52008DC0323

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza - Qafas għar-relazzjonijiet ma' rappreżentanti ta' interessi (Reġistru u Kodiċi ta' Kondotta) {SEC(2008) 1926} /* KUMM/2008/0323 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 27.5.2008

KUMM(2008) 323 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza Qafas għar-relazzjonijiet ma' rappreżentanti ta' interessi (Reġistru u Kodiċi ta' Kondotta)

{SEC(2008) 1926}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Inizjattiva Ewropea għat-TrasparenzaQafas għar-relazzjonijiet ma' rappreżentanti ta' interessi (Reġistru u Kodiċi ta' Kondotta)

FIl-21 ta' Marzu 2007, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni "Is-segwitu tal-Green Paper 'Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza"[1], li kienet tinkludi deċiżjoni li jiġi stabbilit qafas għar-relazzjonijiet tagħha ma' rappreżentanti ta' interessi. Kien ġie deċiż li:

- jinħoloq u jitnieda Reġistru ġdid voluntarju għal rappreżentanti ta' interessi fir-rebbiegħa ta' l-2008;

- jitfassal Kodiċi ta' Kondotta. Ir-rispett tal-Kodiċi jkun kundizzjoni għad-dħul fir-Reġistru u jiġi segwit mill-Kummissjoni;

- jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' monitoraġġ u infurzar għall-Kodiċi u għar-Reġistru;

- tiżdied it-trasparenza permezz ta' applikazzjoni msaħħa ta' l-istandards ta' konsultazzjoni tal-Kummissjoni bbażata, partikolarment, fuq websajt standard għall-konsultazzjonijiet permezz ta' l-internet.

Din il-Komunikazzjoni:

- tipprovdi aktar kjarifiki dwar dawn il-miżuri u tagħti rendikont tal-progress li sar lejn l-implimentazzjoni tagħhom;

- tippreżenta l-Kodiċi ta' Kondotta stabbilit wara konsultazzjoni pubblika.

**********

Fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni "Is-segwitu tal-Green Paper 'Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza' ", il-Kummissjoni kellha għadd kbir ta' kuntatti ma' dawk involuti u organizzat konsultazzjoni miftuħa u pubblika dwar l-abbozz ta' Kodiċi ta' Kondotta. Ir-rispons li kien hemm wera biċ-ċar li hemm ix-xewqa, fost il-firxa kollha ta' l-atturi, li jkun hemm għadd ta' kjarifiki ulterjuri, b'mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni ta' l-attivitajiet u l-entitajiet li jkunu jaqgħu fl-ambitu tar-Reġistru, kif ukoll dwar il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ u ta' infurzar.

Din il-Komunikazzjoni tipprovdi informazzjoni dwar dawk l-aspetti tal-qafas.

1. IR-REġISTRU VOLUNTARJU GħAL RAPPREżENTANTI TA' INTERESSI

Ir-Reġistru, permezz tas-sistema ta' aċċess bl-internet u tad- database tiegħu se joffri, fir-rebbiegħa ta' l-2008, aċċess faċli sew lir-rappreżentanti ta' l-interessi biex jagħmlu r-reġistrazzjoni online tagħhom, u l-aġġornamenti ta' wara, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali, biex ikun jista' jikkonsulta l-kontenut tiegħu.

Mir-rispons deher li hija meħtieġa aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet u l-operaturi inklużi fid-definizzjonijiet ta' "rappreżentanza ta' interessi" u "rappreżentant ta' interessi".

1.1. "Rappreżentanza ta' interessi": attivitajiet li għalihom hi mistennija reġistrazzjoni

Attivitajiet ta' “Rappreżentanza ta’ interessi” li għalihom hi mistennija reġistrazzjoni huma ddefiniti bħala "attivitajiet imwettqa bil-għan li jiġu influwenzati l-proċessi ta' formulazzjoni tal-politika u ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet Ewropej"[2].

Din id-definizzjoni ma tinkludix:

- attivitajiet fejn jidħlu pariri legali u oħrajn professjonali, sakemm ikunu marbuta ma' l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għal proċess ġust ta' klijent, inkluż id-dritt għad-difiża fi proċeduri amministrattivi, bħal dawk imwettqa minn avukati jew minn kull persuna tal-professjoni li tkun involuta fihom;

- attivitajiet ta' l-imsieħba soċjali bħala atturi fid-djalogu soċjali ( trade unions, assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem). Madankollu, meta dawn l-atturi jidħlu f'attivitajiet li jkunu 'l barra mill-ambitu kkonferit lilhom mit-Trattati, huma mistennija li jirreġistraw sabiex ikun garantit livell indaqs għal kulħadd fost l-interessi kollha rappreżentati;

- attivitajiet b'risposta għal talba diretta mill-Kummissjoni, bħal talbiet għal informazzjoni, ad hoc jew regolari, data jew għarfien espert, stediniet għal smigħ pubbliku, jew parteċipazzjoni f'kumitati konsultattivi jew f'xi fora oħra simili.

Il-Kummissjoni tagħraf li l-missjoni tal-biċċa l-kbira ta' l-organizzazzjonijiet imdaħħla fir-rappreżentanza ta' l-interessi hija usa' mill-attivitajiet li għalihom hi mistennija r-reġistrazzjoni. Huma jidħlu f'attivitajiet bħall-produzzjoni ta' studji, statistika u informazzjoni u dokumentazzjoni oħra, kif ukoll fil-provvista ta' taħriġ u tiswir ta' ħiliet għal membri jew klijenti, attivitajiet li jaqgħu 'l barra mill-ambitu ta' din id-definizzjoni, jekk ma jkunux marbuta ma' attivitajiet ta' rappreżentanza ta' interessi.

Il-Kummissjoni tħajjar netwerks Ewropej, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet jew pjattaformi sabiex jipproduċu, bħala dimensjoni ta' l-awto-regolamentazzjoni tagħhom, linji ta' gwida komuni u trasparenti għall-membri tagħhom, b'mod li jidentifikaw l-attivitajiet li jaqgħu taħt din id-definizzjoni.

1.2. "Rappreżentanti ta' interessi": entitajiet li huma mistennija li jirreġistraw

Huma biss l-entitajiet involuti f'attivitajiet ta' rappreżentanza ta' interessi, kif imfisser hawn fuq, u mhux persuni individwali, li huma mistennija jirreġistraw.

Ħlief għal awtoritajiet pubbliċi lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali[3], kull entità, irrispettivament mill-istat legali tagħha, hija mistennija li tirreġistra jekk tkun involuta f'attivitajiet li jikkorrispondu mad-definizzjoni ta' hawn fuq.

Dan japplika għall-imsieħba soċjali (organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u għat- trade unions ) involuti f'attivitajiet ta' rappreżentazzjoni ta' interessi li jkunu jaqgħu 'l barra mill-qafas speċifiku tad-djalogu soċjali. Dan japplika wkoll għal assoċjazzjonijiet ta' awtoritajiet pubbliċi li jkollhom stat legali privat, jew għal kull struttura mħallta (privata/pubblika) li tagħha jkunu parti awtoritajiet pubbliċi, jekk ikunu qed iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt id-definizzjoni ppreżentata hawn fuq.

2. IL-KODIċI TA' KONDOTTA

Wara li saru diskussjonijiet ma' diversi netwerks Ewropej ta' dawk involuti u wara konsultazzjoni miftuħa u pubblika li saret mill-10 ta' Diċembru 2007 sal-15 ta' Frar 2008, il-Kummissjoni stabbiliet il-Kodiċi ta' Kondotta mehmuż (ara l-Anness), billi ħadet mill-aktar minn 60 kontribut miġbura matul il-konsultazzjoni.

Dawk li jirreġistraw għandhom jaqblu li jikkonformaw ruħhom mal-Kodiċi, jew ma' kodiċi professjonali li jkollu regoli jixbħuh. Meta jagħmlu dikjarazzjoni li huma joqogħdu għal kodiċi professjonali li jkollu regoli li jixbħuh, huma għandhom jippreżentaw dan il-kodiċi lill-Kummissjoni meta jintalbu jagħmlu dan.

Il-konsultazzjoni uriet li hemm appoġġ wiesa' għal kodiċi konċiż u konkret kif suġġerit fid-dokument ta' konsultazzjoni. Għadd ta' organizzazzjonijiet ikunu lesti jilqgħu b'mod pożittiv livell aktar ambizzjuż: ambitu aktar wiesa' għall-Kodiċi, li jkun jinkludi kwistjonijiet bħal konflitti ta' interess jew sitwazzjonijiet ta' revolving doors (meta individwi filli jkollhom pożizzjonijiet pubbliċi u filli jaġixxu ta' rappreżentanti ta' interessi) . Madankollu, dawn il-kwistjonijiet ma' jaqgħux fl-ambitu ta' l-Inizjattiva Ewropea għat-Trasparenza. Fuq naħa waħda, ir-Reġistru għandu l-għan li jtejjeb it-trasparenza ġenerali fir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta' interessi. Fuq in-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li kwistjonijiet bħal ma huma kunflitti ta' interess ta' Membri ta' l-istituzzjoni u l-persunal tagħha huma diġà koperti minn għadd ta' regoli eżistenti li jipprovdu salvagwardji xierqa, bħal ma huma t-Trattati, ir-Regolamenti tal-Persunal, il-Kodiċi ta' Kondotta għal Kummissarji u l-Kodiċi ta' mġieba amministrattiva tajba. Dawn it-testi japplikaw għal Kummissarji u għall-persunal mhux biss matul iż-żmien tagħhom fil-kariga, iżda anki meta jkunu temmew il-kariga tagħhom mal-Kummissjoni Ewropea[4].

Il-Kodiċi ta' Kondotta huwa r-risposta għal għadd kbir ta' mistoqsijiet li qamu waqt il-konsultazzjoni: huwa jirfina d-definizzjoni ta' l-attivitajiet u l-entitajiet ikkonċernati. Jittratta l-mekkaniżmu ta' monitoraġġ u ta' infurzar b'mod aktar komprensiv.

3. IL-MEKKANIżMU TA' MONITORAġġ U TA' INFURZAR.

Il-Kodiċi ta' Kondotta fih seba' regoli ċari u verikabbli li għandhom jiġu rispettati mill-firmatarji tal-Kodiċi. Il-Kummissjoni se tapplika miżuri korrettivi biss jekk tkun tista' tistabilixxi li regola waħda, jew aktar, minn dawn ir-regoli jkunu nkisru. Dan jinkludi, fost affarijiet oħra, li wieħed idaħħal informazzjoni falza jew qarrieqa fir-Reġistru.

Kulħadd jista' jressaq ilment lill-Kummissjoni fejn ikun hemm suspett ta' ksur tal-Kodiċi. F'każ li jkun hemm ilment bħal dan, u qabel ma jinbeda proċess formali, il-Kummissjoni se titlob lill-entità kkonċernata sabiex tikkjarifika l-kwistjoni, u sabiex tistieden lil din l-entità li tikkonforma mar-regoli jew tikkoreġi xi informazzjoni falza jew qarrieqa fir-Reġistru.

Wieħed għandu wkoll jantiċipa l-possibilità ta' ilmenti malizzjużi u għandha tittieħed azzjoni f'dan ir-rigward. Bħala salvagwardja, il-Kodiċi jispeċifika li l-ilmenti għandhom ikunu ssostanzjati permezz ta' fatti materjali sabiex jittieħdu f'kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Jekk ikun sostanzjat, l-ilment iwassal għall-bidu ta' proċess amministrattiv li jagħti rispett xieraq lill-proporzjonalità u lid-drittijiet tad-difiża.

Il-Kummissjoni se tapplika dawn il-miżuri korrettivi:

- sospensjoni temporanja mir-Reġistru għal perjodu stabbilit jew sakemm is-sitwazzjoni tkun ikkoreġuta mill-entità reġistrata. Matul il-perjodu ta' sospensjoni, il-benefiċċji kollha tar-reġistrazzjoni jkunu sospiżi wkoll;

- l-esklużjoni mir-Reġistru f'każ ta' nuqqas serju u persistenti ta' konformità mal-Kodiċi.

Il-konklużjoni tal-proċess amministrattiv ikun innotifikat lill-entità kkonċernata. Min ikun ressaq l-ilment jiġi nfurmat.

4. IL-PROċESS TA' KONSULTAZZJONI U TEMPLATE MUDELL

Il-Kummissjoni sejra ftit ftit tapplika template mudell għall-preżentazzjoni tal-konsultazzjonijiet pubbliċi mnedija permezz tal-paġni ta' konsultazzjoni għad-DGs kompetenti, u mħabbra permezz tal-punt uniku ta' aċċess għall-konsultazzjonijiet pubbliċi kollha, Your Voice in Europe (YVIE). Dan jiżgura rabta sistematika bejn il-konsultazzjonijiet u r-Reġistru sabiex entitatjiet mhux reġistrati jkunu infurmati dwar ir-reġistrazzjoni u jingħataw il-possibbiltà li jirreġistraw meta jagħmlu s-sottomissjoni tagħhom lill-konsultazzjoni.

5. APPROċċ INTERISTITUZZJONALI

L-istedina sabiex jirreġistraw u jaċċettaw il-Kodiċi ta' Kondotta se tkun tapplika għal rappreżentanti ta' interessi fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kummissjoni Ewropea biss. Ħafna kontributi li saru fil-konsultazzjoni sejħu għal reġistru u kodiċi li jkun one-stop-shop interistituzzjonali. Il-Kummissjoni stiednet lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sabiex jeżaminaw il-possibbiltà ta' kooperazzjoni eqreb f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni tilqa' r-reazzjoni pożittiva tal-Parlament Ewropew għal dan is-suġġeriment, u hi miftuħa għal diskussjonijiet dwar l-iżvilupp ta' sistema ta' reġistrazzjoni konġunta one-stop-shop mal-Parlament u mal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

**********

Il-persunal tal-Kummissjoni huwa mħajjar juża r-Reġistru bħala referenza għal kuntatti u, fl-interess tat-trasparenza, li dejjem jistieden, fil-qafas tal-kuntratti tax-xogħol tagħhom, entitajiet mhux reġistrati sabiex jirreġistraw.

Il-Kummissjoni tqis ir-reġistrazzjoni bħala kontribut importanti għat-trasparenza u għalhekk tistieden l-organizzazzjonijiet kollha involuti fir-rappreżentanza ta' interessi sabiex jirreġistraw.

ANNESS

Kodiċi ta’ kondotta għar-Rappreżentanti ta' interessi

Ir-rappreżentanza ta’ interessi hija parti leġittima mis-sistema demokratika. Il-Kummissjoni Ewropea, bħala parti mill-isforz tagħha biex issaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku, stabbiliet Reġistru volontarju u adottat dan il-Kodiċi ta' Kondotta biex iġib aktar trasparenza lir-rappreżentanza ta' interessi, l-atturi tagħha u l-attivitajiet tagħhom.

Il-Kodiċi preżenti fih seba' regoli bażiċi, u jispeċifika kif ir-rappreżentanti ta' interessi interessati għandhom iġibu ruħhom meta jkunu qed jirrappreżentaw l-interessi tagħhom. Dawk li jirreġistraw jaqblu li jżommu ma' dan il-Kodiċi, jew jiddikjaraw li huma diġà jżommu ma' kodiċi professjonali li għandu regoli li jixbħuh.

Attivitajiet ta' “Rappreżentanza ta’ interessi” li għalihom hi mistennija reġistrazzjoni huma ddefiniti bħala "attivitajiet imwettqa bil-għan li jiġu influwenzati l-proċessi ta' formulazzjoni tal-politika u ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet Ewropej".

Din id-definizzjoni ma tinkludix:

- attivitajiet fejn jidħlu pariri legali u oħrajn professjonali, sakemm ikunu marbuta ma' l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali għal proċess ġust ta' klijent, inkluż id-dritt għad-difiża fi proċeduri amministrattivi, bħal dawk imwettqa minn avukati jew minn kull persuna tal-professjoni li tkun involuta fihom;

- attivitajiet ta' l-imsieħba soċjali bħala atturi fid-djalogu soċjali ( trade unions, assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem, eċċ). Madankollu, meta atturi bħal dawn jidħlu f'attivitajiet li jkunu 'l barra mill-ambitu kkonferit lilhom mit-Trattati, huma mistennija li jirreġistraw sabiex ikun garantit livell indaqs għal kulħadd fost l-interessi kollha rappreżentati;

- attivitajiet b'risposta għal talba diretta mill-Kummissjoni, bħal talbiet għal informazzjoni, ad hoc jew regolari, data jew għarfien espert, stediniet għal smigħ pubbliku, jew parteċipazzjoni f'kumitati konsultattivi jew f'xi fora oħra simili.

Il-Kummissjoni tagħraf li l-missjoni tal-biċċa l-kbira ta' l-organizzazzjonijiet imdaħħla fir-rappreżentanza ta' interessi hija usa' mill-attivitajiet li għalihom hi mistennija r-reġistrazzjoni. Huma jidħlu f'attivitajiet bħall-produzzjoni ta' studji, statistika u informazzjoni u dokumentazzjoni oħra, kif ukoll fl-għoti ta' taħriġ u tiswir ta' ħiliet għal membri jew klijenti, attivitajiet li jaqgħu 'l barra mill-ambitu ta' din id-definizzjoni, jekk ma jkunux marbuta ma' attivitajiet ta' rappreżentanza ta' interessi.

Prinċipji

Ir-rappreżentanti ta' interessi huma mistennija japplikaw il-prinċipji ta’ ftuħ, trasparenza, onestà u integrità, kif leġittimament mistenni minnhom minn ċittadini u minn oħrajn involuti.

Bl-istess mod, il-Membri tal-Kummissjoni u l-persunal huma marbuta minn regoli stretti li jiżguraw l-imparzjalità tagħhom. Id-dispożizzjonijiet relevanti huma pubbliċi u jinsabu fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Regolamenti tal-Persunal, il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji u l-Kodiċi ta' imġieba amministrattiva tajba.

REGOLI

Ir-rappreżentanti ta' interessi għandhom dejjem:

1. jidentifikaw ruħhom bl-isem u l-entità(jiet) li għalihom jaħdmu jew li lilhom jirrappreżentaw;

2. ma jagħmlux rappreżentazzjoni skorretta tagħhom fejn tidħol ir-reġistrazzjoni b'mod li jqarrqu partijiet terzi u/jew persunal ta' l-UE;

3. jiddikjaraw l-interessi tagħhom, u fejn applikabbli l-klijenti jew il-membri li huma jirrappreżentaw;

4. jiżguraw li, sa fejn jafu huma, l-informazzjoni li huma jagħtu tkun oġġettiva, sħiħa, aġġornata u mhux qarrieqa;

5. ma jiksbux jew ma jippruvawx jiksbu informazzjoni, jew xi deċiżjoni, b’mod diżonest;

6. ma jħajrux persunal ta' l-UE jiksru regoli u livelli ta' mġieba applikabbli għalihom;

7. jekk jimpjegaw eks-uffiċjali ta’ l-UE, jirrispettaw l-obbligi tagħhom li jimxu mar-regoli u mar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità li japplikaw għalihom.

DISPOżIZZJONIJIET OħRA

- Ksur tal-Kodiċi: Entitajiet reġistrati huma infurmati u jaqblu li l-ksur tar-regoli ta' hawn fuq mir-rappreżentanti tagħhom jista' jwassal għas-sospensjoni jew l-esklużjoni mir-Reġistru wara proċess amministrattiv mill-Kummissjoni li jkun jirrispetta b'mod xieraq il-proporzjonalità u d-dritt tad-difiża.

- Ilmenti. Entitajiet reġistrati huma infurmati li kulħadd jista' jressaq ilment mal-Kummissjoni, li jkun sostanzjat b'fatti materjali, dwar suspett ta' ksur tar-regoli ta' hawn fuq.

- Pubblikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet u dokumenti oħra: Entitajiet reġistrati huma informati li l-kontributi tagħhom f'konsultazzjonijiet pubbliċi ser ikunu ppubblikati fuq l-internet flimkien ma’ l-identità tal-kontributur, sakemm il-kontributur ma joġġezzjonax li tiġi ppubblikata d- data personali fuq il-bażi li tali pubblikazzjoni tista’ tkun ta’ ħsara għall-interessi tiegħu jew tagħha. Fuq talba abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti, il-Kummissjoni jista’ jkollha tiżvela korrispondenza u dokumenti oħra relatati ma’ l-attivitajiet tar-rappreżentanti interessati.

[1] COM(2007) 127 finali.

[2] COM(2006) 194 finali: "Green Paper 'Inizjattiva Ewropea dwar it-Trasparenza'"

[3] Ir-Reġistru se jkun qed joffrilhom il-possibilità li jdaħħlu data jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan.

[4] Ara Artikoli 213 u 287 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Kodiċi ta' Kondotta għal Kummissarji (b'mod partikolari "L-Indipendenza u d-Dinjità"), ir-Regolamenti tal-Persunal (speċjalment l-Artikoli 11-18), u l-Kodiċi ta' mġieba amministrattiva tajba għall-persunal (b'mod partikolari "L-Oġġettività u l-imparzjalità").