52008DC0680

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta' novembru 2007 dwar l-immodernizzazzjoni ta' universitajiet għall-kompetittività tal-ewropa f'ekonomija globali tal-għarfien {SEC(2008 2719} /* KUMM/2008/0680 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.10.2008

KUMM(2008) 680 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-Immodernizzazzjoni ta' Universitajiet għall-kompetittività tal-Ewropa f'ekonomija globali tal-għarfien[1]

{SEC(2008 2719}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-Immodernizzazzjoni ta' Universitajiet għall-kompetittività tal-Ewropa f'ekonomija globali tal-għarfien[2]

1. SFOND

Dan ir-Rapport flimkien mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni nkitbu bħala rispostà għal talba tal-Kunsill li ġiet ifformulata fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2007 dwar l-immodernizzazzjoni ta' universitajiet għall-kompetittività tal-Ewropa f'ekonomija globali tal-għarfien. Il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni sabiex "tappoġġja lill-Istati Membri fl-aġenda ta' modernizzazzjoni, u b'mod partikolari sabiex:

1. Tidentifika, f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti tal-edukazzjoni ogħla u r-riċerka, kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali, il-miżuri possibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-ostakoli li universitajiet fl-Unjoni Ewropea jiffaċċjaw fit-twettiq tal-modernizzazzjoni tagħhom u fil-kontribut sħiħ għall-miri tal-aġenda ta' Liżbona;

2. Tiffaċilita tagħlim reċiproku, fil-kuntest tal-Aġenda ta' Liżbona, b'mod partikolari fi ħdan il-programm ta' ħidma Edukazzjoni u Taħriġ 2010 u s-segwitu għall-Green Paper dwar l-ERA, kif ukoll billi tħeġġeġ sħubiji bejn l-universitajiet u s-settur tal-industrija/privat;

3. Tidentifika miżuri possibbli biex jiġu indirizzati l-ostakoli għall-mobbiltà ta' studenti, għalliema u riċerkaturi madwar l-Ewropa u b'mod partikolari għar-rikonoxximent reċiproku ta' krediti u diplomi[3] u tipproponi l-iskambju ta' prattiki tajbin f'dan ir-rigward;

4. Tissorvelja u tivvaluta l-impatt ta', flimkien ma' l-istrutturi ta' programm nazzjonali:

5. l-isfond soċjali ta' studenti li jipparteċipaw f'Erasmus,

6. l-kontribut ta' Erasmus għall-aġenda ta' modernizzazzjoni,

7. l-kontribut ta' Erasmus Mundus għall-attrazzjoni internazzjonali ta' Universitajiet Ewropej:

Filwaqt li r-Rapport jiffoka primarjament fuq l-aspetti ta' mobbiltà tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill, dan jipprovdi wkoll aġġornament dwar is-sitwazzjoni attwali f'dak li għandu x'jaqsam mal-immodernizzazzjoni ta' universitajiet Ewropej. Dan juri x-xogħol li għamlet il-Kummissjoni fir-rigward ta' din it-talba u jiġbor il-konklużjonijiet finali minn dan ix-xogħol. Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni assoċjat jispjega dawn il-konklużjonijiet f'aktar dettall.

2. IX-XOGħOL LI SAR U S-SEJBIET FINALI

Il-Kummissjoni ilha taħdem mal-Istati Membri u s-settur tal-edukazzjoni ogħla biex tidentifika l-aġenda ta' modernizzazzjoni għall-universitajiet u tkopri t-tliet missjonijiet (edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni) u biex tappoġġja l-implimentazzjoni tagħha permezz tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinament (OMC – Open Method of Coordination), Gruppi ta' Esperti u Studji (li jinvolvu djalogu bejn gruppi ta' nies li jfasslu l-politika u esperti, attivitajiet ta' tagħlim bejn pari, indikaturi, livelli, rapporti u analiżijiet), billi tieħu inizjattivi speċifiċi (Assigurazzjoni ta' Kwalità, ECTS, EQF, EIT[4], Ġbir ta' Dejta dwar universitajiet eċċ.) u billi tappoġġja l-inizjattivi ta' oħrajn (proġetti pilota, assoċjazzjonijiet, netwerks eċċ.) permezz tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja u s-7 Programm ta’ Qafas ta’ Riċerka fl-UE.

