19.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 325/81


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar programm għal aktar sikurezza fl-internet (2009-2013)

(2008/C 325/14)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jaqbel li l-azzjonijiet li ttieħdu sa issa għandhom bżonn li jiġu adattati għal ħtiġijiet ġodda, meta wieħed iqis it-teknoloġiji u s-servizzi l-ġodda li nħolqu li jiġġeneraw perikli ġodda u jżidu dawk eżistenti;

jirrakkomanda li, għall-inqas ikun hemm qafas ta' qbil dwar il-kontenut illegali billi jsir paragun tar-regoli fil-liġi kriminali u ssir analiżi tal-aspetti komuni li joħorġu minnhom. L-azzjonijiet għandhom jappoġġjaw it-tfassil ta' lista sewda fil-livell Ewropew li tiġbor fiha l-kontenut illegali u l-promozzjoni tal-użu tagħha mill-provvedituri tal-internet;

jitlob li l-attivitajiet maħsuba biex jissensibilizzaw aktar l-utenti finali jinkludu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b'mod espliċitu, li huma l-entitajiet li huma l-eqreb tal-gruppi mmirati u għandhom l-akbar potenzjal għat-tixrid ta' informazzjoni importanti u għall-implimentazzjoni ta' programmi u proġetti konkreti;

jirrakkomanda li ċ-ċentri għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku isegwu strateġiji definiti fil-konfront tat-tfal, il-ġenituri u l-għalliema u għandu jiġi żgurat li dawn il-miżuri jkunu ta' kwalità tajba. Il-programm għandu jappoġġja parteċipazzjoni aktar attiva tal-midja fil-kampanji maħsuba għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku;

jemmen li huwa importanti ħafna li l-hotlines, il-korpi li jinfurzaw il-liġi u l-provvedituri tal-internet jikkooperaw bl-eqreb mod possibbli u li jiġu inklużi partijiet interessati oħra bħall-organizzazzjonijiet soċjali u l-NGOs adatti;

jirrakkomanda bil-qawwa li l-azzjonijiet joħolqu materjal għat-tagħlim tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-għodod tal-midja li jittratta l-ambjenti sikuri online. L-azzjonijiet għandhom ikunu mmirati mhux biss lejn il-ħarsien tat-tfal, iżda wkoll lejn it-trawwim tagħhom fl-użu sikur tal-internet (l-għoti tas-setgħa).

Rapporteur

:

Ján ORAVEC (SK/PPE), Sindku tal-Belt ta' Štúrovo

Dokument ta' referenza

Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni

COM(2008) 106 finali — 2008/0047 (COD)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

Rimarki ġenerali dwar il-programm

1.

jaqbel mal-fehma li minn mindu beda l-Pjan ta' Azzjoni għal Internet Aktar Sikur (“Safer Internet Action Plan”), kemm it-teknoloġiji kif ukoll l-użi relatati magħhom inbidlu konsiderevolment. It-tfal huma utenti attivi tat-teknoloġiji online, u dan kulma jmur qiegħed jiżdied. Il-ħarsien tat-tfal mill-kontenut dannuż fuq l-internet, u t-trażżin tat-tixrid tal-kontenut illegali u l-edukazzjoni tat-tfal sabiex jużaw l-internet b'mod kritiku u konxju huma problema kbira li l-politiċi u dawk li jfasslu l-liġijiet, l-industrija u l-utenti finali, b'mod partikolari l-ġenituri, dawk li jieħdu ħsieb it-tfal u l-għalliema, għandhom jindirizzaw b'mod proattiv;

2.

jaqbel li fost ir-riskji l-aktar serji relatati mat-teknoloġiji online għat-tfal insibu dawn: każi fejn it-tfal issirilhom ħsara direttament, bħala vittmi tal-abbuż sesswali, li jkun iddokumentat permezz ta' ritratti, films jew fajls tal-awdjo u mbagħad trasmess fuq l-internet; kuntatt dirett ma' persuni li jagħmlu ħbieb magħhom biex jikkommettu abbuż sesswali (“grooming”), jew meta jsiru vittmi tal-ibbuljar fuq l-internet (“cyber-bullying”);

3.

jieħu nota tas-sejbiet tal-evalwazzjoni finali tal-Pjan ta' Azzjoni għal Internet Aktar Sikur;

4.

huwa tal-fehma li l-programmi tal-UE għal internet aktar sikur huma ta' valur siewi, għax dawn huma l-uniċi inizjattivi għall-Ewropa kollha li jindirizzaw il-ħarsien tat-tfal meta jkunu online;

5.

jaqbel li l-azzjonijiet li ttieħdu kienu effettivi, iżda jemmen li hemm bżonn li jiġu adattati għal ħtiġijiet ġodda, meta wieħed iqis it-teknoloġiji u s-servizzi l-ġodda li nħolqu li jiġġeneraw perikli ġodda u jżidu dawk eżistenti;

6.

jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-programm il-ġdid jiffaċilita l-kollaborazzjoni u l-ġbir tal-esperjenzi u l-prattiki tajbin fil-livelli kollha rigward is-sikurezza tat-tfal fuq l-internet u b'hekk isaħħaħ il-valur miżjud Ewropew;

7.

huwa konxju tad-diffikultà li tinstab definizzjoni komuni għat-termini “kontenut illegali” u “kontenut dannuż”, li jiġu interpretati b'mod differenti fid-diversi pajjiżi u kulturi;

8.

jirrakkomanda madankollu, li, għall-inqas ikun hemm qafas ta' qbil dwar il-kontenut illegali billi jsir paragun tar-regoli fil-liġi kriminali u ssir analiżi tal-aspetti komuni li joħorġu minnhom;

9.

huwa tal-fehma li l-miżuri proposti ser jgħinu biex iħarsu t-tfal li jużaw l-internet u t-teknoloġiji ta' komunikazzjoni l-oħra, ser jirreaġixxu għall-iżviluppi l-ġodda u ser irażżnu t-tixrid tal-kontenut illegali online, b'mod partikolari t-tixrid online ta' materjal tal-abbuż tat-tfal, il-grooming u l-ibbuljar;

10.

jittama li jsiru attivitajiet oħrajn li jkollhom l-għan li jistimulaw u jħeġġu l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' soluzzjonijiet tekniċi biex jiġi ttrattat il-kontenut illegali u l-kontenut dannuż fuq l-internet, u li jippromovu l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattika bejn għadd kbir ta' partijiet interessati fil-livell lokali, reġjonali, Ewropew u internazzjonali;

11.

jipproponi li kull sena jiġu organizzati konferenzi ta' direzzjoni, bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, sabiex ikun possibbli li jiġu diskussi l-isfidi u r-riskji attwali, jiġu skambjati l-aħjar prattiki u tiġi promossa l-kooperazzjoni;

12.

jiddispjaċih li l-attivitajiet maħsuba biex jissensibilizzaw aktar il-pubbliku, b'mod partikolari t-tfal, il-ġenituri, dawk li jieħdu ħsieb it-tfal u l-għalliema, fir-rigward tal-opportunitajiet u r-riskji marbuta ma l-użu tat-teknoloġija online u l-mezzi kif wieħed jista' jibqa' sikur waqt li jkun online, ma jinkludux lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b'mod espliċitu, li huma l-entitajiet li huma l-eqreb tal-gruppi mmirati u għandhom l-akbar potenzjal għat-tixrid ta' informazzjoni importanti u għall-implimentazzjoni ta' programmi u proġetti konkreti;

13.

jappoġġja l-ħolqien u l-iżvilupp aktar fil-fond tal-bażi ta' għarfien maħsuba biex tindirizza r-riskji attwali u r-riskji li qed jinħolqu u l-konsegwenzi tal-użu tal-internet;

14.

