23.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 45/168


Abbozz tal-baġit ġenerali 2009 kif modifikat mill-Kunsill (it-taqsimiet kollha)

P6_TA(2008)0622

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 kif modifikat mill-Kunsill (it-taqsimiet kollha) (16257/2008 — C6-0457/2008 — 2008/2026(BUD)) u Ittri ta' Emenda 1/2009 (SEC(2008)2435 — 13702/2008 — C6-0344/2008), 2/2009 (SEC(2008)2707 — 16259/2008 — C6-0458/2008) u 3/2009 (SEC(2008)2840 — 16260/2008 — C6-0459/2008) għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009

(2010/C 45 E/52)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE u l-Artikolu 177 tat-Trattat Euratom,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tas-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2),

wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (3),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, li l-Kunsill stabbilixxa fis-17 ta' Lulju 2008 (C6-0309/2008),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima III — Kummissjoni (C6-0309/2008) u l-Ittra ta' emenda Nru 1/2009 ((SEC(2008)2435 — 13702/2008 — C6-0344/2008) għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima I — Il-Parlament Ewropew, Taqsima II — Il-Kunsill, Taqsima IV — Il-Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V — Il-Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII — Il-Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VIII — L-Ombudsman Ewropew, Taqsima IX — Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (C6-0309/2008) (5),

wara li kkunsidra l-Ittri ta' emenda Nru 2/2009 (SEC(2008)2707 — 16259/2008 — C6-0458/2008) u 3/2009 (SEC(2008)2840 — 16260/2008 — C6-0459/2008) għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009,

wara li kkunsidra l-emendi tiegħu u l-modifiki proposti tat-23 ta' Ottubru 2008 għall-abbozz tal-baġit ġenerali,

wara li kkunsidra l-modifiki tal-Kunsill għall-emendi u l-modifiki proposti adottati mill-Parlament għall-abbozz tal-baġit ġenerali (16257/2008 — C6-0457/2008),

wara li kkunsidra r-riżultati tal-laqgħa ta' konċiljazzjoni tal-baġit tal-21 ta' Novembru 2008, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet annessi ma' din ir-riżoluzzjoni,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kunsill dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu dwar l-emendi u l-modifiki proposti adottati mill-Parlament fl-abbozz tal-baġit ġenerali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 69 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0486/2008),

Kwistjonijiet ewlenin — ir-riżultat tal-konċiljazzjoni, figuri globali u ittri ta' emenda

1.   Ifakkar fil-prijoritajiet politiċi tiegħu għall-Baġit 2009 kif kien stipulat fil-bidu fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-24 ta' April 2008 dwar l-Istrateġija Politika Annwali tal-Kummissjoni għall-2009 (6) u dwar il-qafas u l-prijoritajiet baġitarji għall-2009 (7) u mbagħad żviluppati b'mod ulterjuri fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2008 dwar il-baġit 2009: L-ewwel riflessjonijiet dwar l-Abbozz Preliminari tal-Baġit 2009 u l-mandat għall-konċiljazzjoni, Taqsima III — Kummissjoni (8); jisħaq li dawn il-prijoritajiet politiċi, kif finalment ġew espressi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima III — Kummissjoni, kienu l-prinċipji ta' gwida għall-approċċ tiegħu għall-konċiljazzjoni baġitarja mal-Kunsill għall-Baġit 2009;

2.   Jilqa' l-ftehima globali dwar il-Baġit 2009, milħuqa fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni baġitarja tradizzjonali mal-Kunsill fil-21 ta' Novembru 2008, speċjalment fir-rigward tal-iffinanzjar tal-Faċilità tal-Ikel; jinsab madankollu estremament imħasseb dwar l-effetti possibbli ta' reċessjoni fuq iċ-ċittadini Ewropej u jisgħobbih, għalhekk, li waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni, il-Kummissjoni sabitha bi tqila li tagħti kwalunkwe informazzjoni dwar l-impatt baġitarju possibbli tal-proposta tagħha li għad trid issir dwar il-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika;

3.   Jieħu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 lill-Kunsill Ewropew bl-isem “Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku” (COM(2008)0800) u:

jiġbed l-attenzjoni li jekk dan il-pjan jiġi approvat se jkollu impatt sinifikanti fuq il-Baġit 2009 u jitlob lill-Kummissjoni biex tiċċara iktar dan l-impatt billi tagħti lill-Parlament Ewropew, bħala wieħed mill-komponenti tal-awtorità baġitarja, iktar dettalji dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta tagħha u figuri konkreti dwar l-implimentazzjoni tagħha, b'mod partikulari fir-rigward tal-ipprogrammar finanzjarju;

jimpenja ruħu biex janalizza l-implikazzjonijiet baġitarji relatati u jtenni l-impenn tal-Parlament u tal-Kunsill, kif dikjarat fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni, li jirreaġixxu bil-mezzi finanzjarji xierqa għall-kriżi ekonomika kurrenti;

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex iħejju rapporti b'mod regolari dwar l-attivitajiet tagħhom fil-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika;

4.   Jesprimi r-rieda qawwija tiegħu sabiex jidħol f'negozjati mal-Kunsill fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (MFF) 2007-2013 għal EUR 5 biljuni fil-qafas tal-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropej propost, jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2008 f'dan ir-rigward;

5.   Jinsisti li l-kriżi kurrenti m'għandhiex tintuża bħala skuża biex tittardja l-orjentazzjoni mill-ġdid tant meħtieġa tal-infiq lejn investimenti ekoloġiċi, imma għandha tintuża bħala inċentiv supplimentari biex isir aktar progress b'din l-orjentazzjoni mill-ġdid;

6.   Itenni f'dan il-kuntest l-importanza tar-reviżjoni baġitarja ppjanata għall-2009, li ma għandhiex tkun illimitata għall-viżjoni teoretika ta' kif il-baġit jista' jkun wara l-2013, iżda għandha tinkludi proposti ċari għall-bidla fl-ipprogrammar, fil-perjodu tar-reviżjoni intermedja, tal-programmi pluriennali biex jirreaġixxu għall-kriżi attwali, billi jiġu kkunsidrati l-isfidi maħluqa bil-bidla fil-klima;

7.   Itenni li l-inizjattivi għall-iżvilipp sostenibbli, għall-iżvilupp fl-impjiegi u l-appoġġ għall-SMEs u għar-riċerka u l-innovazzjoni huma tal-akbar importanza fis-sitwazzjoni ekonomika preżenti u jridu jkunu l-ogħla prijorità riflessa fil-baġit għall-2009 tal-Unjoni; ma' dan l-isfond, iqis li l-appoġġ għall-koeżjoni fost ir-reġjuni jrid jitqies bħala fattur ewlieni biex jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni kollha; iqis li hija essenzjali li d-determinazzjoni politika għall-progress fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u sabiex iċ-ċittadini jkollhom Ewropa aktar sikura, issir ukoll prijorità baġitarja, li barra minn dan għandha tkun viżibbli b'mod ċar fil-baġit tal-UE; jisħaq li, fl-2009 u fis-snin li ġejjin, l-Unjoni trid tkun f'pożizzjoni li tissodisfa l-irwol tagħha bħala attur globali speċjalment fl-isfidi reċenti bħal ma huma l-prezzijiet dejjem telgħin tal-ikel;

8.   Jappoġġja l-Ittra ta' emenda Nru 1 għall-abbozz tal-baġit preliminari (PDB) tal-2009, b'mod partikolari minħabba li tidher li tagħti stampa iktar realistika tal-bżonnijiet fl-intestatura 4 mill-PDB; jieħu nota tal-Ittra ta' emenda Nru 2/2009 fl-aspetti tradizzjonali tagħha li taġġorna l-figuri bażiċi tal-istima tal-ispiża agrikola fil-PDB; jieħu nota tal-Ittra ta' emenda Nru 3/2009 li għandha l-għan li tkopri — fil-baġit tal-Kunsill — l-ispiża (EUR 1,06 miljun) tal-grupp ta' riflessjoni mwaqqaf mill-Kunsill Ewropew fil-15-16 ta' Ottubru 2008;

9.   Fir-rigward tal-figuri globali, jiffissa l-livell finali tal-approprjazzjonijiet tal-impenn għal EUR 133 846 miljun ekwivalenti għal 1,03 %tal-GNI tal-UE; jiffissa l-livell globali tal-pagamenti għal EUR 116 096 miljun, ekwivalenti għal 0,89 % tal-GNI tal-UE; jinnota li dan iħalli marġinu sinifikanti ta' EUR 7 762 miljun taħt il-limitu tal-pagamenti tal-MFF għall-2009; jissottolinja l-impenn konġunt taż-żewġ komponenti prinċipali tal-awtorità tal-baġit għall-provvediment immedjat ta' approprjazzjonijiet addizzjonali tal-ħlas, b'mod partikolari fil-każ li l-politiki strutturali jiġu implimentati aktar malajr matul is-sena baġitarja;

10.   Jista' jaċċetta l-livell ta' pagamenti miftiehem mal-Kunsill bħala parti mill-pakkett globali fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni tal-21 ta' Novembru 2008, imma madankollu jtenni t-tħassib dejjem jikber tiegħu dwar il-pagamenti baxxi u d-disparità sussegwenti bejn il-livell ta' impenji u dak ta' pagamenti, li fl-2009 se tilħaq livell li qatt ma kien hemm bħalu; jinnota li hemm ċertu periklu li l-baġits fil-ġejjieni ma jibqgħux realistiċi jekk dan l-iżvilupp ma jitwaqqafx; ifakkar li l-impenji globali mhux imħallsa (reste à liquider — RAL) fl-2007 diġà laħqu l-ammont ta' EUR 139 000 miljun;

11.   Jinnota li l-abbozz preliminari tal-baġit ta' emenda (PDAB) 10/2008 (COM(2008)0693), adottat mill-Kummissjoni fil-31 ta' Ottubru 2008, inaqqas l-approprjazzjonijiet tal-pagamenti fil-linji baġitarji mill-intestaturi 1a, 1b, 2, 3b u 4, b'total ta' EUR 4 891,3 miljun; jinnota li fl-istess ħin, it-talba tal-Kummissjoni għat-trasferiment globali għall-2008 tammonta għal total ta' EUR 631 miljun għal pagamenti meta mqabbla ma' EUR 426 miljun fis-sena baġitarja 2007, u tikkonċerna 95 linja baġitarja fl-2008 meta mqabbla ma' 65 linja baġitarja fit-trasferiment globali għall-Baġit 2007; jinsab konvint li dawn il-manuvri b'konnessjoni mal-pagamenti fil-Baġit 2008 se jkollhom effett b'mod neċessarju fuq il-livell meħtieġ ta' pagamenti fil-Baġit 2009;

12.   Għalhekk jagħti importanza kruċjali lid-disponibilità ta' approprjazzjonijiet ta' pagamenti ogħla permezz ta' baġits li jemendaw, jekk dawk li jkunu daħlu fil-Baġit 2009 ma jkunux biżżejjed, u jenfasizza l-impenji li saru fir-rigward ta' dan mit-tliet istituzzjonijiet fid-dikjarazzjoni konġunta relevanti kif miftiehem fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni;

13.   Jenfasizza l-importanza essenzjali tal-implimentazzjoni effettiva tal-baġit u tat-tnaqqis ta' impenji mhux imħallsa fid-dawl ta' dan il-livell ta' pagamenti globali verament modest; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu ħilithom biex jimplimentaw, b'mod partikolari, il-linji fl-intestatura 1b tal-MFF għax din is-sottointestatura mhux biss tiffinanzja għadd ta' linji politiċi u attivitajiet importanti mmirati lejn il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, imma wkoll tappoġġja l-inizjattivi għall-iżvilupp tal-impjiegi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku; jisħaq li t-titjib u l-miżuri ta' simplifikazzjoni huma meħtieġa sabiex l-implimentazzjoni tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni tkun iżjed mgħaġġla u jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-qafas legali eżistenti, tipproċedi malajr bl-evalwazzjonijiet ta' konformità tagħha tas-sistemi tal-immaniġġjar u ta' kontroll tal-Istati Membri sabiex jiġi ffaċilitat il-bidu ta' proġetti ewlenin; jinnota bi tħassib kbir li l-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' evidenza, qieset xieraq li tnaqqas EUR 220 miljun mill-fondi għall-Bulgarija; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja lill-Bulgarija u lir-Rumanija fir-riformi tagħhom u biex kull tliet xhur tirrapporta lill-Parlament dwar il-problemi u l-irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni Ewropea;

14.   Jinsisti biex il-Kummissjoni tieħu l-miżuri xierqa kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak amministrattiv biex tagħmel segwitu konkret tad-dikjarazzjoni konġunta dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, kif adottata fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni fil-21 ta' Novembru 2008; jimpenja ruħu biex qabel l-aħħar ta' Marzu 2009 jevalwa jekk sarx biżżejjed progress;

15.   Jilqa' l-ftehima dwar l-iffinanzjar ta' EUR 1 biljun fuq tliet snin għall-Faċilità tal-Ikel, milħuqa fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni; jinnota li parti mill-EUR 420 miljun se tkun iffinanzjata minn flus ġodda permezz tal-istrument tal-flessibilità, filwaqt li EUR 340 miljun se jiġu mir-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza, parzjalment permezz ta' emenda għall-Punt 25 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (IIA); jirrikonoxxi li l-EUR 240 miljun li jibqa' se jiġu organizzati mill-ġdid taħt l-Intestatura 4 imma jistenna lill-Kummissjoni li tippreżenta programm finanzjarju rivedut biex tiġi żgurata progressjoni xierqa tal-ammonti ppjanati sal-2013 minkejja dan l-eżerċizzju ta' organizzazzjoni mill-ġdid u jfakkar fl-impenn tal-Kummissjoni biex tippreżenta lill-awtorità baġitarja evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Intestatura 4, akkumpanjata, jekk ikun neċessarju, bil-proposti relevanti, matul l-2009, billi tiġi kkunsidrata l-evoluzzjoni politika kif ukoll l-attwazzjoni baġitarja;;

16.   Itenni t-twemmin tiegħu li l-miżuri dwar il-bidla fil-klima għadhom mhumiex inklużi b'mod sodisfaċenti fil-baġit tal-UE u bi ħsiebu jappoġġja l-isforzi kollha biex jiżdiedu r-riżorsi finanzjarji u biex dawn jikkonċentraw fuq it-tisħiħ tat-tmexxija Ewropea fit-trattament tal-konsegwenzi tal-bidla fil-klima; itenni l-istedina tiegħu fl-ewwel qari lill-Kummissjoni biex tippreżenta, sal-15 ta' Marzu 2009, pjan ambizzjuż biex tittejjeb il-kapaċità baġitarja fit-trattament tal-kwistjonijiet marbuta mal-bidla fil-klima; jixtieq jirrifletti b'mod serju dwar jekk l-Iskema tal-Kummerċ tal-Emissjonijiet (ETS) fil-ġejjieni tistax titqies bħala riżors potenzjali fil-livell tal-UE;

17.   Jenfasizza li l-Baġit 2009 jsaħħaħ is-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE kemm permezz tat-tisħiħ tal-azzjonijiet u l-politika relatati li prinċipalment jikkonċernaw il-kompetittività, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (l-SMEs), it-trasport u s-sigurtà tal-enerġija kif ukoll permezz tas-sigurtà tal-fruntieri esterni;

18.   Ħa nota tal-Ittra ta' Implimentabilità tal-Kummissjoni rigward l-emendi għall-abbozz tal-baġit adottat mill-Parlament fl-ewwel qari; iqis li mhijiex aċċettabbli li l-Kummissjoni ppreżentat dan id-dokument fi stadju tant tard fil-proċedura, b'hekk wasslet biex dan id-dokument ikun ferm inqas utli milli seta' kien; jinsisti li bosta kwistjonijiet politiċi importanti jeħtieġu viżibilità xierqa fil-baġit tal-Unjoni; jiddeċiedi li joħloq linji baġitarji ġodda dwar il-bidla fil-klima, dwar l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (SBA), dwar l-istrument finanzjarju għall-adattament tal-flotta tas-sajd għall-konsegwenzi ekonomiċi tal-prezzijiet tal-fjuwil, dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Baħar Baltiku u dwar l-għajnuna għar-riabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni tal-Ġeorġja; iddeċieda li fit-tieni qari tal-baġit iqis ftit mill-kummenti tal-Kummissjoni; madankollu se jżomm mad-deċiżjonijiet tal-ewwel qari tiegħu speċjalment f'dawk il-każijiet li fihom għadda biżżejjed ħin u sar biżżejjed sforz fi stadju iktar bikri dwar l-evalwazzjoni ta' kif l-emendi tal-Parlament jistgħu jiġu implimentati bl-aħjar mod, kif kien il-każ bil-proġetti pilota u l-azzjonijiet preparatorji;

19.   Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-preżentazzjoni tad-dokumenti tagħha għall-ipprogrammar finanzjarju u jixtieq jenfasizza għal darba oħra li, fil-ġejjieni, huwa jistenna li jara t-tibdiliet kollha li tkun għamlet il-Kummissjoni fl-ipprogrammar finanzjarju tagħha riflessi b'mod ċar fid-dokumenti tal-ipprogrammar li jridu jiġu ppreżentati bi qbil mal-Punt 46 tat-Taqsima IIA;

20.   Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet maniġerjali nazzjonali tagħhom skont il-Punt 44 tat-Taqsima IIA; ifakkar lill-Kummissjoni wkoll dwar ir-responsabilitajiet tagħha f'dak il-kuntest, speċjalment fir-rigward tal-appoġġ politiku tagħha li hija impenjat ruħha li tagħti għall-inizjattiva, iżda li s'issa għadu ma mmaterjalizzax ruħu;

21.   Itenni li t-tnaqqis fil-linji ta' spiża amministrattiva ta' ċertu programmi pluriennali, li l-awtorità baġitarja ddeċidiet dwarhom għall-2009, ma jista taħt l-ebda ċirkustanza jwassal għal tnaqqis fil-pakketti globali deċiżi b'mod konġunt tal-programmi kkonċernati; iqis b'mod ċar li l-Kummissjoni għandha tikkumpensa għall-ammonti mnaqqsa fis-snin lejn l-aħħar tal-perjodu tal-programm, preferibilment dwar il-linji operattivi tal-programmi;

Kwistjonijiet speċifiċi

L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

22.   Rigward l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), jikkonferma d-deċiżjoni tiegħu meħuda fil-Baġit 2008 li l-EIT jiġi inkluż fil-qasam tal-politika “Riċerka” u li l-istruttura li tmexxi, minħabba n-natura amministrattiva tagħha, tiġi ffinanzjata taħt l-Intestatura 5 tal-MFF; jiddeċiedi li jibdel in-nomenklatura kif ikun xieraq;

Skema għal frott fl-iskola

23.   Jiddeplora l-fatt li, għat-tieni sena konsekuttiva, il-Kunsill irrifjuta l-proposta tal-Parlament għal emenda rigward il-ħolqien ta' linja ġdida 05 02 08 12 — Skema għal frott fl-iskola; jilqa' madankollu, il-ftehima politika tal-Kunsill dwar il-bażi legali għal programm bħal dan; jistenna li l-programm jibda hekk kif il-bażi legali tiġi adottata u f'biżżejjed żmien għas-sena skolastika 2009/2010, kif intalab mill-Parlament Ewropew u kif qabel il-Kunsill fil-qbil politiku tiegħu; għalhekk, jiddispjaċih li l-Kunsill m'aċċettax il-proposta tal-Kummissjoni biex jinħoloq partita simbolika (“p.m.”) fil-baġit;

Programm tal-ikel għall-persuni l-aktar neqsin mill-kumditajiet essenzjali fl-Unjoni Ewropea

24.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-finanzjament propost mill-Kummissjoni u approvat mill-Kunsill biex jitjieb il-programm attwali tad-distribuzzjoni tal-ikel għall-persuni l-aktar neqsin mill-kumditajiet essenzjali fl-Unjoni permezz ta' żieda ta' żewġ terzi fil-baġit għal madwar EUR 500 miljun għall-2009 u permezz ta' żieda fil-firxa tal-prodotti li jistgħu jiġu pprovduti;

Il-Politika ta' Komunikazzjoni

25.   Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' konsistenza u koerenza evidenti b'mod regolari fil-miżuri ta' komunikazzjoni mill-Kummissjoni; jixtieq li jkun hemm livell adegwat ta' armonizzazzjoni fil-preżentazzjoni tal-politika ta' komunikazzjoni bil-għan li tiġi żviluppata marka kummerċjali rikonoxxibbli tal-UE biex tintuża fil-miżuri kollha ta' komunikazzjoni, irrelevanti mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni, j, li jiġu minnhom jilqa' f'dan il-kuntest id-dikjarazzjoni dwar il-karta Nikkomunikaw l-Ewropa Flimkien iffirmata fit-22 ta' Ottubru 2008 mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni;

26.   Jenfasizza li fil-kuntest ta' din id-dikjarazzjoni konġunta, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni identifikaw il-kampanja informattiva dwar l-Elezzjonijiet Ewropej tal-2009 bħala l-prijorità prinċipali ta' komunikazzjoni interistituzzjonali u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkopera bis-sħiħ fil-kampanja tal-Elezzjonijet Ewropej tal-2009, ukoll billi talloka r-riżorsi finanzjarji xierqa għal din il-prijorità interistituzzjonali;

Intestatura 4

27.   Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li, għal darba oħra, l-Intestatura 4 kienet taħt pressjoni kontinwa għax il-marġini disponibbli tagħha mhumiex biżżejjed biex jiffinanzjaw il-prijoritajiet li ħarġu matul is-sena mingħajr ma jkunu mhedda l-prijoritajiet tradizzjonali tagħha; itenni t-tħassib tiegħu li l-fondi disponibbli f'din l-intestatura, kif inhuma bħalissa, ma jippermettux lill-Unjoni tieħu l-irwol ta' attur globali minkejja d-dikjarazzjonijiet varji tagħha dwar din l-intenzjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex ma tużax l-Istrument ta' Flessibilità jew ir-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza għall-attivitajiet previsti u programmabbli fuq firxa ta' żmien u jistenna li r-reviżjoni kontinwa intermedja tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali tipprovdi riżorsi addizzjonali għall-impenji dejjem jikbru taħt l-intestatura 4;jibża' li l-kredibilità tal-Unjoni f'pajjiżi terzi tista' tmur għall-agħar b'mod irrevokabbli jekk, sena wara l-oħra, l-awtorità baġitarja ma tkunx kapaċi tipprovdi l-iffinanzjar adegwat għall-impenji politiċi tagħha;

28.   Jinnota bi tħassib li l-approprjazzjonijiet għal impenji għall-Palestina fl-2009 se jammontaw għal EUR 300 miljun, li jirrappreżentaw tnaqqis ta' 21 % meta mqabbla mal-livell ta' fondi immirati fl-2008 wara t-trasferimenti; għalhekk huwa konxju li probabilment il-Kummissjoni se tippreżenta talbiet għal trasferimenti matul l-2009 biex jiżdiedu l-approprjazzjonijiet għall-Palestina, u jfakkar it-talba tiegħu għal proposti sodi u realistiċi matul il-proċeduri baġitarji sabiex kemm jista' jkun jiġu evitati t-trasferimenti bejn il-kapitoli;

29.   Jinnota li l-approprjazzjonijiet għall-għajnuna lill-Kosovo huma biżżejjed bl-eżatt biex ilaħħqu mar-riformi u l-investiment; ifakkar l-impenji varji tiegħu għall-għajnuna tal-UE fil-Kosovo li tkun immaniġġjata u implimentata kif suppostu fl-istess ħin jenfasizza l-bżonn ta' amministrazzjoni pubblika li taħdem tajjeb u d-dmirijiet pubbliċi jgħaddu f'idejn il-gvern tal-Kosovo kif ukoll għall-immaniġġjar u l-implimentazzjoni kif xieraq ta' dawn l-impenji; jinsisti kemm dwar segwitu xieraq tal-konklużjonijiet tar-rapport finali mill-ITF (Investigation Task Force, li temmet l-operat tagħha fl-aħħar ta' Awwissu 2008), kif ukoll dwar il-ħolqien ta' organizzazzjoni suċċessur għall-ġllieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet finanzjarji;

30.   Jilqa' l-fatt li l-Unjoni ddeċidiet li tikkontribwixxi għall-proċess ta' rikostruzzjoni fil-Ġeorġja u impenjat l-għajnuna finanzjarja tagħha għal dan l-għan b'allokazzjoni sa EUR 500 miljun fuq 3 snin, ibbażati fuq ċertu kundizzjonijiet politiċi; ifakkar l-intenzjoni tiegħu li jidentifika l-għajnuna tal-UE għall-Ġeorġja fl-Istrument Ewropew tas-Sħubija tal-Maġar (ENPI) fuq linja baġitarja separata u jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdilu b'mod regolari deskrizzjoni tal-fondi impenjati taħt strumenti varji bħala partijiet mill-allokazzjoni totali;

31.   Jinnota b'sodisfazzjoni li l-Unjoni impenjat ruħha biex tiġġieled il-prezzijiet tal-ikel li telgħin f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u li fl-aħħar intlaħaq ftehim dwar l-iffinanzjar ta' faċilità tal-ikel u li ġew żgurati l-komplementarjetà mal-Fond ta' Żvilupp Ewropew u l-viżibilità tal-assistenza tal-UE; madankollu jiddispjaċih li għal darba oħra, minħabba l-marġini limitati fl-Intestatura 4, parti mill-approprjazzjonijiet għall-iffinanzjar tal-faċilità tal-ikel tista' tinsab biss permezz ta' organizzazzjoni mill-ġdid fl-intestatura;

32.   Jinnota l-ammont dejjem ikbar ta' fondi tal-UE li qed jiġu mqassma permezz tal-organizzazzjonijiet internazzjonali; itenni t-talba tiegħu biex il-Kummissjoni tagħmel kull sforz biex tinkiseb kemm jista' jkun informazzjoni dwar il-verifiki esterni u interni tal-istituzzjonijiet u l-programmi li jirċievu fondi tal-UE;

33.   Jiddeċiedi li jżomm il-pożizzjoni tal-ewwel qari tiegħu fir-rigward tat-tħeġġiġ tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Torka f'Ċipru; jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ għall-eżumazzjoni, l-identifikazzjoni u r-ritorn tal-fdalijiet ta' persuni nieqsa f'Ċipru u jinpenja ruħu biex jissorvelja l-implimentazzjoni ta' dan;

Intestatura 5

34.   Iddeċieda li jirriserva ammont imnaqqas tal-ispiża amministrattiva tal-Kummissjoni (intestatura 5), b'mod partikolari fl-oqsma tal-ispiża tal-istaff u tal-bini, sakemm jitwettqu l-kundizzjonijiet miftehma; jemmen li, billi jitqies ix-xogħol tajjeb tal-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni mitluba s'issa, il-volum globali ta' dawn ir-riżervi għandu jkun maniġġibbli mil-lat operattiv waqt li, fl-istess ħin, jiġi żgurat il-fokus politiku biex jintlaħqu r-riżultati meħtieġa;

35.   Jerġa' jistabbilixxi għal kollox il-pożizzjoni tiegħu tal-ewwel qari fir-rigward tal-“istituzzjonijiet l-oħra”, inkluża d-deċiżjoni li jkun hemm it-tressiq 'il quddiem (frontloading) tal-ispiża tal-bini għall-2009; jenfasizza li dan l-approċċ, għalkemm iżid ċertu nefqiet (outlays) fil-futur qarib, huwa b'mod ċar aktar ekonomiku fuq tul ta' żmien twil għal min iħallas it-taxxi;

36.   Se jkompli jimmonitorja mill-qrib l-effetti tal-ħolqien ta' aġenziji eżekuttivi u tal-estensjonijiet li għadhom għaddejjin ta' dmirijiethom fuq dawk id-Direttorati Ġenerali ta' referenza tagħhom li kienu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi rilevanti qabel mal-aġenziji eżekuttivi ħadu fuqhom din ir-responsabilità; ħa nota tal-fatt li l-livelli għall-mili tal-pożizzjonijiet tal-istaff tal-aġenziji eżekuttivi diġà jaqbżu l-1300 fl-2009 u jistenna li l-Kummissjoni tirrikambja billi żżomm mal-previżjonijiet tagħha rigward in-numru ta' pożizzjonijiet vojta fid-Direttorati Ġenerali relevanti fl-2009;

37.   Jinnota bi tħassib is-sitwazzjoni ta' studenti attwali u futuri fl-iskejjel Ewropej fi Brussell li hi riżultat ta' dewmien fil-ftuħ tar-raba' skola f'Laeken u l-proċedura ta' reġistrazzjoni kurrenti li qed twassal għal ħinijiet ta' vjaġġar twal u inaċċettabbli għat-tfal; jistenna li l-Kummissjoni, f'koperazzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-iskejjel Ewropej fi Brussell, ser tippreżenta proċedura ta' reġistrazzjoni riveduta sal-aħħar ta' Marzu 2009 bi kriterji objettivi u li jiftiehmu (inkluż ir-residenza prinċipali u aħwa li huma diġa reġistrati), li għandha tidħol fis-seħħ fil-perijodu ta' reġistrazzjoni li jmiss;

Ir-regolazzjoni tal-OLAF

38.   Jisħaq fuq il-bżonn li tissaħħaħ l-effiċjenza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u jieħu nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tippreżenta karta ta' ħidma li tikkonċerna l-kjarifika tal-qafas legali tal-missjoni tal-OLAF fil-bidu tal-2009; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jippreżenta kalendarju dwar in-negozjati mal-Parlament rigward il-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 rigward l-investigazzjonijiet magħmula mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (9);

Proġetti piloti u azzjonijiet preparatorji

39.   Dwar il-proġetti pilota (PP) u l-azzjonijiet preparatorji (PA), huwa jipproponi firxa ta' inizjattivi u proġetti innovattivi li jirrispondu għall-bżonnijiet reali taċ-ċittadini tal-Unjoni; iddeċieda jalloka l-ammont ta' EUR 124,4 miljun lil PP / PA għas-sena baġitarja 2009, li huwa taħt il-limitu globali ta' EUR 140 miljun għal proġetti/azzjonijiet bħal dawn, kif ġie miftiehem fit-Taqsima IIA;

40.   Iqis li l-pakkett finali ta' PP/PA adottat għall-2009 huwa bbilanċjat tajjeb u komprensiv u jistenna li l-Kummissjoni timplimenta l-proġetti bl-akbar kura u dedikazzjoni; jistenna li ma jkollux jaffaċċja f'daqqa ostakoli għall-implimentazzjoni tal-PP/PA miftiehma, meta jitqies ix-xogħol preparatorju eċċellenti li diġà sar fil-Parlament u l-Kummissjoni, imma wkoll bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, sa mill-preżentazzjoni tal-PDB fir-Rebbiegħa tal-2008;

41.   Jistenna li l-Kummissjoni tirrapporta wkoll dwar l-implimentazzjoni ta' dawk il-PP/PA proposti li ma ġewx inklużi fil-Baġit 2009, għax l-attivitajiet proposti huma meqjusa koperti minn bażi legali eżistenti; huwa lest jissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti u azzjonijiet taħt il-bażi legali rispettiva tagħhom waqt is-sena finanzjarja 2009;

Aġenziji deċentralizzati

42.   Iżomm il-pożizzjoni tiegħu tal-ewwel qari fir-rigward l-ilħuq tal-ammonti proposti kif kienu qabel fil-PDB għall-aġenziji deċentralizzati; jinsisti li dawk l-aġenziji dipendenti fil-parti l-kbira fuq id-dħul iġġenerat mill-ħlas għandhom xorta waħda jkunu kapaċi jużaw l-istrument tad-dħul assenjat biex jagħtihom il-flessibilità baġitarja li għandhom bżonn u jiddeċiedi li jpoġġi mill-ġdid l-emendi tiegħu tal-ewwel qari għal dak il-għan;

43.   Jiddeċiedi li jżomm iż-żieda fl-ammonti ta' spejjeż operattivi tal-FRONTEX, sabiex tkun kapaċi torganizza missjonijiet permanenti s-sena kollha; jiddeċiedi wkoll li jżomm iż-żieda fl-ammonti biex tiġi indirizzata l-immigrazzjoni illegali, kif ukoll sabiex jissaħħaħ il-Fond Ewropew għar-Refuġjati biex tiġi ffaċilitata s-solidarjetà bejn l-Istati Membri;

44.   Minħabba t-tibdil mistenni fil-ħidmiet tal-Awtorità ta' Sorveljanza ta' Galileo, jiddeċiedi jżomm fir-riżerva terz mill-ammonti għall-ispejjeż operattivi tagħha li jistennew l-adozzjoni tal-bażi legali riveduta, u biex jitnaqqas in-numru ta' postijiet tax-xogħol minn 50 għal 23, kif ġie miftiehem mal-Kummissjoni, u, b'konsegwenza, biex l-ammonti jiġu adattati għall-ispejjeż amministrattivi tagħha; jistenna li l-Kummissjoni tippreżenta proposta riveduta sal-31 ta' Jannar 2009;

45.   Jiddeċiedi jżomm fir-riżerva 10 % tal-ammonti għall-ispejjeż amministrattivi tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Ikel sakemm tkun infurmata dwar ir-riżultati tal-“Istħarriġ dwar is-Sodisfazzjon tal-Istaff” magħmul fl-2007 u dwar il-miżuri meħuda biex jiġu implimentati l-konklużjonijiet ta' dak l-istħarriġ, u sakemm il-kumitat responsabbli jkun ta sinjal ċar favur ir-rilaxx tar-riżervi;

46.   Ħa nota tal-ammont żejjed — kważi EUR 300 miljun — tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern fl-2008; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrifletti dwar kif għandha tittratta din is-sitwazzjoni u jekk huwiex xieraq li kwalunkwe dħul żejjed tal-Uffiċċju, li jkun konsegwenza diretta tas-Suq Intern, imurx lura fil-baġit tal-UE;

47.   Ifakkar l-importanza li jkun osservat il-punt 47 tat-Taqsima IIA; jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem mal-awtorità baġitarja fuq id-definizzjoni ta' proċedura dettaljata xierqa għall-applikazzjoni tagħha;

48.   Iqis essenzjali d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, inkluża fil-komunikazzjoni tagħha tal-11 ta' Marzu 2008 dwar l-Aġenziji Ewropej — It-triq 'il quddiem (COM(2008)0135), li ma tipproponix aġenziji deċentralizzati ġodda sakemm ma jkunx konkluż il-proċess ta' evalwazzjoni attwali; jilqa' l-attitudni pożittiva tal-Kunsill fir-rigward tal-ħolqien ta' grupp ta' ħidma interistituzzjonali dwar il-futur ta' aġenziji deċentralizzati, kif propost mill-Kummissjoni, u jistenna li l-ewwel laqgħa ta' dan il-grupp issir kemm jista' jkun malajr;

*

* *

49.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiddikjara li l-baġit ġie adottat b'mod aħħari u jaħseb għall-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

50.   Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u lill-korpi l-oħra kkonċernati.


(1)  ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(4)  Testi Adottati ta' dik id-data, P6_TA(2008)0515.

(5)  Testi Adottati ta' dik id-data, P6_TA(2008)0516.

(6)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0174.

(7)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0175.

(8)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0335.

(9)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.


ANNESS

DIKJARAZZJONIJIET MIFTEHMA FIL-LAQGĦA TA' KONĊILJAZZJONI

tal-21 ta' Novembru 2008

Dikjarazzjoni konġunta dwar il-finanzjament ta' faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li qed jogħlew f'daqqa fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

ħadu nota tal-proposta magħmula mill-Kummissjoni (1) biex tiġi stabbilita Faċiltà għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li qed jogħlew f'daqqa fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Faċilità tal-Ikel”)

ħadu nota tat-talba tal-Kummissjoni ta' EUR 1 biljun għall-Faċilità tal-Ikel;

qablu li jiffinanzjaw il-Faċilità tal-Ikel tul perijodu ta' tliet snin fl-intestatura 4 tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu mal-finanzjament tal-Faċilità tal-Ikel bil-mod li ġej:

L-ammont totali ta' EUR 1 biljun disponibbli f'impenji għall-Faċiltà tal-Ikel ser jiġi maqsum tul is-snin kif ġej: EUR 262 miljun fl-2008, EUR 568 miljun fl-2009 u EUR 170 miljun fl-2010.

*

* *

EUR 240 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn ser jiġu riallokati fl-intestatura 4 mill-Istrument għall-Istabbiltà (baġit Artikolu 19 06 01 01) li minnhom 70 miljun fl-2009. Rigward ir-riallokazzjonijiet għall-2010, il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta pprogrammar finanzjarju rivedut sabiex tiġi żgurata progressjoni ordinata tal-ammonti ppjanati tul il-perijodu 2010-2013, filwaqt li żżomm il-livell annwali tal-marġini bla mittiefes. Il-kriżi fil-prezzijiet tal-ikel hija ċirkostanza ġdida u oġġettiva taħt it-termini tal-Punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali (IIA) li tiġġustifika r-riallokazzjoni minn strument għall-kriżijiet mhux ipprogrammat.

EUR 420 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn ser ikunu disponibbli permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibbiltà għall-baġit tal-2009.

EUR 340 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn ser ikunu disponibbli permezz tar-Riżerva ta' Għajnuna għall-Emerġenżi bil-mod li ġej:

EUR 22 miljun mill-approprjazzjonijiet diġà disponibbli fil-baġit tal-2008;

EUR 78 miljun mill-approprjazzjonijiet ibbaġitjati għas-sena 2009;

EUR 240 miljun permezz ta' żieda ta' darba fl-ammont tar-Riżerva ta' Għajnuna għall-Emerġenżi li għandhom jiġu bbaġitjati fl-2008.

*

* *

Il-Kummissjoni se tipproponi emenda fil-Ftehima Interistituzzjonali dwar id-dixxipplina baġitjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006 f'dak li jirrigwarda l-Punt 25 biex tipprovdi aktar fondi li huma meħtieġa għall-Faċilità tal-Ikel proposta. Iż-żieda ta' darba fl-approprjazzjonijiet ta' impenn għar-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza għas-sena 2008 se ssir formali permezz ta' deċiżjoni konġunta tat-tliet istituzzjonijiet li temenda l-Ftehima IIA tas-17 ta' Mejju 2006.

L-awtorità baġitarja ser tintegra l-emendi meħtieġa fil-baġits tal-2008 u l-2009. Għall-2008, se jiddaħħal fil-baġit ammont addizzjonali ta' EUR 240 miljun f'impenji għar-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza u ser tiddaħħal il-linja tal-baġit għall-Faċilità tal-Ikel. Għall-2009, se jiddaħħlu fil-baġit ammont ta' EUR 490 miljun f'impenji u EUR 450 miljun f'pagamenti, għall-Faċilità tal-Ikel. Il-linja tal-baġit għall-Istrument ta' Stabbiltà (linja tal-baġit 19 06 01 01) ser titnaqqas b'EUR 70 miljun f'impenji għall-2009 u se ssir EUR 134 769 miljun.

Il-Kummissjoni ser tippreżenta t-talbiet korrispondenti għal trasferimenti mir-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza fl-2008 u fl-2009.

Ir-riallokazzjonijiet maqbulin għall-2010 fl-intestatura 4 ser jiġu integrati mill-Kummissjoni fl-ipprogrammar finanzjarju 2010-2013 li għandu jiġi ppreżentat f'Jannar 2009 skont il-Punt 46 tal-Ftehima IIA.

L-iskeda tal-ħlas għall-Faċilità tal-Ikel hi mistennija tkun ta' EUR 450 miljun fl-2009, EUR 350 miljun fl-2010 u EUR 200 miljun fl-2011 u s-snin ta' wara, soġġetti għall-awtorizzazzjoni tal-awtorità baġitarja f'kull proċedura baġitarja annwali.

*

* *

F'dan il-każ eċċezzjonali u għas-sena 2008 biss, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu li jemendaw il-Punt 25 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex iżidu l-ammont tar-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza għal EUR 479 218 000 għall-2008. Huma jiddikjaraw li din l-emenda selettiva tal-Punt 25 tal-Ftehima IIA ma għandha bl-ebda mod tistabbilixxi preċedent.

*

* *

It-tliet istituzzjonijiet jaqblu li l-emenda tal-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) għar-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza se tikkonsisti fiż-żieda tas-sentenza li ġejja fl-aħħar tal-ewwel subparagrafu tal-Punt 25 tal-Ftehima IIA:

B'eċċezzjoni, dan l-ammont għandu jiżdied għal EUR 479 218 000 għas-sena 2008 fi prezzijiet attwali.

*

* *

Il-ftehim li jinsab f'din id-dikjarazzjoni konġunta ser jiġi tradott fir-Regolament dwar il-Faċilità tal-Ikel tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'emenda tat-taqsimiet rilevanti li jirreferu għall-implikazzjonijiet baġitarji, bil-ħsieb li t-test jiġi ffinalizzat fl-ewwel qari. Il-Kummissjoni ser tipprovdi l-assistenza teknika xierqa.


(1)  COM(2008)0450 tat-18 ta' Lulju 2008.


Dikjarazzjonijiet

1.   Koordinazzjoni tal-assistenza Komunitarja (Faċilità tal-Ikel u l-FEŻ)

“Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddikjaraw mill-ġdid l-importanza ta' koerenza u konsistenza fil-qasam tal-assistenza għall-iżvilupp, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-fondi.

Jekk jitqies li l-pajjiżi AKP jistgħu jibbenefikaw mill-assistenza tal-UE kemm mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, it-tliet istituzzjonijiet jiddikjaraw li, fl-implimentazzjoni tal-Faċilità għal reazzjoni malajr għall-prezzijiet li qed jogħlew f'daqqa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (minn issa 'l quddiem ‘il-Faċilità tal-Ikel’), għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-koordinazzjoni tal-għajnuna li tkun ġejja minn dawn id-diversi għejun sabiex ikunu massimizzati s-sinerġija u r-riżultati possibbli.

F'dan il-kuntest, il-pajjiżi kkonċernati sħab tal-AKP għandhom ukoll jiġu inkoraġġuti biex jadattaw, jekk meħtieġ, l-objettivi u l-prijoritajiet tal-iprogrammar tagħhom fir-rigward ta' kooperazzjoni ġejjienija taħt il-FEŻ, waqt li jiġu żgurati l-konsistenza u l-kumplimentarjetà mal-objettivi kif previsti mill-Faċilità tal-Ikel.

Il-Kummissjoni hija mistiedna tippreżenta lista ta' programmi ffinanzjati mill-FEŻ li jistgħu jinkludu elementi relatati mas-sikurezza tal-ikel.”

2.   Titjib tal-viżibbiltà tal-assistenza Komunitarja

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jisħqu dwar il-fatt li l-viżibbiltà tal-assistenza Komunitarja f'pajjiżi terzi hija ta' interess leġittimu għall-Unjoni Ewropea u għandha titqies kompletament għall-għoti ta' assistenza f'kuntest pluriennali. Bil-ħsieb li jinżamm l-appoġġ politiku u pubbliku għall-azzjoni esterna tal-UE, huwa jappellaw lill-Kummissjoni biex tippreżenta flimkien mal-ABE rapport għall-2010 b'lista ta' inizjattivi meħudin biex titjieb il-viżibbiltà tal-għajnuna esterna tal-UE, mingħajr ma jiġu affettwati l-effiċjenza u l-effettività tagħha, speċjalment meta implimentati permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali.”

3.   Implimentazzjoni tal-politika ta' Koeżjoni

“Mingħajr ma jiġu preġudikati l-proposti ġejjienin mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tnaqqis fl-attività ekonomika, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni:

Jirrikonoxxu li, bil-ħsieb tal-isfidi li t-tnaqqis fl-attività ekonomika attwali jirrapreżenta, l-ekonomija tista' tibbenefika mill-aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali li fuqu kien hemm qbil għall-2007-2013;

Jirrikonoxxu li, taħt il-qafas ta' kontroll stabbilit, il-pagamenti interim ma jistgħux isiru sakemm is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll fl-Istati Membri jkunu ġew iġġudikati bħala konformi mar-rekwiżiti u, fir-rigward tal-proġetti prinċipali, sakemm proġetti bħal dawn ikunu ġew adottati mill-Kummissjoni;

Iħeġġu lill-Istati Membri biex jippreżentaw deskrizzjoni tas-sistemi tagħhom ta' ġestjoni u ta' kontroll u l-evalwazzjonijiet ta' konformità mill-aktar fis possibbli sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tibda l-analiżi tagħhom malajr.

F'dan il-qafas, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

Jistiednu lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa, fil-qafas legali eżistenti, biex tivvaluta malajr l-aktar aspetti kritiċi tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll (MCS — management and control systems), biex ikunu jistgħu jinbdew il-pagamenti interim;

Jistiednu lill-Kummissjoni taċċellera l-analiżi tal-applikazzjonijiet għal proġetti ewlenin sabiex tiffaċilita l-bidu tagħhom u l-pagamenti interim relatati;

Jistiednu lill-Kummissjoni tikkopera mill-qrib mal-Istati Membri sabiex ikun hemm ftehim rapidu dwar l-aspetti kollha ta' konformità tal-MCS;

Jilqgħu l-informazzjoni regolari mill-Kummissjoni lill-awtorità tal-baġit permezz ta' tabelli rikapitulattivi dwar l-MCS u l-proġetti prinċipali;

Jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta rapport ta' kull xahar lill-awtorità tal-baġit dwar l-approvazzjoni tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u l-proġetti ewlenin kif ukoll il-livell ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti interim għal kull Stat Membru;

Jistiednu lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni flimkien mal-ABE għall-fini tal-proċeduri baġitarji u ta' approvazzjoni;

Jistiednu lill-Qorti tal-Awdituri u lill-awtorità ta' approvazzjoni biex waqt il-valutazzjoni tal-ġestjoni tal-fondi tal-UE iqisu din il-kwistjoni, kif ukoll in-natura pluriennali tal-attività ta' kontroll tal-Kummissjoni.

Il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi li huma meħtieġa titjib strutturali u miżuri ta' simplifikazzjoni biex tiġi evitata sottoimplimentazzjoni rikorrenti u biex jiġi żgurat li l-approprjazzjonijiet ta' pagament jiżviluppaw b'mod ordinat b'paragun mal-approprjazzjonijiet ta' impenn, kif imfakkar mir-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri.”

4.   Aġenziji

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar il-proposta tal-Kummissjoni għall-ħolqien ta' Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji u talbu biex l-ewwel laqgħa ssir mill-aktar fis possibbli.”

5.   Approprjazzjonijiet ta' pagament

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jitolbu lill-Kummissjoni biex tippreżenta baġit ta' emenda jekk l-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-2009 jirriżultaw li ma humiex biżżejjed biex ikopru n-nefqa taħt is-sottointestatura 1a (Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi), is-sottointestatura 1b (Koeżjoni għat-tkabbir u l-impjiegi), minħabba li dan jista' jkun iġġustifikat fil-qafas legali attwali fid-dawl ta' aċċelerazzjoni possibbli tal-implimentazzjoni tal-linji ta' politika strutturali, l-intestatura 2 (Preservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi naturali) u l-intestatura 4 (L-UE bħala sieħba globali).

F'dak il-kuntest, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ser iqisu l-finanzjament adegwat ta' kwalunkwe proposta possibbli li l-Kummissjoni tista' tagħmel fir-rigward ta' inizjattivi ġodda, b'mod partikolari rigward il-kriżi ekonomika.”


DIKJARAZZJONIJIET UNILATERALI

A.   Dikjarazzjonijiet tal-Parlament Ewropew

1.   Evalwazzjoni tal-intestatura 4

“Il-Parlament Ewropew jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tar-reviżjoni baġitarja, tippreżenta evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tal-intestatura 4, sabiex jiġi eżaminat u rivedut l-irwol tal-UE bħala sieħba globali f'kuntest pluriennali.”

2.   Ħlasijiet u implimentazzjoni tal-politika ta' Koeżjoni

“Il-Parlament Ewropew jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-livell baxx ħafna ta' ħlasijiet, ferm aktar baxxi mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (MFF), li ma jikkorispondix mal-isfidi reali tal-Unjoni Ewropea f'sitwazzjoni ta' kriżi ekonomika.

B'mod partikolari, huwa jesprimi tħassib serju dwar il-livell baxx u inaċċettabbli tal-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet għall-politika ta' Koeżjoni, għalkemm din tikkostitwixxi waħda mill-linji ta' politika fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Jappella lill-Kummissjoni, u lill-Istati Membri responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dawn l-approprjazzjonijiet, biex jadottaw il-miżuri kollha possibbli biex jiżguraw l-implimentazzjoni adegwata tagħha.”

B.   Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

Evalwazzjoni tal-intestatura 4

“Minħabba n-nuqqas ta' kwalunkwe marġinu taħt il-limitu tan-nefqa tal-intestatura 4 fl-2009, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-fatt li l-kapaċità biex tirrispondi għall-kriżijiet mhux previsti hija pjuttost ristretta u għalhekk timpenja ruħha li tippreżenta lill-awtorità baġitarja evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fil-qafas tal-intestatura 4, flimkien, jekk meħtieġ, ma' proposti rilevanti, matul l-2009, billi tqis l-evoluzzjoni politika kif ukoll l-implimentazzjoni baġitarja.”


Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-ittra ta' emenda Nru 2/2009

“Il-Kunsill jiddikjara li l-qbil tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni rigward il-programmi favur il-persuni l-aktar neqsin mill-kumditajiet essenzjali, li jidhru fl-ittra emendatorja Nru 2/2009, ma jippreġudikax ir-riżultat tal-eżami tal-bażi legali li qed tiġi diskussa bħalissa.

It-tneħħija tal-linja dwar l-Iskema tal-Frott għall-Iskejjel hija konformi mal-pożizzjoni tradizzjonali tal-Kunsill li ma tinħoloqx linja baġitarja ġdida qabel ma tiġi adottata l-bażi legali pertinenti. Dan ma jippreġudikax ir-riżultat tal-eżami tal-bażi legali li qed tiġi diskussa fil-preżent.”


Dikjarazzjoni unilaterali tal-Greċja, l-Italja, Spanja, u l-Portugall dwar il-multilingwiżmu

“Filwaqt li jaffermaw mill-ġdid l-importanza li jagħtu lill-prinċipji tal-multilingwiżmu u t-trattament ugwali tal-lingwi kollha, il-Greċja, l-Italja, Spanja u l-Portugall, jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-mod li bih il-Kummissjoni tmexxi s-salvagwardja tad-diversità lingwistika u jenfasizzaw li l-Kummissjoni u l-Istituzzjonijiet u l-organi kollha tal-Unjoni Ewropea għandhom jiżguraw li jiġu ddedikati mezzi biżżejjed għall-applikazzjoni sħiħa ta' dawn il-prinċipji.”