52008DC0870

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar is-selettività fis-sajd għall-merluzz bit-tkarkir fil-Baħar Baltiku /* KUMM/2008/0870 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 16.12.2008

KUMM(2008) 870 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar is-selettività fis-sajd għall-merluzz bit-tkarkir fil-Baħar Baltiku

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar is-selettività fis-sajd għall-merluzz bit-tkarkir fil-Baħar Baltiku

1. L-għan u Daħla

L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound jesiġi mingħand il-Kummissjoni li din tippreżenta lill-Kunsill “(…) abbażi ta' parir mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd, (...) valutazzjoni tas-selettività għall-merluzz tat-tagħmir attiv li għalih il-merluzz ikun rikonoxxut bħala speċi mmirata.” . Skont l-ambitu tal-Artikolu 7, l-irkaptu li jintuża fis-sajd bit-tkarkir biss huwa kopert.

Il-valutazzjoni tirrigwarda rkaptu tat-tkarkir, tartaruni Daniżi u rkaptu simili b’malji ta’ ≥ 105mm li jkollu jew tieqa tal-ħruġ Bacoma inkella manka T90, (li fiha l- malji fil-manka u l-parti ta’ estensjoni tkun imdawra 90° ); peress li dawn huma ż-żewġ sistemi ta’ selettività użati fis-sajd tal-Merluzz fil-Baltiku. Id-deskrizzjonijiet dettaljati taż-żewġ partijiet anċillari tal-irkaptu huma speċifikati fl-Appendiċi tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

Il-valutazzjoni twettqet mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES)[1]. Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF)[2] ġie mistieden jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-valutazzjoni. Dan ir-rapport jagħti sinteżi tal-pariri mill-ICES u mill-STECF, kif ukoll paragun tas-selettività tal- manka T90 u t-tieqa tal-ħruġ Bacoma . Tipprovdi wkoll ħarsa lejn il-ħsieb wara s-selettività mtejba, l-ewwel ġabra ta’ suġġerimenti dwar kif dan jista’ jinkiseb, u t-triq ‘il quddiem.

2. Il-Konklużjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet tal-ICES u l-STECF

L-ICES tikkonkludi li ż-żewġ disinja ta’ Bacoma u T90 tabilħaqq huma selettivi u jagħtu piż ta’ retensjoni (L50 = 50% tal-ħut ta’ dan it-tul jinżamm fix-xibka) ekwivalenti għad-Daqs Minimu tal-Ħatt l-Art (MLS) għall-merluzz ta’ 38cm. Ma hemmx evidenza ċara ta’ diskrepanzi fis-selettività bejn iż-żewġ irkapti. Rimarki addizzjonali mill-ICES jikkonċernaw il-vantaġġi u l-iżvantaġġi taż-żewġ irkapti f’termini ta’ prattiċità, il-benefiċċji perċepiti fil-kwalità tal-ħut inkella l-effiċjenza fil-konsum tal-fjuwil. L-ICES tirrakkomanda wkoll studji u analiżijiet addizzjonali.

L-STECF tappoġġa s-sejbiet tal-ICES u tikkonkludi li abbażi tal-informazzjoni disponibbli ma kienx possibbli li titwieġeb il-mistoqsija ta’ jekk ix-xbieki tat-tkarkir Bacoma u T90 għandhomx karatteristiċi simili ta’ selettività inkella le. L-STECF tinnota wkoll li “ ix-xejra attwali ta’ sfruttar tal-merluzz mis-sajd bit-tkarkir tippermetti l-qbid ta’ merluzz immatur. Dan jirriżulta f’utilizzazzjoni ineffiċjenti tal-istokkijiet tal-merluzz fil-Baltiku. Xejra mtejba ta’ sfruttar, b’mortalità mnaqqsa fuq l-individwi ta’ età żgħira ma tipprovdix biss rendiment ogħla iżda tikkontribwixxi għall-irkupru tal-istokk tal-merluzz tal-Lvant. Għalhekk l-STECF tirrakkomanda li għandhom jiġu kkunsidrati l-miżuri li jirriżultaw f’xejriet imtejba ta’ sfruttar għall-merluzz tal-Baltiku.

3. ANALIżI DETTALJATA TAL-ISTQARRIJA

3.1. Is-selettività

Il-konklużjonijiet dwar is-selettività huma bbażati fuq analiżi mgħoddija li kienet saret mill-ICES[3], minħabba n-nuqqas ta’ studji reċenti dwar is-selettività, partikolarment fuq il-Bacoma. L-ICES madankollu tqis riżultati preliminarji minn żewġ studji Pollakki u Ġermaniżi dwar is-selettività, l-aktar fuq it-T90[4].

