30.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-Tibdil strutturali u konċettwali bħala kundizzjoni għal għarfien kompetittiv fuq livell dinji u għal industrija Ewropea bbażata fuq ir-riċerka (L-Ewropa qed tirkupra jew qed tmexxi?)

2009/C 100/11

Nhar is-17 ta’ Jannar 2008, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

It-tibdil strutturali u konċettwali bħala kundizzjoni għal għarfien kompetittiv fuq livell dinji u għal industrija Ewropea bbażata fuq ir-riċerka (L-Ewropa qed tirkupra jew qed tmexxi?)

Il-Kummissjoni Konsultattiva, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fl-10 ta’ Settembru 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur TÓTH, il-korapporteur is-Sur LEO.

Matul l-448 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-22 u t-23 ta’ Ottubru (seduta tat-22 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’98 vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   Il-bidla fil-klima, it-tibdil demografiku, il-globalizzazzjoni u l-iskarsezza tal-materja prima u tal-enerġija ser iwasslu għal bidliet ekonomiċi u soċjali kbar fl-Ewropa. L-impatt fuq il-livell ta’ għajxien u l-kompetittività fl-Ewropa jiddependu b’mod sinifikanti minn jekk jirnexxilniex nieħdu l-miżuri adattati fil-ħin. Il-bżonn li nsibu risposti innovattivi għall-isfidi l-ġodda huwa marbut ukoll mas-suċċess ta’ proċess ta’ rkupru Ewropew f’għadd ta’ oqsma. Iktar ma jiżdied il-progress teknoloġiku, iktar l-innovazzjonijiet individwali jsiru fattur sinifikanti tal-iżvilupp. Madankollu dan jitlob xi tibdil f’oqsma li ilhom ħafna jitqiesu bħala fatturi ta’ suċċess (pereżempju t-taħriġ professjonali u t-taħriġ kontinwu). L-appoġġ tal-koeżjoni fi ħdan il-Komunità huwa objettiv daqstant importanti. Il-bżonn ta’ adattament se jkun sfida għall-Mudell Soċjali Ewropew u r-riżultat ta’ din l-isfida ser jiddetermina l-kwalità tal-għajxien tal-ġenerazzjonijiet attwali u dawk futuri. Sabiex jingħelbu dawn l-isfidi, id-djalogu soċjali u d-djalogu mas-soċjetà ċivili, bl-inklużjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha, ser jaqdu rwol determinanti.

1.2.   Hemm bżonn ta’ kapaċità u rapidità ta’ adattament ikbar jekk irridu nikkontrollaw l-isfidi li qegħdin niffaċċjaw u niżviluppaw il-potenzjal ta’ żvilupp tal-Ewropa. L-Istrateġija ta’ Liżbona (1) stabbilixxiet ċerti għanijiet li jaqblu ma’ din il-perspettiva u li huma importanti għall-Ewropa. Fl-istess ħin, il-miżuri ta’ adattament meħtieġa spiss ma kinux ċari u t-traduzzjoni tal-bżonnijiet fi strateġiji ekonomiċi u politiċi ħafna drabi kienet dgħajfa wisq. Nafu x’inhuma l-konsegwenzi ta’ dan il-proċess u issa hemm bżonn ta’ sforzi ġodda sabiex inkomplu navvanzaw fit-triq lejn dawn l-għanijiet. Għalhekk qegħdin nipproponu li jiżdiedu r-riżorsi allokati għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona.

1.3.   Fl-istess ħin, huwa evidenti li ma jistax ikun hemm strateġija unika li tapplika għal kulħadd. F’ċerti oqsma ta’ politika kull Stat Membru jrid jimplimenta l-linji gwida Ewropej permezz ta’ ġabra ta’ miżuri adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali sabiex jiggarantixxi politika effiċjenti. Iżda l-miżuri Ewropej u dawk tal-Istati Membri għandhom jikkumplementaw lil xulxin. Ovvjament, l-istess rekwiżiti ta’ kumplementarjetà jgħoddu wkoll għall-miżuri stabbiliti fil-livell Ewropew. Fil-każ tal-oqsma ta’ politika orizzontali – jiġifieri l-kwistjonijiet li huma f’idejn Direttorati Ġenerali differenti – jeħtieġ li tiġi implimentata strateġija kkoordinata. Il-kumplementarjetà fiż-żewġ każijiet tinħoloq bis-saħħa tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni espliċita tal-istrateġiji u l-miżuri politiċi li jitfasslu u jiġu implimentati b’mod konġunt.

1.4.   Illum il-ġurnata ta’ sikwit jitwiegħdu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, iżda fil-fatt ftit li xejn isiru sforzi f’dan l-ambitu. Hawnhekk jeħtieġ li jsir xi tibdil sabiex nisfruttaw mill-aħjar li nistgħu l-effetti pożittivi tal-implimentazzjoni kkoordinata (2). Anke fil-livell tal-Istati Membri, kooperazzjoni msaħħa tista’ ttejjeb l-effiċjenza fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri. Dan il-proċess għandu jiġi appoġġjat permezz ta’ riżorsi addizzjonali li jkunu allokati speċifikament għall-iżvilupp ta’ programmi kkoordinati bejn il-livell Ewropew u l-Istati Membri. L-aċċess għal dawn ir-riżorsi għandu jkun possibbli biss jekk jiġu stabbiliti miżuri li jkunu kkoordinati bejniethom u li bis-saħħa tagħhom jintlaħqu objettivi komuni.

