52008DC0207




[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, xxx

COM(2008) yyy finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOċJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REġJUNI

dwar il-ħarsien tal-konsumaturi, b'mod speċjali dawk ta’ taħt l-età, fir-rigward ta’ l-użu ta’ logħob tal-kompjuter

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOċJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REġJUNI

dwar il-ħarsien tal-konsumaturi, b'mod speċjali dawk ta’ taħt l-età, fir-rigward ta’ l-użu ta’ logħob tal-kompjuter

INTRODUZZJONI

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 2002 dwar il-ħarsien tal-konsumaturi permezz tat-tikkettjar ta’ ċerti logħob tal-kompjuter[1] saħqet dwar il-ħtieġa li jiġi pprovdut tagħrif ċar fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-kontenut u l-klassifika skond il-grupp ta’ età. Għandhom jiġu promossi sistemi ċari u sempliċi ta’ klassifikazzjoni fl-Istati Membri kollha biex jiżguraw trasparenza akbar u l-moviment liberu tal-logħob tal-kompjuter. Il-Kunsill saħaq ukoll dwar l-importanza tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha.

Ir-Riżoluzzjoni tistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-metodi varji għall-evalwazzjoni tal-kontenut tal-logħob tal-kompjuter, kif ukoll il-klassifika u t-tikkettjar tagħhom, u biex tirrapporta lura lill-Kunsill dwar dan.

Il-logħob tal-kompjuter qiegħed dejjem aktar isir attività favorita ta' passatemp fost l-Ewropej ta' kull età u kull kategorija soċjali[2]. Għalkemm mixtrija għall-valur tagħhom bħala passatemp, l-aqwa logħbiet iġibu magħhom benefiċċji pożittivi oħra, mhux anqas il-promozzjoni ta’ ħiliet analitiċi u strateġiċi u jgħinu liż-żgħażagħ isiru familjari fl-interazzjoni tagħhom mat-teknoloġija ta’ l-informatika. Jeżistu wkoll opportunitajiet promettenti għal industrija qawwija ta’ logħbiet interattivi fl-Ewropa, b’karattru speċifiku Ewropew, u li tista’ tippossjedi d-diversità kulturali. Il-popolarità li dejjem qed tiżdied tal-logħob tal-kompjuter onlajn hija wkoll il-forza ewlenija wara l-introduzzjoni tan-netwerks ta’ telekomunikazzjoni broadband u t-tielet ġenerazzjoni tat-telefons ċellulari .

Fl-2006 is-suq Ewropew għal-logħob tal-kompjuter, li jinkludi logħbiet console u portabbli , logħob tal-PC u logħbiet onlajn li jinkludu logħbiet bla fili, kellu dħul totali ta' aktar minn € 6.3 biljun, u dan huwa mistenni li jiżdied għal € 7.3 sa l-2008. Il-valur tiegħu jgħodd daqs nofs is-suq kollu tal-mużika fl-Ewropa[3] u diġà jaqbeż dak tad-dħul mill-films tas- cinema . Huwa l-aktar settur dinamiku u li qed jikber b’rata mgħaġġla fl-industrija Ewropea tal-kontenut, b’rata ta’ tkabbir ogħla minn dik fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika[4]. Hemm tendenza emerġenti ta' verżjoni onlajn b’xejn ta’ logħob tal-kompjuter popolari li huma essenzjalment appoġġjati mir-reklami.

Bħal fil-każ ta’ mezzi pubbliċi oħrajn, il-libertà ta’ l-espressjoni kemm għal min joħloq il-logħbiet kif ukoll għal min jilgħab għandha tingħata prijorità għolja għal dawk li jfasslu l-politika. Din il-prijorità għandha tqis il-bidliet fis-suq. Tabilħaqq, il-logħob tal-kompjuter qegħdin dejjem aktar isiru fenomenu bejn il-ġenerazzjonijiet, li jintlagħbu kemm mit-tfal kif ukoll mill-ġenituri fil-kmamar tat-tfal kif wkoll fis-salott[5]. L-età medja ta’ l-Ewropej intiżi f’dan il-logħob elettroniku żdied, u attwalment hemm aktar adulti li qed jilagħbu l-logħob tal-kompjuter b’temi adattati għall-adulti. Fl-istess ħin min ifassal il-politika għandu r-responsabilità għas-saħħa ta’ kull min jilgħab u għalhekk jinħtieġu standards ta’ protezzjoni għolja għal dawk li huma taħt l-età. Minħabba fl-effetti psikoloġiċi qawwija tal-logħob tal-kompjuter fuq il-minuri, huwa importanti li jkun żgurat li l-logħbiet li jintlagħbu minnhom ikunu ta’ natura sigura. Dan jeħtieġ b’mod partikolari livelli gradwali ta’ aċċess fir-rigward tal-logħob tal-kompjuter għall-adulti .

F’April 2003, ġiet adottata s-sistema ta' klassifikazzjoni skond l-etajiet, sistema ta’ Tagħrif dwar il-Logħob Pan Ewropew ( Pan European Games Information age rating system ) (PEGI)[6] li tirregola ruħha, wara konsultazzjoni mill-qrib ħafna ma' l-industrija, mas-soċjetà ċivili, bħall-assoċjazzjonijiet ta' ġenituri u tal-konsumaturi, u ma’ gruppi reliġjużi. Il-PEGI hija sistema volontarja li tirregola ruħha, imfassla biex tiżgura li l-minuri ma jiġux esposti għal logħbiet li mhumiex adattati għall-grupp ta’ età partikolari tagħhom. Il-PEGI ħadet post għadd kbir ta’ sistemi nazzjonali ta’ klassifikazzjoni eżistenti skond l-etajiet b’sistema Ewropea waħdanija.

Sar “Studju” indipendenti għall-Kummissjoni fl-2003 dwar “il-prattika ta' klassifikazzjoni użata għall-ħidmiet awdjo-viżivi fl-Unjoni Ewropea[7]". Dan l-istudju jidentifika l-pressjoni teknoloġika u soċjetarja lejn l-omoġeneità tal-klassifikazzjoni, li tista’ tintlaħaq permezz ta’ kriterji komuni ta’ klassifikazzjoni. Konklużjoni oħra tirreferi għall-iskambju regolari ta' prassi tajba bejn il-pjattaformi differenti tal-mezzi pubbliċi bħala l-ewwel pass lejn aktar uniformità fil-prattika tal-klassifikazzjoni fil-mezzi pubbliċi differenti.

L-Unjoni Ewropea qed tħabrek biex tiżgura l-aħjar ħarsien possibbli għat-tfal permezz ta' proposti leġiżlattivi u azzjonijiet oħra, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà: ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni tal-Minuri u tad-Dinjità tal-Bniedem u d-Dritt għal Tweġiba (2006/952/KE)[8] tirreferi għal azzjoni li tikkonċerna l-attivitajiet illegali fuq l-Internet li huma ta’ ħsara għall-minuri u l-kooperazzjoni fost l-entitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-gradazzjoni jew mal-klassifikazzjoni. In-netwerk INSAFE, ikkofinanzjat mill-programm Safer Internet[9] u ġestit mill-Kummissjoni, għandu l-għan li jqajjam kuxjenza dwar l-użu mit-tfal tal-midja l-ġdida inkluż il-logħob tal-kompjuter.

L-Internet joffri forom ġodda ta’ konsum tal-midja u opportunitajiet ġodda għad-diversità kulturali, inklużi l-logħob tal-kompjuter, iżda jista’ wkoll iservi ta’ mezz għat - tifrix ta’ kontenut illegali, u ta’ ħsara partikolarment għall-minuri. Dan joħloq sfidi speċifiċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni taż-żgħażagħ . PEGI On-line[10], li tnieda f’Ġunju 2007 u li kien ko-finanzjat mill-Programm Safer Internet, huwa l-iżvilupp loġiku tas-sistema PEGI, imfassal biex iħares dejjem aktar liż-żgħażagħ kontra kontenut ta’ logħob mhux adattat u biex jgħin lill-ġenituri jifhmu r-riskji u l-potenzjal għall-ħsara f'dan l-ambjent.

F’Diċembru 2007, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni[11] dwar strateġija Ewropea għal-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali. Il-littermiżmu medjatiku jista’ jingħad fil-qosor li huwa l-ħila li wieħed jaċċessa, jifhem, jivvaluta u joħloq kontenut għall-midja. Huwa rrelatat mat-tipi kollha ta' midja, inklużi l-logħob tal-kompjuter. Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-importanza tal-litteriżmu medjatiku fost il-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ, speċjalment rigward il-kontenut onlajn. Barra minn hekk, il-logħob tal-kompjuter qegħdin dejjem aktar jintużaw fil-kurrikuli ta’ l-iskejjel[12].

IL-KONSULTAZZJONI U L-KONKLUżJONIJIET TAGħHA

Intbagħat kwestjonarju lill-Istati Membri kollha biex jinġabar it-tagħrif u d-dħul għar-rapportar fid-dettall dwar xejriet fil-ħarsien tal-konsumaturi fir-rigward tal-logħob tal-kompjuter mill-adozzjoni 'l quddiem tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill imsemmija. Il-mistoqsijiet koprew is-sistemi ta’ klassifikazzjoni ta’ etajiet/kontenut, il-bejgħ ta’ logħob tal-kompjuter fil-ħwienet ta' bejgħ bl-imnut, il-projbizzjonijiet tal-logħob elettroniku, l-effettività ta’ miżuri attwali għall-ħarsien tal-minuri, il-logħob tal-kompjuter onlajn u s-sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ pjattaforma transkonfinali u pan-Ewropea. Is-27 Stat Membru kollha wieġbu.

Is-sistemi ta’ klassifikazzjoni ta’ l-etajiet/kontenut

PEGI huwa appoġġjat mill-manifatturi ewlenija tal-consoles[13]. Japplika fil-maġġoranza kbira ta' l-Istati Membri ta' l-UE[14], anke jekk dawn il-pajjiżi mhux kollha għandhom leġiżlazzjoni speċifika stipulata.

L-Istati Membri li japplikaw il-PEGI u li għandhom jew li ħejjew leġiżlazzjoni speċifika[15] relatata mal-klassifika ta’ l-etajiet huma l- Finlandja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja u r-Renju Unit . L-Olanda u l-Polonja stipulaw ukoll sanzjonijiet kriminali.

Fir- Renju Unit , l-industrija tal-logħob tal-kompjuter tuża l-PEGI għall-parti l-kbira tal-logħob tal-kompjuter. Logħob tal-kompjuter b’materjal ta’ natura sesswali jew li jesponu vjolenza kbira huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-Bord Brittaniku għall-Klassifikazzjoni tal-Films ( British Board of Film Classification - BBFC), li mbagħad jistipula klassifikazzjonijiet relatati ma’ l-etajiet li jkunu differenti minn dawk tal-PEGI.

Ġo Franza , il-PEGI tintuża biex tikklassifika u tittikkettja l-logħob tal-kompjuter. L-emendi għal-Liġi Kriminali Franċiża fl-2007[16] jistabbilixxu l-klassifikazzjoni ta’ l-etajiet u t-tikkettjar tal-logħob tal-kompjuter skond il-gruppi ta’ etajiet.

Il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, l-Ungerija, l-Irlanda, Spanja u l-Iżvezja japplikaw il-PEGI, iżda m'għandhomx leġiżlazzjoni speċifika. Għalkemm l-ebda sistema speċifika m’hi stipulata fir- Repubblika Ċeka , il-PEGI tintuża mill-pubblikaturi l-kbar kollha, iżda mhux għal-logħob tal-kompjuter kollha mqassma.

Il-Ġermanja u l-Litwanja għandhom leġiżlazzjoni speċifika li torbot. Fil-Ġermanja, is-sistema tal-PEGI li tirregola ruħha ma tintużax. Il-liġi Ġermaniża dwar il-ħarsien taż-żgħażagħ[17] tinkludi miżuri speċifiċi għall-klassifikazzjoni ta’ l-etajiet u għat-tikkettjar tal-logħob tal-kompjuter, li għalihom is-16-il Bundesländer huma kompetenti. Flimkien ma’ l-USK ta’ l-industrija ("Unterhaltungssoftware Selbstkontrolle"/"l-Organizzazzjoni għas-Sorveljanza Volontarja tas-Softwer għad-Divertiment"), huma stabbilew sistema ta’ klassifikazzjoni li timmira lejn klassifiki komuni ta' l-etajiet fil- Bundesländer kollha . Għal dan l-għan il- Bundesländer għandhom rappreżentant komuni, b’deċiżjoni dwar it-tikkettjar li torbot.

Fl-Awstrija, il-ħarsien tal-minuri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ kull Bundesland . Għalhekk, hemm differenzi kbar fil-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien taż-żgħażagħ u fil-mod ta' kif din tiġi implimentata.

F’ Malta , fejn il-PEGI ma tapplikax, il-logħob tal-kompjuter jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ġenerali.

Ċipru, il-Lussemburgu, ir-Rumanija u s-Slovenja rrapportaw li m'għandhomx sistema ta' klassifikazzjoni la ta' l-etajiet u lanqas tal-kontenut u l-ebda leġiżlazzjoni relatata.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tqis li għad hemm wisgħa mhux ħażin għat-titjib fir-rigward tas-sistema tal-PEGI ta’ klassifikazzjoni fl-Istati Membri kollha ta’ l-UE u fil-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli mal-PEGI.

Il-bejgħ tal-logħob tal-kompjuter fil-ħwienet li jbigħu bl-imnut

Il-Kummissjoni qed turi tħassib rigward l-għadd dejjem jiżdied ta’ logħob tal-kompjuter vjolenti użati mill-minuri. Huwa importanti li jiġi analizzat l-aċċess għal logħbiet bħal dawn. Nofs l-Istati Membri[18] għandhom dispożizzjonijiet legali speċifiċi, fil-liġi ċivili u kriminali, li jikkonċernaw il-bejgħ fiżiku ta’ logħob tal-kompjuter b’kontenut li huwa ta’ ħsara għall-minuri, u jeżistu bosta pieni biex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu infurzati[19].

L-Istati Membri li jimmiraw lejn jew li diġà qed jużaw klassifika għad-distribuzzjoni, iċ-ċirkolazzjoni u r-reklamar imsejsa fuq il-klassifikazzjoni ta’ l-etajiet/il-kontenut huma l- Italja (għaddejja liġi li tinsab fil-proċess ta’ approvazzjoni), ir- Renju Unit, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja[20] u s- Slovakkja.

Franza, l-Iżvezja u l-Olanda jipprojbixxu ċerti logħob tal-kompjuter vjolenti skond il-liġi kriminali (fl-Iżveżja wkoll skond il-liġi kostituzzjonali). Għal-logħbiet legali, il-bejjiegħa bl-imnut Żvediżi qablu li jsegwu s-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-PEGI rigward l-etajiet meta jiġu għall-bejgħ. Huma għandhom id-dritt li jagħmlu l-bejgħ suġġett għall-permess tal-ġenituri.

Fil-Belġju u f’Malta , jeżistu għadd ta' dispożizzjonijiet legali li jkopru l-bejgħ tal-logħob tal-kompjuter, bħal-liġijiet dwar ir-razziżmu u l-ksenofobija, il-kummerċ u l-ħarsien tal-konsumatur u dwar l-ordni pubblika.

Il-Bulgarija[21], ir-Repubblika Ċeka[22], Ċipru, id-Danimarka[23], l-Ungerija, il-Lussemburgu, il-Polonja u r-Rumanija m’għandhom l-ebda leġiżlazzjoni speċifika li tirregola l-bejgħ tal-logħob tal-kompjuter.

F’ċirkostanzi bħal dawn, kodiċi ta’ kondotta għall-bejjiegħa bl-imnut tal-logħob tal-kompjuter huwa l-pass loġiku li jmiss. Fl-Istati Uniti, il-“Bord ta’ Klassifikazzjoni tas-Softwer għad-Divertiment” (BKSD) u l-bejjiegħa bl-imnut nazzjonali - taħt l-umbrella tal-“Kunsill tal-Bejgħ bl-Imnut tal-BKSD” (KBIB) – jagħti pariri lill-ġenituri u lill-konsumaturi oħra dwar kwistjonijiet ta’ klassifikazzjoni. L-għan tal-“Kodiċi ta’ Klassifikazzjoni dwar l-Edukazzjoni u l-Infurzar”[24] tagħhom huwa li l-bejjiegħa bl-imnut jiġu mgħarrfa u biex ikun żgurat li dawn qed jinfurzaw il-klassifikazzjoni, eżempju permezz ta’ qawmien ta’ l-għarfien u t-taħriġ tal-bejjiegħa fil-ħwienet. Il-konsumaturi jistgħu jirrappurtaw ksur tal-liġi lill-bejjiegħa bl-imnut u lill-websajt tal-BKSD. Il-BKSD jgħaddi l-ilment lill-membru responsabbli tal-KBIB għal trattament minnufih u jista’ jeskludi lill-membri li jkunu kisru l-liġi mill-KBIB.

Projbizzjoni fuq il-logħob tal-kompjuter

Erba’ Stati Membri biss s’issa, ir-Renju Unit, l-Irlanda, il-Ġermanja u l-Italja , ipprojbew ċerti logħob tal-kompjuter, jew permezz ta’ projbizzjoni formali jew permezz ta’ miżuri ekwivalenti għal projbizzjoni, bħall-konfiska, iċ-ċaħda tal-ħruġ ta’ klassifikazzjoni jew restrizzjonijiet kummerċjali.

Fl- Irlanda, il-logħob tal-kompjuter meqjusa bħala mhux adattati għall-wirja minħabba fil-karattru vjolenti tagħhom, jistgħu jkunu soġġetti għal ordni ta’ projbizzjoni mill-Uffiċċju ta’ Ċensura tal-Films Irlandiżi (IFCO – (Irish Film Censor’s Office)). Dan kien il-każ fir-rigward tal-logħba tal-kompjuter “Manhunt 2” f’Ġunju 2007[25].

L-ewwel logħba tal-kompjuter li ġiet rifjutata mill-klassifika tal-BBFC fir- Renju Unit kienet “Carmageddon” fl-1997. Madankollu, verżjoni mibdula aktar tard ingħatat ċertifikat ta’ klassifikazzjoni.

F’Ġunju 2007, il-BBFC m’aċċettax il-logħba “Manhunt 2”. Din id-deċiżjoni ġiet mibdula mill-Kumitat ta’ l-Appelli tal-Vidjos f’Diċembru 2007. Il-BBFC sfida lil din id-deċiżjoni permezz ta’ proċedimenti ġudizzjarji fil-Qorti Superjuri li rreferiet il-każ lura lill-Kumitat ta’ l-Appelli tal-Vidjos li f-Marzu 2008 kkonferma d-deċiżjoni tiegħu. Il-BBFC ħareġ kif xieraq ċertifikat tat-“18”-il sena[26]. Madankollu, il-verżjoni li għaddiet ma kinitx il-verżjoni oriġinali, iżda waħda mibdula. Il-forniment ta’ logħba elettronika mhux klassifikata hu suġġett għall-piena ta' sa sentejn ħabs u/jew ċitazzjoni bla limitu.

Fl- Italja , id-disseminazzjoni ta’ “Manhunt 2” twaqqfet f’Ġunju 2007 mill-Ministru tal-Komunikazzjonijiet[27].

Fil- Ġermanja, il-Qorti tal-Kontea ta’ Munich iddeċidiet li tikkonfiska[28] l-verżjonijiet kollha ta’ “Manhunt” f’Lulju 2004 minħabba fil-ksur ta’ dispożizzjoni penali li tipprojbixxi l-wiri u l-glorifikazzjoni tal-vjolenza. Kien hemm każijiet oħra, bħal “Dead Rising”, li tpoġġa fuq l-Indiċi u li ġie kkonfiskat b’deċizjoni ta’ Ġunju 2007 tal-Qorti tal-Kontea ta’ Hamburg[29].

Il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li projbizzjonijiet bħal dawn għandhom jibqgħu l-eċċezzjoni, ikunu proporzjonali, u, għalhekk, ikunu limitati għal ksur serju tad-dinjità tal-bniedem.

L-effettività ta’ miżuri attwali għall-ħarsien tal-minuri

Nofs l-Istati Membri[30] jqisu li l-miżuri attwalment fis-seħħ bħala ġeneralment effettivi. Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Polonja dan l-aħħar tejbu jew qegħdin attwalment itejbu l-leġizlazzjoni nazzjonali. Xi wħud iqisu dawn il-bidliet bħala xierqa meta huma marbuta ma’ l-awto-regolamentzzjoni Per eżempju, il-Kodiċi Kriminali Franċiż ġie emendat fl-2007. Ġew introdotti tliet prinċipji: sistema awto-regolatorja bir-responsabbiltà mogħtija lill-industrija, setgħat ġodda għall-Ministeru ta' l-Intern u sanzjonijiet penali.

Fir-rigward ta’ l- Olanda , il-PEGI u d-dispożizzjonijiet legali li jikkonċernaw il-bejgħ tal-logħob tal-kompjuter jidhru li huma biżżejjed. Il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda u Spanja jqisu r-regoli attwali bħala effettivi u aċċettati b’mod ġenerali, iżda qed jintensifikawhom permezz tal-litteriżmu medjatiku, it-tkattir ta’ l-għarfien tal-ġenituri u r-reviżjoni ġuridika. L-Iżvezja tuża l-PEGI u temmen li l-miżuri għat-tkattir ta' l-għarfien fost il-ġenituri, għall-promozzjoni ta' industrija awto-regolata u għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-Istat u l-industrija, qed jitħaddmu tajjeb.

Il-Ġermanja[31] u r-Renju Unit[32] qed iwettqu studji dwar l-effettività tal-leġiżlazzjoni u dwar ir-riskji għat-tfal. Il-Latvja, il-Polonja u s-Slovakkja ma jafux jekk il-PEGI hijiex ta’ suċċess, billi għadha ma twettqet l-ebda valutazzjoni.

Fl- Awstrija, il-maġġoranza kbira ta’ l-awtoritajiet reġjonali kompetenti, kemm jekk jużaw il-PEGI kemm jekk le, tqis is-sistema attwali bħala waħda insuffiċjenti. Il- Bundesland ta’ Vjenna qed tippjana li tirriforma l-liġi. L-Awstrija hija tal-fehma li sistema mifruxa mal-pajjiż kollu ma tkunx biżżejjed biex tittratta l-problemi li qed jinħolqu mill-Internet jew mill-viċinanza tal-pajjiżi ġirien; in-nuqqas ta’ l-għarfien, ta’ superviżjoni mill-pulizija u ta’ ċertifikazzjoni biex tgħin lill-bejjiegħa bl-imnut jitqiesu wkoll bħala problemi.

Fil- Belġju u fl- Ungerija, il-PEGI tapplika diġà, iżda ma torbotx legalment, bil-konsegwenza li ż-żewġ pajjiżi jaraw il-ħarsien tal-minuri bħala ineffiċjenti. Il-Belġju tiffavorixxi leġiżlazzjoni f’livell Ewropew. Għalkemm iċ-ċertifikazzjoni tal-PEGI tinstab fuq il-parti l-kbira tal-logħob tal-kompjuter, l-Ungerija tqis lill-PEGI bħala insuffiċjenti, minħabba nuqqas ta' għarfien min-naħa tal-ġenituri.

Fil- Bulgarija , il-leġiżlazzjoni għall-ħarsien tat-tfal[33] ġiet supplimentata matul l-aħħar sentejn b’inċentivi għal mekkaniżmi awto-regolatorji.

Il-logħob tal-kompjuter onlajn

Il-logħob tal-kompjuter onlajn jippermettu l-parteċipanti jikkomunikaw ma’ xulxin permezz ta’ konnessjoni ma’ netwerk. Il-maġġoranza l-kbira ta’ l-Istati Membri[34] m’għandhomx leġiżlazzjoni speċifika dwar dan. Madankollu, xi wħud[35] jużaw il-PEGI onlajn u oħrajn japplikaw leġiżlazzjoni ġenerali (inkluża liġi kriminali) u leġiżlazzjoni speċifika li tikkonċerna l-logħob tal-kompjuter offlajn permezz ta’analoġija.

Fil- Ġermanja, flimkien mal-proċedura awto-regolatorja u ma’ dik ta’ ko-regolamentazzjoni msemmija hawn fuq, "jugendschutz.net", aġenzija komuni speċifika għall-ħarsien taż-Żgħażagħ fuq l-Internet stabbilita mill- Bundesländer, teżamina l-offerti fuq l-Internet u hija involuta f’negozjati mal-produtturi u mal-fornituri u fi proċeduri ta’ regolamentazzjoni.

Fl- Italja , il-Liġi dwar il-ħarsien tal-minuri fir-rigward ta’ l-użu ta’ logħob tal-kompjuter tapplika wkoll għal logħbiet onlajn. L-awto-regolamentazzjoni proposta “Kodiċi għall-Midja u l-Minuri” titlob li l-logħob tal-kompjuter onlajn juru l-klassifika onlajn tal-PEGI b’mod ċar u viżibbli, inklużi l-miżuri ta’ filtrazzjoni għall-kontroll mill-ġenituri.

Fl- Irlanda , l-attivitajiet ta’ logħob tal-kompjuter offline u fuq l-Internet huma ttrattati b’mod ugwali skond il-liġi. Dawk li jipprovdu s-Servizz ta’ l-Internet qablu li l-materjal u s-servizzi li huma illegali skond il-liġi Irlandiża mhux se jitħallew jidhru fuq is-servers Irlandiżi jew se jintneħħew minn fuqhom. Twaqqaf ħotlajn biex jiġi rrapportat kwalunkwe materjal illegali jew ta’ dannu fuq l-Internet, u il-kooperazzjoni mal-pulizija tinsab fis-seħħ.

Il- Latvja tapplika dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ l-aċċessibilità ta’ logħob tal-kompjuter fuq l-Internet. It-tqassim tagħhom jista’ jiġi pprojbit jekk, per eżempju, ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat iċ-ċirkolu ta’ l-utenti jew jekk dak li jirċievi ma jkunx ġie avżat dwar il-limitu ta’ l-etajiet. Dawk li jipprovdu s-servizz ta’ l-internet huma obbligati wkoll li jgħarrfu lill-utenti dwar il-possibilità ta’ l-installazzjoni ta’ filtru tal-kontenut.

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tqis li jeħtieġu sforzi addizzjonali fir-rigward tal-logħob tal-kompjuter onlajn, biex ikunu jistgħu jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tagħhom: jeħtieġ mekkaniżmu rapidu u effettiv għal verifikazzjoni ta' l-età, u għandha tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward taċ- chat rooms . Djalogu pan-Ewropew bejn il-partijiet interessati kollha għandu jkun utli f'dan ir-rigward.

F’dan il-kuntest, il-politika ta’ l-UE biex tinforza l-kooperazzjoni pubblika-privata kontra l-kriminalità elettronika, u b’mod partikolari kontra kontenut illegali u ta’ dannu fuq l-Internet, tista’ sservi bħala punt tat-tluq.

Sistema ta’ klassifikazzjoni ta’ pjattaforma transkonfinali, pan-Ewropea

Maġġoranza ta’ Stati Membri[36] tippreferi klassifika ta’ l-etajiet fuq pjattforma transkonfinali pan-Ewropea li għandha tikkontribwixxi biex tiżgura operazzjoni mingħajr xkiel fis-suq ta’ l-internet u tevita konfużjoni qalb il-konsumaturi. Il-PEGI hija meqjusa bħala utli u fattibbli, u għandha l-kapaċità li tiġi żviluppata aktar.

Il-Polonja u r- Repubblika Ċeka huma xettiċi, iżda lesti li jappoġġjaw l-armonizzazzjoni u l-kooperazjoni sa ċertu punt. Franza, l- Ungerija u l- Portugall biss iqisu s-sistema ta' klassifikazzjoni ta' pjattaforma transkonfinali bħala waħda impossibbli. Huma jargumentaw li t-tipi differenti ta' midja jeħtieġu kondizzjonijiet diversi għat-tixrid u l-aċċess u jinvolvu konsum speċifiku li jitlob klassifiki u regoli differenti. Barra dan, huma jħarsu lejn is-sensitivitajiet morali u kulturali differenti bħala ostakolu għal sistema waħda ta’ klassifikazzjoni. Il- Ġermanja tħares lejn is-sistema tagħha bħala waħda sodisfaċenti. Il- Belġju indika li lest li jilqa’ regolament ta’ l-UE li jittratta n-nuqqas ta’ kontroll u sanzjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni korretta tat-tikkettjar. Il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri jiffavorixxu l-promozzjoni ta’ sistemi awto-regolatorji u ko-regolatorji. Il-qagħda fir- Renju Unit tinsab attwalment taħt reviżjoni.

KONKLUżJONIJIET

Illum, ħafna mill-Istati Membri ta’ l-UE japplikaw il-PEGI, is-sistema awto-regolatorja għal logħob tal-kompjuter offline li tnediet fl-2003. Il-maġġoranza kbira ta’ dawn l-Istati Membri għandhom leġiżlazzjoni relatata u numru sabiħ minnhom għadhom kif tejbu l-leġiżlazzjoni tagħhom reċentement jew jinsabu fil-proċess li jwettqu dan. Xi Stati Membri anke waqqfu din il-leġiżlazzjoni fuq il-PEGI.

Il-qagħda għal-logħob tal-kompjuter onlajn hija differenti. L-internet joħloq sfidi ġodda minħabba fl-aċċess faċli u l-karattru globali tiegħu. Il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri m’għandhomx leġiżlazzjoni speċifika għal logħob tal-kompjuter onlajn. Madankollu, uħud mill-Istati Membri jqisu li l-leġiżlazzjoni għal logħob tal-kompjuter offlajn tapplika permezz ta’ analoġija waqt li xi Stati Membri oħra jużaw il-PEGI On-line, li tnediet f'Ġunju 2007.

Bħala konklużjoni jidher li l-PEGI kisbet riżultati tajba u l-PEGI On-line hija wkoll inizjattiva promettenti, li tirrendi l-PEGI bħala eżempju tajjeb ta’ awto-regolamentazzjoni f’konformità ma’ l-aġenda ta’ regolamentazzjoni aħjar. Għalhekk, għandhom isiru aktar sforzi mill-Istati Membri, l-industrija u minn partijiet interessati oħra, inklużi mill-ġenituri, biex iżidu l-fiduċja tagħhom fil-logħob tal-kompjuter u jtejbu l-ħarsien tal-minuri.

Meta jitqies dan li ntqal hawn fuq, u filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu l-valur tal-logħob tal-kompjuter għall-promozzjoni tad-diversità kulturali, il-Kummissjoni:

- Issejjaħ lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu li l-logħob tal-kompjuter saru mezz ta’ importanza ewlenija u biex jiżguraw li għandhom japplikaw standards għolja ta’ libertà ta’ l-espressjoni u miżuri effettivi u proporzjonali għall-ħarsien tal-minuri li jinfurzaw lil xulxin b’mod reċiproku

- Issejjaħ, għalhekk, lill-Istati Membri biex jintegraw fis-sistemi nazzjonali tagħhom is-sistema ta’ tagħrif u ta’ klassifikazzjoni fis-seħħ fil-qafas ta' l-inizjattivi tal-PEGI u l-PEGI On-line.

- Issejjaħ lill-industrija tal-logħob tal-kompjuter u consoles biex tkompli ttejjeb il-PEGI u s-sistemi PEGI On-lajn u b’mod partikolari biex taġġorna regolarment il-kriterja għall-klassifikazzjoni ta’ l-età u t-tikkettjar, biex tirriklama l-PEGI b'mod aktar attiv u żżid il-lista tal-firmatarji.

- Tirrikonoxxi li l-logħob tal-kompjuter onlajn iġibu magħhom sfidi ġodda, bħas-sistemi effettivi għall-verifika ta’ l-etajiet u l-ħsarat possibbli għall-konsumaturi żgħar relatati maċ- chat rooms assoċjati ma’ dawn il-logħbiet, u ssejjaħ lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex jaħdmu flimkien lejn soluzzjonijiet innovattivi.

- Issejjaħ lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex jivvalutaw l-effetti negattivi u pożittivi possibbli tal-logħob tal-kompjuter, b’mod speċjali fir-rigward ta’ saħħa.

- Issejjaħ lill-partijiet interessati involuti fil-bejgħ tal-logħob tal-kompjuter fil-ħwienet li jbigħu bl-imnut biex jaqblu fi żmien sentejn dwar Kodiċi ta’ kondotta Pan-Ewropew dwar il-bejgħ ta' logħob lill-minuri u dwar impenji biex iqajmu l-għarfien tas-sistema tal-PEGI fost il-ġenituri u t-tfal, kif ukoll biex jiżguraw riżorsi xierqa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din il-Kodiċi.

- Tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati kollha biex jieħdu inizjattivi biex itejbu l-litteriżmu medjatiku applikat għal-logħob tal-kompjuter, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007.

- Tilqa’ u tappoġġja aktar sforzi biex tinkiseb sistema pan Ewropea u minn medja differenti ta' klassifikazzjoni skond l-etajiet li hija awto-regolatorja jew ko-regolatorja. Il-Kummissjoni bi ħsiebha b’mod partikolari torganizza laqgħat għall-korpi ta’ klassifikazzjoni biex jiskambjaw l-aħjar prassi f'dan il-qasam.

- Bi ħsiebha tuża netwerks eżistenti ta’ u pjattaformi ma’ organizzazzjonijiet tal-Konsumaturi biex tqajjem l-għarfien pubbliku dwar il-PEGI u dwar ir-rakkomandazzjonijiet f’din il-Komunikazzjoni.

[1] Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar il-ħarsien tal-konsumaturi, b'mod partikolari iż-żgħażagħ, permezz tat-tikkettjar ta' ċerti logħob tal-kompjuter skond il-grupp ta' età, l-1 ta' Marzu 2002 (2002/C65/02), ĠU C65, 14.3.2002, p.2.

[2] Ir-rapport ta’ Nielsen dwar " Video Games in Europe – 2007 ", p. 12-15 (http://www.isfe-eu.org/index.php?PHPSESSID=lf6urj9ke66pqp2preebf0rb13&oidit=T001:662b16536388a7260921599321365911)

[3] : . Studju għall-Kummissjoni Ewropea (id-DĠ tas-Soċjetà ta’ l-Informatika u l-Mezzi Pubbliċi) minn Screen Digest Ltd, CMS Hasche Sigle, Goldmedia Gmbh, Rightscom Ltd, p. 34, 45, 96 - http://ec.europa.eu/information_society/eeurope/i2010/docs/studies/interactive_content_ec2006.pdf

[4] PricewaterhouseCoopers, Global Entertainment and Media Outlook: 2007 – 2011, p. 38

[5] Frankfurter Allgemeine Sonntagszeitung, 13.05.2007, p. 28: "Computerspiele erobern das Wohnzimmer" (FAZ.NET: http://www.faz.net/s/RubE2C6E0BCC2F04DD787CDC274993E94C1/Doc~EB0EA103E1BD44C65A4DB322974B1AC06~ATpl~Ecommon~Scontent.html)

[6] http://www.pegi.info.

[7] http://ec.europa.eu/avpolicy/docs/library/studies/finalised/studpdf/rating_finalrep2.pdf

[8] ĠU L 378, 27.12.2006, p. 72-77.

[9] http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/programme

[10] www.pegionline.eu.

[11] COM(2007) 833 finali

[12] Bħala eżempju, il-Federazzjoni Ewropea Interattiva tas-Softwer qed taħdem ma’ l-i Schoolnet Ewropew biex taċċessa l-użu ta’ logħbiet orjentati lejn l-edukazzjoni fl-iskola u biex tgħin fl-iskambju ta' l-aħjar prattika.

[13] E.ż. Nintendo, PlayStation, Xbox.

[14] L-Awstrija (parzjalment), il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, Spanja, il-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, l-Irlanda, il-Latvja (leġiżlazzjoni msejsa fuq il-PEGI), l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall (leġiżlazzjoni msejsa fuq il-PEGI), is-Slovakkja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.

[15] Bħall-Att dwar il-Klassifikazzjoni tal-Programmi Awdjo-viżivi, l-Att dwar il-Vidjo-Reġistrazzjonijiet, il-Liġi dwar il-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Liġi dwar it-Tagħrif Pubbliku.

[16] Loi no 98-468 emendata minn Loi no 2007-297.

[17] Jugendschutzgesetz; ippubblikata fit-23 ta’ Lulju 2002 (BGB1 I Nru. 51, S. 2730), kif emendata l-aħħar bil-liġi ta’ l-20 ta’ Lulju 2007 (BGBl. I S. 1595).

[18] L-Awstrija, il-Belġju, Spanja, l-Estonja, il-Finlandja, Franza il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Olanda, is-Slovakkja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.

[19] F’atti Legali bħall-Att għall-Ħarsien tat-Tfal, l-Att għall-Klassifikazzjoni tal-Programmi Awdjoviżivi, il-Liġi dwar il-Ħarsien tal-Konsumatur, ir-Regolament dwar id-Distribuzzjoni tal-Logħob tal-Kompjuter, il-liġi dwar il-ħarsien taż-Żgħażagħ, il-Liġi Kriminali.

[20] Il-Litwanja u s-Slovakkja għandhom regoli għall-bejgħ tal-logħob tal-kompjuter li huma maħsuba esklussivament għall-adulti.

[21] Il-bejjiegħa bl-imnut huma obbligati jittikkettjaw il-prodott u jipprovdu tagħrif bħal pereżempju dwar il-produttur, in-natura u l-karatteristika tal-prodott skond id-dispożizzjonijiet ġenerali fl-Att dwar il-Ħarsien tal-Konsumatur, il-gazzetta ta’ l-Istat nru 99 tad-9 ta’ Diċembru 2005.

[22] Il-logħob tal-kompjuter għandhom jissodisfaw ir-restrizzjonijiet ġenerali li japplikaw għar-reklamar meta jiġu biex jinbigħu.

[23] Id-Danimarka ssemmi li "It-tixrid ta' logħob tal-kompjuter vjolenti lit-tfal jista’ jiġi ppenalizzat skond il-Kodiċi Kriminali” fit-tweġiba tagħha tal-Kwestjonarju.

[24] BKSD: http://www.esrb.org/retailers/index.jsp: Kodiċi: http://www.esrb.org/retailers/downloads/erc_code.pdf

[25] http://www.ifco.ie/IFCO/ifcoweb.nsf/web/news?opendocument&news=yes&type=graphic.

[26] Id-Deċiżjoni mill-Kumitat ta’ l-Appelli tal-Vidjos ta’ l-10 ta’ Diċembru 2007; Il-BBFC japplika għal Proċedimenti Ġudizzjarji fil-Qorti Superjuri fis-17 ta’ Diċembru 2007; Is-sentenza tal-Qorti Superjuri ta' l-24 ta' Jannar 2008 (Mr Justice Mittins' Judgement CO/11296/2007): applikazzjoni mhux korretta tal-liġi, referenza lura għall- Video Appeals Committee li kkonferma d-deċiżjoni tiegħu (http://www.bbfc.co.uk/news/pressnews.php)

[27] http://www.comunicazioni.it/news.

[28] Deċiżjoni tal-Qorti 19.07.2004 (Aktenzeichen 853 Gs 261/04).

[29] Deċiżjoni tal-Qorti 11.06.2007 (Aktenzeichen 167 Gs 551/04).

[30] Ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Spanja, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Irlanda, il-Litwanja, l-Olanda, il-Portugall, l-Iżvezja.

[31] Studju mill-Ministeru Federali tal-Familja flimkien mal-Bundesländer (l-Istati Federali) http://www.hans-bredow-institut.de/forschung/recht/jugendmedienschutz.htm .

[32] Ir-rapport tal-Byron Review indipendenti, " Safer Children in a Digital World " (“Tfal f’aktar Sigurtà f’Dinja Diġitali”) ġie ppubblikat fis-27 ta’ Marzu 2008. Ara http://www.dfes.gov.uk/byronreview.

[33] L-Att dwar il-Ħarsien tat-Tfal (Gazzetta ta' l-Istat Nru 48 tat-13 ta' Ġunju 2000), l-Att dwar il-Ħarsien tal-Konsumatur (Gazzetta ta' l-Istat Nru 99 tad-9 ta' Diċembru 2005),

[34] L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.

[35] Id-Danimarka, il-Finlandja, l-Italja, l-Olanda, is-Slovakkja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit.

[36] L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, (sa ċertu punt), id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, l-Italja, l-Irlanda, il-Latvja, l-Litwanja, Malta, l-Olanda, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja.