28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/12


Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-quċċata tal-politiki tal-integrazzjoni

2009/C 120/03

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jaħseb li l-istrateġiji tal-integrazzjoni tal-immigranti huma marbuta mal-politika Ewropea tal-immigrazzjoni li, sabiex tkun effiċjenti, għandu jkun hemm ukoll appoġġ xieraq għall-iżvilupp fil-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu tal-immigranti;

isostni li l-politiki tal-integrazzjoni tal-immigranti għandhom jinkludu l-aċċettazzjoni sħiħa u kondiviża tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-kultura Ewropea, bħal ngħidu aħna r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-diversità, il-ġlieda kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni, il-promozzjoni tat-tolleranza u tal-opportunitajiet indaqs;

jagħmel enfasi fuq il-ħtieġa ta’ approċċ olistiku li jikkunsidra mhux biss l-aspetti ekonomiċi u soċjali tal-integrazzjoni soċjali, iżda wkoll il-kwistjonijiet marbuta mad-diversità storika, kulturali u reliġjuża, maċ-ċittadinanza, mad-drittijiet politiċi u l-parteċipazzjoni tal-immigranti legali fil-ħajja pubblika; u jemmen li sabiex jinkisbu r-riżultati jinħtieġ approċċ kollettiv bil-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ gvernanza f’diversi livelli sabiex l-integrazzjoni tal-immigranti tirnexxi. Dan l-approċċ għandu jkun konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà li jirregola l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali; u jaqbel mal-fehma, li ngħatat matul it-tielet Konferenza Ministerjali tat-3 u l-4 ta’ Novembru 2008 f’Vichy, dwar il-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-integrazzjoni, u dwar ir-rwol essenzjali ta’ dawn l-istess awtoritajiet għall-integrazzjoni tal-immigranti fis-soċjetajiet ospitanti;

jiddikjara li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa determinanti għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-integrazzjoni, skont ir-responsabbiltajiet tagħhom li xi kultant huma esklużivi. Din ir-responsabbiltà tinvolvi spejjeż konsiderevoli għar-reġjuni u l-bliet ikkonċernati li għandhom jinkludu l-ispejjeż ta’ din l-integrazzjoni fil-baġit tagħhom; u jitlob li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni u l-appoġġ li jingħata għall-azzjonijiet ta’ integrazzjoni li jitwettqu fil-livell reġjonali u lokali;

jitlob li jkun jista’ jieħu sehem bis-sħiħ fil-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni li għandu jiġi organizzat fl-2009, u f’kull avveniment ieħor tal-istess xorta li ser jiġi organizzat fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewropea; u jipproponi li jinħolqu l-“premjijiet tal-integrazzjoni” ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Rapporteur

:

Dimitrios Kalogeropoulos (EL/PPE), Sindku ta’ Egaleo (Ateni)

Dokument ta’ referenza

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea: “Insaħħu l-azzjonijiet u l-istrumenti li jindirizzaw l-isfidi tal-integrazzjoni – Rapport imressaq fil-Konferenza Ministerjali tal-2008 dwar l-integrazzjoni”

SEC(2008) 2626

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jaħseb li l-Kummissjoni Ewropea ħejjiet dan id-dokument ta’ ħidma tal-persunal, “Insaħħu l-azzjonijiet u l-istrumenti li jindirizzaw l-isfidi tal-integrazzjoni”, fil-kuntest tal-Konklużjonijiet li adotta l-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f’Ġunju tal-2007 dwar it-tisħiħ tal-politiki tal-integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea;

2.

huwa tal-fehma li minħabba ż-żieda fil-fenomenu tal-migrazzjoni matul l-aħħar għaxar snin, jeħtieġ li jiġu implimentati minnufih politiki effikaċi għall-integrazzjoni soċjali, ekonomika u kulturali tal-immigranti legali li jkunu ġew minn pajjiżi terzi;

3.

jinnota li ż-żieda fin-numru ta’ immigranti mxiet id f’id mat-tkabbir u d-diversifikazzjoni tat-tipoloġija tal-immigrazzjoni, tal-istruttura tal-flussi migratorji u tal-kompożizzjoni tat-tendenzi migratorji bejn il-pajjiż ospitanti u l-pajjiż tal-oriġini;

4.

