19.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 325/6


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar pakkett għat-trasport tal-merkanzija

(2008/C 325/02)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jara l-ħtieġa li t-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jsir permezz tal-innovazzjoni teknoloġika u tal-iżvilupp ta' alternattivi tat-trasport li jirrispettaw iktar l-ambjent. Jeżistu diversi modi kif dan jista' jsir. It-trasport għandu jiffoka fuq l-iktar mezz ta' trasport li jirrispetta l-ambjent u li hu effiċjenti fl-użu tal-enerġija billi jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni;

huwa tal-fehma li għandha tiġi stabbilita lingwa komuni għall-ġestjoni tat-trasport bil-ferrovija;

iqis li t-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija jaqsam partijiet kbar mil-linji tal-ferrovija mat-trasport tal-passiġġieri. Dan jista' jillimita il-kapaċitajiet u l-kredibilità taż-żewġ sistemi kemm fil-konurbazzjonijiet metropolitani kif ukoll fiż-żoni interreġjonali. Bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri, l-UE għandha tanalizza dawn il-kunflitti u tirrifletti dwar kif jistgħu jingħelbu, billi dejjem tfittex li tagħmel l-aħjar użu mill-infrastruttura ferrovjarja attwali u futura. Aktar 'il quddiem l-UE u l-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jinħolqu netwerks tat-trasport separati għall-merkanzija u għall-passiġġieri — dejjem sakemm in-nuqqas ta' art mhuwiex ostakolu — billi jibdew bin-netwerks tal-ferroviji bl-ikbar volum ta' traffiku;

iqis li l-ippjanar tat-trasport urban, partikolarment għas-sistemi ta' ġarr ta' merkanzija, għandu bżonn l-attenzjoni speċjali tal-awtoritajiet lokali, biex l-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni urbana ssir aktar effiċjenti kemm f'termini ambjentali kif ukoll ekonomiċi.

iqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu joffru kontribut importanti għat-twettiq ta' politika għat-trasport tal-merkanzija sostenibbli biex isaħħu l-portijiet tal-passaġġi tal-ilma interni u jagħmluhom aċċessibbli

iqis li huwa xieraq li tittejjeb l-interazzjoni bejn is-sistemi ferrovjarji u dawk marittimi li f'xi żoni għadhom mhumiex effettivi, iqis li jkun utli li l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jinsabu fiż-żoni interni jiżviluppaw soluzzjonijiet loġistiċi mmirati li joħolqu pjattaformi loġistiċi u interportijiet, li huma strumenti fundamentali għat-titjib tas-sistema tad-distribuzzjoni globali tal-merkanzija u li jippromovu l-iżvilupp u l-koeżjoni tat-territorji interni;

Rapporteur

:

José CORREIA (PPE/PT), Sindku ta' Tavira

Dokumenti ta' referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: L-aġenda tal-UE fil-qasam tat-trasport: Intejbu l-effiċjenza, l-integrazzjoni u s-sostenibbiltà tat-trasport tal-merkanzija fl-Ewropa

COM(2007) 606 finali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Pjan ta' Azzjoni għal-Loġistika tat-Trasport tal-Merkanzija

COM(2007) 607 finali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Lejn netwerk ferrovjarju bi prijorità għall-merkanzija

COM(2007) 608 finali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

Il-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-trasport tal-merkanzija ħarġu fid-dawl tal-preokkupazzjonijiet politiċi li ħarġu fil-White Paper tal-2001 dwar it-trasport u r-reviżjoni ta' nofs it-term ippubblikata fl-2006. Bħala parti minn din il-ħidma, ġew organizzati 13-il seminar u konferenza u aktar minn 30 avveniment estern. Tressqu 160 kontribuzzjoni bil-miktub. Il-Kummissjoni rċeviet 500 rapport ieħor dwar punti ta' konġestjoni fil-loġistika.

2.

Ir-reviżjoni tal-White Paper tirrifletti l-iżviluppi fis-sitwazzjoni mill-2001, ikkaratterizzati mill-aċċelerazzjoni tal-globalizzazzjoni tal-produzzjoni, in-nuqqas ta' sigurtà tal-provvisti tal-enerġija, l-iggravar tat-tibdil fil-klima u l-espansjoni tal-UE wara d-dħul tal-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi, huwa rakkomandat li titwessa' l-firxa u l-istrumenti tal-politika tat-trasport biex ilaħħqu mal-isfidi l-ġodda. B'mod partikolari hemm il-ħtieġa li tissaħħaħ l-effiċjenza tal-mezzi varji tat-trasport, jintużawx waħedhom jew f'kombinazzjoni ma' oħrajn (komodalità)

Rakkomandazzjonijiet ta' Politika

3.

fid-dawl tal-linji gwida li joħorġu mill-istudji msemmija hawn fuq, sensiela ta' miżuri politiċi joħorġu biċ-ċar għal aktar żvilupp. Dawn jinkludu:

It-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, li jikkontribwixxi lejn il-konformità mal-Protokoll ta' Kyoto;

It-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-karburanti fossili, bl-introduzzjoni gradwali tal-karburanti minn sorsi rinnovabbli;

It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tal-innovazzjoni teknoloġika u tal-iżvilupp ta' alternattivi tat-trasport li jirrispettaw iktar l-ambjent. Jeżistu diversi modi kif dan jista' jsir. It-trasport għandu jiffoka fuq l-iktar mezz ta' trasport li jirrispetta l-ambjent u li hu effiċjenti fl-użu tal-enerġija billi jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni;

L-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari fuq it-trasport ta' oġġetti perikolużi. Il-proċeduri amministrattivi fis-settur tat-trasport fit-toroq iridu jiġu armonizzati biex jevitaw żbalji min-naħa tat-trasportaturi minħabba li ma jifhmux il-lingwa jew is-sistemi leġiżlattivi kumplessi f'pajjiżi oħra. Fir-rigward tat-trasport ta' oġġetti perikolużi bil-baħar, l-UE trid tirrevedi r-regoli dwar iċ-ċirkostanzi li fihom it-trasport tal-passiġġieri jista' jsir flimkien mat-trasport tal-merkanzija;

It-titjib fit-teknoloġiji tas-sistemi ferrovjarji sabiex il-ferroviji ma' jitilfux il-kompetittività fil-konfront ta' modalitajiet oħra tat-trasport;

L-operaturi tat-trasport bil-ferrovija internazzjonali jħabbtu wiċċhom ma' bosta problemi u diffikultajiet fil-ġestjoni razzjonali u effiċjenti tat-trasport. Waħda mill-problemi hija li t-trasport bil-ferrovija jitmexxa bil-lingwa tal-Istat Membru kkonċernat, u dan ixekkel lill-operaturi tat-trasport bil-ferrovija fil-ġestjoni tat-trasport lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom. Għaldaqstant il-KtR huwa tal-fehma li, bħal fil-każ tal-lingwa internazzjonali komuni għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru, għandha tiġi stabbilita lingwa komuni għall-ġestjoni tat-trasport bil-ferrovija;

Ir-rekwiżiti ta' taħriġ għax-xuffiera tal-ferroviji jvarjaw madwar l-UE, bħalma jvarjaw il-livelli ta' sikurezza u ta' tagħbija. Dawn id-differenzi joħolqu problema għall-operaturi tal-ferroviji b'servizz transkonfinali. Għalhekk dawn ir-regoli għandhom jiġu armonizzati fil-livell tal-UE;

L-iżvilupp tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) billi jiġi avvanzat l-hekk imsejjaħ internet għall-kargo u billi jsir użu aħjar mis-sistemi satellitari u tal-frekwenza tar-radjo;

Billi bosta atturi huma involuti fil-ktajjen tat-trasport intermodali, jista' jagħti l-każ li ma jkunx ċar min hu responsabbli għall-konsumatur. U dan ta' spiss iwassal għal nuqqas ta' kredibilità, sigurtà u kwalità tat-trasport. L-UE taqdi rwol importanti fl-iżvilupp ta' struttura distinta u diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet fis-sistema tat-trasport;

4.

kif ukoll:

It-tnaqqis tad-diffikultajiet iffaċċjati fit-traffiku internazzjonali fuq il-linji b'rabta ma' qsim tal-fruntieri, kemm minħabba problemi tekniċi (qisien differenti, differenzi fis-sistemi ta' vultaġġ, diskrepanzi fil-kriterji ta' omologazzjoni tar-rolling stock, eċċ.) jew intoppi amministrattivi;