jirrakkomanda li jiġu kkoordinati l-attivitajiet tal-investigazzjoni fl-oqsma rilevanti ġewwa u barra l-UE u li jiġi żviluppat għarfien dwar il-modi — li kulma jmur qed jevolvu — ta' kif it-tfal jużaw it-teknoloġiji online, ir-riskji assoċjati u l-effetti possibbli ta' ħsara li jista' jkollu fuqhom l-użu tat-teknoloġiji online, inklużi kwistjonijiet tekniċi, psikoloġiċi u soċjali, kif ukoll li jingħataw eżempji pożittivi ta' kif it-tfal jistgħu jiġu edukati sabiex ikollhom attitudni iktar kritika fir-rigward tal-midja;

15.

jappoġġja bis-sħiħ l-idea li l-isforzi kollha jintrabtu mal-programm għal internet aktar sikur (“Safer Internet Plus”), li għandu jittejjeb;

16.

jitlob lill-istituzzjonijiet Komunitarji u lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex din il-kwistjoni jagħtuha l-attenzjoni li jistħoqqilha fil-limitu tal-poteri tagħhom;

17.

jittama li l-implimentazzjoni bir-reqqa tal-miżuri tikkontribwixxi biex tonqos it-theddida li jiffaċċjaw it-tfal waqt l-użu tal-internet u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni l-oħra.

II.   L-EMENDI PROPOSTI

Emenda 1

Anness I — Azzjoni 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.

L-għoti lill-pubbliku ta' punti ta' kuntatt għar-rappurtar ta' kontenut illegali fuq l-internet u mġiba dannuża fuq l-internet.L-attivitajiet għandhom jiżguraw li dawn il-punti ta' kuntatt huma effettivi u viżibbli għall-pubbliku, għandhom jikkooperaw mill-qrib ma' azzjonijiet oħrajn fuq livell nazzjonali, u jikkooperaw fuq livell Ewropew biex jittrattaw kwistjonijiet transkonfinali, u jiskambjaw l-aħjar prattika.

1.

L-għoti lill-pubbliku ta' punti ta' kuntatt għar-rappurtar ta' kontenut illegali fuq l-internet u mġiba dannuża fuq l-internet. L-attivitajiet għandhom jiżguraw li dawn il-punti ta' kuntatt huma effettivi u viżibbli għall-pubbliku, għandhom jikkooperaw mill-qrib ma' azzjonijiet oħrajn fuq livell nazzjonali, u jikkooperaw fuq livell Ewropew biex jittrattaw kwistjonijiet transkonfinali, u jiskambjaw l-aħjar prattika. Ir-reklamar tal-hotlines maħsuba għall-utenti finali għandu jiġi appoġġjat u l-potenzjal li għandu l-gvern lokali għat-tixrid ta' informazzjoni importanti għandu jiġi sfruttat.

Raġuni

Inkunu nistgħu napprofittaw bis-sħiħ mill-punti ta' kuntatt u l-hotlines, biss jekk l-akbar numru ta' utenti finali possibbli jkunu konxji mill-eżistenza tagħhom. Għal din ir-raġuni, għandhom jiġu rreklamati bl-aktar mod wiesa' possibbli u l-gvernijiet lokali għandhom il-mezzi kollha biex jagħmlu dan.

Emenda 2

Anness I — Azzjoni 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.

L-ittrattar tal-imġiba dannuża fuq l-internet, b'mod partikolari t-tħejjija għall-abbuż sesswali u l-ibbuljar. L-attivitajiet se jimmiraw li jittrattaw it-tħejjija għall-abbuż sesswali fuq l-internet, il-proċess li bih adult jagħmel ħbieb ma' tifel jew tifla bil-għan li jwettaq abbuż sesswali, u l-ibbuljar. L-azzjonijiet jittrattaw kwistjonijiet tekniċi, psikoloġiċi u soċjoloġiċi relatati ma' dawn il-kwistjonijiet u jippromwovu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-partijiet interessati.

2.

L-ittrattar tal-imġiba dannuża fuq l-internet, b'mod partikolari t-tħejjija għall-abbuż sesswali u l-ibbuljar. L-attivitajiet se jimmiraw li jittrattaw it-tħejjija għall-abbuż sesswali fuq l-internet, il-proċess li bih adult jagħmel ħbieb ma' tifel jew tifla bil-għan li jwettaq abbuż sesswali, u l-ibbuljar. L-azzjonijiet jittrattaw kwistjonijiet tekniċi, psikoloġiċi u soċjoloġiċi relatati ma' dawn il-kwistjonijiet u jippromwovu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-partijiet interessati. Huwa importanti ħafna li minn naħa, il-hotlines, il-korpi li jinfurzaw il-liġi u l-provvedituri tal-internet jikkooperaw bl-eqreb mod possibbli u li min-naħa l-oħra, jiġu inklużi partijiet interessati oħra bħall-organizzazzjonijiet soċjali u l-NGOs adatti.

Raġuni

Biex jittieħdu kontromiżuri effettivi, hemm bżonn li l-informazzjoni mill-hotlines tixtered b'mod rapidu u kontinwu lejn il-partijiet l-oħra fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali u l-imġiba dannuża.

Emenda 3

Anness I — Azzjoni 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

3.

It-tqanqil tal-applikazzjoni ta' soluzzjonijiet tekniċi biex jiġu ttrattati b'mod xieraq il-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet. L-attivitajiet għandhom iħeġġu l-iżvilupp jew l-adattazzjoni ta' għodod teknoloġiċi effettivi biex jittrattaw b'mod xieraq il-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet, għall-użu ġenerali mill-partijiet interessati.

3.

L-appoġġ u It-tqanqil tal-applikazzjoni ta' soluzzjonijiet tekniċi biex jiġu ttrattati b'mod xieraq il-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet. L-attivitajiet għandhom iħeġġu l-iżvilupp jew l-adattazzjoni ta' għodod teknoloġiċi effettivi biex jittrattaw b'mod xieraq il-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet, għall-użu ġenerali mill-partijiet interessati. L-azzjonijiet għandhom jagħtu appoġġ aktar sfiq lill-koordinazzjoni tal-ħidma involuta fit-tfassil ta' lista sewda fil-livell Ewropew li tiġbor fiha l-kontenut illegali u l-promozzjoni tal-użu tagħha mill-provvedituri tal-internet.

Raġuni

Kwalunkwe soluzzjoni teknika ġdida għandha mhux biss tkun inkuraġġuta iżda appoġġjata wkoll. Il-kompilazzjoni ta' lista sewda fil-livell Ewropew tita' tgħin biex trażżan il-kontenut illegali jew, f'każ li jkun hemm bżonn, tirreaġixxi għalih.

Emenda 4

Anness I — Azzjoni 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

3.

It-tqanqil tal-involviment tat-tfal u ż-żgħażagħ fil-ħolqien ta' ambjent aktar sikur fuq l-internet. L-azzjonijiet se jimmiraw li jinvolvu lit-tfal u liż-żgħażagħ bil-għan li jinftiehmu aħjar il-perspettivi u l-esperjenzi tagħhom dwar l-użu tat-teknoloġiji online u dwar kif jiġi promoss ambjent aktar sikur għat-tfal fuq l-internet.

3.

It-tqanqil tal-involviment tat-tfal u ż-żgħażagħ fil-ħolqien ta' ambjent aktar sikur fuq l-internet. L-azzjonijiet se jimmiraw li jinvolvu lit-tfal u liż-żgħażagħ bil-għan li jinftiehmu aħjar il-perspettivi u l-esperjenzi tagħhom dwar l-użu tat-teknoloġiji online u dwar kif jiġi promoss ambjent aktar sikur għat-tfal fuq l-internet. Barra minn hekk, l-azzjonijiet għandhom jinkludu l-ħolqien ta' materjal għat-tagħlim tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-għodod tal-midja li jittratta l-ambjenti sikuri online u l-perikli marbuta mal-kontenut illegali u l-imġiba dannuża. L-azzjonijiet għandhom ikunu mmirati mhux biss lejn il-ħarsien tat-tfal, iżda wkoll lejn it-trawwim tagħhom fl-użu sikur tal-internet (l-għoti tas-setgħa).

Raġuni

Għalliem imħarreġ tajjeb jista' juża għadd ta' metodi ta' tagħlim interattiv biex iwissi t-tfal kontra l-perikli marbuta mal-użu tal-internet, u fl-istess ħin ir-reazzjonijiet tagħhom jgħinuh jitgħallem dwar il-fehmiet u l-esperjenzi tagħhom marbuta mal-użu tat-teknoloġija online.

Emenda 5

Anness I — Azzjoni 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

4.

Iż-żieda tal-informazzjoni dwar għodod xierqa biex jiġi ttrattat il-kontenut dannuż fuq l-internet. L-attivitajiet se jimmiraw li jżidu l-informazzjoni dwar il-ħidma u l-effettività tal-għodod biex jiġi ttrattat il-kontenut potenzjalment dannuż fuq l-internet u biex l-utenti jiġu mgħammra b'informazzjoni, strumenti u applikazzjonijiet li jappoġġawhom b'mod xieraq biex jittrattaw il-kontenut dannuż fuq pjattaformi differenti.

4.

Iż-żieda tal-informazzjoni dwar għodod xierqa biex jiġi ttrattat il-kontenut dannuż fuq l-internet u l-informazzjoni li tingħata lill-utenti finali dwar il-mezzi disponibbli għall-filtrazzjoni tal-kontenut illegali. L-attivitajiet se jimmiraw li jżidu l-informazzjoni dwar il-ħidma u l-effettività tal-għodod biex jiġi ttrattat il-kontenut potenzjalment dannuż fuq l-internet u biex l-utenti jiġu mgħammra b'informazzjoni, strumenti u applikazzjonijiet li jappoġġawhom b'mod xieraq biex jittrattaw il-kontenut dannuż fuq pjattaformi differenti.

Raġuni

Il-provviżjoni ta' informazzjoni dwar mezzi adattati jew ġodda biex jiġi ttrattat il-kontenut illegali hija importanti mhux biss għall-ispeċjalisti tal-qasam, iżda għal prattikament kull utent finali, biex ikunu jistgħu jagħmlu mill-aħjar biex jirreaġixxu b'mod adegwat u bl-aktar mod effikaċi possibbli għall-perikli l-ġodda.

Emenda 6

Anness I — Azzjoni 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

1.

Il-ħolqien tal-kuxjenza pubblika u t-tixrid tal-informazzjoni dwar l-użu aktar sikur tat-teknoloġiji online. L-attivitajiet se jippromwovu l-kuxjenza pubblika billi jipprovdu informazzjoni xierqa dwar il-possibbiltajiet, ir-riskji u l-modi kif jiġu ttratati b'mod ikkoordinat mal-Ewropa kollha. L-attivitajiet se jħeġġu mezzi effettivi f'termini ta' nfiq li permezz tagħhom jixxerred it-tagħrif ta' kuxjenza lil għadd kbir ta' utenti.

1.

Il-ħolqien tal-kuxjenza pubblika u t-tixrid tal-informazzjoni dwar l-użu aktar sikur tat-teknoloġiji online u appoġġ għall-parteċipazzjoni aktar attiva tal-midja fil-kampanji maħsuba għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku. L-attivitajiet se jippromwovu l-kuxjenza pubblika billi jipprovdu informazzjoni xierqa dwar il-possibbiltajiet, ir-riskji u l-modi kif jiġu ttratati b'mod ikkoordinat mal-Ewropa kollha. L-attivitajiet se jħeġġu mezzi effettivi f'termini ta' nfiq li permezz tagħhom jixxerred it-tagħrif ta' kuxjenza lil għadd kbir ta' utenti.

Raġuni

Kemm il-midja lokali kif ukoll dik nazzjonali għandha rwol fundamentali x'taqdi fit-tixrid tal-informazzjoni dwar l-użu aktar sikur tat-teknoloġija online. L-inklużjoni tagħhom fil-proċess u fil-kampanji maħsuba għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku għandhom għalhekk jiġu inkuraġġuti.

Emenda 7

Anness I — Azzjoni 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.

L-għoti ta' punti ta' kuntatt fejn il-ġenituri u t-tfal jistgħu jirċievu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet dwar kif jibqgħu sikuri fuq l-internet. L-attivitajiet se jkunu mmirati li jagħtu s-setgħa lill-utenti jagħmlu għażliet infurmati u responsabbli billi jipprovdulhom pariri dwar informazzjoni rilevanti u l-prekawzjonijiet li għandhom jieħdu biex jibqgħu sikuri fuq l-internet.

2.

L-għoti ta' punti ta' kuntatt fejn il-ġenituri u t-tfal jistgħu jirċievu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet dwar kif jibqgħu sikuri fuq l-internet. L-attivitajiet se għandhom j ikunu mmirati li jagħtu s-setgħa lill-utenti jagħmlu għażliet infurmati u responsabbli billi jipprovdulhom pariri dwar informazzjoni rilevanti u l-prekawzjonijiet li għandhom jieħdu biex jibqgħu sikuri fuq l-internet. L-azzjonijiet għandhom ikunu maħsuba b'tali mod li dawn il-punti ta' kuntatt ikunu magħrufa mill-ikbar numru ta' ċittadini possibbli.

Raġuni

Il-punti ta' kuntatt jistgħu jaqdu l-funzjoni tagħhom biss jekk il-pubbliku inġenerali jew l-utenti finali jkunu konxji tagħhom, u għalhekk ikunu jafu fejn għandhom jiksbu l-informazzjoni u jsibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet tagħhom.

Emenda 8

Anness I — Azzjoni 3

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

3.

It-tħeġġiġ tat-titjib ta' mezzi u għodda effiċjenti u effettivi f'termini ta' nfiq biex tinħoloq kuxjenza. L-attivitajiet se jkunu mmirati li jtejbu l-metodi u l-għodda rilevanti biex tinħoloq kuxjenza bil-għan li dawn ikunu aktar effiċjenti u effettivi f'termini ta' nfiq f'perspettiva fit-tul.

3.

Il-ħtieġa ta' ċentri għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku bl-għan li jiġu segwiti strateġiji definiti fil-konfront tat-tfal, il-ġenituri u l-għalliema. It-tħeġġiġ tat-titjib ta' mezzi u għodda effiċjenti u effettivi f'termini ta' nfiq biex tinħoloq kuxjenza. L-attivitajiet se għandhom j ikunu mmirati li jtejbu l-metodi u l-għodda rilevanti biex tinħoloq kuxjenza bil-għan li dawn ikunu aktar effiċjenti u effettivi f'termini ta' nfiq f'perspettiva fit-tul; f'dan il-kuntest għandu jsir kull sforz biex jiġi żgurat li dawn il-miżuri jkunu ta' kwalità tajba.

Raġuni

Iċ-ċentri għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku jaqdu wieħed mill-aktar rwoli importanti għas-sensibilizzazzjoni, peress li l-informazzjoni li jipprovdu titwassal — direttament jew inkella permezz tal-kanali diversi ta' informazzjoni — lill-pubbliku inġenerali. Għalhekk għandhom ikunu kapaċi jixħtu dawl fuq il-perikli potenzjali u joffru tweġiba. Huwa essenzjali hawnhekk li jkun hemm koordinazzjoni u kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-esperti fil-qasam tal-midja.

Brussell, id-9 ta' Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE