jitużaw, tiddefinixxi l-kopertura minima ta’ l-Intrastat, tiddefinixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ kwalità li taħthom l-Istati Membri jistgħu jissimplifikaw it-tagħrif li għandu jingħata għal tranżazzjonijiet individwali zgħar, tiddefinixxi d- data mibġura li għandha tiġi trażmessa u l-kriterji li magħhom iridu jaqblu l-istimi, tadotta dispożizzjonijiet implimentattivi għall-ġbir ta’ l-istatistika billi torbot id- data dwar il-karatteristiċi tan-negozju rreġistrati skond ir-Regolament (KKE) Nru 2186/93 ma’ l-istatistika dwar it-tluq u l-wasla tal-merkanzija, tiddetermina l-indikaturi u l-istandards li jippermettu l-evalwazzjoni tal-kwalità tad- data , tiddetermina l-istruttura tar-rapporti ta' kwalità li għandhom jitressqu mill-Istati Membri, u biex tieħu kwalunkwe passi meħtieġa għall-evalwazzjoni jew it-tijib tal-kwalità tad- data . Billi dawn il-miżuri huma b'ambitu ġenerali u mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 inkluż it-tkomplija tiegħu biż-żieda ta' elementi mhux essenzjali ġodda, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju stipulata fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(11) Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

ADOTTAW DIN ID-DECIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 huwa emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 3, il-paragrafu 4 huwa mibdul b'dan li ġej:

‘4. Il-Kummissjoni tista’ tadotta regoli differenti jew speċifiċi li japplikaw għal merkanzija speċifika jew għal movimenti speċifiċi. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, fost oħrajn billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju li tissemma fl-Artikolu 14(3).’

2. Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 huwa mibdul b'dan li ġej:

‘2. Il-perjodu ta’ referenza jista’ jiġi adattat mill-Kummissjoni biex titqies ir-rabta ma’ l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u tad-dwana. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, fost oħrajn billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju li tissemma fl-Artikolu 14(3).’

3. Fl-Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

‘Id-definizzjonijiet tad- data statistikali msemmija fil-punti minn (e) sa (h) qed jidhru fl-Anness. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-arranġamenti għall-ġbir ta’ dan it-tagħrif, b’mod partikolari l-kodiċi li għandhom jintużaw. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, fost oħrajn billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju li tissemma fl-Artikolu 14(3).’

4. L-Artikolu 10 huwa emendat b'dan li ġej:

5. Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘3. Id-definizzjoni ta’ livelli li taħthom il-partijiet huma eżentati milli jipprovdu kwalunkwe tagħrif dwar l-Intrastat għandha tiġi speċifikata mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, fost oħrajn billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju li tissemma fl-Artikolu 14(3).’

6. Fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Id-definizzjoni ta’ dawn il-livelli għandhom jiġu speċifikati mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, fost oħrajn billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju li tissemma fl-Artikolu 14(3).’

7. Il-paragrafu 5 huwa mibdul b’dan li ġej:

‘5. L-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet li jilħqu r-rekwiżiti ta’ kwalità, jissimplifikaw it-tagħrif li għandu jingħata għal tranżazzjonijiet żgħar individwali. Il-kundizzjonijiet għandhom jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, fost oħrajn billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju li tissemma fl-Artikolu 14(3).’

8. L-Artikolu 12 huwa emendat b'dan li ġej:

9. Fil-paragrafu 1, il-punt (a) hu mibdul b’dan li ġej:

‘(a) 40 jum kalendarju wara t-tmiem tax-xahar ta’ referenza għad-data miġbura biex tiġi definita mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, fost oħrajn billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju li tissemma fl-Artikolu 14(3).’

10. Fil-paragrafu 2, jiżdiedu s-sentenzi li ġejjin:

‘L-istimi għandhom jaqblu mal-kriterji li għandhom jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, fost oħrajn billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju li tissemma fl-Artikolu 14(3).’

11. Jiddaħħal il-paragrafu 4 li ġej:

‘4. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) l-istatistika annwali dwar il-kummerċ mill-karatteristiċi tan-negozju.Din l-istatistika għandha tinġabar permezz tar-rabta bejn id- data dwar il-karatteristiċi tan-negozju rreġistrata skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 tat-22 ta’ Lulju 1993 dwar il-koordinazzjoni Komunitarja fit-tfassil tar-reġistri tan-negozji għall-għanijiet ta’ statistika[18] ma’ l-istatistika msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.Id-dispożizzjonijiet implimentattivi għall-ġbir ta’ l-istatistika għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, fost oħrajn billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju li tissemma fl-Artikolu 14(3).’

12. Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

‘3. L-indikaturi u l-istandards li jagħmluha possibbli biex il-kwalita tad- data tiġi evalwata, l-istruttura tar-rapporti dwar il-kwalità li għandhom jiġu preżentati mill-Istati Membri u kull azzjoni meħtieġa biex tiġi evalwata jew imtejba l-kwalita tad- data għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, fost oħrajn billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju li tissemma fl-Artikolu 14(3).’

13. Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 3 huwa mibdul b'dan li ġej:

‘3. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a (1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il–President Il–President

[1] ĠU L 102, 7.4.2004 p. 1.

[2] ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.

[3] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[4] COM(2005) 97 finali tas-16 ta’ Marzu 2005..

[5] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, li timplimenta l-programm Komunitarju ta’ Liżbona: Strateġija għas-simplifikazzjoni ta' l-ambjent regolatorju, COM(2005) 535 finali tal-25.10.2005.

[6] COM(2006) 693 finali ta’ l-14 ta’ Novembru 2006.

[7] L-għaqda tas-sistemi ta’ l-Intrastat u l-VIES jista’ jkollha aktar effetti ta’ simplifikazzjoni li jmorru lil hinn mill-ambitu ta’ l-istatistika. Il-kuntatti bejn Eurostat u d-DĠ TAXUD urew li l-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet ta' l-istatistika u tat-taxxa (VAT) jista' jkollha benefiċċji għat-tnejn. L-awtoritajiet ta’ l-istatistika jistgħu jtejbu l-kwalità tad- data , filwaqt li l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom jibbenefikaw mid-disponibilità aktar bikrija u minn aktar dettall fid- data li jużaw biex jidentifikaw u jiġġieldu l-frodi tal-VAT.

[8] COM(2007) 433 tad-19.07.2007.

[9] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi mhux membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95, COM(2007) 653 tat-30.10.2007.

[10] ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1.

[11] ĠU L 343, 19.11.2004, p. 3.

[12] COM(2007) 433 tad-19.07.2007.

[13] ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1.

[14] ` COM(2006) 693 ta' l-14.1.2006.

[15] ĠU L 196, 5.8.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

[16] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[17] ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.

[18] ĠU L 196, 5.8.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).