52008DC0798

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u llll-kumitat tar-reġjuni - Pjan ta' Azzjoni għall-firem-e u l-identifikazzjoni-e biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' servizzi pubbliċi transkonfinali fis-Suq Uniku /* KUMM/2008/0798 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 28.11.2008

KUMM(2008) 798 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta' Azzjoni għall-firem-e u l-identifikazzjoni-e biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' servizzi pubbliċi transkonfinali fis-Suq Uniku

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta' Azzjoni għall-firem-e u l-identifikazzjoni-e biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' servizzi pubbliċi transkonfinali fis-Suq Uniku

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. Daħla 3

1.1. Kwistjonijiet indirizzati mill-Pjan ta' Azzjoni 3

1.2. Il-qafas attwali għall-firem-e u l-identifikazzjoni-e fil-livell tal-UE 4

1.2.1. Id-Direttiva dwar il-Firem-e 4

1.2.2. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern-e i2010 5

1.3. It-tisħiħ tal-interoperabbiltà transkonfinali tal-firem-e u l-identifikazzjoni-e 5

2. L-ewwwl parti: Azzjonijiet biex tissaħħaħ l-interoperabbiltà transkonfinali tal-firem-e 6

2.1. Firem elettroniċi kwalifikati u l-firem elettroniċi avvanzati msejsa fuq ċertifikat kwalifikat 7

2.2. Firem elettroniċi avvanzati 8

3. It-tieni parti: Azzjonijiet biex tissaħħaħ l-interoperabbiltà transkonfinali tal-identità elettronika 10

4. Monitoraġġ u implimentazzjoni 12

1. DAħLA

1.1. Kwistjonijiet indirizzati mill-Pjan ta' Azzjoni

Fil-qafas tal-Istrateġija ta' Liżbona, l-UE impenjat ruħha li ttejjeb l-ambjent ġuridiku u amministrattiv sabiex tixpruna l-potenzjal tan-negozju. It-tpoġġija onlajn tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, u l-faċilità li l-intrapriżi u l-individwi jikkomunikaw elettronikament ma' amministrazzjonijiet pubbliċi transkonfinali, jikkontribbwixxu għall-ħolqien ta' ambjent li jiffavorixxi l-intraprenditorija u jiffaċilita l-kuntatt taċ-ċittadini mal-awtoritajiet pubbliċi.

Il-komunikazzjonijiet elettroniċi qegħdin isiru dejjem aktar importanti f'ħafna aspetti tal-ħajja ekonomija u pubblika. L-awtoritajiet pubbliċi madwar l-Ewropa bdew joffru aċċess elettroniku għas-servizzi tal-gvern. Meta jagħmlu hekk qed jikkonċentraw l-aktar fuq il-ħtiġijiet u l-mezzi nazzjonali, u dan wassal għal sistema komplikata b'soluzzjonijiet differenti. Din is-sitwazzjoni fiha r-riskju li toħloq ostakli ġodda għas-swieq transkofinali u li tfixkel il-funzjonament tas-suq uniku għall-intraprizi u ċ-ċittadini.

L-ostakli prinċipali għall-aċċess transkonfinali għas-servizzi elettroniċi tal-amministrazzjoijiet pubbliċi huma marbuta mal-użu tal-identifikazzjoni elettronika (identifikazzjoni-e) u tal-firem elettroniċi (firem-e). L-istess kif jiġri f'ambjent mhux elettroniku, xi proċeduri elettroniċi jistgħu jkunu jeħtieġu identifikazzjoni u firem. Għalhekk l-aċċess għall-proċeduri elettroniċi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi ta' spiss jimplika l-ħtieġa li l-individwi involuti jidentifikaw irwieħhom (jiġifieri jippermettu lill-amministrazzjoni tiżgura li l-persuni tassew huma min qed jgħidu li huma, billi tivverifika l-kredenzjali personali tagħhom[1]) u l-ħtieġa li jipprovdu firma elettronika li tippermetti lill-amministrazzjoni tidentifika lill-firmatarju kif ukoll tiżgura li d-dejta ppreżentata ma nbidlitx matul it-trażmissjoni. L-ostaklu prinċipali huwa n-nuqqas ta' interoperabbiltà, kemm jekk tkun legali, teknika jew organizzattiva.

Il-qafas attwali tal-Unjoni Ewropea joffri strumenti orizzontali u settorjali biex jiffaċilita u jtejjeb l-użu tal-firem-e u tal-identifikazzjoni-e. Id-Direttiva dwar il-Firem-e[2] tistabbilixxi r-rikonoxximent legali tal-firem elettroniċi u l-qafas ġuridiku biex tippromwovi l-interoperabbiltà tagħhom. Għadd ta' rekwiżiti prattiċi, tekniċi u organizzattivi jeħtieġu li jintlaħqu sabiex tinkiseb din l-interoperabbiltà.

Barra minn hekk, l-interoperabbiltà effettiva hija wkoll meħtieġa jekk l-Istati Membri għandhom jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikolari skont l-istrumenti speċifiċi tas-suq intern. Diversi inizjattivi tas-suq intern jipprevedu li n-negozji għandhom ikun f'pożizzjoni li jużaw mezzi elettroniċi sabiex jikkomunikaw mal-entitajiet pubbliċi, jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jagħmlu negozju transkonfnali.

Id-Direttiva tas-Servizzi tobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li, sa tmiem l-2009[3], il-fornituri tas-servizzi jkunu jistgħu jimlew elettronikament u mill-bogħod il-proċeduri u l-formalitajiet kollha meħtieġa biex jipprovdu attività ta' servizz. Dan jimplika, fost l-oħrajn, il-possibbiltà ta' identifikazzjoni transkofinali tal-fornituri tas-servizzi u l-awtentikazzjoni tad-dejta ppreżentata.