2.1. Nindirizzaw l-Isfidi u l-Ostakoli dwar l-Immodernizzazzjoni li l-Universitajiet qegħdin jaffaċċjaw

L-isfidi u l-ostakoli prinċipali rigward l-immodernizzazzjoni tal-edukazzjoni ogħla kienu stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2006[5] li ssuġġeriet li jiġu indirizzati disa' oqsma relatati mat-tmexxijja, l-mobbiltà, l-awtonomija u r-responsabbiltà tal-universitajiet, is-sħubiji mal-komunità tan-negozju, it-titjib tal-inter-dixxiplinarità u t-trans-dixxiplinarità fl-aġendi tat-taħriġ u r-riċerka, l-interazzjoni tal-għerf mas-soċjetà, l-ippremjar tal-eċċellenza, il-kurrikulum u l-finanzjament. L-Istati Membri approvaw b'mod wiesa' l-analiżi u qablu li jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tagħhom tal-aġenda tal-immodernizzazzjoni fir-rapport tagħhom skont l-Aġenda dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 (E&T 2010). Dawn ir-rapporti, li huma parti mill-eżerċizzju ta' rappurtaġġ ta' Liżbona, kif ukoll studji u stħarriġ juru li għalkemm qiegħed isir progress fid-disa' oqsma kollha, għad fadal ħafna xi jsir. Il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu tagħha mal-awtoritajiet u l-partijiet interessati nazzjonali dwar kif l-aħjar titmexxa 'l quddiem l-aġenda tal-modernizzazzjoni.

2.2. Niffaċilitaw it-tagħlim reċiproku fil-programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 u s-segwitu tal-Green Paper dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka u billi jitħeġġu sħubiji bejn universitajiet u industriji.

Il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi sabiex tiffaċilità t-tagħlim reċiproku u tapplika l-OMC għar-riforma tal-edukazzjoni ogħla, bħar-Raggruppament dwar l-Immodernizzazzjoni tal-Edukazzjoni Ogħla, it-tnedija tal-Grupp ta' Ħidma tal-CREST (Kumitat tar-Riċerka Xjentifika u Teknika) dwar it-tagħlim reċiproku sabiex jinstabu metodi kif titjieb l-eċċellenza tar-riċerka f'universitajiet, ir-Rapport annwali dwar il-progress lejn l-għanijiet ta' Liżbona għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż numru ta' indikaturi u gwidi, diversi gruppi ta' esperti sabiex iħarsu lejn numru ta' aspetti relatati mal-missjoni ta' riċerka ta' universitajiet fil-kuntest tal-ERA (Żona Ewropea tar-Riċerka) (suq uniku tax-xogħol għar-riċerkaturi, tissaħħaħ riċerka ibbażata fuq l-università, immaniġġjar estern ta' fondi u finanzi ta' riċerka, metodoloġiji għall-evalwazzjoni ta' riċerka ibbażata fuq l-università), u l-Forum tan-Negozju ta' l-Università, li tnieda fi Frar 2008 u permezz tal-implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Marie Curie mmirati skond il-Programm Nies ta' l-FP7. Ir-riżultati ta' dawn l-inizzjattivi juru li l-kunċett tat-tagħlim reċiproku jaħdem. Id-dettalji kollha dwar in-numru ta' inizjattivi jidhru fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.

2.3. Nindirizzaw l-ostakoli għall-mobbiltà tal-istudenti, għalliema u riċerkaturi

F'Diċembru 2007, il-Kummissjoni stabbilixxiet Forum ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Mobbiltà sabiex tanalizza kif l-UE tista', billi tibni fuq is-suċċess li sar sal-lum tal-programm Erasmus, tkompli tespandi l-mobbiltà mhux biss fis-settur universitarju iżda fost iż-żgħażagħ b'mod aktar ġenerali, pereżempju fost intraprendituri u artisti żgħażagħ u f'setturi bħat-taħriġ vokazzjonali.

F'Lulju 2008, il-Forum ippreżenta s-sejbiet u r-rakkommandazzjonijiet tiegħu. Sabiex il-mobbiltà ssir ir-regola u mhux tibqa' l-eċċezzjoni, il-Forum jissuġġerixxi li jiġu issettjati miri dwar il-mobbiltà kemm għal żmien medju u anki fit-tul. Azzjoni miftiehma bejn l-UE, l-Istati Membri u kull min hu kkonċernat hija meħtieġa sabiex tkompli tiżdied il-mobbiltà. Il-finanzjament għal programmi tal-mobbiltà tal-UE jrid jiżdied u l-Erasmus u l-Erasmus Mundus għandhom jikkomplimentaw lill-xulxin.

Bħala segwitu tal-Green Paper "Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda"[6], f'Mejju 2008, il-Kummissjoni adottat il-Kommunikazzjoni "Karrieri aħjar u aktar mobbiltà: Sħubija Ewropea għar-Riċerkaturi"[7], sabiex tagħmel progress mgħaġġel u sinifikanti bil-għan li tagħmel lill-Ewropa post aktar attraenti għal min irid jidħol jagħmel karriera fir-riċerka, u indirizzat erba' oqsma ewlenin: i) reklutaġġ miftuħ u portabilità ta' għotjiet, ii) sigurtà soċjali u drittijiet tal-pensjoni supplimentari, iii) kundizzjonijiet ta' impjieg u xogħol attraenti u iv) titjib tat-taħriġ, kapaċitajiet u esperjenzi tar-riċerkaturi Ewropej.

F'Ġunju 2008, il-Kummissjoni nediet il-portal ġdid bl-isem EURAXESS[8] sabiex tipprovdi aċċess wieħed minn fejn jistgħu jingħataw informazzjoni u servizzi ta' appoġġ lil riċerkaturi li jridu jidħlu għal karrieri fil-qasam tar-riċerka fi Stati Membri oħra.

Il-Kummissjoni tkompli wkoll tindirizza l-fatt jekk it-tibdil strutturali li daħal minħabba l-Proċess ta' Bolonja qiegħedx ifixkel il-mobbiltà. Id-dejta limitata disponibbli tidher li turi li l-introduzzjoni ta' strutturi bbażati fuq ċiklu ta' tlieta tista' twassal għal staġnar temporanju jew tnaqqis fil-mobbiltà ta' studenti waqt fażi ta' adattament iżda li l-istrutturi ta' Bolonja fil-prinċipju ma joħolqux ostakolu għall-mobbiltà. Ir-riżultati ta' studju li qiegħed jitlesta bħalissa mill-aġenzija nazzjonali Ġermaniża dwar il-mobbiltà transnazzjonali għal-programm Erasmus huma mistennijja għal-Novembru 2008 u għandhom jagħtu aktar dawl dwar dan is-suġġett[9].

2.4. L-impatt ta' Erasmus u Erasmus Mundus

2.4.1. L-isfond soċjali ta' studenti li qegħdin jipparteċipaw fl-Erasmus

Stħarriġ[10] jindika li l-parteċipanti tal-programm Erasmus ġeneralment jirrappreżentaw il-popolazzjoni tal-istudenti u m'għandhomx sfond aktar privileġġjat minn studenti oħrajn. Dan jindika li l-Erasmus jgħin lill studenti minn familji inqas sinjuri sabiex jistudjaw barra, b'mod li li kieku ma setgħux jagħmlu dan. Barra minn hekk, l-evidenza tal-istħarriġ tindika li l-Erasmus irnexxielu jattira ftit aktar studenti ta' dan it-tip bejn l-2000 u l-2005. Punt importanti huwa r-rwol ta' supplimenti relatati mad-dħul li ġew offruti minn ċerti Stati Membri u reġjuni.. Il-Kummissjoni ser issegwi bir-reqqa, aktar żviluppi f'din iż-żona.

2.4.2. Il-kontribut tal-Erasmus għall-Aġenda ta' Modernizzazzjoni

Studju riċenti[11] juri li l-Erasmus kellu impatt konsiderevoli fuq il-modernizzazzjoni ta' universitajiet Ewropej, notevolment fiż-żoni tal-internazzjonalizzazzjoni, l-innovazzjoni kurrikulari u l-assigurazzjoni ta' kwalità. L-attivitajiet kollha appoġġjati mill-Erasmus f'dawn it-tliet żoni huma wkoll parti integrali tal-Proċess ta' Bolonja lejn iż-Żona ta' Edukazzjoni Ogħla Ewropea. Barra minn hekk, dawn jikkontribwixxu sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-aġenda 2010 dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ fi ħdan l-Istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Il-Kummissjoni tagħti dejjem aktar importanza lil miżuri u inizjattivi li jżidu t-trasparenza tal-missjoni u l-andament ta' universitajiet billi tagħmilhom komparabbli.

2.4.3. Il-Kontribut ta' Erasmus Mundus għall-attrazzjoni Internazzjonali ta' Universitajiet Ewropej

Il-Valutazzjoni Interim tal-Erasmus Mundus[12] indikat li l-programm kompla jsaħħaħ l-attrazzjoni internazzjonali ta' universitajiet Ewropej b'diversi modi, e.ż. permezz tal-promozzjoni tal-iżvilupp ta' digrieti konġunti, doppji u multipli u permezz tal-promozzjoni tal-eċċellenza akkademika fl-edukazzjoni ogħla Ewropea. Ir-rakkommandazzjonijiet tal-Valutazzjoni Interim tqiesu waqt it-tħejjija tal-Programm Erasmus Mundus tal-futur (Erasmus Mundus II), li għandu jibda fl-2009. Bħala parti mill-programm, il-Kummissjoni appoġġjat il-Proġett ta' Promozzjoni Globali li għandu l-għan li jirriklama lill-Ewropa bħala destinazzjoni attraenti għall-istudju għal studenti minn madwar id-dinja. Il-websajt www.study-in-europe.org, parti mill-Proġett ta' Promozzjoni Globali, sar disponibbli f'Mejju 2008.

3. KONKLUżJONIJIET OPERAZZJONALI

L-OMC diġa' pprovdiet riżultati tajbin fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta' modernizzazzjoni ta' universitajiet sabiex ittejjeb l-iskop tal-missjonijiet interkonnessi tagħhom ta' edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri u s-settur tal-edukazzjoni ogħla sabiex tegħleb l-ostakoli li għad fadal u tiżviluppa metodi innovattivi. Bħalissa qiegħda fil-proċess li taġġorna l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-perjodu ta' wara l-2010..

Il-Kummissjoni se tikkontribwixxi wkoll għas-suċċess tal-Proċess ta' Bolonja u se tagħmel użu mill-Programm Erasmus/LLP, is-7 programm ta' Qafas għar-Riċerka, il-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni, kif ukoll il-Fondi Strutturali u s-self tal-BEI sabiex tippromwovi l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni ogħla Ewropea.

Azzjoni ġdida hi mistennija f'dawn l-oqsma:

Mobbiltà

Il-Kummissjoni se tanalizza kull possibbiltà sabiex ittejjeb sew il-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal fl-Ewropa u f'dan ir-rigward, se tistudja flimkien mal-Istati Membri u parteċipanti oħra kif se jingħata segwitu għar-rakkommandazzjonijiet tal-Forum ta' Esperti tal-Livell Għoli dwar il-Mobbiltà. Din tinkludi l-possibbiltà li tiġi żviluppata faċilità ta' self għal studenti Ewropej bi sħab mal-Bank Ewropew tal-Investimenti. Il-Kummissjoni tipproponi li tippubblika Green Paper f'Ġunju 2009 bħala segwitu għal-Forum ta' Livell Għoli u d-diskussjoni ta' politika ppjanata waqt il-Presidenza Franċiża, li se tindika metodi kif il-mobbiltà ta' tagħlim – mhux biss fl-Erasmus iżda f'kull forma ta' tagħlim – tista' tiġi estiża sabiex issir in-norma u mhux eċċezzjoni.

Fir-rigward ta' riċerkaturi, se jiżdiedu l-isforzi sabiex titjieb il-mobbiltà tagħhom (ġeografikament u settorali) permezz ta' kooperazzjoni mal-Istati Membri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni riċenti dwar is-Sħubija Ewropea għar-riċerkaturi kif imsemmi hawn fuq.

Kapaċitajiet Ġodda għal Impjiegi Ġodda

Il-Kummissjoni se tappoġġja inizjattivi li jgħinu jiddefinixxu kapaċitajiet ġodda għal impjiegi ġodda għal serje ta' żoni professjonali, billi tkompli tibni fuq ix-xogħol li sar fil-qasam ta' riżultati ta' tagħlim u kompetenzi għal edukazzjoni ogħla (EQF, Il-Qafas ta' Kwalifiki ta' Bolonja[13], Konverġenza tal-Istrutturi tal-Edukazzjoni fl-Ewropa[14]). Dan għandu jgħin sabiex tiġi żviluppata r-riflessjoni dwar kif universitajiet jistgħu jipprovdu taħlita tajba ta' kapaċitajiet u kompetenzi fis-suq tax-xogħol, li kien wieħed mill-għanijiet imfassal fill-komunikazzjoni 2006 dwar il-modernizzazzjoni ta' universitajiet.

Kooperazzjoni bejn l-Universitajiet u n-Negozju

Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa l-Forum għall-kooperazzjoni bejn l-Universitajiet u n-Negozju imniedi fi Frar 2008 b'avvenimenti ippjanati fil-Ħarifa 2008 u r-Rebbiegħa 2009. Din se tippubblika Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-Universitajiet u n-Negozju fl-2009

Trasparenza fl-andament tal-edukazzjoni ogħla

Il-Kummissjoni qiegħda tappoġġja studju tal-possibbilitajiet sabiex tinħoloq Kollezzjoni ta' Dejta tal-Universitajiet Ewropej sabiex tiżviluppa sett ta' dejta komparabbli sabiex isiru punti ta' gwida internazzjonali tal-universitajiet li mistenni joħorġu l-ewwel rużultati tagħhom sa l-2009, u tikkontribwixxi għall-Evalwazzjoni tar-Riżultati ta' Tagħlim ta' Edukazzjoni Ogħla (AHELO) mill-OECD.

Il-Kummissjoni se tappoġġja inizjattivi bi skop globali sabiex tiżviluppa metodi aktar b'saħħithom u aktar affidabbli għall-klassifikazzjoni u l-evalwazzjoni tal-andament ta' universitajiet billi tkopri l-missjonijiet differenti tagħhom.

Konklużjoni

Permezz ta' dawn l-inizjattivi, kif ukoll permezz tal-programmi tagħha u d-djalogu kontinwu ta' politika ma' kull min hu kkonċernat, il-Kummissjoni se tkompli tgħin lill-Istati Membri u lill-universitajiet sabiex jiksbu l-għanijiet ta' riforma kif jidhru fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Novembru 2007.

[1] http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/07/st03/st03637-re01.en08.pdf

[2] Ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali ta' għalliema u riċerkaturi hija diġà koperta mid-Direttiva 2005/36/KE tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali. Din id-Direttiva tissimplifika, timmodernizza u tikkonsolida 15-il Direttiva eżistenti bejn l-1975 u l-1999. Din kellha tiġi implimentata fl-Istati Membri sal-20 ta' Ottubru 2007.

[3] ECTS: Is-Sistema Ewropea ta’ Trasferiment u Akkumulazzjoni ta’ Krediti EQF: Qafas Ewropew tal-Kwalifiki; EIT: L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

[4] "Twassil għal riżultati fuq l-Aġenda ta' Modernizzazzjoni għal Universitajiet: Edukazzjoni, Riċerka, Innovazzjoni", COM(2006) 208

[5] COM(2007) 161 "Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi ġodda"

[6] COM (2008) 317 finali " Karrieri aħjar u aktar mobilità: Sħubija Ewropea għar-riċerkaturi"

[7] www.ec.europa.eu/euraxess

[8] Servizz ta' Skambju Akkademiku Ġermaniż DAAD, ara www.daad.de

[9] Manuel Souto Otero u Andrew McCoshan, Stħarriġ tal-Isfond Soċjo-Ekonomiku tal-istudenti tal-ERASMUS, Rapport Finali, DG EQC 01/05, 2006Schnitzer, Klaus und Middendorff, Elke, EUROSTUDENT 2005. Kundizzjonijiet Soċjali u Ekonomiċi tal-Ħajja tal-Istudent fl-Ewropa 2005

[10] L-impatt tal-ERASMUS fuq l-Edukazzjoni Ogħla Ewropea: kwalità, ftuħ u internazzjonalizzazzjoni – konklużjonijiet preliminari. Awwissu 2008, CHEPS, INCHER-Kassel u ECOTEC

[11] Ċentru għas-Servizzi ta' Strateġija u Valutazzjoni LLP, Valutazzjoni Interim tal-Erasmus Mundus, Rapport Finali, Ġunju 2007, ara http://ec.europa.eu/education/programmes/mundus/news_en.html

[12] http://www.ond.vlaanderen.be/hogeronderwijs/bologna/documents/QF-EHEA-May2005.pdf

[13] http://tuning.unideusto.org/tuningeu/