1.5.   Fuq kollox l-Ewropa trid tiffaċċja sfida minħabba li ftit huma dawk l-Istati Membri li fihom inħolqu l-kundizzjonijiet adegwati biex issir ħidma fl-ogħla livell. Ħafna Stati Membri għadhom ma għelbux it-transizzjoni mill-fażi ta’ rkupru għall-produzzjoni teknoloġika ta’ livell għoli. Waqt it-tranżizzjoni lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien, id-domanda għal forza tax-xogħol ikkwalifikata tiżdied. Sabiex wieħed jindirizza din is-sitwazzjoni, jeħtieġ li jsiru previżjonijiet fuq perijodu medju jew fit-tul tal-livell ta’ kwalifiki meħtieġ mill-forza tax-xogħol. Dawn il-previżjonijiet jiffurmaw il-bażi tar-ristrutturazzjoni li għandha ssir fis-settur tat-taħriġ professjonali u kontinwu.

1.6.   Is-soluzzjoni tal-problemi eżistenti u t-titjib tal-prestazzjoni ekonomika jeħtieġu strutturi xjentifiċi u ta’ riċerka li jwasslu għal prestazzjoni ta’ livell għoli. F’dan il-kuntest jeħtieġ li jsiru sforzi fit-tul sabiex ir-riċerka u t-taħriġ ikomplu jiġu żviluppati u jersqu dejjem iktar lejn l-ogħla livelli internazzjonali. Fil-livell Ewropew diġà saru ċerti għażliet f’din id-direzzjoni wara r-reviżjoni tal-Istrateġija ta’ Liżbona. Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija ser jgħinu biex jitħaffef dan il-proċess ta’ trasformazzjoni. Fil-ġejjieni l-investimenti f’dawn l-istrutturi għandhom jiżdiedu sabiex l-Istati Membri jitħeġġu jipparteċipaw fi strateġiji oħra. Barra minn hekk, jeħtieġ ukoll li titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-kumpaniji u l-komunitajiet ta’ akkademiċi, universitajiet u riċerkaturi u li tiġi appoġġjata l-infrastruttura tas-servizzi ta’ appoġġ, pereżempju ċ-ċentri tax-xjenza, l-innovazzjoni, it-teknoloġija u l-industrija.

1.7.   Minbarra l-investiment fil-kapital uman u fix-xjenza, jeħtieġ li l-promozzjoni tar-riċerka fl-Istati Membri tappoġġja l-proġetti riskjużi ta’ innovazzjoni b’mod iktar sħiħ. Hemm bżonn ukoll ta’ titjib fil-ħarsien tad-drittijiet ta’ proprjetà (pereżempju, permezz tal-privattiva Ewropea u miżuri kontra l-ikkupjar tal-prodotti), regolamenti li jiffavorixxu l-innovazzjoni fis-swieq tal-prodotti u tax-xogħol, possibilitajiet finanzjarji li huma adegwati għar-riskju, miżuri li jħeġġu t-talba għall-innovazzjoni (pereżempju s-suq intern, l-akkwist pubbliku, is-swieq mexxejja), iżjed mobilità fil-livelli kollha u konformità mal-politika tal-kompetittività u l-makropolitika. Is-suċċess tat-traspożizzjoni ta’ dawn l-azzjoniijet politiċi jiġi minn sforzi kbar fil-qasam tal-innovazzjoni u nefqa ikbar għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

1.8.   Jeħtieġ ukoll li tinħoloq sistema li tindirizza b’mod flessibbli u mgħaġġel l-isfidi li għandna quddiemna. Tali sistema tkun ibbażata fuq il-loġika li l-ispejjeż futuri li jirriżultaw minn nuqqas ta’ azzjoni llum ser ikunu ferm ogħla mill-prezz tal-miżuri li jistgħu jittieħdu issa. Dan jgħodd b’mod partikolari – iżda mhux esklużivament – għall-miżuri ambjentali. Huwa sewwasew f’dan il-qasam li l-Ewropa qdiet rwol mexxej fil-passat. Dan ir-rwol għandu jiġi żviluppat permezz tat-tkomplija konsegwenti tal-istrateġija attwali. Dan għandu jippermetti li jinkisbu l-vantaġġi industrijali, politiċi (First Mover Advantage), soċjali u ekoloġiċi li jirriżultaw mit-teħid ta’ miżuri favur l-ambjent permezz ta’ regolamentazzjoni ambjentali armonizzata, standardizzazzjoni, promozzjoni tal-innovazzjonijiet fil-qasam ambjentali u appoġġ tal-innovazzjonijiet soċjali.

1.9.   Madankollu, strateġija ta’ progress ta’ din ix-xorta għandha tiġi appoġġjata wkoll mill-popolazzjoni sabiex tiġi implimentata b’suċċess. Jekk il-ħtieġa għall-bidla ma tinftehimx sewwa u l-profitti li ġġib ma jkunux jidhru jew ma jkunux imqassma b’mod ugwali, is-soċjetà u l-individwu ser ikunu inqas disposti li jagħmlu sforz ta’ adattament. L-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma essenzjali għall-organizzazzjoni u l-komunikazzjoni. Waħda mill-kundizzjonijiet tal-aċċettazzjoni ovvjament hija l-involviment fit-tħejjija tal-istrateġija u tal-miżuri. Jekk fil-fażi preparatorja diġà jkun hemm parteċipazzjoni wiesgħa u diskussjonijiet, il-probabbiltà li jitfassal proġett komuni togħla. Għalkemm huwa kważi diġà tard wisq għal diskussjonijiet dwar it-tkomplija tal-Istrateġija ta’ Liżbona, xorta waħda għandu jsir tentattiv sabiex tiġi integrata l-maġġoranza tal-pubbliku interessat.

2.   Introduzzjoni

2.1.   F’dawn l-aħħar 50 sena, il-prestazzjoni ekonomika tal-Ewropa tjiebet konsiderevolment u b’hekk r-rigressjoni tas-seklu 19 u tal-ewwel nofs tas-seklu 20 naqset (3). Sadattant, il-produttività fis-siegħa tal-Ewropa kważi laħqet lil dik tal-Istati Uniti, għalkemm il-produttività per capita baqgħet staġnata għal 70 % meta mqabbla ma’ dik tal-Istati Uniti (ara Gordon, 2007). Madankollu, il-proċess ta’ rkupru twaqqaf għal għarrieda fl-1995, u bdiet fażi li fiha l-Istati Uniti saru iżjed b’saħħithom mill-Ewropa. L-integrazzjoni iżjed mgħaġġla tat-teknoloġiji l-ġodda – f’dan il-każ, tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni – hija meqjusa bħala r-raġuni ewlenija għat-titjib mgħaġġel fil-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Uniti. Fil-fatt, ir-reazzjoni tal-Istati Uniti kienet ħafna iżjed mgħaġġla minn dik tal-maġġoranza tal-Istati Ewropej, kemm fir-rigward tal-iżvilupp kif ukoll tat-tixrid ta’ dawn it-teknoloġiji.

2.2.   Madankollu, il-varjazzjoni fil-ħeffa tal-iżvilupp u tal-integrazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda mhijiex speċifika għat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, iżda hija l-konsegwenza ta’ sistema ta’ politika ekonomika stabbilita. L-Istati Uniti, pajjiż mexxej fil-qasam tat-teknoloġiji l-ġodda, huma bbażati fuq sistema li hija orjentata lejn is-suq u għandhom universitajiet u tagħmir għar-riċerka magħrufin internazzjonalment, staff bi kwalifiki għoljin mir-reġjuni kollha tad-dinja, propensità ikbar għar-riskju, tkabbir mgħaġġel ta’ intrapriżi ġodda, u suq intern omoġenju.

2.3.   Madankollu, l-Istati Membri ħolqu strutturi u stabbilixxew miżuri ekonomiċi li huma siewja għall-proċess ta’ rkupru kif ukoll għall-applikazzjoni rapida tat-teknoloġiji. Ir-rati għolja ta’ investiment kienu u għadhom sinjal ċar ta’ dan l-aċċess, bl-istess mod bħas-sistemi ta’ edukazzjoni orjentati lejn l-impjieg, l-istrutturi b’tendenza negattiva fir-rigward tar-riskju fi ħdan il-finanzjament tal-innovazzjoni, investiment iżgħar fl-edukazzjoni terzjarja u l-iżvilupp mhux radikali biżżejjed tal-prodotti u t-teknoloġiji.

2.4.   It-tkabbir dgħajjef fl-Ewropa matul dawn l-aħħar snin (ara pereżempju Breuss, 2008) jissuġġerixxi li f’ħafna oqsma l-potenzjal ta’ tkabbir tal-istrateġija ta’ rkupru ġie eżawrit. Madankollu, it-transizzjoni minn strateġija ta’ rkupru għal pożizzjoni fil-quċċata tirrikjedi bidliet kbar li fl-Ewropa għadhom fil-bidu tagħhom u li ħafna drabi ġew trasposti fil-liġi mingħajr entużjażmu. Iżjed ma nersqu lejn il-quċċata tat-teknoloġija, iżjed l-innovazzjonijiet indipendenti u radikali (fis-sens ta’ novitajiet fis-suq) qegħdin isiru sorsi importanti ta’ tkabbir. Jekk irridu nappoġġjaw dan l-approċċ, irridu nimmodifikaw ċerti oqsma (pereżempju l-edukazzjoni professjonali u kontinwa, ir-regolamentazzjoni tal-prodotti u tas-suq tax-xogħol, il-ġestjoni makroekonomika) li fil-passat kienu meqjusa bħala fatturi ta’ suċċess għall-proċess ta’ rkupru. Il-bżonn ta’ bidla fl-Ewropa huwa marbut ukoll mal-isfidi attwali fl-oqsma tal-bidla fil-klima, il-globalizzazzjoni, l-iżvilupp demografiku u l-iskarsezza tal-materja prima u tal-enerġija. Għal dan il-għan għandhom jinbnew strutturi li jippermettu reazzjoni rapida għall-isfidi l-ġodda u li jwasslu għal soluzzjonijiet kompetittivi, soċjalment aċċettabbli u ġusti mil-lat ambjentali.

2.5.   Jeħtieġ ukoll li tinħoloq sistema li tindirizza b’mod flessibbli u mgħaġġel l-isfidi li għandna quddiemna. Tali sistema tkun ibbażata fuq il-loġika li l-ispejjeż futuri li jirriżultaw minn nuqqas ta’ azzjoni llum ser ikunu ferm ogħla mill-ispejjeż marbutin mal-miżuri li jistgħu jittieħdu issa. Dan jgħodd b’mod partikolari – iżda mhux esklużivament – għall-miżuri ambjentali. Huwa sewwasew f’dan il-qasam li l-Ewropa qdiet rwol mexxej fil-passat. Dan ir-rwol għandu jiġi żviluppat permezz tat-tkomplija konsegwenti tal-istrateġija attwali. Dan għandu jippermetti li jinkisbu l-vantaġġi industrijali, politiċi (First Mover Advantage), soċjali u ekoloġiċi li jirriżultaw mit-teħid ta’ miżuri favur l-ambjent permezz ta’ regolamentazzjoni ambjentali armonizzata, standardizzazzjoni, promozzjoni tal-innovazzjonijiet fil-qasam ambjentali u appoġġ ta’ innovazzjonijiet soċjali.

2.6.   L-osservazzjonijiet li ġejjin jikkonċentraw fuq dawk il-partijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona li għandhom x’jaqsmu mal-innovazzjonijiet. Qegħdin jiġu ppreżentati l-possibilitajiet ta’ kif wieħed jista’ jasal għal politika effiċjenti fi ħdan qafas Ewropew uniformi.

3.   Ir-risposta tal-Ewropa għat-tkabbir kajman fid-disgħinijiet: l-Istrateġija ta’ Liżbona

3.1.   Ir-risposta tal-Ewropa għall-firda ekonomika dejjem ikbar bejnha u bejn l-Istati Uniti fir-rigward tal-produttività u t-tkabbir ekonomiku kienet l-Istrateġija ta’ Liżbona, li wara r-reviżjoni tal-2005, kellha l-għan li tikseb, fost affarijiet oħra, investiment ta’ 3 % tal-PGD fir-Riċerka u l-Iżvilupp u kwota ta’ impjieg ta’ 70 % tal-persuni fl-età li jaħdmu.

3.2.   Iż-żieda mixtieqa fl-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp hija bbażata fuq bosta studji ekonomiċi, li juru rabta pożittiva bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-investiment fir-Riċerka l-Iżvilupp. Ma ġiex ikkunsidrat il-fatt li żieda fil-fondi allokati għar-Riċerka u l-Iżvilupp tiddependi b’mod konsiderevoli mill-istruttura tas-setturi u tista’ tiġi ġġudikata biss mill-għamla ta’ dawn is-setturi. Proġetti iżjed reċenti (Leo – Reinstaller – Unterlass, 2007, Pottelsberghe, 2008) juru li n-nefqa tal-maġġoranza tal-Istati Membri l-“qodma” għar-Riċerka u l-Iżvilupp hija ogħla mil-livell li wieħed jista’ jistenna mill-istruttura tas-setturi tagħhom, filwaqt li dik tal-Istati Membri l-“ġodda” tinsab taħt dan il-livell (jiġifieri taħt il-linja tal-45°, ara Dijagramma 1). L-Iżvizzera u l-Finlandja (u anke l-Istati Uniti) jonfqu ħafna iżjed fir-Riċerka u l-Iżvilupp minn dak li wieħed jistenna mill-istruttura tas-setturi tagħhom. Minn naħa, dan iseħħ minħabba l-fatt li, f’ċerti oqsma, dawn il-pajjiżi jinsabu fil-quċċata tal-prestazzjoni teknoloġika u qegħdin jikkonċentraw iktar mill-kompetituri tagħhom fuq l-attivitajiet ta’ innovazzjoni u – fil-każ tal-Istati Uniti – fuq produzzjoni ikbar fis-suq intern. Min-naħa l-oħra, nefqa ikbar għar-Riċerka u l-Iżvilupp tista’ tkun ukoll ir-riżultat ta’ riċerka intensiva fis-settur universitarju (ara Pottelsberghe, 2008).

Dijagramma 1: In-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp skont is-settur

Image

3.3.   Jekk in-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp tas-settur intraprenditorjali fl-Ewropa (mill-inqas fl-Istati Membri l-qodma) b’mod ġenerali tinsab f’armonija mal-istruttura tas-settur, m’hemm l-ebda raġuni partikolari li tiġġustifika bidla drastika fin-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp, għaliex din għandha tiġi kkunsidrata wkoll bħala fattur ta’ spiża u twassal għal dħul marġinali iktar baxx. Għandna ninvestu iktar fir-Riċerka u l-Iżvilupp jekk bis-saħħa ta’ dan l-investiment noqorbu lejn l-eċċellenza teknoloġika jew jekk dan l-investiment jirriżulta minn bidla strutturali (4) lejn setturi intensivi fir-riċerka (5). Iż-żewġ bidliet huma essenzjali sabiex l-Ewropa tibqa’ kompetittiva u jitħares il-“Mudell Ewropew”.

