52008DC0359

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Socjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Regjuni - Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa: Prinċipji, azzjonijiet u strumenti {SEC(2008) 2026} {SEC(2008) 2027} /* KUMM/2008/0359 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.6.2008

KUMM(2008) 359 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għall-Ewropa:Prinċipji, azzjonijiet u strumenti

{SEC(2008) 2026}{SEC(2008) 2027}

I. Introduzzjoni

L-immigrazzjoni lejn l-UE hija realità. Illum l-immigrazzjoni, li għall-fini ta' dan id-dokument tirreferi għal ċittadini minn pajjiżi terzi u mhux għal ċittadini ta' l-UE, tirrappreżenta madwar 3.8% tal-popolazzjoni totali ta' l-UE[1]. Mill-2002 lil hawn kienu bejn 1.5 u 2 miljun dawk li, kull sena waslu fl-UE. Fl-1 ta' Jannar 2006 kien hemm 18.5 miljun ċittadin ta' pajjiżi terz li kienu residenti fl-UE.

Ma hemm xejn x'juri li l-flussi ta' l-immigrazzjoni se jonqsu.

Fuq il-bażi tat-tradizzjonijiet umanitarji tagħha, l-Ewropa trid tkompli turi solidarjetà ma' refuġjati u persuni li jeħtieġu l-protezzjoni. Id-differenzi ekonomiċi bejn pajjiżi/reġjuni żviluppati u dawk fit-triq ta' l-iżvilupp, il-globalizzazzjoni, il-kummerċ, il-problemi politiċi u l-instabbiltà fil-pajjiżi ta' l-oriġini, il-possibbiltajiet li wieħed isib xogħol fil-pajjiżi żviluppati huma fost il-fatturi li jwasslu għall-mobbiltà internazzjonali tan-nies.

Fil-kuntest ta' popolazzjoni Ewropea li qed tikber fl-età, il-kontribut potenzjali ta' l-immigrazzjoni għall-prestazzjoni ekonomika ta' l-UE hija sinifikanti. L-Ewropej qed jgħixu aktar, l-hekk imsejħa ġenerazzjoni tal-" baby boom " issa qed toqrob lejn l-età ta' l-irtirar, u r-rati tat-twelid huma baxxi. Fl-2007 il-popolazzjoni attiva fl-UE, jiġifieri t-total ta' dawk li għandhom impjieg u dawk qiegħda, kienet tikkonsisti minn madwar 235 miljun, bejn wieħed u ieħor[2]. Skond l-aħħar proġettazzjonijiet dwar il-popolazzjoni[3], sa l-2060 il-popolazzjoni fl-età li jkollha impjieg fl-UE hija pproġettata li se tinżel b'madwar 50 miljun, anki jekk ikun hemm immigrazzjoni kontinwa netta simili għal-livelli storiċi, u b'madwar 110 miljun mingħajr din l-immigrazzjoni. Evoluzzjonijiet bħal dawn huma ta' riskju għas-sostenibbiltà tas-sistemi tagħna tal-pensjoni, tas-saħħa u tal-ħarsien soċjali, u jeħtieġu nefqa pubblika akbar[4].

L-immigrazzjoni hija realtà li trid tkun immaniġġjata b'mod effettiv. F'Ewropa miftuħa mingħajr fruntieri interni, l-ebda Stat Membru ma jista' jimmaniġġja l-immigrazzjoni għal rasu. Irridu nħabbtu wiċċna ma' żona mingħajr fruntieri interni li, sa mill-20 ta' Diċembru 2007 tinkludi 24 pajjiż, u madwar 405 miljun persuna, kif ukoll ma' politika komuni dwar il-viżi. L-ekonomiji ta' l-UE huma integrati b'mod profond, għalkemm għad hemm ħafna differenzi fil-prestazzjoni ekonomika u fis-swieq tax-xogħol. Barra minn dan, l-UE saret attur dejjem aktar importanti fix-xena globali, u l-azzjoni esterna komuni tagħha qed tiġi estiża lejn oqsma ġodda. L-immigrazzjoni hija wieħed minn dawn l-oqsma. Dan kollu jfisser li l-linji ta' politika u l-miżuri meħuda mill-Istati Membri f'dan il-qasam m'għadhomx biss jaffettwaw is-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom, iżda jista' jkollhom riperkussjonijiet fuq Stati Membri oħra u fuq l-UE kollha kemm hi.

L-UE ilha taħdem biex tibni politika komuni sa mill-1999, meta għall-ewwel darba ngħata għarfien ċar mit-Trattat tal-KE għall-kompetenza f'dan il-qasam. Hemm għadd ta' linji ta' politika u strumenti komuni li jindirizzaw l-immigrazzjoni sew fid-dimensjoni interna kif ukoll fid-dimensjoni esterna.

Dawn il-kisbiet mhumiex biżżejjed. Hija meħtieġa viżjoni politika komuni li tibni fuq il-kisbiet ta' qabel u li jkollha l-għan tipprovdi qafas aktar koerenti u utli għal azzjoni futura mill-Istati Membri u mill-UE innifisha. Il-valur miżjud ta' l-UE se jkun dak li tipprovdi strumenti Ewropej fejn hemm bżonnhom u billi tipprovdi l-qafas it-tajjeb biex tinkiseb il-koerenza fejn l-Istati Membri jaġixxu fuq il-bażi tal-kompetenzi tagħhom. It-trasparenza u l-fiduċja reċiproka huma issa aktar minn meħtieġa biex din il-viżjoni komuni tkun effettiva u biex tagħti r-riżultati.

Għalkemm sa ċertu punt tista' tgħin biex jittaffew l-isfidi li joħorġu mill-avvanz fl-età tal-popolazzjoni, l-immigrazzjoni se jkollha rwol aktar kruċjali biex tkun ta' għajnuna fis-soluzzjoni għal sitwazzjoni ta' nuqqas ta' ħaddiema u ta' ħiliet, kif ukoll fit-tkattir tal-potenzjal tat-tkabbir, u tal- prosperità ta' l-UE, b'mod li tkun qed tikkumplimenta riformi strutturali li għaddejjin. Huwa għalhekk li l-immigrazzjoni saret fattur importanti għall-iżvilupp ta' l-Aġenda ta' Liżbona ta' l-UE għat-tkabbir u għall-impjiegi, li tagħraf li l-immaniġġjar kif jixraq ta' l-immigrazzjoni ekonomika hija element essenzjali tal-kompetittività ta' l-UE. Dan ingħata għarfien ukoll mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2008.

Barra mill-potenzjal ekonomiku, l-immigrazzjoni tista' wkoll tagħni lis-soċjetajiet Ewropej fejn tidħol id-diversità kulturali. Madankollu, dan il-potenzjal pożittiv ta' l-immigrazzjoni jista' jitwettaq biss meta l-integrazzjoni fis-soċjetajiet li jilqgħu l-immigrazzjoni tkun tista' sseħħ b'suċċess. Dan jeħtieġ approċċ li ma jħarisx biss lejn il-benefiċċji għas-soċjetà li tilqa', iżda jieħu wkoll f'kunsiderazzjoni l-interessi ta' l-immigranti. L-Ewropa hija u se tkompli tkun ambjent li jilqa' lil dawk li jkunu ngħataw id-dritt li jibqgħu, sew jekk ikunu immigranti li jfittxu x-xogħol, membri tal-familja, studenti jew persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Meta wieħed jibqa' jilqa' din l-isfida, jibdew iqumu ħafna mistoqsijiet. Fil-waqt li l-aċċess għas-suq tax-xogħol hu mogħdija ċentrali lejn l-integrazzjoni, ċifri ta' bħalissa juru li, kollox ma' kollox, ir-rati tal-qgħad fost l-immigranti ħafna drabi għadhom ogħla minn dawk ta' fost iċ-ċittadini ta' l-UE, anki jekk hemm varjazzjoni kbira bejn l-Istati Membri. Barra minn dan, l-immigranti ħafna drabi jkunu esposti għal impjieg f'xogħol prekarju, impjiegi ta' kwalità baxxa, jew impjiegi ta' taħt il-livell tagħhom ta' kwalifiki, bir-riżultat li l-ħiliet tagħhom ma jkunux utilizzati bis-sħiħ ("ħela ta' intelliġenza"). Dan huwa fattur li jwassal biex ikun aktar probabbli li l-immigranti jagħmlu xogħol bla ktieb. Immigranti nisa mhux mill-UE għandhom diffikultajiet partikolari fis-suq tax-xogħol . Barra minn dan, il-ħiliet tal-lingwa ta' l-immigranti u kif uliedhom imorru fl-istudji tagħhom ħafna drabi ma jkunux sodisfaċenti, u dan iqajjem tħassib dwar l-iżvilupp personali u professjonali tagħhom fil-futur.

Hemm il-ħtieġa ta' mekkaniżmi bbażati fuq is- solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-UE għall-qsim tal-piżijiet u għall-koordinazzjoni tal-politika. Dan jitlob l-iffinanzjar għal kontroll ta' l-immaniġġjar tal-fruntieri, għal politika dwar l-integrazzjoni u għal skopijiet oħra, u għalhekk hemm impatt fuq il-finanzi pubbliċi ta' komunitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. Sabiex l-immigrazzjoni tkun immaniġġjata tajjeb hemm bżonn ta' kooperazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jiġu affrontati sitwazzjonijiet ta' interess reċiproku, inkluż problemi maħluqa minn " brain drain ", u reazzjonijiet ta' politika bħal ma hi l-immigrazzjoni ċirkolari.

L-immaniġġjar ta' l-immigrazzjoni b'mod effettiv tfisser li għandna nindirizzaw ukoll kwistjonijiet differenti marbuta mas- sigurtà tas-soċjetajiet tagħna u ta' l-immigranti nfushom. Dan jeħtieġ ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-attivitajiet kriminali marbuta magħha, li tkun ibbilanċjata tajjeb bejn dak li jolqot is-sigurtà kollettiva u dak li jolqot l-integrità individwali. Wieħed irid jeħodha kontra l-impjieg illegali peress li dan joħloq sitwazzjonijiet ta' abbuż u ksur tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Dan jimmina wkoll l-immigrazzjoni legali u għandu implikazzjonijiet negattivi fejn tidħol il-koeżjoni u l-kompetizzjoni ġusta.

.

Din il-viżjoni l-ġdida għal aktar żvilupp tal- politika komuni Ewropea dwar l-immigrazzjoni ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-5 ta' Diċembru 2007[5]. Il-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2007 ddikjara li l-iżvilupp ta' politika komuni dwar l-immigrazzjoni li tkun tikkumplimenta l-linji ta' politika ta' l-Istati Membri tibqa' prijorità fundamentali u talab lill-Kummissjoni tressaq proposti fl-2008. Politika komuni dwar l-immigrazzjoni hija ta' prjorità fundamentali għall-UE[6] jekk irridu li jkollna suċċess flimkien fil-ksib tal-benefiċċji u l-indirizzar ta' l-isfidi li jeżistu. Din il-politika komuni għandu jkollha l-għan li tfassal approċċ koordinat u integrat lejn l-immigrazzjoni sew fuq livell Ewropew, kif ukoll fuq dak nazzjonali u reġjonali. Dan jimplika kunsiderazzjoni tad-dimensjonijiet differenti tal-fenomenu kif ukoll kunsiderazzjoni ta' l-aspett ta' l-immigrazzjoni meta jiġu kkunsidrati l-pilastri ewlenin tal-politika ta' l-UE – il-prosperità, is-solidarjetà u s-sigurtà.

- Din il-politika għandha tkun żviluppata bi sħab u b'solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, bi tweġiba għas-sejħa għal impenn politiku mġedded dwar l-immigrazzjoni mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2007.

- Għandha tinbena fuq sett ta' prinċipji komuni li jkunu politikament jorbtu, li dwarhom irid jintlaħaq qbil fl-ogħla livell politiku u mbagħad jitwettqu permezz ta' azzjonijiet konkreti.

- L-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri għandha tkun segwita permezz ta' metodoloġija komuni u ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ speċifiċi .

- Għandha tinbena fuq il-valuri universali tad-dinjità umana, tal-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà li tħaddan l-UE, inkluż rispett sħiħ lejn il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Umani. Fuq il-bażi tat-tradizzjonijiet umanitarji tagħha, l-Ewropa trid tkompli turi solidarjetà ma' refuġjati u ma' persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni[7].

L-aġenda soċjali mġedda usa' ta' l-UE għal aċċess, opportunità u solidarjetà , li għandha tkun ippreżentata mill-Kummissjoni qabel is-sajf se tinkoraġġixxi soċjetà integrata u inklussiva, fejn l-opportunitajiet ikunu miftuħa għal kulħadd. B'mod partikolari, se tipprovdi strumenti ġodda li għandhom jgħinu wkoll fl-iżvilupp tal-politika ġdida komuni dwar l-immigrazzjoni.

Din il-Kommunikazzjoni se tkun adottata flimkien mal-Pjan ta' Politika dwar l-Ażil. L-għan taż-żewġ dokumenti huwa dak li jwettqu l-elementi li fadal dwar l-immigrazzjoni u l-ażil li jinsabu fil-Programm ta' l-Aja ta' l-2004.

Fir-Rebbiegħa tas-sena d-dieħla, il-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta komunikazzjoni komprensiva b'suġġerimenti speċifiċi dwar kif tista' tippromwovi l-ħidmiet fil-qasam tal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà kollu kemm hu, fid-dawl tal-Programm ta' ħames snin il-ġdid f'dan il-qasam, li għandu jiġi adottat fit-tieni nofs ta' l-2009.

II. PRINċIPJI KOMUNI LI JSERVU TA' SISIEN GħAL AKTAR żVILUPP TAL-POLITIKA KOMUNI DWAR L-IMMIGRAZZJONI

It-test li ġej jipproponi għaxar prinċipji komuni li fuqhom tkun artikolata l-politika komuni dwar l-immigrazzjoni, miġbura taħt tliet intestaturi li huma l-prosperità, is-sigurtà u s-solidarjetà. Wara li jistqarr kull prinċipju, it-test imbagħad jippreżenta, sabiex jillustra l-implimentazzjoni tagħhom fil-futur, eżempji ta' azzjonijiet konkreti li jridu jsiru jew fuq livell ta' l-UE jew inkella fuq dak ta' l-Istati Membri, kif ikun xieraq, u maħsuba biex il-prinċipju jiġi implimentat fil-prattika.

PROSPERITÀ: il-kontribut ta' l-immigrazzjoni legali lejn l-iżvilupp soċjoekonomiku ta' l-UE

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2008 talab lill-Kummissjoni tindirizza d-dimensjonijiet ta' "l-impatt fuq l-impjieg u dak soċjali tal-migrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi" fil-kuntest tal-proposti tiegħu għal politika komuni dwar l-immigrazzjoni [8] . Fil-futur, l-immigrazjoni ekonomika lejn l-UE trid tkun evalwata fost affarijiet oħra fid-dawl tal-bilanċ bejn il-ħiliet ta' l-immigranti u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol nazzjonali; il-promozzjoni ta' opportunitajiet għall-immigrazzjoni legali għandha tkun ibbażata fuq din l-evalwazzjoni. Barra l-ftuħ ta' toroq għall-immigrazzjoni ta' ħaddiema, għandhom jingħataw ukoll l-opportunità u l-mezzi li jidħlu u joqogħdu legalment fl-UE kategoriji oħra ta' immigranti, fuq bażi tempranja jew permanenti. Għandha tisseddaq l-integrazzjomi ta' l-immigranti legali. Dan jeħtieġ impenn ċar sew minn dawk is-soċjetajiet li jilqgħu kif ukoll mill-immigranti nfushom.

1. Prosperità u Immigrazzjoni: regoli ċari u opportunitajiet indaqs għal kulħadd

Il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandha tkun waħda li tippromwovi l-immigrazzjoni legali, li għandha tkun regolata permezz ta' regolamenti ċari, trasparenti u ġusti. Ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom jingħataw dik l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jifhmu l-ħtiġijiet u l-proċeduri għad-dħul legali u r-residenza fl-UE. Għandu jkun garantit trattament ġust taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu legalment fit-territorju ta' l-Istati Membri, bil-għan li l-istat legali tagħhom jitqarreb kemm jista' jkun lejn dak taċ-ċittadini ta' l-UE.

Sabiex dan ikun jista' jiġri, l-UE u l-Istati Membri għandhom:

- Ikomplu bit-tfassil ta' regoli ċari u trasparenti għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini minn pajjiżi terzi, anki biex dawn ikunu jistgħu jagħmlu xogħol bi ħlas, jew inkella għal rashom;

- Jagħtu informazzjoni lil immigranti u applikanti potenzjali, inkluż dwar id-drittijiet tagħhom u dwar ir-regoli li għandhom josservaw malli jkunu legalment residenti fl-UE;

- Jiċċaraw ir-regoli u joffru assistenza u sostenn lill-pajjiżi sew ta' l-oriġini kif ukoll ta' destinazzjoni biex jitwettqu l-obbligi ta' dħul u residenza;

- Jirsistu għal politika komuni dwar il-viżi li tippermetti reazzjonijiet flessibbli għal movimenti ta' persuni naturali fuq bażi temporanja u għal skopijiet professjonali jew edukattivi (pereż., dawk li jiġu trasferiti fi ħdan korporazzjonijiet, fornituri ta' servizzi kuntrattwali, professjonisti indipendenti u viżitaturi fuq negozju, studenti, riċerkaturi, rappreżentanti jew uffiċjali tal-gvernijiet, persunal ta' organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali.

2. Prosperità u Immigrazzjoni: bilanċ bejn il-ħiliet u l-ħtiġijiet

Bħala parti mill-Istrateġija ta' Liżbona, l-immigrazzjoni bi skopijiet ekonomiċi għandha tkun sensittiva għal evalwazzjoni komuni bbażata fuq il-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol fl-UE, li tkun indirizzata lejn il-livelli kollha ta' ħiliet, u lejn is-setturi kollha, sabiex tkun tista' tittejjeb l-ekonomija ta' l-Ewropa bbażata fuq l-għarfien, kif ukoll biex jitkattar it-tkabbir ekonomiku u jkunu jistgħu jiġu ssoddisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Dan għandu jsir f'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' preferenza Komunitarja, għad-drittijiet ta' l-Istati Membri li jiddeterminaw l-ammonti ta' kemm iridu jilqgħu immigranti, u għad-drittijiet ta' l-immigranti, u billi jkunu attivament involuti l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

Sabiex dan ikun jista' jiġri, l-UE u l-Istati Membri għandhom:

- Jibdew jagħmlu, kif mitluba mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2008, evalwazzjoni komprensiva tal-ħiliet li se jkunu meħtieġa fil-futur fl-Ewropa sa l-2020, filwaqt li jitqies l-impatt tat-tibdil teknoloġiku, ta' popolazzjoni li qed tikber fl-età, ta' flussi ta' emigrazjoni u ta' tibdil fit-tqassim globali tax-xogħol. Għandhom ikunu evalwati wkoll, fuq bażi regolari, il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol ta' bħalissa, u fuq perjodu ta' żmien medju fil-livelli kollha ta' ħiliet, u fis-setturi kollha, fl-Istati Membri

- Jibdew jiżviluppaw "Profili ta' l-immigrazzjoni"[9] li jagħtu viżjoni integrata tas-sitwazzjoni ta' l-immigrazzjoni fi ħdan kull Stat Membru f'mument partikolari, b'mod partikolari fejn tidħol il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol nazzjonali u kif huma mqassma l-ħiliet fil-flussi ta' immigrazzjoni (sew dik attwali kif ukoll dik potenzjali). B'appoġġ għal dan, jiżguraw li jkun hemm data konsistenti, komprensiva u kumparabbli dwar l-immigrazzjoni, inkluż informazzjoni dwar l-ammonti u dwar il-flussi, sew fuq livell ta' l-UE kif ukoll dak nazzjonali.

- Iżidu d-disponibbiltà u l-effettività ta' linji ta' politika maħsuba biex jibbilanċjaw il-ħiliet mal-bżonnijiet, inkluż titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ għal ħaddiema minn pajjiżi terzi sabiex jiġu adattati l-ħiliet miġjuba mill-immigranti għall-karatteristiċi tas-swieq nazzjonali tax-xogħol, il-promozzjoni ta' mekkaniżmi xierqa għall-għarfien ta' kwalifiki professjonali miksuba barra l-UE u l-għoti ta' informazzjoni u taħriġ fil-pajjiżi ta' l-oriġini.

- Janalizzaw is-sitwazzjoni preżenti u x-xejriet futuri għar-rigward tas-sens imprenditorjali ta' l-immigranti kif ukoll l-ostakoli leġiżlattivi u operattivi li l-immigranti jistgħu jsibu quddiemhom meta jkunu lesti li jistabbilixxu attività kummerċjali fl-UE. Abbażi ta' evalwazzjoni bħal din, jipproponu miżuri li jwieżnu s-sens ta' intrapriża ta' l-immigranti;

- Jinvestu aktar f'miżuri maħsuba li jerġgħu iressqu lejn l-impjieg ċittadini ta' pajjiżi terzi qiegħda u ekonomikament inattivi li diġà jkunu residenti fl-Istati Membri ta' l-UE (pereż., infermiera li jkunu qed isegwu taħriġ, u ħaddiema oħra fis-settur tas-saħħa), b'attenzjoni partikolari lejn in-nisa;

- Jidentifikaw miżuri li jkunu jistgħu joffru alternattiva reali għall-impjieg illegali jew joħolqu inċentivi għall-impjieg legali.

3. Prosperità u immigrazzjoni: l-integrazzjoni hija ċ-ċavetta għal immigrazzjoni b'suċċess

L-integrazzjoni ta' l-immigranti legali għandha tittejjeb permezz ta' sforzi msaħħa mill-Istati Membri li jilqgħuhom u b'kontribuzzjoni mill-immigranti nfushom ("proċessi b'żewġ naħat"), skond il-Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Integrazzjoni adottati fl-2004. L-immigranti għandhom jingħataw opportunitajiet li jipparteċipaw u jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Is-soċjetajiet Ewropej għandhom itejbu l-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw id-diversità ġejja mill-immigrazzjoni, u jtejbu l-koeżjoni soċjali.

Sabiex dan ikun jista' jiġri, l-UE u l-Istati Membri għandhom:

- Isaħħu aktar l-approċċ orizzontali, fil-Qafas ta' l-UE għall-Integrazzjoni, billi titkabbar il-parteċipazzjoni ċivika, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali, il-ħidma kontra d-diskriminazzjoni, l-opportunitajiet indaqs, l-edukazzjoni u miżuri marbuta maż-żgħażagħ, id-djalogu interkulturali u l-immaniġġjar tad-diversità.

- Jiżviluppaw it-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta' l-aħjar prassi biex tissaħħaħ il-ħila ta' pajjiżi li jilqgħu biex jimmaniġġjaw id-diversità dejjem tiżdied fi ħdanhom, inklużi miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi edukattivi ffaċċjati minn tfal ta' l-iskola ulied l-immigranti. Jiżviluppaw indikaturi komuni u kapaċità statistika xierqa li għandhom ikunu użati mill-Istati Membri biex jiġu evalwati r-riżultati tal-politika dwar l-immigrazzjoni;

- Jappoġġjaw l-iżvilupp ta' programmi speċifiċi ta' integrazzjoni għal immigranti li jkunu għadhom kif jaslu; jinkludu l-iffaċilitar tal-ksib ta' ħiliet lingwistiċi u jenfasizzaw l-ħiliet prattiċi interkulturali meħtieġa għal adattazzjoni effettiva kif ukoll l-impenn lejn valuri fundamentali ta' l-UE; dan jista' jkompli jiġi esplorat billi jiġu identifikati d-drittijiet u l-obbligi bażiċi għal immigranti li jkunu għadhom kif waslu, fil-qasam ta' proċeduri nazzjonali speċifiċi (pereż., il- curricula ta' integrazzjoni, impenji espliċiti fuq l-integrazzjoni, programmi ta' merħba, pjani nazzjonali għaċ-ċittadinanza u l-integrazzjoni, korsijiet ta' introduzzjoni għan-normi ċiviċi, jew ta' orjentazzjoni);

- Iseddqu l-immaniġġjar tad-diversità fuq il-post tax-xogħol u jaraw li jkun hemm disponibbli opportunitajiet ta' avvanz anki għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti u jaħdmu b' mod legali. Għandhom isiru sforzi, permezz ta' linji ta' politika sabiex tiġi garantita skala soċjali għall-ħaddiema kollha fl-UE, tingħata garanzija tad-drittijiet soċjali fundamentali u sabiex jiġu promossi standards tax-xogħol tajba, u l-koeżjoni soċjali. Fi ħdan dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-parteċipazzjoni ta' nisa immigranti fis-suq tax-xogħol u għall-immigranti li huma l-aktar imbegħda mis-suq tax-xogħol.

- Jaraw li jkun hemm aċċess mhux diskriminanti u li jkun effettiv għall-immigranti legali għall-kura tas-saħħa u l-ħarsien soċjali, u applikazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE li tagħti lil ċittadini ta' pajjiżi terzi l-istess trattament daqs dak lil ċittadini ta' l-UE fejn tidħol il-koordinazzjoni ta' skemi tas-sigurtà soċjali madwar l-UE[10]. Barra minn dan, l-UE u l-Istati Membri għandhom jippromwovu t-trasparenza fir-regoli dwar id-drittijiet ta' pensjoni fil-każ li l-immigranti jkunu jixtiequ jmorru lura lejn il-pajjiż tagħhom ta' oriġini;

- Jesploraw iż-żieda fil-parteċipazzjoni fuq livell lokali, nazzjonali u dak Ewropew, sabiex din tkun tirrifletti l-identitajiet multipli tas-soċjetajiet Ewropej, li qegħdin dejjem jevolvu.

- Jesploraw ir-rabtiet bejn xejriet ġodda ta' immigrazzjoni, bħal ma huma l-immigrazzjoni ċirkolari, u l-integrazzjoni;

- Jevalwaw l-implimentazzjoni ta', u l-ħtieġa li tkun modifikata, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja.

- Ikomplu jilqgħu lir-refuġjati u persuni fil-bżonn tal-protezzjoni u jkomplu jiżviluppaw din it-tradizzjoni umanitarja meta tkun qed tinbena t-tieni fażi tas-Sistema Ewropea Komuni ta' l-Ażil[11].

SOLIDARJETÀ: koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

Politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandha tkun ibbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, kif imfissra fit-Trattat tal-KE. Is-solidarjetà u r-responsabbiltà huma essenzjali f'qasam fejn il-kompetenzi huma mqassma bejn il-Komumnità Ewropea u l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tal-politika komuni tista' tkun ta' suċċess biss jekk tkun ibbażata fuq sforzi konġunti. Fil-waqt li l-Istati Membri għandhom sfondi storiċi, ekonomiċi u demografiċi differenti li jiddeterminaw il-linji ta' politika tagħhom nazzjonali dwar l-immigrazzjoni, dawn għandhom b'mod ċar impatt lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u għalhekk l-ebda Stat Membru ma jista' jikkontrolla jew ilaħħaq waħdu b'mod effettiv ma' l-aspetti kollha ta' l-immigrazzjoni u għalhekk id-deċiżjonijiet li jista' jkollhom impatt fuq Stati Membri oħra għandhom ikunu kkoordinati. Il-qsim tal-piż finanzjarju huwa wkoll espressjoni konkreta tas-solidarjetà. Tabilħaqq, l-immaniġġjar ta' l-immigrazzjoni għandha impatt fuq il-finanzi pubbliċi. Il-fondi ta' l-UE jistgħu jintużaw sabiex jiġi promoss it-twettiq tal-prinċipji komuni u għandhom ukoll jinġabru r-riżorsi nazzjonali, fejn xieraq, sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza. Ma' "L-Approċċ globali lejn il-Migrazzjoni" żdiedet dimensjoni addizzjonali tas-solidarjetà: bil-għan li jinkiseb immaniġġjar aħjar tal-flussi ta' immigrazzjoni fl-interess ta' l-atturi kollha involuti, inklużi d-djaspori u l-komunitajiet ta' l-immigranti, il-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu għandhom ikunu assoċjati ma' l-azzjoni ta' l-UE, u l-kwistjonijiet ta' immigrazzjoni għandhom isiru parti mid-djalogu ta' l-UE ma' pajjiżi terzi u mill-politika tagħha ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp.

4. Solidarjetà u Immigrazzjoni: trasparenza, fiduċja u kooperazzjoni

Il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta' solidarjetà politika u operattiva, fiduċja reċiproka, trasparenza, responsabbiltà maqsuma u sforzi konġunti mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

Sabiex dan ikun jista' jiġri, l-UE u l-Istati Membri għandhom:

- Isaħħu l-qsim ta' l-informazzjoni u d-diskussjoni konġunta fi ħdan l-UE, bil-ħsieb li jiġu skambjati l-aħjar prattiċi, tiżdied il-fiduċja reċiproka u jiġu adottati approċċi kkoordinati għal kwistjonijiet ta' interess reċiproku, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fi tradizzjonijiet u realtajiet ta' immigrazzjoni;

- Jistabilixxu u/jew itejbu l-mod kif jaħdmu l-mekkaniżmi neċessarji sabiex jiġi mmonitorjat l-impatt ta' miżuri nazzjonali dwar l-immigrazzjoni lil hinn mill-fruntieri nazzjonali fi ħdan l-UE, sabiex jintgħelbu l-inkonsistenzi u titjieb il-koordinazzjoni fil-livell ta' l-UE;

- Jiżviluppaw sistemi interoperabbli u jiżdied il-ġbir ta' mezzi tekniċi (mekkaniżmi reċiproċi ta' appoġġ u timijiet) billi jsir użu strateġiku ta' riżorsi finanzjarji u umani sabiex ikun hemm immaniġġjar ta' l-immigrazzjoni aktar effettiv;

- Jtejbu l-komunikazzjoni interna u esterna ta' linji ta' politika ta' l-UE dwar l-immigrazzjoni, l-għanijiet u l-istrateġiji tagħha sabiex l-Unjoni tkun tista' titkellem b'vuċi komuni.

5. Solidarjetà u Immigrazzjoni: użu effettiv u koerenti tal-mezzi disponibbli

Is-solidarjetà meħtieġa biex il-linji ta' politika komuni dwar l-immigrazzjoni jkunu jistgħu jiksbu l-għanijiet strateġiċi tagħhom għandhom jinkludu element finanzjarju qawwi li jqis is-sitwazzjoni speċifika tal-fruntieri esterni ta' ċerti Stati Membri u ta' l-isfidi migratorji speċifiċi li jkollhom quddiemhom.

Sabiex dan ikun jista' jiġri, l-UE u l-Istati Membri għandhom:

- Jaraw li, f'konformità mal-prinċipju ta' tmexxija finanzjarja soda, jkun hemm użu strateġiku tal-Programm Ġenerali dwar is-Solidarjetà u l-Immaniġġjar tal-Flussi Migratorji (2007 – 2013) bħala mekkaniżmu ta' qsim tal-piżijiet sabiex jikkumplimenta r-riżorsi baġetarji nazzjonali ta' l-Istati Membri;

- Jesploraw il-potenzjal sħiħ tat-taħlita ta' mekkaniżmi li jeżistu fl-erba' strumenti tal-Programm Ġenerali sabiex tissaħħaħ il-kapaċità ta' l-Istati Membri li jimplimentaw linji ta' politika effettivi u fl-istess ħin jirreaġixxu għal ħtiġijiet urġenti jew żviluppi speċifiċi, bħal ma huma sitwazzjonijiet ta' influss tal-massa;

- B'mod kostanti jirrevedu, għal kull strument tal-Programm, il-kriterji tal-mekkaniżmu ta' distribuzzjoni għall-allokazzjoni tar-riżorsi lill-Istati Membri u jaġġustawhom skond il-bżonn sabiex ikunu jirriflettu ż-żidiet fid-domanda, kif ukoll l-iżviluppi l-ġodda;

- Itejbu l-koordinazzjoni ta' attivitajiet iffinanzjati permezz ta' riżorsi tal-Komunità u nazzjonali fid-dawl ta' aktar trasparenza, koerenza u effiċjenza sabiex jiġu evitati l-interferenzi u sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' politika dwar l-immigrazzjoni kif ukoll f'oqsma oħra relatati ta' politika.

6. Solidarjetà u Immigrazzjoni: tisħib ma' pajjiżi terzi

L-immaniġġjar effettiv tal-flussi migratorji jeħtieġ tisħib ġenwin u kooperazjoni ma' pajjiżi terzi. Il-kwistjonijiet li jolqtu l-immigrazzjoni għandhom ikunu intergrati bis-sħiħ fil-linji ta' politika ta' l-Unjoni dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp, kif ukoll f'linji ta' politika esterni oħra. L-UE għandha taħdem mill-qrib ma' pajjiżi sħab dwar opportunitajiet għall-mobbiltà legali, dwar kapaċitajiet ta' immaniġġjar ta' l-immigrazzjoni, dwar l-identifikazzjoni ta' fatturi li jwasslu għall-immigrazzjoni, dwar it-tħaris tad-drittijiet fundamentali, il-ġlieda kontra l-flussi illegali u t-titjib ta' possibilitajiet biex l-immigrazzjoni tkun għas-servizz ta' l-iżvilupp.

Sabiex dan ikun jista' jiġri, l-UE u l-Istati Membri għandhom:

- Jappoġġjaw lill-pajjiżi terzi biex dawn jiżviluppaw il-qafas leġiżlattiv nazzjonali tagħhom u biex jistabbilixxu sistemi ta' immigrazzjoni u ażil, b'rispett sħiħ għal konvenzjonijiet internazzjonali relevanti;

- Isaħħu l-kooperazzjoni, is-sostenn u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fil-pajjiżi sħab bil-ħsieb li jiġu żviluppati linji ta' politika għal immigrazzjoni mmaniġġjata tajjeb, jiġu identifikati fatturi li jwasslu għall-immigrazzjoni u jsostnu l-iżvilupp ta' miżuri effettivi ta' adattament; itaffu t-telf tal-ħiliet permezz ta' azzjonijiet b'mod partikolari fl-oqsma tat-taħriġ, tar-reklutaġġ, ir-ritorn, ix-xogħol diċenti, livelli ta' reklutaġġ etiku u billi jevalwaw ix-xejriet fis-swieq tax-xogħol nazzjonali tagħhom, jaraw li dawn ikunu konformi ma' livelli diċenti tax-xogħol, jiżviluppaw is-sistemi ta' taħriġ edukattivi u vokazzjonali f'konformità mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, iwettqu l-potenzjal ta' żvilupp tar-remittanzi, b'mod partikolari permezz tat-titjib ta' l-istatistika, it-tnaqqis ta' l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u billi jsostnu l-iżvilupp tas-settur finanzjarju;

- Jagħmlu uzu koerenti u strateġiku ta' l-istrumenti kollha ta' politika żviluppati fis-snin riċenti fi ħdan il-qafas ta' l-"Approċċ Globali għall-Immigrazjoni", inkluż il-profili ta' l-immigrazzjoni ta' pajjiżi terzi u pjattaformi ta' kooperazzjoni;

- Għall-pajjiżi kandidati, u potenzjalment kandidati, li diġà għandhom mekkaniżmi ta' kooperazzjoni ma' l-UE żviluppati tajjeb, jużaw l-istrumenti ġodda ta' politika, fejn meħtieġ, biex isaħħu l-kooperazzjoni eżistenti;

- Joperaw mill-qrib ma' sħab Afikani bil-ħsieb li jimplimentaw flimkien il-"proċess ta' Rabat" ta' l-2006 dwar il-migrazzjoni u l-iżvilupp u l-Partenarjat UE-Afrika dwar il-Migrazzjoni, il-Mobbiltà u l-Impjieg li dwaru ntlaħaq qbil f'Liżbona f'Diċembru 2007;

- Ikomplu jużaw id-djalogi politiċi u settorjali tagħna mal-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew u ma' l-Amerika Latina u l-Karibew kif ukoll ma' l-Asja sabiex napprofondixxu l-għarfien reċiproku ta' l-isfidi dwar l-immigrazzjoni li għandna quddiemna, u sabiex insaħħu l-kooperazzjoni li diġà teżisti;

- Jilħqu qbil, flimkien ma' Stati Membri interessati, dwar partenarjati ta' mobbiltà ma' pajjiżi sħab, b'mod li nwittu t-triq għal arranġamenti ta' immaniġġjar għall-immigrazzjoni ta' dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol ma' sħab strateġiċi għat-tul kif ukoll kooperazzjoni dwar kwistjoniniet ta' ritorn.

- Naħdmu ma' pajjiżi ta' l-oriġini, f'konformità sħiħa mal-prinċipju tar-responsabbiltà maqsuma, sabiex inkabbru l-għarfien tal-ħtieġa li niskoraġġixxu ċ-ċittadini tagħhom milli jidħlu u joqogħdu illegalment fit-territorju ta' l-UE;

- Jipprovdu possibbilitajiet reali għall-immigrazzjoni ċirkolari billi jistabbilixxu jew isaħħu miżuri legali u operazzjonali u jagħtu lill-immigranti legali d-dritt għall-aċċess bi prijorità għal aktar residenza legali fl-UE;

- Idaħħlu dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni dwar is-sigurtà soċjali fil-ftehimiet ta' assoċjazzjoni milħuqa bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi. Barra l-prinċipju ta' trattament indaqs, dispożizzjonijiet bħal dawn jistgħu jkopru b'mod partikolari t-trasferiment ta' drittijiet soċjali akkwistati, b'mod partikolari d-drittijiet għall-pensjoni.

- Jaraw li jkun hemm, u li jintużaw sewwa, riżorsi xierqa fi ħdan l-istrumenti finanzjarji relevanti kollha sew nazzjonali kif ukoll tal-Komunità, sabiex ikun jista' jiġi implimentat l-"Approċċ Globali għall-Immigrazzjoni", fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, filwaqt li jiġi rrispettat il-livell ta' ffinanzjar li dwaru diġà hemm qbil fuq livell ta' Komunità.

SIGURTÀ: ġlieda effettiva kontra l-immigrazzjoni illegali

Il-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' l-immigrazzjoni illegali fid-dimensjonijiet kollha tagħha hija ta' importanza kritika għall-kredibbiltà u biex il-pubbliku jaċetta l-linji ta' politika dwar l-immigrazzjoni legali. Il-kontroll ta' l-aċċess lejn it-territorju ta' l-UE għandu jissaħħaħ sabiex jiġi promoss immaniġġjar tal-fruntieri tassew integrat, filwaqt li jkun żgurat aċċess faċli għal vjaġġaturi bona fede u għal persuni li jkollhom bżonn protezzjoni u biex l-Ewropa tinżamm miftuħa għad-dinja. Minkejja li huwa fenomenu li jinvolvi wkoll lil ħafna ċittadini ta' l-UE, ix-xogħol mhux bil-ktieb u l-impjieg illegali jistgħu jservu ta' fatturi li jwasslu għall-immigrazzjoni illegali u għandhom għalhekk ikunu indirizzati. Iż-żieda fil-ġlieda kontra t-traffikar ta' l-immigranti u l-aspetti kollha tat-traffikar tal-bnedmin hija prijorità ċentrali ta' l-UE u l-Istati Membri tagħha. Politika ta' ritorn sostenibbli u effettiva – ibbażata fuq regoli ċari, trasparenti u ġusti – għandha tkun ta' appoġġ għall-Istati Membri li jkun jeħtiġilhom jirrimpatrijaw ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jkunux, jew li ma jkunux għadhom, jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex ikunu jistgħu jibqgħu fl-UE. Ir-regolarizzazzjoni indiskriminata tal-massa fuq skala kbira f'sitwazzjoni ta' illegalità mhix strument dejjiemi u effettiv għall-immaniġġjar tal-migrazzjoni u m'għandhiex titħalla ssir. Dawn il-linji ta' politika u miżuri kollha għandhom isiru fir-rispett sħiħ għad-dinjità, għad-drittijiet fundamentali u għal-libertajiet tal-persuni kollha kkonċernati.

7. Sigurtà u Immigrazzjoni: politika dwar il-viżi li tkun taqdi l-interessi ta' l-Ewropa u ta' sħabha

Il-politika komuni dwar il-viżi għandha tiffaċilita d-dħul ta' viżitaturi bona fide u ttejjeb is-sigurtà. Għandhom jintużaw teknoloġiji ġodda, fejn ikun xieraq, sabiex ikunu jistgħu jsiru kontrolli differenzjati, ibbażati fuq ir-riskju fuq applikanti għall-viża, bi skambju estensiv ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-liġijiet dwar il-protezzjoni tad- data u tal-privatezza.

Sabiex dan ikun jista' jiġri, l-UE u l-Istati Membri għandhom:

- Jistabbilixxu approċċ integrat, b'erba' saffi, sabiex il-kontrolli jsiru b'mod sistematiku f'kull stadju meta l-immigranti jkunu qed jivvjaġġaw lejn l-Unjoni (fil-konsulati, fil-mument tal-wasla, ġewwa t-territorju u fil-mument tat-tluq);

- Jibdlu l-viżi nazzjonali ta' Schengen li jintużaw bħalissa ma' viżi Ewropej ta' Schengen, b'mod li jkun hemm trattament indaqs għall-applikanti kollha tal-viżi u applikazzjoni armonizzata tal-kriterji għall-kontrolli tas-sigurtà;

- Joħorġu viżi f'Ċentri Konsulari Komuni li jirrappreżentaw numru ta' Stati Membri, jew lil kollha, b'mod li tintlaħaq massa kritika kif ukoll biex ikun hemm aċċess faċli għall-applikanti tal-viżi mill-pajjiżi terzi kollha;

- Jesploraw il-possibbiltà li titwaqqaf sistema li permezz tagħha ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunu obbligati jiksbu awtorizzazzjoni elettronika biex jivjaġġaw qabel ma jitilqu lejn it-territorju ta' l-UE;

- Ikomplu jesploraw l-opportunitajiet biex jitħaffef il-ħruġ tal-viżi u biex titjieb il-koordinazzjoni fil-proċedura tal-viżi, anki fil-każ ta' viżi għal żmien twil.

8. Sigurtà u Immigrazzjoni: immaniġġjar integrat tal-fruntieri

L-integrità taż-żona ta' Schengen mingħajr kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri għandha tinżamm. L-immaniġġjar intergrat tal-fruntieri esterni għandu jissaħħaħ u l-linji ta' politika dwar il-kontrolli fuq il-fruntieri għandha tiġi żviluppata f'koerenza ma' linji ta' politika dwar il-kontrolli tad-dwana u dwar il-prevenzjoni ta' theddid ieħor għas-sigurtà jew ta' theddid marbut mas-sigurezza.

Sabiex dan ikun jista' jiġri, l-UE u l-Istati Membri għandhom:

- Isaħħu d-dimensjoni operattiva ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Immaniġġjar tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (FRONTEX), fost affarijiet oħra billi tiġi estiża l-kapaċità tagħha fejn tidħol it-tmexxija operattiva, u s-setgħat tagħha li tinizja operazzjonijiet li jkunu jinvolvu kontrolli fuq il-fruntieri f'oqsma identifikati bħala ta' riskju għoli u esposti għal pressjoni migratorja eċċezzjonali;

- Jiżviluppaw approċċ integrat sabiex jitjieb l-użu ta' teknoloġiji ġodda, inkużi strumenti ta' l-IT eżistenti u oħrajn ippjanati, il-mixja lejn l-integrazzjoni tal-mod ta' funzjonament individwali ta' sistemi differenti li jiffurmaw parti mill-arkitettura ġenerali ta' l-IT; jaraw li l-potenzjal tas-seba' programm qafas ta' riċerka jkun użat kollu;

- Ikomplu jibnu fuq il-kunċett ta' Sistema ta' Sorveljanza Ewropeja tal-Fruntieri (EUROSUR) billi jtejbu l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri, bejn l-Istati Membri u bejn il-mezzi użati u l-attivitajiet imwettqa mill-Istati Membri għall-iskop ta' linji ta' politika rilevanti marbuta mas-sorveljanza u maż-żamma tas-sigurtà interna;

- Jiżviluppaw approċċ strateġiku u koordinat għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fuq livell Ewropew, b'appoġġ immirat sabiex tinbena kapaċità ta' immaniġġjar effettiva u sostenibbli tal-fruntieri f'pajjiżi sħab strateġiċi ta' tranżitu u ta' oriġini; għandux jinħoloq rwol essenzjali għal FRONTEX biex tkun tista' twettaq missjonijiet ta' assistenza fuq il-fruntieri f'dawk il-pajjiżi;

- Ikomplu jappoġġjaw il-bini ta' kapaċita aġġornata, uniformi u interoperabbli ta' l-Istati Membri għall-kontroll tal-fruntieri permezz ta' metodi estiżi ta' solidarjetà finanzjarja Ewropea, u li jiżviluppaw mekkaniżmi ġodda għal qsim effiċjenti tal-piżijiet operattivi biex jiġu appoġġjati Stati Membri li jkunu qed jaffaċċjaw, issa jew 'il quddiem, il-wasla rikorrenti u massiva ta' immigranti illegali, billi jingħaqdu riżorsi Ewropej u oħrajn nazzjonali miġbura;

- Iżidu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri sabiex jiġi żviluppat one-stop-shop fil-fruntieri, fejn kull vjaġġatur, bħala regoli ġenerali, ikollu jgħaddi minn kontroll wieħed, minn awtorità waħda.

9. Sigurtà u Immigrazzjoni: jitħaffef il-pass fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, u tolleranza żero għat-traffikar tal-persuni

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżvilippaw politika koerenti dwar il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-persuni. Ix-xogħol bla ktieb u l-impjieg illegali[12] fid-diversi forom tagħhom għandhom jiġu miġġielda b'mod effettiv permezz ta' miżuri preventivi, infurzar tal-liġi u sanzjonijiet. Il-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi tat-traffikar tal-persuni għandhom jiġu nfurzati.

Sabiex dan ikun jista' jiġri, l-UE u l-Istati Membri għandhom:

- Jaraw li jkun hemm riżorsi finanzjarji u umani xierqa għall-investigazzjoni ta' kuntrabandu u każijiet ta' traffikar sabiex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-kontrolli, b'mod partikolari fil-forma ta' spezzjonijiet fuq il-post tax-xogħol;

- Jinvolvu r-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta' min iħaddem b'mod attiv fil-ġlieda kontra x-xogħol bla ktieb u l-impjieg illegali;

- Jiżviluppaw strumenti ta' analiżi tar-riskju u jtejbu l-kooperazzjoni u l-kontrolli ulterjuri minn amministrazzjonijiet differenti sabiex jinqabdu aktar minn dawk li jkunu qed jaħdmu bla ktieb, sew li jkunu ċittadini ta' pajjiżi terzi, kif ukoll dawk li jkunu fil-pajjiż b'mod legali kif ukoll illegali;

- Jiffaċilitaw l-iskambju ta' prassi tajba, valutazzjoni ta' politika aktar sistematika u kejl aħjar ta' xogħol bla ktieb u impjieg illegali;

- Iżidu l-użu ta' bijometrika bħala strument importanti fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-persuni;

- Jaraw li ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu illegalment ikollhom aċċess għal servizzi li huma essenzjali biex jiġu garantiti drittijiet fundamentali tal-bniedem (pereż., l-edukazzjoni tat-tfal, kura tas-saħħa bażika);

- Jipproteġu u jassistu vittmi ta' traffikar tal-persuni b'mod partikolari nisa u tfal billi jevalwaw u jirrevedu s-sistema komuni ta' bħalissa; Ikomplu jiżviluppaw possibbiltajiet legali u operattivi biex jiffaċilitaw l-irkupru u r-reintegrazzjoni tal-vittmi fis-soċjetà oriġinali tagħhom, jew f'dik fejn huma milqugħa, inkluż permezz ta' programmi b'miri speċifiċi;

- Isaħħu l-qafas legali eżistenti dwar il-ġlieda kontra l-iffaċilitar tad-dħul u l-waqfa illegali kif ukoll kontra l-esplojtazzjoni sesswali tat-tfal u kontra l-materjal ġej minn abbuż seswali tat-tfal sabiex jittieħed kont ta' fenomeni kriminali ġodda;

- Tingħata spinta lill-azzjoni ta' l-UE fuq livell reġjonali u internazzjonali, sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti internazzjonali applikabbli fil-qasam tat-traffikar ta' l-immigranti jkunu implimentati b'mod effettiv, permezz ta' kooperazzjoni aktar konsistenti, kontinwa u effettiva.

10. Sigurtà u Immigrazzjoni: linji ta' politika effettiva u sostenibbli

Miżuri effettivi ta' rimpatrijar huma element indispensabbli fil-linja ta' politika ta' l-UE dwar l-immigrazzjoni illegali. Ir-regolarizzazzjonijiet fuq skala kbira ta' persuni li jkunu qed jgħixu illegalment m'għandhiex issir, filwaqt li għandha titħalla miftuħa l-possibbiltà ta' regolarizzazzjonijiet individwali fuq il-bażi ta' kriterji ġusti u trasparenti.

Sabiex dan ikun jista' jiġri, l-UE u l-Istati Membri għandhom:

- Jagħtu dimensjoni Ewropea ġenwina għall-politika dwar ir-rimpatrijar billi jkun żgurat l-għarfien sħiħ reċiproku ta' deċiżjonijiet għar-rimpatrijar ;

- Isaħħu l-kooperazzjoni prattika fost l-Istati Membri fl-implimentazzjomni ta' miżuri ta' rimpatrijar u t-tisħiħ tar-rwol ta' FRONTEX fejn jidħlu operazzjoni konġunti ta' rimpatrijar bl-ajru;

- Iżommu għajnejhom fuq l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-direttiva dwar l-istandards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-rimpatrijar ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu illegalment (darba din tidħol fis-seħħ);

- It-tfassil ta' miżuri biex jiffaċilitaw l-identifikazzjoni ta' dawk li rimpatrijati u li ma jkollhomx dokumenti, u sabiex ma jitħalliex li jsir is-serq ta' l-identità;

- Jieħdu passi biex jaraw li l-pajjiżi terzi kollha jkunu konformi ma' l-obbligu li jaċċettaw ir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom stess;

- Jevalwaw il-ftehimiet kollha eżistenti dwar ir-riammissjoni bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni prattika tagħhom u jieħdu lezzjonijiet għan-negozjar ta' ftehimiet oħrajn fil-futur;

- Jiżviluppaw approċċ komuni dwar ir-regolarizzazzjoni, inkluż l-obbligi minimi għal skambju malajr ta' informazzjoni;

- Jikkunsidraw il-possibbiltà li jiddaħħal laisser-passer Ewropew sabiex jiġi ffaċilitat ir-rimpatrijar ta' immigranti li ma jkollhomx dokumenti.

III. Konklużjonijiet: governanza ta' l-immigrazzjoni

Il- Kunsill Ewropew hu mistieden japprova l-prinċipji komuni li qed ikunu proposti f'din il-Komunikazzjoni li fuqhom se tibni l-politika komuni dwar l-immigrazzjoni. Dawn il-prinċipji se jkunu implimentati permezz ta' azzjonijiet konkreti, kif issuġġerit hawn fuq, u segwiti b'mod regolari permezz ta' mekkaniżmu ġdid ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, inkluż valutazzjoni ta' spiss.

Il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni se tiġi ppreżentata bi sħab u b'solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-UE. Dan il-qafas għandu jkun flessibbli biżżejjed biex jadatta għat-tibdil, l-aktar f'rabta mas-sitwazzjoni ekonomika, mas-suq u ma' l-iżviluppi teknoloġiċi. B'mod partikolari, il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni se titmexxa 'l quddiem permezz ta':

1. Azzjoni kkoordinata u koerenti mill-UE u mill-Istati Membri tagħha:

- Il-prinċipji komuni u miżuri konkreti tal-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandhom ikunu implimentati bi trasparenza sħiħa fuq livell Ewropew, nazzjonali jew lokali, skond kif ikun jixraq;

- Sabiex jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, l-impatti ekonomiċi, il-konsegwenżi soċjali, il-linji ta' politika dwar l-integrazzjoni u l-għanijiet esterni ta' politika, għandu jkun hemm koordinazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-UE, u l-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, speċjalment fil-qasam ta' l-istatistika u l-ekonomija, f'dak soċjali u dak tal-politika dwar l-iżvilupp;

- Il-kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni se jittieħdu f'kunsiderazzjoni fil-linji ta' politika l-oħra kollha li jistgħu ikunu marbuta miegħu (" mainstreaming "). Id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u internazzjonali ta' l-immigrazzjoni għandhom jiddaħħlu fl-oqsma ta' politika kollha relatati, inkluż l-iżvilupp; il-kummerċ; il-politika ta' koeżjoni; il-politika ta' l-impieg u l-politika soċjali; l-ambjent; ir-riċerka; l-edukazzjoni; is-saħħa; l-agrikoltura u s-sajd; il-politika barranija u ta' sigurtà, u l-politika ekonomika u fiskali;

- Mekkaniżmi li jippromwovu l-konsultazzjoni fil-ħin ta' dawk involuti dwar żviluppi ulterjuri ta' politika, inklużi l-awtoritatjiet reġjonali u lokali, l-imsieħba soċjali, l-esperti akkademiċi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-assoċjazzjonijiet ta' l-immigranti u s-soċjetà ċivili għandhom ikunu stabbiliti u/jew imsaħħa;

- Skambju ta' l-aħjar prassi, tagħlim reċiproku f'kull livell, u l-firxa ta' l-għarfien b'mod effettiv u fuq medda wiesgħa dwar il-linji ta' politika dwar l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni li jkunu l-aktar effettivi.

2. Metodoloġija komuni għall-UE u l-Istati Membri tagħha sabiex jkunu żgurati t-trasparenza, il-fiduċja reċiproka u l-koerenza. Din il-metodoloġija tikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

- Il-prinċipji komuni se jkunu tradotti f' għanijiet u indikaturi komuni għall-UE u għal kull Stat Membru sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħhom.

- L-għanijiet u l-indikaturi komuni maqbula jkunu integrati fi profili nazzjonali ta' l-immigrazzjoni li se jkunu żviluppati f'kooperazzjoni ma' kull Stat Membru sabiex jiżdied l-għarfien tal-flussi ta' l-immigrazzjoni. Dawn il-profili se jistabbilixxu s-sitwazzjoni nazzjonali tas-suq tax-xogħol u ta' xejriet fl-immigrazzjoni, u jgħinu biex tissaħħaħ il-bażi ta' evidenza għal linji ta' politika dwar l-immigrazzjoni li jindirizzaw il-bżonnijiet ta' l-Istati Membri b'mod effettiv. Se jġibu flimkien l-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa u l-ambitu tagħhom ikun ikopri sew immigranti li diġà jkunu fit-territorju tagħhom kif ukoll lil immigranti potenzjali. Dawn il-profili se jħarsu lejn il-mod kif huma mqassma l-ħiliet fost il-popolazzjoni ta' immigranti u jidentifikaw bżonnijiet fis-suq tax-xogħol fil-futur;

- Sabiex l-iżvilupp ta' l-azzjoni dwar l-immigrazzjoni jiġu mmonitorjati, evalwati u jsir segwitu tagħhom, l-Istati Membri kull sena se jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-għanijiet komuni u dwar il-profili nazzjonali tagħhom ta' l-immigrazzjoni.

- Ir-rapport nazzjonali mill-Istati Membri se jkunu ta' bażi għar- rapport ta' sinteżi annwali tal-Kummissjoni li se jintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew.

Fuq il-bażi tar-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' kull sena jagħmel valutazzjoni politika tas-sitwazzjoni u joħroġ rakkomandazzjonijiet skond kif ikun xieraq.

ANNESS

SOMMARJU – L-GĦAXAR PRINĊIPJI KOMUNI

(1) Prosperità u Immigrazzjoni: regoli ċari u opportunitajiet indaqs għal kulħadd

Il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandha tkun waħda li tippromwovi l-immigrazzjoni legali, li għandha tkun regolata permezz ta' regolamenti ċari, trasparenti u ġusti. Ċittadini ta' pajjiżi terzi għandhom jingħataw dik l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jifhmu l-ħtiġijiet u l-proċeduri għad-dħul legali u r-residenza fl-UE. Għandu jkun garantit trattament ġust ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgħixu legalment fit-territorju ta' l-Istati Membri, bil-għan li l-istat legali tagħhom jitqarreb kemm jista' jkun lejn dak ta' ċittadini ta' l-UE.

(2) Prosperità u Immigrazzjoni: bilanċ bejn il-ħiliet u l-ħtiġijiet

Bħala parti mill-Istrateġija ta' Liżbona, l-immigrazzjoni bi skopijiet ekonomiċi għandha tkun sensittiva għal evalwazzjoni komuni bbażata fuq il-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol fl-UE li tkun tirrispondi għall-livelli ta' ħiliet, u s-setturi kollha sabiex tkun tista' tittejjeb l-ekonomija ta' l-Ewropa bbażata fuq l-għarfien, kif ukoll biex jitkattar it-tkabbir ekonomiku u jkunu jistgħu jiġu ssoddisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Dan għandu jsir f'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' preferenza Komumitarja, għad-drittijiet ta' l-Istati Membri li jiddeterminaw l-ammonti ta' kemm iridu jdaħħlu immigranti, u għad-drittijiet ta' l-immigranti, u billi jkunu attivament involuti l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

(3) Prosperità u Immigrazzjoni: l-integrazzjoni hija ċ-ċavetta għal immigrazzjoni b'suċċess

L-integrazzjoni ta' l-immigranti legali għandha tittejjeb permezz ta' sforzi msaħħa minn Stati Membri li jilqgħuhom u b'kontribuzzjoni mill-immigranti nfushom ("proċessi b'żewġ naħat"), skond il-Prinċipji Bażiċi Komuni dwar l-Integrazzjoni adottati fl-2004. L-immigranti għandhom jingħataw opportunitajiet li jipparteċipaw u jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Is-soċjetajiet Ewropej għandhom itejbu l-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw id-diversità ġejja mill-immigrazzjoni, u jtejbu l-koeżjoni soċjali.

(4) Solidarjetà u Immigrazzjoni: trasparenza, fiduċja u kooperazzjoni

Il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta' solidarjetà politika u operattiva, fiduċja reċiproka, trasparenza, responsabbiltà maqsuma u sforzi konġunti mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

(5) Solidarjetà u Immigrazzjoni: użu effettiv u koerenti tal-mezzi disponibbli

Is-solidarjetà meħtieġa biex il-linji ta' politika komuni dwar l-immigrazzjoni jkunu jistgħu jiksbu l-għanijiet strateġiċi tagħhom għandhom jinkludu element finanzjarju qawwi li jieħu f'kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tal-fruntieri esterni ta' ċerti Stati Membri u ta' l-isfidi migratorji speċifiċi li jkollhom quddiemhom.

(6) Solidarjetà u Immigrazzjoni: tisħib ma' pajjiżi terzi

Immaniġġjar effettiv tal-flussi migratorji jeħtieġ tisħib ġenwin u kooperazjoni ma' pajjiżi terzi. Il-kwistjonijiet li jolqtu l-immigrazzjoni għandhom ikunu intergrati bis-sħiħ fil-linji ta' politika ta' l-Unjoni dwar il-kooperazzjoni fl-iżvilupp, kif ukoll f'linji ta' politika esterni oħra. L-UE għandha taħdem mill-qrib ma' pajjiżi sħab dwar opportunitajiet għall-mobbiltà legali, dwar kapaċitajiet ta' immaniġġjar ta' l-immigrazzjoni, dwar l-identifikazzjoni ta' fatturi li jwasslu għall-immigrazzjoni, dwar it-tħaris tad-drittijiet fundamentali, il-ġlieda kontra l-flussi illegali u t-titjib ta' possibbiltajiet biex l-immigrazzjoni tkun għas-servizz ta' l-iżvilupp.

(7) Sigurtà u Immigrazzjoni: politika dwar il-viżi li tkun taqdi l-interessi ta' l-Ewropa

Il-politika komuni dwar il-viżi għandha tiffaċilita d-dħul ta' viżitaturi bona fide u ttejjeb is-sigurtà. Għadhom jintużaw teknoloġiji ġodda, fejn ikun xieraq, sabiex ikunu jistgħu jsiru kontrolli differenzjati, ibbażati fuq ir-riskju fuq applikanti għall-viża, bi skambju estensiv ta' l-informazzjoni bejn l-Istati Membri, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ il-liġijiet dwar il-protezzjoni tad- data u tal-privatezza.

(8) Sigurtà u Immigrazzjoni: immaniġġjar intergrat tal-fruntieri

L-integrità taż-żona ta' Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri fuq il-persuni għandha tinżamm. L-immaniġġjar integrat tal-fruntieri esterni għandha tissaħħaħ u l-linji ta' politika dwar il-kontrolli fuq il-fruntieri għandhom jiġu żviluppati f'koerenza ma' linji ta' politika dwar il-kontrolli tad-dwana u dwar il-prevenzjoni ta' theddid ieħor għas-sigurtà jew li jkun marbuta magħha.

(9) Sigurtà u Immigrazzjoni: jitħaffef il-pass fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, u tolleranza żero għat-traffikar tal-persuni

L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżvilippaw politika koerenti dwar il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-persuni. Ix-xogħol bla ktieb u l-impjieg illegali fid-diversi forom tagħhom għandhom jiġu miġġielda b'mod effettiv permezz ta' miżuri preventivi, infurzar tal-liġi u sanzjonijiet. Il-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi tat-traffikar tal-persuni għandu jiġi nfurzat.

(10) Sigurtà u Immigrazzjoni: politika ta' rimpatrijar sostenibbli u effettiva

Il-miżuri effettivi ta' rimpatrijar huma element indispensabbli fil-linja ta' politika ta' l-UE dwar l-immigrazzjoni illegali. Ir-regolarizzazzjonijiet fuq skala kbira ta' persuni li jkunu qed jgħixu illegalment m'għandhiex issir, filwaqt li għandha titħalla miftuħa l-possibbiltà għal regolarizzazzjonijiet individwali fuq il-bażi ta' kriterji ġusti u trasparenti.

[1] Iċ-ċifra ta' 3.8% tirreferi għall-perċentwal tal-popolazzjoni ta' l-UE li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi. Ta' min wieħed jinnota li ħafna minn dawn ma humiex huma nfushom immigranti, iżda dixxendenti ta' immigranti li ma jkunux kisbu ċ-ċittadinanza tal-pajjiż fejn huma residenti.

[2] Il-Eurostat, statistika dwar il-popolazzjoni u l-kundizzjonijiet soċjali.

[3] Proġettazzjonijiet tal-Eurostat dwar il-popolazzjoni EUROPOP2008, kuntest ta' konverġenza bbażat fuq l-2008, sena ta' konverġenza 2150.

[4] Ara. Il-Kumitat ta' Politika Ekonomika u l-Kummissjoni Ewropea (DG ECFIN), (2006), ‘L-impatt ta' l-avvanz fl-età fuq in-nefqa pubblika: proġettazzjonijiet għall-Istati Membri EU-25 dwar il-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa, il-kura għat-tul, it-trasferimenti għall-edukazzjoni u l-impjiegi (2004-2050)’, l-Ekonomija Ewropea, Rapporti Speċjali Nru 1, 2006.

[5] COM (2007) 780 finali

[6] Għalkemm l-iżilupp ta' politika bħal din irid jimxi pass pass mat-tneħħija gradwali ta' l-arranġamenti eżistenti tranżitorji li għadhom jillimitaw il-moviment ħieles taċ-ċittadini ta' xi Stati Membri ta' l-UE, din il-Komunikazzjoni tindirizza biss kwistjonijiet marbuta ma' l-immigrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u ma tidħolx fil-movimenti fi ħdan l-UE jew fi ħdan ir-reġjuni ta' ċittadini ta' l-UE.

[7] Din id-dimensjoni se tkompli tiġi konkretizzata meta tkun qed titfassal it-tieni fażi tas-Sistema Komuni Ewropea dwar l-Ażil. Ara "Pjan ta' Politika dwar l-Ażil: approċċ integrat għall-protezzjoni madwar l-UE", ippreżentat flimkien ma' din il-Komunikazzjoni (COM (2008) 360.

[8] Il-konklużjonijiet tal-Presidenza – Brussell, 13/14 ta’ Marzu 2008, paragrafu 14.

[9] Il-"Profili ta' l-Immigrazzjoni" għandhom jiġbru b'mod strutturat l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiġi promoss approċċ ibbażat fuq il-provi għall-immaniġġjar tal-migrazzjoni. Il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol ikunu aspett ċentrali ta' dawn il-profili. Barra l-ġbir ta' l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni preżenti tas-suq tax-xogħol, ir-rati tal-qgħad, id-domanda għax-xogħol u l-ħaddiema disponibbli, ikollhom ukoll l-għan li jidentifikaw nuqqasijiet potenzjali fil-ħiliet, bis-settur u bis-sengħa. It-tfassil ta' profili ta' l-immigrazzjoni jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri tagħha li jniedu skemi ta' tqabbil bejn ħiliet u ħaddiema sew fi ħdan l-UE kif ukoll ma' pajjiżi terzi. Il-profili ta' l-immigrazzjoni se jiġbru wkoll informazzjoni dwar il-ħiliet disponibbli fost il-komunitajiet tranżnazzjonali, is-sura ta' flussi migratorji, anki f'termini ta' sess u età, kif ukoll il-flussi finanzjarji li deħlin u li ħerġin marbuta ma' l-immigrazzjoni, inkluż il-flus li jibagħtu l-immigranti.

[10] Fl-2003, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament 859/2003 (ĠU L 124, 20.05.2003) li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 1408/71 lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li (1) jkunu legalment jirresjedu fl-UE, u (2) f'sitwazzjoni transkonfinali. F'Lulju 2007, il-Kummissjoni adottat proposta li testendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 883/04 li se jieħu post ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu (1) legalment jirresjedu fl-UE, u (2) li jkunu f'sitwazzjoni transkonfinali (COM (2007)439).

[11] Ara "Pjan ta' Politika dwar l-Ażil: approċċ integrat għall-protezzjoni madwar l-UE", ippreżentat flimkien ma' din il-komunikazzjoni (COM (2008) 360.

[12] Ix-xogħol bla ktieb u l-impjieg illegali ta' ċittadini ta' l-UE għandhom ukoll jiġu affaċċjati mill-Istati Membri. L-aspett intern ta' l-UE ta' din il-problema mhux żviluppat f'dan id-dokument.