6.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 184/95


Il-Ħamis, 21 ta’ Frar 2008
Is-Segwitu tal-Aġenda Territorjali u tal-Karta ta’ Leipzig: Lejn Programm ta’ Azzjoni Ewropew għall-Iżvilupp ġeografiku u l-Koeżjoni Territorjali

P6_TA(2008)0069

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Frar 2008 dwar is-Segwitu tal-Aġenda Territorjali u tal-Karta ta’ Leipzig: Lejn Programm ta’ Azzjoni Ewropew għall-Iżvilupp ġeografiku u l-Koeżjoni Territorjali (2007/2190(INI))

2009/C 184 E/15

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali tal-UE (“l-Aġenda Territorjali”) u l-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli (“il-Karta ta’ Leipzig”), li t-tnejn kienu adottati waqt il-Kunsill Informali tal-Ministri responsabbli għall-iżvilupp ġeografiku u l-iżvilupp urban li sar f’Leipzig fl-24 u l-25 ta’ Mejju 2007, u l-Ewwel Programm ta’ Azzjoni għall-Implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea, adottat waqt il-Kunsill Informali tal-Ministri responsabbli għall-iżvilupp ġeografiku u l-iżvilupp li sar f’Ponta Delgada (Azores) fit-23 u l-24 ta’ Novembru 2007 (“l-Ewwel Programm ta’ Azzjoni”),

wara li kkunsidra r-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273) (“ir-Raba’ Rapport dwar il-Koeżjoni”),

wara li kkunsidra l-Perspettiva Ewropea għall-Iżvilupp Ġeografiku, adottata fil-Kunsill Informali tal-Ministri responsabbli għall-ippjanar tal-ispazji li sar f’Potsdam fil-11 ta’ Mejju 1999,

wara li kkunsidra r-riżultati tal-Programm 2006 tan-Network Osservatorji Ewropej tal-Ippjanar Ġeografiku (ESPON),

wara li kkunsidra l-programm ta’ ħidma propost għall-ESPON 2013,

wara li kkunsidra l-Artikoli 158 u 159 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

wara li kkonsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A6-0028/2008),

A.

billi d-diversità territorjali, il-poliċentriżmu u l-bliet kumpatti huma karatteristiċi strutturali essenzjali tat-territorjuta’ l-Unjoni Ewropea,

B.

billi l-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej illum jgħixu fil-bliet,

C.

billi l-isfidi attwali għall-iżvilupp ġeografiku fl-Unjoni Ewropew jinkludu l-bidla fil-klima, it-tifrix tal-bliet u l-iżvilupp tal-art, il-konsum tal-enerġija, l-infrastrutturi tat-trasport, il-bidla demografika, inkluża d-depopolazzjoni taz-zoni rurali u reġjuni oħra tal-UE, l-impatt tat-tkabbir fuq il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u l-effetti reġjonali differenti tal-globalizzazzjoni, inkluż id-distakk dejjem ikbar bejn ir-reġjuni sinjuri u dawk inqas sinjuri, kif ukoll l-iżvilupp mhux indaqs taz-zoni urbani u rurali magħqud mal-bidliet strutturali;

D.

billi l-objettivi stabbiliti fl-Aġenda Territorjali huma l-iżvilupp ta’ sistema urbana poliċentrika u bbilanċjata u l-ħolqien ta’ relazzjoni urbana-rurali ġdida; il-formazzjoni ta’ raggruppamenti reġjonali innovattivi, li jiżguraw aċċess ugwali għall-infrastruttura u l-konoxxenza, il-promozzjoni ta’ immaniġġjar ta’ riskju trans-Ewropew, l-iżvilupp sostenibbli, l-immaniġġjar li jħares 'il quddiem u l-konservazzjoni tal-wirt naturali u kulturali,

E.

billi l-objettivi stipulati fil-Karta ta’ Leipzig qed jużaw iktar approċċi tal-politika integrata ta’ żvilupp urban permezz tal-ħolqien u l-garanzija ta’ spazji pubbliċi ta’ kwalità għolja, l-immodernizzar tan-networks tal-infrastruttura u t-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija, il-promozzjoni proattiva tal-innovazzjoni u l-politiki edukattivi u — partikolarment fiz-zoni fejn jgħixu persuni fil-bżonn — il-promozzjoni ta’ trasport urban sostenibbli, effiċjenti u bi prezzijiet li jintlaħqu minn kullħadd, l-użu ta’ strateġiji biex l-ambjent fiżiku jittejjeb, it-tisħiħ tal-ekonomija lokali u l-politika lokali tas-suq tax-xogħol, u politiki proattivi għall-edukazzjoni u t-taħriġ għat-tfal u ż-żgħażagħ,

F.

billi l-ippjanar ġeografiku huwa l-istrument xieraq biex jiggwida l-użu ta’ l-art u l-istruttura taċ-ċentri ta’ abitazzjoni fl-Istati Membri u r-reġjuni u l-bliet tagħhom, u biex jiġu ddeterminati l-kwalità tal-ħajja u l-opportunitajiet ta’ żvilupp fil-post,

G.

billi, flimkien mal-politika ta’ koeżjoni bħala strument ta’ tmexxija strateġika, miżuri oħra huma neċessarji biex jintlaħqu l-objettivi tal-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig, b’mod partikolari l-evalwazzjoni tal-impatt tal-użu tal-ispazju, l-approċċ integrat u l-osservazzjoni tal-ippjanar ġeografiku,

H.

billi, flimkien mal-politika ta’ koeżjoni, il-politika tal-iżvilupp rurali għandha impatt sinifikanti fuq l-ispazju; billi m’hemmx integrazzjoni biżżejjed bejn dawn iż-żewġ oqsma ta’ politika u għalhekk hemm bżonn ta’ sinerġiji mtejba li joħorġu potenzjal veru għall-iżvilupp u jagħtu spinta biex zoni rurali jsiru iktar attraenti u kompettitivi, ħaġa li tgħin biex tkun miġġielda d-depopolazzjoni rurali;

I.

billi l-kwalità tal-ispazju pubbliku u tal-ambjent naturali, kulturali u arkitettoniku għandha rwol importanti fil-kwalità ta’ ħajja tal-persuni li jgħixu f’zoni urbani u rurali u huma fatturi ta’ lokazzjoni “soft” kruċjali,

J.

billi l-kreattività u l-innovazzjoni huma riżorsi deċiżivi fit-tranżizzjoni għal soċjetà globalizzata bbażata fuq l-għerf; billi, għalhekk, is-suċċess tal-iżvilupp tal-potenzjal tal-kreattività fil-post huwa essenzjali għas-suċċess ta’ ppjanar ġeografiku u urban sostenibbli,

K.

billi l-“Baukultur” (il-kultura ta’ ambjent mibni ta’ kwalità għolja), jiġifieri s-somma tal-aspetti kulturali, ekonomiċi, tekonoloġiċi u ambjentali li jinfluwenzaw il-kwalità u l-proċess tal-ippjanar u l-bini, huwa element essenzjali tal-iżvilupp urban integrat,

L.

billi l-approċċ integrat jimplika li l-proġetti żviluppati għandhom jikkostitwixxu pjan koerenti fit-tul li jinkorpora d-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali u li jinvolvi b’mod sħiħ lill-imsieħba prinċipali fl-ippjanar, fl-eżekuzzjoni u fl-evalwazzjoni tal-programmi ta’ żvilupp urban;

M.

billi approċċ integrat lejn id-dimensjoni territorjali ta’ koeżjoni ma jikkonsistix biss fl-ippjanar tal-art u f’ azzjonijiet u politiki ta’ żvilupp urban, għaliex l-għan aħħari hu li jiġi żgurat bilanċ bejn iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni kull fejn jgħixu, għan li ma jistax jintlaħaq biss permezz tal-ippjanar tal-art,

1.

Huwa tal-fehma li l-objettivi tal-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig jistgħu jintlaħqu biss billi tiġi segwita strateġija ta’ żvilupp komprensiva, trans-settorjali u olistika biex tqiegħed fil-prattika l-approċċ integrat;

2.

Jipproponi, fil-kuntest tal-evalwazjoni ta’ nofs iż-żmien tal-politika ta’ koeżjoni, u in vista tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2013 li l-implimentazzjoni ta’ approċċ integrat għandha tkun rekwiżit obbligatorju għall-ippjanar ta’ programmi u l-għażla ta’ proġetti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali; għal dak il-għan, jitlob lil min jiddeċiedi biex jimpenja ruħu volontarjament li jimplimenta metodi ġodda ta’ koperazzjoni;

3.

Jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-ministri tal-UE responsabbli mill-iżvilupp urban, fil-laqgħa informali tagħhom f’Leipzig fl-24 u l-25 ta’ Mejju 2007, sabiex iwaqqfu grupp ta’ ħidma intergovernamentali, ippresedut mill-Ġermanja, biex jidentifika u jitfa’ dawl fuq kwistjonijiet varji li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-inizjattiva JESSICA;

4.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħolqien ta’ grupp ta’ servizzi interni tal-Kummissjoni biex jittratta s-suġġerimenti dwar l-implimentazzjoni tal-approċċ integrat u jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem f’koperazzjoni sħiħa mal-imsieħba soċjali, ambjentali u ekonomiċi kollha u biex tiżgura l-involviment tagħhom fid-deċiżjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-koeżjoni territorjali; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar il-pogress ta’ din il-ħidma;

5.

Jitlob li tingħata attenzjoni partikolari, fit-tfassil tal-politika ta’ koeżjoni għal wara l-2013, lill-karatteristiċi u l-bżonnijiet ġeografiċi u għal trattament speċifiku għar-reġjun ibbażat fuq dawn il-fatturi; jirrakkomanda l-użu ta’ għodda ta’ ppjanar orjentati lejn l-implimentazzjoni, kif imsemmi fil-Kapitlu ta’ Leipzig, ibbażat fuq ir-riċerka u l-monitoraġġ permanenti;

6.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ nofs iż-żmien tal-politika ta’ koeżjoni, biex jagħmlu użu aħjar mis-sinerġiji mal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) għall-iżvilupp tat-territorju kollu; jirrakkomanda, in vista tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2013, koordinazzjoni mill-qrib bejn il-politika ta’ koeżjoni u dik tal-iżvilupp rurali, sabiex ikun hemm opportunajiet aħjar għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja fiz-zoni rurali;

7.

Jinnota li mhux ir-reġjuni metropolitani biss għandhom potenzjal ta’ innovazzjoni, u li numru ta’ zoni relattivament remoti u rurali qegħdin fuq quddiem fil-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b’urġenza tħares iktar mill-qrib lejn il-fatturi ta’ suċċess ta’ dawn iz-zoni bil-ħsieb tal-ħolqien ta’ mudell ta’ żvilupp għall-bliet żgħar u ta’ daqs medju f’zoni rurali;

8.

Jenfasizza l-importanza ta’ ftehim ta’ sħubija u tal-qsim tal-funzjonijiet bejn iz-zoni urbani u rurali biex ikun hemm żvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-territorju kollu kemm hu; jitlob lill-awtoritajiet urbani u rurali f’koperazzjoni mal-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha biex jidentifikaw l-assi komuni u jipproduċu strateġiji konġunti reġjonali u sub-reġjonali għall-iżvilupp sabiex jiżguraw kundizzjonijiet tal-għajxien u kwalità tal-ħajja aħjar għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni; jitlob lill-presidenzi futuri biex jagħmlu laqgħat informali tal-Ministri responsabbli mill-ippjanar tat-territorju u l-iżvilupp urban biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jikkunsidraw l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig fir-reviżjoni tagħhom tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, u biex jagħmlu aġġustamenti ta’ kwalità sabiex il-miri ta’ koeżjoni territorjali jiġu inkorporati b’mod aktar effettiv fil-politiki tal-UE; jikkunsidra li hemm bżonn li jittieħdu miżuri leġiżlattivi fis-snin li ġejjin sabiex dan isir;

10.

Jitlob lill-Kunsill, fir-reviżjoni tal-istrateġiji ta’ Liżbona u Göteborg (l-istrateġija ta’ żvilupp sostenibbli) fil-laqgħa għolja tar-Rebbiegħa 2008, biex jiddefinixxi l-interessi tal-politika territorjali u urbana bħala għanijiet;

11.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni malajr ħalli jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda Territorjali u tiġi implimentata l-Karta ta’ Leipzig;

12.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri, fi spirtu ta’ governanza fuq diversi livelli vera li tieħu kont tad-diversità territorjali tal-Unjoni Ewropea u wkoll tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex jinvolvu bis-sħiħ il-gvernijiet lokali u reġjonali, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi transkonfinali, u, fir-rispett tal-prinċipju tas-sħubija, biex jinvolvu l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti u partijiet interessati privati fil-programmi ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig, u jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għal dawn l-isforzi; jenfasizza li dan il-bżonn ta’ ħidma flimkien għandu jkun meqjus f’dawl pożittiv mill-parteċipanti kollha nvoluti, minħabba li kien ippruvat li l-kollaborazzjoni koerenti hija effettiva;

13.

Ifakkar fl-irwol ewlieni li l-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għandhom fil-prospettivi futuri ta’ żvilupp tar-reġjuni, u għalhekk jirrakkomanda, kif imsemmi fl-Aġenda Territorjali, li tkun integrata infrastruttura bħalma huma l-cables tal-broadband, fi programmi ġodda tat-trasport u tal-komunikazzjoni;

14.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi sistematika tal-impatt territorjali tal-politiki rilevanti tal-UE, kif miftehma mill-Istati Membri skond il-linja ta’ azzjoni 2 tal-Ewwel Programm ta’ Azzjoni, u tagħmel ukoll evalwazzjoni tal-impatt territorjali tal-leġiżlazzjoni rilevanti ġdida; jinnota, f’dan il-kuntest, il-potenzjal tal-metodi ta’ evalwazzjoni żviluppati minn ESPON;

15.

Jirrikonoxxi li edukazzjoni ta’ kwalità għolja kemm qabel kif ukoll waqt żmien l-iskola, it-tagħlim tul il-ħajja, l-universitajiet u istituti oħra ta’ riċerka, huma fundamentali għall-iżvilupp futur tal-bliet u tar-reġjuni;

16.

Ifakkar li Natura 2000 hi strument importanti għall-iżvilupp territorjali Ewropew; jinsisti li r-rekwiżiti ta’ Natura 2000 jiġu implimentati b’mod sħiħ u li jinħolqu kuriduri ta’ pajsaġġ (landscape corridors) u netwerks ta’ spazji miftuħa bejn zoni protetti sabiex il-flora tkun tista titferrex u l-fawna tkun tista’ tiċċaqlaq liberament minn post għall-ieħor u b’hekk tiġi ppreservata l-bijodiversità;

17.

Jitlob li politika dwar oqsma ekonomiċi kreattivi tkun inkorporata fl-iżvilupp ġeografiku u urban bl-għan li jinħoloq qafas, bl-użu tal-istrumenti disponibbli (il-politika ta’ koeżjoni, l-ippjanar ġeografiku u urban) u kunsiderazzjoni għall-kwalità tal-ispazju, għat-titjib ta’ opportunitajiet għall-azzjoni kreattiva u innovattiva;

18.

Jikkunsidra neċessarju, fid-dawl tat-tendenzi demografiċi, li titjieb l-adattabilità tal-bliet u r-reġjuni, filwaqt li l-mira tkun fuq l-iżvilupp indipendenti u l-promozzjoni tal-ħidma volontarja;

19.

Jenfasizza li t-tendenzi demografiċi jwasslu għal sfidi ġodda fis-suq tax-xogħol, fl-aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa u għad-djar fl-ippjanar b’mod ġenerali; jirrimarka li wieħed jista’ jikkunsidra t-tixjiħ tal-popolazzjoni bħala opportunità għall-ħolqien ta’ xogħlijiet ġodda f’suq li qed jikber u prodotti u servizzi ġodda li jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ persuni ta’ età ikbar; jenfasizza li l-iżvilupp tal-hekk imsejħa “ekonomija tal-fidda” hu importanti fuq livell lokali u reġjonali;

20.

Jitlob lill-Istati Membri biex jiggarantixxu bħala kwistjoni ta’ prinċipju madwar it-territorju tagħhom id-disponibilità, id-dritt tal-aċċess u l-aċċessibilità ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, sabiex persuni f’reġjuni differenti jkunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet u l-potenzjali speċifiċi tar-reġjun tagħhom; jitlob li jitqiesu b’mod partikulari il-bżonnijiet ta’ gruppi żvantaġġati bħalma huma l-persuni b’diżabilità, l-immigranti, il-minoranzi etniċi, persuni bla xogħol għal tul ta’ żmien u persuni li għandhom ftit kwalifiki u l-bżonnijiet partikulari tan-nisa; jitlob lill-Kummissjoni, fil-linji gwida tagħha għall-applikazzjoni tar-regolament ta’ qafas dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, biex tippermetti lill-awtoritajiet lokali li jikkunsidraw iktar il-bżonnijiet lokali u l-atturi lokali u biex ittejjeb l-adattabilità tagħhom;

21.

Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-kompetenzi ġodda tal-Komunità għall-ippjanar ġeografiku skond it-Trattat ta’ Liżbona, biex tfassal komunikazzjoni li toħloq qafas tal-UE għall-evalwazzjoni tal-impatt territorjali fil-livell ta’ proġetti, li jikkunsidra l-ħidma tal-ESPON;

22.

Jinnota li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona, il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejnu u l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżdiedu fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ewwel Programm ta’ Azzjoni;

23.

Jilqa’ b’sodisfazzjon partikulari l-fatt li t-Trattat ta’ Liżbona jiddikjara l-koeżjoni territorjali, flimkien mal-koeżjoni ekonomika u soċjali, bħala għan tat-Trattat u jipprovdi għal kompetenza leġiżlattiva maqsuma għall-UE u l-Istati Membri f’dan il-qasam; jinnota li t-Trattat ta’ Liżbona jirrikonoxxi l-fatt li l-isfidi territorjali li jaffettwaw lill-gżejjer, lill-muntanji, lir-reġjuni tal-fruntieri u liz-zoni mbiegħda ħafna u bi ftit popolazzjoni għandhom jiġu ttrattati, minħabba li dawn għandhom impatt negattiv fuq il-kompetittività ġenerali tal-ekonomija tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkumplementa l-Ewwel Programm ta’ Azzjoni bi proposti speċifiċi għal miżuri u inizjattivi tal-UE;

24.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s’issa m’hemmx definizjoni miftiehma bejn kullħadd ta’ koeżjoni territorjali; u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-koeżjoni territorjali b’mod ċar u biex tagħmel lista tal-objettvi tal-iżvilupp territorjali fl-Unjoni Ewropea fil-Green Paper li se toħroġ dalwaqt dwar il-koeżjoni territorjali; jistenna li tingħata l-ogħla prijorità lill-objettiv li jiżgura li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, jgħixu fejn jgħixu fl-UE, jiġu offruti żvilupp u opportunitajiet indaqs ta’ żvilupp u aċċess;

25.

Jirrakkomanda aktar żvilupp tal-Perspettiva Ewropea għall-Iżvilupp Ġeografiku u jħeġġeġ l-involviment sħiħ tal-Istati Membri l-ġodda f’dan il-qafas ta’ politika;

26.

Jikkunsidra li hu importanti li jsiru evalwazzjonijiet regolari tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali; jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lil partijiet interessati kollha biex jevalwaw mhux biss il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ miżuri individwali tal-Ewwel Programm ta’ Azzjoni, iżda wkoll l-impatt ta’ dawn il-miżuri u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-iżvilupp ġeografiku sostenibbli fl-Unjoni Ewropea;

27.

Jitlob lill-Kunsill biex jiftiehem kemm jista’ jkun malajr fuq indikaturi sempliċi u kwantifikabbli għall-osservazzjoni tal-iżvilupp ġeografiku fl-EU; jitlob li l-iżvilupp annwali tal-art jkun stabbilit bħala wieħed mill-indikaturi tal-iżvilupp ġeografiku;

28.

Jinnota li dawn l-indikaturi jistgħu jintużaw bħala miri għall-gwida tal-iżvilupp ġeografiku; jipproponi li l-Kunsill u l-Kummissjoni jużaw dawn l-indikaturi għall-benchmarking bejn l-Istati Membri, u sabiex jibnu bażi tad-data tal-aħjar prattiki;

29.

Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kunsill li joħroġ rapport konġunt dwar l-implimentazzjoni tal-Ewwel Programm ta’ Azzjoni għal kull laqgħa informali tal-Kunsill; jipproponi li l-Kunsill jikkunsidra Programm ta’ Tagħlim Reċiproku (MLP) għall-iżvilupp ġeografiku Ewropew dwar skambju ta’ esperjenza u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

30.

Jenfasizza l-importanza li titjieb il-koordinazzjoni bejn l-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig; jiddispjaċih f’dan ir-rigward li l-Kunsill għadu m’adottax programm ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tal-miri tal-Karta ta’ Leipzig, u jitlob lill-presidenzi tal-ġejjieni biex jirrimedjaw dan in-nuqqas, u b’hekk jiżguraw segwitu sistematiku għall-Karta ta’ Leipzig;

31.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Presidenza Slovena biex tipprepara u tippromwovi miżuri li jippruvaw isaħħu l-koordinazzjoni bejn l-iżvilupp territorjali u urban bil-ħsieb li jkunu aktar interkonnessi l-objettivi tal-Aġenda Territorjali u l-Karta ta’ Leipzig;

32.

Jirreferi għall-konklużjonijiet tar-Raba’ Rapport ta’ Koeżjoni li fih il-bliet u z-zoni urbani qed jitqiesu bħala ċ-ċentri tal-popolazzjoni, saħħa ekonomika u innovazzjoni; jilqa’ l-proposti għall-ħolqien ta’ raggruppamenti reġjonali u urbani innovattivi li jaqsmu l-fruntieri kemm interni u kemm esterni tal-UE;

33.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, b’kunsiderazzjoni partikolari għall-ħidma tal-Verifika Urbana, biex jiġu stabbiliti indikaturi għall-benchmarking tas-sostenibilità tal-bliet kif stipulat fil-Karta ta’ Leipzig, bħal pereżempju l-konsum tal-enerġija per capita, l-użu tat-trasport pubbliku lokali bħala proporzjon tal-volum tat-trasport totali, u l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra per capita;

34.

Jenfasizza l-irwol prinċipali li l-bliet għandhom għar-realizzazzjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona u għalhekk isejjaħ għal strateġija ta’ żvilupp urban olistika u kkoordinata sew appoġġjata mil-livelli kollha tal-gvern kif ukoll tas-settur privat;

35.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu interess ikbar fil-kwistjoni tat-tifrix tal-bliet; jitlob lill-Istati Membri, fid-dawl tal-problema tal-frammentazzjoni tal-kampanja u t-telf kontinwu ta’ art favur it-tkabbir urban fl-Istati Membri, biex jadottaw miżuri u strateġiji effettivi biex jirrestrinġu l-iżviupp tal-art;

36.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-iżvilupp urban intern fuq l-iżvilupp estern, jiġifieri li jagħtu prijorità lill-użu mill-ġdid, jew użu għal skopijiet oħra, ta’ bini diġà eżistenti, l-aktar permezz ta’ mmaniġġjar sostenibbli tal-art, qabel jibnu fuq art ġdida;

37.

Jilqa’ l-enfasi li qed issir fuq l-interkonnessjoni ta’ modi ta’ trasport mill-Karta ta’ Leipzig; jenfasizza l-importanza ta’ sistema ta’ trasport integrata u sostenibbli u l-irwol sinifikanti li l-infrastruttura mtejba għaċ-ċiklisti u għall-persuni bil-mixi jista’ jkollha, b’mod partikulari fil-bliet iktar kbar; jitlob lill-Kummissjoni biex tesplora mekkaniżmi iktar effettivi biex tapppoġġja l-awtoritajiet lokali fl-iżvilupp ta’ strateġiji għal networks integrati tat-trasport, b’mod partikulari f’reġjuni inqas żviluppati;

38.

Iqis li sabiex tinsab soluzzjoni effikaċi għall-ħtiġijiet dejjem jikbru għall-kwalità għolja ta’ ħajja fl-ibliet huwa indispensabbli li l-awtoritajiet jieħdu ħsieb li t-tagħmir tekniku tagħhom ikun konformi mal-istandards Ewropej; b’mod partikulari jikkunsidra li l-forniment ta’ ilma għax-xorb (pereżempju billi tittejjeb id-distribuzzjoni u l-kwalità tal-ilma) id-dikontaminazzjoni tal-ilma skartat (pereżempju billi jinqerdu l-komunikazzjonijiet jew billi jinħolqu komunikazzjonijiet ġodda) u kull tagħmir simili ieħor għandu jiġi adattat fl-iqsar żmien possibbli għad-dispożizzjonijiet ġodda tar-regolamenti;

39.

Jiddispjaċih li d-differenzi qed jiżdiedu, b’mod partikulari fir-reġjuni u l-bliet metropolitani fl-UE, imma wkoll fiz-zoni rurali; u jitlob lill-Istati Membri biex jittrattaw din il-problema b’aktar enerġija u biex jikkunsidrawha aktar meta jippjanaw il-programmi bil-ħsieb tal-għoti ta’ approprjazzjonijiet mill-fondi strutturali;

40.

Huwa tal-fehma li l-bliet għandhom responsabilità partikolari biex jilħqu l-objettivi tal-UE rigward il-klima għaliex qegħdin f’pożizzjoni unika li jagħtu soluzzjonijiet potenzjali biex jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali tal-gass b’effett ta’ serra; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinkorporaw il-ħarsien tal-klima bħala għan orizzontali fl-iżvilupp urban;

41.