3.4.   Dan il-proċess ma jsirx b’sempliċi żieda waħdanija fil-mezzi tar-Riċerka u l-Iżvilupp, iżda pjuttost permezz ta’ appoġġ imsaħħaħ għall-istrateġiji innovattivi riskjużi bis-saħħa ta’ investimenti fl-infrastruttura tar-riċerka u titjib tas-sistema edukattiva u ta’ taħriġ. Il-ħolqien ta’ ambjent kummerċjali li jiffavorixxi l-innovazzjoni u mobilità ikbar fil-livelli kollha huma bidliet essenzjali oħra (ara Aho et al. 2006). Jinħtieġu wkoll interventi kumplementari fir-regolazzjoni tas-suq tax-xogħol, tas-sistema finanzjarja, tal-politika kompetittiva u tal-makropolitika. Is-suċċess tat-traspożizzjoni ta’ dawn l-azzjoniijet politiċi jiġi minn sforzi kbar fil-qasam tal-innovazzjoni u infiq ogħla għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

3.5.   Iċ-ċaqliq tal-enfasi mir-Riċerka u l-Iżvilupp għall-innovazzjoni jnaqqas ukoll il-preferenza impliċita għall-“industriji high-tech” li tirriżulta mit-tentattiv li wieħed iżid in-nefqa għar-Riċerka u l-Iżvilupp. B’hekk jiġu vvalorizzati setturi li huma high-tech f’termini tal-applikazzjonijiet teknoloġiċi iżda li ma jinvestux bil-qawwi fir-Riċerka u l-Iżvilupp għax l-isforzi ta’ innovazzjoni tagħhom huma bbażati fuq l-applikazzjoni teknoloġika intelliġenti u fuq il-kreattività tal-bniedem. Pereżempju, ħafna mill-innovazzjonijiet high-tech tas-settur tal-industriji kreattivi, tal-industrija tal-azzar jew tas-settur tat-tessili u l-ħwejjeġ jaħdmu b’nefqa żgħira jew mingħajr infiq fil-qasam tar-Riċerka u l-Iżvilupp. Intwera wkoll li prattikament fis-setturi kollha hemm potenzjal għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (l-hekk imsejħin “għażżiela”) (ara Hölzl – Friesenbichler, 2008), li jindika promozzjoni wiesgħa tal-innovazzjoni. L-enfasi fuq is-setturi high-tech – fattur li jassigura r-rilevanza kbira tagħhom fil-ġejjieni wkoll – hija konsegwenza taż-żieda fid-domanda fi ħdanhom. Jekk l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp jirnexxilu jwassal għall-innovazzjoni, il-profitti – f’termini ta’ tkabbir ekonomiku u impjiegi – jistgħu jaqbżu l-istennijiet b’riżultat taż-żieda kbira fid-domanda (Falk – Unterlass, 2006).

3.6.   L-isfidi l-ġodda u l-qodma jeħtieġu prestazzjoni mill-aqwa kemm fil-qasam tar-riċerka kif ukoll fl-implimentazzjoni tagħha. L-Ewropa tista’ tikkompeti fil-livell dinji permezz ta’ prestazzjoni mill-aqwa fir-riċerka bażika u applikata biss. Illum il-ġurnata, ir-restrizzjonijiet reali għat-traspożizzjoni ta’ dawn l-istrateġiji diġà jinsabu fil-qasam tal-kapital uman, u fil-ġejjieni s-sitwazzjoni ser tiħrax. Wieħed mill-prerekwiżiti tal-bidla strutturali u l-aċċess għall-eċċellenza teknoloġika huwa li jkun hemm għadd ikbar ta’ ħaddiema kkwalifikati b’ċertifikat sekondarju u terzjarju. Madankollu, in-nuqqasijiet li nġemgħu s’issa jistgħu biss jittaffew fuq perijodu twil, u ħafna drabi ma jiġux indirizzati bl-enfasi meħtieġa. Fl-istess ħin, l-istrutturi edukattivi għandhom jassiguraw li l-offerta ta’ taħriġ taqbel mad-domanda (6) u li l-edukazzjoni kontinwa tal-forza tax-xogħol (il-kunċett ta’ tagħlim tul il-ħajja) tingħata attenzjoni biżżejjed sabiex l-impjegati kollha f’kull fażi tax-xogħol jilħqu l-produttività u l-kapaċità ta’ ħidma tagħhom.

3.7.   Il-verżjoni l-ġdida tal-Istrateġija ta’ Liżbona fil-livell Ewropew ġabet magħha ħafna bidliet li huma kapaċi jħaffu l-bidla strutturali lejn strutturi ekonomiċi u prestazzjoni teknoloġika intensivi fir-riċerka: miżuri għal disponibilità mtejba tal-kapital riskjuż u għal żieda fil-mobilità tar-riċerkaturi, l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-inizjattiva tas-swieq mexxejja huma eżempji ta’ dan. Barra minn dan, għandu jkun hemm żieda tal-fondi għall-programmi qafas u espansjoni tal-proġetti ewlenin fil-livell Ewropew.

4.   L-Ewropa: politika effettiva minkejja d-diversità?

4.1.   Anke jekk l-objettivi Ewropej huma ċari u tajbin għal kulħadd, wieħed jista’ jistaqsi lilu nnifsu jekk l-Ewropa għadhiex “politikament kompetenti” fil-kuntest tal-eteroġeneità tagħha. Id-diversità Ewropea hija riflessa fid-diskrepanza li teżisti bejn l-Istati Membri f’termini ta’ prestazzjoni, riżultati u teknoloġija (pereżempju l-istandard tal-GSM u l-użu tat-TIK) u fid-differenzi kbar fil-livell settorjali – kemm bejn kif ukoll fi ħdan is-setturi (ara Falk, 2007, Leo – Reinstaller – Unterlass, 2007, u Anness 3).

4.2.   Din id-diversità tirrappreżenta sfida kbira għall-politika ekonomika billi l-miżuri ekonomiċi joħolqu riżultati differenti minħabba li l-livell ta’ żvilupp ekonomiku jkun differenti. Il-pajjiżi li rnexxew jadattaw l-istrateġija ta’ politika ekonomika tagħhom, b’mod espliċitu jew impliċitu, għal-livell ta’ żvilupp u għalhekk jippruvaw japprovaw il-proċess ta’ rkupru jew inkella jimmiraw lejn produzzjoni fil-quċċata tat-teknoloġija. Għadd ta’ studji xjentifiċi kkonfermaw il-loġika ta’ dan l-adattament tal-politika ekonomika għal-livell ta’ żvilupp. Dawn l-istudji juru li l-istess miżuri politiċi jistgħu jwasslu għal riżultati differenti skont il-livell ta’ żvilupp tal-pajjiż. B’hekk miżura li twassal għal riżultati tajbin f’pajjiż bi produzzjoni high-tech jista’ jkollha effett baxx jew saħansitra negattiv fuq l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiż li qed jipprova jlaħħaq mal-oħrajn.

4.3.   Is-sistema edukattiva hija eżempju tajjeb ta’ dan (7). Jekk wieħed irid jgħolli r-ritorn fuq l-investimenti fis-sistema edukattiva, irid jikkunsidra wkoll il-livell ta’ żvilupp tad-diversi effetti li dan jista’ jkollu: l-edukazzjoni terzjarja ssir iktar importanti hekk kif l-iżvilupp teknoloġiku ta’ pajjiż jiżdied. Min-naħa l-oħra, is-sistemi edukattivi orjentati lejn l-impjieg għandhom it-tendenza li jappoġġjaw il-proċess ta’ rkupru. Aghion et al. (2005) jemmnu li jekk l-investiment fl-edukazzjoni sekondarja jiżdied b’$ 1 000 għal kull persuna, ir-rata tat-tkabbir ta’ pajjiż li jinsab fil-quċċata tal-iżvilupp teknoloġiku togħla b’madwar 0,27 %, filwaqt li investiment bħal dan f’pajjiż inqas żviluppat teknoloġikament iwassal biss għal żieda ta’ madwar 0,10 % tar-rata tat-tkabbir. Fil-pajjiżi teknoloġikament avvanzati, il-persuni b’edukazzjoni terzjarja jistgħu jagħtu prestazzjoni aħjar għax il-pajjiż iħeġġeġ ukoll innovazzjoni iktar radikali li tista’ tiġi implimentata biss permezz tar-riċerka xjentifika.

4.4.   Kwalifiki ogħla b’hekk iwasslu għal flessibbiltà ikbar fl-għażla tat-teknoloġija. Madwar 60 % tad-differenza bejn it-tkabbir tal-pajjiżi Ewropej u tal-Istati Uniti huwa marbut mal-konċentrazzjoni qawwija tas-sistema edukattiva Ewropea fuq l-edukazzjoni professjonali jew sekondarja (Krueger – Kumar, 2004). Is-soċjetajiet tal-informazzjoni jeħtieġu kwalifiki bażiċi u livell ta’ edukazzjoni ogħla li jappoġġja l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u l-ħolqien ta’ setturi ġodda b’kumpaniji ġodda. L-enfasi storika – u tajba għall-proċess ta’ rkupru – li dejjem issir fl-Ewropa fuq l-edukazzjoni sekondarja ssir ostakolu għat-tkabbir hekk kif pajjiż jilħaq il-quċċata tal-iżvilupp teknoloġiku.

4.5.   Fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ekonomika, l-Unjoni Ewropea tħabbat wiċċha ma’ għaqda eteroġena ta’ pajjiżi. Minħabba din l-eteroġeneità, ġeneralment l-implimentazzjoni tal-politiki titħalla f’idejn l-Istati Membri sabiex dawn isibu soluzzjonijiet li huma adattati għall-kundizzjonijiet lokali (8). Madankollu, huwa ovvju li linji gwida politiċi komuni jistgħu u għandhom jiġu diskussi, ikkoordinati u implimentati mid-diversi Stati Membri sabiex l-istrateġija magħżula jkollha l-impatt mixtieq. Din l-istqarrija hija appoġġjata mill-interdipendenza li teżisti fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Il-progress miksub minn Stat Membru huwa ta’ benefiċċju għall-Istati Membri l-oħra iżda l-istrateġiji opportunistiċi m’għandhomx jitqiesu bħala attitudni aċċettabbli.

4.6.   Huwa ovvju li ma jistax ikun hemm strateġija unika għal kulħadd. L-unika sistema effikaċi hija ġabra ta’ miżuri adattati għal kull pajjiż individwali. Huwa importanti wkoll li wieħed jagħraf li hekk kif pajjiż jilħaq il-quċċata tal-iżvilupp teknoloġiku, l-istrutturi u l-istrateġiji tal-politika ekonomika tiegħu jkollhom jiġu mmodifikati, għax l-għodod eżistenti, spiss żviluppati fuq perijodi ta’ għexieren ta’ snin, mhux qed ikollhom l-effett mixtieq jew saħansitra l-ebda effett u għalhekk saru – mill-inqas parzjalment – ineffiċjenti. L-istess jgħodd – għalkemm b’modalitajiet opposti – għall-pajjiżi fil-fażi ta’ rkupru. Jekk dawn jimplimentaw l-istess strateġiji bħall-pajjiżi li jinsabu fil-quċċata tal-iżvilupp teknoloġiku, ikunu qegħdin jagħżlu wkoll soluzzjoni ineffiċjenti. Kull strateġija Ewropea għalhekk għandha tispjega kif wieħed jista’:

isaħħaħ il-koeżjoni kif ukoll il-prestazzjonijiet ta’ suċċess bil-konsiderazzjoni tal-livell ta’ żvilupp ekonomiku;

ifassal objettivi u miżuri li jaqblu man-natura orizzontali ta’ ħafna oqsma ta’ politika (pereżempju l-ambjent, l-innovazzjoni) u li, minkejja l-bżonn ta’ koordinazzjoni, ikunu jistgħu jiġu implimentati b’mod effiċjenti;

jistabbilixxi t-tqassim tax-xogħol bejn il-livell Ewropew u dak tal-Istati Membri skont il-loġika tas-sistema;

jagħmel lil dawn il-miżuri vinkolanti u jistabbilixxi s-sanzjonijiet għal min jiksirhom.

4.7.   L-istrutturi u l-mekkaniżmi għal politika bħal din jeżistu fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa u għandhom jiġu implimentati “biss” fil-forma adegwata u b’kontenut xieraq. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, il-parametri essenzjali huma magħrufin u ilhom ħafna jiġu diskussi. Kulma jonqos hija r-rieda politika sabiex issir bidla kemm fl-ekonomija reali kif ukoll fis-soċjetajiet Ewropej.

5.   Biblijografija:

Acemoglu, D. Aghion, P., Zilibotti, F, Appropriate Institutions for Economic Growth, 2006.

Aghion, P., A Primer on Innovation and Growth, Bruegel Policy Brief 02, 2006.

Aghion, P., Bloom, N., Blundell, R., Griffith, R., Howitt, P., Competition and Innovation: An Inverted-U Relationship, Quarterly Journal of Economics, Vol. 120, No. 2, pp. 701-728, 2005.

Aghion, P., Blundell, R., Griffith, R., Howitt, P., Prantl, S., The Effects of Entry on Incumbent Innovation and Productivity, NBER Working Paper 12027, 2006.

Aghion, P., Boustan, L., Hoxby, C., Vandenbussche, J., Exploiting States’ Mistakes to Identify the Causal Impact of Higher Education on Growth, Working Paper, Harvard University, 2005.

Aghion, P., Fally, T., Scarpetta, S., Credit Constraints as a Barrier to the Entry and Post-Entry Growth of Firms: Lessons from Firm-Level Cross Country Panel Data, 2006.

Aghion, P., Marinescu, I., Cyclical Budgetary policy and Economic Growth: What Do We Learn from OECD Panel Data? , 2006.

Aho, E., (Chairman), Cornu, J., Georghiou, L., Subirá, A., Ein innovatives Europa schaffen, Bericht der unabhängigen Sachverständigengruppe für FuE und Innovation, eingesetzt im Anschluss an das Gipfeltreffen in Hampton Court, 2006

Breuss, F., Die Zukunft Europas, in: BMWA, Das österreichische Außenhandelsleitbild – Globalisierung gestalten – Erfolg durch Offenheit und Innovation, Wien, 2008

Cedefop, Future skill needs in Europe, Medium-term forecast, 2008.

De la Fuente, A., Das Humankapital in der Wissensbasierten globalen Wirtschaft, Teil II: Bewertung auf der Länderebene, Abschlussbericht für die EU-Kommission Beschäftigung und Soziales, 2003.

Falk, M. Sectoral Innovation Performance, Evidenc from CIS 3 micro-aggregated data, Europe Innova, 2007, http://www.europe-innova.org.

Falk, M., Unterlass, F., Determinanten des Wirtschaftswachstums im OECD-Raum, Teilstudie 1, WIFO-Weißbuch, 2006.

Falk, R. Hölzl, W., Leo, H., On the Roles and Rationales of European STI Policies, WIFO Working Paper, 299/2007.

Falk, R., Leo, H., “What Can Be Achieved By Special R&D Funds When There is No Special Leaning Towards R&D Intensive Industries?”, WIFO Working Papers, 2006, (273).

Gerschenkron, A., “Economic Backwardness in Historical Perspective”, Harvard University Press, 1962.

Giddens, A., Liddle, R., Diamond, P. (eds.), Global Europe, Social Europe, Polity Press, Cambridge, United Kingdom, 2006.

Gordon, R. J., Issues in the Comparison of Welfare Between Europe and the United States, Paper presented to Bureau of European Policy Advisers, “Change, Innovation and Distribution” Brussels, 04 December 2007

Griffith, R., Redding, S., Van Reenen, J., Mapping the Two Faces of R&D: Productivity Growth in a Panel of OECD Industries, The Review of Economics and Statistics, 86 (4): 883 – 895, 2004.

Hollanders, H., Innovation Modes: Evidence at the Sector Level, Europe-Innova, Innovation Watch, 2007, http://www.europe-innova.org.

Hölzl, W., Friesenbichler, K. Final Sector Report Gazelles, Sectoral Innovation Watch, Europe Innova, 2008, www.europe-innova.org

Kommission der Europäischen Gemeinschaften (KEG), Umsetzung des Lissabon-Programms der Gemeinschaft: Ein politischer Rahmen zur Stärkung des Verarbeitenden Gewerbes in der EU – Auf dem Weg zu einem stärker integrierten Konzept für die Industriepolitik, KOM(2005) 474 endgültig, Brüssel, 5.10.2005.

Krueger, D., Kumar, K., US-Europe Differences in Technology-Driven Growth: Quantifying the Role of Education, Journal of Monetary Economics, 2004.

Leo, H., Reinstaller, A., Unterlass, F., Motivating sectoral analysis of innovation Performance, Europe Innova, 2007, http://www.europe-innova.org.

Nicoletti, G., Scarpetta, S., Regulation, Productivity and Growth: OECD Evidence, Economic Policy, 18:36 9, 2003.

OECD, Education at a Glance, OECD, 2006.

Peneder, M., Entrepreneurship and technological innovation, An integrated taxonomy of firms and sectors, Europe Innova, Wifo, 2007, http://www.europe-innova.org

Sapir, A. et al. “An Agenda for a Growing Europe”. Oxford University Press, 2004.

Vandenbussche, J., Aghion, P., Meghir, C., Growth, Distance to Frontier and Composition of Human Capital, Journal of Economic Growth, Vol. 11, No. 2, pp 97-127, 2006.

Brussell, 22 ta’ Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ovvjament, l-Istrateġija ta’ Liżbona hija ferm iktar wiesgħa mill-kwistjonijiet li qed inqajmu f’dan id-dokument. Għal iktar informazzjoni, ara: http://ec.europa.eu/growthandjobs/index_en.htm

(2)  Il-koordinazzjoni politika tħeġġeġ il-produzzjoni ta’ servizzi pubbliċi (pereżempju l-informazzjoni u l-għarfien, il-ħarsien tal-ambjent u tal-klima) u għandha impatt estern pożittiv. Il-interdipendenza ekonomika fl-Ewropa, li kulma jmur qiegħda dejjem tikber, qed toħloq sitwazzjonijiet esterni li l-koordinazzjoni politika biss tista’ żżid l-effetti pożittivi u tnaqqas l-effetti negattivi tagħhom.

(3)  B’mod ġenerali, l-UE żammet pożizzjoni mexxejja fil-kummerċ internazzjonali, kemm fis-settur tal-prodotti kif ukoll f’dak tas-servizzi. L-ekonomija Ewropea qiegħda tmexxi s-suq f’għadd kbir ta’ oqsma industrijali b’livell teknoloġiku medju u għall-prodotti li jużaw il-kapital b’mod intensiv. Il-punti ta’ tħassib huma d-defiċit kummerċjali mal-Asja u l-prestazzjoni batuta tal-UE meta mqabbla ma’ dik tal-Istati Uniti fil-qasam tat-TIK (ara CCMI 043).

(4)  Il-bidla strutturali tiġi mill-istabbilimenti l-ġodda, mid-diversifikazzjoni ta’ kumpaniji eżistenti u mill-ftuħ ta’ kumpaniji ġodda.

(5)  Hawnhekk tintuża l-frażi “intensivi fir-riċerka” bi skop għax is-separazzjoni f’setturi high-tech, medium-tech u low-tech fuq il-bażi tal-fondi allokati għar-Riċerka u l-Iżvilupp tissottovaluta l-applikazzjoni teknoloġika f’ħafna oqsma ekonomiċi. Jekk wieħed jikkunsidra wkoll l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji żviluppati xi mkien ieħor fi prodotti u proċessi ta’ produzzjoni, jara li ħafna mill-oqsma li fil-klassifikazzjoni klassika huma meqjusa bħala low-tech huma pjuttost oqsma medium-tech jew high-tech (ara Peneder, 2007).

(6)  Is-Cedefop tqis li “L-impjieg totali fl-Ewropa huwa mistenni jikber b'iktar minn 13-il miljun post tax-xogħol bejn l-2006 u l-2015. Dan jinkludi żiediet ta' kważi 12.5 miljun impjieg fl-iktar livell ta' kwalifika għoli (bejn wieħed u ieħor il-livelli ISCED 5 u 6) u kważi 9.5 miljun impjieg fil-livell medju (livelli ISCED 3 u 4). Mill-banda l-oħra, ix-xogħlijiet mingħajr kwalifiki jew bi ftit kwalifiki (livelli ISCED 0-2) naqsu b'iktar minn 8.5 miljun post tax-xogħol.” Sors: Cedefop, Future skill needs in Europe: Medium-term forecast, 2008.

(7)  B’mod ġenerali, wieħed jista’ jqis li l-investiment fil-kapital uman iġib riżultati tajbin ħafna: jekk wieħed iżid l-attendenza skolastika medja b’sena, l-output potenzjali tal-ekonomija nazzjonali jiżdied b’6 % (De la Fuente, 2003).

(8)  Anke jekk biż-żmien jeħtieġ li dan it-tqassim tal-kompetenzi jiġi rivedut, stqarrija dwar dan tmur lil hinn mit-tema ta’ din l-opinjoni (ara Falk – Hölzl - Leo, 2007).