52008DC0495




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.7.2008

KUMM(2008) 495 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Dwar il-Progress fil-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika{SEG(2008) 2350}

1. INTRODUZZJONI

Meta l-Bulgarija ssieħbet mal-UE fl-2007, hija kienet għadha qed tħabbat wiċċha ma' sfidi serji b'rabta mal-iżgurar tal-ħidma tal-ġudikatura tagħha u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra qiesu li dawn l-isfidi setgħu jingħelbu u l-awtoritajiet Bulgari kkommettew irwieħhom li jirrimedjaw in-nuqqasijiet f’dawn l-oqsma biex b’hekk il-Bulgarija tkun tista’ tassumi d-drittijiet u l-obbligi ta’ sħubija mal-UE. L-awtoritajiet Bulgari u l-Istati Membri l-oħra rrikonoxxew il-fatt li biex il-Bulgari jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ ċittadini tal-UE u jibbenefikaw mill-opportunitajiet kollha, inkluż l-appoġġ finanzjarju, li adeżjoni mal-UE ġġib magħha, kienu meħtieġa riformi ġudizzjarji estensivi u sforz konġunt fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. B’mod aktar ġenerali, huma rrikonoxxew li l-prinċipji li huma fil-qalba tal-UE – ir-ripsett għall-istat tad-dritt, ir-rikonoxximent reċiproku u l-kooperazzjoni abbażi ta’ ftehim fundamentali ta’ fiduċja – jistgħu biss jitħaddmu fil-prattika jekk dawn il-problemi jingħelbu minn ras il-għajn.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra ħassew il-ħtieġa li jaħdmu mill-qrib u f'kooperazzjoni mal-Bulgarija sa minn wara l-adeżjoni tagħha biex jiżguraw li jiddaħħlu fis-seħħ ir-riformi meħtieġa favur it-tisħiħ tas-sistema ġudizzjarja u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Il-Kummissjoni stabbilixxiet Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika (CVM) biex isir monitoraġġ tal-progress u jestendi l-appoġġ fl-indirizzar ta’ dawn in-nuqqasijiet. Ibbażat fuq kontributi mill-awtoritajiet Bulgari, flimkien ma’ missjonijiet ta’ esperti, dan ir-rapport jippreżenta taqsira u valutazzjoni ddettaljata dwar safejn il-Bulgarija rnexxielha tissodisfa l-punti ta’ referenza stabbiliti fis-CVM. Dawn huwa t-tielet rapport minn ċiklu ta’ rapporti msejjes fuq sitt xhur.

Il-valutazzjoni tirreferi għad-diffikultajiet serji li l-awtoritajiet Bulgari qed iħabbtu wiċċhom magħhom fl-isforz tagħhom biex jagħmlu progress reali fir-riforma ġudizzjarja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Minkejja sforzi tajba biex jistabbilixxi l-istituzzjonijiet neċessarji u jintroduċu l-proċeduri u l-proċessi meħtieġa, ftit huma r-riżultati li jixhdu li bħalissa s-sistema qed tiffunzjona b’mod korrett. Ma kienx ikun realistiku li wieħed jassumi li l-bidla dejjiema kienet se ssir mil-lum għal għada. Madankollu, minkejja l-isforzi tal-Gvern Bulgaru, il-progress sar b’ritmu anqas mgħaġġel u kien aktar limitat milli mistenni u l-ħtieġa għal verifika u kooperazzjoni se tissokta għal xi żmien. Is-sistema ġudizzjarja u l-amministrazzjoni jeħtieġu tisħiħ serju. Dan huwa eżerċizzju fuq perjodu twil ta’ żmien.

2. IL-PROċESS TA’ RIFORMA FIL-BULGARIJA

2.1. Kisbiet

Il-Bulgarija għamlet sforz biex tistabbilixxi istituzzjonijiet u tintroduċi proċeduri u proċessi li jkunu jistgħu, jekk ikun allokat il-persunal meħtieġ u jekk il-proċessi jkunu ġestiti b'mod effettiv, jagħtu r-riżultati mistennija ta' ġudikatura u amministrazzjoni li jiffunzjonaw, ħielsa mill-korruzzjoni u mit-theddida tal-kriminalità organizzata.

Fir-rigward tar- riforma tal-ġudikatura , il-Bulgarija daħħlet fis-seħħ emendi fil-Kostituzzjoni u adottat il-Kodiċi tal-Proċeduri Ċivili, l-Att dwar is-Sistemi Ġudizzjarji u l-leġiżlazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu. Dawn il-liġijiet jikkonfermaw l-indipendenza tal-ġudikatura. Huma pprovdew biex il-Kunsill Gudizzjarju Suprem ikun stabbilit bħala entità eletta indipendenti responsabbli mis-sorveljanza tal-governanza tal-ġudikatura. Twaqqaf spettorat ġudizzjarju indipendenti li beda jopera, bit-tnedija tal-ewwel missjonijiet ta' spezzjoni tiegħu.

Ġiet stabbilita Aġenzija Statali għas-Sigurtà Nazzjonali (SANS) għall- ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata , u eżerċitat poteri investigattivi de facto sa mill-bidu tal-2008. Din stabbilixxiet skeda ta’ każi li qegħdin jiġu investigati taħt is-superviżjoni tal-prosekuzzjoni. Barra minn hekk il-Bulgarija għamlet progress dwar l-investigazzjoni ta’ żewġ każi importanti u simboliċi.

Il-Bulgarija għamlet progress fir-rigward tal- korruzzjoni lokali , bl-introduzzjoni ta’ proċeduri amministrattivi ġodda, partikolarment għall-pulizija tal-fruntiera, li jnaqqsu l-possibbiltajiet tal-korruzzjoni. Il-Bulgarija għalqet il-ħwienet u l-pompi tal-fjuwil li jbigħu mingħajr dazju, li allegatament kienu punti fokali għall-korruzzjoni lokali u l-kriminalità organizzata.

2.2. Riżultati

Saru sforzi konsiderevoli biex jiġu stabbiliti istituzzjonijiet u proċessi. Madankollu, din ir-riforma għadha ma pproduċietx riżultati suffiċjenti, L-adozzjoni ta’ liġijiet, l-introduzzjoni ta’ proċeduri u l-ħolqien ta’ istituzzjonijiet huma meħtieġa iżda mhumiex biżżejjed – sabiex jinkisbu riżultati konkreti l-liġijiet iridu jiġu implimentati u l-istituzzjonijiet iridu jaħdmu b'mod effettiv.

Fir-rigward tar- riforma ġudizzjarja , in-nuqqasijiet tal-Kodiċi Penali u tal-Kodiċi tal-Proċedura Penali għandhom jippersistu. Il-Kodiċi tal-Proċedura Penali adottat fl-2006 ma kienx strumentali għat-titjib tal-effiċjenza tal-fażi ta’ qabel is-smigħ. Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet mhumiex preċiżi jew definiti biżżejjed biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-atturi differenti. Ċerti każi importanti jintbagħtu lura lill-prosekuzzjoni fuq il-bażi ta' nuqqasijiet proċedurali żgħar. Id-dewmien fis-smigħ huwa frekwenti u ma teżisti l-ebda salvagwardja proċedurali li tipprevjeni l-qrati milli jdewmu d-deċiżjonijiet. Il-Kodiċi Penali huwa antikwat u huwa parti mir-raġuni għaliex il-ġudikatura hija mgħobbija żżejjed.

F’April tal-2008 ġiet proposta riforma tal-infurzar tal-liġi fil-Ministeru tal-Intern, li tinkludi l-pulizija. Dan il-pass intlaqa’ tajjeb, iżda nħoloq dibattitu minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza dwar ir-rwoli tad-diversi atturi fil-fażi ta’ qabel is-smigħ fir-rigward tal-ġbir ta’ informazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet kriminali. Il-fehmiet diverġenti bejn l-entitajiet responsabbli dwar dawn ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ħolqu inċertezza u fixklu l-ħidma. Filwaqt li l-istituzzjoni l-ġdida, SANS, diġà wriet rekord tajjeb ta’ investigazzjonijiet, din għad ma ttraduċitx ruħha fi trattament effettiv ta’ każi fis-sistema legali.

Il-kapaċità amministrattiva kemm tal-infurzar tal-liġi kif ukoll tal-ġudikatura hija waħda dgħajfa. Il-pulizija m’għandhomx persunal imħarreġ biżżejjed jew tagħmir biex jinvestigaw każijiet kumplessi. Il-progress li sar fir-rigward tal-kompjuterizzazzjoni tal-ġudikatura huwa limitat. Mhemmx biżżejjed informazzjoni u dejta affidabbli dwar l-investigazzjoni, l-akkuża u s-sentenzi tal-każijiet. Dan jostakola l-ksib ta’ riżultati ta’ kwalità aħjar fil-ħidma tal-ġudikatura u tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Dwar il- korruzzjoni lokali , ftit li xejn sar segwitu – għadd żgħir ta’ investigazzjonijiet u sentenzi – għal allegazzjonijiet mifruxa ta' korruzzjoni u xiri ta' voti fl-elezzjonijiet lokali ta' Novembru 2007. Allegatament dawn il-prattiki ttennew matul elezzjonijiet straordinarji f’mill-anqas żewġt ibliet fil-bidu ta’ Ġunju 2008. Jeżistu sinjali ta’ korruzzjoni fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni. Minkejja attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, ma ġie rreġistrat l-ebda ilment u ma tfaċċat l-ebda persuna b’rapporti ta’ irregolaritajiet. Ftit li xejn hemm kontroll jew monitoraġġ tal-kunflitt ta’ interss fl-akkwisti pubbliċi. Mhemm l-ebda approċċ strateġiku għall-ġlieda tal-korruzzjoni lokali. Il-Kummissjoni ta’ kontra l-korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri ma kinitx attiva f'dan ir-rigward.

Il- ġlieda kontra l-korruzzjoni f' livell għoli u l-kriminalità organizzata mhix tħalli biżżejjed frott. Filwaqt li l-affarijiet iċċaqilqu b’rabta ma’ għadd żgħir ta’ każi u saret firxa kbira ta’ pubbliċità għall-‘ġlieda kontra l-korruzzjoni’, dawn il-każi jirrappreżentaw biss parti negliġibbli minn dawn ir-reati. L-informazzjoni statistika provduta mhix affidabbli u xi kultant hija kontradittorja. Il-Bulgarija ftit li xejn għamlet progress fl-iffriżar jew il-konfiska ta’ assi finanzjarji li jirriżultaw minn attivitajiet kriminali.

L-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u frodi qegħdin jaffettwaw il-ħidma ta’ programmi ta’ għajnuna finanzjarja tal-UE. Jeħtieġ li l-Bulgarija ssaħħaħ b’mod sostanzjali l-kapaċità tagħha li tamministra l-fondi tal-UE b’mod korrett. Dan fisser li diversi programmi ta’ finanzjament tal-UE kellhom jissospendu jew jiffriżaw l-attivjitajiet tagħhom. L-OLAF, l-aġenzija tal-UE ta’ kontra l-frodi, tirrapporta li l-ibblukkar proċedurali, il-progress b'ritmu kajman tal-każijiet fil-ġudikatura, il-kxif ta’ informazzjoni kunfidenzjali u l-influenza allegata fuq l-amministrazzjoni u l-ġudikatura qegħdin ifixklu r-riżoluzzjoni rapida u effettiva ta' każijiet ta' korruzzjoni u frodi. Id-deċiżjonijiet b’rabta mal-ġestjoni ta’ fondi tal-UE huma rregolati minn rekwiżiti speċifiċi ta’ kontroll tar-regolamenti finanzjarji u l-proċeduri relatati rispettivi tal-UE Rapport anċillari jispjega fid-dettall il-problemi li ħarġu fid-dieher fl-ambitu tal-finanzjament tal-UE.

2.3. Titjib meħtieġ

Huwa meħtieġ titjib fundamentali, għalkemm l-ewwel prijorità għandha tkun li jinkisbu riżultati irrispettivament min-nuqqasijiet strutturali. Dan jappella għal rieda politika u determinazzjoni kostanti.

Jeħtieġ li jittieħdu passi li jiffaċilitaw amministrazzjoni aktar effettiva tal-ġustizzja. Jeħtieġ li jsiru aġġustamenti, inkluż lill-Kodiċi tal-Proċedura Penali, għat-titjib tal-effiċjenza fil-fażi ta’ qabel is-smigħ, għat-tnaqqis tad-dewmien u biex jiġu stabbiliti salvagwardji fir-rigward tad-dewmien. Hemm il-bżonn ta’ riforma ġenerali tal-Kodiċi Penali, inkluż divrenzjar aħjar bejn reati minuri u delitti serji u aġġornament tad-definizzjonijiet li jqisu suriet ġodda ta' kriminalità. Huwa importanti li tiġi stabbilita liġi aktar effettiva dwar il-kunflitt ta’ interess u l-kontroll tal-assi – l-abbozz kurrenti mhuwiex biżżejjed biex jikseb l-għan tiegħu. Ladarba tiġi adottata liġi riveduta, huwa meħtieġ li din tiġi adottata mill-aktar fis possibbli.

Issa hemm il-ħtieġa li l-Kunsill Ġudizzjarju Suprem li għadu kemm twaqqaf jassumi responsabbiltà għall-proċess ta' riforma u jieħu passi li jiżguraw li l-ġudikatura tieħu deċiżjonijiet pronti u effettivi. L-Ispettorat tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem għad irid jistabbilixxi rekord ta’ investigazzjonijiet proattivi dwar nuqqasijiet proċedurali u każi dixxiplinari li fi stadju sussegwenti għandha tittieħed azzjonji pronta dwarhom mill-Kunsill Ġudizzjarju Suprem.

L-infurzar tal-liġi jeħtieġ li jkun organizzat aħjar biex jittratta każi kumplessi. Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ atturi fil-fażi ta’ qabel is-smigħ iridu jiġu ċċarati sabiex tinkiseb koordinazzjoni aħjar bejn il-pulizija, l-investigaturi, id-dipartimenti speċjalizzati u l-prosekuzzjoni. Id-dibattitu kurrenti dwar ir-riforma tal-proċess ta’ qabel is-smigħ qed joħloq inċertezza u qed ikun ta' ħsara għall-ksib ta' rizultati f'invesitgazzjonijiet li jinsabu għaddejjin, B'mod partikolari, l-interazzjoni preċiża bejn il-pulzija, is-SANS u l-prosekuzzjoni għandha tiġi kkodifikata. Jeħtieġ li r-rwol investigattiv tas-SANS jiġi ċċarat filwaqt li ssir distinzjoni ċara mir-rwol tiegħu ta’ intelligence . Jeħtieġ li tiġi stabbilita sorveljanza Parlamentari, li ma tinterferix fl-attivitajiet investigattivi, iżda li tiżgura r-responsabbiltà dovuta. Ir-rwol tal-maġistrati investigattivi u l-awtorità tagħhom fuq investigazzjonijiet speċjali jeħtieġ li tiġi ċċarata. In-nuqqas ta’ rispett għall-kunfidenzjalità u għall-ħarsien tax-xhieda matul il-fażi ta’ qabel is-smigħ u tas-smigħ innifsu hija problema rikorrenti li hemm bżonn titranġa.

Il-kapaċità amministrattiva kemm tal-infurzar tal-liġi kif ukoll tal-ġudikatura jeħtieġ li tissaħħaħ. Jeħtieġ li l-pulizija jkollhom persunal aktar imħarreġ u t-tagħmir neċessarju għall-investigazzjoni ta’ każijiet kumplessi. Hemm il-ħtieġa li l-kompjuterizzazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ġudikatura titlesta u li jiġu introdotti sistemi aktar effiċjenti ta’ ġestjoni tal-każijiet fl-istadju ta’ qabel is-smigħ. L-iżvilupp ta’ sistema unfikata ta’ informazzjoni tiġġenera informazzjoni u dejta utli dwar l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u b’hekk tiffaċilita l-ħidma kemm tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem u tal-Ministru tal-Ġustizzja, partikolarment fir-rigward tar-rwol li dan tal-aħħar għandu fit-tfassil tal-politika penali.

Il-Bulgarija għandha bżonn ittejjeb it-trasparenza u n-notifika u l-kontroll tal-flussi u t-tranżazzjonijiet ta’ assi finanzjarji biex tkun tista’ tikxef u tindirizza aħjar l-assi finanzjarji li ġejjin minn attivitajiet kriminali. Bl-istess mod, jeħtieġ li l-Bulgarija ssaħħaħ il-kapaċità tagħha fil-ġlieda kontra l-frodi u teżerċita kontroll finanzjarju xieraq. Huwa importanti wkoll li l-kunflitt ta’ interess u l-influwenza mhux mixtieqa jinżammu lura sistematikament. Dan huwa ta’ importanza partikolari biex il-Bulgarija tkun tista’ tkompli tibbenefika mill-finanzjamenti tal-UE. In-nuqqas ta’ riżultati konvinċenti taħt l-istrutturi kurrenti huwa impressjonanti u jeħtieġ li jiġi indirizzat b’mod urġenti.

3. KONKLUżJONIJIET

Il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika u l-punti ta' referenza relatati miegħu ġew iddiżinjati b'mod li jippermetti li l-Bulgarija tagħti xhieda, fuq bażi regolari, li wettqet progress fuq ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata. Huwa l-obbligu tal-awtoritajiet Bulgari li juru li s-sistema ġudizzjarja qiegħda taħdem u li l-invesitgazzjonijiet fil-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata jwasslu għal arresti, prosekuzzjoni u, skont is-sentenza tal-qorti, kundanni li għandhom effett disswasiv u qbid ta’ assi. Sa issa, il-Bulgarija għadha ma kinitx kapaċi turi li s-sistema ġudizzjarja tagħha qiegħda tiffunzjona b’mod effettiv b’din il-manjiera. Fuq il-karta l-istituzzjonijiet u l-proċeduri għandhom dehra tajba iżda fil-prattika ma jipproduċux riżultati. ir-rakkmondazzjonijiet isiru iżda ma jsirx segwitu tagħhom. Il-problemi tal-qalba għadhom hemm u jeħtieġ li jiġu indirizzati mill-aktar fis.

Iċ-ċittadini Bulgari ħaqqhom aċċess għall-benefiċċji kollha ta’ sħubija mal-UE li għandhom jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-eliminazzjoni tal-korruzzjoni. Il-progress fl-ilħuq tal-kriterji stabbiliti taħt il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika u għat-tneħħija tad-dubji dwar il-kapaċità tal-Bulgarija li tindirizza l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata għandu jippermetti lill-Bulgari biex jaħsdu dawn il-benefiċċji u jsaħħu l-fiduċja tagħhom fl-istat tad-dritt. Dan iħalli effetti pożittivi dejjiema fuq l-ekonomija Bulgara. Il-Bulgarija għandha ċerti responsabbiltajiet fil-konfront ta’ Stati Membri oħra, pereżempju bħala parti mill-politika tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni kif ukoll fil-ġestjoni komuni ta’ fondi tal-UE. Biex il-Bulgarija tibbenefika bis-sħiħ mill-fondi ta’ qabel l-adeżjoni u l-fondi strutturali tal-UE, huma meħtieġa kapaċità amministrattiva xierqa u kontroll effettiv tal-kunflitt ta’ interess, tal-frodi u tal-irregolaritajiet finanzjarji. Dawn il-fondi huma espressjoni prattika tas-solidarjetà tal-Unjoni mal-Bulgarija u huwa fl-interess ta’ kulħadd li dawn jintużaw għas-sostenn tar-reġjuni inqas vantaġġati tal-Bulgarija.

Huma meħtieġa strateġija ċara u impenn li ma jħalli l-ebda dubju fil-livelli kollha favur ir-riforma tas-sistema. Din mhix sempliċement kwistjoni li l-istituzzjonijiet u l-proċessi ġodda jingħataw iż-żmien biex jagħtu prova tal-effikaċa tagħhom. Anke fi ħdan l-istrutturi eżistenti – u minkejja n-nuqqasijiet tagħhom – il-Bulgarija għandha tkun kapaċi turi r-riżultati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, biex timpedixxi l-kunflitti ta’ interessi u biex tindirizza b'mod konvinċenti il-konnessjonijiet li allagetament jeżistu bejn parti mill-klassi politika, in-negozju u l-kriminalità organizzata. Biex jiġi żgurat l-assorbiment effiċjenti u l-għoti ta’ fondi tal-UE il-Bulgarija teħtieġ mhux biss ittejjeb il-kapaċità amministrattiva tagħha b'mod sostanzjali, iżda wkoll trażżan l-opportunitajiet ta’korruzzjoni kemm f’livell għoli kif ukoll dik ta' importanza sekondarja u tiġġieled lill-kriminalità organizzata b'mod qawwi.

Il-ħtieġa kostanti ta' kooperazzjoni

Il-fatt li l-Bulgarija jkollha amministrazzjoni u ġudikatura b'saħħithom li jkollhom il-ħila jindirizzaw il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata mhuwiex fl-interess tal-Bulgarija nnifisha, iżda wkoll fl-interess tal-UE kollha kemm hi. Din hija r-raġuni għaliex il-kooperazzjoni u l-appoġġ huma essenzjali. Din hija r-raġuni għaliex, għalissa, il-Kummissjoni tqis li l-appoġġ huwa aktar effettiv mis-sanzjonijiet u mhix se tinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja stipulati fit-Trattat tal-Adeżjoni. Madankollu, joħroġ ċar li se jkun hemm il-ħtieġa li l-Mekkaniżmu ta' Kooperazzjoni u Verifika jinżamm għal perjodu ta' żmien.

Ir-rapport ta’ Frar taħt il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika enfasizza l-ammonti sinifikanti ta’ għajnuna li l-Bulgarija rċeviet fl-aħħar snin mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni f’termini finanzjarji jew f'għarfien tekniku. Din l-għajnuna ma tatx dejjem ir-riżultati mistennija u fost l-Istati Membri li offrew l-appoġġ tagħhom qed jikber sens ta’ frustrazzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza u riżultati fit-trattazzjonijiet tagħhom mal-amminstrazzjoni Bulgara u r-riżultati xejn sodisfaċenti.

Huwa importanti li l-proċess ta’ riforma jingħata demm ġdid, u l-għajnuna tintuża aħjar. Jeħtieġ li n-naħat kollha jġeddu l-isforzi tagħhom biex jgħinu lill-Bulgarija tirnexxi. Il-Bulgarija tirrikonoxxi l-bżonn li għandha għal konsulenza esperta indipendenti u ta’ livell għoli. Il-Kummissjoni lesta li taħdem f’kooperazzjoni mal-Bulgarija u l-Istati Membri l-oħra biex tagħti din l-għajnuna – iżda teħtieġ li dawk li jirċievu jipprovdu aċċess għal informazzjoni u jużaw il-pariri b’mod strateġiku u effettiv biex jimxu ’l quddiem fit-triq tar-riforma.

Il-prospetti

Il-Bulgarija tippreżenta stampa mħallta. Ir-riforma tal-ġudikatura u tal-istrutturi tal-infurzar tal-liġi hija opportunità importanti għall-Bulgarija: hija neċessarja u messha ilha li saret. It-test tal-progress ser tkun il-kisba ta’ riżultati sostanzjali fl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u s-sentenzi fir-rigward ta’ każi ta’ korruzzjoni f’livell għoli u tal-kriminalità organizzata.

Il-Bulgarija diġà għamlet passi fid-direzzjoni t-tajba - stabbilixxiet l-Aġenzija Statli għas-Sigurtà Nazzjonali u r-riforma proposta tal-Ministeru tal-Intern, u l-ħatra ta’ deputat Prim Ministru għall-koordinazzjoni u l-ġestjoni soda tal-fondi tal-UE. Issa jeħtieġ li l-Bulgarija tittraduċi l-kliem f’fatti u twettaq l-impenn tagħha favur riforma serja.

Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Bulgarija b’mod qawwi biex tintensifika r-riformi tagħha u żżomm kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni sabiex flimkien jindirizzaw b'suċċess l-isfidi sinifikanti li għad fadal. Il-Bulgarija tista’ sserraħ rasha mill-appoġġ sħiħ u attiv tal-Kummissjoni f’dan il-proċess.