Id-Direttivi dwar l-Akkwist Pubbliku[4] għandhom l-għan li jippromwovu l-iżvilupp u l-użu tal-mezzi elettroniċi fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku, b'potenzal ta' ffrankar ta' spejjeż sostanzjali għan-negozji[5]. L-Istati Membri jistgħu jirregolaw il-livell tal-firma elettronika meħtieġa skont l-obbligi tad-Direttiva dwar il-Firem-e, u jistgħu jirrestrinġu l-għażla tal-awtoritajiet kontraenti għal firem kwalifikati[6].

Il-fatturazzjoni elettronika – it-trasferiment elettroniku tat-tagħrif tal-fatturazzjoni (il-kontijiet u l-ħlas) bejn is-sħab fin-negozju (fornitur u xerrej) – hija parti essenzjali mill-katina ta' forniment finanzjarja effikaċi. Bil-għan li tiġi akkumpanjata ż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro, għaddej xogħol biex titħejja inizjattiva ta' fatturazzjoni-e (il-Kummissjoni Ewropea waqqfet grupp ta' esperti li tqabbad jistabbilixxi Qafas Ewropew ta' Fatturazzjoni Elettronika sal-2009) b'iktar iffrankar għan-negozji[7].

L-għan ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni huwa għalhekk li joffri qafas komprensiv u prammatiku sabiex tinkiseb l-interoperabbiltà tal-firem-e u l-identifikazzjoni-e, li għandha tissemplifika l-aċċess tal-interprizi u taċ-ċittadini għas-servizzi pubbliċi elettroniċi transkonfinali. Biex jilħaq dan il-għan, il-Pjan ta' Azzjoni jikkonċentra fuq għadd ta' kwistjonijiet prattiċi, organizzattivi u tekniċi, u b'hekk jikkomplementa l-qafas ġuridiku eżistenti.

1.2. Il-qafas attwali għall-firem-e u l-identifikazzjoni-e fil-livell tal-UE

1.2.1. Id-Direttiva dwar il-Firem-e

Id-Direttiva dwar il-Firem-e ġiet adottata fl-1999 sabiex tippromwovi r-rikonoxximent ġuridiku tal-firem elettroniċi u tiżgura ċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-prodotti, t-tagħmir u s-servizzi tal-firem-e fi ħdan is-suq uniku. Madankollu, analiżi ġuridika u teknika tal-użu prattiku tal-firem-e turi li hemm problemi ta' interoperabbiltà li bħalissa qed jillimitaw l-użu transkonfinali tal-firem-e. L-analiżi tenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ aktar effikaċi ta' rikonoxximent reċiproku. Il-frammentazzjoni minħabba n-nuqqas ta' interoperabbiltà transkonfinali x'aktarx li taffettwa s-servizzi tal-gvern-e b'mod partikolari, li llum huma l-ikbar kanal għat-tranżazzjonijiet li jużaw il-firem-e[8].

1.2.2. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern-e i2010

Fir-rigward tal-identifikazzjoni-e transkonfinali, għad ma hemmx strument Komunitarju li fuqu tista tissejjes azzjoni fil-livell Komunitarju. Minkejja dan, il-Kummissjoni tappoġġa (kemm politikament kif ukoll finanzjarjament) attivitajiet li għandhom l-għan li jsibu soluzzjonijiet għall-identifikazzjoni-e interoperabbli fil-livell tal-UE. F'dan ir-rigward, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern-e i2010[9], adottat mill-Kummissjoni Ewropea fil-25 ta' April 2006, iqis il-ġestjoni tal-identità elettronika interoperabbli (eIDM) bħala wieħed mill-fatturi ta' importanza kritika li jippermetti l-aċċess għas-servizzi pubbliċi. L-importanza tal-eIDM interoperabbli ġiet rikonnoxxuta mill-Istati Membri li daħlu għall-impenn ċar li jiżguraw li "sal-2010 li ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej ikunu jistgħu jgawdu mezzi elettroniċi żguri u konvenjenti, maħruġa fil-livelli lokali, reġjonali jew nazzjonali u li jikkonformaw mar-regoli tal-protezzjoni tad-dejta, biex jidentifikaw lilhom infushom mas-servizzi pubbliċi fl-Istat Membru tagħhom jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor" .

1.3. It-tisħiħ tal-interoperabbiltà transkonfinali tal-firem-e u l-identifikazzjoni-e

Minkejja d-dispożizzjonijiet ġuridiċi eżistenti u l-impenji politiċi mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, jeħtieġ approċċ aktar koordinat u komprensiv biex jiffaċilita l-użu transkonfinali tal-identifikazzjoni-e u l-firem-e fil-prattika. Dan huwa essenzjali biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq uniku.

Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi fil-Komunikazzjoni tagħha "Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21" tal-20 ta' Novembru 2007 li jiġi adottat Pjan ta' Azzjoni dwar il-firem-e u l-awtentikazzjoni-e[10].

Dan il-Pjan ta' Azzjoni għandu l-għan li jgħin lill-Istati Membri jimplimentaw soluzzjonijiet rikonnoxxuti reċiprokament u interoperabbli tal-firem elettroniċi u tal-identifikazzjoni-e, sabiex jiffaċilita l-forniment ta' servizzi pubbliċi transkonfinali f'ambjent elettroniku. Jistipula azzjonijiet speċifiċi għall-firem-e (l-ewwel parti) u għall-identifkazzjoni-e (it-tieni parti). Għalkemm il-Pjan ta' Azzjoni jikkonċentra l-aktar fuq l-applikazzjonijiet għall-gvern-e, l-azzjonijiet issuġġeriti għandhom ukoll ikunu ta' ġid għall-applikazzjonijiet fin-negozju ġaladarba l-mezzi li għandhom jiddaħħlu jistgħu jintużaw ukoll fit-tranżazzjonijiet bejn Negozju u Ieħor (B2B) u bejn Negozju u l-Konsumaturi (B2C).

