52008DC0373

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' l-Aja għall-2007 {SEC(2008) 2048} {SEC(2008) 2049} /* KUMM/2008/0373 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 2.7.2008

KUMM(2008) 373 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja għall-2007

{SEC(2008) 2048} {SEC(2008) 2049}

(preżentata mill-Kummissjoni)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja għall-2007

1. Din il-Komunikazzjoni tindirizza x-xewqa tal-Kunsill li l-Kummissjoni tressaq rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja u l-Pjan ta' Azzjoni tagħha[1]. Il-metodoloġija ssegwi dik użata fl-ewwel rapport annwali (2005)[2].

2. L-iskop ta' dan l-eżerċizzju hu li tiġi ssorveljata l-adozzjoni tal-miżuri previsti fil-Programm ta' l-Aja kemm fuq livell istituzzjonali (Parti I u l-Anness 1) u l-implimentazzjoni tagħhom fuq livell nazzjonali (Parti II u l-Anness 2). Dan jinkludi l-pjan ta' azzjoni dwar id-drogi, l-istrateġija li tkopri l-aspetti esterni tal-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, u l-pjan ta' azzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li huma ta' suppliment għall-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Aja, skond l-iskeda stabbilita.

3. Il-miżuri kollha proposti għall-2007, u dawk li għadhom mhumiex miksuba mill-2005 'l hawn, qegħdin għalhekk jiġu esplorati. Il-Komunikazzjoni tagħmel referenza wkoll, fejn hu relevanti, għal xi azzjonijiet supplimentari li, għalkemm mhumiex skedati fil-Pjan ta' Azzjoni, ikkumplimentaw, madankollu, ix-xogħol imwettaq fl-oqsma politiċi rispettivi tal-Programm ta' l-Aja.

1. SORVELJAR TA' L-ADOZZJONI TA' MIżURI SKEDATI GħALL-2007 TAħT IL-PROGRAMM TA' L-AJA

4. Il-valutazzjoni globali ġenerali pjuttost mhix sodisfaċenti[3] . Għadd kbir ta' azzjonijiet previsti fil-Pjan ta' Azzjoni (ara, b'mod partikolari, il-miżuri taħt it-taqsimiet 1.3.3 u 1.4.2) kellhom jiġu abbandunati jew ittardjati jew għaliex kien hemm avvenimenti li ħadulhom posthom jew għaliex il-prijoritajiet iċċaqilqu għal setturi oħra. Barra minn hekk, il-kalendarju għal uħud mill-azzjonijiet kellu jerġa' jiġi kkunsidrat meta tqiesu l-iżviluppi possibbli tal-kuntest istituzzjonali.

5. Ir-rapport ta' l-2007 jiżvela rata aktar baxxa ta' kisbiet (38% tal-miżuri miksuba) b'paragun ma' l-2006 (53% miksuba), b'żieda sostanzjali fl-ammont ta' azzjonijiet li kellhom jiġu ttardjati: 41% b'paragun ma' 27% fl-2006.

6. It-Tabella I turi din l-informazzjoni dwar il-qagħda attwali tal-miżuri istituzzjonali maħsuba għall-2007 (jew għall-azzjonijiet li ma nkisbux matul snin preċedenti)[4] fil-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Aja.

7. Il-livell ta' kisbiet huwa sodisfaċenti prinċipalment fis-setturi li ġejjin:: il-Migrazzjoni u l-Politika tal-Fruntieri, it-Terroriżmu, il-Bini tal-Kunfidenza u l-Fiduċja reċiproka u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja fi Kwistjonijiet Ċivili.

8. Deher ċar li l-livell ta' kisbiet ma kienx suffiċjenti fis-setturi li ġejjin: il-Politika tal-Viżi, il-Qsim ta' Informazzjoni bejn l-Awtoritajiet ta' l-Infurzar tal-Liġi u l-Awtoritajiet Ġudizzjarji, il-Prevenzjoni tal-Kriminalità Organizzata u l-Ġlieda kontriha, il-Ġestjoni tal-Kriżijiet fl-ambitu ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kooperazzjoni bejn il-Pulizija, il-kooperazzjoni doganali u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja fi Kwistjonijiet Kriminali.

[pic]

[pic]

1.1. Orjentazzjonijiet Ġenerali

1.1.1. Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea

9. Fl-1 ta' Marzu 2008, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea adottat proċedura ġdida biex tkun tista' tittratta b'iżjed għaġġla l-kwistjonijiet preġudizzjarji partikolarment urġenti. Din l-innovazzjoni, li l-ħtieġa għaliha feġġet waqt id-diskussjonijiet dwar il-Programm ta' l-Aja, ser tnaqqas il-ħin li kien jittieħed biex jinstemgħu l-każi li jinvolvu l-interpretazzjoni tat-Titolu IV ta' Parti Tlieta tat-Trattat tal-KE u tat-Titolu IV tat-Trattat ta' l-UE.

1.1.2. Strateġija Ewropea dwar id-Drogi

10. L-Azzjonijiet għall-2007 speċifikati fil-Pjan ta' Azzjoni 2005-2008 ta' l-UE dwar il-Drogi inkisbu parzjalment .

11. Komunikazzjoni dwar il-Valutazzjoni 2007 tal-Progress miksub fir-rigward ta' l-Implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drogi ta' l-UE (2005-2008) ġie adottat fl-10 ta' Diċembru. L-evalwazzjoni finali u proposta għal Pjan ta' Azzjoni ġdid ser jiġu ppreżentati fl-2008.

12. Il-pubblikazzjoni tar-rapport dwar l-implimentazzjoni u l-funzjonament tad-Deċiżjoni Qafas dwar it-traffikar tad-drogi skedata għall-2007 ltaqgħet ma' xi dewmien. Il-Kummissjoni ser tippreżenta din il-pubblikazzjoni sa Mejju 2009 għaliex ġie deċiż li huwa fl-interess ta' valutazzjoni korretta li jiġi rrispettat il-kalendarju ffissat mill-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

1.2. Tisħiħ tal-Libertà

1.2.1. Ic-Ċittadinanza ta' l-Unjoni

13. F’dan il-qasam kien irreġistrat xi progress . Fil-5 ta' Diċembru 2007[5], bħala segwitu għall-Green Paper tagħha ta' l-2006, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni dwar protezzjoni konsulari effikaċi fil-pajjiżi terzi. Madankollu, inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, prevista għall-2007, ma setgħetx tiġi ppreżentata għaliex it-trattati attwali ma jipprovdux il-bażi legali biex jiġu ffissati d-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal din l-inizjattiva.

1.2.2. Politika ta' l-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Fruntieri – Analiżi Komuni tal-fenomeni migratorji fl-aspetti kollha tagħhom

14. L-iżviluppi f'dan is-settur kienu sodisfaċenti . Fl-10 ta' Awissu 2007, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta għall-ħolqien tan-Netwerk Ewropew tal-Migrazzjoni (EMN) u, konsegwentement, il-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni qabel ma' approċċ ġenerali dwar abbozz ta' Deċiżjoni li jistabbilixxi l-EMN tas-6 ta' Diċembru 2007. L-adozzjoni formali mill-Kunsill għandha ssir matul l-ewwel nofs ta' l-2008.

1.2.3. Sistema Komuni Ewropea ta' l-Ażil

15. Jista' jiġi rrappurtat xi progress fir-rigward ta' żvilupp ulterjuri fis-Sistema Ewropea ta' l-Ażil (CEAS), imma, kollox ma' kollox, ir- riżultati f'dan is-settur kienu madankollu mħallta.

16. Fl-2007 kienet twettqet evalwazzjoni tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti legali (inklużi dawk dwar il-migrazzjoni) fl-ewwel fażi tas-CEAS. B'mod partikolari, fl-2007 kienu ġew ippubblikati r-rapporti ta' evalwazzjoni tas-Sistema ta' Dublin u tad-Direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza. Ir-riżultati finali ser jiġu vvalutati u ser ikunu disponibbli fl-2008 bħala parti mill-Pjan għall Politika ta' l-Ażil (ara l-paragrafu 17 hawn taħt).

17. Fl-2007 ġiet ippubblikata Green Paper dwar it-tieni fażi tas-CEAS u r-riżultati ta' konsultazzjoni wiesgħa qed jintużaw biex jissawwar il-Pjan Politiku ta' l-Ażil li ser jiġi ppreżentat fl-2008. Barra minn hekk, saret proposta għal emenda fid-Direttiva dwar l-Istatus tar-Residenti għat-Tul[6] biex jiġi mwessa' l-ambitu ta' l-applikazzjoni wkoll għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali.

18. L-istudji dwar l-ipproċessar komuni ta' l-applikazzjonijiet għall-ażil, li fil-bidu kienu previsti għall-2006, ser jittardjaw.

1.2.4. Migrazzjoni Legali

19. Barra mill-valutazzjoni u s-sorveljar tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-direttivi ta' l-ewwel fażi dwar il-migrazzjoni legali (ara l-paragrafu 16 ta' hawn fuq), ittieħdu diversi inizjattivi mhux inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni fl-2007 , b'mod partikolari Komunikazzjoni dwar migrazzjoni ċirkulari u partenarjati għall-mobbiltà bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi[7] u żewġ proposti leġiżlattivi importanti ppreżentati fit-23 ta' Ottubru[8]. Diġà saru kuntatti informali mal-Moldova u Cape Verde biex tiġi vvalutata l-possibbiltà tal-ħolqien ta' Partenarjati għall-Mobbiltà ma' kull wieħed minn dawn il-pajjiżi.

1.2.5. Integrazzjoni taċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi

20. F'Settembru 2007, il-Kummissjoni adottat it- Tielet Rapport Annwali dwar il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni . L-iżvilupp ta' websajt iddedikat għall-integrazzjoni , li inizjalment kien skedat għall-2006, ġie pospost u issa ser jitnieda matul ir-raba' kwart ta' l-2008.

1.2.6. Ġlieda kontra l-Immigrazzjoni Illegali

21. Il-progress f'dan is-settur kien kostanti u konsistenti bl-idea li, sakemm ma jittiħdux miżuri effikaċi biex tiġi miġġielda l-immigrazzjoni illegali, il-kredibbiltà tal-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni ser tiġi mminata b'mod irreparabbli. Għal dan il-għan, l-inizjattiva l-aktar sinifikanti kienet proposta għal Direttiva li tintroduċi sanzjonijiet kontra min iħaddem ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali fl-UE[9]. Għalkemm ma kinux ġew inklużi azzjonijiet kontra l-impjieg illegali fil-Pjan ta' Azzjoni għall-2007, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta din il-proposta, għaliex jidhrilha li l-impjieg illegali huwa l-forza prinċipali li tixpruna l-immigrazzjoni illegali. L-għan ta' din il-proposta hu li jiġi żgurat li l-Istati membri kollha jdaħħlu miżuri u penali preventivi simili, u jinfurzawhom b'mod effikaċi. Fil-fatt, huwa fundamentali li l-Istati Membri kollha ta' l-UE jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiġi żgurat li l-istat ta' dritt u tal-legalità jiġu rrispettati fl-UE kollha.

22. Tnidew attivitajiet ulterjuri matul l-2007, b'mod partikolari twettaq aktar xogħol fuq il-possibbiltà ta' involviment akbar min-naħa ta' FRONTEX fl-iżvilupp ta' netwerks ta' uffiċjali ta' kollegament, u fuq il-pubblikazzjoni tat-tieni rapport annwali dwar il-politika komuni li tittratta l-migrazzjoni illegali.

23. In-negozjati u l-konklużjoni ta' sitt ftehimiet ta' riammissjoni ma' l-Ukrajina, il-Moldova, is-Serbja, l-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM), il-Bonżnja u Ħerżegovina, u l-Montenegro ngħalqu sa l-aħħar ta' l-2007. Dawn il-ftehimiet daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008.

1.2.7. Politika dwar il-Ġestjoni tal-Fruntieri, il-Bijometrija, is-Sistemi ta' l-Informazzjoni u l-Viżi

24. F’dan is-settur ġie rreġistrat progress tajjeb .

25. F'Settembru 2007 saru evalwazzjonijiet tas-Sistema ta' Informazzjoni Schengen f'konformità sħiħa mal-proċeduri rilevanti ta' valutazzjoni Schengen. B'mod analogu, id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tabolixxi l-kontrolli fuq il-fruntieri terrestri u marittimi ma' u bejn l-Istati Membri l-ġodda ġiet adottata fis-6 ta' Diċembru 2007. Fil-31 ta' Marzu 2008 intemm il-proċess ta' l-iżmantellar tal-fruntieri ta' l-ajru . F'Diċembru 2007, disa' Stati Membri (CZ, EE, HU, LT, LV, MT, PL, SI, SK) daħlu fl-ispazju Schengen.

26. Fil-11 ta' Lulju 2007, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw proposta tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-ħolqien ta' Timijiet ta' Intervent Rapidu fil-Fruntieri . Barra dan, fit-13 ta' Frar 2008, bħala parti mill-pakkett "fruntieri" tal-Kummissjoni ġie ppreżentat rapport ta' evalwazzjoni dwar l- Aġenzija għall-Ġestjoni tal-Fruntieri Esterni , li jinkludi wkoll żewġ Komunikazzjonijiet, waħda dwar il-possibbiltà ta' strumenti ġodda għall-iżvilupp tal-ġestjoni tal-fruntieri u l-oħra dwar sistema Ewropea ta' sorveljanza tal-fruntieri.

27. Fis-17 ta' April 2008 ġie adottat b'mod formali r-Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1030/2002 li jistabbilixxi mudell uniformi għall-permessi ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi .

1.2.8. Politika dwar il-Viżi, inkluż l-Iżvilupp tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viżi (VIS)

28. Ir-riżultati f'dan is-settur kienu mħallta ..

29. Il-ftehim dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2007. Barra minn hekk, il-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi ma' l-Ukrajna, l-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM), is-Serbja, il-Montenegro, il-Bożnja u l-Ħerżegovina, l-Albanija u l-Moldova ġew innegozjati u ffirmati fl-2007 u daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008.

30. Il-Kummissjoni ssuktat bl-isforzi tagħha biex tiżgura li ċ-ċittadini ta' l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża għal żmien qasir lejn pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom jistgħu jivvjaġġaw lejn l-UE mingħajr viża. Minkejja l-progress li sar f'dan is-settur ma' xi pajjiżi terzi (l-Awstralja u l-Kanada), għad jonqos pajjiżi terzi oħra li magħhom għadu ma nkisibx ftehim dwar vjaġġar reċiproku mingħajr il-ħtieġa ta' viża għaċ-ċittadini ta' l-Istati Membri kollha.

31. Wara li ntlaħaq ftehim politiku dwar il-pakkett leġiżlattiv tal-VIS f'Ġunju ta' l-2007, tfasslet skeda għall-proġetti li tipprevedi "d-disponibbiltà operattiva" tal-VIS ċentrali għall-aħħar ta' Mejju 2009.

32. Il-Programm ta' l-Aja jipprevedi l-ħolqien, fuq medda twila ta' żmien, ta' uffiċċji komuni għall-ħruġ tal-viżi , fuq il-bażi ta' konsiderazzjoni tad-diskussjonijiet dwar il-ħolqien ta' Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni ġiet mistiedna tissottometti proposta dwar il-ħolqien ta' ċentri komuni għall-introduzzjoni ta' applikazzjonijiet għall-viżi. Fl-2006 l-Kummissjoni kienet ippreżentat emenda għall-Istruzzjoni Konsulari Komuni filwaqt li pprevediet tali possibbiltà, u din l-emenda tinsab attwalment fi stadju ta' diskussjoni mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Madankollu, il-Kummissjoni kienet attivament involuta fil-ħolqien ta' l-ewwel tnejn minn dawn iċ-ċentri ospitati mill-konsulati ta' l-Istati Membri fil-Moldova u l-Montenegro.

1.3. Tisħiħ tas-Sigurtà

1.3.1. Skambju ta' l-informazzjoni fost l-Awtoritajiet ta' l-Infurzar tal-Liġi u l-Awtoritajiet Ġudizzjarji filwaqt li Jintlaħaq l-Aħjar Bilanċ bejn il-Privatezza u s-Sigurtà

33. It-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja jeħtieġ approċċ innovattiv fil-konfront ta' l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi. Diġà kien hemm xi progress sinifikanti f'dan is-settur.

34. F'Ġunju ta' l-2007 kien intlaħaq ftehim politiku dwar l-inizjattiva Ġermaniża għal Deċiżjoni biex issir traspożizzjoni għall-mekkaniżmu istituzzjonali ta' l-Unjoni Ewropea tal-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tat- Trattat ta' Prüm li mhumiex marbuta ma' Schengen u li jidħlu fit-Tielet Pilastru, inklużi l-marki tas-swaba' id-DNA u d-dejta tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Ladarba t-test jiġi adottat, dan jista' jitqies bħala implimentazzjoni parzjali tal-prinċipju ta' disponibbiltà. Ġiet ippreżentata wkoll leġiżlazzjoni implimentattivi ulterjuri f'Ottubru ta' l-2007 (ara l-Aanness 1).

35. Wara konsultazzjonijiet estensivi ma' l-Istati Membri, l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali, il-proposta dwar approċċ komuni għall-użu tad-dejta tal-passiġġieri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata (PNR UE) ġiet adottata mill-Kummissjoni fis-6 ta' Novembru 2007, bħala parti minn Pakkett Anti-Terroriżmu komprensiv (ara hawn taħt, il-paragrafu 41).

36. Barra dan, attwalment jinsab għaddej l-iżvilupp tar-rabtiet bejn is-SIS II u s-sistema ta' Informazzjoni Europol, li kien tnieda fl-2006. Irid jiġi kkonstatat li l- Europol diġà jinsab ikkollegat mas-SISone4all .

1.3.2. Terroriżmu

37. Intgħamel sforż kbir f'dan is-settur. Tajjeb li jiġi kkonstata li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu issuktat fl-erba' setturi kollha (il-prevenzjoni, il-protezzjoni, il-prosekuzzjoni u r-rispons).

38. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni miġbura fi studju dwar in-netwerk tal-Kriżi Transkonfinali għall-Istati Membri li ntemm f'Jannar ta' l-2008, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tibqax għaddejja bil-ħolqien tan- Netwerk Ewropew għall-Infurzar tal-Liġi (LEN).

39. Tul is-sena 2007 kollha, il-Kunsill iddiskuta r-rapport dwar il- mekkaniżmu ta' valutazzjoni "bejn il-pari" ippreżentat mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet ifformulati fil-valutazzjoni bejn il-pari ta' l-arranġamenti nazzjonali għal kontra t-terroriżmu, ġew identifikati diversi azzjonijiet għat-tisħiħ għar-rinfurzar tal-kapaċitajiet nazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu.

40. Ix-xogħol tal-Kummissjoni biex jiġu evitati l-produzzjoni u t-tixrid ta' l-armi kimiċi, nukleari u bijoloġiċi għadu għaddej. Il-Kummissjoni qed tħejji pakkett ta' politika komprensiv dwar is-CBRN li ser ikun lest sa Ġunju 2009, li fih se jkun iħaddan il-kompetenzi tas-servizzi rispettivi kollha tal-Kummissjoni. Il-pakkett ser jikkonsisti minn komunikazzjoni dwar is-CBRN, Pjan ta' Azzjoni għal tħejjija kontra l-attakki bijoloġiċi, Pjan ta' Azzjoni għal kontra t-theddid radjoloġiku u nukleari, dokument ta' ħidma għall-persunal tal-Kummissjoni li jkopri s-sigurtà u s-saħħa u Green Paper dwar it-trażżin tat-theddid minn armi kimiċi.

41. Fl-aħħarnett, irid jissemma li ttieħdu inizjattivi addizzjonali mfassla biex jintegraw lil dawk ikkuntemplati fil-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Aja, b'mod partikolari permezz ta' l-adozzjoni, fis-6 ta' Novembru 2007, ta' Pakkett komprensiv għal Kontra t-Terroriżmu, li jinkludi proposta li tikkonċerna l- PNR UE (ara aktar 'il fuq, il-paragrafu 35), Pjan ta' Azzjoni għall-esplużivi, u proposta li tirrevedi d-Deċiżjoni Qafas dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu (fuq il-bażi tar-rapport ta' valutazzjoni dwar id-Deċiżjoni Qafas). Din l-inizjattiva ta' l-aħħar – li dwarha l-Kunsill diġà ftiehem li jkun hemm approċċ komuni f'April ta' l-2008 – hi maħsuba sabiex tarmonizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-istigazzjoni pubblika biex jitwettqu atti ta' terroriżmu, u r-reklutaġġ u t-taħriġ tat-terroristi, bil-għan li dawn it-tipi ta' mġiba jiġu kkastigati fl-UE kollha, ukoll meta mwettqa permezz ta' l-Internet, u sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-penali, ir-responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi, il-ġurisdizzjoni u l-prosekuzzjoni applikabbli għar-reati tat-terroriżmu japplikaw ukoll għal dawn it-tipi ta' mġiba.

1.3.3. Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata

42. F'dan is-settur tlestew diversi azzjonijiet – l-adozzjoni tar-rapport annwali ta' l-Europol (Ġunju 2007) dwar l-Analiżi tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata (OCTA); il-ħolqien ta' grupp li jidderieġi l-Investigazzjoni Finanzjarja ; l-eżaminar ta' l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna t-traffikar tal-persuni; ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-Konfiska tal-Beni, l-Istrumentalitajiet u l-Proprjetajiet marbuta mal-Kriminalità; u r-rapport dwar il-programm ta' ħidma li jikkonċerna l-kooperazzjoni doganali.

43. Madankollu, globalment, il-progress f'dan is-settur ma kien sodisfaċenti xejn . Ir-raġuni prinċipali għal dan in-nuqqas ta' progress hi li wara l-eżaminar mill-Kummissjoni, diversi azzjonijiet (bħal mhuma l-ħruġ ta' dokument ta' ħidma dwar l-attività kontra l-kriminalità bbażata fuq l- intelligence, l-iżvilupp ta' rakkomandazzjonijiet għal metodoloġija uniformi ta' analiżi tal-vulnerabbiltà fl-ambitu ta' l-impermeabbiltà tal-leġiżlazzjoni għall-kriminalità, rakkomandazzjoni u/jew proposta għat-tkabbir tat-trasparenza ta' l-entitajiet legali bil-għan li titnaqqas il-vulnerabbiltà għall-infiltrazzjoni tal-kriminalità organizzata) tqiesu li ma kinux aktar possibbli, jew li, fuq il-livell ta' Stat Membru, ma kinux meqjusa aktar bħala miżuri li setgħu jiġu żviluppati aħjar.

44. Xi azzjonijiet oħra ġew posposti . Fost dawn kien hemm: il-preżentazzjoni ta' Rapport komprensiv dwar il-Kriminalità fl-Ewropa, l-iffissar ta' standards komuni fejn għandha x'taqsam il-kapaċità għall-investigazzjoni finanzjarja (previst għall-2009), u l-adozzjoni ta' Deċiżjoni Qafas dwar il-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali, li kien intlaħaq qbil dwarha fuq livell politiku fil-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni ta' Ġunju 2006 imma li għadha ma ġietx adottata formalment minħabba riżerva parlamentari waħda f'wieħed mill-Istati Membri.

1.3.4. Kooperazzjoni tal-Pulizija u d-Dwana

45. F’dan is-settur il- progress li ġie rreġistrat ma kienx suffiċjenti . Wara konsiderazzjoni bir-reqqa, il-Kummissjoni kkonkludiet li wħud mill-azzjonijiet ma kinux aktar possibbli (il-Komunikazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-traffikar transkonfinali illegali ta' oġġetti pprojbiti jeww suġġetti għar-restrizzjoni), jew kienu ħadulhom posthom azzjonijiet oħra (dan hu l-każ tal-proposta ta' Direttiva dwar is-sigurezza mtejba tat-trasport u s-sigurtà msaħħa permezz tal-ħolqien ta' settur ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fir-rigward tan-netwerks tranż-Ewropej tat-trasport, li postha ħaditulha l-inizjattiva msemmija fil-paragrafu 58 hawn taħt). Miżuri oħra ġew posposti .

46. Fl-2007 il-Kunsill ippreżenta r-rapport tiegħu dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programm ta' ħidma li jikkonċerna l-kooperazzjonji tad-dwana għall-perjodu 2004-2006.

47. Id-dibattiti mmexxija mill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta' metodoloġija komuni u dwar l-organizzazzjoni ta' operazzjonijiet konġunti qosra doganali u tal-pulizija u/jew ta' timijiet multidixxiplinari konġunti għadhom għaddejja.

48. Dwar il-proposta Ġermaniża għal netwerk Ewropew ta' awtoritajiet għal kontra l-korruzzjoni kien intlaħaq qbil politiku fuq il-livell tal-Kunsill f'Ġunju ta' l-2007. Il-ħolqien ta' dan in-netwerk kellu jiġi pospost minħabba li l-adozzjoni fil-Kunsill hija mistennija fl-2008, wara li l-Parlament Ewropew ikun ikkunsidra l-opinjoni.

49. Ix-xogħol fuq l-implimentazzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill 2004 marbuta mal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata fil- Balkani tal-Punent jisabu mixjin 'il quddiem. Il-Konvenzjoni ġdida SECI (Inizjattiva għal Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk), li ser tippermetti kooperazzjoni aktar stretta bejn SECI u l-Europol, tinsab f'fażi finali u għandha tiġi adottata taħt il-Presidenza Slovena.

1.3.5. Ġestjoni ta' Kriżijiet fl-Unjoni Ewropea

50. Il-Kummissjoni trid tikkoordina l-isforzi fl-Istati Membri u tiżgura li jiġu installati sistemi effiċjenti ta' allarm u ta' informazzjoni għall-ħarsien ta' l-elementi prinċipali ta' l-infrastrutturi kritiċi. Proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni biex jinħoloq netwerk informattiv ta' allarm għall-infrastrutturi kritiċi (CIWIN), li oriġinarjament kienet ipprogrammata għall-2005, issa ġiet posposta u tista' tkun ippreżentata sa l-aħħar ta' l-2008. F'Jannar 2008 ħarġet sistema prototip li ġiet ippreżentata lill-Istati Membri.

1.3.6. Prevenzjoni Ġenerali tal-Kriminalità

51. F'dan is-settur l-iżviluppi kienu qed jikbru b'mod konsistenti. Diversi esperti ltaqgħu matul dawn l-aħħar sentejn biex jiddiskutu l-ħolqien ta' strumenti Ewropej għall-ġbir, l-analizzar, u t-tqabbil ta' informazzjoni dwar il-kriminalità u l-vittimizzazzjoni, filwaqt li tqiesu t-tendenzi rispettivi fl-Istati Membri. Il-gruppi studjaw il-fattibbiltà ta' l-użu tad-diversi strumenti. Twettqu azzjonijiet speċifiċi, partikolarment biex tiġi evitata l-vjolenza fis-settur sportiv (il-ħuliganiżmu): Fit-28 u d-29 ta' Novembru l-Kummissjoni organizzat konferenza ta' livell għoli dwar din il-kwistjoni u pparteċipat b'mod attiv fid-diversi gruppi ta' esperti fejn jidħlu s-sigurtà u s-sigurezza waqt avvenimenti sportivi.

1.4. Infurzar tal-Ġustizzja

1.4.1. Żvilupp tal-Kunfidenza u l-Fiduċja Reċiproka

52. Il-progress f'dan is-settur kien sodisfaċenti . Il-kooperazzjoni ġudizzjarja kemm fi kwistjonijiet ċivili kif ukoll dawk kriminali tista' titjieb aktar bit-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka u bl-iżviluppar gradwali ta' kultura ġudizzjarja Ewropea bbażata fuq id-diversità tas-sistemi legali ta' l-Istati Membri u l-unità permezz tal-Liġi Ewropea.

53. Fl-2006 inħolqot , f'konformità mal-liġi Belġjana, in- Netwerk Ewropew għat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN). L-Istitut Ewropew għat-Taħriġ (ETI) u l-EJTN jipprovdu fuq bażi regolari diversi werkxops fuq livell ta' l-UE biex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn il-membri tal-professjonijiet legali bil-għan li jiġu stabbiliti l-aħjar prassi.

54. Fl-4 ta' Frar 2008 ġiet adottata Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' Forum għal diskussjoni dwar il-politiki u l-prassi ta' l-UE fis-settur tal-ġustizzja. Dan il-Forum ser jgħaqqad flimkien lil operaturi mis-settur tal-ġustzzja , esponenti mid-dinja akkademika u rappreżentanti mill-amministrazzjonijiet ġudizzjarji nazzjonali, u ser tforni lill-Kummissjoni b'informazzjoni ta' rispons u b'riżultati għall-mekkaniżmu ta' valutazzjoni.

1.4.2. Kooperazzjoni Ġudizzjarja fi Kwistjonijiet Kriminali

55. Ir-rata ta' kisbiet f'dan is-settur politiku kienet pjuttost baxxa .

56. Il-kalendarju għal diversi azzjonijiet (bħal mhuma l-proposta dwar l-iskwalifiki tas-sewqan, il-proposta dwar it-tlestija tal-Mandat Ewropew għall-Ġbir tal-Provi, il-Green Paper dwar it-trattament tax-xhieda) kellu jiġi rikunsidrat sabiex jitqiesu l-iżviluppi istituzzjonali possibbli f'dawn is-setturi.

57. F'każi oħra, l-azzjonijiet ġew sostitwiti minn miżuri oħra li kienu kkunsidrati bħala aktar adegwati (bħall-Green Paper u l-proposta dwar sentenzi in absentia , bħala segwitu tal-preżentazzjoni ta' inizjattiva leġiżlattiva mill-Presidenza Slovena). F'każi oħra, tqies li ma kienx ta' min jipproċedi bil-leġiżlazzjoni fuq livell ta' l-UE minħabba nuqqas ta' provi ta' valur miżjud UE (pereżempju, bħala segwitu tar-riżultati tal-Valutazzjoni ta' l-Impatt tal-proposta fuq il-protezzjoni tax-xhieda u l-kollaboraturi tal-ġustizzja).

58. Fid-19 ta' Marzu 2008 l-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva li l-għan tagħha hu li tiffaċilita r-rinfurzar transkonfinali ta' l- offiżi tat-traffiku permezz ta' miżuri tekniċi li jirrendu possibbli l-identifikar u għaldaqstant is-sanzjonar tas-sewwieqa Ewropej li jikkommettu offiżi stradali fi Stat Membru differenti minn dak fejn hija rreġistrata l-vettura.

59. Fil-11 ta' Lulju 2007 t-tieni rapport dwar l-implimentazzjoni tad- Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri.

60. Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2003 dwar l-eżekuzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' ordnijiet biex jiffriżaw il-beni jew il-provi kellu jiġi pospost għall-2008 minħabba n-nuqqas ta' komunikazzjoni minn diversi Stati Membri.

61. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-konklużjoni u l-iffirmar tal- Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (il-Konvenzjoni ta' Varsavja) f'isem il-KE ma tinsabx miexja 'l quddiem fil-Kunsill minħabba nuqqas ta' ftehim bejn l-Istati Membri, u għaldaqstant l-adozzjoni tagħha kellha tiġi differita.

62. Fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-konklużjoni tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Manifatturar Illegali ta' l-Armi tan-Nar u t-Traffikar tagħhom, il-Partijiet, il-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, id-dewmien jinqala' minħabba l-ħtieġa ta' l-istennija sakemm l-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni rilevanti, speċjalment id-Direttiva 91/477/KE u r-Regolament abbozz dwar sistema ta' liċenzjar għall-esportazzjoni u/jew l-importazzjoni. Għalhekk, ir-ratifika tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Armi tan-Nar tkun possibbli ladarba d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jiġu trasposti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali (sa l-2010) u r-Regolament jiġi adottat u jidħol fis-seħħ (bħala prinċipju mhux qabel tmiem l-2009).

1.4.3. Kooperazzjoni Ġudizzjarja fi Kwistjonijiet Ċivili

63. F'dan is-settur ġie rreġistrat progress sostanzjali .

64. Ir-Regolament dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet ekstrakuntrattwali "Rome II") ġie adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-11 ta' Lulju 2007.

65. B'mod simili, fis-7 ta' Frar 2007 l-Kummissjoni adottat il-Green Paper dwar l-eżaminar ta' l- acquis li jirrigwarda l-qafas komuni ta' referenza fil-qasam tal-liġi Ewropea tal-kuntratti tal-konsumaturi. L-adozzjoni tat-tieni Green Paper dwar ir-rinfurzar effettiv tad-deċiżjonijiet ġuridiċi fl-Unjoni Ewropea, fir-rigward tat-trasparenza ta' l-assi tad-debituri, seħħet fis-6 ta' Marzu 2008.

66. Id- Direttiva dwar ċerti aspetti ta' medjazzjoni fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandha tiġi adottata formalment sa Ġunju 2008 wara li jkun intlaħaq ftehim bejn il-koleġiżlaturi wara t-tieni qari (il-Parlament Ewropew kien approva l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill fit-23 ta' April 2008).

67. F'Novembru 2007, waqt il-XXI Sessjoni Plenarja (Diplomatika) tal-Konferenza ta' l-Aja dwar il-Liġi Internazzjonali Privata, intlaħaq ftehim definittiv fir-rigward tan-negozjati dwar il-Konvenzjoni fuq l-Obbligi ta' Manteniment. Il- Konvenzjoni l-ġdida ta' Lugano li tikkonċerna l-Kompetenza Ġurisdizzjonali, ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi fejn jidħlu Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali, konkluża mill-komunità u n-Norveġja, l-Iżlanda u l-Iżvizzera ġiet iffirmata fit-30 ta' Ottubru 2007. Il-Kummissjoni diġà pproponiet ir-ratifika tagħha mill-Komunità.

2. SORVELJANZA TAT-TRASPOżIZZJONI NAZZJONALI

2.1. Metodoloġija

68. Dan l-eżerċizzju jittratta l-ewwel u qabel kollox l-istrumenti leġiżlattivi kollha li jeħtieġu t-traspożizzjoni mill-Istati Membri – id-Direttivi u d-Deċiżjonijiet Qafas . Fl-ambitu ta' dan ir-rapport, id-data ta' l-għeluq kienet il- 31 ta' Marzu 2008.

69. It-Tabella fl-Anness 2 tkopri l-istrumenti kollha li l-iskadenzi għat-traspożizzjoni tagħhom għalqu fid-data ta' l-għeluq.

70. Il- metodoloġija adottata għall-għanijiet ta' dan ir-Rapport hija l-istess bħal dik imfissra fir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Programm ta' l-Aja għall-2005.

2.2. Sorveljar politika b'politika

2.2.1. Linji gwida ġenerali

71. Fejn għandhom x'jaqsmu d- drittijiet fundamentali , id-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali laħqet l-għanijiet tagħha. Madankollu, uħud mill-Istati Membru għadhom ma inkorporawx għadd ta' dispożizzjonijiet importanti tad-Direttiva, filwaqt li fi Stati Membri oħra, it-traspożizzjoni jew il-prassi ma kinux konformi mad-Direttiva. Infetħu diversi proċedimenti ta' ksur minħabba nuqqas ta' konformità jew applikazzjoni żbaljata, u f'każ minnhom Stat Membru tressaq il-Qorti.

2.2.2. Ċittadinanza ta' l-Unjoni

72. Mit-30 ta' April 2006, id-Direttiva ewlenija 2004/38/KE (li tikkonsolida u taġġorna d-drittijiet tal-moviment ħieles taċ-ċittadini ta' l-UE u tal-membri tal-familja tagħhom) ħassret u ssostitwixxiet għadd ta' strumenti legali dwar il-moviment ħieles taċ-ċittadini ta' l-UE u taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi. Wara dewmien inizjali fil-proċess ta' traspożizzjoni, l-isforzi ta' traspożizzjoni ġew intensifikati. Madankollu, għadd ta' Stati Membri ssodisfaw l-obbligu ta' komunikazzjoni tagħhom parzjalment biss. B'riżultat ta' dan, għadd ta' proċedimenti ta' ksur għadhom miftuħa u wħud mill-Istati membri jinsabu f'fażi ta' litigazzjoni[10].

73. Rigward il-leġiżlazzjoni Komunitarja preċedenti dwar id-drittijiet tal-persuni għall-moviment ħieles, li hi kkonsolidata bid-Direttiva 2004/38/KE, proċedimenti ta' ksur għal nuqqas ta' konformità u applikazzjoni żbaljata għadhom pendenti fil-każ ta' tliet Stati Membri. Dawn il-każi kollha jinsabu fi stadju avvanzat ta' litigazzjoni u waslu saħansitra sal-fażi ta' l-opinjoni motivata skond l-Artikolu 228 tat-Trattat tal-KE.

2.2.3. Ażil, Migrazzjoni, Fruntieri

74. Fis-settur ta' l-ażil, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni, f'sens ġenerali, miexja kemmxejn bil-mod. Sallum, id-Direttiva li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza tal-persuni li qed ifittxu l-ażil ġiet trasposta b'mod sodisfaċenti fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri. Madankollu, disa' Stati Membri għadhom ma ssodisfawx l-obbligu ta' komunikazzjoni tagħhom fir-rigward tad-Direttiva dwar l-istandards minimi għall-ikkwalifikar u l-istatus ta' refuġjati jew persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Tlettax-il Stat Membru għadhom ma kkomunikawx il-miżuri għat-traspożizzjoni integrali tad-Direttiva l-aktar riċenti dwar il-proċeduri ta' l-ażil.

75. Fejn għandha x'taqsam il- migrazzjoni legali , l-isforzi ġew immirati biex jitħaffef il-pass fil-komunikazzjoni tal-miżuri għat-traspożizzjoni tad-Direttivi dwar ir-riunifikazzjoni tal-familji u dwar l-istatus taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li ilhom residenti għal żmien twil. Madankollu, Stat membru u tlieta oħra rispettivament għadhom ma ssodisfawx l-obbligu tagħhom, u dan wara li ilhom li għaddew aktar minn sentejn mill-jum ta' l-iskadenza. Il-Qorti kkundannat il-parti l-kbira ta' dawn l-Istat Membri għan-nuqqas ta' komunikazzjoni. Fir-rigward ta' tliet Direttivi, tnejn dwar il-kundizzjonijiet ta' aċċettazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal motivi, minn naħa, ta' studju jew ta' attivitajiet simili u, min-naħa l-oħra, ta' riċerka xjentifika, u d-Direttiva l-oħra dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-persuni jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni ta' ffaċilitar ta' immigrazzjoni illegali, għal tliet, għaxar u żewġ Stati Membri rispettivament l-iskadenza għaddiet u għadhom lura fil-proċess ta' traspożizzjoni.

76. Fir-rigward ta' l-immigrazzjoni illegali, inkiseb progress fit-twettiq ta' traspożizzjoni tat-tliet strumenti ġuridiċi l-inqas riċenti[11]. Il- progress tat-traspożizzjoni ta' strumenti aktar riċenti kien deludenti : Jidher li t-tliet Stati Membri għandhom diffikultajiet partikolari biex iwettqu traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-għajnuna f'każi ta' tranżitu fl-ambitu ta' provvedimenti ta' tkeċċija bl-ajru, u l-Qorti kkundannathom għal nuqqas ta' komunikazzjoni. Rigward id-Direttiva dwar l-obbligu ta' trasportaturi li jikkomunikaw dejta dwar il-passiġġieri, żewġ Stati Membru għadhom ma rrispettawx l-iskadenza għat-traspożizzjoni.

2.2.4. Sigurtà

77. L-implimentazzjoni ta' l-istrumenti għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u għall-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-kooperazzjoni doganali, partikolarment il-konvenzjonijiet u l-protokolli adottati fuq il-bażi tat-Titolu VI tat-Trattat ta' l-UE, huwa diffiċli li tiġi vvalutata minħabba n-natura ta' l-istrumenti kkonċernati, li ma jinkludu l-ebda dispożizzjoni kemm dwar l-obbigu formali għal notifika mill-Istati Membri u lanqas dwar rapporti ta' sorveljanza ta' l-implimentazzjoni nazzjonali. Ir-ratifika rapida tagħhom tibqa' l-ewwel prijorità.

78. Għalhekk, huwa verament diffiċli li ssir il-valutazzjoni tal-konformità u/jew l-applikazzjoni fuq il-livell nazzjonali ta' stumenti legali li jikkonċernaw it-terroriżmu u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, billi ħafna drabi ma jkun jeżisti l-ebda rapport li jipprevedi l-użu ta' dawn l-istrumenti, u lanqas ma jkun hemm ebda obbligu sabiex l-Istati Membri jikkomunikaw il-miżuri nazzjonali xierqa. Rigward id-Deċiżjoni Qafas dwar il-kooperazzjoni bejn l-unitajiet ta' informazzjoni finanzjarja, kważi l-Istati Membri kollha jistgħu jitqiesu li jinsabu legalment konformi mal-parti l-kbira tar-rekwiżiti ewlenin tad-Deċiżjoni.

79. F'dak li għadnu x'jaqsam mal-koopreazzjoni bejn il-pulizija u l-kooperazzjoni doganali, inkisbu riżultati fir-rigward tar-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Napli II. Għadd ta' Stati Membri jeħtieġ li jagħmlu sforzi ulterjuri fil-livell ta' traspożizzjoni tal-Pożizzjoni Komuni dwar l-iskambju ta' dejta ma' l-Interpol.

2.2.5. Ġustizzja

2.2.5.1. Ġustizzja kriminali

80. Bħal fis-settur tas-"sigurtà" (2.2.4 iktar 'il fuq), il-valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni nazzjonali f'dan il-qasam ta' politika, hija diffiċli li titwettaq minħabba n-natura ta' l-istrumenti adottati u s-setgħat aktar limitati li għandhom il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja.

81. Fis-settur tar- rikonoxximent reċiproku , il-Mandat ta' Arrest Ewropew huwa operattiv fl-Istati Membri kollha, għalkemm għadd ġmielu minnhom iridu jagħmlu sforz biex jikkonformaw b'mod sħiħ mad-Deċiżjoni Qafas.

82. L-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas dwar l-eżekuzzjoni ta' ordnijiet ta' sekwestru tal-beni jew tal-provi tibqa' diżappuntanti. Aktar minn sentejn wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni, tnax-il Stat Membru għadhom ma rrispettawx, jew irrispettaw biss b'mod parzjali, l-obbligu ta' komunikazzjoni tagħhom.

83. S'issa l-ebda informazzjoni mhi disponibbli dwar id-Deċiżjoni Qafas dwar il-penali finanzjarji.

84. Rigward l-istrumenti ta' armonizzazzjoni fis-settur ta' kooperazzjoni ġuridika fi kwistjonijiet kriminali, ħareġ għadd limitat ta' rapporti mill-Kummissjoni matul il-perjodu eżaminat minn din il-Komunikazzjoni. Għaldaqstant, ir-rapporti dwar l-istrumenti marbuta mal-protezzjoni ta' l-ewro kontra l-iffalsifikar monetarju, il-korruzzjoni fis-settur privat, l-istrumentalitajiet u u d-dħul ta' flus mill-kriminalità, ġeneralment jindikaw livell ta' traspożizzjoni globalment diżappuntanti fl-Istati Membri vvalutati. Barra minn hekk, l-għadd ta' Stati Membri li għadhom ma rrispettawx l-obbligu ta' komunikazzjoni jvarja, iżda għadu għoli.

85. Rigward id-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-Istati Membri kollha kkomunikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom. L-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni ewlenin tista' titqies bħala sodisfaċenti, għalkemm fadal xi nuqqasijiet.

86. Inkisbu riżultati minn erba' Stati Membri oħra ta' l-UE-12[12] fir-rigward tar-ratifika tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji u l-protokolli tal-Komunitajiet Ewropej. Sfortunatament, it-tieni protokoll għadu mhuwiex fis-seħħ minħabba nuqqas ta' ratifika minn Stat Membru wieħed.

2.2.5.2. Ġustizzja ċivili

87. It-traspożizzjoni ta' żewġ Direttivi dwar għajnuna legali u kumpens għall-vittmi ta' reati mxiet 'il quddiem, ħlief fil-każ ta' Stat Membru wieħed li jidher li qed isib diffikultajiet partikolari.

88. Il-livell ġenerali ta' l-applikazzjoni ta' żewġ Regolamenti - wieħed dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati dwar smigħ ta' xhieda fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali u l-ieħor dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – jista' jitqies bħala sodisfaċenti.

2.3. Sorveljar mill-Istat Membru

89. Id-dejta globali li ġejja, meta jiġu kkunsidrati l-istrumenti kollha flimkien, tista' tinġabar minn żewġ indikaturi li jidhru fit-Tabella fl-Anness 2. L-ewwel żewġ Tabelli juru n-nuqqasijiet ta' l-Istati Membri fin-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni u każi ta' traspożizzjoni jew applikazzjoni żbaljati rispettivament. It-tielet Tabella tagħti ċifri aggregati għaż-żewġ kategoriji.

[pic][pic][pic]

3. KONKLUżJONIJIET

90. It-tielet rapport annwali ta' sorveljanza dwar il-Pjan ta' Azzjoni ta' l-Aja jikkonferma fil-wisa' t-tendenzi osservati fir-rapporti preċedenti.

91. Bħal ma ġara fl-2005 u l-2006, il-progress ma kienx suffiċjenti speċjalment fis-setturi li jirrigwardaw prinċipalment it-"Tielet Pilastru", bħal mhuma l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-kooperazzjoni tal-pulizija, il-kooperazzjoni doganali u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. L-uniku settur taħt it-Tielet Pilastru fi fih ġie rreġistrat progress suffiċjenti huwa l-ġlieda kontra t-terroriżmu , li fil-fatt jibqa' waħda mill-prijoritajiet prinċipali fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.

92. F'konformità mar-riżultati ta' l-2005 u l-2006, ir-rata ta' l-ogħla ksib ġiet irreġistrata fl-azzjonijiet ta' l-"Ewwel Pilastru ". Twettqu żviluppi sinifikanti f'dawk is-setturi fejn il-prijorità politika hija għolja, bħal mhuma l-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili.

93. Fir-rigward ta' l-istrumenti legali taħt it-Titolu IV tat-Trattat tal-KE, u f'termini ta' komunikazzjoni ta' miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni, sar progress kbir minn xi Stati Membri (bħall-Ġermanja u l-Italja) meta jsir paragun mas-sitwazzjoni li ħarġet fid-dieher fir-rapport tas-sena li għaddiet. Madankollu, is-sitwazzjoni tibqa' diżappuntanti fil-każ ta' għadd ta' Stati Membri li jonqsu milli jkunu konformi ma' l-iskadenza tat-traspożizzjoni, b'dewmien fit-twettiq tat-traspożizzjoni li xi drabi jaqbeż is-sena u kultant jammonta għal diversi snin.

94. B'rabta ma' l-istrumenti legali taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta' l-UE, qed isiru sfozi sabiex tiġi intensifikata l-implimentazzjoni kompluta u fil-ħin. Għalkemm matul is-sena li għaddiet sar progress min-naħa ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' xi strumenti legali, ġie nnotat dewmien twil fil-komunikazzjoni ta' miżuri tat-traspożizzjoni ta' Deċiżjonijiet Qafas. Kultant dan id-dewmien jammonta għal diversi snin, u fin-nuqqas ta' traspożizzjoni ta' strumenti ta' l-UE fuq livell nazzjonali, wassal għal qafas leġiżlattiv "virtwali" fil-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. Barra minn hekk, it-traspożizzjoni ta' l-Istati Membri eżaminati ta' spiss ma tkunx sħiħa jew tkun żbaljata.

95. Għalkemm hemm raġunijiet differenti li jiġġustifikaw il-waqgħa ġenerali fil-livell ta' progress matul l-2007, il-progress kajman fi kwistjonijietli jinvolvu t-Titolu VI tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea jikkonferma t-tħassib li esprimiet il-Kummissjoni fir-rapporti preċedenti tagħha, u l- ħtieġa ta' titjib fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet f'dawn l-oqsma.

96. Biex l-azzjoni ta' l-UE titnieda u tiġi xprunata mill-ġdid, partikolarment f'dawk l-oqsma li fihom ma sarx ħafna progress matul il-ftit snin li għaddew, il-Kummissjoni bi ħsiebha tippreżenta Komunikazzjoni dwar il-ġejjieni tal-politiki marbuta mal-ġustizzja, il-ħelsien u s-sigurtà matul l-2009. Din il-Komunikazzjoni ser tikkostitwixxi bażi għal diskussjoni u għat-tħejjija ta' programm multiannwali ġdid fis-settur tal-JLS għall-perjodu 2010-2014 u ser tkun is-suċċessur tal-Programmi ta' Tampere u ta' l-Aja.

97. il- Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni u l-Pjan ta' Politika dwar l-Ażil , adottat fis-17 ta' Ġunju, ser iservu bħala bażi għat-tnedija tad-dibattitu dwar żviluppi ġejjiena f'dawn l-oqsma. Ir-riżultati ta' dawn id-diskussjonijiet imbagħad jintużaw biex titħejja l-Komunikazzjoni ta' l-2009 dwar il-programm multiannwali ġdid.

[1] Il-Programm ta' l-Aja: it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1) u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jimplimenta l-programm ta' l-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1).

[2] COM(2006) 333 finali.

[3] Il-valutazzjoni tal-livell tal-kisba tirreferi kemm għall-preżentazzjoni ta' proposti u inizjattivi tal-Kummissjoni, kif ukoll għall-adozzjoni mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

[4] Bħal fir-rapporti preċedenti, il-grafika ma tinkludix l-azzjonijiet fuq bażi kontinwa. Madankollu, id-dettalji ta' dawn l-azzjonijiet jistgħu jinstabu fl-annessi u t-test prinċipali tal-Komunikazzjoni.

[5] Protezzjoni konsulari effikaċi fil-pajjiżi terzi: il-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea. Pjan ta' Azzjoni 2007-2009, COM(2007) 767 finali.

[6] COM(2007) 298 finali.

[7] COM(2007) 248 finali.

[8] Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u r-residenza ta' ċittadini tal-pajjiżi terzi għall-għanijiet ta' impjieg li jeħtieġ kwalifiki għoljin (COM(2007) 637 finali), u proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta' applikazzjoni għall-għoti ta' permess uniku biex ċittadini ta' pajjiżi terzi jkun jista' jkollhom residenza u jkunu jistgħu jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru u ġabra komuni ta' drittijiet li għandu jkollhom ħaddiema minn pajjiżi terzi li jgawdu residenza legali fi Stat Membru (COM(2007) 638 finali, Brussell, 23.10.2007).

[9] COM(2007) 249 finali.

[10] Għalkemm l-istrumenti "l-qodma" għall-moviment ħieles huma skaduti, id-dispożizzjonijiet tagħhom intirtu u ġew ikkonsolidati mid-Direttiva KE/2004/38.

[11] Id-Direttiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet marbuta mat-tkeċċija ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, id-Direttiva li tissupplimenta l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, u d-Direttiva dwar l-iffaċilitar ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati.

[12] Din hi referenza għal dawk l-Istati Membri li l-adeżjoni tagħhom fl-UE seħħet fl-2004 u l-2007.