Skont il-konklużjonijiet tal-ICES kemm it-twieqi Bacoma kif ukoll il-manka T90 jagħtu L50 ta’ 38-40cm, li huwa ekwivalenti għall-MLS għall-merluzz ta’ 38cm. Għat-T90, l-analiżi preliminari tad-dejta Ġermaniża u dik Pollakka tagħti L50 ta’ madwar 41 cm, u meded ta’ selezzjoni ta’ 4.8 sa 6.5cm. Kumplessivament ma setgħet tinsab l-ebda differenza fis-selettività bejn iż-żewġ irkaptu, iżda madankollu, ma setax jiġi eskluż.

3.1.1. Ir-rwol tal-għadd ta’ malji fiċ-ċirkonferenza tal-manka

L-analiżi li saret aktar kmieni mill-ICES tuża settijiet ta’ dejta antiki fuq manki T90. Il-maġġoranza ta’ dawn is-settijiet tad-dejta inkisbu minn esperimenti bl-użu ta’ manki b’għadd akbar ta’ malji fiċ-ċirkonferenza mill-massimu attwali permess bil-liġi, jiġifieri 50. Madankollu, analiżi ta’ mudellar li saret dan l-aħħar fid-Danimarka[5], u wkoll rapporti oħra, jindikaw li ċ-ċirkonferenza tal-manka hija ta’ rilevanza għolja fuq is-selettività, irrispettivament minn jekk il-manka hijiex ta’ malji djamant standard inkella waħda T90. Tnaqqis fl-għadd ta’ malji fiċ-ċirkonferenza tal-malja naqqas is-selettività b’mod drammatiku. Għalhekk huwa plawżibbli li s-selettività tal-manka T90 determinata mill-analiżi aktar kmien (b’numru ogħla ta’ malji) ma jqisx biżżejjed is-selettività attwali għat-T90. L-istudji reċenti li għamlu l-Polonja u l-Ġermanja fuq it-T90, kif intqal hawn fuq, jappoġġaw din it-teorija.

3.1.2. Ir-rwol tal-volum tal-qabda u l-kompożizzjoni tal-qabda

Il-volum tal-qabda u l-kompożizzjoni tal-qabda jistgħu jaffettwaw is-selettività tal-irkpatu Bacoma u T90 rispettivament. Jeżistu indikazzjonijiet, kemm mill-osservaturi u mis-sajjieda li t-tieqa Bacoma disponibbli bħalissa, hija effikaċi meta l-qabdiet ikunu iżgħar minn madwar żewġ tunnellati kull refgħa. Meta l-qabdiet ikunu akbar, u speċjalment meta jkunu jinkorporaw l-aktar merluzz ta’ madwar id-daqs minimu tal-ħatt l-art, il-karatteristiċi tas-selettività abbażi tad-daqs jagħtu riżultati mhux sodisfaċenti. Dan huwa konformi mal-istudji preċedenti u huwa marbut mad-daqs tat-tieqa Bacoma.

Għat-T90, l-istudji fuq il-manka juru li s-selettività ma tiddependix daqshekk fuq il-volum tal-qabda iżda aktar fuq il-kompożizzjoni tal-qabda. Konċentrazzjoni għolja ta’ ħut ċatt fil-manka tnaqqas il-karatteristika selettiva tax-xibka għall-merluzz. Għalhekk l-ICES tirrakkomanda li miżuri tekniċi kumplimentari, bħall-għeluq fil-ħin reali f’żoni b’konċentrazzjonijiet għolja ta’ ħut ċatt jew merluzz ta’ daqs żgħir wisq.

3.1.3. Daqs Minimu għall-Ħatt l-Art (MLS)

Iż-żewġ għażliet ta’ rkaptu, Bacoma u T90, jagħtu ekwivalent ta’ L50 għall-MLS fil-każ ta’ merluzz ta’ 38cm.

Attwalment L 25 (25% tal-ħut ta’ dan it-tul jinżamm fix-xibka) jikkoinċidi ma’ tul ta’ merluzz fil-medda ta’ bejn 35-38cm, kemm għall-Bacoma u t-T90 li kieku jkun objettiv aktar selettiv ta’ ġestjoni.

3.1.4. Ir-rimi

L-ammont stmat ta’ rimi mis-sajd kollu fuq l-istokkijiet tal-merluzz tal-Punent u tal-Lvant tal-Baltiku huwa pprovdut mill-Grupp ta’ Ħidma tal-ICES dwar il-Valutazzjoni tas-Sajd tal-Baltiku (WGBFAS). Skont l-aħħar rapport tagħhom[6], ir-rimi żdied minn 1600 tunnellata fl-2005 għal aktar minn 4000 tunnellata fis-sena fl-2006 u l-2007. L-ICES tqis li l-kawża probabbli ta’ din iż-żieda fir-rimi lura hija l-klassijiet b’saħħithom tas-snin 2003 u l-2005, li żdiedu mal-istokk li seta’ jinqabad, iżda li kienu ftit akbar mill-MLS.

Ir-rata ta’ rimi għall-merluzz tal-Baltiku attwalment hija stmata għal madwar 10% tal-qabda skont il-piż. Selettività miżjuda tnaqqas dan il-perċentwal u tipprovdi għal irkupru mtejjeb tal-istokkijiet u rendimenti ogħla.

3.2. Aspetti addizjonali

3.2.1. L-aċċettazzjoni mis-sajjieda

Mill-informazzjoni kollha disponibbli jidher li teżisti dikotomija ċara fil-preferenza għall-irkapti bejn l-Istati Membri.

- Is-sajjieda Daniżi u Żvediżi jippreferu biċ-ċar li jużaw it-tieqa Bacoma;

- Is-sajjieda mill-Istati Membri l-oħra, partikolarment il-Polonja u l-Ġermanja, iqisu l-manka T90 bħala l-aktar alternattiva attraenti.

Jidher li l-ebda għażla ma hija perfetta biex jiġu ottimizzati l-qabdiet jew jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-rimi, u t-tnejn huma aktar aċċettabbli għas-sajjieda minn sempliċement żieda fid-daqs tal-malji.

3.2.2. Irkaptu anċillari

Fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005, jissemmew diversi rkapti anċillari li jista’ jkollhom effett negattiv fuq is-selettività inkella li jistgħu jintramaw b’mod illegali biex jirrestrinġu l-ftuħ tal-malji. L-użu ta’ sottovesti tan-naħa ta’ isfel, sufruni kbar għall-“irkupru” marbuta mal-lett, flappers u ċineġ fit-tond, jista’ jkollu effett fuq is-selettività skont kif jintramaw. Il-ħtieġa dejjem preżenti għal dan l-irkaptu anċillari, għal raġunijiet ta’ saħħa tal-irkaptu u ta’ sikurezza għalhekk għandha tkun ibbilanċjata mal-effetti negattivi tagħhom fuq is-selettività.

3.3. Studji ta’ segwitu rakkomandati mill-ICES u l-STECF

L-ICES U l-STECF jirrakkomandaw it-twettiq ta’ studji sabiex jiżdied l-għarfien tat-tieqa Bacoma u l-manka T90 u sabiex tiġi ċċarata d-differenza bejniethom. Il-lista’ ta’ studji proposti tinkorpora:

- Sperimenti strutturati, iddisinjati speċifikament biex jiġu mqabbla s-selettività bejn il-manki T90 u t-twieqi Bacoma u sabiex jiġi evalwat l-effett tal-ħxuna tal-ispag, iċ-ċirkonferenza tal-manka u d-daqs tal-malji.

- L-Istudji fuq is-selettività b’daqsijiet tal-qabdiet li jiżdiedu u l-kompożizzjoni tal-qabdiet bil-manki Bacoma u dawk T90;

- Investigazzjoni tal-potenzjal għal miżuri tekniċi kumplimentari bħall-għeluq fil-ħin reali, inkella skont iż-żona, fil-Baltiku;

- Reviżjoni xierqa tal-impatt potenzjali tan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli permezz tal-informazzjoni mill-Istati Membri;

- Reviżjoni tar-regolament attwali rigward l-irkaptu anċillari permissibbli eż. sottovesti, sufruni ta’ rkupru eċċ, sabiex jiġi stabbiliti jekk għadhiex teżisti l-ħtieġa biex ikomplu jintużaw.

4. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li minkejja li r-rati ta’ rimi huma relattivament baxxi fis-sajd għall-merluzz bit-tkarkir fil-Baltiku, hemm lok għal selettività akbar u għal miżuri oħra biex jitnaqqas ir-rimi. Jekk titqies ir-rakkomandazzjoni tal-STECF li l -“miżuri li jirriżultaw f’xejriet imtejba ta’ sfruttar għall-merluzz tal-Baltiku għandhom jiġu kkunsidrati”, il-Kummissjoni tixtieq tesplora l-possibbiltà li tiżdied is-selettività fis-sajd għall-merluzz bit-tkarkir fil-Baltiku u jiġi evitat ir-rimi.

Il-Kummissjoni tqis ix-xejra pożittiva attwali fl-istokk tal-merluzz tal-Lvant tal-Baltiku bħala opportunità li żżid is-selettività mingħajr telf ekonomiku kbir għall-industrija tas-sajd tal-Baltiku. Il-Baħar Baltiku, li huwa nofsu magħluq, li fih isir sajd li huwa fil-biċċa l-kbira għal speċijiet individwali, jikkostitwixxu wkoll kandidat xieraq għal ġestjoni msejsa kompletament fuq l-approċċ ekosistemiku b’livelli mnaqqsa ferm ta’ rimi, kemm ta’ speċijiet kummerċjali kif ukoll ta’ speċijiet mhux kummerċjali. L-effetti fuq perjodi medji u perjodi itwali ta’ approċċ bħal dan għandu jkun kwoti għola tal-qabdiet u sajd li jkun ekoloġikament u ekonomikament f’qagħda ta’ saħħa aħjar.

Dan l-aħħar il-Kummissjoni kisbet l-appoġġ mill-RAC tal-Baħar Baltiku[7][8] (il-BSRAC) għat-tnaqqis tar-rimi lura u t-titjib tas-selettività fil-Baħar Baltiku. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hemm ħafna miżuri possibbli għal dan l-approċċ, inkluż twieqi Bacoma akbar, daqs akbar tal-malji fit-T90, daqs akbar tal-malji fit-tieqa Bacoma, żieda fid-daqs tal-malji kumplessivi, tnaqqis tal-għadd ta’ malji fiċ-ċirkonferenza tal-malja, skema pilota għall-evitar tal-merluzz ta’ età żgħira, għeluq fil-ħin reali eċċ. Il-Kummissjoni tilqa’ inizjattivi oħra mill-Istati Membri u l-RAC tal-Baħar Baltiku f’dan il-kuntest u se torganizza laqgħat mal-Istati Membri u mal-RAC tal-Baħar Baltiku sabiex tiddiskuti l-proġetti pilota li jevalwaw miżuri differenti. Il-Kummissjoni se tikkunsidra r-riżutlat tal-proġetti pilota għat-tnaqqis tar-rimi lura u selettività mtejba, tissuġġerixxi miri, u possibbilment miżuri regolatorji ġodda, jekk u meta jitqies neċessarju.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tixtieq tindika li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew tas-Sajd, jipprovdi diversi dispożizzjonijiet li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri għall-finijiet ta’ selettività akbar. Ċerti eżempji jinvolvu tibdil fl-irkaptu tas-sajd, għajnuna għall-irkaptu sabiex jitnaqqas l-impatt fuq speċijiet mhux kummerċjali, għajnuna għal bastimenti iżgħar sabiex itejbu l-ġestjoni u l-kontroll tal-aċċess għal ċerti żoni tas-sajd u għajnuna għal azzjonijiet kollettivi bħall proġetti pilota. Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-mezzi eżistenti għall-promozzjoni tal-proġetti pilota biex itejbu s-selettività fis-sajd għall-merluzz fil-Baltiku.

[1] ICES, 8,3,3,3 (2007). Ir-risposta tal-ICES għall-UE dwar is-selettività tal-irkaptu attiv immirat għall-merluzz fil-Baħar Baltiku.

[2] Dokument ta’ Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni, STECF (2008): Il-parir tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd dwar is-selettività tal-irkaptu attiv immirat għall-merluzz fil-Baħar Baltiku.

[3] ICES (2004), Rapport tal-grupp ta’ Ħidma ICES-FAO dwar it-teknoloġija tas-Sajd u l-imġiba tal-ħut (WGFTFB), 20-23 ta’ April 2004, Gdynia, il-Polonja. ICES CM 2004/B:05.189 pp; ICES (2005), Rapport tal-grupp ta’ Ħidma ICES-FAO dwar it-teknoloġija tas-Sajd u l-imġiba tal-ħut (WGFTFB), 18-22 ta’ April 2005, Ruma l-Italja. ICES CM 2005/B:04.283 pp

[4] Moderhak W., 2007. Is-selettività fis-sajd għall-merluzz bit-tkarkir – valutazzjoni tas-selettività fuq il-merluzz mill-irkaptu tattiv, li għalih il-merluzz huwa rikonoxxut bħala speċi fil-mira skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005. Komunikazzjoni mill-Polonja lill-Kummissjoni Ewropea: Is-16 ta’ Awwissu 2007.

Wienbeck H., 2007. 579 Cruise Report of FRV Solea from 7/9/2007-28/9/2007. L-Istitut għat-Teknoloġija tas-sajd u l-ekonomija tas-Sajd, Hamburg, il-Ġermanja. Qiegħed jitħejja attwalment.

[5] Herrmann B., Priour D., and Krag L.A., 2007. Simulation-based study of the combined effect on cod-end size selection of turning meshes by 90° and reducing the number of meshes in the circumference for round fish. Fisheries Research 84 (2007) 222-232.

[6] ICES CM 2008 / ACOM : 06

[7] BSRAC (2008); Rakkomandazzjonijiet dwar is-sajd għall-ispeċijiet tal-ħut tal-Baħar Baltiku fl-2009.

[8] RAC tal-Baltiku (2008); Kummenti dwar id-dokument ta’ Konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rimi