ifakkar li l-integrazzjoni tal-immigranti primarjament tinsab f’idejn l-Istati Membri, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, li għandhom is-setgħa jimplimentaw politiki fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa, tad-djar u tas-suq tax-xogħol. It-Trattat ta’ Liżbona jsaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-politika tal-immigrazzjoni u l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, però dan it-Trattat ma jipprovax jarmonizza d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji tal-Istati Membri;

5.

jirrimarka li f’dawn l-aħħar snin bosta Stati Membri għamlu sforzi kbar sabiex jiżviluppaw politiki nazzjonali li jappoġġjaw l-integrazzjoni tal-immigranti (kemm l-immigranti l-ġodda kif ukoll dawk tal-ewwel u t-tieni ġenerazzjoni). Madankollu, il-politiki li ġew implimentati s’issa ma ħallewx il-frott mixtieq f’ħafna mill-Istati Membri minħabba li għad baqa’ numru ta’ fatturi li jxekklu l-integrazzjoni soċjali tal-immigranti, bħall-qgħad, il-livell baxx ta’ tagħlim u/jew kwalifiki, in-nuqqas ta’ rieda ta’ integrazzjoni u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati;

6.

jemmen li fid-dawl tal-iżviluppi ekonomiċi u demografiċi attwali tinħass il-ħtieġa li titfassal strateġija Ewropea komuni bil-għan li tikkontrolla l-flussi migratorji b’mod bilanċjat, tippromovi l-integrazzjoni, u tiġġieled kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin;

7.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi żviluppata politika Ewropea tal-immigrazzjoni li tkun koerenti, u għaldaqstant jilqa’ bi pjaċir l-adozzjoni tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil fil-15 ta’ Ottubru 2008;

8.

jaħseb li l-istrateġiji tal-integrazzjoni tal-immigranti huma marbuta mal-politika Ewropea tal-immigrazzjoni li, sabiex tkun effiċjenti, għandu jkun hemm ukoll appoġġ xieraq għall-iżvilupp fil-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu tal-immigranti; b’mod partikolari, dan l-appoġġ għandu jingħata l-ewwel u qabel kollox fl-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-infrastruttura ekonomika;

Il-prinċipji fundamentali

9.

iħoss li l-integrazzjoni għandha titqies bħala r-riżultat ta’ proċess li bis-saħħa tiegħu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li joqogħdu fi Stat Membru b’mod legali, ikunu jistgħu jiżviluppaw indipendentement minn kull intervent estern, u jiksbu status soċjali li jkun jixbah lil dak taċ-ċittadini tal-pajjiż fejn ikunu qed joqogħdu u lil dak taċ-ċittadini Ewropej l-oħra;

10.

jinnota li l-integrazzjoni hija proċess fuq żewġ livelli li titlob impenn reċiproku li jinkludi kemm drittijiet kif ukoll dmirijiet – kemm għas-soċjetà ospitanti kif ukoll għall-immigranti. Dan jimplika r-rieda, min-naħa tal-immigranti, li jerfgħu r-responsabbiltà tal-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà ospitanti (billi jitgħallmu l-lingwa u jaċċettaw is-sistema legali u l-valuri tas-soċjetà ospitanti) kif ukoll ir-rieda, min-naħa tas-soċjetajiet ospitanti, li jaċċettaw u jintegraw lill-immigranti;

11.

isostni li l-politiki tal-integrazzjoni tal-immigranti għandhom jinkludu l-aċċettazzjoni sħiħa u kondiviża tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-kultura Ewropea, bħal ngħidu aħna r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-diversità, il-ġlieda kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni, il-promozzjoni tat-tolleranza u tal-opportunitajiet indaqs. Għandhom ikunu konformi wkoll mal-politiki fundamentali tal-UE fl-oqsma tal-koeżjoni, l-impjiegi, l-iżvilupp, ir-relazzjonijiet esterni, kif ukoll il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja;

12.

jemmen li l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali hija determinanti għall-kwalità tas-sistemi demokratiċi. Il-fatt li l-bnedmin kollha għandhom l-istess valur u għalhekk għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod huwa parti integrali mill-kultura tal-Unjoni Ewropea;

Il-proċedura

13.

jaħseb li l-integrazzjoni tal-immigranti għandha tkun prijorità essenzjali tal-Unjoni Ewropea;

