52008DC0610

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja /* KUMM/2008/0610 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 8.10.2008

KUMM(2008) 610 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

DWAR L-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2003/86/KE DWAR ID-DRITT GĦAL RIUNIFIKAZZJONI TAL-FAMILJA

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

DWAR L-APPLIKAZZJONI TAD-DIRETTIVA 2003/86/KE DWAR ID-DRITT GħAL RIUNIFIKAZZJONI TAL-FAMILJA

1. INTRODUZZJONI

Fit-22 ta' Settembru 2003 il-Kunsill adotta d-Direttiva 2003/86/KE li tistipula regoli komuni dwar l-eżerċizzju tad-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stati Membri (minn hawn 'l quddiem "id-Direttiva"). Din tapplika għall-Istati Membri kollha apparti l-Irlanda, id-Danimarka u r-Renju Unit[1].

Dan ir-rapport jissodisfa l-obbligu tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 19 tad-Direttiva u jsegwi mal-Komunikazzjoni dwar "Il-Politika Komuni għall-Immigrazzjoni fl-Ewropa" tas-17 ta' Ġunju 2008[2], fejn il-Kummissjoni ħabbret valutazzjoni tal-implimentazzjoni. Dan iqassar it-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Istati Membri, jidentifika problemi possibbli u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar l-applikazzjoni xierqa.

Ir-rapport hu bbażżat fuq żewġ studji tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva[3] u fuq informazzjoni minn studji oħrajn[4]. Skont l-Artikolu 3 (3) tad-Direttiva, din ma tittrattax is-sitwazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni.

2. Kuntest Storiku u politiku

Id-Direttiva tifforma l-ewwel sett ta' miżuri bbażati fuq l-Artikolu 63(3)(a) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej dwar id-dħul u l-kondizzjonijiet ta' residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi. Peress li t-test adottat għadda minn xi tibdiliet sostanzjali - ħafna drabi iktar restrittivi – f’paragun mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni u ġie eqreb għar-regoli nazzjonali eżistenti, kien ikkunsidrat esklussivament bħala l-ewwel pass ta' armonizzazzjoni.

Għall-aħħar 20 sena, ir-riunifikazzjoni tal-familja kienet waħda mis-sorsi prinċipali ta' immigrazzjoni lejn l-UE. Illum f'ħafna Stati Membri, ir-riunifikazzjoni tal-familja hi kkunsidrata bħala parti kbira (u li għada tikber) tal-migrazzjoni legali. Diskussjonijiet dwar il-ġestjoni iktar effettiva tad-dħul kbir ta' migranti taħt ir-riunifikazzjoni tal-familja wasslet għal numru ta' bidliet fil-politika, ħafna minnhom ta’ natura restrettiva, f'xi Stati Membri. Dawn il-bidliet iridu jkunu konformi mad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja kif inhu stipulat fid-Direttiva.

2.1. Monitoraġġ u l-istat ta’ traspożizzjoni

L-Istati Membri kellhom iwettqu t-traspożizzjoni sat-3 ta’ Ottubru 2005[5]. L-uffiċjali tal-Kummissjoni assistew l-Istati Membri f'dan il-proċess permezz ta' laqgħat regolari ma' esperti nazzjonali.

Wara l-iskadenza tad-data ta' għeluq tat-traspożizzjoni, bdew proċeduri ta' ksur kontra 19-il Stat Membru minħabba nuqqas ta' komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom. Sussegwentement, skont l-Artikolu 226 tat-Trattat, il-Kummissjoni indirizzat għaxar opinjonijiet motivati. Ittieħdu deċiżjonijiet sabiex jitressqu każijiet quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) fir-rigward ta’ erba' Stati Membri: tlieta minnhom ġew irtirati u ngħatat sentenza fil-konfront ta’ pajjiż wieħed[6].

Mill-24 Stat Membru marbut bid-Direttiva, bħalissa wieħed biss (il-Lussemburgu) għadu fil-proċess tat-traspożizzjoni[7] u ieħor (Spanja) għadu ma inkludiex referenza espliċita formali (klawsola ta' armonizzazzjoni) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

2.2. Każ tal-ECJ C-540/03.

Il-Parlament Ewropew ressaq azzjoni kontra l-Kunsill sabiex jannulla xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Huwa sostna li d-dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri biex f'ċerti każijiet jirrestrinġu d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja (Artikolu 4(1) l-aħħar inċiż, Artikolu 4(6) u Artikolu 8) mhumiex konformi mad-dritt tar-rispett għall-ħajja tal-familja u l-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni mħaddna fl-Artikoli 8 u 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR).

Fis-sentenza tiegħu tas-27 ta' Ġunju 2006, l-ECJ iddeċieda li d-Direttiva ma tmurx kontra d-dritt fundamentali tar-rispett għall-ħajja tal-familja, l-aħjar interessi tat-tfal jew il-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' età. Din id-deċiżjoni għandha implikazzjonijiet għal kif l-Istati Membri jridu jimplimentaw id-Direttiva. B'mod partikolari, il-Qorti enfassizzat li d-drittijiet fundamentali jorbtu lill-Istati Membri meta jimplimentaw ir-regoli tal-Komunità, u li jridu japplikaw ir-regoli tad-Direttiva b'mod konsistenti mar-rekwiżiti li jirregolaw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-iktar fir-rigward tal-ħajja tal-familja u l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal minorenni[8].

3. ID-DISPOżIZZJONIJIET ġENERALI

3.1. Id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (Artikolu 1)

Id-Direttiva tirrikonoxxi l-eżistenza ta' dritt għal riunifikazzjoni tal-familja. Il-Każ 540/03[9] jikkonferma b'mod espliċitu l-eżistenza ta' dan id-dritt, fejn isostni li d-Direttiva timponi obbligu preċiż u pożittiv fuq l-Istati Membri, li titlobhom f'każijiet iddeterminati mid-Direttiva sabiex jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta' ċerti membri tal-familja tal-isponsor u ma tħallilhom l-ebda flessibilità f'dan.

Dan id-dritt soġġettiv hu rikonoxxut mill-Istati Membri kollha, jew b'mod espliċitu billi jirreferu għad-"dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja" jew billi jużaw formulazzjonijiet li ma jħallu l-ebda spazju għal manuvri fil-każijiet koperti mid-Direttiva.

3.2. Ambitu ta' applikazzjoni (Artikolu 3)

- Min jista' jkun sponsor?

Sabiex ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunu eliġibbli bħala sponsors għar-riunifikazzjoni tal-familja jrid ikunu jirrisjedu legalment ġo Stat Membru, ikollhom permess ta' residenza validu tal-inqas sena (irrispettivament mit-titlu ta' residenza) u jkollhom prospetti raġonevoli li jiksbu dritt ta' residenza permanenti.

L-approċċi tal-Istati Membri jvarjaw meta japplikaw din id-dispożizzjoni mandatorja. Il-maġġoranza jippermettu r-riunifikazzjoni tal-familja b'permess ta' residenza temporanja iżda jeħtieġu perjodu minimu ta' residenza (Franza 18-il xahar, Spanja tiġdid tal-permess ta' residenza tal-inqas għal sena iktar), filwaqt li r-Repubblika Ċeka u Spanja jeħtieġu li l-permess ikun permanenti. Erba' Stati Membri jirreferu b'mod espliċitu li għandhom prospetti raġonevoli li jiksbu d-dritt ta' residenza permanenti (Ċipru, Malta, il-Litwanja, il-Lussemburgu).

Din hi problematika f'Ċipru fejn hemm regola ġenerali ta' residenza massima ta' erba' snin mingħajr il-possibbiltà ta’ tiġdid ulterjuri wara dan il-perjodu (bl-eċċezzjoni ta' persuna impjegata minn kumpanija internazzjonali), u għalhekk ċittadini ta' pajjiżi terzi jidhru li huma esklużi mid-dritt għal applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

- Membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni

Kemm l-isponsor u kemm il-membru tal-familja tiegħu/tagħha jridu jkunu ċittadini ta' pajjiż terz sabiex jaqgħu taħt l-ambitu tad-Direttiva, b'hekk il-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-Unjoni huma esklużi mid-Direttiva. Huma koperti mid-Direttiva 2004/38/KE[10], li tapplika esklussivament għal dawk iċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu lejn jew jirrisjedu fi Stat Membri għajr dak li huma ċittadini tiegħu. Għalhekk ir-riunifikazzjoni tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu fi Stat Membru tan-nazzjonalità tagħhom mhiex soġġetta għall-liġi tal-Komunità.

Hi għalhekk ir-responsabbilità tal-Istat Membru li jistipula r-regoli dwar id-dritt tal-membri tal-familja taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jingħaqdu maċ-ċittadini tiegħu. Jekk Stat Membru japplika regoli għaċ-ċittadini tiegħu li huma inqas favorevoli minn dawk tad-Direttiva, l-istatus legali taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jista' jmur għall-agħar meta tinkiseb iċ-ċittadinanza fi Stat Membru li dwar dan għandu regoli inqas favorevoli għaċ-ċittadini tiegħu. Dan hu l-każ f'erba' pajjiżi: Ċipru, il-Litwanja, il-Ġermanja, l-Olanda.

- Applikanti għall-ażil u protezzjoni temporanja jew sussidjarja

Id-Direttiva teskludi wkoll mill-ambitu tagħha ċittadini ta' pajjiżi terzi taħt protezzjoni temporanja jew sussidjarja u applikanti għall-ażil[11]. B'hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri tvarja dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta' refuġjati li ma jaqgħux fl-ambitu tal-Konvenzjoni. L-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, il-Finlandja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, l-Iżvezja japplikaw id-Direttiva lill-benefiċjarji ta' protezzjoni sussidjarja minkejja l-esklużjoni msemmija hawn fuq.

Il-Kummissjoni hi marbuta[12] li tagħlaq din id-diskrepanza fil-liġi tal-Komunità. Għalhekk ser teżamina emendi possibbli għad-Direttiva dwar il-Kwalifika biex testendi r-regoli tal-komunità dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja lill-benefiċjarji ta' protezzjoni sussidjarja.

4. Dispożizzjonijiet speċifiċi

4.1. Membri tal-familja eliġibbli (Artikolu 4 (1))

Il-membri tal-familja titolati li jissieħbu mal-isponsor huma "il-familja nukleari" tal-inqas: il-konjuġi tal-isponsor u l-ulied minorenni tal-isponsor jew tal-konjuġi b'dawn ir-restrizzjonijiet permissibbli.

- Il-konjuġi

L-ewwel nett bil-projbizzjoni ta' żwieġ poligamu, ir-riunifikazzjoni ta' wieħed mill-konjuġi biss hi permissibbli, u d-dħul ta' ulied ta' iktar konjuġi biex jingħaqdu mal-isponsor jista' jkun irrifjutat. It-tieni nett, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu età minima kemm għall-isponsors kif ukoll għall-konjugi.

Il-maġġoranza tal-Istati membri għamlu użu minn din il-klawsola mhux obbligatorja, fejn targumenta li tista' tgħin tipprevjeni żwiġijiet sfurzati. Ħamsa (il-Belġju, Ċipru, il-Litwanja, Malta, l-Olanda) stabbilixxu l-età għal 21 sena, il-limitu massimu taħt id-Direttiva. Wieħed (Ċipru) għandu kriterju ieħor, li jeħtieġ li ż-żwieġ ikun seħħ sena qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni.

L-ammissibilità ta' tali kondizzjonijiet addizzjonali f'Ċipru hi dubjuża fin-nuqqas ta' tali restrizzjoni fid-Direttiva u fid-dawl tas-sentenza tal-ECJ[13].

- L-ulied minorenni

L-ulied minorenni huma dawk taħt l-eta tal-maturità stipulata b'mod nazzjonali (normalment 18-il sena) u li mhumiex miżżewġin. Id-Direttiva tippermetti żewġ restrizzjonijiet addizzjonali sakemm dawn kienu diġà parti tal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fid-data tal-implimentazzjoni. L-ewwel nett, tfal ikbar minn 12-il sena li jaslu independentement mill-bqija tal-familji tagħhom jista' jkollhom jagħtu prova li jissodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa taħt il-leġislazzjoni nazzjonali. Is-sentenza C-540/03 qalet li minkejja dawn id-dispożizzjonijiet l-Istati Membri xorta jridu jirrispettaw l-aħjar interessi tat-tfal[14]. Żewġ Stati Membri biss japplikaw din id-deroga (il-Ġermanja, Ċipru).

Ċipru adotta dispożizzjonijiet nazzjonali li jintroduċu dawn il-kondizzjonijiet ta' integrazzjoni wara l-iskadenza tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

It-tieni restrizzjoni possibbli hi rigward tfal ikbar minn 15-il sena fid-data tal-applikazzjoni li jista jkunu meħtieġa li jidħlu fi Stat Membru fuq bażijiet oħra għajr ir-riunifikazzjoni tal-familja. L-ebda Stat Membru ma implimenta din ir-restrizzjoni. Peress li l-imsemmi Artikolu hu klawsola ta' waqfien (tista' tiġi introdotta biss qabel id-data tal-implimentazzjoni), tali limitazzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali huma projbiti.

4.2. Membri oħrajn tal-familja (Artikolu 4 (2))

Addizzjonali mal-familja nukleari, l-Istati Membri jistgħu jinkludu bħala membri tal-familja, ġenituri dipendenti u ulied adulti mhux miżżewġa tal-isponsor jew tal-konjuġi tiegħu/tagħha, u sieħeb mhux miżżewweġ (relazzjoni twila jew sħubija rreġistrata murija kif suppost) tal-isponsor.

Iktar minn nofs tal-Istati Membri[15] jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja għall-ġenituri tal-isponsor u/jew tal-konjuġi tiegħu/tagħha, filwaqt li seba' jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta' sieħeb mhux miżżewweġ (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Olanda, l-Iżvezja, il-Portugall, il-Litwanja) jew taħt sħubija rreġistrata jew relazzjoni twila bbażata fuq evidenza.

Id-Direttiva tgħid ukoll li meta minorenni hu refuġjat rikonoxxut, l-Istati Membri jridu jawtorizzaw id-dħul u r-residenza tal-ġenituri mingħajr il-kondizzjonijiet ta' dipendenza u n-nuqqas ta' appoġġ familjari xieraq. Din id-dispożizzjoni mandatorja mhix implimentata fil-Bulgarija.

Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) u (3) jippermetti lill-Istati Membri biex jawtorizzaw id-dħul u r-residenza ta' "membri oħrajn tal-familja" " soġġetti għall-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fil-kapitolu IV. " Konsegwentement, la darba l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħtu din il-possibbilità, japplikaw il-kondizzjonijiet standard stabbiliti mid-Direttiva.

4.3. Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja

4.3.1 Akkomodazzjoni (Artikolu 7(1) (a))

Il-maġġoranza tal-Istati Membri introduċew u/jew żammu l-kondizzjonijiet tal-akkomodazzjoni, minbarra l-Finlandja, l-Olanda, is-Slovenja u l-Iżvezja. L-arranġamenti prattiċi jvarjaw, uħud jirreferu biss għall-karattru "normali" tal-akkomodazzjoni, oħrajn jużaw approċċ iktar preċiż bħal pereżempju li jispeċifikaw il-metri kwadri meħtieġa għal kull persuna addizzjonali.

Il-prattika (l-Awstrija, il-Belġju) li titlob lill-isponsor biex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti qabel id-dħul tal-membri tal-familja tiegħu/tagħha hi dubjuża peress li t-tul ta' żmien tal-proċedura tar-riunifikazzjoni tista' timponi piż finanzjarju konsiderevoli fuq l-isponsor.

Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva, ir-refuġjati mhumiex meħtieġa li jipprovdu evidenza dwar l-akkomodazzjoni. Il-Polonja ma tissodisfax din id-dispożizzjoni peress li timponi l-kondizzjoni tal-akkomodazzjoni fuq ir-refuġjati wkoll.

4.3.2 Assigurazzjoni kontra l-mard (Artikolu 7(1)(b))

Din il-possibbilità hi użata minn nofs l-Istati Membri[16]. L-Ungerija tuża sistema alternattiva fejn tistipula li huma meħtieġa jew assigurazzjoni għas-saħħa jew riżorsi finanzjarji biż-żejjed, li hi dubjuża peress li din tista' titqies bħala impożizzjoni ta' kondizzjoni addizzjonali.

4.3.3 Riżorsi stabbli u regolari (Artikolu 7(1)(c))

L-Istati Membri kollha minbarra l-Iżvezja jużaw dan il-kriterju, iżda b'modalitajiet differenti: jew mingħajr ma jkunu iktar preċiżi (Ċipru) jew billi jiddelegaw tali preċiżjoni lid-dispożizzjonijiet lokali (il-Ġermanja) jew billi jirreferu għall-paga minima (Franza, il-Lussemburgu, ir-Rumanija, il-Litwanja) jew għad-dħul minimu fejn inqas minn dan huma mogħtija allokazzjonijiet soċjali (l-Awstrija). Id-dħul fix-xahar approssimattiv meħtieġ ivarja minn € 120 (il-Polonja) sa € 1 484 (l-Olanda). Xi Stati Membri jipprovdu għall-limiti li jiżdiedu b'mod proporzjonali man-numru tal-membri tal-familja li għandhom jingħaqdu mal-isponsor.

L-approċċi ta' 3 Stati Membri jqajmu tħassib partikolari: Fl-Estonja l-ammont meħtieġ hu kważi rdupjat b'membru tal-familja addizzjonali, u fil-Finlandja ż-żieda hi € 450 għal kull wild li jingħaqad mill-ġdid. Dispożizzjoni speċifika fl-Olanda li fuq kollox titlob għall-ogħla livell ta' dħul tista' tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq bażi ta' età[17]. Għall-formazzjoni tal-familja,[18] hu mitlub 120% tal-paga minima legali ta' ħaddiem ta' 23 sena minn kull sponsor irrispettivament mill-età tagħhom. Barra minn hekk, huwa wkoll meħtieġ kuntratt ta' impjieg tal-inqas sena jew rekord ta' impjieg ta' tliet snin. Dawn il-kondizzjonijiet kollha jistgħu jfixklu d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, speċjalment għaż-żgħażagħ.

4.3.4 Miżuri ta' integrazzjoni (Artikolu 7 (2))

Din il-klawsola mhux obbligatorja tippermetti lill-Istati Membri biex jitolbu li ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jissodisfaw il-miżuri ta' integrazzjoni, li fil-każ tal-membri tal-familja tar-refuġjati jistgħu jkunu applikati la darba hi mogħtija r-riunifikazzjoni tal-familja[19].

Xi ftit Stati Membri introduċew miżura ta' integrazzjoni fil-leġislazzjoni nazzjonali. Tlieta minnhom (l-Olanda, il-Ġermanja, Franza) jużawha bħala kondizzjoni qabel id-dħul fit-territorju. Bl-eċċezzjoni ta' ċerti nazzjonalitajiet, il-Ġermanja titlob li l-konjuġi jkollu għarfien bażiku tal-Ġermaniż qabel id-dħul, li jrid jintwera' f'konsulat. Fi Franza l-ħruġ tal-viża hi kkondizzjonata fuq valutazzjoni tal-għarfien tal-lingwa u fejn il-profiċjenza tal-lingwa hi insuffiċjenti, fuq l-attendenza tal-korsijiet tal-lingwa. Ladarba l-membru tal-familja ġie ammess biex jgħix fi Franza, hu jrid jiffirma kuntratt ta' "lqugħ u integrazzjoni" li jobbligah li jieħu korsijiet taċ-ċivika u, fejn hu meħtieġ, korsijiet tal-lingwa. L-Olanda teħtieġ li l-membri tal-familja jgħaddu minn test partikolari[20] ta' integrazzjoni li jkopri l-lingwa u l-għarfien tas-soċjetà Olandiża li jista' jittieħed biss fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom. Ċerti nazzjonalitajiet, gruppi u migranti ta' kapaċitajiet għolja huma eżentati. Jekk kandidat ma jgħaddix mit-test, id-deċiżjoni ma tistax tiġi appellata, iżda t-test jista' jerġa' jittieħed bl-istess prezz. Stati Membri oħra (l-Awstrija, Ċipru, il-Greċja) jitolbu lill-membri tal-familja biex jipparteċipaw fil-korsijiet ta' integrazzjoni (l-iktar korsijiet tal-lingwa) jew li jgħaddu minn eżamijiet tal-lingwa wara l-ammissjoni. Uħud jagħmluha kondizzjoni għar-residenza permanenti biss (il-Litwanja) jew jipprevedu l-possibbilità li jaqtaw il-benefiċċji (il-Ġermanja) fil-każ ta' nuqqas ta' konformità.

L-għan ta' tali miżuri hu li jiffaċċilita l-integrazzjoni tal-membri tal-familja. L-ammissibilità taħt id-Direttiva tiddependi fuq jekk iservux dan l-għan u jekk jirrispettawx il-prinċipju tal-proporzjonalità. L-ammissibbilità tagħhom tista' tkun dubjuża fuq il-bażi tal-aċċessibbilità għal tali korsijiet jew eżamijiet, kif inhuma ddisinjati u/jew organizzati (materjali tal-eżamijiet, ħlas, post, eċċ) jekk tali miżuri jew l-impatt tagħhom iserviex għanijiet oħra barra integrazzjoni (per eżempju ħlas għoli li jeskludi familji bi dħul baxx). Is-salvagwardja proċedurali sabiex tassigura d-dritt li joħolqu każ legali, għandha wkoll tiġi rrispettata.

4.3.5 Perjodu ta' stennija u kapaċità ta' lqugħ (Artikolu 8(1)

Apparti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri jintroduċu perjodu minimu ta' residenza legali (ta' mhux aktar minn sentejn)[21] qabel ma sseħħ ir-riunifikazzjoni tal-familja.

Dan ifisser li l-applikazzjoni tista' tkun preżentata, iżda l-Istati Membri jistgħu jdewmu l-għotja tar-riunifikazzjoni tal-familja sal-iskadenza tal-perjodu ddeterminat mill-leġislazzjoni. Għalhekk il-problemi ta' implimentazzjoni jinħolqu ma' kull Stat Membru li jistipula din il-kondizzjoni ta' residenza ta' sentejn biex iseħħ fil-mument tal-applikazzjoni biss (Ċipru, l-Estonja, il-Greċja u l-Litwanja).

It-tieni inċiż jipprovdi perjodu ta' stennija ta' tliet snin li jingħaddu mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni, iżda biss f'dawk l-Istati Membri li diġà kkunsidraw l-kapaċità ta' lqugħ fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva. Din id-deroga ta' waqfien kienet mitluba speċifikament mill-Awstrija - l-uniku Stat Membri li qiegħed jużha - peress li kellu sistema ta' kwota fil-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu. Wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva u s-sentenza li ġejja tal-ECJ[22] l-Awstrija mmodifikat id-dispożizzjonijiet tagħha biex b'hekk tliet snin wara li titressaq applikazzjoni, irid jingħata permess ta' stabbiliment bl-iskop tar-riunifikazzjoni tal-familja indipendetement mill-kwota.

Din il-previżjoni tipprekludi l-introduzzjoni tan-nozzjoni tal-kapaċita' tal-lqugħ bħala kondizzjoni fil-liġi nazzjonali.

4.3.6 Restrizzjonijiet possibbli fuq bażi ta' ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika (Artikolu 6)

L-Istati Membri użaw metodi differenti għall-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni, uħud jirreferu għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-acquis ta' Schengen, oħrajn jirreferu għall-reati kriminali b'sentenza ta' kustodja.

Premessa 14 tad-Direttiva tagħti xi indikazzjonijiet ta' x'tista' tikkostitwixxi theddida għall-politika pubblika u s-sigurtà pubblika, iżda l-bqija hu f'idejn l-Istati Membri li jistabilixxu l-istandards konformi mal-prinċipju ġenerali tal-proporzjonalità u l-Artikolu orizzontali 17 li jobblighom jikkunsidraw in-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet tal-persuni u t-tul ta' żmien ta' residenza, jiżnuha mas-severità u t-tip ta' offiza kontra l-politika pubblika jew is-sigurtà. Il-kriterju tas-saħħa pubblika jista' jiġi applikat sakemm mard jew disabbilità ma jkunx ir-raġuni esklussiv għall-irtirar jew nuqqas ta' tiġdid ta' permess ta' residenza. Tliet Stati Membri mhumiex konformi ma' dan (l-Estonja, is-Slovenja, ir-Rumanija)[23].

4.4. Regoli proċedurali

4.4.1 Proċedura tal-valutazzjoni tal-applikazzjoni

- Proċedura speċifika (Artikolu 5(1))

Il-maġġoranza tal-Istati Membri għandhom proċedura speċifika għar-riunifikazzjoni tal-familja. Erbgħa biss (ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Latvja, il-Polonja) ma jqisux li hu meħtieġ li jkollhom proċedura speċifika, iżda jitrattaw ir-riunifikazzjoni tal-familja fi ħdan ir-regoli ġenerali tal-immigrazzjoni.

- L-applikant (Artikolu 5(1))

L-Istati Membri huma wkoll maqsuma dwar il-kwistjoni jekk il-membru tal-familja jew l-isponsor iridx ikun l-applikant taħt il-proċedura.

Hu l-isponsor li jintroduċi l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja f'Ċipru, fi Franza, fil-Greċja, fl-Italja, fil-Latvja, fil-Lussemburgu, f'Malta, fil-Polonja, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fi Spanja. Fl-Istati Membri l-oħra, il-membri tal-familja jistgħu wkoll jintroduċu l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni, minbarra l-Awstrija u l-Ungerija fejn l-applikant jista' jkun biss membru tal-familja. Fil-Portugall il-membru tal-familja japplika biss jekk hu jinsab il-Portugall, fi kwalunkwe każ ieħor l-isponsor irid jippreżenta l-applikazzjoni.

- Post tal-applikazzjoni (l-Artikolu 5 (3))

Id-Diretiva teħtieġ li l-membru tal-familja jirrisjedi barra t-territorju tal-Istat Membru fiż-żmien tal-applikazzjoni, u jippermetti biss deroga f'ċirkustanzi xierqa.

Ħames Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall) jimpedixxu din id-dispożizzjoni peress li lanqas biss japplikaw ir-regola primarja tal-membri tal-familja li jridu jgħixu barra t-territorju tagħhom. L-Istati Membri kollha l-oħra, minbarra Ċipru, japplikaw din id-deroga u jippermettu applikazzjoni anke jekk il-membru tal-familja qiegħed diġà fl-Istat Membru, minkejja li l-ambitu tad-deroga tvarja b'mod sostanzjali. Uħud jagħmluha possibbli biss fuq raġunijiet umanitarji (l-Awstrija), uħud jitolbu biss lill-membru tal-familja biex jgħix legalment, u oħrajn jaċċetawha jekk ir-ritorn tal-applikant lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu mhux raġonevoli (il-Ġermanja).

- Evidenza bil-miktub (Artikolu 5(3))

Il-lista ta' dokumenti meħtieġa tvarja bejn l-Istati Membri. Uħud għandhom lista ddettaljata ħafna, filwaqt li oħrajn jirreferu biss għal rekwiżiti ġenerali (l-Iżvezja, il-Ġermanja, Malta, Spanja, il-Litwanja) u b'hekk iħallu l-awtoritajiet f'libertà konsiderevoli.

Id-Direttiva tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tar-refuġjati, li tgħid li l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw evidenza oħra fejn refuġjat ma jistax jipprovdi dokument uffiċjali li jagħti prova ta' rbit tal-familja. L-Estonja mhix konformi ma' din id-dispożizzjoni: hi ssostni li n-nuqqas ta' dokument uffiċjali tista' tirriżulta f'rifjut. Id-dispożizzjoni tal-Olanda li tpoġġi l-piż tal-prova fuq ir-refuġjat biex juri li hi impossibli għalih li jipprovdi tali dokument hi wkoll dubjuża.

- Intervisti u investigazzjonijiet (Artikolu 5 (2))

L-Istati membri kollha jużaw il-possibbilità li jwettqu intervisti u li jagħmlu investigazzjonijiet jekk hu meqjus neċessarju. Xi Stati Membri (l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, il-Finlandja, Franza, l-Italja, Spanja, il-Litwanja, l-Iżvezja, l-Olanda) introduċew il-possibbilità ta' testijiet tad-DNA biex jagħtu prova tal-irbit tal-familja. Din hi possibbilità għall-applikant biss u, fil-maġġoranza tal-każijiet, l-awtoritajiet iridu jħalsu l-ispejjeż (minbarra l-Litwanja u l-Belġju, u l-Olanda fejn huma mħallsin lura biss jekk it-test ta prova tal-irbit tal-familja).

Sabiex ikunu ammissibbli taħt il-liġi tal-Komunità l-intervisti u/jew investigazzjonijiet oħra jridu jkunu proporzjonali –b'hekk ma jistgħux irendu invalidu d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja- u rispett tad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt għall-privatezza u l-ħajja tal-familja.

- Żwieġ, sħubija jew adozzjoni ta' konvenjenza (Artikolu 16(4))

Din id-dispożizzjoni tippermetti l-Istati Membri biex iwettqu kontrolli speċifiċi u spezzjonijiet fejn ikun hemm raġuni ta' suspett ta' frodi jew żwieġ, sħubija jew adozzjoni ta' konvenjenza. Kull sistema nazzjonali għandha regoli għall-prevenzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja jekk relazzjoni teżisti għall-għan esklussiv għall-ksib ta' permess ta' residenza.

Il-leġislazzjoni tal-Awstrija hi problematika għax tirrifletti suspett ġenerali billi tapplika din id-dispożizzjoni b'mod sistematiku, jiġifieri, l-uffiċċji tar-reġistru jridu jissottomettu informazzjoni fuq kull żwieġ li jinvolvi ċittadin ta' pajjiż terz irrispettivament ta' kwalunkwe suspett, li mbagħad irid ikun segwit mill-Pulizija tal-Frustiera. F'tendenza simili, fl-Olanda jekk wieħed mis-sħab m'għandux nazzjonalità Olandiża, qabel ma jiffirma żwieġ jew sħubija rreġistrata, ir-reġistrar irid l-ewwel jitlob dikjarazzjoni mill-Kap tal-Pulizija.

- Ħlasijiet

Fl-Istati Membri kollha, minbarra l-Italja u l-Portugall, l-applikanti jridu jħalsu l-ħlasijiet. Mhux dejjem ikun ċar jekk il-ħlasijiet ikunux għall-viża jew għall-applikant innifsu. L-ammont totali jvarja minn ammont simboliku għall-ispejjeż amministrattivi fil-Belġju u fi Spanja u ħlas ta' € 35 fir-Repubblika Ċeka u fl-Estonja, għal €1,368 fl-Olanda[24]. Bħala medja l-ħlas hu bejn € 50 u € 150.

Id-Direttiva ma tirregolax l-ħruġ ta' ħlasijiet amministrattivi li jridu jitħallsu f'din il-proċedura. Madankollu, l-Istati Membri m'għandhomx jistabbilixxu ħlas b'tali mod li jista' jnaqqas l-effet tad-Direttiva meta hu eżerċitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja.

4.4.2 Deċiżjoni Amministrattiva

- Tul tal-proċedura (Artikolu 5(4))

Għandha tingħata notifika bil-miktub tad-deċiżjoni lill-applikant malajr kemm jista' jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn disgħa xhur mid-data ta' meta tkun saret l-applikazzjoni.

Il-perjodi huma stabbiliti għal medja ta' tliet xhur jew ir-regoli ġenerali huma applikati, dawn ikunu fi żmien disgħa xhur. Erbatax-il Stat Membru juza' l-għażla fid-Direttiva li testendi l-limitu ta' żmien f'ċirkustanzi eċċezzjonali magħquda mal-kumplessità tal-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni.

Is-sitwazzjoni hi problematika f'żewġ Stati Membri. Il-Bulgarija tipprovdi biss għall-perjodu ta' żmien rakkomandat ta' sebat ijiem. Lanqas fi Spanja mhemm data ta' skadenza legali, iżda l-prattika turi li l-perjodu meħieġ minn din id-dispożizzjoni ġie sodisfatt.

- Deċiżjoni motivata u bil-miktub (Artikolu 5(4))

L-Istati Membri kollha huma konformi mal-kriterji li jkollhom deċiżjoni bil-miktub u li jagħtu raġuni meta applikazzjoni tiġi miċħuda. Il-Latvja hu l-unika Stat Membru li ma jispeċifikax l-konsegwenzi ta' nuqqas ta' teħid ta' deċiżjoni sal-aħħar tal-perjodu massimu ta' disa' xhur. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri n-nuqqas ta' deċiżjoni tagħti l-possibbiltà li jsibu rimedju Fil-Belġju, fl-Italja u fil-Portugall in-nuqqas ta' deċiżjoni hi awtorizzazzjoni implċita, filwaqt li fil- Bulgarija, fi Franza, fil-Greċja u fil-Lussemburgu taħdem bil-kontra u tikkostitwixxi ċaħda impliċita.

- L-aħjar interess tat-tfal (Artikolu 5(5))

L-implimentazzjoni ta' din il-klawsola mandatorja orizzontali jiġifieri li jiġi kkunsidrat l-aħjar interess tat-tfal minorenni meta applikazzjoni tkun eżaminata, apparentament tikkawża problemi għal ħafna Stati Membri. Dan l-obbligu mhuwiex imsemmi espressament fil-leġislazzjoni nazzjonali tal-Awstrija, tal-Greċja[25] u tal-Portugall. Il-Litwanja u l-Olanda jagħmlu biss referenza għal Artikolu 8 tal-ECHRC, li minħabba l-osservazzjonijiet tal-ECJ f' C-540/03, ma jidhirx li hu suffiċjenti għall-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni partikolari[26]. L-Ungerija tirreferi biss għall-garanziji offruti minn ftehim internazzjonali, mingħajr iktar dettalji. l-Istati Membri li huma konformi ma' din id-dispożizzjoni jagħmlu hekk jew billi jimplimentaw formalment din il-klawsola fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom jew billi jirreferu għall-konvenzjoni tal-UN dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

- Il-Klawsola Orizzontali dwar konsiderazzjoni rilevanti (Artikolu 17)

Dan l-obbligu li jikkundisra n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet tal-familja tal-persuna, it-tul ta' żmien tar-residenza tagħha fl-Istat Membru u l-eżistenza ta' rbit tal-familja, soċjali u kulturali mal-pajjiż tal-oriġini tagħha u b'hekk l-applikazzjoni ta' approċċ ta’ każ b’każ kien ukoll mfakkar speċifikament mill-ECJ fis- C-540/03. Skont is-sentenza, referenza biss għall-Artikolu 8 ECHRC ma tidhirx li tikkostitwixxi implimentazzjoni adegwata tal-Artikolu 17, li tista' tkun problematika għall-Awstrija, għall-Lussemburgu u għas-Slovakkja.

Il-problema ġenerali fit-traspożizzjoni tidher li hi li r-rekwiżiti nazzjonali għar-riunifikazzjoni tal-familja huma applikati b'mod sever ħafna, u li l-awtoritajiet mhumiex obbligati li jivalutaw l-applikazzjoni fuq bażi individwali. Din l-applikazzjoni severa tar-regoli hi evidenti fl-Olanda fir-rigward tal-limitu tal-età, ir-rekwiżit dwar dħul, ir-rekwiżit li tgħaddi minn eżami ta' integrazzjoni barra, perjodu ta' tliet xhur għar-refuġjati u l-ħtieġa għall-awtorizzazzjoni għal żjara temporanja.

- Rimedji (Artikolu 18)

F'dak li għandu x'jaqsam mad-dritt li toħloq każ legali, ir-regoli tal-Istati Membri jvarjaw b'mod konsiderevoli dwar l-ambitu materjali u personali ta' tali reviżjonijiet ġudizzjarji.

L-isponsor ma jistax ikun parti mill-proċedimenti amministrattivi u ġudizzjarji fl-Awstrija, fl-Olanda u fis-Slovenja filwaqt li fil-Ġermanja, fil-Greċja, fil-Finlandja, fil-Latvja, fil-Litwanja kemm il-membri tal-familja (bħala applikanti għar-riunifikazzjoni tal-familja) kif ukoll l-sponsors huma intitolati għar-reviżjonijiet ġudizzjarji. Skont dak li jista' jkun ikkontestat fir-reviżjoni ġudizzjarja, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Ungerija u l-Latvja eskludew il-viża u l-kwoti tal-Awstrija. Il-proċeduri tal-appell jeżistu fl-Istati Membri kollha, fil-maġġoranza tal-każijiet fi ħdan is-sistema tal-qorti ordninarja, iżda xi Stati membri għandhom tribunali speċjalizzati (il-Belġju, is-Slovenja). L-arranġamenti tar-revizjoni jvarjaw ukoll. Il-Latvja, il-Lussemburgu, il-Polonja u s-Slovakkja jirrevedu l-legalità biss, filwaqt li kemm il-fatti kif ukoll il-liġi huma riveduti fl-Italja, fl-Ungerija, fil-Litwanja, fil-Portugall u fi Spanja. Fl-Olanda l-fatti huma riveduti marġinalment biss mill-qrati. Għajnuna legali fil-każijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja hi pprovduta mill-maġġoranza tal-Istati Membri, minbarra Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja u s-Slovakkja.

Din id-dispożizzjoni ta' rimedju trid tiġi applikata b'konformità mad-dritt ta' rimedju effettiv quddiem tribunal kif inhu stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li tirrifletti każistika tal-ECJ fuq dan.

4.5. Drittijiet

4.5.1 Dħul u Residenza

- Faċilitazzjoni tal-Viża (Artikolu 13(1))

Hekk kif applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja ġiet aċċettata, l-Istati Membri jridu jawtorizzaw id-dħul tal-membri tal-familja u jagħtuhom kull faċilità għal-ksib tal-viżi meħtieġa.

L-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni mandatorja toħloq diffikultaijiet għal uħud mill-Istati Membri, fuq bażi legali u prattika.

Uħud mill-Istati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Lussemburgu, l-Olanda, is-Slovenja) ma implimentawx din id-dispożizzjoni speċifika fil-leġislazzjoni nazzjonali, u wieħed (l-Olanda) għandu regoli li huma opposti tal-faċilitazzjoni tal-viża billi jeħtieġu kontroll doppju dwar jekk ir-rekwiżiti tar-riunifikazzjoni tal-familja humiex rispettati, l-ewwel meta tapplika għal-viża biex tidħol u darboħra meta tapplika għall-permess ta' residenza. Barra minn hekk, ġiet introdotta kondizzjoni addizzjonali mhux provduta fir-Direttiva, li tippreskrivi li l-applikazzjoni tal-viża tista' tkun ippreżentata biss fil-pajjiż tal-oriġini jew fir-residenza permanenti.

- Tul ta' żmien ta' residenza (Artikolu 13(2) u (3))

l-Istati Membri jridu jagħtu lill-membri tal-familja l-ewwel permess ta' residenza għal tul ta' mill-inqas sena. Hu wkoll stipulat li t-tul ta' żmien ta' permessi ta' residenza mogħtija lill-membri tal-familja fil-prinċipju m'għandux ikun iktar tard mid-data tal-iskadenza tal-permess ta' residenza tal-isponsor.

L-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tista' toħloq problema jekk il-validità tal-permess ta' residenza tal-isponsor hi inqas minn sena fiż-żmien li jinħareġ il-permess ta' residenza tal-membri tal-familja. L-Artikolu 13(3) jidher li jirbaħ fuq 13(2). L-Istati membri (il-Greċja, il-Finlandja, ir-Repubblika Ċeka) li dejjem jallinjaw it-tul ta' żmien tal-permess ta' residenza tal-membru tal-familja ma' dak tal-isponsor jimpedixxu biss id-Direttiva jekk japplikaw din ir-regola b'finijiet ħżiena sabiex jirrestrinġu r-residenza tal-membru tal-familja. (jiġifieri jekk il-permess ta' residenza tal-isponsor hux diġà fil-proċess li jiġġedded.)

- Permess ta' residenza awtonoma (Artikolu 15)

Sa l-iktar wara ħames snin ta' residenza legali, għandu jiġi mogħti permess ta' residenza awtonomu għall-konjuġi jew sieħeb mhux miżżewweġ u għal wild li leħaq il-maturità.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri (20) jużaw dan il-massimu ta' ħames snin[27]. Il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Olanda, Franza jeħtieġu biss tliet snin ta' residenza minn qabel. Fl-Ungerija l-ħames snin jgħoddu mill-ewwel ħruġ tal-permess ta' residenza, li jista' jkun problematiku jekk il-membru tal-familja l-ewwel kellu viża qabel kiseb permess ta' residenza. Il-Finlandja implimentat d-dispożizzjoni bħala klawsola "fakultattiva" Ir-Rumanija implimentat din id-dispożizzjoni b'mod restrittiv ħafna, billi inkludiet lista magħluqa[28] fejn tiddefinixxi meta għandu jinħareġ il-permess ta' residenza awtonoma.

Jekk ir-relazzjoni tal-familja titfarrak l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għotja tal-permess ta' residenza awtonoma għall-konjuġi jew sieħeb mhux miżewweġ. 11-il Stat Membru jagħmel dan. Madankollu, 16-il Stat Membru jużaw ukoll id-dispożizzjoni mhux obbligatorja tal-għotja tal-permess ta' residenza awtonoma fil-każ ta' rmulija, divorzju jew separazzjoni, xi drabi jistqarru rbit qrib stabbiliti jew raġunijiet umanitarji bħala ġustifikazzjoni.

Id-dispożizzjoni mandatorja li tistabilixxi regoli għall-assigurazzjoni tal-għotja ta' permess ta' residenza awtonoma kien imfixkel minn seba' Stati Membri (il-Belġju, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Italja, ir-Rumanija, il-Polonja, is-Slovenja) jew billi ma stabbilixewx xi regoli[29] f'dan ir-rigward jew billi implimentaw id-dispożizzjonijiet b'tali mod li l-awtoritajiet ingħataw ammont inammissibbli ta' flessibbilità.

4.5.2 Aċċess għall-edukazzjoni u l-impjieg (Artikolu 14)

Forma relattiva ta' trattament ugwali għandu jiġi pprovdut għall-membru tal-familja. jekk l-isponsor m'għandux aċċess għal impjieg lanqas il-membru tal-familja taħt id-Direttiva. Xi Stati Membri (L-Awstrija, l-Olanda, Malta, il-Ġermanja) illimitaw l-aċċess tal-membri tal-familja għal dak li hu eżattament meħtieġ mid-Direttiva, li rriżulta bi tliet sitwazzjonijiet differenti skont l-istatus tal-isponsor. l-ebda aċċess, aċċess biss bil-permess ta' xogħol (bi jew mingħajr test tas-suq tax-xogħol) jew aċċess ħieles għas-suq tax-xogħol. Oħrajn ma jimponu l-ebda aċċess għas-suq tax-xogħol (l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Litwanja, il-Lussemburgu).

Il-maġġoranza tal-Istati Membri jeħtieġu permess li jista' f'ċerti, għalkemm limitati, każijiet ifixklu d-Direttiva (pereżempju jekk l-isponsor m'għandux bżonnu).

Fuq il-bażi tal-klawsola mhux obbligatorja fil-paragrafu (2) l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol billi jagħmluh kondizzjonali fuq test tas-suq tax-xogħol matul l-ewwel 12-il xahar. Dan hu użat minn seba' Stati Membri (l-Awstrija, Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, is-Slovenja, is-Slovakkja).

Fi tlieta minn dawn (il-Ġermanja, l-Ungerija, is-Slovenja), l-użu tal-eċċezzjoni jeċċedi dak li tippermetti d-Direttiva, peress li l-liġi nazzjonali tippermetti l-esklużjoni kompleta ta' ċerti kategoriji ta' membri tal-familja mill-impjieg matul l-ewwel sena wara l-ammissjoni, filwaqt li d-Direttiva tippermetti l-esklużjoni fuq il-bażi esklussiva ta' test tas-suq tax-xogħol.

Ġeneralment, jidher li t-traspożizzjoni tad-Direttiva rriżultat f'leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti l-membri tal-familja ammessi aċċess iktar faċli għall-impjieg.

L-ebda problema partikolari ma ġiet irrapurtata dwar l-aċċess għall-edukazzjoni, minbarra li fil-Belġju u fir-Rumanija ma implimentawx din il-proviżjoni b'mod espliċitu iżda applikawha fil-prattika; fir-Rumanija permezz tal-prinċipju ġenerali tal-liġi dwar l-ugwaljanza u nuqqas ta' diskriminazzjoni.

4.6. Riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati

Kapitlu V tad-Direttiva jirreferi għal serje ta' derogi li joħolqu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati sabiex tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni partikolari tagħhom.

Hemm problema orizzontali b'żewġ Stati Membri (Ċipru, Malta) peress li ma introduċewx dawn id-dispożizzjonijiet iktar favorevoli u tal-aħħar ma jiddistingwix bejn refuġjati u ċittadini ta' pajjiżi terzi. Problemi speċifiċi rigward Stati Membri oħrajn u dwar dispożizzjonijiet iktar favorevoli huma enfasizzatti f'dan ir-rapport.

5. Konklużjonijiet

Dan ir-rapport jezamina l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja. Dan hu l-ewwel strument leġiżlattiv dwar il-migrazzjoni legali fuq livell tal-UE u, bħala riżultat, ħafna Stati Membri[30] għall-ewwel darba għandhom sett dettaljat ta' regoli dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Ir-rapport żvela xi ftit kwistjonijiet trasversali ta' traspożizzjoni inkorretta jew nuqqas ta' applikazzjoni tad-Direttiva li jeħtieġu li jkunu enfasizzati, bħal pereżempju d-dispożizzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża, l-għotja ta' permessi ta' residenza awtonoma, il-konsiderazzjoni tal-aħjar interess tat-tfal, rimedji legali u dispożizzjonijiet iktar favorevoli għar-riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati. Il-Kummissjoni ser teżamina l-każijiet kollha fejn il-problemi ta' applikazzjoni kienu identifikati u tassigura li d-dispożizjonijiet huma applikati b'mod korrett, b'mod partikolari b'konformità mad-drittijiet fundamentali bħal pereżempju r-rispett għall-ħajja tal-familja, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għall-rimedju effettiv. Dan jimplika t-tnedija, matul l-2009, tal-passi proċedurali meħtieġa għal nuqqas ta' konformità, fejn hu xieraq skont l-Artikolu 226, b'mod partikolari f'każijiet fejn hemm differenzi ċari fl-interpretazzjoni tal-Liġi tal-Komunità bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Barra minn hekk, ir-rapport wera li l-impatt tad-Direttiva fuq l-armonizzazzjoni fil-qasam tar-riunifikazzjoni tal-familja jibqa' limitat. L-irbit ta' livell baxx li fiha d-Direttiva jħalli l-Istati Membri wisq diskrezzjoni u f'xi Stati Membri r-riżultati saħansitra kienu li dawn baxxew l-istandards meta japplikaw id-dispożizzjonijiet " fakultattivi " tad-Direttiva dwar ċerti rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja b'manjiera wiesgħa jew eċċessiva wisq. F'dan ir-rispett il-perjodu possibbli ta' stennija, l-eta' minima tal-isponsor, ir-rekwiżit tad-dħul u l-miżuri possibbli ta' integrazzjoni għandhom ikunu msemmija b'mod partikolari. Il-Kummissjoni ser tmexxi 'l quddiem dawn il-kwistjonijiet permezz ta' mezzi xierqa, inkluż is-segwitu tal-politika li l-Kummissjoni ser tagħti lil dan ir-rapport. Konformi mal-Komunikazzjoni tas-17 ta' Ġunju 2008 kif ukoll mal-Patt Ewropew tal-Immigrazzjoni li ser jinħoloq u li jidentifika r-riunifikazzjoni tal-familja bħala soluzzjoni għall-immigrazzjoni b'suċċess u qasam fejn l-Unjoni Ewropea trid tiżviluppa iktar il-politika tagħha, il-Kummissjoni biħsiebha tniedi konsultazzjoni iktar wiesgħa – fil-forma ta' Green Paper – dwar il-futur tar-reġim tar-riunifikazzjoni tal-familja.

[1] F'dan ir-rapport "l-Istati Membri" tfisser l-Istati Membri marbutin bid-Direttiva.

[2] COM (2008) 359 finali

[3] Studji mill-Odysseus network (2007) u mill-European Migration Network (2008).

[4] Centre for Migration Law, Nijmegen 2007, u studju mitlub mill-PE, Marzu 2008, C. Adam u A. Devillard, IOM. Studji oħrajn bħall-ewwel rapport ippubblikat f'Ġunju 2008 mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali dwar l-Omofobija u d-Diskriminazzjoni fuq bażi ta' orjentazzjoni sesswali jirreferu għall-kwistjonijiet speċifiċi rigward ir-riunifikazzjoni tal-familja.

[5] Ir-Rumanija u l-Bulgarija kellhom jimplimentaw il-proviżjonijiet tad-Direttiva mill-adeżjoni tagħhom fl-UE.

[6] C-57/07, sentenza tas-6.12.2007, il-Kummissjoni vs. Il-Lussemburgu .

[7] Għall-Lussemburgu, l-abbozz ta' leġiżlazzjoni kienu meħud bħala bażi għall-evalwazzjoni.

[8] Il-paragrafi 60, 62, 101 u 105 tas-sentenza.

[9] Il-paragrafu 60 tas-sentenza.

[10] Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu b'mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri.

[11] Madankollu, id-Direttiva ma tridx tiġi interpretata li qiegħda tobbliga l-Istati Membri biex jiċħdu l-benefiċjarji ta' protezzjoni temporanja jew sussidjarja d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tintitula b'mod espliċitu l-benefiċjarji ta' protezzjoni temporanja biex jerġgħu jingħaqdu mal-membri tal-familja tagħhom.

[12] Ara l-Pjan Politiku fuq l-Ażil, adottat fis-17 ta' Ġunju 2008 (COM(2008) 360 finali).

[13] C-540/03 (il-paragrafu 60).

[14] Il-paragrafu 73.

[15] Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, l-Iżvezja, Spanja.

[16] L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Spanja, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja.

[17] Premessa 5 tad-Direttiva ssostni li l-Istati Membri għandhom jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni, inter alia fuq il-bażi ta' età.

[18] Meta r-relazzjoni tal-familja oriġinat wara d-dħul tal-isponsor.

[19] Ir-refuġjati huma rikjesti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' integrazzjoni għall-formazzjoni tal-familja fl-Olanda.

[20] Wara l-wasla fl-Olanda l-membri tal-familja huma suġġetti wkoll għal rekwiżiti ta' integrazzjoni.

[21] Artikolu 12 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Istatus Legali tal-Ħaddiema Migranti tal-24 ta' Novembru 1977 jipprovdi perjodu ta' stennija massimu ta' 12-il xahar. L-ambitu ta' applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni hu, madankollu, limitat għaliex s'issa ġie rratifikat minn sitt Stati Membri biss (Franza, l-Italja, l-Olanda, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja) u erba' pajjiżi terzi (l-Albanija, il-Moldova, it-Turkija, l-Ukrajina).

[22] Il-paragrafi 100 u 101 ta' C-540/03.

[23] L-Estonja tużà kriterju ("theddida għall-interessi ta' persuna oħra") li hu wiesgħa aktar milli hu permess taħt din id-Direttiva.

[24] Fl-Olanda applikazzjoni għall-viża għar-riunifikazzjoni tal-familja tiswa € 830, u t-test ta' integrazzjoni €350. Ħruġ ta' permess ta' residenza għal żjara temporanja tiswa € 188.

[25] Il-leġiżlazzjoni tal-Greċja tittratta biss dwar l-irbit tal-familja li jridu jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet nazzjonali.

[26] Il-prinċipju li l-aħjar interess tat-tfal irid jingħata kunsiderazzjoni primarja huwa mnaqqax fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

[27] Kemm l-Awstrija kif ukoll l-Olanda jitolbu għal konformità addizzjonali mal-ħtiġijiet tal-integrazzjoni.

[28] B'mod partikolari meta l-minorenni jsir adult (18-il sena); jekk l-isponsor miet (għal kwalunkwe persuna oħra); jew fil-każ ta' divorzju (għar-raġel/mara).

[29] L-Estonja

[30] (L-Awstrija, Ċipru, Malta, ir-Rumanija)