52008DC0748

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u għas-Sigurtà (MGAS): Għal Qalbna Dinja iżjed Protetta {SEG(2008) 2808} {SEG(2008) 2809} /* KUMM/2008/0748 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.11.2008

KUMM(2008) 748 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u għas-Sigurtà (MGAS): Għal Qalbna Dinja iżjed Protetta

{SEG(2008) 2808}{SEG(2008) 2809}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u għas-Sigurtà (GMES):Għal Qalbna Dinja iżjed Protetta

1. Introduzzjoni

F'nofs is-Seklu 20, għall-ewwel darba stajna naraw lill-pjaneta tagħna mill-ispazju. Mill-ispazju, id-Dinja tidher qisha ballun żgħir u fraġli, maħkuma mhux mill-attività umana, imma mill-formazzjonijiet tas-sħab, tal-oċeani, tal-ħxejjex iħaddru u tal-ħamrija[1].

Is-sistemi spazjali jgħinuna nifhmu l-fraġilità tal-pjaneta tagħna. Huma jipprovdulna l-għodda biex negħlbu l-isfidi li hawn quddiemna l-bnedmin fis-Seklu 21, bħat-theddid għas-sigurtà, id-degradazzjoni tal-ambjent u l-bidla fil-klima. L-osservazzjoni tad-Dinja hija teknoloġija avvanzata u potenti li, bi strumenti kemm fl-ispazju kemm mill-art, hija kapaċi tosserva kull theddid lejn l-ambjent u s-sigurtà tad-Dinja u tipprovdilna informazzjoni f'waqtha u ta' min jista' jafdaha. Għalhekk l-Ewropa ddeċidiet li tiżviluppa kapaċità operattiva indipendenti tagħha permezz tal-inizjattiva tal-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u għas-Sigurtà (GMES). Din id-deċiżjoni tirrifletti s-sens, dejjem jiżdied, ta' responsabbiltà tal-UE fl-affarijiet li jikkonċernaw kemm l-Ewropa kif ukoll id-dinja kollha. L-istabbiliment ta' din is-sistema huwa sinjal ta' għażla strateġika għall-UE, b'impatti dewwiema għall-iżvilupp kontinwu politiku, ekonomiku, soċjali u xjentifiku tal-UE.

S'issa sar ħafna xogħol biex minn idea l-GMES isir realtà. Il-Kunsill għaraf l-importanza tal-osservazzjoni tad-Dinja u approva l-approċċ[2] u laqa' l-inizjattivi[3] tal-Presidenzi tal-UE tal-Awstrija u tal-Ġermanja dwar l-arkitettura u l-amministrazzjoni futuri tal-GMES ibbażati fuq l-isforzi magħquda tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ASE) u tal-Unjoni Ewropea (UE).

Issa l-GMES wasal fil-fażi ta' qabel it-tħaddim. Fl-2011 se jkun teknikament possibbli li nersqu għall-fażi operattiva.

B'hekk il-Kunsill dan l-aħħar[4] reġa' ddikjara l-bżonn li l-GMES jitħaddem malajr. Huwa talab lill-Kummissjoni biex tagħmel pjan dettaljat tal-ħidma li jwassal għat-twaqqif ta' programm tal-UE bi skop li jiggarantixxi d-disponibiltà tas-servizz tal-GMES u tad-dejta kruċjali li tinkiseb mill-osservazzjoni. F'dan il-kuntest stieden[5] lill-Kummissjoni biex, sal-2008, tipproponi l-arranġamenti għall-iffinanzjar, għall-infrastruttura għat-tħaddim u għall-amministrazzjoni effettivi tal-GMES.

Wara konsultazzjoni fil-fond mal-partijiet interessati prinċipali, din il-Komunikazzjoni twieġeb għal dik l-istedina. L-iskop ewlieni tagħha huwa biex tistabbilixxi bidu ta' diskussjonijiet u biex tikkonsolida l-kunsens politiku fost is-sħab diversi interessati sabiex tkun tista' tipproċedi bl-implimentazzjoni tal-ħidma iżjed 'il quddiem.

2. Programm ta' Osservazzjoni tad-Dinja Kkontrollat mill-Utenti: Il-Qagħda Preżenti u t-Tiswir Għall-Futur

Il-GMES se jipprovdi servizzi ta' interess pubbliku. Eżempji ta' dawn huma l-mapep għall-ħidmiet ta' emerġenza; il-monitoraġġ tal-parametri tat-tibdil fil-klima jew il-kompożizzjoni kimika tal-atmosfera. L-UE, l-ASE u l-Istati Membri rispettivi tagħhom diġà stinkaw ħafna fuq l-osservazzjoni tad-Dinja biex jiżviluppaw l-infrastruttura u s-servizzi ta' qabel il-ħidma tal-GMES. Jeħtieġ li l-fażi tal-ħidma tkun assigurata.

Il-GMES jikkonsisti f'dawn it-tliet komponenti li ġejjin:

L-Ispazju

Il-Komponent tal-GMES dwar l-Ispazju jikkonsisti fl-infrastruttura tal-osservazzjoni tal-ispazju li tindirizza l-bżonnijiet għas-servizz ta' dejta b'missjonijiet fejn jiġu osservati l-parametri tal-art, tal-atmosfera u tal-oċeani. Fil-prattika se jiddependi fuq:

- L-infrastruttura Ewropea eżistenti jew ippjanata tal-Ispazju, l-iżjed fuq is-satelliti tal-ASE, tal-UEMETSAT u tal-Istati Membri[6]; u u

- L-infrastruttura spazjali ffinanzjata bi sħab mill-UE u l-ASE.

Fil-Komponent Spazjali jeħtieġ li jkunu milħuqa funzjonijiet differenti li jkopru kull tip ta' infrastruttura spazjali (missjonijiet ta' dimostrazzjoni, elementi tal-bidu u rikorrenti tal-missjonijiet tal-ħidma). Bħalissa, wara analiżi tad-differenzi mmexxija mill-ASE, l-ASE u l-KE flimkien qegħdin jiżviluppaw infrastruttura tal-osservazzjoni spazjali fil-qafas tal-Programm tal-ASE tal-Komponenti Spazjali tal-GMES. Dan il-programm għandu l-mira li jiżviluppa u jimplimenta numru ta' missjonijiet bis-satellita magħrufin bl-isem ta' "is-Sentinelli".

In situ

Il-Komponent In Situ tal-GMES se jiddependi minn numru kbir ta' faċilitajiet, strumenti u servizzi pposseduti u mħaddmin fuq livelli nazzjonali, reġjonali u intergovernattivi kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. L-infrastruttura in situ tipprovdi d-dejta għall-monitoraġġ tal-oċeani, l-uċuh kontinentali u l-atmosfera tad-Dinja. Eżempji ta' dan it-tip ta' dejta jinkludu l-kimika tal-atmosfera u l-kwalità tal-arja, l-għata tas-silġ u l-ħamrija, u d-dejta ġeofiżika fost dejta oħrajn.

Is-Servizzi

Is-servizzi tal-GMES huma l-bażi tal-awtonomija tal-Ewropa fil-provvista tal-informazzjoni mad-dinja kollha. L-iskemi tal-firxa u t-tqassim tas-servizzi tal-GMES għandhom ikunu mfasslin biex jiżguraw implimentazzjoni tal-ħidmiet bbażata fuq il-ħtiġijiet tal-utenti u fuq il-leġiżlazzjoni applikabbli, imma hemm possibbiltà li jkun hemm il-bżonn li jkunu prijoritizzati skont il-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet u tal-politika. It-twassil tal-informazzjoni fil-ħin u effiċjenti fl-ispiża jiddependi ħafna fuq is-suċċess tal-implimentazzjoni tad-Direttiva[7] tal-Komunità Ewropea dwar l-Infrastruttura għall-Informazzjoni Spazjali (INSPIRE), li tipprovdi għall-iżvilupp u t-tpartit tad-dejta għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, notevolment fis-settur tal-ambjent. Is-servizzi tal-GMES se jipprovdu l-prodotti fuq livelli Ewropej u globali.

Fl-2008 ngħata bidu lis-servizzi ta' qabel il-ħidma, li jagħtu t-triq għall-ħidma tal-GMES tal-ġejjieni. F'dan l-istadju, it-tipi ta' servizzi tal-GMES huma dawn:

- Is-Servizzi Marittimi u Atmosferiċi

Dan il-grupp jinkludi s-servizzi għall-monitoraġġ u tbassir sistematiku tal-istat tas-sottosistemi tad-Dinja f'livelli reġjonali u globali, bl-użu ta' mudelli u metodologiji li jeħtieġu kapaċitajiet għolja ta' kalkulu kompjuterizzat u pproċessar. Dawn is-servizzi jipproduċu l-informazzjoni għall-monitoraġġ u l-fehim tad-tibdil fil-klima u jistgħu jgħinu biex jittejjeb is-settur tat-trasport u jiżdied it-tagħrif marittimu meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Politika Integrata Marittima ġdida tal-UE[8].

- Is-Servizzi fuq l-Art, dawk tal-Emerġenza u tas-Sigurtà

Dan il-grupp jinkludi s-servizzi ġeo-informattivi għall-monitoraġġ tal-art, it-tweġiba għall-emerġenzi u l-għodod tas-sigurtà f'livelli nazzjonali, reġjonali, Ewropej u globali.

L-ewwel fażi tal-iżvilupp tal-GMES tat preċedenza lill-istabbiliment tas-servizzi fil-kamp tal-osservazzjoni tad-Dinja għal skopijiet ambjentali u tas-servizzi tal-emerġenza. Issa jeħtieġ li l-iżvilupp tas-servizzi tas-sigurtà jiġi mħaffef. Tinstab opportunità biex jiżdied il-valur tan-netwerk ta' sorveljanza marittima Ewropea li qed tissawwar bħala parti mill-Politika Integrata Marittima tal-UE. Dan se jitlob kooperazzjoni stretta bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni se tipproponi approċċ biex il-GMES jikkontribwixxi fil-monitoraġġ tat-tibdil fil-klima bl-użu ta' elementi tas-servizzi tagħha fl-oqsma tal-atmosfera, tal-art u tal-baħar.

Fil-qasam tal-ambjent is-Sistema għall-Qsim tal-Informazzjoni Ambjentali (STIA)[9] li ġiet proposta għandha l-għan li timmodernizza u tissimplifika l-ġbir, it-tpartit u l-użu tad-dejta u l-informazzjoni meħtieġa għall-politika ambjentali. F'dan il-kuntest, il-GMES fih il-potenzjal li jtejjeb il-fornitura tas-servizzi kemm lil dawk li jfasslu l-politika pubblika kif ukoll liċ-ċittadini.