Jenfasizza l-fatt li l-investiment f’teknoloġija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, bħall-miżuri ta’ prevenzjoni innovattiva, ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament, fl-aħħarnett joffri opportunitajiet sinifikanti ta’ kummerċ fuq perjodu twil ta’ żmien;

42.

Jinnota li z-zoni urbani jħossu ferm aktar l-effetti tal-bidla fil-klima meta n-nuqqas ta’ kurituri ta’ arja friska jwasslu għal temperatura aktar sħuna u għal konċentrazzjonijiet ta’ tniġġis ogħla;

43.

Jinsisti li għandhom jiżdiedu l-isforzi sabiex jitjiebu l-integrazzjoni u l-koeżjoni soċjali u territorjali, b’mod partikolari billi jingħelbu d-difetti fl-ambjent mibni, u billi jittejbu l-kundizzjonijiet ambjentali, waqt li tiġi segwita politika ta’ żvilupp bilanċjat għaz-zoni urbani, jiġifieri billi jiġu stabilizzati z-zoni problematiċi u jinħolqu zoni attraenti għall-għajxien, ix-xogħol u l-mistrieħ;

44.

Jitlob integrazzjoni aħjar ta’ kwartieri mċaħħda; jitlob lill-awtoritajiet komptenti tal-Istati Membri biex jidentifikaw is-sinjali ta’ twissija li juru li ċerti zoni sejrin lura u biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw politika ta’ integrazzjoni soċjali biex inaqqsu l-inugwaljanzi u jevitaw l-esklużjoni soċjali; jenfasizza l-irwol importanti li l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju għandhom fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku u l-kompettività territorjali, mhux biss fi kwartieri mċaħħda, imma fiz-zoni urbani kollha;

45.

Jitlob lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ programmi futuri ta’ ffinanzjar inkluż is-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-riċerka, l-iżvilupp tekonoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni, biex iżżid l-appoġġ tagħha għall-proġetti li jippromwovu l-iżvilupp u l-iskambju ta’ esperjenzi dwar l-immaniġġjar urban sostenibbi, il-promozzjoni ta’ prattiki u ta’ teknoloġiji li huma effiċjenti fir-rigward tal-enerġija, is-soluzzjoni ta’ problemi ambjentali urbani u l-kontribuzzjoni tal-bliet fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;

46.

Huwa tal-fehma li tisħiħ tal-identità urbana u impenn attiv taċ-ċittadini fil-bliet jistgħu jikkontribwixxu sabiex l-implimentazzjoni tal-Karta ta’ Leipzig tkun suċċess; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iniedu djalogu territorjali ħalli jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-ippjanar biex tingħata ħajja ġdida u għall-iżvilupp taz-zoni urbani;

47.

Jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni u l-bliet tagħhom biex jagħtu aktar attenzjoni lill-ħolqien ta’ kultura ta’ ambjent mibni ta’ kwalità għolja (Baukultur) kif ukoll lid-disponibilità ta’ djar deċenti bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu minn kullħadd bħala fatturi kruċjali għall-inklużjoni soċjali u għall-kwalità tal-ħajja fil-bliet fil-kuntest ta’ żvilupp urban sostenibbli, waqt li jagħtu attenzjoni partikulari lill-kwalità tal-ispazju pubbliku, b’mod partikulari permezz tad-disinn tal-arkitettura, bħala mezz li jtejjeb il-benesseri għaċ-ċittadini Ewropej;

48.

Jistieden lill-Kunsill, u partikolarment lill-Presidenzi tas-Slovenja u ta’ Franza, sabiex jibnu fuq il-progress li sar taħt il-Presidenzi tal-Ġermanja u tal-Portugal fir-rigward tal-koeżjoni territorjali u jkomplu jadottaw proposti f’dan ir-rigward; hu tal-fehma li, minħabba li l-enfasi attwalment kienet fuq il-bliet, ir-relazzjoni bejn il-belt u l-kampanja, u l-ippjanar tal-art, l-inizjattivi tal-ġejjieni għandhom jikkunsidraw aktar il-bżonnijiet ta’ reġjuni li għandhom żvantaġġi territorjali, bħalma huma l-gżejjer, il-muntanji, iz-zoni tal-fruntieri u zoni li huma mbiegħda ħafna jew bi ftit popolazzjoni;

49.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kumitat tar-Reġjuni.