52008DC0689

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà /* KUMM/2008/0689 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 4.11.2008

KUMM(2008)689 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar it-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar it-telemediċina għall-benefiċċju tal-pazjenti, tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tas-soċjetà

INTRODUZZJONI

It-telemediċina – il-forniment ta' servizzi tal-kura tas-saħħa mill-bogħod – tista' tgħin biex ittejjeb il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej, kemm tal-pazjenti kif ukoll tal-professjonisti tas-saħħa, filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi relatati mas-sistemi tal-kura tas-saħħa.

Iċ-ċittadini Ewropej qed jixjieħu u qed jgħixu dejjem aktar b'mard kroniku. Il-kundizzjoni ta' saħħithom ta' spiss tkun teħtieġ attenzjoni medika avvanzata. L-appoġġ mediku jaf ma jkunx disponibbli f'żoni remoti u għal ċerti kuri speċjalizzati jaf ma jkunx daqshekk faċli jew disponibbli daqskemm tkun teħtieġ il-kundizzjoni ta' saħħithom.

It-telemediċina tista' ttejjeb l-aċċess għall-kura speċjalizzata f'żoni li jbatu minn nuqqas ta' esperti, jew f'żoni fejn l-aċċess għall-kura tas-saħħa huwa diffiċli. It-telemonitoraġġ jista' jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' pazjenti b'mard kroniku u jnaqqas it-tul taż-żmien taż-żjarat fl-isptar. Is-servizzi bħat-teleradjoloġija u t-telekonsultazzjoni jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-listi ta' stennija, u jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi u jkun hemm żidiet fil-produttività.

Il-benefiċċji jmorru lil hinn mit-titjib tal-kura tal-pazjenti u tal-effiċjenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa. It-telemediċina tista' tagħti kontribut sinifikanti wkoll lill-ekonomija tal-UE. Dan is-settur, li fih l-industrija Ewropea – inklużi eluf ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) - tinsab f'qagħda tajba, kien qed jikber b'rata mgħaġġla matul l-għaxar snin li għaddew u mistenni li jibqa' jikber b'rata mgħaġġla.

Minkejja l-potenzjal tat-telemediċina, il-benefiċċji tagħha u l-maturità teknika tal-applikazzjonijiet, l-użu tas-servizzi tat-telemediċina għadu limitat, u s-suq għadu fframmentat għall-aħħar. Għalkemm l-Istati Membri esprimew l-impenn tagħhom għal użu usa' tat-telemediċina, il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi tat-telemediċina mhuma xejn aktar ħlief proġetti ta' darba biss fuq skala żgħira li mhumiex integrati fis-sistemi tal-kura tas-saħħa.

Huwa fatt magħruf li l-integrazzjoni ta' dawn it-tipi l-ġodda ta' servizzi fis-sistemi tal-kura tas-saħħa hija kompitu ta' sfida. L-għan ta' din il-Komunikazzjoni huwa li tappoġġa u tinkuraġġixxi lill-Istati Membri f'dan it-tentattiv, billi jiġi identifikat ix-xkiel ewlieni li qed itellef l-użu usa' tat-telemediċina u tingħata għajnuna fl-indirizzar tiegħu, u billi tiġi pprovduta evidenza biex titrawwem il-fiduċja u l-aċċettazzjoni. Il-Komunikazzjoni tiddefinixxi għadd ta' azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mill-komunità usa' tal-partijiet interessati. Hi tiffoka partikolarment fuq:

- il-bini ta' kunfidenza fis-servizzi tat-telemediċina u ta' aċċettazzjoni tagħhom

- il-kisba taċ-ċarezza legali

- is-soluzzjonijiet ta' kwistjonijiet tekniċi u l-iffaċilitar tal-iżvilupp tas-suq.

Minkejja l-isforzi li lesti jagħmlu l-Kummissjoni u l-partijiet interessati l-oħra, huma l-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri, li huma primarjament responsabbli għall-organizzazzjoni, l-iffinanzjar u l-għoti tal-kura tas-saħħa, li jibqgħu l-atturi prinċipali li għandhom il-ħila jagħmlu t-telemediċina realtà fil-ħajja tal-pazjenti Ewropej – b'rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

L-azzjonijiet proposti jibnu fuq il-kollaborazzjoni li għaddejja bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni bħala parti minn għadd ta' inizjattivi ta' politika tal-Kummissjoni[1],[2], b'mod partikolari l-Aġenda soċjali Mġedda li ġiet adottata dan l-aħħar[3]. Hija wkoll konformi mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew[4] li tagħraf l-importanza tat-telemediċina. Hi tibni fuq il-konsultazzjoni estensiva mwettqa bejn Settembru 2007 u Ġunju 2008, li kienet tinvolvi lill-Istati Membri u l-gruppi prinċipali tal-partijiet interessati: il-professjonisti tas-saħħa, il-pazjenti u r-rappreżentanti tal-industrija. Dwar il-kwistjonijiet tal-privatezza u tas-sigurtà tad-dejta ġie kkonsultat il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

Il-Kummissjoni Ewropea, wara li għarfet il-potenzjal tal-applikazzjonijiet tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-kommunikazzjoni (ICT) għas-Saħħa (is-Saħħa-e), u b'mod partikolari t-telemediċina, ilha għoxrin sena tiffinanzja r-riċerka u l-iżvilupp f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni Ewropea ikkommettiet ruħha wkoll biex tappoġġa sistemi tas-saħħa dinamiċi u l-użu ta' teknoloġiji ġodda li jkun ta' benefiċċju fl-Istrateġija tas-Saħħa[5] u fil-Pjan ta' Azzjoni tas-Saħħa-e[6] tagħha. Dan l-impenn wassal ukoll għal azzjoni esterna permezz tal-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għall-użu tat-telemediċina f'pajjiżi li qed jiżviluppaw.