Sal-lum, is-servizzi tal-GMES għadhom ma tlestewx. Għadhom mhumiex kompletament u permanentament disponibbli mad-dinja kollha. Għad mhemmx garanzija tas-sostenibbiltà tagħhom. Għaldaqstant hu meħtieġ investiment akbar li jinkludi l-infrastruttura spazjali biex jimtlew il-lakuni li għad hemm fis-servizzi tal-GMES u biex ikunu ggarantiti s-sostenibbiltà u l-kredibilità tagħhom. Barra minn hekk se jkun hemm il-ħtieġa li numru ta' atturi ta' natura istituzzjonali diversi jkollhom jinġabru flimkien fuq bażi permanenti, anki biex tkun żgurata rappreżentazzjoni tajba tal-Istati Membri tal-UE u l-ASE u pajjiżi oħrajn involuti permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f'organizzazzjonijiet intergovernattivi. Biex il-GMES jiġi żviluppat b'mod li jkun effiċjenti fl-ispiża jeħtieġ li s-sistema tinbena u tibda tintuża ftit ftit skont id-disponibbiltà tar-riżorsi spazjali u tal-art.

3. Il-GMES: Investiment Pubbliku għat-Tkabbir

Waqt li l-GMES se jkun ta' servizz l-iżjed għall-awtoritajiet pubbliċi, qiegħed ukoll dejjem iżjed jiftaħ l-opportunitajiet għall-użu bħala sors ta' tagħrif għas-settur privat u se jagħti lok għal relazzjonijiet ta' sħubija bejn il-komunitajiet tar-riċerka u tal-kummerċ. L-investiment pubbliku jservi biex iħajjar is-settur industrijali li jfittex modijiet ġodda biex jintegra t-teknoloġiji tal-osservazzjoni, tal-komunikazzjoni u tat-tgħarif u għandu jkollu l-effett li jiffaċilita l-adozzjoni fis-suq billi jżid il-valur tal-fornituri tas-servizzi, ħafna minnhom intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Dan, min-naħa tiegħu, ifisser li kif il-ħidmiet tiegħu jimmaturaw u jkunu ffinanzjati mis-settur privat, l-investiment pubbliku jkun imnaqqas ftit ftit jew indirizzat lejn setturi inqas maturi, skont il-prijoritajiet tal-politiki. B'hekk l-iżvilupp tal-opportunitajiet għas-suq jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jiddeterminaw l-ammont tal-investiment pubbliku, madankollu li dan mhuwiex mistenni jiġri f'medda qasira sa dik medja ta' żmien . Kien x'kien il-każ, il-GMES mistenni li jibqa' primarjament programm iffinanzjat mill-pubbliku.

Biex dan jitwettaq, is-servizzi tal-GMES jeħtieġ li jkunu aċċessibbli b'mod komplet u miftuħ sakemm ma jkunx hemm indikazzjoni għall-kuntrarju minħabba l-interessi tas-sigurtà tal-UE u tal-Istati Membri. Dan, waqt li jinkludi l-prinċipji tas-Sistema tas-Sistemi tal-Osservazzjoni Globali fuq id-Dinja (GEOSS), jgħin biex jinkoraġġixxi l-użu u t-taqsim tad-dejta miġbura mill-osservazzjoni tad-Dinja b'firxa kemm tista' tkun wiesgħa, f'konformità mas-Sistema għat-Tqassim tal-Informazzjoni Ambjentali (SEIS) li ġiet proposta, u skont il-leġislazzjoni eżistenti bħad-Direttiva INSPIRE. Fl-aħħar nett, il-GMES se jesplora ħidmiet flimkien ma' xi sistemi tan-navigazzjoni bis-satellita, notevolment is-sistemi GALILEO u EGNOS, u mas-sistemi tal-komunikazzjoni biex ikun assigurat tagħrif sħiħ għall-utent.

4. Il-Kooperazzjoni Internazzjonali

Minkejja li l-awtonomija Ewropea hija essenzjali għas-servizzi tal-GMES, tibqa' wkoll imperattiva l-kooperazzjoni internazzjonali fl-osservazzjoni tad-Dinja biex il-ħtieġa għat-tagħrif fuq livell globali li għandha l-Ewropa tkun sodisfatta u biex tiġi żviluppata sistema ta' spiża effiċjenti. Il-GMES ma jistax jintuża b'suċċess mingħajr l-iskambju, permezz ta' skemi ta' kooperazzjoni, tad-dejta ekwivalenti miksuba mill-osservazzjoni li jwasslu għat-taqsim tal-ispejjeż tal-infrastruttura għall-osservazzjoni ma' sħab li ma jagħmlux parti mill-UE. Barra minn hekk, huwa biss permezz ta' tattika koordinata li ssieħeb l-atturi prinċipali li tista' tittieħed azzjoni effettiva biex jintegħleb it-theddid ambjentali globali. B'mod partikulari, l-iżvilupp u l-użu bi sħab tal-għodod għall-osservazzjoni tad-Dinja bejn l-atturi prinċipali kollha, wasslu biex dawn jirrikonoxxu l-importanza u l-impatt tal-proċess attwali tal-bidla fil-klima. Għaldaqstant il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita strateġija ta' kooperazzjoni internazzjonali għall-GMES. F'konformità mal-proċess tal-GMES ta' Liżbona, fil-każ tal-Afrika din tkun imfassla bi sħab mal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana bħala parti mill-istrateġija komuni bejn l-UE u l-Afrika.

Il-kooperazzjoni internazzjonali għandha tibni fuq skemi eżistenti ta' kooperazzjoni żviluppati mill-atturi Ewropej nazzjonali u intergovernattivi flimkien mall-kontroparti tagħhom internazzjonali, pereżempju l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija, u tiġi żviluppata f'oqsma ġodda permezz tal-Grupp għall-Osservazzjoni tad-Dinja li qiegħed jikkoordina l-isforzi biex tinbena Sistema ta' Sistemi tal-Osservazzjoni Globali tad-Dinja (GEO), jew GEOSS. Fil-proċess GEO huwa importanti li jkun assigurat l-aċċess għad-dejta miġbura mill-osservazzjoni li mhumiex taħt il-kontroll tal-Ewropa, u li jkun definit il-kontribut Ewropew lejn din il-ħidma internazzjonali. Huwa mistenni wkoll li l-GMES se jkun il-kontribut ewlieni tal-Ewropa lejn il-pjan GEOSS ta' implimentazzjoni globali għal 10 snin.

5. Il-Finanzjament tal-GMES

Il-GMES huwa maħsub biex ikun sistema ta' sistemi li jwasslu servizzi ta' interess pubbliku, u għalhekk huwa mistenni li jkun iffinanzjat primarjament mill-pubbliku. Huwa ċar li hemm interess komuni Ewropew għal proġett bħal dan, imma l-baġit preżenti tal-UE ma għandux kapaċità li jiżviluppah għall-potenzjal sħiħ tiegħu. Meta wieħed jikkonsidra r-restrizzjonijiet finanzjarji u tal-istaff tal-Kummissjoni, kif ukoll il-prinċipju tal-effiċjenza tal-ispiża, f'dan l-istadju tal-iżvilupp, l-uniku mezz possibbli għall-iffinanzjar tiegħu huwa li jiġi żviluppat b'mod modulari. Dan ifisser li kull tkabbir possibbli fil-firxa tas-servizzi tal-GMES li jiġi kkunsidrat, u kull żvilupp ġdid tiegħu se jkun evalwat b'trasparenza bi qbil mal-prinċipji tal-effiċjenza tal-ispiża u l-ħtiġijiet tal-utenti, tal-interessi tal-politika tal-UE u skont il-ħila biex jiġu pprovduti l-istrutturi xierqa tal-iffinanzjar u tal-organizzazzjoni.

Jeħtieġ li jkun hemm transizzjoni bla skossi bejn it-tliet fażijiet li huma kkorrelati b'tali mod li r-riżultat ta' wieħed jista' jkun l-input ta' ieħor: il-fażi tal-wiri, imħallsa mill-fondi għar-R&Ż; fażi ta' qabel l-operazzjoni, imħallsa mill-fondi kemm tar-R&Ż kif ukoll dawk li jingħataw għat-tħaddim ta' proġetti; il-fażi operattiva bil-fondi għat-tħaddim li jingħataw mill-UE, u mill-baġits intergovernattivi u nazzjonali; u rridu nżommu f'moħħna li l-fondi tar-R&Ż jibqgħu ta' ħtieġa waqt il-fażi operattiva biex ikun assigurat l-iżvilupp tal-GMES.

Il-GMES ikun iffinanzjat fuq livelli Ewropej, intergovernattivi kif ukoll nazzjonali, fl-istess ħin. B'hekk il-prinċipji tal-qsim tal-ispejjeż hemm bżonn li jiġu definiti flimkien mal-istima tal-ispejjeż ibbażata fuq il-firxa tas-servizzi pprovduti. Il-bżonnijiet finanzjarji totali tal-GMES se jkunu soġġetti għal analiżi finanzjarja u analiżi tal-estimi dettaljata mmexxija mill-UE.

L-Ispazju

Il-Programm Komunitarju għandu jikkontribwixxi lejn is-sostenibbiltà tal-infrastruttura spazjali, speċjalment lejn id-disponibbiltà fl-orbita l-operazzjonijiet u r-riforniment tal-infrastruttura spazjali li bħalissa huma ffinanzjati mill-ASE u l-KE flimkien sabiex jimtela l-vojt fl-infrastruttura. Għandu wkoll jipprovdi skema ta' fondi għall-aċċess ta' dejta minn infrastrutturi li mhumiex żviluppati mill-ASE.

Il-Kummissjoni se tevalwa l-ispejjeż tal-Komponent Spazjali fuq il-bażi tal-Pjan għal Medda Twila ta' Żmien li hu kkoordinat mill-ASE u se tibda mill-bżonnijiet kurrenti tas-servizz.

In situ

L-infrastruttura in situ hija żviluppata u miżmuma mill-Istati Membri u l-fondi għaliha għandhom jibqgħu r-responsabbiltà tagħhom. Madankollu, biex ikompli t-triq li ttieħdet fil-qasam tal-infrastruttura spazjali, u dipendenti mid-deċiżjonijiet dwar il-kobor u l-firxa tal-baġits tal-UE li ġejjin, il-Programm Komunitarju għandu jikkontribwixxi, fejn hu xieraq, għas-sostenn u l-iżvilupp tal-infrastruttura in situ , l-iżjed billi jħeġġeġ il-ġbir u t-tpartit koordinat tad-dejta minn naħa għal oħra kemm tal-Ewropa kif ukoll tad-dinja kollha. Il-Programm Komunitarju għandu wkoll jikkontribwixxi għall-attivitajiet ta' koordinazzjoni li huma meħtieġa biex tkun iggarantita d-disponibbiltà tas-servizzi tal-GMES. Fejn hemm bżonn, għandu wkoll jistabbilixxi miżuri li jgħinu, pereżempju, l-attivitajiet li jinvolvu iżjed minn pajjiż wieħed u jagħtu sostenn lill-netwerks globali.

Is-Servizzi

Huwa mistenni li l-programm tal-GMES għandu jassigura l-kofinanzjament tas-servizzi operattivi. L-isfida hi biex nikkonsolidaw il-frott tal-investiment kbir li diġà sar kemm fil-qafas tal-programm ta' riċerka tal-UE kif ukoll fuq livelli nazzjonali u intergovernattivi. Il-komunitajiet diversi tal-utenti jistennew li l-UE tiggarantixxi s-sostenibbiltà tas-servizzi tal-GMES u li tapplika l-miżuri li jsostnu l-innovazzjoni u t-twaqqif tiegħu fis-swieq tas-setturi li se jirċievu dawn is-servizzi.

L-ispejjeż għall-komponent tas-servizz ikunu stmati fuq il-bażi tal-firxa tas-servizzi li jiġu identifikati mill-gruppi esperti tal-komunitajiet utenti, fuq studji li saru qabel, u fuq il-bażi tas-servizzi ta' qabel il-ħidma li huma diġà disponibbli[10]

Fuq bażi tal-istimi preċiżi tal-ispejjeż, il-Kummissjoni tagħmel proposta leġiżlattiva biex tiddetermina l-kontribuzzjoni tal-UE għall-fażi tal-ħidma tal-GMES għall-2011-2013. Il-kontribut tal-UE lil hinn mill-2014 għandu jsostni l-operazzjonijiet tal-GMES, soġġetti għall-evalwazzjoni tal-baġit u evalwazzjoni finanzjarja u skont id-disponibbilità tal-fondi meħtieġa u l-istrutturi organizzattivi.

6. Is-Sosteniment tal-Funzjoni tal-Osservazzjoni tad-Dinja L-Amministrazzjoni

Għall-implementazzjoni tal-GMES se jikkontribwixxu numru kbir ta' atturi li jinkludi aġenziji intergovernattivi bħall-ASE, organizzazzjonijiet nazzjonali u reġjonali[11], aġenziji ambjentali, servizzi tal-protezzjoni ċivili, aġenziji spazjali, l-industrija u l-komunitajiet tal-utenti.

Biex il-GMES ikun suċċess, jeħtieġ l-istabbiliment ta' sħubija fost l-atturi diversi mdaħħlin taħt it-tmexxija tal-UE. Dawn is-sħubiji għandhom jassiguraw l-integrazzjoni ta' elementi eżistenti u ġodda, u b'hekk ikun aċċertat li t-teħid tad-deċiżjonijiet ikun ibbażat fuq it-tqassim ċar tar-rwoli u r-responsabbiltajiet u r-responsabbiltà għall-infiq pubbliku, waqt li s-sussidjarjetà tiġi rrispettata u t-trasparenza tkun assigurata. Għandhom ukoll jipprovdu qafas biex dawk l-Istati Membri li jidħlu fi sħab mal-Komunità jkunu żguri mid-disponibbiltà tal-assi tagħhom fuq medda twila ta' żmien.

F'dawn is-sħubiji l-koordinament politiku ġenerali tal-programm tal-GMES għandu jkun f'idejn il-Kummissjoni Ewropea, u dan jinkludi t-tmexxija istituzzjonali, it-tmexxija tal-baġit u tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE, il-kontribut lejn l-iżvilupp tas-suq u l-attivitajiet ta' kooperazzjoni internazzjonali. Skont l-esperjenza li tittieħed mill-implimentazzjoni tal-GMES, jiġu eżaminati arranġamenti għall-organizzazzjoni alternattivi.

6.1. L-Implimentazzjoni Teknika

L-implimentazzjoni teknika tal-programm għandha tkun fdata fil-biċċa l-kbira f'idejn entitajiet Ewropej li jaħdmu flimkien ma' atturi pubbliċi u privati.

L-Ispazju

L-Aġenzija Spazjali Ewropea għandha tikkoordina l-implimentazzjoni tal-komponent spazjali.

L-ASE għandha tassigura d-disponibbiltà fuq tul ta' żmien tal-Komponent Spazjali tal-GMES kemm għall-KE kif ukoll f'isem il-KE bbażata fuq analiżi tal-ħtiġijiet tal-osservazzjoni mill-ispazju skont il-bżonnijiet tas-servizz. Għat-tipi kollha tal-infrastruttura spazjali, din fil-biċċa l-kbira tikkonsisti fil-preparazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-proċess biex jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-Komponent Spazjali; dawn jinkludu:

- il-preparazzjoni ta' Pjan ta' Implimentazzjoni għall-Komponent Spazjali

- is-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dan il-pjan

- il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tar-R&Ż għall-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-osservazzjoni biex isostnu l-evoluzzjoni tal-bżonnijiet tas-servizz kif approvat mill-korpi amministrattivi tal-GMES.

Għall-osservazzjoni globali ta' rutina tal-atmosfera u l-oċeani, l-ASE għandha tassigura l-koordinazzjoni mal-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni tas-Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT), li tagħmel kollegament mal-fornituri tas-servizzi meteoroloġiċi biex tikkompila l-bżonnijiet tagħhom għall-osservazzjonijiet spazjali.

Għall-infrastruttura ġdida tal-komponent spazjali li possibbilment tkun meħtieġa biex jimtela l-vojt fil-provvediment tas-servizzi tal-GMES, l-ASE għandha tingħata wkoll ir-rwol tal-aġent għall-prokura, u fejn hu applikabbli tal-aġent għall-iżvilupp tal-UE u f'isimha. L-ASE għandha tipprovdi l-ispeċifikazzjonijiet għall-missjonijiet miġburin mir-rikjesta għas-servizzi u għandha tagħmel stima tal-konformità tagħhom.

Fuq medda qasira ta' żmien, għandhom isiru l-arranġamenti li ġejjin[12] għall-operazzjonijiet tal-missjonijiet Sentinel kofinanzjati mill-ASE u l-UE:

- l-ASE għandha tħaddem l-infrastruttura spazjali għas-sostenn tas-servizzi tal-art u l-emerġenzi[13] sakemm jintagħżel operatur ieħor;

- l-EUMETSAT se tħaddem l-infrastruttura spazjali b'sostenn tas-servizzi marittimi u atmosferiċi[14]. B'kunsiderazzjoni tal-mudell li rnexxa, ta' kooperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet b'sostenn tal-meteoroloġija, l-ASE se tikkollega mal-EUMETSAT għall-iżvilupp tas-segment tal-art.

In situ

Bħal fil-każ tal-Komponent Spazjali, l-għan ewlieni tal-implimentazzjoni tal-komponent in situ huwa biex jiggarantixxi wkoll fuq medda twila ta' żmien aċċess faċli għad-dejta meħtieġa għas-servizzi tal-ASE; u s-sostenibbiltà tan-netwerks tal-osservazzjoni in situ . Dawn id-dejta u n-netwerks tal-osservazzjoni in situ bħalissa huma fil-biċċa l-kbira taħt il-kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u ta' netwerks Ewropej diversi.

L-AEA hija mistennija tieħu rwol minn ta' quddiem, b'koordinazzjoni mal-Kummissjoni, fis-sorveljanza ta' xi servizzi u fil-koordinament mal-komunitajiet tal-utenti taħt l-umbrella tal-STIA. Xi attivitajiet speċifiċi tal-koordinazzjoni jistgħu jiġu ddelegati lejn korpi rilevanti oħra tal-koordinazzjoni[15].

Is-Servizzi

Biex tiżgura l-provvediment tas-servizzi operattivi marittimi u atmosferiċi, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jkun stabbilit netwerk ta' ċentri tekniċi f'livell tal-UE. F'dan il-kuntest, iċ-Ċentru Ewropew għat-Tbassir tat-Temp fuq Distanza Medja (ĊETTDM) jista' jiġi mogħti x-xogħol ta' koordinazzjoni tan-Netwerk Atmosferika. Għas-Servizz Marittimu, il-Kummissjoni l-ewwel se toħroġ domanda għall-proposti dwar kif se jiġu msaħħin in-netwerk u l-koordinatur tiegħu sakemm jiġu ddefiniti l-arranġamenti għat-tul.

Is-servizzi tal-emerġenza u s-sigurtà fuq l-art għandhom ikunu pprovduti taħt it-tmexxija tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali. B'riżultat ta' dan tkun meħtieġa metodoloġija komuni biex is-servizzi jkunu magħqudin u miġburin f'livell Ewropew fuq il-mudell agrikolu li rnexxa. Il-Kummissjoni hija lesta li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' metodoloġija komuni għat-twassil tas-servizz u l-ġabra tal-prodotti ġeo-informatiċi. Fil-kuntest tal-konsolidazzjoni tal-attivitajiet għall-immaniġġjar ta' kriżijiet, is-Servizzi tal-Emerġenza se jkunu disponibbli għal numru ta' atturi tar-rispons għall-emerġenza fuq livelli tal-UE u tal-Istati Membri, dan jista' jseħħ ukoll permezz tal-istrument tar-rispons għall-protezzjoni ċivili, tal-interventi għall-għajnuna umanitarja u operazzjonijiet tal-immaniġġjar ta' kriżijiet.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tagħti sostenn tekniku għat-tifsil u l-implimentazzjoni tas-servizzi fuq livelli tal-UE u nazzjonali permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR) tagħha u tas-servizzi Eurostat.

Sabiex jibqa' kkontrollat mill-utenti, il-GMES irid jistabbilixxi konnessjoni b'saħħitha mal-utenti bil-mezz ta' strutturi li huma qrib il-komunitajiet utenti. Ħafna aġenziji u korpi stabbiliti mill-UE mhux biss se jkunu utenti futuri tas-servizzi tal-GMES, imma għandhom mnejn jikkontribwixxu lejn il-ġabra tal-ħtiġijiet tas-servizz u l-provvediment tas-servizz. Ezempji ta' dawn huma: l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (AEA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (AESM), iċ-Ċentru tas-Satelliti tal-Unjoni Ewropea (ĊSUE), l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (ADE) u l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija tal-Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX). Jistgħu jkunu involuti aġenziji oħra, skont il-ħtiġijiet u l-evoluzzjoni tas-servizzi tal-GMES.

F'ċerti każi, jista' jkun hemm ħtieġa li jiġu studjati l-mandat u r-riżorsi ta' xi aġenziji speċjalizzati taħt il-kunsidrazzjoni tad-diskussjonijiet kurrenti dwar il-futur għall-aġenziji Ewropej[16] biex ikun permess li jikkontribwixxu lejn is-servizzi tal-GMES.

6.2 Il-Koordinazzjoni tas-Sħubija

Il-Kummissjoni tkun responsabbli għall-koordinar ġenerali tal-GMES, megħjuna minn Bord tas-Sieħba u Kumitat dwar il-Programmi għall-implimentazzjoni tal-programm tal-UE. Barra minn hekk, huwa ssuġġerit li jsir ħsieb għall-istabbiliment ta' Bord tas-Sigurtà u Forum għall-Utenti li jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni.

Ġie użat proċess li bih jiġu ddeterminati l-ħtiġijiet tal-utenti fl-għażla tas-servizzi ta' malajr u ta' proġetti gwida u għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-osservazzjoni spazjali mill-ASE. Dan il-proċess għandu jiġi fformalizzat bl-istabbilizzazzjoni tal-programm tal-GMES. Il-proċess jinkludi:

- id-definizzjoni tal-ħtiġijiet tal-utenti;

- il-konsolidazzjoni tal-firxa u l-kontenut tas-servizzi u l-ħtiġijiet għall-osservazzjoni relatati u

- id-definizzjoni tal-arkitettura relatata mal-infrastruttura tal-osservazzjoni skont il-mezzi disponibbli.

Għandhom ikunu involuti s-sieħba kollha, b'mod strutturat, f'dan il-proċess ta' deċiżjoni.

It-Tmexxija tas-Sħubija

Il-Bord tas-Sieħba msemmi hawn fuq ikun kompost mir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jikkontribwixxu lejn l-infrastruttura tal-GMES. Organizzazzjonijiet oħra rilevanti għandhom ikunu mistiedna bħala osservaturi. Il-Bord tas-Sieħba tal-GMES ikun strumentali fl-implimentazzjoni u fl-evoluzzjoni tal-programm. Id-diskussjonijiet ikunu ppreparati fuq il-livell tal-komponenti (Il-Komponenti tas-Servizz, tal- In Situ u dak Spazjali) u r-rappreżentanza fuq il-Bord għandha tkun organizzata skont dan.

L-Implimentazzjoni tal-Programm tal-UE

Il-programm tal-Komunità jkun jifforma l-bażi tal-kontribuzzjoni tal-Komunità lejn is-sħubija tal-GMES u jkompli mal-azzjonijiet tas-sieħba l-oħra. Għandu jkun miftuħ għall-ftehim internazzjonali ma' pajjiżi minn barra l-UE[17] bil-possibbiltà ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji.

Il-Kummissjoni, megħjuna minn Kumitat għall-Programm, se tmexxi l-implimentazzjoni tal-Programm tal-GMES. Id-diskussjonijiet ikunu ppreparati fil-livell tal-komponenti (Il-Komponenti tas-Servizz, tal- In Situ u dak Spazjali) u r-rappreżentanza fil-Kumitat tkun organizzata skont dan. L-implimentazzjoni teknika se ssir kif spjegat fis-sezzjoni 6.1.

Is-Sigurtà tad-Dejta

L-immaniġġjar effettiv tas-sigurtà tad-dejta fil-GMES għandu jikkunsidra l-kundizzjonijiet għas-sigurtà tad-dejta tal-Istati Membri u jista' jgħin lis-servizzi operattivi biex jissodisfaw il-kriterji bażiċi tas-sigurtà tad-dejta, speċjalment għall-utenti tas-sigurtà, billi jidentifika u jtaffi ċerti riskji bħat-tixrid tad-dejta, wiri ta' interess jew dubji fuq il-kredibilità tas-servizzi tal-GMES.

Ix-xogħol rilevanti li jservi ta' gwida u tidħil għas-sigurtà tad-dejta li jissodisfa kundizzjonijiet għas-sigurtà tal-Istati Membri għandu jgħaddi mill-Bord tas-Sigurtà u jirrikorri għall-kompetenzi rilevanti kollha.

Is-Sodisfazzjon tal-Ħtiġijiet tal-Utenti

Apparti mill-elementi l-oħra diskussi f'din il-Komunikazzjoni, għandu jkun stabbilit Forum għall-Utenti biex tiġi ssalvagwardjata l-mira tal-GMES li tkun ikkontrollata mill-utenti. Il-Forum se jieħu forom differenti, skont is-servizzi, u se jittratta suġġetti tekniċi jew xjentifiċi skont il-bżonn. Ir-rappreżentanti tal-utenti jkunu magħżulin fuq bażi ta' trasparenza, oġġettività u nuqqas ta' diskriminazzjoni, filwaqt li tibqa' titqies il-ħtieġa li jiġu evitati xi konflitti ta' interess. Waqt it-tmexxija tal-GMES, ikun hemm sforz biex jaħdem id f'id ma' Galileo f'dak li jikkonċerna l-appoġġ għall-utenti.

7. Konklużjonijiet

Fl-2009, il-Kummissjoni se toħroġ proposta leġiżlattiva għal programm Ewropew ta' osservazzjoni tad-Dinja jismu GMES. Flimkien ma' din il-proposta għall-Programm tal-GMES, il-Kummissjoni se tirriċerka l-ħtiġijiet għall-fondi biex jitħaddem il-GMES bejn l-2011 u l-2013 waqt li tikkunsidra r-restrizzjonijiet tal-baġit preżenti tal-UE. Id-deċiżjonijiet dwar l-iffinanzjar u l-arranġamenti organizzattivi wara l-2013 se jkollhom jiġu ddeterminati bħala parti mill-qafas finanzjarju multi-annwali tal-UE li ġej.

Fuq il-bażi ta' prinċipji ta' qsim tal-ispejjeż u valutazzjoni tal-ispejjeż ibbażati fuq il-firxa tas-servizzi, fil-futur issir analizi mmexxija mill-UE tal-ħtiġijiet għall-iffinanzjar ġenerali tal-GMES.

Il-Kummissjoni tikkoordina t-tmexxija u l-implimentazzjoni tal-programm tal-GMES, megħjuna minn Kumitat dwar il-Programm, minn Bord tas-Sieħba, minn Bord dwar is-Sigurtà u minn Forum għall-Utenti. Waqt li din l-istruttura għall-amministrazzjoni qiegħda tinbena jkun hemm amministrazzjoni temporanja.

Il-Kummissjoni se tipproponi għall-GMES politika ta' dejta u informazzjoni sħiħa u miftuħa.

Strumenti tal-UE li jsostnu l-kompetittività u l-innovazzjoni għandhom ikunu impjegati biex jistimulaw it-tkabbir tas-settur li jirċievi s-servizzi tal-GMES. B'mod partikulari, l-importanza speċjali tagħhom fil-ħolqien tax-xogħol u fit-tkabbir, is-servizzi tal-GMES għandhom ikunu kkunsidrati ma' dawk ta' quddiem fl-inizjattiva tas-suq.

Il-Kummissjoni se tipproponi li tiġi stabbilita strateġija ta' kooperazzjoni internazzjonali għall-GMES. F'dan il-kuntest il-Kummissjoni se tikkollabora mas-sieħba tagħha tal-GEO skont it-termini miftehmin għall-GEOSS[18] dwar kif għandu jkun assigurat u miżmum l-aċċess għad-dejta tal-osservazzjoni, u biex tiddefinixxi l-kontribut Ewropew lejn dan it-tentattiv internazzjonali.

[1] Ir-Rapport tal-Kummissjoni Dinjija dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp: Il-Futur Komuni Tagħna (A/42/427).

[2] Orjentazzjonijiet tat-Tielet Kunsill Spazjali.

[3] Id-Djalogu ta' Graz u r-Roadmap ta' Munich.

[4] Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar "Li nġibu 'l quddiem il-Politika Spazjali Ewropea" tas-26.9.2008.

[5] ĠU C 136, 20.6.2007, p. 1.

[6] Li jinkludu missjonijiet meteoroloġiċi u missjonijiet nazzjonali ta' ġbir ta' xbiehat bir-radar ta' riżoluzzjoni għolja u ta' riżoluzzjoni għolja ħafna multispettrali.

[7] Id-Direttiva 2007/2/KE

[8] Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea ("Il-Ktieb il-Blu", Brussell, 10.10.2007, COM(2007) 575 finali.

[9] COM(2008) 46 finali tal-1.2.2008

[10] Kif ippreżentat fil-Forum GMES 2008 li ġie organizzat mill-Presidenza Franċiża bejn is-16 u s-17 ta' Ottubru 2008, f'Lille.

[11] Fil-Politika ta' Koeżjoni għall-perjodu tal-2007-2013, il-Kummissjoni fetħet l-oppportunitajiet għall-Istati Membri u r-reġjuni biex isostnu l-implimentazzjoni tal-GMES.

[12] Skont id-diskussjonijiet tekniċi bejn l-ASE u l-EUMETSAT.

[13] Dan jinkludi s-Sentinels 1 u 2 li jġorru r-radar u s-sensuri tal-immaġini multispettrali, u l-parti ta' fuq l-art tas-Sentinel 3.

[14] Dan jinkludi l-istrumenti tas-Sentinels 4 u 5 li jkunu abbord il-missjonijiet fl-arja tal-EUMETSAT u s-sezzjoni marittima tas-Sentinel 3.

[15] Pereżempju l-EUMETNET (in-netwerk Ewropej tas-servizzi meteoroloġiċi) għas-sistemi u s-servizzi tal-osservazzjoni meterjoloġika in situ; L-EUROGOOS (l-Assoċjazzjoni Ewropea għas-Sistema ta' Osservazzjoni Globali); l-EUROGEOGRAPHICS (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Aġenziji Nazzjonali tal-Mapep u Kadastrali) u l-Eurogeosurveys (l-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Servejs Ġeoloġiċi) għad-data tal-kartografija, tal-ġeoloġija, tad-disinjar tal-mapep u tar-referenza. u l-EMODNET (In-Netwerk Ewropej tal-Osservazzjoni u d-Dejta Marittima) għad-dejta marittima u korpi oħra taħt l-umbrella tal-Politika Marittima Integrata tal-UE.

[16] COM(2008) 135 finali tal-11.3.2008

[17] Bħal dawk l-Istati Membri tal-ASE jew tal-EUMETSAT li mhumiex membri tal-UE.

[18] Dan jinkludi l-pjan ta' implimentazzjoni ta' 10 snin tal-GEOSS u d-Dikjarazzjoni ta' Cape Town.