14.

jagħmel enfasi fuq il-ħtieġa ta’ approċċ olistiku li jikkunsidra mhux biss l-aspetti ekonomiċi u soċjali tal-integrazzjoni soċjali, iżda wkoll il-kwistjonijiet marbuta mad-diversità storika, kulturali u reliġjuża, maċ-ċittadinanza, mad-drittijiet politiċi u l-parteċipazzjoni tal-immigranti legali fil-ħajja pubblika;

15.

jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ gvernanza f’diversi livelli sabiex l-integrazzjoni tal-immigranti tirnexxi. Dan l-approċċ għandu jkun konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà li jirregola l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

16.

jemmen li sabiex jinkisbu r-riżultati jinħtieġ approċċ kollettiv bil-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Jeħtieġ li jiġu involuti l-istituzzjonijiet ikkonċernati tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-NGOs (l-organizzazzjonijiet nongovernattivi), l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u l-immigranti stess – sew dawk li jkunu għadhom kif waslu sew dawk tal-ewwel jew it-tieni ġenerazzjoni li jkunu diġà stabbilixxew ruħhom – kif ukoll l-atturi l-oħra kollha li jaħdmu b’mod attiv fl-oqsma tal-isport, il-kultura u l-koeżjoni soċjali;

17.

jappoġġja l-promozzjoni tal-miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess tal-immigranti għas-suq tax-xogħol u li jgħinu lill-immigranti jiksbu l-kwalifiki professjonali. Għall-immigranti, li jsibu xogħol huwa fattur essenzjali fil-proċess li jwassal għall-integrazzjoni sħiħa fis-soċjetajiet ospitanti;

18.

jisħaq fuq l-importanza tar-rwol li taqdi l-edukazzjoni għall-integrazzjoni, b’mod speċjali t-tagħlim tal-lingwa jew tal-lingwi nazzjonali uffiċjali tal-pajjiż ospitanti;

19.

jappoġġja t-tagħlim tal-lingwi tal-pajjiż tal-oriġini għaliex dan jiffaċilita sew it-tagħlim tal-lingwa jew lingwi nazzjonali uffiċjali tal-pajjiżi ospitanti sew it-tagħlim ta’ suġġetti oħra;

20.

jappoġġja l-promozzjoni tal-miżuri u l-azzjonijiet bil-għan li jagħmlu mill-proċess edukattiv pont kulturali bejn is-soċjetà u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

21.

jaħseb li l-edukazzjoni tat-tfal tal-immigranti għandha tkun prijorità, u jaqbel mal-promozzjoni tad-diversità fis-sistemi edukattivi nazzjonali;

22.

jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikolari ħafna lill-immigranti nisa, mhux biss għax huma jaqdu rwol fundamentali fl-edukazzjoni tat-tfal u r-riproduzzjoni ta’ mudelli kulturali, iżda wkoll għaliex huma l-aktar vulnerabbli għall-esklużjoni, il-vjolenza u d-diskriminazzjoni;

23.

fil-fehma tiegħu, id-djalogu interkulturali huwa tema importanti immens għall-integrazzjoni, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni ta’ dan id-djalogu u, għalhekk, fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobja;

24.

jaħseb li s-sehem tal-mezzi tax-xandir huwa determinanti biex il-pubbliku jsir konxju tar-rwol tal-immigrazzjoni u jitnaqqsu l-fenomeni tal-marġinalizzazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobja;

25.

isostni li l-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs għall-immigranti fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol hija approċċ tajjeb sabiex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali. L-opportunità li jitolbu pożizzjoni ugwali fis-soċjetà ospitanti hija l-aħjar mod kif jiġi evitat ir-riskju tal-vjolenza tal-gruppi emarġinati;

26.

jisħaq fuq l-importanza kbira li jiġu analizzati l-politiki tal-integrazzjoni; u biex isir dan jemmen li jeħtieġ li jitfasslu indikaturi u mudelli komuni Ewropej għall-integrazzjoni;

27.

iħoss li l-ħolqien tal-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi huwa importanti ferm, u jaħseb li dan il-fond ser jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għat-tfassil tal-politiki tal-integrazzjoni;

Il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

28.

jiddikjara li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa determinanti għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-integrazzjoni, skont ir-responsabbiltajiet tagħhom li xi kultant huma esklużivi. Ifakkar ukoll li ħafna drabi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaħdmu bħala fornituri tas-servizzi u bħala msieħba tal-livelli l-oħra tal-gvernanza, l-aktar tal-komunitajiet tal-interessi. Din ir-responsabbiltà tinvolvi spejjeż konsiderevoli għar-reġjuni u l-bliet ikkonċernati li għandhom jinkludu l-ispejjeż ta’ din l-integrazzjoni fil-baġit tagħhom;

29.

ifakkar li ċerti reġjuni Ewopej jaqdu rwol essenzjali fl-integrazzjoni tal-immigranti minorenni mhux akkumpanjati fuq it-territorju tagħhom. Dawn jitqiegħdu taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet reġjonali kompetenti li, għal ħafna mill-awtoritajiet, iwassal għal spejjeż addizzjonali peress li jkollhom jiggarantixxu l-integrazzjoni effettiva ta’ dawn il-minorenni, jaħsbu għall-ispejjeż tal-għajxien tagħhom, għall-kura u l-edukazzjoni tagħhom, u għal kull ma hu meħtieġ għall-benesseri tagħhom sakemm jilħqu l-età legali. Għal din ir-raġjuni, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-awtoritajiet reġjonali, nazzjonali u Ewropej jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom fil-ġestjoni ta’ dan il-fenomenu u fl-allokazzjoni tal-piż finanzjarju korrispondenti;

30.

barra minn hekk, jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw b’mod attiv fl-iżvilupp tal-istrateġiji tal-integrazzjoni sa minn stadju bikri ħafna tat-tfassil tagħhom u matul l-applikazzjoni kollha tagħhom;

31.

jaqbel mal-fehma, li ngħatat matul it-tielet Konferenza Ministerjali tat-3 u l-4 ta’ Novembru 2008 f’Vichy, dwar il-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki tal-integrazzjoni, u dwar ir-rwol essenzjali ta’ dawn l-istess awtoritajiet għall-integrazzjoni tal-immigranti fis-soċjetajiet ospitanti;

32.

jagħraf il-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti sabiex jintużaw l-esperjenzi Ewropej permezz tal-iskambju tal-prattiki t-tajba u t-tixrid tar-riżultati miksuba b’mod partikolari mill-parteċipazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-programmi Komunitarji (pereżempju CLIP, ERLAIM, ROUTES, City2City, INTI-EUROCITIES) u fit-tħaddim tan-netwerks transnazzjonali reġjonali;

33.

jaħseb li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu kontribut essenzjali għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkollhom aċċess għall-informazzjoni u għas-servizzi tax-xogħol, għall-edukazzjoni, għas-saħħa, għad-djar u għall-kultura, kif ukoll għal oġġetti pubbliċi oħra, u b’hekk ikollhom l-opportunità li jibnu relazzjoni soda mas-soċjetà ospitanti;

34.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu importanza partikolari lill-kooperazzjoni, il-komunikazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni maċ-ċittadini, l-għaqdiet tal-immigranti u l-NGOs. B’dan il-mod huma jikkontribwixxu b’mod essenzjali sabiex jinħoloq sens ta’ fiduċja, tinżamm il-koeżjoni fis-soċjetajiet ospitanti u b’hekk l-immigrazzjoni tiġi rikonoxxuta bħala fattur ta’ żvilupp u progress;

Ir-riżultati

35.

jappoġġja l-inizjattivi li ħadet l-Unjoni Ewropea, sa mill-1999, bil-għan li timplimenta d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere b’rabta mat-tħejjija ta’ proposti u mal-implimentazzjoni ta’ politiki effiċjenti sabiex jiġu integrati l-immigranti li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi;

36.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ħolqot sit elettroniku dwar l-integrazzjoni li ser jiffaċilita l-aċċess u l-iskambju tal-informazzjoni;

37.

barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jieħdu inizjattivi biex jiżviluppaw il-possibbiltajiet li joffru t-teknoloġiji l-ġodda (id-demokrazija elettronika, il-gvernanza elettronika, is-servizzi online, eċċ.) bil-għan li ċ-ċittadini u l-immigranti jkunu jistgħu jressqu b’mod aktar faċli l-fehmiet u l-proposti tagħhom dwar il-politiki u l-miżuri implimentati fil-kuntest tal-integrazzjoni;