IT-TELEMEDIċINA – DEFINIZZJONI U EżEMPJI

It-telemediċina hija l-forniment ta' servizzi tal-kura tas-saħħa, permezz tal-użu tal-ICT, f'sitwazzjonijiet fejn il-professjonist tas-saħħa u l-pazjent (jew żewġ professjonisti tas-saħħa) ma jkunux fl-istess post Hi tinvolvi t-trażmissjoni sigura ta' dejta u informazzjoni medika, permezz ta' testi, ħsejjes, immaġni jew permezz ta' forom oħra bżonnjużi għall-prevenzjoni, id-dijanjożi u s-segwitu tal-pazjenti.

It-telemediċina tkopri varjetà wiesgħa ta' servizzi. Dawk li jissemmew ta' spiss f'valutazzjonijiet mill-pari huma t-teleradjoloġija, it-telepatoloġija, it-teledermatoloġija, it-telekonsultazzjoni, it-telemonitoraġġ, it-telekirurġija u t-teleoftalmoloġija. Servizzi oħrajn ta' potenzjal jinkludu ċ-ċentri għas-sejħiet/iċ-ċentri ta' informazzjoni onlajn għall-pazjenti, il-konsultazzjoni mill-bogħod/iż-żjarat-e jew il-vidjokonferenzi bejn il-professjonisti tas-saħħa.

Il-portali ta' informazzjoni dwar is-saħħa, is-sistemi ta' reġistri tas-saħħa elettroniċi[7], it-trażmissjoni elettronika tar-riċetti jew tar-referenzi (ir-riċetti-e, ir-referenzi-e) mhumiex meqjusin bħala servizzi tat-telemediċina għall-iskop ta' din il-Komunikazzjoni.

Fit-taqsimai jmiss, is-servizzi tat-telemonitoraġġ u tat-teleradjoloġija huma deskritti f'aktar dettall peress li flimkien ikopru l-biċċa l-kbira tal-isfidi li huma rilevanti għall-implimentazzjoni tas-servizzi tat-telemediċina b'mod ġenerali.

It-telemonitoraġġ: opportunità kbira għall-ġestjoni tal-mard kroniku

It-telemonitoraġġ huwa servizz tat-telemediċina li għandu l-għan li jimmonitorja l-istat ta' saħħa tal-pazjenti mill-bogħod[8]. Id-dejta tista' tinġabar jew awtomatikament permezz ta' tagħmir personali għall-monitoraġġ tas-saħħa[9] jew permezz tal-kollaborazzjoni attiva tal-pazjent (per eż. billi jdaħħal il-piż jew il-kejl tal-livell taz-zokkor fid-demm ta' kuljum f'għodda bbażata fuq l-internet) Id-dejta, ladarba tkun ġiet ipproċessata u mqassma lill-professjonisti tas-saħħa rilevanti, tista' tintuża biex jiġu ottimizzati l-protokolli ta' monitoraġġ u ta' trattament tal-pazjent.

It-telemonitoraġġ huwa partikolarment utli fil-każ ta' individwi b'mard kroniku (bħad-dijabete jew il-kollass kardijaku kroniku – ara wkoll il-kaxxa t'hawn taħt). Ħafna minn dawn il-pazjenti – li ħafna drabi jkunu anzjani - jkollhom bżonn ta' monitoraġġ regolari minħabba li l-marda tagħhom tieħu fit-tul, in-natura tal-kundizzjoni ta' saħħithom u l-mediċini li jkunu qed jieħdu.

It-telemonitoraġġ jappoġġa l-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa. L-użu tiegħu jippermetti li sintomi u parametri tas-saħħa anormali jkunu nnutati aktar malajr milli matul konsultazzjoni ta' rutina jew ta' emerġenza, u b'hekk ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri korrettivi qabel ma jibdew jidhru kumplikazzjonijiet iktar serji. Dan jista' jirriżulta wkoll fi żjarat anqas frekwenti fil-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, u b'hekk tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-pazjenti.

It-telemonitoraġġ intgħażel bħala eżempju minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu:

- Jista' jagħti kontribut fl-organizzazzjoni u fl-użu mill-ġdid tar-riżorsi tal-kura tas-saħħa, per eżempju billi jitnaqqsu ż-żjarat fl-isptar, u b'hekk jikkontribwixxi għal aktar effiċjenza fis-sistemi tal-kura tas-saħħa.

- Huwa wera li jżid il-kwalità tal-kura tal-pazjenti, partikolarment ta' dawk b'mard kroniku. Fil-kuntest ta' popolazzjoni li qiegħda tixjieħ u ta' piż tal-mard kroniku li qiegħed jiżdied, il-benefiċċji li jista' jipprovdi l-użu usa' tiegħu huma kruċjali.

- Hu jirrikjedi approċċ koerenti u sħubija li tinvolvi lill-pazjenti, lill-professjonisti tas-saħħa, lill-fornituri tal-kura tas-saħħa, lil dawk li jħallsu u lill-industrija, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-servizzi.

L-investiment tal-industrija fl-iżvilupp tas-servizzi tat-telemonitoraġġ kien sinifikanti, u rriżulta f'applikazzjonijiet teknikament maturi. Ir-rispons tal-pazjenti huwa pożittiv ħafna u ċerti awtoritajiet tal-kura tas-saħħa diġà għarfu l-bżonn ta' dawn is-servizzi. Madankollu, ħafna mis-servizzi tat-telemonitoraġġ xorta għadhom limitati għall-istatus ta' proġetti temporanji mingħajr prospetti ċari għall-użu usa' u integrazzjoni sewwa fis-sistemi tal-kura tas-saħħa. Hemm bżonn ta' impenn min-naħa tal-fornituri tal-kura tas-saħħa u ta' azzjoni kkonċertata mill-partijiet interessati kollha sabiex jiġi żgurat użu usa' ta' dawn it-tipi ta' servizzi madwar l-UE kollha.

Eżempju ta' kollass kardijoku kroniku u l-użu tat-telemonitoraġġ

Aktar minn sitt miljun ruħ fl-Ewropa jsofru mill-kollass kardijoku kroniku. Il-piż fuq il-kwalità tal-ħajja u l-mortalità tal-pazjenti u fuq l-ispejjeż tas-sistemi tal-kura tas-saħħa huwa konsiderevoli[10].

Is-servizzi tat-telemonitoraġġ għall-pazjenti b'mard tal-qalb kroniku jippermettu monitoraġġ eqreb tal-marda tagħhom u jikkontribwixxu għal trattament fl-iktar stadju bikri possibbli. Id-dispnea (id-diffikultà biex wieħed jieħu n-nifs) u/jew żieda mgħaġġla fil-piż, li huma l-parametri ewlenin li għandhom jiġu mmonitorjati ta' kuljum, ta' spiss juru aggravament tal-marda. Il-modifikazzjoni bikrija tat-trattament ibbażata fuq id-dejta miġbura mill-monitoraġġ tista' ġġib il-kundizzjoni stabbli, tneħħi l-ħtieġa għall-konsultazzjonijiet u tevita jew tnaqqas iż-żjarat fl-isptar.

Żewġ ktibiet ta' analiżi analizzaw sistematikament publikazzjonijiet xjentifiċi maħruġin bejn l-1966 u l-1993 [11] u bejn l-1966 u l-2006 [12] rispettivament dwar it-telemonitoraġġ tal-kollass kardijoku kroniku. Abbażi tad-dejta disponibbli, l-istudji kkonkludew li t-telemonitoraġġ jista' jkun strateġija effettiva għall-ġestjoni tal-mard, b'mod speċjali għall-pazjenti b'riskju għoli ta' kollass kardijoku Iż-żewġ artikoli nnutaw ukoll li l-bażi tal-evidenza tat-telemonitoraġġ tal-kollass kardijoku xorta għadha limitata ħafna u li l-effettività f'termini tan-nefqa ,il-ħila tas-sistema li tikber skont il-ħtiġijiet, is-sikurezza u l-aċċettabilità għall-pazjenti jeħtieġ li jkunu vvalutati aktar.

It-teleradjoloġija: mod kif isir l-aħjar użu mill-ġestjoni ta' riżorsi skarsi

It-teleradjoloġija hija servizz tat-telemediċina li jinvolvi t-trażmissjoni elettronika ta' immaġni radjografiċi minn post ġeografiku għall-ieħor għal skopijiet ta' interpretazzjoni u konsultazzjoni[13].

It-teleradjoloġija żviluppat flimkien mal-bidla gradwali fit-teħid tal-immaġni għal skop mediku minn teknoloġiji ibbażati fuq il-film għal dawk diġitali. Organizzazzjonijiet professjonali strutturati sew u l-istabbiliment bikri tal-istandards appoġġaw dan l-iżvilupp.

It-teleradjoloġija tista' tgħin lill-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa jlaħħqu ma' volumi tax-xogħol estremi, jiżguraw servizzi f'kull ħin, inaqqsu l-listi ta' stennija għal eżaminazzjonijiet speċifiċi u, fuq kollox, inaqqsu l-ispejjeż.

It-teleradjoloġija ġiet magħżula bħala eżempju minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tagħha:

- Attwalment hi s-servizz tat-telemediċina li qiegħed fl-aktar stadju avvanzat ta' użu.

- Is-soltu tkun servizz imwetta minn entitajiet esterni, abbażi ta' kuntratt kummerċjali.

- Dan is-servizz jista' jiġi offrut kemm b'mod nazzjonali kif ukoll b'mod transkonfinali bl-involviment ta' pajjiżi oħrajn tal-UE jew ta' pajjiżi terzi.

L-aktar sfida importanti għat-teleradjoloġija hi biex jiġi żgurat li tiżviluppa b'mod li jkun ta' benefiċċju għall-kura tal-pazjent u li jiżgura s-sikurezza ġenerali tal-pazjent, u li bl-ebda mod ma tnaqqas il-kwalità tas-servizzi tar-radjoloġija pprovduti liċ-ċittadini. Għalhekk, hemm bżonn tittieħed azzjoni urġenti sabiex tinkiseb iċ-ċarezza legali, inkluż l-iżgurar ta' kwalità għolja tal-kura tal-pazjenti.

IT-TELEMEDIċINA: NAGħMLUHA REALTÀ!:

Fid-Dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar is-Saħħa-e f'Mejju 2008[14], ir-rappreżentanti tal-Istati Membri għarfu l-urġenza li jiżguraw użu usa' tas-servizzi tat-telemediċina u ta' għodda innovattivi tal-ICT għall-ġestjoni tal-mard kroniku.

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni hu li jiġu appoġġati l-Istati Membri biex jiksbu użu tas-servizzi tat-telemediċina fuq skala kbira u li jkun ta' benefiċċju, billi jiffukaw fuq tliet gruppi strateġiċi ta' azzjonijiet:

1. il-bini ta' kunfidenza fis-servizzi tat-telemediċina u ta' aċċettazzjoni tagħhom

2. il-kisba taċ-ċarezza legali

3. is-soluzzjonijiet ta' kwistjonijiet tekniċi u l-iffaċilitar tal-iżvilupp tas-suq.

Dawn it-tliet gruppi ta' azzjonijiet huma parzjalment marbutin ma' xulxin. Il-bini ta' aċċettazzjoni fost il-professjonisti tas-saħħa, per eżempju, huwa relatat mill-qrib mal-eżistenza ta' qafas legali koerenti għat-twettiq ta' servizzi speċifiċi tat-telemediċina, bħat-teleradjoloġija.

Il-bini ta' kunfidenza fis-servizzi tat-telemediċina u ta' aċċettazzjoni tagħhom

Hemm evidenza limitata dwar l-effettività u l-effettività f'termini tan-nefqa tas-servizzi tat-telemediċina fuq skala kbira. L-għarfien, il-kunfidenza u l-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa, mill-professjonisti u mill-pazjenti xorta jeħtieġu li jissaħħu.

4. L-evidenza xjentifika tal-effettività u tal-effettività f'termini tan-nefqa f'kuntest ta' skala kbira

Diversi studji wrew li hemm benefiċċji fuq skala żgħira għall-pazjenti u għas-sistemi tal-kura tas-saħħa. Metodoloġiji aċċettati b’mod komuni biex tiġi vvalutata l-effettività, bħal dawk użati biex jiġu vvalutati l-prodotti farmaċewtiċi, għandhom jiġu żviluppati aktar.

Jista' jkun diffiċli li nagħtu valur monetarju preċiż lill-fatturi li qed jikkontribwixxu għall-kisbiet fl-effettività u fl-iffrankar fl-ispejjeż, bħal: anqas avvenimenti b'effetti negattivi fuq is-saħħa; inqas riċetti; aktar sigħat imqattgħin fuq il-post tax-xogħol jew kwalità ta' ħajja aħjar tal-pazjenti. Jista' jkun hemm iffrankar fl-ispejjeż marbutin mas-saħħa f'settur ieħor u mhux f'dak li fih ikun sar l-investiment. Per eżempju, investiment li jkun sar fit-telemonitoraġġ ta' pazjenti li jsofru minn kollass kardijoku kroniku fis-settur tal-kura primarja jista' jirriżulta fl-iffrankar fl-isptarijiet permezz ta' inqas żjarat l-isptar jew permezz ta' żjarat iqsar l-isptar. Il-benefiċċju tal-azzjoni, kif ukoll il-konsegwenzi sħaħ tan-nuqqas ta' azzjoni, xi kultant jistgħu jiġu osservati biss fuq perjodi twal ta' żmien u f'kuntest wiesa'.

Biex jinkisbu programmi tat-telemediċina fuq skala kbira b'mod sostnut, se jkun essenzjali li jitħallsu lura l-ispejjeż ta' dawn is-servizzi. Madankollu, il-prontezza tal-awtoritajiet tas-saħħa biex iħallsu lura xi wħud minn dawn is-servizzi, b'mod partikolari t-telemonitoraġġ, se tkun tiddependi ħafna fuq ir-riżultati tal-istudji dwar l-effettività u dwar l-effettività f'termini tan-nefqa.

Azzjonijiet

- Sal-2011 il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta' linji ta' gwida għall-valutazzjoni konsistenti tal-impatt tas-servizzi tat-telemediċina, inklużi l-effettività u l-effettività f'termini tan-nefqa. Dan se jkun ibbażat fuq ix-xogħol tal-esperti fil-qasam, fuq studji appoġġati mill-Kummissjoni, fuq skemi pilota fuq skala kbira u fuq il-proġetti ta' riċerka rilevanti.

Il-parteċipanti fl-industrija tat-telemediċina, b'mod partikolari l-SMEs, ma għandhomx il-kapaċità finanzjarja li, waħidhom, jidħlu għal provi tat-telemonitoraġġ fuq skala kbira kif jagħmlu l-kumpaniji farmaċewtiċi. Jidher li hu neċessarju intervent aktar qawwi mis-settur pubbliku, li jirrispetta b'mod sħiħ il-liġi tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-istat u x-xiri pubbliku. Is-sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat ukoll jistgħu jkunu strument għall-użu ta' proġetti tat-telemonitoraġġ fuq skala kbira.

Azzjonijiet

- Fl-2010, il-Kummissjoni se tappoġġa proġett pilota tat-telemonitoraġġ fuq skala kbira permezz tal-Programm tagħha għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Dan se jkun jinkludi netwerk ta' xerrejja u pagaturi tas-servizzi tal-kura tas-saħħa.

- Il-kunfidenza fis-soluzzjonijiet tat-telemediċina u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-professjonisti tas-saħħa, mill-pazjenti u mill-awtoritajiet tas-saħħa

Is-sistemi tal-kura tas-saħħa jiffukaw fuq l-ilħiq tal-bżonnijiet tal-pazjenti. Għalhekk, il-kisba tal-potenzjal tat-telemediċina tiddependi fuq kemm il-pazjenti jkunu konvinti mill-abbiltà tagħha li tissodisfa l-bżonnijiet tal-kura ta' saħħithom. L-aċċettazzjoni tal-pazjenti tiddependi b'mod kruċjali fuq l-aċċettazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa li jkunu qed jikkurawhom, minħabba l-livell għoli ta' fiduċja li dawk tal-ewwel għandhom f'dawk tal-aħħar.

Fattur importanti biex jiġu żgurati l-kunfidenza u l-aċċettazzjoni tal-professjonisti tas-saħħa huwa t-tixrid imtejjeb tal-bażi ta' evidenza dwar l-effettività tas-servizzi tat-telemediċina, il-karatteristiċi tas-sikurezza u l-faċilità tal-użu tagħhom.

Kemm għall-professjonisti tas-saħħa kif ukoll għall-pazjenti, il-valutazzjoni xierqa tal-bżonnijiet u t-twettiq tal-azzjonijiet ta' taħriġ se jkollhom rwol importanti biex tiġi żgurata l-preżenza tal-ħiliet neċessarji u tal-familjarità mal-għodda, kif ukoll fehim xieraq tal-kuntest tal-interazzjoni li fihom se jiġu operati.

L-Istati Membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni, il-forniment u l-iffinanzjar tal-kura tas-saħħa nazzjonali. It-tmexxija tal-awtoritajiet tas-saħħa tagħhom hija essenzjali sabiex jinkiseb użu usa' tat-telemediċina. Il-ġbir tal-evidenza u l-iskambju ta' prassi tajba dwar l-implimentazzjoni tas-servizzi tat-telemediċina u l-iskemi tal-ħlas lura b'hekk huma ta' importanza kritika sabiex jiġu żgurati l-aċċettazjoni neċessarja u l-impenn min-naħa tal-awtoritajiet tas-saħħa.

L-użu usa' tat-telemediċina, u b'mod partikolari tat-telemonitoraġġ, iwassal għal kwistjonijiet etiċi ġodda, partikolarment minħabba l-mod kif se tiġi affetwata r-relazzjoni bejn il-pazjent u t-tabib. Il-professjonisti tas-saħħa u l-organizzazzjonijiet tal-pazjenti wrew l-intenzjoni tagħhom li jaħdmu fuq linji ta' gwida mifruxin mal-Ewropa kollha biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet. Il-Kummissjoni se tilqa' kwalunkwe inizjattiva f'dan il-qasam li tkun iggwidata mill-bżonnijiet tal-utenti u li jkollha l-għan li ttejjeb il-fiduċja u l-aċċettazzjoni tat-telemediċina fost il-pazjenti u l-professjonisti tas-saħħa fl-aqwa interessi tas-sikurezza u tal-kura.

Aspetti relatati mal-privatezza u mas-sigurtà wkoll huma komponenti ewlenin fil-bini tal-fiduċja u tal-kunfidenza fis-sistemi tat-telemediċina. Ir-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, bħad-drittijiet fundamentali għal ħajja privata u għall-ħarsien tad-dejta personali, għandhom jiġu ggarantiti matul il-ġbir u l-ipproċessar tad-dejta personali, partikolarment meta din tkun relatata mas-saħħa.Bħal kwalunkwe trażmissjoni oħra ta' dejta personali relatata mas-saħħa, it-telemediċina tista' tkun ta' riskju għad-dritt għall-ħarsien tad-dejta (fis-sens li l-iżvelar ta' kundizzjoni medika jew ta' dijanjożi jista' jkollu effetti negattivi fuq il-ħajja personali u professjonali tal-individwu). L-aspetti tal-privatezza tad-dejta għandhom jiġu vvalutati sistematikament kull meta jkunu pprovduti s-servizzi tat-telemediċina. Fil-każijiet kollha huwa essenzjali li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri u tal-Komunità dwar il-ħarsien tad-dejta.

Azzjonijiet

- Il-Kummissjoni se tkompli tagħti sehemha fil-kollaborazzjoni Ewropea bejn il-professjonisti tas-saħħa u l-pazjenti f'oqsma ewlenin b'potenzjal għal applikazzjoni akbar tat-telemediċina, sabiex tkun tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar kif tista' tittejjeb il-kunfidenza u l-aċċettazzjoni tat-telemediċina, filwaqt li jitqiesu l-aspetti relatati mal-etika u mal-privatezza.

- L-Istati Membri huma mħeġġa biex jivvalutaw il-bżonnijiet u l-prijoritajiet tat-telemediċina tagħhom sal-aħħar tal-2009. Dawn il-prijoritajiet għandhom jiffurmaw parti mill-istrateġiji nazzjonali tas-saħħa li se jiġu ppreżentati u diskussi fil-Konferenza Ministerjali dwar is-Saħħa-e tal-2010.

- Il-Kummissjoni se tappoġġa l-ġbir ta' prassi tajba dwar l-użu tas-servizzi tat-telemediċina fl-Istati Membri differenti.

Il-kisba taċ-ċarezza legali

Għalkemm it-telemediċina tista' tkun għażla interessanti għal ħafna faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, in-nuqqas ta' ċarezza legali ssemmiet b'mod repetut waqt il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati bħala xkiel għall-użu usa' tagħha.

L-għan ewlieni għall-forniment taċ-ċarezza legali f'dan il-qasam hu sabiex jiġi żgurat li t-telemediċina tiviluppa b'mod li tkun ta' benefiċċju għall-kura tal-pazjenti filwaqt li jiġu żgurati l-privatezza u l-ogħla standards tas-sikurezza tal-pazjent.

In-nuqqas ta' ċarezza legali – partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-liċenzjar, mal-akkreditazzjoni u mar-reġistrazzjoni tas-servizzi tat-telemediċina u tal-professjonisti, mar-responsabbiltà, mal-ħlas lura, mal-ġurisdizzjoni - huwa sfida ewlenija għat-telemediċina u, partikolarment, għat-teleradjoloġija. Il-forniment transkonfinali tas-servizzi tat-telemediċina wkoll jeħtieġ kjarifika f'dak li għandu x'jaqsam mal-privatezza.

Ftit Stati Membri biss għandhom oqfsa legali ċari li jippermettu t-telemediċina. F'xi wħud mill-Istati Membri, hija meħtieġa l-preżenza fiżika tal-pazjent u tal-professjonist tas-saħħa fl-istess post sabiex att mediku jkun legalment magħruf bħala tali; dan hu xkiel ċar għall-użu tat-telemediċina. Barra minn hekk, ta' spiss ikun hemm limitazzjonijiet fil-prassi legali jew amministrattiva dwar il-ħlas lura għas-servizzi tat-telemediċina.

Filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà, dawn il-kwistjonijiet (ta' regolamentazzjoni tas-servizzi tas-saħħa u tal-professjonisti u tal-ħlas lura) huma primarjament responsabbiltà tal-Istati Membri, u b'hekk jeħtieġu azzjoni fil-livell tagħhom. Madankollu, minħabba l-kumplessità ta' dawn il-kwistjonijiet u l-interrelazzjoni tagħhom ma' aspetti tal-liġi Komunitarja, l-Istati Membri jistgħu jiġu appoġġati b'azzjoni fil-livell Komunitarju, bħall-iskambju ta' prassi tajba sabiex jittejbu l-oqfsa legali u amministrattivi.

Azzjonijiet

- Fl-2009, il-Kummissjoni se twaqqaf pjattaforma Ewropea biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iskambju tat-tagħrif dwar l-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali attwali li huma rilevanti għat-telemediċina u dwar il-proposti għal regolamenti nazzjonali ġodda.

- Fl-2009, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, se tippubblika analiżi dwar il-qafas legali Komunitarju applikabbli għas-servizzi tat-telemediċina.

- Sa tmiem l-2011, l-Istati Membri għandhom ikunu vvalutaw u adattaw ir-regolamenti nazzjonali tagħhom li jippermettu aċċess usa' għas-servizzi tat-telemediċina. Kwistjonijiet bħall-akkreditazzjoni, ir-responsabbiltà, il-ħlas lura, il-privatezza u l-ħarsien tad-dejta għandhom jiġu indirizzati.

Il-kaxxa ta' hawn taħt tipprovdi deskrizzjoni fil-qosor tal-leġiżlazzjoni eżistenti ewlenija tal-UE applikabbli għas-servizzi tat-telemediċina.

L-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-UE għas-servizzi tat-telemediċina

It-telemediċina hi kemm servizz tas-saħħa kif ukoll servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni [15] Bħala tali, hi taqa' taħt it-Trattat tal-KE (l-Artikolu 49) u taħt il-leġiżlazzjoni sekondarja eżistenti tal-UE, partikolarment taħt id-Direttiva 2000/31/KE, minn hawn 'il quddiem imsejħa "id-Direttiva dwar il-Kummerċ-e".

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja stqarret li la n-natura speċjali tas-servizzi tas-saħħa u lanqas il-mod kif huma organizzati jew iffinanzjati ma jneħħihom mill-ambitu tal-prinċipju fundamentali tal-libertà tal-moviment [16] . Dan jinkludi l-libertà ta' dawk li jirċievu s-servizzi tal-kura tas-saħħa li jfittxu u jirċievu trattament mediku fi Stat Membru ieħor, ikun liema jkun il-mod kif jingħata s-servizz, jiġifieri permezz tat-telemediċina wkoll.

Id-Direttiva 98/34/KE kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE tistabbilixxi proċedura li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jgħarrfu lill-Kummissjoni u lil xulxin b'kull abbozz ta' regolamenti tekniċi li jikkonċernaw prodotti u servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni [17] , inkluża t-telemediċina, qabel ma jiġu adottati fil-liġi nazzjonali .

Id-Direttiva dwar il-Kummerċ-e tiddefinixxi r-regoli għall-forniment ta' servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom. Hi tapplika wkoll għat-telemediċina. Għal servizzi tat-telemediċina bejn in-negozji (bejn il-professjonisti), bħat-teleradjoloġija, japplika l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini: is-servizz offrut mill-professjonist għandu jkun konformi mar-regoli tal-Istat Membru fejn hu stabbilit. Fil-każ ta' attivitajiet bejn in-negozji u l-konsumaturi (li jistgħu jkunu rilevanti għas-servizzi tat-telemonitoraġġ) l-obbligi kuntrattwali huma eżentati mill-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini: jista' jkun li s-servizz ikollu jikkonforma mar-regoli tal-pajjiż ta' dak li qed jirċevih.

Id-definizzjoni tal-atti mediċi hija responsabbiltà tal-Istati Membri. Bħala prinċipju ġenerali, il-klassifika tas-servizzi speċifiċi tat-telemediċina bħala atti mediċi għandha tiżgura li dawn jilħqu l-istess livell ta' rekwiżiti bħas-servizzi ekwivalenti li mhumiex tat-telemediċina (per eż.. it-teleradjoloġija vs. ir-radjoloġija). Dan il-prinċipju jiżgura li servizzi tas-saħħa rregolati kif jixraq ma jitbiddlux b'servizzi tat-telemediċina li mhumiex irregolati daqshom u jevita li jkun hemm diskriminazzjoni bejn il-fornituri tal-istess servizz li ma tkunx kompatibbli mad-Direttiva dwar il-Kummerċ-e.

Id-Direttiva 95/46/KE, dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-ħarsien tal-privatezza, tispeċifika għadd ta' rekwiżiti addizzjonali relatati mal-kunfidenzjalità u mas-sigurtà li t-telemediċina u kull tip ta' servizz onlajn interattiv ieħor għandhom jissodisfaw sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-individwi.

Id-Direttiva 2002/58/KE, dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, tistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-fornituri ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fin netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal komunikazzjonijiet u s-sigurtà tan-netwerks tagħhom.

Id-Direttiva 2005/36/KE tistabbilixxi l-kriterji għal grupp ta' professjonijiet irregolati skont liema mill-kwalifiki miksuba fi Stat Membru huma rrikonoxxuti minn Stat Membru ieħor. Ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti jippermetti lill-benefiċarju jkollu aċċess, f'dak l-Istat Membru, għall-istess professjoni li huwa kkwalifikat għaliha fl-Istat Membru tal-oriġini u li jsegwiha fl-Istat Membru ospitanti taħt l-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini tiegħu.

It-telemediċina hija rrikonoxxuta wkoll fil-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali[18], li tindirizza l-mobbiltà transkonfinali tal-pazjenti, inkluża l-kapaċità tagħhom li jkollhom aċċess għal servizzi lil hinn mill-fruntieri. Din il-proposta hi mingħajr ħsara għad-Direttivi msemmijin hawn fuq, b'mod partikolari għad-Direttiva dwar il-Kummerċ-e u għad-Direttiva 2005/36/KE. Jekk tiġi adottata, id-Direttiva tkun teħtieġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri li jiżguraw l-interoperabbiltà tal-mezzi għall-forniment tas-servizzi tas-saħħa-e, inkluża t-telemediċina (l-Artikolu 16)[19]

Is-soluzzjonijiet ta' kwistjonijiet tekniċi u l-iffaċilitar tal-iżvilupp tas-suq

Għalkemm ċerti servizzi tat-telemediċina ilhom jeżistu għal żmien twil u ħafna mill-ICT ilha teżisti għal xi żmien, xorta għad hemm oqsma li fihom għandhom bżonn jiġu indirizzati kwistjonijiet tekniċi.

L-aċċess għall-"broadband" u l-abbiltà tal-fornituri li jippermettu konnettività sħiħa hu prerekwiżit għall-użu tat-telemediċina. Bil-"broadband" disponibbli għal kulħadd, it-telemediċina tista' eventwalment issir prodott pubbliku, aċċessibbli għal kulħadd. Il-konnettività maż-żoni ġeografiċi kollha fl-UE, inklużi mar-reġjuni rurali u dawk ultraperiferali, hi prekundizzjoni għall-użu tat-telemediċina u għall-aċċess universali ta' kull individwu għall-kura tas-saħħa. Il-politika ta' koeżjoni tal-UE tappoġġa kemm l-aċċessibbiltà għall-"broadband" kif ukoll l-iżvilupp tal-kontenut, tas-servizzi u tal-applikazzjonijiet għaċ-ċittadini[20]

L-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni tat-telemonitoraġġ huma kruċjali sabiex jippermettu użu b'firxa wiesgħa tat-teknoloġiji, li jippermettilhom jibbenefikaw mis-suq uniku[21] u jikkontribwixxu għat-tlestija tiegħu. L-użu tal-istandards eżistenti u l-adozzjoni ta' standards ġodda u ta' approċċi standardizzati biex tinkiseb l-interoperabbiltà għandu jiġi appoġġat minn organizzazzjonijiet għall-iżvilupp tal-istandards, bil-parteċipazzjoni attiva tal-industrija. Hemm bżonn ta' azzjoni Komunitarja kkoordinata, u fil-fatt din intalbet b'mod espliċitu fil-proposta għal Direttiva dwar id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali.

Il-fiduċja u l-kunfidenza f'teknoloġiji ġodda u innovattivi u f'servizzi bbażati fuq l-ICT fi ħdan is-settur tas-saħħa għandhom bżonn jinbnew permezz ta' ttestjar rigoruż, ta' standards miftehma u ta' proċess ta' ċertifikazzjoni aċċettat b'mod wiesa'. Dan japplika partikolarment għat-tagħmir tat-telemonitoraġġ. Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq, hemm bżonn ta' azzjoni kkonċertata fil-livell tal-UE biex jinstab qbil dwar sett ta' speċifikazzjonijiet komuni għal dawn is-sistemi u s-servizzi tat-telemediċina. Azzjoni kkonċertata bħal din tista' tgħaqqad għarfien espert u għarfien ieħor meħtieġ biex jiġi żgurat li s-servizzi tat-telemediċina li jkunu ta' kwalità tajba, bla periklu u siguri, li mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni eżistenti, ikunu disponibbli madwar l-UE kollha.

Azzjonijiet

- Sa tmiem l-2010, il-Kummissjoni qed tistieden lill-industriji u lill-korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni biex joħorġu proposta dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi tat-telemonitoraġġ, li tinkludi kemm l-istandards eżistenti kif ukoll dawk ġodda.

- Sa tmiem l-2011, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, se toħroġ ktiba dwar strateġija ta' politika dwar kif jistgħu jiġu żgurati l-interoperabbiltà, il-kwalità u s-sigurtà tas-sistemi tat-telemonitoraġġ imsejsin fuq standards eżistenti jew fuq dawk emerġenti fil-livell Ewropew.

KONKLUżJONIJIET

Il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi li ġejjin mill-użu usa' tat-telemediċina huma potenzjalment kbar. Iżda, bħalissa, qegħdin ferm 'il bogħod milli jiġu apprezzati jew miksubin b'mod sħiħ.

Issa ż-żmien għat-telemediċina biex ittejjeb il-ħajja tal-pazjenti u biex toffri għodda ġodda għall-professjonisti tas-saħħa. It-telemediċina tista' tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u biex jiġu offruti opportunitajiet kbar lill-industrija Ewropea.

Il-Kummissjoni se tagħti l-appoġġ kollu tagħha għall-ideat u għall-inizjattivi biex dan l-għan jinbidel f'realtà u hija lesta taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati kollha biex jinkiseb dan il-għan. Hi tipproponi sett konkret ta' azzjonijiet għal dan il-qasam speċifiku. Kwistjonijiet oħrajn li mhumiex b'mod speċifiku fil-mira ta' din il-komunikazzjoni, bħad-disponibbiltà tal-"broadband" għal kulħadd u l-attenzjoni konsistenti għall-implimentazzjoni ta' miżuri mmirati biex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għall-ħarsien tad-dejta personali, huma wkoll strumentali fl-użu tat-telemediċina b'mod li jkun ta' benefiċċju sħiħ.

Madankollu, r-responsabbiltà biex din l-inizjattiva tkun ta' suċċess qiegħda f'idejn l-Istati Membri. Huma huma li qed jerfgħu r-responsabbiltà għall-organizzazzjoni, il-forniment u l-iffinanzjar tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom. Il-potenzjal sħiħ tat-telemediċina se jitwettaq biss jekk l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom b'mod attiv biex jintegrawha fis-sistemi tas-saħħa tagħhom.

ANNESS

Tliet livelli ta' azzjoni għas-snin li ġejjin

Azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri

5. L-Istati Membri huma mħeġġa jivvalutaw il-bżonnijiet u l-prijoritajiet tat-telemediċina tagħhom sa tmiem l-2009. Dawn il-prijoritajiet għandhom jiffurmaw parti mill-istrateġiji nazzjonali tas-saħħa li se jiġu ppreżentati u diskussi fil-Konferenza Ministerjali dwar is-Saħħa-e tal-2010.

6. Sa tmiem l-2011, l-Istati Membri għandhom ikunu diġà vvalutaw u adattaw ir-regolamenti nazzjonali tagħhom li jippermettu aċċess usa' għas-servizzi tat-telemediċina. Kwistjonijiet bħall-akkreditazzjoni, ir-responsabbiltà, il-ħlas lura, il-privatezza u l-ħarsien tad-dejta għandhom jiġu indirizzati.

Azzjonijiet tal-Istati Membri li se jkunu appoġġati fil-livell tal-UE

7. Fl-2009, il-Kummissjoni se twaqqaf pjattaforma Ewropea biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iskambju tat-tagħrif dwar l-oqfsa leġiżlattivi nazzjonali attwali li huma rilevanti għat-telemediċina u dwar il-proposti għal regolamenti nazzjonali ġodda.

8. Fl-2009, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, se tippubblika analiżi dwar il-qafas legali Komunitarju applikabbli għas-servizzi tat-telemediċina.

9. Sa tmiem l-2010, il-Kummissjoni qed tistieden lill-industrija u lill-korpi internazzjonali tal-istandardizzazzjoni biex joħorġu proposta dwar l-interoperabbiltà tas-sistemi tat-telemonitoraġġ, li tinkludi kemm l-istandards eżistenti kif ukoll dawk ġodda.

10. Sa tmiem l-2011, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, se toħroġ ktiba dwar strateġija ta' politika dwar kif jistgħu jiġu żgurati l-interoperabbiltà, il-kwalità u s-sigurtà tas-sistemi tat-telemonitoraġġ ibbażati fuq standards eżistenti jew fuq dawk emerġenti fil-livell Ewropew.

Azzjonijiet li jridu jittieħdu mill-Kummissjoni

11. Fl-2010, il-Kummissjoni se tappoġġa proġett pilota tat-telemonitoraġġ fuq skala kbira permezz tal-Programm tagħha għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Dan se jkun jinkludi netwerk ta' xerrejja u pagaturi tas-servizzi tal-kura tas-saħħa.

12. Sal-2011 il-Kummissjoni se tappoġġa l-iżvilupp ta' linji ta' gwida għall-valutazzjoni konsistenti tal-impatt tas-servizzi tat-telemediċina, inklużi l-effettività u l-effettività f'termini tan-nefqa. Dan se jissejjes fuq ix-xogħol tal-esperti fil-qasam, fuq studji appoġġati mill-Kummissjoni, fuq skemi pilota fuq skala kbira u fuq il-proġetti ta' riċerka rilevanti.

13. Il-Kummissjoni se tkompli tagħti sehemha fil-kollaborazzjoni Ewropea bejn il-professjonisti tas-saħħa u l-pazjenti f'oqsma ewlenin b'potenzjal għal applikazzjoni akbar tat-telemediċina, sabiex tkun tista' tagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar kif tista' tittejjeb il-kunfidenza u l-aċċettazzjoni tat-telemediċina, filwaqt li jitqiesu l-aspetti relatati mal-etika u mal-privatezza.

14. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-ġbir ta' prassi tajba dwar l-użu tas-servizzi tat-telemediċina fl-Istati Membri differenti.

[1] COM(2005) 229 finali, 1.6.2005

[2] COM(2007) 860 finali, 21.12.2007

[3] COM(2008) 412 finali, 2.7.2008

[4] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew 2006/2275(INI) tat-23 ta' Mejju 2007

[5] COM(2007) 630 finali, 23.10.2007

[6] COM(2004) 356 finali, 30.4.2004

[7] Il-kwistjoni tar-reġistri tas-saħħa elettroniċi ġiet indirizzata f'Rakkomandazzjoni riċenti tal-Kummissjoni: C(2008) 3282 finali, 2.7.2008

[8] Paré G et al . . : naliżi sistematika tat-telemonitoraġġ mid-dar għall-mard kroniku: il-bażi tal-evidenza ]. J AM Med Inform Assoc. 2007;14:269-277.

[9] Tagħmir elettroniku, li jista' jinġarr, jintlibes jew jiddaħħal fil-ġisem li jiġbor dejta dwar parametri tas-saħħa speċifiċi

[10] McMurray et al . Il-piż tal-kollass kardijoku ]. Eur Heart J Suppl 4 (2002): D50-D58.

[11] Louis AA et al . Analiżi sistematika tat-telemonitoraġġ għall-ġestjoni tal-kollass kardijoku ]. Eur J Heart Fail. 2003 Ott;5(5):583-90.

[12] Chaudhry SI et al . : t-telemonitoraġġ għall-pazjenti li jbatu minn kollass kardijoku kroniku: analiżi sistematika ]. J Card Fail. 2007 Frar;13(1):56-62.

[13] Is-Soċjetà Ewropea tar-Radjoloġija, Nov. 2006.

[14] www.ehealth2008.si/

[15] Kif iddefinit fid-Direttiva 98/34/KE.

[16] Ara b'mod partikolari Müller and Van Riet (il-każ C-385/99) [2003]; Smits and Peerbooms (il-każ C-157/99) [2001]; Watts (il-każ C-372/04) [2006].

[17] Sakemm mhumiex koperti minn waħda mill-eċċezzjonijiet imniżżlin fid-Direttiva 98/34/KE kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE.

[18] COM (2008) 414 finali, 2 7 2008

[19] Kif inhu stipulat fl-artikoli 3,5 u 11 tal-proposta

[20] Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-5 ta’ Lulju 2006

[21] Network Ewropew dwar l-Informazzjoni tas-Saħħa (HINE) 2006 – Il-previżjonijiet Ewropej dwar is-Saħħa e (rapport)