Komunikazzjoni mill-Kumissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew - Kuntratti multi-annwali għall-kwalità ta’ l-infrastruttura ferrovjarja {SEC(2008)131} {SEC(2008)132} {SEC(2008)133} /* KUMM/2008/0054 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 6.2.2008 KUMM(2008) 54 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW Kuntratti multi-annwali għall-kwalità ta’ l-infrastruttura ferrovjarja {SEC(2008)131}{SEC(2008)132}{SEC(2008)133} KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMISSJONI LILL-KUNSILL U L-PARLAMENT EWROPEW Kuntratti multi-annwali għall-kwalità ta’ l-infrastruttura ferrovjarja 1. IL-KUNTEST ġENERALI 1.1. Il-finanzjament ta’ l-infrastrutturi ferrovjarji Il-politika tat-trasport tal-Komunità Ewropea tikkonċerna l-iżvilupp u t-titjib ta’ l-infrastruttura tat-trasport filwaqt li tiżgura l-ġestjoni tajba tagħha f’termini ta’ kwalità, affidabbiltà, flessibbiltà u orjentazzjoni lejn il-klijent. Dan jeħtieġ il-mobilizzazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament adatti. Sitt snin wara l-adozzjoni tal-pakkett ta’ l-infrastruttura ferrovjarja[1], xorta għad hemm ċertu tħassib dwar is-sostenibbiltà tal-finanzjament ta' l-infrastruttura ferrovjarja eżistenti, il-kwalità tas-servizzi ta' infrastruttura u l-mod li bih l-amministraturi ta' l-infrastruttura jistgħu jiksbu riżultati aħjar. Din kienet waħda mill-konklużjonijiet ta’ konsultazzjonijiet fit-tul li saru mal-partijiet interessati bejn Mejju 2006 u Settembru 2007[2]. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-miżuri li l-Istati Membri u l-amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom jadottaw sabiex iżewġu l-istabbiltà finanzjarja ma’ livell xieraq ta’ servizzi ta’ infrastruttura ferrovjarja. Għalkemm il-Kummissjoni tirrakkomanda l-applikazzjoni koerenti u sħiħa ta’ dawn il-miżuri fl-Unjoni Ewropea kollha, hija ser tqis jekk għandhiex tipproponi leġiżlazzjoni vinkolanti sabiex tiżgura li s-suq ta’ servizzi ferrovjarji fl-Unjoni Ewropea jikkonforma għal kollox ma' l-obbligi li l-Istati Membri għandhom biex jiżviluppaw l-infrastruttura ferrovjarja. 1.2. Il-qafas strateġiku ta’ referenza għall-iżvilupp ta’ l-infrastruttura ferrovjarja Sabiex is-suq tas-servizzi ferrovjarji jkun kompetittiv, huwa essenzjali li jkun hemm infrastruttura ferrovjarja disponibbli. L-iżvilupp ta’ l-infrastruttura jikkonċerna l-aktar lil żewġ partijiet ewlenin: l-Istati Membri, li s-soltu jkunu l-gvernijiet tal-pajjiż u li jkunu wkoll is-sidien ta’ l-infrastruttura, u l-amministraturi ta’ l-infrastruttura ferrovjarja. Iż-żewġ partijiet, b’konformità mar-rwoli rispettivi tagħhom u kif previst fil-leġiżlazzjoni rilevanti, għandhom jieħdu deċiżjonijiet dwar l-ambitu u n-natura ta’ l-iżvilupp ta’ l-infrastruttura u dwar ir-riżorsi finanzjarji relatati, bħala parti minn approċċ koerenti. L-ewwel prerekwiżit huwa l-eżistenza ta’ qafas strateġiku koerenti għall-politika tat-trasport. L-istat għandu jiddeċiedi dwar in-neċessitajiet infrastrutturali fit-tul taż-żmien għall-mezzi kollha tat-trasport li jagħmlu parti mill-politika tat-trasport tiegħu, b’kunsiderazzjoni għan-neċessitajiet ta’ l-utenti fil-futur. Dan għandu jwassal għall-parametri neċessarji biex tittieħed deċiżjoni dwar l-ogħla livell ta’ kwalità ta’ l-infrastruttura u d-daqs tan-netwerk ferrovjarju. Dan għandu mnejn jinvolvi t-tneħħija ta’ ċerti linji li x’aktarx li ma jkunx hemm domanda għalihom, inkella ż-żieda fil-kapaċità biex tkopri ż-żieda fid-domanda[3]. 1.3. Il-livell ta’ intervent pubbliku Fl-2006, l-infiq finanzjarju għall-manutenzjoni[4] u għall-ħolqien ta’ infrastrutturi ferrovjarji ġodda, kif irrappurtat mill-Istati Membri ta’ l-UE, kien ta' 13.9 biljun EURO, liema ċifra ma tinkludix il-finanzjament minn sħubijiet pubbliċi u privati (ara l-Annessi 1 u 2). Jekk ma’ din iċ-ċifra nżidu d-dħul ta’ ħlasijiet mill-utenti, l-ispejjeż għall-manutenzjoni ta’ l-infrastruttua ferrovjarja jitilgħu għal madwar 35 biljun EURO fis-sena. Id-dħul ta’ ħlasijiet mill-utenti jkopri biss madwar bejn 30% u 50%, b’eċċezzjonijiet ( outliers ) b’rata ta’ 10% u 100%. Il-kontribut ta’ l-UE jmur l-aktar għall-kofinanzjament ta’ l-infrastruttura tat-trasport, u jittieħed mill-baġit tat-TEN u minn parti mill-fondi reġjonali u ta’ koeżjoni. Dan imur għall-kostruzzjoni u r-riabilitazzjoni ta’ l-infrastruttura tan-Netwerk Ferrovjarju Trans-Ewropew (TERN), li huwa parti żgħira tan-netwerk. Il-leġiżlazzjoni Komunitarja tqis li, bħala regola, l-infrastruttura ferrovjarja titlob ħlas bil-prezz ekwivalenti għall-ispejjeż ta’ l-operat ta' servizz ferrovjarju addizzjonali, filwaqt li f'każijiet eċċezzjonali u b’ċerti kondizzjonijiet[5] biss tippermetti l-irkupru ta' l-ispejjeż kollha. F’bosta każijiet, l-Istati Membri jkollhom rwol dominanti biex jiggarantixxu l-istabbiltà finanzjarja ta’ l-amministraturi ta’ l-infrastruttura ferrovjarja tagħhom. L-amministraturi ta’ l-infrastruttura ferrovjarja għandhom ikopru l-biċċa l-kbira tan-nefqa għall-manutenzjoni permezz tal-fondi tagħhom jew ta’ trasferimenti statali. Minħabba f’hekk, tqum il-kwistjoni dwar ir-relazzjoni bejn l-istat u l-amministraturi ta’ l-infrastruttura f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dawn it-trasferimenti. 2. L-ISTAT TA’ IMPLIMENTAZZJONI 2.1. Il-qafas ġuridiku fl-Unjoni Ewropea Il-leġiżlazzjoni ta’ l-UE teħtieġ li jiġu stabbiliti inċentivi bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-forniment ta' l-infrastruttura u tal-ħlasijiet bħala konsegwenza ta’ l-użu ta’ l-infrastruttura. L-ispejjeż għandhom jitnaqqsu mingħajr detriment għas-sikurezza, għal manutenzjoni u għat-titjib tal-kwalità tas-servizzi ta’ l-infrastruttura. Filwaqt li Komunità stabbilixxiet rekwiżiti dettaljati fir-rigward tal-ġestjoni tas-sikurezza u r-rappurtar ta’ (dejta dwar) aċċidenti, fir-rigward tal-monitoraġġ tas-servizzi ta’ l-infrastruttura għad ma hemmx obbligi simili fuq livell Komunitarju. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jissodisfaw dan l-obbligu permezz ta’ miżuri regolatorji u/jew ftehimiet kuntrattwali, li huma magħrufin bħala “kuntratti multi-annwali”[6]. Dawn il-ftehimiet jiġu ffirmati għal perjodu ta' mill-inqas tliet snin, jiġifieri żmien itwal mis-soltu perjodu ta’ sena. Il-kondizzjonijiet tal-kuntratt u l-istruttura tal-pagamenti, għall-perjodu taż-żmien tal-kuntratt kollu, għandhom jiġu ffissati minn qabel. F’xi pajjiżi ta’ l-Ewropa, l-amministraturi ta’ l-infrastruttura kisbu esperjenza siewja fl-użu ta’ kuntratti multi-annwali. Il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li jkun utli li dan l-approċċ jiġi applikat b’mod aktar wiesa’ u abbażi ta’ l-aħjar prattiċi eżistenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ħajret lill-Istati Membri jkomplu jikkuntrattaw ir-relazzjoni tagħhom ma' l-amministraturi ta' l-infrastruttura biex jiffinanzjaw il-manutenzjoni u l-immodernizzazzjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja. Dawn il-kuntratti jikkostitwixxu wkoll l-istruttura adatta għat-twaqqif ta’ sistema bbażata fuq il-prestazzjoni[7]. 2.2. Rekwiżiti ġuridiċi oħra Minbarra r-regoli msemmija hawn fuq, li huma marbuta direttament mal-kuntratti multi-annwali, id-direttivi ferrovjarji ta’ l-UE jistabbilixxu dispożizzjonijiet oħra li jistgħu jgħinu mil-lat ta’ l-implimentazzjoni: - L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji biex jiżviluppaw l-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali tagħhom[8]. L-Istati Membri jistgħu jagħtu finanzjament lill-amministratur ta’ l-infrastruttura li jkun proporzjonat ma’ l-obbligi, id-daqs u r-rekwiżiti finanzjarji, b’mod partikolari biex ikopru investimenti ġodda[9]. L-amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom ifasslu pjan tax-xogħol biex jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja u biex jiggarantixxu li l-mezzi jkunu konformi ma’ l-għanijiet[10]. - L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-infiq u d-dħul ta’ l-amministraturi ta’ l-infrastruttura jibqgħu indaqs għal tul ta' żmien raġonevoli. Dan jgħodd għal kull tip ta' attività, anke jekk din ma tkunx relatata direttament mal-manutenzjoni ta' l-infrastruttura. Barra minn hekk, ġew stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi li jindirizzaw l-eliġibbiltà u t-trasparenza tat-trasferimenti finanzjarji ta’ l-istat, b’kunsiderazzjoni għar-rekwiżit ta’ indipendenza tal-ġestjoni min-naħa ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura u n-natural ekonomiku ta’ l-attivitajiet tiegħu: - Il-leġiżlazzjoni Komunitarja tipprojbixxi t-trasferiment ta’ fondi pubbliċi bejn l-amministraturi ta’ l-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji. - Jeżisti obbligu li jinżamm u jiġi ppubblikat rendikont separat tal-qligħ u t-telf għall-ġestjoni ta’ l-infrastruttura. - L-amministraturi ta’ l-infrastruttura ferrovjarja ta’ l-UE għandhom iżommu sistema ta’ titjib tal-prestazzjoni bħala parti mis-sistema tagħhom ta’ prezzijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura. - Fl-aħħarnett, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għandhom jiġu rispettati[11]. 2.3. L-użu attwali tal-kuntratti multi-annwali Is-sitwazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-użu tal-kuntratti multi-annwali tvarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri (ara l-Anness 4). Madwar nofs l-Istati Membri la jużawhom u lanqas għandhom ħsieb jużawhom. Xi Stati Membri ma jallokaw ebda finanzjament għall-manutenzjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja, xi oħrajn qegħdin fil-proċess li jinnegozjaw kuntratti għall-ewwel darba, u oħrajn qegħdin iħejju biex jestenduhom għal perjodu multi-annwali ġdid. Fl-istess ħin, għadd akbar ta’ Stati Membri għandhom il-ħsieb li jintroduċuhom, issa li applikaw ir-rekwiżiti ta’ l-ewwel pakkett ferrovjarju. L-amministraturi ta’ l-infrastruttura fl-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, ir-Rumanija u r-Renju Unit iffirmaw kuntratti multi-annwali ma’ l-istati tagħhom. Xi stati, bħar-Renju Unit, qegħdin iġeddu l-kuntratti, filwaqt li oħrajn, bħall-Ġermanja, qed iħejju kuntratti għall-ewwel darba. Fl-Awstrija, il-Bulgarija, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Olanda, is-Slovakkja u r-Renju Unit, il-pagamenti għall-forniment ta’ l-infrastruttura diġà huma suġġetti għal kriterji ta’ kwalità[12]. 3. FOROM DIFFERENTI ħAFNA TA’ FINANZJAMENT TAL-MANUTENZJONI Il-kompetittività tas-settur ferrovjarju tiddependi ħafna fuq id-disponibbiltà u l-kwalità ta' l-infrastruttura. Madankollu, il-manutenzjoni ta’ l-infrastruttura mhux dejjem tgawdi mill-attenzjoni u finanzjament mixtieqa mill-operaturi ferrovjarji biex tkun kompetittiva ma' mezzi oħra tat-trasport. Kważi terz ta’ l-amministraturi ta’ l-infrastruttura jgħidu li l-finanzjament disponibbli mhux biżżejjed għall-manutenzjoni tan-netwerks tagħhom[13]. Id-differenzi li jeżistu fost l-infiq fuq il-manutenzjoni għal kull kilometru tal-linji tad-diversi Stati Membri[14] huma enormi, tant li xi drabi jammontaw għal tletin darba ta’ xulxin. Bejn l-2003 u l-2006, minkejja l-importanza tan-netwerks tagħhom, l-amministraturi ta’ ċerti Stati Membri ma rċivew ebda trasferiment mill-istat għall-manutenzjoni ta' l-infrastruttura. L-Istati Membri li daħlu fl-UE fl-2004, f’dik is-sena, nefqu 280 miljun EURO għall-iżvilupp ta’ l-infrastruttura, kif imqabbel ma’ aktar minn 13 biljun EURO fl-UE 15 (ara l-Anness 1). Din id-diskrepanza tindika li xi netwerks ikunu qegħdin jaqgħu lura f’xogħol li l-amministratur ta’ l-infrastruttura ma jkunx jista’ jiffinanzja. B’turija ta’ dan, it-tabella ta’ hawn taħt turi l-iżvilupp tal-kapitali u d-djun ta’ l-akbar kumpaniji ferrovjari Ewropej (amministraturi ta’ l-infrastruttura u impriżi ferrovjarji) mill-1995 sa l-2004. Filwaqt li l-kapital ta’ dawn il-kumpaniji naqas b’mod kontinwu, id-dejn tagħhom immultiplika ruħu. Għalkemm, apparti l-manutenzjoni ta’ l-infrastruttura jeżistu fatturi oħra li jikkontribwixxu għal dan, bħan-nuqqas ta’ kumpensazzjoni għall-obbligi ta’ servizz pubbliku, ir-riżultat mil-lat ta’ stabbiltà finanzjarja huwa l-istess. L-infiq fuq il-manutenzjoni għal kull kilometru tal-linji fl-2006 jvarja minn 220 EURO (fis-Slovakkja) u 16 000 EURO (fil-Polonja) sa 160 000 EURO (fil-Ġermanja) u 360 000 EURO fir-Renju Unit[15]. Apparti d-differenzi fil-livell ta' l-ispejjeż, din id-diskrepanza kbira tista' timplika li f'xi każijiet, il-manutenzjoni ma tkunx sostenibbli, filwaqt li f’xi każijiet oħrajn, jista’ jkun li l-amministraturi ta’ l-infrastruttura madwar l-Ewropa ma jkunux approfittaw kollha bl-istess mod mill-potenzjal ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż. Mil-lat tas-sikurezza, minkejja li beda b’livell għoli, is-settur ferrovjarju rnexxielu jtejjeb il-prestazzjoni tiegħu. Madankollu, għall-kwalità ta’ l-infrastruttura, dan mhux dejjem jista’ jingħad. Meta l-ammont tad-dħul ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-manutenzjoni tan-netwerks kbar, li spiss ikunu kbar iż-żejjed, il-kwalità tas-servizz ta’ l-infrastrutturi tonqos. Jekk ma jiġux definiti u ppubblikati indikaturi (komuni) tal-prestazzjoni, ikun diffiċli li jintwera dan it-tnaqqis fil-kwalità ta’ l-infrastruttura. Id-daqs vera tal-problema joħroġ biss fid-deher wara żmien twil, meta l-limiti tal-veloċità jkollhom jitnaqqsu minħabba s-sikurezza. Il-każ ta’ studju ppreżentat fl-Anness 6 juri kif, minħabba l-infrastruttura dgħajfa, il-kwalità tas-servizz ta' trasport tista’ tonqos u l-klijenti jagħżlu li jużaw it-trasport tat-toroq minflok dak ferrovjarju. Dan joħloq ċirku vizzjuż, minħabba illi l-amministraturi ta' l-infrastruttura jonqsilhom dħul li kieku jistgħu jużawħ għall-manutenzjoni ta' l-infrastruttura. L-istess problemi jistgħu jinħolqu meta l-obbligi ta’ servizz pubbliku għat-trasport ferrovjarju ta’ passiġġeri ma jkunux ikkompensati kif xieraq. [pic] Grafika: Kapital u dejn ta’ linji ferrovjarji f’pajjiżi ta’ l-Ewropa ċentrali u l-Ewropa tal-lvant 4. IR-RWOL TAL-KUNTRATTI MULTI-ANNWALI Il-kuntratti multi-annwali huma ftehimiet ta' finanzjament fit-tul għall-manutenzjoni ta' l-infrastruttura. Fl-Anness 3 tingħata deskrizzjoni ġenerali ta’ l-elementi prinċipali ta’ kuntratt multi-annwali u tal-vantaġġi li dan it-tip ta’ ftehim jista’ joffri, dejjem jekk ikun ġie mħejji u nnegozjat kif xieraq. 4.1. Qafas ta’ finanzjament fit-tul għall-manutenzjoni Għal bosta snin, l-aktar approċċ komuni għall-manutenzjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja kien dak tal-preservazzjoni tan-netwerk eżistenti abbażi ta’ kriterji tekniċi u ta’ rinnovament kull tant żmien fiss. Madankollu, huwa neċessarju li l-infrastruttura ferrovjarja tirreaġixxi għax-xejriet tad-domanda għat-trasport fil-futur biex b’hekk jiżdiedu t-traffiku u d-dħul mit-tariffi li jħallsu l-utenti tiegħu. Il-kuntratti multi-annwali għandhom iġiegħlu liż-żewġ partijiet jadottaw strateġija għat-tul taż-żmien u jiżviluppaw pjanijiet għall-manutenzjoni abbażi tal-pjan tax-xogħol ta' l-amministratur ta’ l-infrastruttura, jiġifieri abbażi tad-domanda għas-servizzi tat-trasport fil-futur. Il-laqgħa ta’ ħidma bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati waslet għall-konklużjoni li l-kuntratti multi-annwali jistgħu jwasslu għal kompromessi aqwa bejn l-interessi tal-kontributuri u dawk ta' l-utenti, bejn il-manutenzjoni u l-kwalità tan-netwerks, u bejn it-tiswijiet għal qasir żmien u t-tiġdid ta’ l-infrastruttura. 4.2. Kumplimentar tas-sistema ta’ tariffi F’kuntest fejn il-biċċa l-kbira ta’ l-amministraturi ta’ l-infrastruttura ma jirnexxilhomx jirkupraw l-ispejjeż kollha tal-manutenzjoni permezz tat-tariffi li jitħallsu mill-utenti, it-trasferimenti li jsiru permezz tal-kuntratti multi-annwali jiżdiedu mat-tariffi ta’ l-utenti sabiex tintlaħaq l-istabbiltà finanzjarja mixtieqa. Għaldaqstant, il-kuntratt multi-annwali għandu jkun koerenti mal-qafas tat-tariffi, li għandu jkun konformi mar-regoli eżistenti tat-tariffar[16], mingħajr ma jippreġudika d-dritt ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jiffissa t-tariffi[17]. 4.3. Kontroll effikaċi ta’ l-ispejjeż L-ippjanar fuq tul ta' żmien għall-manutenzjoni u t-tiġdid ta’ l-infrastruttura ferrovjarja jista’ jnaqqas mill-ispejjeż, minħabba li t-tagħmir u l-istaff tal-manutenzjoni jkunu aktar adatti għat-tip u l-volum tax-xogħol mistenni, filwaqt li jkun hemm inqas ħtieġa ta’ tibdil tal-pjanijiet fl-aħħar ħin. Dan jgħodd kemm għal xogħol li jsir fuq ġewwa kif ukoll għal xogħol ta’ manutenzjoni fuq barra. L-allokazzjoni tal-baġit annwali teħtieġ li l-fondi jintużaw sa tmiem is-sena, anke jekk mil-lat ekonomiku jkun jagħmel aktar sens li x-xogħol jiġi pospost, u viċi-versa. Il-bidla mill-allokazzjonijiet annwali għal dawk multi-annwali tippermetti li amministratur ta’ l-infrastruttura jkun jista’ juża l-fondi b’mod aktar flessibbli u li jkun aktar adatt għall-ħtiġijiet tax-xogħol milli kieku skond ir-regoli riġidi ta’ l-infiq pubbliku. It-tabella ta’ hawn turi t-tnaqqis possibbli fl-ispejjeż tal-manutenzjoni kif kwantifikat mill-amministraturi ta’ l-infrastruttura u l-ministeri tat-trasport waqt konsultazzjoni li saret fl-2007. Skond ir-risposti tagħhom, it-tnaqqis possibbli fl-ispejjeż għal dawk il-pajjiżi li għadhom ma jużawx kuntratti multi-annwali huwa stmat li jammonta għal 580 miljun EURO, li 370 miljun EURO minnhom jiġu minn programmazzjoni aktar effikaċi tax-xogħlijiet ta’ manutenzjoni (ara l-valutazzjoni ta’ l-impatt). Il-kuntratti multi-annwali jnaqqsu l-ispejjeż minħabba | It-tnaqqis mill-ispejjeż mistenni | Għadd ta’ risposti | użu aktar effiċjenti tar-riżorsi | 2 – 5% | 6 | effiċjenza ikbar fl-għoti ta’ sottokuntratti għall-manutenzjoni | 5-10 % | 3 | politiki għal tnaqqis tal-persunal aktar drastiku | 0,1- 3 % | 3 | Tabella: Tnaqqis fl-ispejjeż tal-manutenzjoni. Sors: Amministraturi ta’ l-infrastruttura ferrovjarja ta’ l-UE, PriceWaterhouseCoopers 2007 Minħabba li jekk il-fondi ma jintużawx, jintilfu, hemm it-tendenza li l-attivitajiet ta’ manutenzjoni lejn l-aħħar tas-sena jiżdiedu. It-tqassim tal-finanzjament pubbliku jsegwi l-loġika li jekk fis-snin ta' qabel ma jkunx tintużax kollha, l-allokazzjoni tal-baġit għall-futur titnaqqas. Barra minn hekk, ix-xogħol kbir ta’ manutenzjoni li jitħalla għal dan iż-żmien jikkawża aktar dewmien u jtellef is-servizz. Għaldaqstant, is-sostituzzjoni ta’ l-ippjanar annwali bi skemi multi-annwali tnaqqas it-telfien tas-servizz b’mod ġenerali peress li x-xogħol ta’ manutenzjoni jkun jista’ jiġi ppjanat b'mod li t-traffiku jiġi mfixkel l-inqas possibbli. Hekk kif jiġu introdotti sistemi effikaċi ta’ titjib tal-prestazzjoni kullimkien, din l-istrateġija ssir aktar vijabbli, minħabba li l-amministratur ta' l-infrastruttura jkollu jikkumpensa lill-utenti għat-telfien tas-servizz li jkun responsabbli għalih hu. F’każ li l-kuntratt multi-annwali jinkludi ċerti partijiet biss mill-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja, eż. l-ispejjeż għat-tiġdid jew manutenzjoni ta’ l-infrastruttura, dan ikun jista’ joħloq inċentivi li jwasslu għal spejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja ogħla jew jista’ jwassal lill-amministraturi ta' l-infrastruttura biex jagħmlu inqas xogħol ta’ manutenzjoni, peress li jkunu jafu li jistgħu jirkupraw l-ispejjeż għat-tiġdid aktar 'il quddiem mingħand l-istat. Dan id-differiment jista' jwassal għal tnaqqis fil-kwalità ta' l-infrastruttura. 4.4. Analiżi komparattiva u superviżjoni regolatorja L-amministraturi ta' l-infrastruttura ma għandhomx jitolbu li l-informazzjoni tiġi trattata b’mod kunfidenzjali, partikolarment fil-każ ta' ċerta informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-manutenzjoni. Normalment, ma jkunx hemm kompetizzjoni bejn is-servizzi ta’ l-infrastruttura, minħabba li l-infrastruttura hija monopolju naturali. Ir-rekwiżit tal-pubblikazzjoni tad-dejta finanzjarja huwa konformi mad-dritt tal-pubbliku li jkun infurmat dwar kif jintużaw il-fondi pubbliċi. Meta l-miri tal-prestazzjoni jkunu jistgħu jiġu ffissati b’mod aktar effikaċi, tkun aktar faċli li wieħed jivvaluta l-pożizzjoni relattiva ta’ l-amministraturi ta’ l-infrastruttura. B’konsegwenza ta’ dan, l-effikaċja mil-lat ta’ l-ispejjeż tista’ tiġi evalwata mhux biss b’referenza għad-dejta dwar l-ispejjeż ta’ xi amministratur ta’ l-infrastruttura nazzjonali, iżda anke fir-rigward tal-prestazzjoni relattiva tiegħu/tagħha ma’ amministraturi oħra ta’ l-infrastruttura. Fl-istess waqt, l-entitajiet regolatorji jinfurzaw l-obbligu li l-amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom biex jagħmlu l-informazzjoni dwar infrastruttura li tkun sejra lura disponibbli ferm qabel ma l-limiti ta’ veloċità aktar baxxi jħallu effett negattiv fuq il-prestazzjoni ferrovjarja. 4.5. Titjib fil-prestazzjoni u fil-kontroll tal-kwalità Il-kuntratti multi-annwali jiffaċiltaw il-bidla minn speċifikazzjonijiet ta’ input – jiġifieri il-kumpensazzjoni ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura għal infiq partikolari – għal speċifikazzjonijiet ta’ output – jiġifieri l-ħruġ ta’ pagamenti skond il-prestazzjoni. L-indikaturi tal-kwalità għandhom ikunu konformi mal-prinċipji SMART[18]. Bħalissa qegħdin jintużaw żewġ gruppi ta’ kriterji tal-kwalità: indikaturi abbażi tal-kwalità tas-servizz ferrovjarju, eż. il-veloċità u s-sikurezza, jew abbażi tal-forniment ta' l-infrastruttura. L-ewwel grupp jikkwantifika d-dewmien dovut għal-limiti ta’ veloċità aktar baxxi, jew id-dejta dwar l-aċċidenti li b’liġi tinżamm għall-fini ta’ l-istatistika dwar aċċidenti ferrovjarji. L-indikaturi relatati mal-forniment ta’ l-infrastruttura jistgħu jinkludu l-ispejjeż tal-manutenzjoni għal kull kilometru tal-linji, jew il-persentaġġ tal-linji taħt restrizzjonijiet temporanji ta' veloċità. Fil-prattika, l-amministratur ta’ l-infrastruttura diġà jiġbor u juża l-biċċa l-kbira ta’ din id-dejta biex jikkalkula t-tariffi tal-linji tiegħu. L-irregolaritajiet dejjem aktar spissi (eż. linji miksurin jew mixquqin) huma indikazzjonijiet bikrija li l-kwalità ta’ l-infrastruttura tkun qiegħda tonqos. It-tnaqqis tal-bqija taċ-ċiklu tal-ħajja għall-infrastruttura jista’ jindika li l-manutenzjoni ma tkunx għadha vijabbli, jiġifieri li n-netwerk tkun intelqet. Id-disponibbiltà tal-linja hija indikatur importanti ieħor tal-prestazzjoni, fejn id-disponibbiltà ppjanata għandha titqies apparti minn dik mhux ippjanata. Fil-kejl tad-disponibbiltà għal bażi ta’ netwerk, l-istatistiċi għad-diversi partijiet tan-netwerk għandhom jingħataw importanza li tkun ekwivalenti għall-importanza tal-linja. Prerekwiżit bażiku huwa li l-amministratur ta’ l-infrastruttura jimmonitorja l-istat ta’ l-assi fissi permezz ta’ reġistru ta’ l-infrastruttura. Għan-netwerk ferrovjarju trans-Ewropew, dawn ir-reġistri diġà huma obbligatorji[19]. Dawn ir-reġistri huma mfassla biex l-amministratur ta’ l-infrastruttura jibqa’ mgħarraf bid-data li l-assi tas-servizzi jkunu bdew jintużaw fiha u biċ-ċiklu tal-ħajja mistenni tagħhom. Għaldaqstant, huma fattur importanti għall-evalwazzjoni tax-xogħol ta' manutenzjoni li jkun waqa' lura. Il-grafika ta' hawn taħt turi d-dewmien, f’termini ta’ minuti, dovut għall-amministratur ta’ l-infrastruttura NetworkRail tar-Renju Unit u l-operaturi ferrovjarji tiegħu. Minn meta ġew introdotti l-kuntratti multi-annwali, id-dewmien dovut għall-infrastruttura (ara l-kurva ta' taħt) baqa’ jonqos b’mod kontinwu. [pic] Grafika 1: Tqassim tad-dewmien skond il-parti responsabbli għalih L-istat, l-entità regolatorja u l-utenti ta’ l-infrastruttura, speċjalment l-impriżi ferrovjarji u l-kumpaniji tat-trasport bil-baħar, jistgħu jqabblu l-prestazzjoni tad-diversi amministraturi ta’ l-infrastruttura (analiżi komparittiva) u mbagħad jiffissaw għanijiet komuni. Dan jagħtihom tagħrif aħjar dwar il-kwalità ta’ l-infrastruttura li jistgħu jippretendu meta jaslu biex ifasslu l-pjanijiet tax-xogħol tagħhom. L-utenti jkunu jistgħu jaċċessaw u jimmonitorjaw il-manutenzjoni fir-rigward tad-domanda mistennija[20]. 4.6. L-effikaċja tal-ftehimiet kuntrattwali Kwalunkwe ftehim kuntrattwali, biex ikun kredibbli, għandu jinkludi sanzjonijiet li jippenalizzaw il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. L-ewwelnett, il-kuntratt għandu jistipula proċeduri ċari u trasparenti dwar kif jiġi determinat li jkun seħħ ksur ta’ l-obbligi kuntrattwali, bħal ma huma n-nuqqas ta’ finanzjament jew in-nuqqas ta’ konformità mill-istat mar-regoli ta’ finanzjament li jkunu ġew miftiehma, liema ksur jista' jnaqqas mill-kapaċità ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jagħmel ix-xogħol mistenni minnu. Għall-kuntrarju, jista’ jagħti l-każ li jkun l-amministratur ta’ l-infrastruttura li ma jikkonformax ma’ xi wieħed jew aktar mill-kriterji ta’ prestazzjoni miftiehma. Dan il-proċess ta’ monitoraġġ għandu jitmexxa minn entità indipendenti u mhux mill-istat jew mill-amministratur ta’ l-infrastruttura. Fil-prattika, irriżulta li l-entitajiet regolatorji indipendenti, b’saħħithom u kompetenti huma dawk l-aktar adatti, dejjem jekk ma jkunux jiffurmaw parti mill-awtorità kontraenti u jekk ikollhom l-istaff kwalifikat, il-baġit u d-drittijiet ta’ aċċess għad-dejta rekwiżiti. Is-sanzjonijiet jistgħu jkunu penali (multi), tnaqqis tal-livelli ta’ produzzjoni li jkun proporzjonali għat-tnaqqis fid-dħul finanzjarju, sostituzzjoni ta’ l-amministraturi jew rijallokazzjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja lil amministratur ieħor. Madankollu, qabel ma jaslu għall-impożizzjoni tal-penali, iż-żewġ partijiet (u l-entità regolatorja) għandhom jippruvaw jaslu għal ftehim amikevoli. Is-sanzjonijiet għandhom ikunu progressivi u proporzjonati għall-ksur ta’ l-obbligu. Fil-bidu, il-partijiet jistgħu jilħqu kunsens; anke bil-medjazzjoni ta’ entità regolatorja, jekk din tkun meħtieġa. Meta l-amministratur ta' l-infrastruttura ma jonorax l-obbligi kuntrattwali tiegħu, l-istat, bħala wieħed mill-azzjonisti, jista’ jimponi s-sanzjonijiet hu stess, eż. jissostitwixxi lill-amministratur. Is-sanzjonijiet jistgħu jkunu wkoll f’forma ta’ penali jew ta’ modifika tal-frankiġja, fejn ċerti partijiet ta’ l-infrastruttura jiġu trasferiti lil amministratur ta’ l-infrastruttura ieħor. Is-soltu, meta l-istat ma jikkonformax ma’ l-impenn tiegħu ta’ finanzjament, dan iwassal għal rekwiżiti tal-kwalità inqas stretti jew għal tnaqqis fid-daqs tan-netwerk. Anke hawn, l-entità regolatorja għandha tkun involuta fil-medjazzjoni u/jew negozjar mill-ġdid tal-kuntratt. L-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu jkun kapaċi jevalwa l-effett ta’ livelli diversi ta’ finanzjament fuq il-kwalità ta’ l-infrastruttura. Il-possibbiltà li jintuża mudell fir-relazzjoni input-outut tista tgħin biex it-trasparenza ta’ dan il-proċess tiżdied. 5. IL-PROMOZZJONI TA’ L-AħJAR PRATTIċI FL-UżU TAL-KUNTRATTI MULTI-ANNWALI Fid-dawl ta’ dak li ngħad hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat it-teħid ta’ azzjonijiet oħra fuq tliet livelli: dak ta’ l-Istati Membri, dak ta’ l-amministraturi ta’ l-infrastruttura u dak ta’ l-entitajiet regolatorji. L-aħjar prattiċi jesiġu li l-Istati Membri għandhom jikkonkludu l-kuntratti multi-annwali ma’ l-amministraturi ta’ l-infrastuttura, inkluż dawk l-elementi stabbiliti, u bl-għan li jinkisbu l-vantaġġi indikati fl-Anness 3. Madankollu, f’każ li ma jkunx hemm kuntratti ta’ dan it-tip, l-Istati Membri għandhom mill-inqas jipprevedu li l- amministratur ta’ l-infrastruttura jimpenja riżorsi, inkluż il-forniment intern jew l-appalt, għal perjodi ta’ aktar minn tliet snin. L-Istati Membri u l-amministraturi ta’ l-infrastruttura tagħhom għandhom jiżguraw li l-kuntratti multi-annwali jkunu koerenti mal-pjanijiet strateġiċi nazzjonali tat-trasport u mal-pjan tax-xogħol ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura. L-istess ħaġa tgħodd għall-frankiġji ta’ l-infrastruttura u għal kwalunkwe kuntratt ta’ qafas bejn l-impriżi ferrovjarji u l-amministraturi ta’ l-infrastruttura. L-istat għandu jikkonsulta mal-partijiet interessati dwar kwalunkwe proposta għal kuntratti multi-annwali minn qabel ma jawtorizza kuntratt ġdid jew jerġa’ jinnegozja d-dispożizzjonijiet eżistenti. Imbagħad, jinnegozja d-daqs u l-kwalità tan-netwerk. L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom u jnaqqsu l-ispejjeż u l-imposti għall-forniment u l-użu ta’ l-infrastruttura. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiffissaw, jimmonitorjaw u jinfurzaw miri kwantifikati ta’ tnaqqis ta’ l-ispejjeż għal perjodu ta’ mill-inqas tliet snin. L-amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom jivvalutaw il-kundizzjoni tal-linji kollha tagħhom mill-inqas darba fis-sena, u aktar spiss fil-każ tal-linji ewlenin tagħhom. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, l-amministraturi ta' l-infrastruttura għandhom jiddefinixxu u jippubblikaw indikaturi li jippermettu l-evalwazzjoni u t-tbassir tal-kwalità u l-prestazzjoni ta’ l-infrastruttura; dan għandu jsir fuq bażi annwali għat-tul tal-kuntratt multi-annwali. L-intervent diskret mill-istat fl-amministrazzjoni ta’ l-infrastruttura għandu jseħħ biss fil-każijiet previsti fil-kuntratt, b’mod li l-amministratur ta’ l-infrastruttura jkun jista’ jimmira li jikseb l-għanijiet miftiehma, b’ indipendenza kbira fl-amministrazzjoni tiegħu. Jekk le, ikun meħtieġ li l-ftehim jew il-kuntratt jiġi negozjat mill-ġdid. L-amministraturi ta’ l-infrastruttura, permezz tad- dikjarazzjoni tan-netwerk , għandhom jirrappurtaw il-każijiet meta l-linji ma jkunux miżmuma kif xieraq u meta jqisu li l-kwalità ta’ l-infrastruttura tkun sejra lura; jekk le, l-infrastruttura titneħħa mis-servizz. Din l-informazzjoni għandha tingħata f’waqtha biex isservi bħala sistema ta’ twissija bikrija għall-utenti. Ikun tajjeb li tinħoloq entità indipendenti li tingħata x-xogħol li timmonitorja l-konformità tal-kuntratt multi-annwali u li taġixxi bħala medjatur f’każ li tinqala’ xi tilwima bejn il-partijiet tal-kuntratt multi-annwali. Dan jippresupponi li l-entità jkollha l-istaff u l-għarfien espert neċessarju biex tagħmel dan it-tip ta’ xogħol. Fl-aħħarnett, il-kuntratti multi-annwali jistgħu jkunu l-ewwel pass għall-użu aktar razzjonali tas-sejħiet għall-offerti għas-servizzi ta’ l-infrastruttura. Minħabba d-diffikultà li tinħareġ sejħa għall-offerti għal netwerk nazzjonali sħiħ f’darba waħda biss, is-sejħiet għall-offerti jistgħu jinvolvu għadd dejjem ikbar ta’ amministraturi ta’ l-infrastruttura, dikjarazzjonijiet tan-netwerk, sistemi ta’ tariffi u kondizzjonijiet ta’ aċċess. Bil-ħsieb li jitnaqqas kwalunkwe effett negattiv possibbli, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri ta’ salvagwardjali jiggarantixxu regoli sempliċi għall-aċċess u mhux diskriminatorji, li jiżguraw il-ħarsien tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’din il-fażi, il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-opportunità li tinkludi għadd ta’ rakkomandazzjonijiet preċedenti fil-proposta tagħha għar-riformulazzjoni ta’ l-ewwel pakkett ferrovjarju, li hija prevista għall-2008. [1] Id-Direttivi 2001/12/KE, 2001/13/KE u 2001/14/KE flimkien jissejħu l-“pakkett ta’ l-infrastruttura”. [2] Il-konsultazzjonijiet saru permezz ta’ laqgħa ta’ ħidma bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati li saret f’Mejju 2006, żewġ konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati permezz ta’ studji pubbliċi mnedija mill-Kummissjoni fl-2006u l-2007, u konsultazzjoni pubblika li ntemmet f’Settembru 2007. [3] Pereżempju, il-gvern Olandiż adotta l-pjan annwali ta’ ġestjoni ta’ l-infrastruttura ferrovjarja tiegħu abbażi ta’ pjan nazzjonali ta’ mobbiltà li jtul għaxar snin u li jkopri l-mezzi tat-trasport kollha. [4] Dan it-terminu jinkludi t-tiġdid u t-titjib ta' l-infrastruttura ferrovjarja. [5] l-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2001/14/KE. [6] L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/14, b’mod partikulari l-paragrafi 2, 3 u 4. [7] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2006) 189 finali tat-3 ta’ Mejju 2006 dwar l-implimentazzjoni ta’ l-ewwel pakket ferrovjarju, konklużjonijiet, paġna 10. [8] Ara il-paragrafu 9 ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva 91/440. [9] Ara l-Artikolu 7.3 tad-Direttiva 91/440. [10] Ara l-Artikolu 7.4 tad-Direttiva 91/440. [11] Il-Kummissjoni qiegħda tikkonsidra jekk humiex meħtieġa linji ta’ gwida speċifiċi dwar l-għajnuna mill-Istat għas-settur ferrovjarju, li fost affarijiet oħra jkopru t-trasferimenti għall-infrastruttura ferrovjarja. [12] Sors: Community of European Railways and Infrastructure Managers, CER, 2006. L-Isvizzera qiegħda ġġedded il-kuntratt multi-annwali tagħha, li fih, il-pagamenti jiddependu mill-kwalità ta’ l-infrastruttura. [13] L-istudju 'Guidelines for sustainable partnerships in railway maintenance' li sar minn Ecorys fl-2006 wera li 31% ma għandhomx finanzjament adegwat. Dawk li ma għandhomx finanzjament adegwat, għandhom medja ta’ defiċit annwali li tvarja bejn 10% u 89% ta’ l-ispejjeż totali. [14] Ara t-tabella fl-Anness 2. [15] Ara l-Anness 2 tad-dokument ta’ ħidma ta’ l-istaff tal-Kummissjoni [16] Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/14/KE, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-piżijiet [tariffi] waqt li jirrispettaw l-indipendenza ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-amministraturi ta’ l-infrastruttura. [17] Bħala eżempju, ara l-istudju tal-każ ta’ l-Ingilterra u l-Iskozja fl-Anness 6 tad-dokument ta’ ħidma ta’ l-istaff tal-Kummissjoni. [18] SMART hija taqsira li tirreferi għall-prinċipji karatteristiċi Specific (speċifiċi fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-indikaturi u l-għanijiet), Measureable (jistgħu jitkejlu fir-rigward li jistgħu jiġu kwantifikati), Achievable (fattibbli f’sitwazzjoni determinata tas-suq u ta’ riżorsi disponibbli), Relevant (rilevanti fir-rigward tal-pjan tax-xogħol ta' l-amministratur ta' l-infrastruttura) u Time-framed (ipproggramati f’termini ta’ qbil dwar data meta kriterju jkun jista' jiġi mkejjel u mqabbel). [19] L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2001/16/KE dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali trans-Ewropea jeħtieġ li r-reġistri ta’ l-infrastruttura għas-sistema ferrovjarja konvenzjonali jiġu ppubblikati u aġġornati kull sena. Skond ir-regoli, il-karatteristiċi dettaljati tar-reġistri għandhom jiġu stabbiliti fi Speċifikazzjoni Teknika dwar l-Interoperabbiltà. Fid-Direttiva 96/48KE dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta’ veloċità għolja kienet saret dispożizzjoni simili. [20] Ara l-Anness 5 tad-dokument ta’ ħidma ta’ l-impjegati tal-Kummissjoni għat-tagħrif ta’ sfond.