38.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tittieħed azzjoni kollettiva u li jiġu mħeġġa l-kooperazzjoni u d-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati mill-integrazzjoni fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

39.

jipproponi li nħeġġu l-evalwazzjoni komparattiva tar-riżultati li joħorġu mill-istrateġiji tal-integrazzjoni fil-livell reġjonali u lokali u li jiġu promossi l-esperjenzi pożittivi u l-prattiki t-tajba tal-integrazzjoni, fil-livell lokali u reġjonali, biex ikunu ta’ eżempju għal reġjuni oħra;

40.

jaħseb li wieħed għandu jinkoraġġixxi l-azzjonijiet u l-miżuri li għandhom l-għan li joħolqu sens ta’ stabbiltà u bażi ta’ fiduċja bejn l-immigranti u s-soċjetà li tilqagħhom;

41.

iqis li huwa fundamentali li jiġu kkunsidrati l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni u s-saħħa fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ integrazzjoni effikaċi u adatti;

42.

jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi relazzjoni ta’ appoġġ ġenwin mal-pajjiżi minn fejn jiġu l-immigranti, u din ir-relazzjoni għandha tkun differenti skont il-bżonn;

43.

huwa tal-opinjoni li għandhom jiġu evalwati u, jekk ikun hemm bżonn, imfasslin mill-ġdid il-programmi attwali fil-qasam tat-taħriġ u tal-possibbiltajiet ta’ taħriġ vokazzjonali, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, l-aktar dawk marbuta ma’ professjonijiet li t-taħriġ għalihom isir b’mod prattiku;

44.

jissuġġerixxi li l-mekkaniżmi disponibbli fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jintużaw sabiex jiġu rikonoxxuti l-ħiliet u l-esperjenza tal-immigranti;

45.

jemmen li fi ħdan l-Istati Membri jeħtieġ jinħolqu l-kundizzjonijiet adatti biex il-kompetenzi u t-taħriġ li l-immigrant ikun kiseb fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu jiġu akkreditati, ċertifikati u validati sabiex l-immigranti jkollhom aċċess għal aktar edukazzjoni u l-impjieg, u b’hekk ikunu jistgħu jmantnu lilhom innifishom filwaqt li jsaħħu l-kapital uman fil-pajjiż ospitanti;

46.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-iskambju tal-prattiki t-tajba bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali għaliex dawn il-prattiki jagħtu kontribut determinanti sabiex l-immigranti jintegraw ruħhom b’mod armonjuż u effiċjenti;

47.

jitlob li jiżdiedu l-approprjazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni u l-appoġġ li jingħata għall-azzjonijiet ta’ integrazzjoni li jitwettqu fil-livell reġjonali u lokali;

48.

jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ il-ġemelaġġi bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej u l-awtoritajiet ikkonċernati fil-pajjiżi tal-oriġini tal-immigranti;

49.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw il-possibbiltà li fil-livell reġjonali u lokali jinħolqu punti ta’ kuntatt għall-integrazzjoni li jkunu jixbhu u jikkomplementaw lil dawk li diġà jeżistu fil-livell nazzjonali, jew inkella jissostitwixxuhom;

50.

jixtieq jagħti l-kontribut tiegħu għall-manwal dwar l-integrazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea billi jippreżenta l-prattiki t-tajba tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

51.

jitlob li jkun jista’ jieħu sehem bis-sħiħ fil-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni li għandu jiġi organizzat fl-2009, u f’kull avveniment ieħor tal-istess xorta li ser jiġi organizzat fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewropea;

52.

jipproponi li jinħolqu l-“premjijiet tal-integrazzjoni” ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, possibbilment fil-kuntest tal-premjijiet reġjonali li twaqqfu mill-Kumitat tar-Reġjuni, li jingħata lill-immigranti u/jew lill-partijiet li jkunu involuti fil-proċess tal-integrazzjoni tal-immigranti (awtoritajiet lokali u reġjonali, kumpaniji, organizzazzjonijiet, għaqdiet, fondazzjonijiet, individwi, ħaddiema taċ-ċivil, eċċ.).

Brussell, 12 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE