52008DC0227




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 30.4.2008

KUMM(2008) 227 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar l-applikazzzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta' slots f'ajruporti tal-Komunità, kif emendat

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar l-applikazzzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta' slots f'ajruporti tal-Komunità, kif emendat(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Daħla

Ir-Regolament (KE) Nru 793/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004[1] li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar regoli komuni għall-allokazzjoni ta' perjodi ta' użu fl-iskeda [ slots ] ta' l-ajruporti tal-Komunità (ir-“Regolament”). L-emendi kellhom l-għan li jtejbu l-użu effiċjenti ta’ kapaċità skarsa f’ajruporti konġestjonati tal-Komunità, mingħajr ma jbiddlu s-sistema eżistenti ta’ allokazzjoni ta’ slots b’mod fundamentali. Għal dak il-għan ir-Regolament (KE) Nru 793/2004 introduċa dispożizzjonijiet ġodda fir-rigward ta’ aċċess għas-suq u operaturi ġodda, infurzar u l-indipendenza tal-koordinatur.

L-obbligu impost fuq l-Istati Membri biex jiżguraw l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet biex jevitaw l-użu abbużiv ta’ l-islots f’ajruporti koordinati wassal għal użu aħjar tal-kapaċità eżistenti. Kien hemm titjib fil-proċess ta’ l-allokazzjoni ta’ slots permezz ta’ għadd ta’ dispożizzjonijiet ġodda jew modifikati, bħal definizzjoni ġdida ta’ x’jikkostitwixxi serje ta’ slots, aktar tisħiħ tad-dispożizzjonijiet tat-tip ‘użaħ jew titilfu’, il-possibbiltà għal trasportaturi ta’ l-ajru biex jagħtu ħinijiet ġodda lill-islots qabel allokazzjoni biex l-iskedi jintużaw bl-aħjar mod, u aktar libertà mogħtija lill-Istati Membri biex jintroduċu regoli u linjigwida lokali f'ajruporti konġestjonati biex itejbu l-użu effiċjenti ta' kapaċità skarsa.

Minkejja dawn id-dispożizzjonijiet ġodda, dawk interessati u l-Istati Membri huma tal-fehma li għadd ta’ dispożizzjonijiet għadhom ma ġewx implimentati kollha jew b’mod komplet.

Ir-Rapport tal-Kummissjoni appoġġa din il-konklużjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tas-slots[2], li kkonkluda li hemm bżonn li tiġi żgurata implimentazzjoni aħjar f’għadd ta’ oqsma fejn dawk interessati għaddew minn diffikultajiet partikulari.

L-ewwelnett, minkejja l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu l-indipendenza funzjonali u finanzjarja tal-koordinatur f’ajruporti koordinati, għad jidher li fadal każijiet ta’ applikazzjoni insuffiċjenti ta’ dawn ir-rekwiżiti f’xi Stati Membri, li jista’ jimpedixxi l-funzjoni tal-koordinatur b’mod newtrali, mhux diskriminatorju u trasparenti skond ir-Regolament.

It-tieni, f’xi Stati Membri għad hemm problemi sinifikanti fl-iżgurar ta’ trasparenza sħiha tat-tagħrif li koordinaturi u faċilitaturi ta’ skedi jżommu rigward reġistrar talbiet, allokazzjoni u disponibbiltà ta’ slots. Dan jista’ jfixkel l-użu aktar effiċjenti ta’ slots u jgħawweġ il-kompetizzjoni billi mhux dawk kollha interessati jista’ jkollhom l-istess grad ta’ aċċess għal din id-dejta skedata.

It-tielet, waqt li linjigwida lokali jistgħu jippermettu l-użu aħjar tas-slots eżistenti f’ajruporti koordinati, għandu jkun żgurat li jkunu konformi mal-liġi Komunitarja.

Ir-raba’, f’għadd ta’ ajruporti konġestjonati tal-Komunità, trasportaturi ta’ l-ajru jpartu s-slots bi ħlas jew għal xi forma oħra ta’ qligħ. Kien hemm xi dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn l-iskambji mar-Regolament.

Fl-aħħarnett, jeħtieġ aktar konsistenza effettiva bejn l-islots u l-pjanijiet ta' titjiriet sabiex ikun evitat l-użu abbużiv ta’ l-islots u tkun garantita l-konformità mar-Regolament, billi l-evidenza tissuġerixxi li l-verifika tal-pjanijiet ta' titjiriet ma’ l-islots rarament issir b'mod sistematiku, minkejja li din il-possibbiltà hija pprovduta taħt dan ir-Regolament.

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tesprimi l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq. Din il-Komunikazzjoni hija bbażata u telabora fuq l-esperjenza tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u dawk interessati fl-applikazzjoni tar-Regolament rivedut minn mindu daħal fis-seħħ fil-21 ta’ April 2004.

1. INDIPENDENZA TAL-KOORDINATUR

L-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament jistipula li “l-Istat Membru responsabbli minn ajruport koordinat għandu jiżgura l-indipendenza tal-koordinatur f’ajruport koordinat billi funzjonalment il-koordinatur jiġi separat minn xi parti waħda interessata. Is-sistema ta’ finanzjament ta' l-attivitajiet tal-koordinatur għandha tkun tali li tiggarantixxi l-istatus indipendenti tal-koordinatur”.

L-Artikolu 4(2)(c) jipprovdi wkoll li l-Istati Membri jridu jiżguraw li “il-koordinatur jaġixxi skond dan ir-Regolament b’mod newtrali, mhux diskriminatorju u trasparenti”.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-indipendenza tal-koordinatur hija kruċjali sabiex ikun jista’ jaqdi l-ħidma tiegħu kif suppost skond ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 4(2)(c).

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li separazzjoni funzjonali tfisser, fost oħrajn, li l-koordinatur għandu jaġixxi b’mod awtonomu minn, ma jieħux istruzzjonijiet minn, u ma jkollux id-dover li jirraporta lura lil xi korp li jmexxi l-ajruport, fornitur ta’ servizz jew kwalunkwe trasportatur ta’ l-ajru li jopera mill-ajruport konċernat.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sistema ta’ finazjament ta’ l-attivitajiet tal-koordinatur għandha tkun imwaqqfa b’tali mod li l-koordinatur ikun awtonomu fil-finanzjament minn kwalunkwe parti unika effettwata direttament mill-, jew għandha interess fl-attivitajiet tiegħu. Għalhekk, il-koordinatur għadu jżomm kontijiet u baġits separati u ma jiddependix għal finanzjament ta’ l-attivitajiet tiegħu fuq il-korp li jmexxi l-ajruport biss, jew il-fornitur ta' servizz jew it-trasportatur ta' l-ajruport uniku.

2. OPERATURI ġODDA:

L-Artikolu 10(6) tar-Regolament jipprovi li slots li jiddaħħlu fil-grupp ta’ slots imwaqqfa mill-koordinatur skond l-Artikolu 10(1) għandhom jiġu distribwiti fost it-trasportaturi ta' l-ajru applikanti. 50% ta' dawn is-slots għandhom l-ewwel jiġu allokati lil operaturi ġodda, kif stipulat mill-Artikolu 2(b), sakemm it-talbiet minn operaturi ġodda ma jkunux anqas minn 50%. Il-koordinatur għandu jittratta dawk it-talbiet ta' operaturi ġodda u ta' trasportaturi oħra b'mod ġust, skond il-perjodi ta' koordinament għal kull jum ta' skedar.

Saret mistoqsija jekk l-obbligu fuq il-koordinatur li jalloka s-slots mill-grupp ta’ slots fuq bażi ta’ 50/50 preċiża, kif ipprovdut fl-Artikolu 10(6), hux relatat biss ma l-allokazzjoni inizjali mill-grupp ta’ slots madwar erba’ xhur qabel ma jibdew l-istaġuni ta' l-iskedar tas-sajf u tax-xitwa rilevanti, jew jekk dan japplikax ukoll matul l-istaġun ta' l-iskedar kollu. Kien hemm argumenti li l-Artikolu 10(6) huwa relatat biss ma’ l-allokazzjoni inizjali mill-grupp ta’ slots u li wara dan il-koordinaturi jistgħu jipprovaw jipprovdu allokazzjoni ġeneralment bilanċjata fid-diskrezzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni tosserva li r-Regolament, la fl-Artikolu 10(6) u lanqas fi kwalunkwe dispożizzjoni oħra, ma jillimita l-iskop ta’ dan l-Artikolu għall-allokazzjoni inizjali ta’ slots qabel kull staġun ta’ skedar. Għalhekk, il-Kummissjoni, hija tal-fehma li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10(6) ghandhom japplikaw b’mod permanenti u kontinwu, matul l-istaġuni ta’ l-iskedar kollha.

3. TRASPARENZA TAD-DEJTA TA’ L-ISKEDAR

L-Artikolu 4(7) tar-Regolament jipprovdi li “il-faċilitaturi u l-koordinaturi ta’ l-iskedar kollha għandhom jikkooperaw biex jindunaw b’inkonsistenzi fl-iskedi”.

L-Artikolu 4(8) jipprovdi wkoll li "l-kordinatur għandu fuq talba u fi żmien raġonevoli jagħmel disponibbli mingħajr ħlas għar-reviżjoni minn partijiet interessati, b’mod partikulari lill-membri jew osservaturi tal-kumitat ta' koordinament, jew f'forma bil-miktub jew f'xi forma oħra faċilment aċċessibbli, l-informazzjoni li ġejja:

(a) slots fl-imgħoddi skond il-linja ta' l-ajru, b'mod kronoloġiku, għal dawk it-trasportaturi ta’ l-ajru kollha fl-ajruport,

(b) slots mitluba (sottomissjonijiet inizjali), skond it-trasportaturi ta’ l-ajru u b'mod kronoloġiku, għat-trasportaturi ta’ l-ajru kollha,

(c) is-slots kollha allokati, u talbiet għal slots pendenti, elenkati individwalment f'ordni kronoloġika, skond it-trasportaturi ta’ l-ajru, għat-trasportaturi ta’ l-ajru kollha,

(d) slots disponibbli li jifdal,

(e) dettalji sħaħ dwar il-kriterji wżati fl-allokazzjoni”.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-trasparenza ta’ tagħrif hija kruċjali biex tiżgura proċedura oġġettiva għall-allokazzjoni ta’ slots u biex tiggarantixxi li l-koordinatur jaġixxi skond ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 4(2)(c). Il-Kummissjoni għalhekk titlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-koordinaturi jikkonformaw bi sħiħ mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 4(8).

Billi s-slots huma meħtieġa minn trasportatur ta’ l-ajru kemm fil-bidu kif ukoll fit-tmiem ta’ titjira li taqdi ajruporti koordinati u billi l-iskedi għandhom ikunu konsistenti biex jiżguraw l-użu effiċjenti tal-kapaċità ta’ l-ajruport u l-ispazju ta’ l-ajru, il-valur tad-dejta ta’ l-iskedar imsemmi fil-paragrafu 8 ta’ l-Artikolu 4 jiddependi l-aktar fuq il-kooperazzjoni ta’ faċilitaturi u koordinaturi ta’ l-iskedi kif stipulat fil-paragrafu 7 ta’ dak l-Artikolu.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-koordinaturi Ewropej żviluppaw flimkien database konġunta li fiha d-dejta tas-slots kollha li allokaw. Id-dejta tingħata minn kważi l-koordinaturi u l-faċiltaturi kollha ta' l-iskedi, u hija aċċessibbli onlajn u mingħajr ħlas għat-trasportaturi ta' l-ajru kollha. Il-valur tad-database jiddependi fuq dejta li tkun eżatta, sħiħa u aġġornata. Il-forniment xieraq ta’ dejta ta’ l-iskedi lid-database minn koordinaturi u faċilitaturi ta’ l-iskedi huwa għalhekk kruċjali u indispensabbli biex jiffaċilita kollaborazzjoni effettiva bejn l-atturi, u b’hekk jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-obbliġi tagħhom skond l-Artikolu 4(7) u 4(8).

Il-Kummissjoni għalhekk titolob lill-Istati Membri biex iħajru lill-koordinaturi u faċilitaturi kollha ta’ l-iskedi biex jissottomettu d-dejta ta’ l-iskedi tagħhom lid-database konġunta.

4. LINJIGWIDA LOKALI

L-Artikolu 8(5) tar-Regolament jipprovdi li “l-koordinatur għandu wkoll jagħti kont tar-regoli addizzjonali u l-linji gwida stabbiliti mill-industrija tat-trasport bl-ajru mad-dinja kollha jew mal-Komunità kollha kif ukoll il-linji gwida lokali proposti mill-kumitat ta' koordinament u approvati mill-Istat Membru jew minn xi korp ieħor kompetenti responsabbli għall-ajruport in kwistjoni, kemm-il darba dawk ir-regoli u linji gwida ma jeffettwawx l-istatus indipendenti tal-koordinatur, jikkonformaw mal-liġi tal-Komunità u jimmiraw li jtejbu l-użu effiċjenti tal-kapaċità ta' l-ajruport. Dawn ir-regoli għandhom ikunu komunikati mill-Istat Membru in kwistjoni lill-Kummissjoni”.

L-Artikolu 5(1) u (3) jkompli jipprovdi li l-linjigwida lokali għandhom jiġu proposti mill-kumitat ta’ koordinament għat-talba ta’ kwalunkwe membru tiegħu u skond ir-regoli u l-proċeduri tiegħu kif stipulat fl-Artikolu 5(3).

Kif previst espressament fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament, il-linjigwida lokali jistgħu jqisu kwistjonijiet ambjentali possibbli, inkluż dawk relatati ma’ ħoss. Madankollu, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-operat ibbażata fuq dawn il-kwistjonijiet trid tkun kompatibbli mal-liġi Komunitarja.

Il-Kummissjoni tikkunsidra, li b’mod partikulari, għandhom jikkonformaw ma’ l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2408/92 dwar l-aċċess mill-Komunità għar-rotot ta’ l-ajru intrakomunitarji[3], li jirrekjedi fost oħrajn li r-restrizzjonijiet m'għandhomx ikunu diskriminatorji abbażi ta' nazzjonalità jew identità ta' trasportaturi ta' l-ajru u ma jgħawġux bla bżonn il-kompetizzjoni bejn operaturi ta' l-ajru.

Barra minn hekk, restrizzjonijiet fuq l-operat immirati biex inaqqsu l-ħsejjes għandhom ikunu konformi wkoll mad-Direttiva 2002/30/KE dwar l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri għall-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet tal-ħoss fl-ajruporti tal-Komunità[4].

5. SKAMBJU TA’ SLOTS

L-Artikolu 8a(1)(c) tar-Regolament jistipula li “s-slots jiġu skambjati jitpartu, wieħed b’wieħed, bejn trasportaturi ta’ l-ajru”.

Fejn ma hemmx suq trasparenti għar-riżors skars ta’ slots f’ajruporti konġestjonati, it-trasportaturi ta’ l-ajru li għandhom l-islots spiss ma jkunux konxji ta', jew ma jarawx, l-opportunitajiet li joffrulhom l-islots li għandhom. B’riżultat ta’ dan trasportatur ta’ l-ajru jista’ jżomm slot anke meta l-prezz fis-suq tiegħu jaqbeż sew il-valur li t-trasportatur ta’ l-ajru jiġġenera billi jżomm u juża l-islots.

Dan, min-naħa l-oħra, jimplika li l-għadd ta’ slots li huma disponibbli kemm għal operaturi ġodda kif ukoll għal trasportaturi ta’ l-ajru li diġà huma stabbiliti li qegħdin jipprovaw iżidu s-servizzi, jista’ jkun aktar baxx mill-verità. F’dan l-isfond, jista’ jidher li l-applikazzjoni tar-Regolament għadha ma wasslitx, b’mod konsistenti, għall-aktar użu effiċjenti ta’ l-islots.

Minkejja dan, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-iskambji ta’ slots bi ħlas jew għal xi forma oħra ta’ qligħ, magħrufa aktar bħala kummerċ sekondarju, qed iseħħu f’għadd ta’ ajruporti konġestjonati tal-Komunità. Dan għandu ċerti vantaġġi, l-aktar li jippermetti l-ħolqien ta’ servizzi addizzjonali fuq rotot speċifiċi.

It-test tar-Regolament attwali ma jsemmi xejn fuq il-kwistjoni ta’ skambji ta’ slots bi ħlas jew għal xi forma oħra ta’ qligħ li jirriflettu il-valuri differenti ta’ slots f'ħinijiet differenti tal-ġurnata u fatturi oħrajn. Billi dawn l-iskambji mhumiex projbiti b’mod ċar u espliċitu, il-Kummissjoni mhux beħsiebha tieħu proċeduri ta’ ksur kontra Stati Membri fejn dawn l-iskambji iseħħu b’mod trasparenti, u li jirrispettaw ir-rekwiżiti amministrattivi kollha l-oħra għall-allokazzjoni ta’ slots stipulati fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

Jekk isir ċar li minħabba kompetizzjoni jew raġunijiet oħra tkun meħtieġa reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, il-Kummissjoni tagħmel proposta adattata.

6. KONSISTENZA BEJN SLOTS U PJANIJIET TA’ TITJIRIET

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament jipprovdi li “l-pjan tat-titjira ta' trasportatur ta' l-ajru jista' jiġi rifjutat mill-awtoritajiet kompetenti li jimmaniġġaw it-Traffiku ta' l-Ajru jekk it-trasportatur ta' l-ajru jkollu l-ħsieb li jinżel fi jew jitlaq minn ajruport koordinat, matul il-perjodi li għalihom ikun koordinat, mingħajr ma jkollu slot allokata mill-koordinatur”.

L-esperjenza wriet li l-verifika ta’ pjanijiet ta’ titjiriet ma’ slots ta’ l-ajruport allokati b’mod partikulari għal avjazzjoni ġenerali minn awtoritajiet li jimmaniġġaw it-Traffiku ta’ l-Ajru u koordinaturi rari ssir b’mod sistematiku u konsistenti.

Kif stipulat fil-“Pjan ta’ Azzjoni għal kapaċità, effiċjenza u sikurezza fl-Ewropa”[5], ir-Regola ta’ l-Implimentazzjoni dwar il-Ġestjoni ta’ Flussi ta’ Traffiku ta’ l-Ajru, li hija skedata li tiġi adottata mill-Kummissjoni fl-2008 abbażi ta’ l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu ta’ l-ispazju ta’ l-arju fl-Ajru Uniku Ewropew[6], se tipprovdi għal mekkaniżmu li jkollu l-għan li jzid il-konsistenza bejn l-islots u l-pjanijiet ta’ titjiriet.

Konsistenza effettiva bejn it-talbiet għal slots uniċi u l-pjanijiet ta’ titjiriet qed issir dejjem aktar rilevanti b’mod partikulari għall-avjazzjoni ġenerali u għall-avjazzjoni ‘business’, li b’definizzjoni joperaw servizzi mingħajr skeda ta’ sikwit barra ż-żmien tas-slot allokat jew anke mingħajr ma jkunu ġabu slot bil-quddiem mill-grupp ta’ slots. B’riżultat ta’ dan, dawn it-titjiriet ad-hoc jistgħu jfixklu l-operazzjoni tajba ta’ ajruporti koordinati, fejn l-islots aktarx jirriflettu l-pjanijiet ta’ titjiriet u fejn it-trasportaturi ta’ l-ajru huma mitluba joperaw skond is-slots allokati lilhom.

Konklużjonijiet

Il-Kummissjoni tispera li din il-Komunikazzjoni tistimula użu aħjar tal-kapaċità skarsa fl-ajruporti koordinati tal-Komunità.

Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel monitoraġġ tal-funzjoni tar-Regolament u se tikkonċentra fuq l-iżgurar ta’ implimentazzjoni xierqa tar-Regolament mill-Istati Membri.

Fid-dawl ta’ dan il-monitoraġġ, il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk hux meħtieġa proposta biex temenda r-Regolament.

Il-Kummissjoni ser tkompli tiffaċilita l-involviment ta’ dawk interessati u ta’ Stati Membri fl-iżvilupp kontinwu ta’ l-allokazzjoni ta’ slots. L-Osservatorju Komunitarju dwar l-ajruporti, li se jitwaqqaf fix-xhur li ġejjin, f’dan ir-rigward se jservi bħala forum fejn il-partijiet kollha li jikkwalifikaw ikunu f’pożizzjoni li jsolvu kwistjonijiet dwar slots b’mod effettiv. [pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic][pic]

[1] Ir-Regolament (KE) Nru 793/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 (ĠU L 138, 30.4.2004, p. 50) li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar regoli komuni għall-allokazzjoni ta' perjodi ta' użu fl-iskeda ta' l-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993).

[2] KUMM(2007) 704, 15.11.2007.

[3] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92, tat-23 ta' Lulju 1992, dwar aċċess għat-trasportaturi ta' l-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji (ĠU L 240 ta' l-24.8.1992).

[4] Id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' regoli u proċeduri fir-rigward ta' l-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet ta'operat relatati mal-ħoss f'ajruporti tal-Komunità (ĠU L 85, tat-28.3.2002, p. 40).

[5] KUMM(2006) 819, 24.1.2004.

[6] Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu ta' l-ispazju ta' l-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew (ĠU L 96 tal-31.3.2004, p 20).