52008DC0423

Green Paper - Migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta’edukazzjoni ta’l-UE {SEC(2008) 2173} /* KUMM/2008/0423 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell 3.7.2008

COM(2008) 423 finali

GREEN PAPER

Migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta’edukazzjoni ta’l-UE

{SEC(2008) 2173}(Imressqa mill-Kummissjoni)

1. Daħla

1. Din il-Green Paper tindirizza sfida importanti li qed iħabbtu wiċċhom magħha s-sistemi ta’ edukazzjoni ta’ llum, sfida li, filwaqt li mhijiex ġdida, f’dawn l-aħħar snin intensifikat ruħha u saret aktar mifruxa – il-preżenza fl-iskejjel ta’ għadd kbir ta’ tfal minn sfond ta' migrazzjoni li jinsabu f'pożizzjoni soċjo-ekonomika dgħajfa.

2. Il-frażijiet “tfal minn sfond ta’ migrazzjoni”, “tfal ta’ migranti” u “studenti migranti” se jintużaw għall-iskop speċifiku ta’ dan id-dokument biex jirreferu għat-tfal tal-persuni kollha li jgħixu f’pajjiż ta’ l-UE li ma twieldux fih, irrispettivament jekk humiex ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ċittadini ta’ Stat Membru ieħor ta’ l-UE jew sarux sussegwentement ċittadini ta’ l-Istat Membru li jkun qed jospitahom. Dan huwa, fl-istess waqt, kunċett wiesa’ ta’ “migrazzjoni” li hu differenti minn ċerti testi ta’ l-UE li jittrattaw il-politika ta’ immigrazzjoni[1]. Minkejja d-differenzi legali u prattiċi importanti fir-rigward tal-qgħada li tikkonċerna ċittadini ta’ pajjiżi terzi, iċ-ċittadini ta' l-UE li jirresjedu fi Stat Membru ieħor ġew inklużi f'din il-Green Paper fuq il-bażi li l-kwistjonijiet edukattivi speċifiċi indirizzati fit-test x’aktarx li japplikaw ukoll għal għadd sinifikanti minnhom. Dan huwa rifless ukoll mill-fatt li l-għejun ta’ dejta li fuqhom jiddependi b’mod estensiv dan id-dokument, PIRLS u PISA, ma jiddistingwux bejn il-pajjiżi ta’ oriġini, sew jekk iċ-ċittadini tagħhom jiġu mill-UE sew jekk jiġu minn pajjiżi terzi[2].

3. Storikament l-influssi għoljin ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-UE, flimkien mal-mobilità interna għolja ta' l-UE wara l-aktar żewġ proċessi ta' tkabbir riċenti, ifissru li l-iskejjel f'għadd ta’ pajjiżi ta' l-UE qed jesperjenzaw żieda qawwija f'daqqa fl-għadd ta' tfal bħal dawn. Id-dejta ta’ PISA (2006)[3] turi li mill-inqas 10 % tal-popolazzjoni ta’ l-iskejjel fl-età ta’ 15-il sena fi ħdan il-pajjiżi ta' l-UE 15 jew twieldu barra mill-pajjiż jew iż-żewġ ġenituri tagħhom twieldu f’pajjiż ieħor; iċ-ċifra tqarreb il-15 % fir-raba’ grad fl-iskola primarja. F’xi pajjiżi, bħall-Irlanda, l-Italja u Spanja, il-perċentwali ta’ tfal ta’ l-iskola li twieldu f’pajjiż ieħor immoltiplika bi tlieta jew erba’ darbiet mis-sena 2000. Fir-Renju Unit, l-għadd ta’ studenti li bdew jattendu l-iskola ftit wara li waslu minn barra żdied għal 50 fil-mija fi żmien sentejn, filwaqt li kabbar in-numru diġà għoli ta’ studenti minn sfond ta’ migrazzjoni. Barra minn hekk, il-flussi ta’ migrazzjoni għandhom it-tendenza li jirriżultaw f’konċentrazzjonijiet ta’ studenti migranti f’żoni urbani u fi bliet partikolari; per eżempju, f’Rotterdam, Birmingham jew Brussell, kważi nofs il-popolazzjoni ta’ l-iskola għandha sfond ta’ immigrazzjoni[4]. F’Madrid, is-sehem ta’ studenti migranti mmoltiplika b’għaxar darbiet mill-1991.

4. Il-preżenza ta’ għadd sinifikanti ta’ studenti migranti għandha implikazzjonijiet importanti għas-sistemi ta’ edukazzjoni. L-iskejjel iridu jadattaw għall-preżenza tagħhom u jintegraw il-ħtiġijiet partikolari tagħhom fil-ħidma li tradizzjonalment tiffoka fuq l-għoti ta' edukazzjoni ta' kwalità għolja u ġusta. L-edukazzjoni hija essenzjali biex jiġi żgurat li dawn l-istudenti jkunu mgħammra biex isiru ċittadini integrati li jirnexxu u jkunu produttivi fil-pajjiż li qed jospitahom, fi kliem ieħor li l-migrazzjoni tista’ tkun pożittiva kemm għall-migranti kif ukoll għall-pajjiż li jkun qed jospitahom. L-iskejjel għandhom rwol prinċipali fil-ħolqien ta’ soċjetà inklużiva, billi jirrappreżentaw l-opportunità ewlenija għaż-żgħażagħ ta' komunitajiet migranti u dawk li jospitawhom biex isiru jafu u jirrispettaw lil xulxin. Il-migrazzjoni tista’ tkun ta’ ġid għall-esperjenza edukattiva ta’ kulħadd: id-diversità lingwistika u kulturali tista’ ġġib magħha riżorsa siewja għall-iskejjel. Tista’ tgħin biex tapprofondixxi u ssaħħaħ il-pedagoġiji, il-ħiliet, u l-għarfien innifsu.

5. Il-migrazzjoni tinfluwenza l-edukazzjoni tat-tfal anki fejn il-familji tagħhom ikollhom status soċjo-ekonomiku u edukattiv għoli. Dawn l-istudenti jistgħu jintlaqtu ħażin, almenu fuq il-medda l-qasira, minħabba interruzzjoni ta' l-iskola jew għax ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ differenza lingwistika u kulturali; madankollu, il-prospetti fuq medda itwal ta’ żmien għas-suċċess ta’ l-edukazzjoni tagħhom jidhru tajbin u l-espożizzjoni tagħhom għal kulturi u ilsna ġodda x'aktarx li ssaħħaħ il-kapital uman tagħhom. Jidher ċar li bosta tfal ta’ migranti, inklużi dawk li ġejjin mill-mewġa ta' wasliet riċenti, se jaqgħu f’dan il-grupp. Madankollu, din il-Green Paper tiffoka fuq il-kombinazzjoni tad-differenza lingwistika u kulturali ma’ l-iżvantaġġ soċjo-ekonomiku, u t-tendenza tagħha li tikkonċentra f'ċerti żoni u skejjel partikolari. Din hija sfida edukattiva sostanzjali u s-suċċess jew il-falliment tas-sistemi jkollu konsegwenzi soċjali importanti. Kif se turi l-evidenza ppreżentata hawn taħt, hemm lakuni sinifikanti u ħafna drabi persistenti fil-ksib edukattiv tat-tfal minn sfond ta’ migrazzjoni fil-konfront ta' studenti oħra ta’ mparhom. F’rapport ippubblikat fl-1994, il-Kummissjoni saħqet fuq ir-riskji li jistgħu jinħolqu jekk l-opportunitajiet edukattivi għal tfal ta’ migranti ma jitjibux – il-qasma soċjali dejjem akbar li tiġi trażmessa minn ġenerazzjoni għal oħra, is-segregazzjoni kulturali, l-esklużjoni tal-komunitajiet u l-kunflitt bejn il-gruppi etniċi. Il-potenzjal għal konsegwenzi bħal dawn għadu hemm.

6. It-tfassil ta’ politiki edukattivi jibqa’ deċiżament ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri. Madankollu, l-isfidi msemmija hawn huma, dejjem aktar, imħaddna b’mod wiesa’. Il-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta’ Marzu 2008 talab lill-Istati Membri biex itejbu l-livelli ta’ kisba ta’ studenti bi sfond ta’ migrazzjoni. Ir-Rapport Konġunt ta’ l-2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma ta’ l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010 ġibed l-attenzjoni għall-iżvantaġġ edukattiv ta’ ħafna studenti migranti minħabba li jeħtieġu attenzjoni addizzjonali[5]. L-analiżi li ġejja turi li xi pajjiżi jirnexxielhom aħjar minn oħrajn inaqqsu l-lakuni fil-ksib edukattiv bejn studenti migranti u l-bqija ta’ l-istudenti ta’ mparhom fil-pajjiż li jkun qed jospitahom. Jidher ċar li hemm potenzjal għal tagħlim reċiproku dwar il-fatturi li jifformaw l-iżvantaġġ edukattiv u l-politiki li jistgħu jgħinu biex jindirizzawh.

7. Id-Direttiva 77/486/KEE tirrappreżenta tentattiv aktar qabel mill-UE biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jiffokaw fuq l-edukazzjoni tat-tfal ta' ħaddiema migranti. Din id-Direttiva tapplika għal tfal li għalihom l-attendenza ta’ l-iskola hi obbligatorja skond il-liġijiet ta’ l-Istat Membru li jkun qed jospitahom, u li huma dipendenti ta' ħaddiem li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor. Din tipprevedi li l-Istati Membri għandhom:

- jiżguraw it-tagħlim mingħajr ħlas fit-territorju tagħhom, adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawn it-tfal, b'mod partikolari t-tagħlim ta’ l-ilsien uffiċjali ta’ l-Istat li jkun qed jospitahom; kif ukoll

- iħeġġu t-tagħlim ta’ l-ilsien u l-kultura tal-pajjiż ta’ oriġini, b’koordinazzjoni ma’ l-edukazzjoni normali, b’kooperazzjoni ma’ l-Istat Membru ta’ oriġini.

8. Il-Green Paper tħeġġeġ biex issir riflessjoni dwar il-ġejjieni tad-Direttiva, dwar liema rwol din se jkollha fl-indirizzar ta' l-objettiv li fuqu kienet imsejsa oriġinarjament l-adozzjoni tagħha - biex issaħħaħ l-edukazzjoni ta' tfal ta’ ħaddiema migranti minn pajjiżi ta' l-UE u għalhekk tikkontribwixxi għal waħda mill-erba’ libertajiet previsti mit-Trattat.

9. L-isfida edukattiva li jħabbtu wiċċhom magħha s-sistemi ta’ l-iskejjel evolviet b'mod konsiderevoli minn mindu ġiet adottata d-Direttiva 77/486/KEE. Billi tittratta biss l-edukazzjoni ta’ tfal li huma ċittadini ta’ l-UE, din id-Direttiva ma tindirizzax parti sostanzjali ta’ l-isfida – l-edukazzjoni ta’ tfal li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi[6]. Kif se naraw, l-implimentazzjoni tad-Direttiva ma kinitx uniformi. Ir-riflessjoni proposta għandha tqis jekk id-Direttiva tikkontribwixxix għall-isforzi ta’ politika ta’ l-Istati Membri f’dan il-qasam u jekk tirrappreżentax l-aħjar mod għall-UE biex tappoġġja dawn l-isforzi.

10. Din il-Green Paper tippreżenta wkoll qafas ta’ analiżi tas-sett sħiħ ta’ sfidi marbuta ma’ l-edukazzjoni ta’ tfal ta’ migranti u tistieden lill-partijiet interessati biex jikkontribwixxu l-ideat tagħhom dwar kif l-UE tista’ fil-ġejjieni tappoġġja lill-Istati Membri fit-tfassil tal-politiki tagħhom dwar l-edukazzjoni f'dan il-qasam u dwar kif jista’ jiġi organizzat fil-ġejjieni proċess ta’ skambju u tagħlim reċiproku kif ukoll x’għandu jkopri[7].

2. Il-qagħda edukattiva ta’ tfal minn sfond ta’ migrazzjoni

2.1. Bosta tfal ta’ migranti jbatu minn żvantaġġ edukattiv

11. Hemm evidenza ċara u konsistenti li bosta tfal ta’ migranti għandhom livelli aktar baxxi ta’ ksib edukattiv minn tfal oħra ta’ mparhom. L-istħarriġ PIRLS dwar il-litteriżmu juri li sa tmiem l-iskola primarja, l-istudenti migranti għandhom riżultati inferjuri għal dawk ta’ studenti mhux migranti ta’ mparhom.

Figura 1 – Id-differenza fil-prestazzjoni fil-qari bejn studenti biż-żewġ ġenituri mwielda fil-pajjiż u dawk bl-ebda wieħed mill-ġenituri mwieled fil-pajjiż, 2006

(il-prestazzjoni fuq l-iskala ta’ qari PIRLS – ir-riżultat medju) [pic]

[pic] | iż-żewġ ġenituri mwielda fil-pajjiż | [pic] | Wieħed biss mill-ġenituri mwieled fil-pajjiż | [pic] | Ħadd mill-ġenituri mwieled fil-pajjiż |

Għajn tad-dejta: Sett tad-dejta PIRLS 2006

12. L-istħarriġ PISA ta’ l-OECD dwar il-ħiliet akkademiċi standard ta’ dawk li għandhom 15-il sena jikkonferma li studenti migranti f’dan il-grupp ta’ età għandhom it-tendenza li b’mod sistematiku jmorru anqas tajjeb minn studenti fil-pajjiżi li jkunu qed jospitawhom, f’kull wieħed mill-oqsma tematiċi eżaminati: ix-xjenza, il-matematika u, b’mod partikolari, il-qari.

Figura 2 – Id-differenzi fil-prestazzjoni ta’ l-istudenti fil-matematika, skond l-istatus ta’ immigrazzjoni u l-pajjiż

(Il-prestazzjoni fuq l-iskala tal-matematika – ir-riżultat medju)

[pic]

[pic] | L-istudenti ta' l-ewwel ġenerazzjoni | [pic] | L-istudenti tat-tieni ġenerazzjoni | [pic] | L-istudenti nattivi |

Għajn tad-dejta: OECD PISA 2006

Figura 3 – Id-differenzi fil-prestazzjoni ta’ l-istudenti fil-qari, skond l-istatus ta’ immigrazzjoni u l-pajjiż

(Il-prestazzjoni fuq l-iskala tal-qari – ir-riżultat medju)

[pic]

[pic] | L-istudenti ta' l-ewwel ġenerazzjoni | [pic] | L-istudenti tat-tieni ġenerazzjoni | [pic] | L-istudenti nattivi |

Għajn tad-dejta: OECD PISA 2006

Figura 4 – Id-differenzi fil-prestazzjoni ta’ l-istudenti fix-xjenza, skond l-istatus ta’ immigrazzjoni u l-pajjiż

(Il-prestazzjoni fuq l-iskala tax-xjenza – ir-riżultat medju)

[pic]

[pic] | L-istudenti ta' l-ewwel ġenerazzjoni | [pic] | L-istudenti tat-tieni ġenerazzjoni | [pic] | L-istudenti nattivi |

Għajn tad-dejta: OECD PISA 2006

13. L-indikaturi nazzjonali jikkonfermaw din l-osservazzjoni[8].

14. Din ix-xejra ta’ prestazzjoni insuffiċjenti fil-ksib edukattiv hi riflessa fix-xejriet komparattivi tar-reġistrazzjoni ta’ studenti migranti. Għalkemm kien hemm xi titjib matul is-snin, fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi huwa inqas komuni għal studenti migranti li jirreġistraw ruħhom f'edukazzjoni ta' qabel il-primarja u għandhom it-tendenza li jagħmlu hekk wara l-istudenti l-oħra ta' mparhom. Fl-iskola primarja, ir-reġistrazzjoni obbligatorja tiżgura li ma jkun hemm l-ebda differenza bejn il-livelli ta’ parteċipazzjoni ta’ studenti migranti u studenti oħrajn. Madankollu, fil-livell sekondarju, joħroġ grad ċar ta’ segregazzjoni fir-reġistrazzjoni billi studenti migranti huma rrappreżentati żżejjed fi skejjel b’orjentazzjoni vokazzjonali li normalment ma jwasslux għal edukazzjoni ogħla. Kif ukoll, l-aktar fatt evidenti huwa l-inċidenza akbar ta’ tluq bikri mill-iskola fost studenti migranti kważi fil-pajjiżi kollha. Dawn il-fatturi kollha jikkontribwixxu għall-għadd relattivament baxx ta’ studenti migranti li jtemmu l-istudji universitarji.

15. Fl-aħħarnett, l-istħarriġ PISA jenfasizza punt partikolarment serju għal dawk li jfasslu l-politika ta’ edukazzjoni – f’ċerti pajjiżi, il-lakuni fil-ksib edukattiv fi ħdan kull wieħed mit-tliet oqsma ta’ studju jmorru għall-agħar mill-ewwel ġenerazzjoni ta’ studenti migranti għat-tieni waħda. Dan ifisser li l-edukazzjoni f’dawn is-sitwazzjonijiet qiegħda tonqos milli tippromwovi l-inklużjoni ta’ migranti, u li tabilħaqq il-lakuni akbar fil-ksib edukattiv x’aktarx li jikkonsolidaw u jintensifikaw l-esklużjoni soċjali tagħhom.

Figura 5 – Is-sehem ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni, 2005

(Il-perċentwali tal-popolazzjoni bejn it-18 u l-24 sena li jkollhom biss edukazzjoni sekondarja ta’ l-ewwel livell u li mhumiex involuti f’edukazzjoni jew taħriġ, skond in-nazzjonalità, 2005)

[pic]

[pic] | Nazzjonali | [pic] | Mhux nazzjonali | [pic] | Total |

Għajn tad-dejta: Eurostat, (Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol), 2005

2.2. L-impatt tal-migrazzjoni fuq is-sistemi ta’ l-edukazzjoni

16. L-adattament għall-preżenza ta’ għadd kbir ta' studenti migranti joħloq firxa ta' sfidi għall-edukazzjoni fil-livell tal-klassi, l-iskola u għas-sistemi ta’ l-iskola.

17. Fi ħdan il-klassijiet u l-iskejjel, jeħtieġ li jiġu akkomodati aktar diversità ta’ ilsna, perspettivi kulturali u kisbiet. Se jinħtieġu ħiliet ta’ tagħlim ġodda u adattati u għandhom jiġu żviluppati modi ġodda biex jinbena pont mal-familji u l-komunitajiet migranti.

18. Fil-livell tas-sistema ta’ l-iskejjel, il-preżenza ta’ konċentrazzjonijiet kbar ta’ studenti migranti tista’ tintensifika t-tendenzi – li diġà huma preżenti anki fl-aqwa sistemi ta' l-iskejjel - lejn is-segregazzjoni skond il-parametri soċjo-ekonomiċi. Din tista’ tieħu suriet differenti, billi dawk soċjalment vantaġġati jistgħu jitilqu minn skejjel fejn hemm għadd kbir ta’ studenti migranti[9]. Ikun xi jkun il-mekkaniżmu, il-fenomenu jżid id-diverġenzi bejn l-iskejjel u jikkontribwixxi b'mod sinfikanti għall-isfida tal-kisba ta' ekwità edukattiva.

19. L-isfida edukattiva għandha dejjem titqies fil-kuntest usa’ ta’ koeżjoni soċjali – kull nuqqas fl-integrazzjoni sħiħa ta’ l-istudenti migranti fl-iskejjel x’aktarx li jiġi rifless f'nuqqas usa' ta' inklużjoni soċjali. Il-ksib edukattiv baxx, ir-rati baxxi ta’ dawk li jlestu l-iskola kif ukoll l-għadd kbir ta’ dawk li jitilqu mill-iskola kmieni se jimminaw il-possibbiltajiet ta’ studenti migranti żgħar li jintegraw ruħhom b’suċċess fis-suq tax-xogħol aktar tard fil-ħajja. In-nuqqas ta’ integrazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni jista’ wkoll ifixkel l-iżvilupp tar-rabtiet soċjali pożittivi u ta’ l-interazzjoni bejn gruppi differenti, neċessarji għal soċjetà koeżiva. Jekk tfal ta’ migranti jitilqu mill-iskola b’esperjenza ta’ segregazzjoni u nuqqas ta' progress li tibqa’ magħhom aktar tard f’ħajjithom, ir-riskju hu li din ix-xejra tirrepeti ruħha fil-ġenerazzjoni li jmiss. Bil-maqlub, fejn l-iskejjel jirnexxielhom jaqdu tajjeb lill-istudenti migranti tagħhom, dan se jħejji t-triq għall-integrazzjoni tagħhom b’suċċess fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà. B’dan il-mod, edukazzjoni tajba għal studenti migranti twieġeb għall-għan ta’ ekwità kif ukoll ta’ effiċjenza.

20. Il-migrazzjoni tista’ ġġib magħha elementi kulturali u edukattivi siewja għall-iskola. Il-possibbiltà ta’ konfront ma' fehmiet u perspettivi oħra għandha l-potenzjal li tkun ta’ ġid kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema. Il-ħiliet interkulturali u l-kapaċità li jinħoloq djalogu tolleranti u rispettuż ma’ persuni minn sfond kulturali differenti huma kompetenzi li jeħtieġ li jiġu, u jistgħu jiġu żviluppati.

3. Ir-raġunijiet għall-iżvantaġġ edukattiv fost it-tfal li ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni

21. Bosta fatturi x’aktarx li huma l-bażi tax-xejra ta’ żvantaġġ edukattiv fost it-tfal li ġejjin minn sfond ta’ migrazzjoni msemmija hawn fuq.

3.1. Il-qagħda u l-isfond ta’ tfal minn sfond ta' migrazzjoni

22. Il-prestazzjoni ta’ l-iskola ġeneralment hija korrelatata mal-kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi [10]. Għalhekk l-ewwel kawża tad-diffikultajiet għal studenti migranti hija l-isfond soċjo-ekonomiku ħafna drabi fqir. Madankollu, il-qagħda soċjo-ekonomika ma tirrappreżentax għal kollox l-iżvantaġġi fost l-istudenti migranti – l-istħarriġ PISA juri li dawn x’aktarx li jkollhom riżultati ta’ l-iskola agħar minn tfal oħra li ġejjin minn sfond soċjo-ekonomiku simili, u li dan iseħħ aktar f’xi pajjiżi milli f’oħrajn[11].

23. Fost il-fatturi li jikkawżaw dan hemm dawn li ġejjin:

- Il-migranti u l-familji tagħhom jesperjenzaw telf tal-valur ta’ l- għarfien li kienu akkumulaw, speċjalment ilsien pajjiżhom, iżda wkoll l-għarfien tagħhom dwar kif jiffunzjonaw l-istituzzjonijiet u b’mod partikolari s-sistemi ta’ edukazzjoni. Barra minn hekk, il-kwalifiki tagħhom jistgħu ma jiġux formalment rikonoxxuti jew jistgħu ma jitqiesux daqstant tajjeb.[12]

- Il- lingwa hija fattur ewlieni. Il-profiċjenza fil-lingwa tat-tagħlim hija kundizzjoni vitali għas-suċċess fl-iskola[13]. Anki għal tfal ta’ migranti li jitwieldu fil-pajjiż li jospitahom, din tista’ tkun problema jekk il-lingwa ta’ l-iskola ma tistax tkun infurzata fid-dar. Il-lingwa tista’ wkoll tkun ostaklu bejn il-familji migranti u l-iskola, u dan jagħmilha diffiċli għall-ġenituri li jappoġġjaw lil uliedhom.

- L- aspettattivi huma ta' importanza konsiderevoli fl-edukazzjoni. Il-familji u l-komunitajiet li jagħtu importanza kbira lill-edukazzjoni x'aktarx li jappoġġjaw b’mod aktar qawwi lit-tfal tagħhom fl-iskola[14]. L-ommijiet huma partikolarment influwenti fuq il-prestazzjoni fl-iskola[15]. Il-mod kif in-nisa jiġu edukati u jkollhom is-setgħa u l-kapaċità li jieħdu deċiżjonijiet għat-tfal tagħhom f’komunità partikolari jista’ jinfluwenza b’mod qawwi l-prestazzjoni tat-tfal tagħhom. L-edukazzjoni mhux kompluta għall-bniet tista’ taffettwa mhux lilhom biss, iżda tista’ tittrażmetti żvantaġġ lill-ġenerazzjoni li jmiss. L-attitudnijiet tat-tfal lejn l-edukazzjoni jistgħu jkunu inqas pożittivi jekk dawn jgħixu f'dinja fejn il-qgħad fost il-komunità tagħhom ikun għoli u s-suċċess fis-suq tax-xogħol u fl-intraprenditorija jkun rari.

- Il- mudelli eżemplari u l-imġiba ta’ appoġġ mill-Komunità jista’ jkollhom influwenza sinifikanti, iżda jkunu nieqsa jekk il-pożizzjoni soċjo-ekonomika tal-komunità tkun dgħajfa[16]. Xi komunitajiet migranti juru dan il-punt b’mod pożittiv; ċerti gruppi ta’ oriġini Ażjatika fir-Renju Unit huma komparattivament żvantaġġati, iżda xorta waħda jipproduċu livelli għolja ħafna ta’ ammissjonijiet għal sistemi nazzjonali ta’ edukazzjoni ogħla.

3.2. L-ambjent edukattiv

24. Anki fejn ix-xejriet ta’ migrazzjoni jkunu simili, il-prestazzjoni ta’ l-istudenti migranti ta’ l-istess oriġini tvarja bejn il-pajjiżi Ewropej[17]. Dan jissuġġerixxi li l-politiki u l-istrateġiji edukattivi huma tassew importanti. L-istruttura tas-sistema ta’ edukazzjoni, u l-mod kif l-iskejjel u l-għalliema jirrelataw magħhom, jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-ksib. Il-pressjoni mill-ħbieb tinfluwenza l-kisba. L-istudenti migranti għandhom tendenza jmorru aħjar meta jiġu mgħallma flimien ma’ studenti fil-klassi li jkunu jafu l-lingwa tal-pajjiż li jkun qed jospitahom u li jkollhom aspirazzjonijiet edukattivi għolja[18].

25. Iżda t-tendenza lejn is-segregazzjoni f’ħafna sistemi hija b'saħħitha. L-istudenti migranti ħafna drabi jkunu kkonċentrati fi skejjel li huma de facto segregati minn dawk tradizzjonali u li sejrin lura fejn għandha x'taqsam il-kwalità, u dan jirrifletti, per eżempju, it-tibdil frekwenti ta’ l-għalliema. L-istħarriġ PISA juri prestazzjoni aktar baxxa ta’ studenti fi skejjel b’konċentrazzjonijiet għolja ta’ studenti migranti[19]. Is-segregazzjoni sseħħ ukoll fi ħdan l-iskejjel: hemm evidenza li r-raggruppament jew l-identifikazzjoni ta’ l-abbiltajiet tpoġġi sehem sproporzjonatament għoli ta’ studenti migranti fi klassijiet b’abbiltajiet aktar baxxi - u dan jirrifletti, possibbilment, livelli inizjali aktar baxxi ta' kisba edukattiva u/jew kapaċità lingwistika[20]. Fl-aħħarnett, il-konċentrazzjoni għolja ta’ tfal ta’ migranti fi skejjel speċjali għal studenti b’diżabilità, evidenti f’xi pajjiżi, hija każ estrem ta’ segregazzjoni[21]. Huwa a priori improbabbli li studenti migranti jsofru minn livelli differenti ħafna ta’ diżabilità bejn il-pajjiżi.

26. Il-forom kollha ta’ segregazzjoni ta’ l-iskola se jdgħajfu l-abbiltà ta’ l-edukazzjoni li tilħaq wieħed mill-objettivi ewlenin tagħha – li tibni inklużjoni soċjali, ħbiberiji u għaqda fis-soċjetà bejn tfal ta’ migranti u sħabhom[22]. B’mod ġenerali, aktar ma l-politiki ta’ l-iskejjel jikkontrobattu l-forom kollha ta’ segregazzjoni de facto ta’ studenti migranti, aktar aħjar se tkun l-esperjenza edukattiva.

27. L-istrateġiji edukattivi jistgħu jikkontribwixxu għall-problema ta’ aspettattivi baxxi msemmija hawn fuq. L-aspettattivi li ġew ifformati, per eżempju, fir-rigward ta' studenti b’inqas kapaċitajiet verbali (x’aktarx li, għal raġunijiet ta’ lingwa, jinkludu ħafna studenti migranti) jistgħu jissottovalutaw il-potenzjal tagħhom.

3.3. Xi Reazzjonijiet Politiċi Pożittivi

28. Ir-riċerka u l-iskambji identifikaw politiki u strateġiji li x’aktarx irawmu s-suċċess edukattiv għal studenti migranti. B’mod ġenerali, ir-riċerka turi li studenti migranti jmorru aħjar fejn l-istatus soċjo-ekonomiku u l-kisba edukattiva huma inqas ikkorrelatati. Fi kliem ieħor, dawk is-sistemi li jagħtu prijorità b’mod qawwi lill-ekwità fl-edukazzjoni x’aktarx li jkunu l-aktar effettivi biex iwieġbu għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom. L-istrateġiji komprensivi fil-livelli u fl-aspetti kollha tas-sistema se jaħdmu l-aħjar; il-miżuri parzjali jistgħu sempliċement jittrasferixxu problemi ta’ inugwaljanza jew kisba fqira minn parti waħda tas-sistema għal oħra. Barra minn hekk, il-politiki għall-iżvilupp ta’ ekwità fl-edukazzjoni se jaħdmu aħjar fi ħdan qafas usa' għall-ħolqien ta' soċjetà inklużiva.

29. Hemm ukoll firxa ta’ strateġiji politiċi li jindirizzaw aspetti speċifiċi ta’ l-esperjenzi edukattivi ta’ studenti migranti.

- L-Istati Membri kollha jisħqu li l-kisba tal- lingwa tal-pajjiż li jkun qed jospita hija l-bażi ta' l-integrazzjoni u kollha implimentaw dispożizzjonijiet speċifiċi biex jappoġġjaw dan[23], per eżempju, il-lezzjonijiet tal-lingwi għal studenti migranti li jkunu għadhom kif waslu (xi drabi jiġu offruti wkoll lil studenti bi sfond ta' migrazzjoni li twieldu fil-pajjiż li jkun qed jospitahom u li jkunu għadhom ma tgħallmux il-lingwa tiegħu). Prattiki oħra jħeġġu l-profiċjenza fil-lingwi kmieni kemm jista’ jkun – l-ittestjar bikri tal-lingwi għat-tfal kollha; it-taħriġ lingwistiku qabel l-iskola; u t-tħejjija ta' l-għalliema biex ikunu kapaċi jgħallmu l-lingwa tal-pajjiż li jkun qed jospita bħala t-tieni lingwa.

- Barra minn din l-attenzjoni primarja fuq il-lingwa tal-pajjiż li jkun qed jospita, saru sforzi biex jippromwovu t-tagħlim tal-lingwa li tintiret , ħafna drabi fi ħdan il-qafas ta’ ftehimiet bilaterali ma' Stati Membri oħra previsti skond id-Direttiva 77/486/KEE[24]. L-ambitu għal tagħlim bħal dan jiżdied b’opportunitajiet ġodda għall-mobilità, il-midja u l-kuntatt bl-internet mal-pajjiż ta’ oriġini u għal ġemellaġġ elettroniku bejn l-iskejjel tal-pajjiżi li jospitaw u dawk li jibagħtu. Teżisti xi evidenza li meta l-lingwa li tintiret tiġi msaħħa mill-ġdid, dan jista' jkun ta' vantaġġ edukattiv. Li wieħed ikun jaf sewwa l-lingwa li tintiret huwa ta’ siwi għall-kapital kulturali u għall-fiduċja tat-tfal ta’ migranti fihom infushom u jista’ jirrappreżenta wkoll vantaġġ ewlieni għall-kapaċità tagħhom għall-impjieg fil-ġejjieni. Barra minn hekk, ir-ritorn eventwali fil-pajjiż ta’ oriġini tista’ tkun għażla mixtieqa għal xi familji migranti; l-edukazzjoni fil-lingwa li tintiret se tiffaċilita dan.

- Bosta pajjiżi joffru appoġġ immirat biex jikkontrobilanċjaw l-iżvantaġġ edukattiv. Filwaqt li mhumiex diretti lejn gruppi migranti per se , dawn il-miżuri x'aktarx li jkunu rilevanti ħafna għalihom. Dawn jistgħu jkunu mmirati lejn l-individwi – boroż ta’ studju u kwoti possibbli għall-parteċipazzjoni f’istituzzjonijiet edukattivi prestiġġjużi (il-kwoti ħafna drabi jkunu kontroversjali ħafna). Oħrajn huma mmirati lejn il-familji, fil-forma ta’ għotjiet li jiddependu mill-attendenza ta’ l-iskola jew mill-prestazzjoni; hemm evidenza li dawn kellhom xi suċċess. L-appoġġ immirat huwa wkoll allokat għal skejjel bi proporzjon għoli ta’ studenti migranti iżda r-riżultati jidhru modesti, forsi minħabba n-nuqqas ta’ massa kritika jew għax ma kienx immirat tajjeb[25].

- Hemm diversi programmi li joffru appoġġ edukattiv addizzjonali lil gruppi mmirati, per eżempju, iċ-ċentri ta’ tagħlim u xogħol skolastiku fid-dar wara l-lezzjonijiet regolari, ħafna drabi implimentati bi sħab mal-komunità. L-iggwidar u t-tagħlim privat ta’ tfal, per eżempju, minn studenti ta’ edukazzjoni ogħla, huma pprovduti. Dawn kienu ta’ suċċess partikolarment meta twettqu minn persuni ta' l-istess oriġini, u bħala parti minn sħubiji usa’ ma’ organizzazzjonijiet tal-ġenituri u istituzzjonijiet tal-komunità , li jistgħu jinkludu wkoll miżuri oħra, bħalma hi l-ħatra ta' medjaturi ta' l-iskola[26].

- L-edukazzjoni li tagħti ċans ieħor intużat f’xi sistemi iżda b’għarfien ċar li ma għandhiex issir dispożizzjoni parallela u segregata għal dawk li ma jirnexxux fl-iskejjel tradizzjonali. L- edukazzjoni għall-adulti , b’mod partikolari t-taħriġ fil-lingwi, hija promossa b’mod wiesa’ fost il-komunitajiet migranti bħala mezz biex tgħin ħalli tintemm it-trażmissjoni bejn il-ġenerazzjonijiet ta' l-iżvantaġġ li ġie enfasizzat aktar qabel u biex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn l-iskola u l-familji.

- L- edukazzjoni ta’ qabel l-iskola ġġib magħha benefiċċji kbar[27]. U, fejn din tagħti attenzjoni qawwija lill-iżvilupp tal-lingwa, tista’ tkun ta’ għajnuna partikolari biex tħejji lill-istudenti migranti għall-iskola aktar tard[28]. Kif ġie indikat fit-taqsima 2.1, it-tfal ta’ migranti ħafna drabi huma dawk bl-inqas aċċess; is-sistemi li daħħlu fis-seħħ appoġġ finanzjarju għal familji soċjalment żvantaġġati biex ikollhom aċċess għal kura tat-tfal urew riżultati tajbin[29].

- L- edukazzjoni integrata li tmur kontra t-tendenzi lejn is-segregazzjoni msemmija qabel, hija mira espliċita f'xi sistemi. Billi hu diffiċli li s-segregazzjoni titneħħa minnufih ladarba ġiet żviluppata, il-pajjiżi li għadhom kif bdew jesperjenzaw migrazzjoni fuq skala kbira jista' jkollhom interess fi strateġija ta' prevenzjoni , biex jiżguraw li l-bilanċ soċjo-ekonomiku u etniku jinżamm mill-bidu nett. L-iskejjel u s-servizzi għandhom jingħaqdu f’netwerk biex l-istudenti migranti jinfirxu u b'hekk jiġu evitati l-konċentrazzjonijiet. Il-miżuri biex titjieb l-attrazzjoni ta’ skejjel maħsuba għal għadd kbir ta' studenti żvantaġġati - il-ħolqien ta' l-hekk imsejħa " skejjel manjetiċi "[30] (magnet schools) taw riżultati inkoraġġanti.

- L-iżgurar ta’ standards ta’ kwalità fl-iskejjel kollha huwa pass essenzjali. L-iżvilupp tal-kwalità jista' jinvolvi politiki biex jinbena pont mal-ġenituri, titjieb l-infrastruttura, jitwessgħu l-attivitajiet barra l-kurrikulu u jiġi stabbilit etos ta’ rispett. Fuq kollox il-prattiki kollha ffokaw fuq it-tagħlim u d-direzzjoni [31]. Xi sistemi ppruvaw jindirizzaw ir-rata għolja ta' tibdil ta’ l-għalliema fost skejjel żvantaġġati billi joħolqu inċentivi għall-għalliema biex jagħżlu dawn l-iskejjel u jibqgħu fihom. It-taħriġ u l-iżvilupp professjonali ta’ l-għalliema dwar kif għandhom jindirizzaw id-diversità u jimmotivaw lit-tfal f'sitwazzjonijiet vulnerabbli qiegħdin jiżdiedu. Iż-żieda ta’ l-għadd ta’ għalliema minn sfond ta’ migrazzjoni hija għan espliċitu f’xi wħud mis-sistemi.

- It-tkabbir ta’ l-għarfien dwar il-kultura ta’ dak li jkun u dwar il-kulturi ta' l-oħrajn jista’ jappoġġja l-fiduċja ta’ l-istudenti migranti fihom infushom filwaqt li jagħti valur għall-istudenti kollha. Din l- edukazzjoni interkulturali bl-ebda mod ma trid iddgħajjef l-attenzjoni primarja fuq l-identità, il-valuri u s-simboli tal-pajjiż li jkun qed jospita. Din tinvolvi fuq kollox il-ħolqien ta’ rispett reċiproku , l-iżvilupp tal-fehim ta’ l-effetti negattivi tal-preġudizzji u ta’ l-isterjotipi u t-trawwim ta’ l-abbiltà li jitqiesu opinjonijiet differenti[32], filwaqt li jiżdiedu l-għarfien u r-rispett tal-valuri ewlenin u d-drittijiet fundamentali tas-soċjetà li tkun qed tospita.

4. L-indirizzar tal-kwistjoni fil-livell Ewropew

30. Il-kontenut u l-organizzazzjoni ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ huma kompetenzi nazzjonali. Huwa fil-livell nazzjonali jew reġjonali li l-istrateġiji jridu jiġu definiti u implimentati. L-Istati Membri esprimew interess li jikkooperaw fl-inklużjoni ta’ tfal ta’ migranti. Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tiffaċilita kooperazzjoni bħal din. In-natura komuni ta’ l-isfida u tal-fatturi li huma fil-bażi tagħha, flimkien mal-firxa ta’ strateġiji li qed jiġu implimentati fi Stati Membri, reġjuni u bliet differenti, tissuġġerixxi li hemm ambitu għal djalogu li jħalli l-frott.

31. L-Unjoni Ewropea diġà qed twettaq għadd ta’ attivitajiet ta’ tipi differenti li għandhom impatt, dirett jew indirett, fuq il-politiki ta' l-Istati Membri dwar dawn il-kwistjonijiet. Barra minn hekk, jeħtieġ li jitqies ir-rwol li kellha d-Direttiva 77/486/KEE fit-tfassil ta’ l-isforz politiku f’dan il-qasam.

4.1. Ir-rwol tal-programmi u l-Azzjonijiet ta’ l-UE

32. Il-Kummissjoni Ewropea diġà tappoġġja għadd ta’ programmi u azzjonijiet li għandhom x’jaqsmu, inter alia , ma’ din il-kwistjoni. Fl-2005, il-Kummissjoni ressqet ‘Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni: qafas għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea’[33], li tipproponi miżuri biex jidħlu fis-seħħ il-Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Integrazzjoni (CBPs),[34] flimkien ma' sensiela ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ ta’ l-UE inklużi l-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali dwar l-Integrazzjoni, il-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni u r-Rapporti Annwali dwar il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni. Barra minn hekk, il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi qed jiffaċilita aktar il-miżuri ta' integrazzjoni għal żgħażagħ u tfal migranti. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar “il-Kompetenzi Ewlenin għal Tagħlim Tul il-Ħajja” fit-18 ta’ Diċembru 2006 telenka t-tipi ta’ mġiba, għarfien u ħiliet li l-edukazzjoni għandha tipprovdi lill-persuni biex jiffaċilitaw is-sodisfazzjon u l-iżvilupp personali, iċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u l-impjiegi f’Ewropa moderna. Il-kompetenzi numri 6 (Kompetenzi Soċjali u Ċiviċi) u 9 (Għarfien kulturali) huma partikolarment rilevanti fil-kuntest ta’ inċidenza għolja ta’ studenti migranti u jistgħu jkunu utli bħala qafas għall-iżvilupp ta’ strateġiji edukattivi nazzjonali.

33. Il-Programm għal Tagħlim Tul il-Ħajja, speċjalment l-azzjonijiet Comenius (l-edukazzjoni skolastika), Leonardo da Vinci (it-taħriġ vokazzjonali) u Grundtvig (l-edukazzjoni għall-adulti) u l-Programm YOUTH jappoġġjaw proġetti marbuta ma’ edukazzjoni interkulturali, integrazzjoni fl-iskola ta' studenti migranti u inklużjoni soċjali għal żgħażagħ żvantaġġati. Xi eżempji huma mniżżla fl-Anness.

34. Il-Politika ta’ Koeżjoni, permezz tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-FSE u l-FEŻR, għandhom il-kapaċità li jappoġġjaw miżuri u proġetti ta’ inklużjoni soċjali fil-livell nazzjonali u fil-livell reġjonali. Ir-“Reġjuni għal bidla ekonomika” permezz ta' l-inizjattiva tal-Programm Urbact se jrawmu kooperazzjoni transnazzjonali u skambju ta’ l-aħjar prassi. L-inklużjoni soċjali ta' żgħażagħ migranti għandha prijorità għolja. Il-programm tal-Komunità għall-impjiegi u s-solidarjetà soċjali, Progress, jagħti wkoll lok għal kooperazzjoni transnazzjonali.

35. Is-Sena Ewropea ta' Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd (2007) u s-Sena Ewropea dwar id-Djalogu Interkulturali (2008) jipprovdu qafas għall-promozzjoni ta' dibattitu Ewropew dwar l-inklużjoni u dwar iż-żgħażagħ migranti.

4.2. Skambji ta’ politika fil-livell Ewropew

36. Il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għal Edukazzjoni u Taħriġ jipprovdi forum għal kooperazzjoni u skambju bejn l-Istati Membri dwar sfidi edukattivi komuni. Il-Kummissjoni se tagħmel proposti għal qafas ġdid għal dan il-proċess f’Diċembru 2008, li jista’, inter alia , jiffaċilita l-iskambju ta’ politika dwar din il-kwistjoni. Dan jista’ jinkludi eżami ta’ l-iżvilupp possibbli ta’ indikaturi u punti ta’ referenza marbuta mal-lakuni fil-ksib edukattiv u fir-reġistrazzjoni ta’ studenti migranti.

37. Il-Kummissjoni taħdem mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jindirizzaw ukoll l-edukazzjoni u l-migrazzjoni bħala parti mill-ħidma tagħhom, bħall-OECD u l-Kunsill ta’ l–Ewropa. Din il-kooperazzjoni se tibqa’ prijorità.

4.3. Ir-rwol tad-Direttiva 77/486/KEE dwar l-edukazzjoni tat-tfal ta' ħaddiema migranti [35]

38. Fil-kuntest tar-riflessjoni politika stipulata hawnhekk, wieħed jistaqsi liema rwol jista' jkollha fil-ġejjieni d-Direttiva 77/486/KEE biex tgħin fit-tfassil tal-politika nazzjonali.

39. It-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-Direttiva rriżultaw li huma diffiċli,[36] għall-inqas parzjalment minħabba li l-kuntest ta’ migrazzjoni ġestita permezz ta’ ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri, li fih inħolqot id-Direttiva, ma kienx għadu attwali fil-mument ta’ l-adozzjoni tagħha. Minħabba d-diffikultà li kien hemm fil-ħolqien ta’ kooperazzjoni bilaterali meħtieġa għal implimentazzjoni formali f’dik li kienet il-KE ta’ disa’ Stati Membri, mhuwiex ċar kif l-implimentazzjoni issa tista’ titjieb b’mod sinifikanti fi ħdan UE ta' 27 Stat Membru.

40. It-tieninett, hemm il-kwistjoni ta' l-ambitu tad-Direttiva. L-isfida issa tikkonċerna b’mod konsiderevoli l-edukazzjoni ta’ tfal li ġejjin minn pajjiżi terzi. Il-qagħda tagħhom mhijiex koperta mid-Direttiva.

41. Fl-aħħarnett, il-valur miżjud tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għal tfassil ta’ politika edukattiva għandu jiġi evalwat. L-ewwel dispożizzjoni tad-Direttiva - li l-Istati Membri għandhom "jiżguraw li tagħlim b'xejn biex jiffaċilita l-ilqugħ fil-bidu jngħata fit-territorju tagħhom [lit-tfal ta’ ħaddiema migranti], inkluż, b'mod partikolari, it-tagħlim ta' l-ilsien uffiċjali jew wieħed mill-ilsna uffiċjali ta' l-Istat riċevent" – jidher li kellha impatt żgħir fit-tfassil ta’ politiki ta’ l-Istati Membri fid-dawl tas-sett ta' sfidi kumplessi deskritti f'dan it-test. L-Istati Membri kollha żviluppaw l-istrateġiji tagħhom għat-tagħlim ta’ l-ilsien tal-pajjiż li jkun qed jospita. Jekk jitqiesu l-mistoqsijiet usa' dwar it-tagħlim ta' tfal minn sfond ta’ migrazzjoni, wieħed għandu jistaqsi jekk l-Istati Membri humiex se jiġu megħjuna x'aktarx aktar mid-Direttiva jew permezz ta’ taħlita ta’ skambju politiku u programmi ta’ appoġġ għall-iżvilupp politiku.

It-tieni dispożizzjoni tad-Direttiva – li l-Istati Membri għandhom “b’kooperazzjoni ma’ l-Istati ta’ oriġini, jieħdu l-miżuri xierqa biex iħajru b'koordinazzjoni ma’ l-edukazzjoni normali, it-tagħlim ta' l-ilsien omm u tal-kultura tal-pajjiż ta' l-oriġini” – tippermetti grad għoli ta’ flessibbiltà fil-mod kif l-obbligu għandu jinkiseb. Din kellha impatt ftit inkonsistenti[37] u tista’, fiċ-ċirkustanzi kif deskritti fit-taqsima 3.1 hawn fuq, titqies bħala strateġija valida mil-lat edukattiv. Madankollu, il-volum ta’ mobilità fi ħdan l-UE ta’ ħaddiema minn Stati Membri ta’ l-UE żdied f’daqqa f’dawn l-aħħar snin wara ż-żewġ proċessi ta' tkabbir ta’ l-2004 u l-2007. Dan, potenzjalment, jista’ jwassal għal interess mill-ġdid fil-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwa li tintiret fost it-tfal ta’ migranti b’mod ġenerali. Għadu mhuwiex ċar jekk dan għandux jiġi implimentat l-aħjar permezz ta’ strumenti leġiżlattivi bbażati fuq is-sistemi legali differenti tat-Trattat għaċ-ċittadini ta' l-UE u ta' pajjiżi terzi jew billi jiġi promoss tkabbir volontarju - li jista' jkun fi ħdan is-sistema formali ta' l-iskola jew barra minnha. B’konformità mar-rekwiżit tad-Direttiva biex jintlaħaq dan l-objettiv b’kooperazzjoni ma’ l-Istat Membru ta’ oriġini, il-ħolqien ta’ netwerks u l-ġemellaġġ bejn l-iskejjel jistgħu jintużaw biex jiżviluppaw it-tagħlim tal-lingwa li tintiret b’mod partikolari fi skejjel u lokalitajiet bl-appoġġ tal-programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja. It-taħriġ ta’ l-għalliema jista’ jiġi żviluppat ukoll biex jappoġġja tagħlim bħal dan.

5. Proposta għal konsultazzjoni

42. Il-Kummissjoni tqis li jkun utli li tikkonsulta lill-partijiet interessati dwar il-politika ta’ edukazzjoni għal tfal minn sfond ta’ migrazzjoni. Il-partijiet interessati huma mistiedna li jressqu l-fehmiet tagħhom dwar:

- l-isfida politika;

- reazzjonijiet politiċi tajbin għal din l-isfida;

- ir-rwol possibbli ta’ l-Unjoni Ewropea fl-appoġġ għall-Istati Membri biex jindirizzaw din l-isfida; kif ukoll

- il-fehmiet tagħhom dwar il-ġejjieni tad-Direttiva 77/486/KEE.

43. Dawk li jwieġbu huma mistiedna jużaw il-mistoqsijiet ġenerali li ġejjin bħala gwida meta jfasslu l-kontributi tagħhom.

A. L-isfida politika

1. X’inhuma l-isfidi politiċi importanti marbuta ma' l-għoti ta' edukazzjoni tajba lil tfal minn sfond ta' migrazzjoni? Minbarra dawk identifikati f’dan id-dokument, hemm xi oħrajn li għandhom jitqiesu?

B. Ir-reazzjoni politika

2. Liema huma r-reazzjonijiet politiċi xierqa għal dawn l-isfidi? Hemm politiki u strateġiji oħra lil hinn minn dawk imniżżla f’dan id-dokument li għandhom jitqiesu?

C. Ir-rwol ta’ l-Unjoni Ewropea

3. X’azzjonijiet jistgħu jittieħdu permezz tal-Programmi Ewropej biex ikollhom impatt pożittiv fuq l-edukazzjoni ta’ tfal minn sfond ta’ migrazzjoni?

4. Kif għandhom jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ? Tħoss li għandhom jiġu eżaminati l-indikaturi u/jew il-punti ta’ referenza possibbli bħala mezz biex l-isforz politiku jiffoka aktar bil-qawwi fuq it-tnaqqis tal-lakuni fil-ksib edukattiv?

D. Il-ġejjieni tad-Direttiva 77/486/KEE

5. Kif tista’ d-Direttiva 77/486/KEE, meta titqies l-istorja ta’ l-implimentazzjoni tagħha u jittieħed kont tal-bidla fil-flussi ta' migrazzjoni minn mindu ġiet adottata, jkollha rwol fl-appoġġ tal-politiki ta’ l-Istati Membri dwar dawn il-kwistjonijiet? Tirrikkmanda li din tinżamm kif inhi, li tiġi adattata jew irrevokata? Tipproponi xi strateġiji alternattivi biex tappoġġja l-politiki ta' l-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet li din tindirizza?

44. Il-konsultazzjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ hawn fuq se tibqa' miftuħa sal-31 ta' Diċembru 2008.

45. Il-kontributi jistgħu jintbagħtu lil:

European Commission

DG Education and Culture

Consultation on Education and Migration

B-1049 Bruxelles

E-mail EAC-migrantchildren@ec.europa.eu

46. Il-Kummissjoni Ewropea se tanalizza r-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni u tippubblika l-konklużjonijiet tagħha fil-bidu ta’ l-2009. Jekk jogħġbok innota li l-kontributi u l-ismijiet ta’ l-awturi jistgħu jiġu ppubblikati, sakemm l-awturi ma jirrifjutawx b’mod espliċitu l-kunsens tagħhom għall-pubblikazzjoni meta jibagħtu l-kontribut tagħhom.

[1] F’dan il-kuntest, hu importanti li wieħed ifakkar li ċ-ċittadini ta’ l-UE, għal kuntrarju ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, igawdu dritt fundamentali li ngħatalhom permezz tat-Trattat tal-KE – li jiċċaqilqu b’mod liberu fi ħdan l-Unjoni Ewropea, mingħajr l-ebda rekwiżit ta' integrazzjoni partikolari għar-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor. Dan jikkostitwixxi differenza fundamentali meta jitqabbel mal-kundizzjonijiet li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jridu jissodisfaw skond ir-regoli ta’ immigrazzjoni ta’ l-UE u dawk nazzjonali, qabel ma jkunu jistgħu jirresjedu fi Stat Membru ta’ l-UE.

[2] Fejn it-test jirreferi għal komunitajiet migranti , huwa maħsub li jwassal il-punt importanti stipulat fit-Taqsima 2.1 li l-fenomenu tan-nuqqasijiet fil-livell edukattiv milħuq u l-fatturi li qed jikkawżawhom jistgħu japplikaw ukoll għal ġenerazzjonijiet sussegwenti (sew jekk naturalizzati sew jekk le), partikolarment fejn isseħħ segregazzjoni mill-komunità ġenerali ta’ l-Istat Membru li jkun qed jospitahom. Fl-aħħarnett, it-test ma jsemmi l-ebda grupp ta' ċittadini ta' l-UE mhux migranti b'etniċità jew identità kulturali distinta u li jkollhom ukoll tendenza għolja ta' esklużjoni soċjali (eż. ir-Roma). Madankollu, bosta aspetti ta’ l-analiżi u tas-sett ta’ sfidi edukattivi deskritti hawnhekk jkunu japplikaw għalihom ukoll.

[3] Il-Programm għall-Evalwazzjoni Internazzjonali ta’ l-Istudenti (PISA) huwa test kull tliet snin mad-dinja kollha dwar il-prestazzjoni skolastika tat-tfal ta’ l-iskola ta’ 15-il sena, li l-implimentazzjoni tiegħu hija kkoordinata mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD).

[4] It-tabella fl-anness.

[5] Ir-rapport konġunt ta’ l-2008 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, Il-kisba ta' tagħlim tul il-ħajja għall-għarfien, il-kreattività u l-innovazzjoni , Frar 2008.

[6] It-tfal ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jgawdux aċċess għal edukazzjoni msejsa fuq trattament indaqs bħal tfal li huma ċittadini ta’ l-Istat Membru li jkun qed jospitahom, jekk dawn jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt ta’ rijunifikazzjoni tal-familji (ĠU L 251 tat-3 ta’ Ottubru 2003, p. 12) u/jew tad-Direttiva 2003/109/KE dwar l-istatus ta’ residenti għal żmien twil (ĠU L 16 tat-23 ta' Jannar 2004, p. 44).

[7] Il-Green Paper tagħmel użu minn riċerka u analiżi dokumentarja (ara l-biblijografija fl-anness). Din tibda bil-ħidma ta’ l-Eurydice u l-OECD dwar l-edukazzjoni ta’ studenti migranti u bir-reviżjoni tal-letteratura wiesgħa prevista mill-Forum Ewropew għal Studji dwar il-Migrazzjoni fl-Università ta’ Bamberg. Il-kwistjonijiet ġew diskussi mal-Grupp ta’ Tagħlim bejn il-Pari dwar l-Aċċess u l-Inklużjoni Soċjali, fil-qafas tal-Programm ta’ Ħidma ta’ l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010.

[8] Ara fil-Mikrozensus 2005 tal-Ġermanja; fl- Ethnicity and education: the evidence on minority ethnic pupils aged 5 – 16 , 2006 tar-Renju Unit; fi Scolarizzazione dei minori immigrati in Italia , CENSIS 2007, ta’ l-Italja.

[9] Bloem u Diaz (2007) jirrappurtaw dwar skola f’Aarhus, fid-Danimarka, mingħajr student wieħed ta’ oriġini Daniża; McGorman et al. (2007) jiddeskrivi l-qagħda f’Dublin 15; Burgess et al. (2006) jirrapportaw li fi Bradford (ir-Renju Unit) 59 % tat-tfal jattendu skejjel b’identità waħda; Karsten et al. (2006) jiddeskrivu żviluppi simili fl-Olanda.

[10] EU-SILC (L-Istatistika dwar id-Dħul u l-Kundizzjonijiet ta’ l-Għajxien), 2005.

[11] It-tabella fl-anness u l-OECD (2006). Dan hu kkonfermat minn studji bħal Jacobs, Hanquinet & Rea (2007), iżda hu kkuntrastat minn riċerka oħra – per eżempju skond Kristen u Granato (2004), li kkonkludew, wara analiżi komparattiva ta' l-istatus soċjo-ekonomiku, li d-differenzi bejn tfal migranti u dawk nazzjonali fil-biċċa l-kbira tagħhom ma jibqgħux jidhru.

[12] Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) jipprovdi qafas komuni ta’ l-UE biex jgħaqqad l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki. Dan għandu jtejjeb it-trasparenza u t-trasferabilità ta’ kwalifiki miksuba f’kull Stat Membru u jgħin biex tissolva din il-problema għaċ-ċittadini ta’ l-UE li jimmigraw.

[13] Esser (2006).

[14] Firxa wiesgħa ta’ riċerka, speċjalment fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika, iffokat fuq l-influwenza ta’ l-aspettattivi tal-ġenituri u tal-komunità fuq il-kisba ta’ gruppi etniċi differenti. Xogħol fundamentali huwa Ogbu (1991).

[15] Il-progress lejn l-objettivi ta’ Liżbona fl-edukazzjoni u t-taħriġ – Indikaturi u punti ta’ referenza, 2007.

[16] Wiley (1977).

[17] Ara l-OECD 2006, Fejn jirnexxu l-istudenti immigranti.

[18] Studju fundamentali dwar din il-kwistjoni huwa Coleman et al. (1966), li juri li studenti li jkunu fil-minoranza fi skejjel segregati jkollhom prestazzjoni aktar baxxa mill-potenzjal tagħhom. Farley (2005) irreveda riċerka aktar riċenti dwar l-influwenza ta’ studenti oħra fuq il-kisba akkademika u l-konklużjonijiet tiegħu bażikament jappoġġjaw is-sejbiet ta’ qabel.

[19] It-tabella fl-anness.

[20] Schofield (2006). Il-konsegwenzi ta’ identifikazzjoni bikrija għal ekwità fl-edukazzjoni diġà ġew indirizzati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Ekwità u l-effiċjenza fis-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ.

[21] Per eżempju, fl-1999 l-istudenti migranti fil-Ġermanja kienu 9.4 % tal-popolazzjoni globali, iżda kienu jirrappreżentaw 15 % tal-popolazzjoni fl-iskejjel speċjali. Ara wkoll l-EUMC (2004). L-Aġenzija Ewropea għall-Edukazzjoni ta’ Studenti bi Bżonnijiet Speċjali bħalissa qiegħda twettaq analiżi komparattiva tal-qagħda ta’ l-istudenti migranti fl-edukazzjoni speċjali fi 23 Stat Membru. Ir-riżultati għandhom jiġu ppubblikati sal-bidu ta’ l-2009.

[22] Rutter et al. (1979).

[23] Ara r-Rapport Eurydice dwar l-integrazzjoni ta' studenti immigranti fl-iskejjel (2004); se jsir aġġornament fl-2008.

[24] Ir-Rapport Eurydice dwar l-integrazzjoni ta' studenti immigranti fl-iskejjel (2004).

[25] Ara l-bażi tar-riforma tal-politika edukattiva ta’ prijorità fi Franza.

[26] Ara l-eżempji fl-anness.

[27] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ekwità u l-effiċjenza fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ, COM(2006) 481 finali u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ l-Edukazzjoni ta’ Novembru 2007 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala l-mutur ewlieni fl-Istrateġija ta' Liżbona.

[28] Per eżempju, Spies, Büchel u Wagner (2003) sabu li l-attendenza tal-kindergarten fil-Ġermanja żiedet b’mod sostanzjali l-probabbiltà li t-tfal migranti jattendu l-iskejjel sekondarji ta' livell ogħla.

[29] Eżempju kbir u vvalutat tajjeb huwa l-programm HeadStart fl-Istati Uniti, li għandu referenza fl-anness.

[30] L-iskejjel manjetiċi oriġinarjament inbdew fl-Istati Uniti fi tmiem is-snin sebgħin. Il-prinċipju huwa li jiġu attirati studenti minn varjetà ta’ distretti ta’ klassi medja f’żona metropolitana billi jiġu pprovduti attivitajiet u kurrikuli interessanti u rari. Dan jista’ jirrimedja l-bilanċ soċjo-ekonomiku fl-iskola filwaqt li jsaħħaħ il-programm edukattiv fi kwartieri vulnerabbli. Teżisti xi esperjenza ta’ skejjel manjetiċi fl-Ewropa wkoll – ara http://schulpreis.bosch-stiftung.de.

[31] Ir-rapport McKinsey (2007).

[32] Ara r-Rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi ewlenin għal tagħlim tul il-ħajja b’mod partikolari l-kompetenzi numri 6 (Kompetenzi Soċjali u Ċiviċi) u 9 (Għarfien kulturali).

[33] COM(2005) 389.

[34] Id-Dokument tal-Kunsill 14615/04.

[35] Id-Direttiva tal-Kunsill 77/486/KEE tal-25 ta' Lulju 1977 dwar l-edukazzjoni tat-tfal ta’ ħaddiema migranti ĠU L 199, 6.8.1977, p. 32-33.

[36] Ara COM(94) 80 u r-Rapport Eurydice 2004.

[37] Ir-Rapport Eurydice 2004.