Waqt il-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa ta' Marzu 2008, il-Kapijiet tal-Istati jew tal-Gvernijiet stqarrew li huwa kruċjali li jiddaħħlu soluzzjonijiet transkonfinali interoperabbli għall-firem elettroniċi u l-awtentikazzjoni-e sabiex jittejjeb il-funzjonament tas-'Suq-e Uniku'.

Il-Kummissjoni għandha tagħti sehemha fl-iżvilupp ta' tweġiba koordinata għall-kwistjonijiet tal-interoperabbiltà billi ssegwi l-progress u tigwida lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni.

2. L-EWWWL PARTI: AZZJONIJIET BIEX TISSAħħAħ L-INTEROPERABBILTÀ TRANSKONFINALI TAL-FIREM-E

Il-mira ewlenija tad-Direttiva dwar il-Firem-e hija li jinħoloq qafas Komunitarju għall-użu tal-firem elettroniċi, li jippermetti l-fluss liberu ta’ prodotti u servizzi transkonfinali b’firem elettroniċi u li jiżgura rikonoxximent ġuridiku bażiku tal-firem elettroniċi.

Id-Direttiva tindirizza tliet forom ta’ firem elettroniċi. L-ewwel waħda hija l-"firma eletronika sempliċi". Din għandha tifsira wiesgħa. Isservi għall-identifikazzjoni tal-persuna li ffirmat u għall-awtentikazzjoni tad-dejta. Tista’ tkun sempliċiment l-iffirmar ta' messaġġ emajl b'isem il-persuna jew bl-użu ta’ kodiċi PIN. It-tieni forma hija l-"firma eletronika avvanzata" (AES) . Din il-forma ta' firma l-ewwel jeħtiġilha li tintrabat unikament mal-firmatarju, t-tieni jeħtiġilha tkun kapaċi tidentifika l-firmatarju, it-tielet il-mezzi jeħtiġilhom ikunu tali li jkunu jistgħu jinżammu taħt il-kontroll sħiħ tal-firmatarju u r-raba' jeħtiġilha tintrabat mad-dejta b'tali mod li kwalunkwe tibdil sussegwenti fid-dejta jiġi identifikat (ara l-Artikolu 2.2 tad-Direttiva). It-tielet forma, "firma elettronika kwalifikata" ( QES ) tikkonsisti minn firma elettronika avvanzata msejsa fuq ċertifikat kwalifikat ( QC ) u maħluqa minn tagħmir għall-ħolqien tal-firem żguri. Toffri l-ogħla livell ta' sigurtà li d-dejta ġejja mingħand minn suppost bagħatha u li d-dejta trasmessa ma ġietx imbagħbsa.

Il-prinċipju ġenerali tar-rikonoxximent ġuridiku japplika għat-tliet tipi kollha ta' firem elettroniċi stabbiliti mid-Direttiva. Dan ifisser li l-ebda waħda ma tista' tiġi rrifjutata purament minħabba li tkun f'forma elettronika (ara l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar il-Firem-e). Ma' dan, l-Artikolu 5.1 jiddikjara preżunzjoni ġuridika ta' ekwivalenza bejn firma-e kwalifikata u firma bl-id. L-aċċettazzjoni transkonfinali tal-firem-e tapplika biss madankollu għal-livell kwalifikat, peress li l-Artikolu 4.2 jistabbilixxi ċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-prodotti tal-firem-e li jikkonformaw mad-Direttiva (fil-prattika jiġifieri li jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-firem kwalifikati kif stabbiliti fl-annessi għad-Direttiva).

L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li meta japplikaw rekwiżiti addizzjonali għall-firem-e użati fis-settur pubbliku abbażi tal-Artikolu 3.7 tad-Direttiva, dawn ir-rekwiżiti ma joħolqux ostakli għas-servizzi transkonfinali, f'konformità mal-bażi tas-suq intern tad-Direttiva[11].

Flimkien mal-ħtieġa għall-implimentazzjoni korretta ta' dawn l-obbligi tad-Direttiva dwar il-Firem-e, għadd ta' kwistjonijiet tekniċi u organizzattivi għandhom jiġu indirizzati biex itejbu l-użu transkonfinali tal-firem-e fil-prattika.

2.1. Firem elettroniċi kwalifikati u l-firem elettroniċi avvanzati msejsa fuq ċertifikat kwalifikat

Huwa mistenni li l-użu transkonfinali tal-firem-e kwalifikati ( QES ) u l-firem-e avvanzati msejsa fuq iċ-ċertifikati kwalifikati ( AES imsejsa fuq QC ) jistgħu jittejbu relattivament malajr[12]. Iż-żewġ tipi ta' firem igawdu status ġuridiku ċar skont id-Direttiva dwar il-firem-e, jiġifieri l-preżunzjoni tal-ekwivalenza għal firma bl-id għall- QES u l-obbligu ġuridiku tal-Istati Membri biex jirrikonoxxu ċ-ċertifikati kwalifikati ta' xulxin. Ma' dan, diġà jeżisti xogħol sostanzjali fil-qasam tal-istandardizzar taż-żewġ tipi ta' firem ( QES u AES imsejsa fuq QC ).

Fil-prattika, l-ostaklu ewlieni għall-użu transkonfinali tal-firem-e jinsab fin-nuqqas ta' fiduċja fil-firem-e li joriġinaw minn Stati Membri oħra, u d-diffikultajiet marbuta mal-validazzjoni ta' dawn il-firem.

L-ewwel nett, sabiex tiżdied il-fiduċja fil-firem-e li ġejjin mill-Istati Membri l-oħra, min jirċievi għandu jkun jista' jivverifika l-istatus tal-Fornituri tas-Servizzi taċ-Ċertifikazzjoni (CSPs) li joħorġu ċertifikati kwalifikati fl-Istati Membri l-oħra. Id-Direttiva dwar il-Firem-e (l-Artikolu 3.3) lill-Istati Membri tobbligahom jiżguraw li tiġi stabbilita sistema xierqa għas-superviżjoni tal-Fornituri tas-Servizzi taċ-Ċertifikazzjoni li joħorġu ċertifikati kwalifikati u li huma stabbiliti fit-territorju tagħhom.

It-tieni, sabiex jivvalida QES jew AES msejsa fuq QC li toriġina minn Stat Membru ieħor, min jirċievi għandu bżonn jivverifika l-"kwalità" tal-firma. Dan ifisser li minn jirċievi għandu jkun jista' jivverifika jekk il-firma hix firma elettronika avvanzata u jekk hix sostnuta b'ċertifikat kwalifikat maħruġ minn Fornitur tas-Servizzi taċ-Ċertifikazzjoni taħt superviżjoni (ara l-ispjega dwar is-superviżjoni (l-Artikolu 3.3) hawn fuq). Fil-każ ta' QES , għandu wkoll ikun jista' jivverifika jekk il-firma hix sostnuta b'tagħmir għall-ħolqien tal-firem żguri.

Dan it-tagħrif kollu jista' fil-prinċipju jittieħed mill-firma nnfisha u mill-kontenut taċ-ċertifikat kwalifikat. Fil-preżent, madankollu, huwa diffiċli li jinkiseb dan it-tagħrif minħabba d-differenzi fl-użu tal-istandards u l-prattiċi eżistenti. Dawn iwasslu għal ambitu u kwalità differenti tat-tagħrif li jista' effettivament jinqara mill-firma u ċ-ċertifikat riċevuti. Dan imbagħad joħloq piż żejjed fuq min jirċievi, li hemm mnejn ikollu jivvaluta individwalment kull firma li toriġina minn Stat Membru ieħor.

Il-proċess tal-validazzjoni għall-firem-e jista' għalhekk jiġi ffaċilitat billi min jirċievi jingħata t-tagħrif meħtieġ dwar il-Fornituri tas-Servizzi taċ-Ċertifikazzjoni li huma rrikonnoxxuti u taħt superviżjoni fil-livell nazzjonali u billi tingħata gwida dwar l-implimentazzjoni tal-istandards u l-prattiċi eżistenti li jippermettu l-interoperabbiltà.

Sabiex tħejji l-azzjonijiet meħtieġa biex iżżid il-fiduċja u tiffaċilita l-validazzjoni transkonfinali tal-firem-e, il-Kummissjoni qed twettaq studju biex tanalizza r-rekwiżiti għall-użu transkonfinali tal-firem elettroniċi ( QES u AES msejsa fuq QC ). L-istudju jikkonċentra b'mod partikolari fuq il-mudell tas-superviżjoni għall-fornituri tas-servizzi taċ-ċertifikazzjoni kwalifikata; l-istabbiliment ta' "Lista ta' Fiduċja ta' Fornituri taħt superviżjoni tas-Servizzi taċ-Ċertifikazzjoni kwalifikata"; il-profili taċ-ċertifikati kwalifikati maħruġa minn FSĊ taħt superviżjoni fl-Istati Membri; il-profil tat-tagħmir għall-ħolqien ta' firem żguri u l-format tal-firem kwalifikati/avvanzati. L-istudju huwa msejjes fuq u jqis id-dispożizzjonijiet relevanti tad-Direttiva dwar il-Firem-e, l-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom u l-ħidma eżistenti ta' standardizzazzjoni msejsa fuq id-Direttiva[13].

Azzjonijiet:

- Sat-tielet kwart tal-2009 : Il-Kummissjoni għandha taġġorna d-Deċiżjoni 2003/511/KE[14], li tistabbilixxi l-lista tal-istandards ġeneralment rikkonoxxuti għall-prodotti tal-firem-e u għandha tistudja l-estensjoni possibbli tad-deċiżjoni għal prodotti oħra tal-firem-e minn dawk koperti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni attwali (pereżempju l-profili taċ-ċertifikati kwalifikati u tat-tagħmir għall-ħolqien ta' firem żguri). Dan għandu jgħin biex titjieb is-sitwazzjoni kumplikata attwali tal-istandardizzazzjoni u jgħin lill-partijiet interessati biex jimplimentaw l-istandards b'mod interoperabbli.

- Sat-tieni kwart tal-2009 : il-Kummisjoni għandha tħejji "Lista ta' Fiduċja ta' Fornituri taħt superviżjoni tas-Servizzi taċ-Ċertifikazzjoni kwalifikata" fil-livell Ewropew. Din il-lista għandha tiċċentralizza t-tagħrif kollu meħtieġ fuq il-fornituri eżistenti, u taħt superviżjoni tas-servizzi taċ-ċertifikazzjoni kwalifikata sabiex tiffaċilita l-proċess tal-validazzjoni tal-firem-e msejsa fuq iċ-ċertifikati kwalifikati.

- Sat-tielet kwart tal-2009 : il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi linji gwida u gwida dwar ir-rekwiżiti komuni biex tgħin lill-partijiet interessati jimplimentaw il-QES jew l-AES msejsa fuq il-QC b'mod interoperabbli.

- Ħidma għaddejja bħalissa: L-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu t-tagħrif meħtieġ lill-Kummissjoni regolarment, u fejn meħtieġ, jieħdu l-passi li joħorġu mill-azzjonijiet fuq il-firem-e kif imsemmi aktar 'il fuq.

2.2. Firem elettroniċi avvanzati

L-użu transkonfinali tal-firem elettroniċi avvanzati ( AES ) joħloq kwistjonijiet ta' interoperabbiltà simili ħafna ta' dawk diskussi aktar 'il fuq għall-firem elettroniċi kwalifikati u l-firem avvanzati akkumpanjati b'ċertifikat kwalifikat. Madankollu, fil-prattika s-sitwazzjoni fir-rigward tal- AES hija aktar kumplikata, għax bħalissa hemm aktar diffikultajiet ġuridiċi, tekniċi u organizzattivi marbuta mal- AES milli hemm mal- QES .

L-Artikolu 2.2 tad-Direttiva dwar il-Firem-e jiddefinixxi l-firem elettroniċi avvanzati b'mod ġeneriku. Dan wassal lill-Istati Membri biex jużaw soluzzjonijiet tekniċi differenti ħafna flimkien ma' livelli differenti ta' sigurtà. L-Istati Membri jistgħu wkoll jimponu soluzzjonijiet speċifiċi nazzjonali għall-applikazzjonijiet speċifiċi, b'hekk joħolqu aktar ostakli għall-użu transkonfinali tal-firem elettroniċi avvanzati.

Skont id-Direttiva dwar il-Firem-e l- AES ma għandux l-istess status ċar ġuridiku ta' ekwivalenza għall-firem bl-id kif għandu l- QES . L-Istati Membri huma biss obbligati li ma jirrifjutawx effett ġuridiku lill- AES minħabba l-forma elettronika tagħhom. Dan ifisser li l-Istati Memrbri għandhom aktar libertà dwar liema soluzzjoni tal-firem elettroniċi avvanzati jaċċettaw (jew ma jaċċettawx), skont ir-rekwiżiti speċifiċi tal-applikazzjoni konċernata. Aktar minn hekk, għalkemm fil-prinċipju AES minn Stat Membru ieħor jista' jiġi aċċettat jekk jissodisfa r-rekwiżiti tal-applikazzjoni konċernata, id-diversità ta' soluzzjonijiet tekniċi disponibbli tista' tagħmel l-aċċettazzjoni fil-prattika ta' AES diffiċli.

F'dan il-kuntest, kemm il-validazzjoni ta' AES mill-parti li qed tirċievi u l-valutazzjoni tal-valur ġuridiku tagħha jew il-livell ta' sigurtà f'applikazzjoni speċifika hija biċċa xogħol iebsa li preżentament ta' spiss titlob li l-valutazzjoni u t-trattament tal-firem riċevuti jsiru waħda waħda. Biex tiffaċilita l-użu transkonfinali tal- AES , għandhom jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji li lill-parti li tirċievi jippermettulha tafda u tivvalida l- AES li toriġina minn kwalunkwe Stat Membru ieħor, simili għal dawk ta' QES u AES msejsa fuq QC.

Bħala l-ewwel pass, għandu jittejjeb it-tagħrif fuq l- AES li qed jintuża bħalissa fl-applikazzjonijiet tal-gvern-e. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha taġġorna l-profili eżistenti tal-pajjiżi relevanti maħruġa fl-2007 fl-istudju IDABC dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-firem-e għall-applikazzjonijiet tal-gvern-e u tagħmilhom aċċessibbli onlajn.

Madankollu, id-diversità ta' soluzzjonijiet għall- AES li jeżistu fil-preżent u li għalihom japplikaw rekwiżiti differenti fl-Istati Membri (fosthom il-kriterji tas-superviżjoni) jagħmluha mhux prattikabbli li, fi ħdan il-qafas ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni, titfassal politika komuni u kriterji komuni għall- AES . Fl-istess ħin, sabiex jiġu evitati sforzi multipli ta' validazzjoni fl-Istati Membri kollha – li huma l-akbar ostaklu għall-interoperabbiltà transkonfinali – għażla minnhom tista' tkun li r-responsibbiltajiet tal-verifika u l-validazzjoni jiġu ddelegati lil mekkamiżmu ċentralizzat jew imqassam ta' servizz tal-validazzjoni, fi sforz sabiex gradwalment jitneħħa l-ostaklu prinċipali għall-interoperabblità tal- AES .

Il-Kummissjoni, permezz ta' studju dwar il-fattibbiltà, għandha teżamina l-għażliet disponibbli għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu bħal dan għall-validazzjoni fil-livell tal-UE. B'mod partikolari, l-istudju għandu jeżamina r-rekwiżiti ġuridiċi, tekniċi u operazzjonali ta' servizz bħal dan, fosthom il-possibbiltà tal-ħtieġa għal livelli tar-rekwiżiti definiti b'mod komuni għat-tipi differenti ta' AES b'konċentrazzjoni inizjali fuq l- AES użati fl-applikazzjonijiet tal-gvern-e. Jekk jista’ jkun, ir-riżultati tal-istudju dwar il-fattibbiltà għandhom ukoll jiddaħħlu fil-proġett pilota fuq skala kbira dwar l-akkwist pubbliku-e transkonfinali bl-isem 'PEPPOL' ('L-Akkwist Pubbliku Onlajn Pan Ewropew' [Pan European Public Procurement Online]) li kien varat mill-Kummissjoni u diversi Stati Membri f'Mejju 2008 bħala parti mill-Programm ta' Appoġġ għall-Politka tat-Teknoloġiji tal-Informatika u tal-Komunikazzjoni (ICT PSP)[15].

Barra mill-istudju ta' hawn fuq, il-Kummissjoni għandha tispeċifika b'aktar preċiżjoni l-azzjonijiet li possibbilment huma meħtieġa sabiex jippromwovu l-użu transkonfinali tal- AES imsejjes fuq ir-riżulati tal-ħidma li għaddejja u l-progress milħuq fl-użu u r-rikonoxximent transkonfinali ta' QES u AES msejsa fuq QC .

Azzjonijiet:

- Sat-tieni kwart tal-2009 : il-Kummissjoni għandha taġġorna l-profili tal-pajjiżi tal-istudju[16] IDABC (Forniment Interoperabbli tas-Servizzi Ewropej tal-Gvern-e lill-Amministrazzjonijiet pubbliċi, lin-Negozji u liċ-Ċittadini)[17] dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-firem-e għall-applikazzjonijiet tal-gvern-e.

- Sat-tieni kwart tal-2009 : il-Kummissjoni għandha tistudja l-fattibbiltà (f'termini tar-rekwiżiti ġuridiċi, operazzjonali u tekniċi) ta' servizz federali Ewropew tal-validazzjoni. Abbażi tar-riżultati tal-istudju tal-fattibbiltà, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk timplimentax u kif timplimenta dan is-servizz ta' validazzjoni.

- Sal-2010 : il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar azzjonijiet ulterjuri meħtieġa biex jiffaċilitaw l-użu transkonfinali tal- AES imsejsa fuq ir-riżulati tal-ħidma li għaddejja u l-progress milħuq fl-użu u r-rikonoxximent transkonfinali ta' QES u AES msejsa fuq QC .

- Wara r-riżultati tal-istudju tal-fattibbiltà tas-servizz federali Ewropew tal-validazzjoni u suġġett għal dawn ir-riżultati, l-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif rilevanti kollu u jiżguraw il-kooperazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, b'mod partikolari dawk meħtieġa għall-ħolqien tas-servizz tal-validazzjoni.

- L-Istati Membri huma mistiedna jittestjaw, suġġett għal dak li joħroġ mill-istudju tal-fattibbiltà dwar servizz federat Ewropew tal-validazzjoni u għal qbil mal-konsorzju, is-servizz tal-validazzjoni fil-proġett pilota fuq skala kbira dwar l-akkwist pubbliku-e transkonfinali bl-isem 'PEPPOL' ('L-Akkwist Pubbliku Onlajn Pan Ewropew') tas-CIP[18].

3. IT-TIENI PARTI: AZZJONIJIET BIEX TISSAħħAħ L-INTEROPERABBILTÀ TRANSKONFINALI TAL-IDENTITÀ ELETTRONIKA

Illum, l-Istati Membri jużaw sistemi tal-ġestjoni tal-identità elettronika (e-IDM) bħala parti mill-modernizzazzjoni tal-forniment tas-servizzi. Il-Ġestjoni tal-Identità Elettronika hija element prinċipali għall-forniment ta' kwalunkwe servizz-e. Min-naħa, l-identifikazzjoni-e lill-individwi li jużaw il-proċeduri elettroniċi tiżguralhom li ma jsir l-ebda użu mhux awtorizzat tal-identità u d-dejta personali tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-amministraturi jkunu jistgħu jiżguraw li l-individwi tassew ikunu min qed jiddikjaraw li huma u li jkollhom id-drittijiet li qed jiddikjaraw li għandhom (pereżempju li jirċievu s-servizz mitlub).

Xi Stati Membri diġà qed iħaddmu sistemi tal-identifikazzjoni-e għall-aċċess għall-proċeduri elettroniċi tal-amministrazzjonijiet ta' dawn l-Istati Membri. Mandankollu l-mezzi tekniċi jvarjaw ħafna, anki jekk ix-xejra tal-lum hija lejn l-użu tal-karti elettroniċi tal-Identità.

Il-mezzi tal-identifikazzjoni-e ġew implimentati mingħajr koordinazzjoni bejn l-Istati Membri. Madankollu l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet-e hija prerekwiżit ulterjuri għall-aċċess transkonfinali għas-servizzi-e pubbliċi. Mingħajr l-użu ta' mekkaniżmu interoperabbli tal-identifikazzjoni-e fi ħdan l-Unjoni, fil-prattika jinħolqu ostakli ġodda, li jmorru kontra l-istrumenti tas-suq intern li qed jippruvaw itejbu l-funzjonament tas-suq intern.

F'livell politiku, id-Dikjarazzjonijiet Ministerjali fl-2005 u l-2007[19] sejħu għall-użu ta' sistema interoperabbli tal-ġestjoni tal-identità fl-Ewropa biex liċ-ċittadini u lin-negozji tippermettilhom jidentifikaw irwieħhom meta jkunu meħtieġa jagħmlu hekk mill-amministrazzjonijiet pubbliċi.

Qed jitħejjew ċerti azzjonijiet komuni sabiex tinstab soluzzjoni għall-identifikazzjoni-e transkonfinali li tkun kapaċi tuża s-soluzzjonijiet eżistenti tal-identifikazzjoni. Bħal fil-każ tal-firem-e, qed titfittex soluzzjoni orizzontali li jistgħu joqogħdu fuqha l-applikazzjonijiet settorjali u li tkun imsejsa fuq l-aċċettazzjoni reċiproka tal-mekkaniżmi ta' xulxin tal-identifikazzjoni. Mandankollu, hemm bżonn li jissolvew għadd ta' kwistjonijiet biex ikun jista' jsir użu u aċċettazzjoni transkonfinali tal-identifikazzjoni-e fil-prattika.

Bħala l-ewwel pass, skont l-ICT PSP li diġà ssemma, proġett pilota fuq skala kbira (imsejjaħ "STORK") jindirizza speċifikament l-interoperabbiltà tal-identifikazzjoni-e fis-servizzi pubbliċi. Il-proġett pilota STORK iqis mudell ta' interoperabbiltà tal-identità elettronika rikonnoxxut reċiprokament fl-Istati Membri kollha, imma li jippermetti lill-Istati Membri li jżommu s-sistemi u l-prattiċi tagħhom.

Il-proġett pilota għandu jkun l-ewwel pass lejn l-interoperabbiltà. Huwa mistenni li jindika soluzzjonijiet f'oqsma speċifiċi li mbagħad ikunu jistgħu jiġu estiżi għal oqsma oħra. Barra minn dan u skont ir-riżultati tal-proġett pilota, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk u x'azzjonijiet addizzjonali huma meħtieġa wara li jkunu ħarġu r-riżultati fl-2012[20].

Azzjonijiet:

- Sal-aħħar tal-2009: Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-profili tal-pajjiżi tal-istudju tal-IDABC dwar "l-Interoperabbiltà tal-ID-e għas-Servizzi Pan Ewropej tal-Gvern-e". Dan għandu jippermetti lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex iżommu mal-iżviluppi fl-użu tal-ID-e fl-Istati Membri.

- Sal-aħħar tal-2009: Il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tniedi stħarriġiet speċifiċi, kumplimentari u b'sostenn għall-proġett STORK dwar l-użu tal-ID-e fl-Istati Membri (pereżempju b'sostenn għal aktar żvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet komuni għall-interoperabbiltà tal-identifikazzjoni-e).

- Wara li joħorġu r-riżultati tal-proġett STORK : Il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk humiex meħtieġa azzjonijiet addizzjonali, u liema, biex jippermettu l-użu effettiv tal-ID-e mal-Ewropa kollha.

- Sal-2012: L-Istati Membri huma mistiedna jindikaw soluzzjonjiet għall-użu transkonfinali tal-ID-e fil-proġett pilota STORK.

4. MONITORAġġ U IMPLIMENTAZZJONI

L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet f'dan il-Pjan ta' Azzjoni għandha tiżgura approċċ orizzontali u koordinat biex jiffaċilita u jtejjeb l-użu transkonfinali tal-applikazzjonjiet tal-gvern-e fl-oqsma kollha tas-suq intern. Għandu jikkontribwixxi għall-funzjonament aħjar tas-suq intern billi joffri approċċ komprensiv biex jippermetti lin-negozji u liċ-ċittadini aċċess aktar faċli għas-servizzi transkonfinali tal-Gvern-e. Il-mezzi li għandhom jintużaw għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-qafas attwali u għall-konverġenza ulterjuri tas-soluzzjonjiet tekniċi. Il-valur miżjud għas-settur privat jinsab fl-użu wiesa' tal-għodod li jtejbu l-proċeduri żguri elettroniċi li jistgħu jintużaw ukoll għat-tranżazzjonijiet bejn Negozju u Ieħor u bejn Negozju u l-Konsumatur.

Il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, issegwi l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni; l-għan huwa li tiżgura l-koerenza tal-miżuri ssuġġeriti, tad-diversi rekwiżiti leġiżlattivi fil-livell tal-UE u tal-proġetti relevanti operazzjonali bħall-proġett pilota tas-CIP. B'mod partikolari, għandha tfittex djalogu kontinwu mall-Istat Membri biex jakkompanja dan il-Pjan ta' Azzjoni, fosthom mal-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-kompetitività u mill-politiki tas-suq intern.

L-implimentazzjoni mill-Kummissjoni u l-Istati Membri ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni u l-monitoraġġ tal-progress huma parti mis-segwitu tal-Eżami tas-Suq Uniku. Sena wara l-adozzjoni ta' dan il-Pjan ta' Azzjoni, il-Kummissjoni, flimkien mall-Istati Membri, għandha tibda teżamina l-progress milħuq, bil-ħsieb li fl-2010 tippreżenta rapport dwar il-progess lill-Kunsill. L-Istati Membri huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni t-tagħrif relevanti kollu dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-azzjonijiet proposti biex jiżguraw l-interoperabbiltà transkonfinali.

Abbażi tar-rapport dwar il-progress u diskussjoni mal-Istati Membri fil-fora relevanti, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk hemmx ħtieġa ta' aktar inizjattivi orizzontali u/jew settorjali. [pic]

[1] L-identifikazzjoni hija l-proċess tal-użu tal-attributi ddikjarati jew osservati ta' entità sabiex jiġi stabbilit min hi dik l-entità. It-terminu "identifikazzjoni" jissejjaħ ukoll l-awtentikazzjoni tal-entità. Ktiba tal-ModinisIDM dwar it-Terminoloġija, https://www.cosic.esat.kuleuven.be/modinis-idm/twiki/bin/view.cgi/Main/GlossaryDoc.

[2] Id-Direttiva 1999/93/KE, ĠU L 13, 19.1.00, p. 12 u r-Rapport dwar l-operat tad-Dierettiva dwar il-Firem-e, COM(2006)120 finali.

[3] L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern. Id-data tal-iskadenza għall-implimetazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi hija t-28 ta’ Diċembru 2009.

[4] L-Artikolu 42(5)(b) u l-Anness X għad-Direttiva 2007/18/KE u l-Artikolu 48(5)(b) u l-Anness XXIV għad-Direttiva 2004/17/KE dwar l-akkwist pubbliku.

[5] Għal aktar tagħrif, ara l-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku tal-akkwist pubbliku elettroniku tat-13 Diċembru 2004, COM(2004)841.

[6] Meta jwettqu l-akkwist tagħhom onlajn, ix-xerreja pubbliċi għandhom ikun jistgħu jirċievu u jipproċessaw l-offerti elettroniċi transkonfinali. L-offerti sħaħ elettroniċi huma dossiers ikkumplikati mimlija b'diversi dokumenti u attestazzjonijiet iffirmati elettronikament minn sorsi, oriġini nazzjonali u veduti tekniċi differenti, fosthom traduzzjonijiet iċċertifikati (eż. sabiex tiġi aċċettata l-prova tal-kwalifa ta' fornitur ta' servizz). Dan ifisser li dawk li jfasslu l-politika għandhom jorganizzaw komunikazzjoijiet elettroniċi kumplikati f'ċirkwit miftuħ, jiġifieri fejn min jirċievi t-tagħrif (ix-xerrej pubbliku) ma jkunx jaf minn qabel lill-offerenti potenzjali kollha.

[7] B'mod partikolari, il-Grupp ta' Esperti dwar il-Fatturazzjoni-e ddikjara li l-fatturazzjoni elettronika ma għandiex tiġi imfixkla minn leġiżlazzjoni nazzjonali dissonanti dwar il-firem elettroniċi. L-ambitu ta' dan il-pjan orizzontali ta' azzjoni ma jinkludix il-valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-użu tal-firem elettroniċi għall-konformità tal-VAT (il-firem elettroniċi għall-fatturi jissemmew fid-Direttiva tal-Kunsill dwar is-Sistema Komuni tal-VAT 2006/112 KE (l-Artikolu 233) u l-fatturazzjoni elettronika jew l-ostakli assoċjati u l-azzjonijiet meħtieġa sabiex jitwarrbu dawn l-ostakli.

[8] Il-Kummissjoni Ewropea qegħda wkoll taħdem fuq proġett biex tiffaċilita d-dħul tal-firem elettroniċi fl-iskambji interni u esterni tagħha. Dan il-proġett huwa msejjaħ "Infrastruttura għas-Servizz tal-Firem Elettroniċi" (ESSI) . Dan il-proġett jikkostitwixxi rekwiżit ewlieni biex il-proċessi tal-Kummissjoni Ewropea ma jibqgħux isiru materjalment, kif previst fir-"Regoli għad-dispożizzjoijiet dwar id-dokumenti elettroniċi u diġitalizzati" ( SEC(2005)1578 ).

[9] Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Gvern-e i2010: Inħaffu l-Gvern-e fl-Ewropa għall-Benefiċċju ta' Kulħadd [COM(2006) 173 finali].

[10] B'awtentikazzjoni-e qegħda hawnhekk tiġi mifhuma bħala l-awtentikazzjoni tal-entità, jiġifieri l-identifikazzjoni-e. It-terminu identifikazzjoni-e huwa użat f'dan id-dokument sabiex ikun hemm separazzjoni ċara bejn l-awtentikazzjoni tal-entità u tad-dejta.

[11] L-Artikolu 3. 7 - dawn ir-rekwiżiti addizzjonali għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji u għandhom jirrelataw mal-karatteristiċi speċifiċi tal-applikazzjoni kkonċernata.

[12] Fil-fatt ħidma f'dak ir-rigward diġà qed titqies mill-Istati Membri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi.

[13] F'konfromità mad-Direttiva dwar il-Firem-e, ġew żviluppati standards mis-CEN (il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzar) u mill-ETSI (l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni ) fi ħdan l-EESSI (l-Inizjattiva Ewropea tal-Istandardizzar tal-Firem Elettroniċi).

[14] ĠU L 175, 15.7.2003, p. 45. Din il-lista fiha l-istandards ġeneralment rikkonoxxuti għall-prodotti tal-firem elettroniċi li l-Istati Membri għandhom jippreżumu li huma konformi mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva dwar il-Firem-e.

[15] Parti mill-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni: http://ec.europa.eu/cip

[16] L-għan ta' dan l-istudju (ir-riżultati preliminari huma disponibbli, l-istudju jitlesta fl-2009) huwa li janalizza r-rekwiżiti f'termini ta' interoperabbiltà tal-firem elettroniċi għall-applikazzjonijiet u s-servizzi differenti tal-Gvern-e filwaqt li jqis id-dispożiizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar il-Firem-e u l-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom. L-istudju għandu jipprovdi għal kull applikazzjoni tal-Gvern-e u għal kull Stat Membru, it-tip ta' firma elettronika ġuridikament meħtieġa u r-restrizzjonijiet tekniċi applikabbli.

[17] Il-Programm IDABC ser jintemm f'Diċembru 2009. Il-Kummissjoni pproponiet programm għas-Soluzzjonijiet Interoperabbli għall-Amministrazzjonijiet pubbliċi (ISA) bħala suċċessur tal-programm IDABC.

[18] Il-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni 2007-2013.

[19] http://ec.europa.eu/information_society/activities/egovernment/conferences/2005/index_en.htm http://ec.europa.eu/information_society/activities/egovernment/docs/lisbon_2007/ministerial_declaration_180907.pdf

[20] L-oqsma speċifiċi huma: pjattaforma tal-awtentikazzjoni transkonfinali għas-servizzi elettroniċi; mobbiltà tal-istudenti; bdil tal-indirizz; l-forniment elettroniku tad-dokumenti; l-użu f'sikurezza tal-internet mit-tfal Attwalment huma involuti 13-il Stat Membru u l-Iżlanda, il-proġett fih 29 parteċipant b'kollox (privat u pubbliku).