Il-ħolqien ta' netwerk purament għall-merkanzija, fuq żmien twil, li jqis l-ispejjeż kbar għall-implimentazzjoni tiegħu, u b'analiżi tajba tal-bilanċ bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji;

L-iżvilupp ta' kurituri ħodor li l-iskop ewlieni tagħhom ikun li jnaqqsu l-ħin tat-trasportazzjoni u jtejbu il-kwalità tas-servizz;

It-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija jaqsam partijiet kbar mil-linji tal-ferrovija mat-trasport tal-passiġġieri. Dan jista' jillimita' l-kapaċitajiet u l-kredibilità taż-żewġ sistemi kemm fil-konurbazzjonijiet metropolitani kif ukoll fiż-żoni interreġjonali. Dawn iż-żewġ sistemi ta' spiss isibu ruħhom f'kunflitt, u dan ixekkel l-iżvilupp ta' sistemi tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent u li jkollhom livell ogħla ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Bil-kooperazzjoni tal-Istati Membri, l-UE għandha tanalizza dawn il-kunflitti u tirrifletti dwar kif jistgħu jingħelbu, billi dejjem tfittex li tagħmel l-aħjar użu mill-infrastruttura ferrovjarja attwali u futura. Aktar 'il quddiem l-UE u l-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jinħolqu netwerks tat-trasport separati għall-merkanzija u għall-passiġġieri — dejjem sakemm in-nuqqas ta' art mhuwiex ostakolu — billi jibdew l-ewwel bin-netwerks tal-ferroviji bl-ikbar volum ta' traffiku;

It-titjib fl-intermodalità li tiżgura li jsiru avvanzi ġenwini fl-effiċjenza tas-sistema;

L-istudju dwar id-daqs u t-tul tal-ferroviji u tal-vetturi tat-triq bl-iskop li tiżdied il-kapaċità tat-trasport filwaqt li jkun rispettat l-ambjent;

5.

u:

Titwarrab il-komplessità tal-aspett doganali tat-trasport marittimu, speċjalment bejn portijiet tal-UE;

Tiddaħħal il-karta Ewropea tax-xufiera tal-ferroviji, sabiex ħaddiema kkwalifikati jkunu jistgħu jaħdmu fi kwalunkwe pajjiż tal-UE iktar faċilment, bil-varjetà ta' sistemi u tagħmir li hemm fl-użu;

L-ugwaljanza quddiem il-liġi hija importanti biex ikun hemm kompetizzjoni b'kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd. Ir-Regolament dwar il-ħinijiet ta' sewqan u mistrieħ armonizza r-regoli madwar l-UE ikun fejn ikun ibbażat it-trasportatur. Madankollu, il-possibbiltajiet li tittieħed azzjoni kontra dawk li ma jobdux it-termini ta' dan ir-Regolament huma differenti u jiddependu minn jekk ir-reat seħħx fl-istess pajjiż fejn huma bbażati l-vettura u x-xufier jew f'pajjiż ieħor. Il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva bil-għan li tiffaċilita l-prosekuzzjoni transkonfinali tar-reati marbuta mat-traffiku tkopri reati li jinkludu l-veloċità, is-sewqan fis-sakra, is-sewqan mingħajr ċinturin tas-sigurtà u n-nuqqas ta' waqfien meta d-dwal ikunu ħomor. Il-ksur tar-regoli dwar il-ħinijiet ta' sewqan u mistrieħ għandhom jiġu inklużi wkoll fil-kooperazzjoni transkonfinali fil-prosekuzzjoni ta' reati marbuta mat-traffiku;

Il-konformità mar-regoli tal-puntwalità, speċjalment skont ir-regoli tal-UIRR (Unjoni Internazzjonali tal-Kumpaniji tat-Trasport Ikkombinat ferrovija/triq);

Ir-regoli dwar ix-xuffiera tal-ferroviji li jqattgħu l-iljieli f'pajjiżi oħra huma żvantaġġjużi għall-operaturi f'pajjiżi periferiċi meta jkunu impenjati fit-trasport internazzjonali fuq distanzi twal. Għaldaqstant il-liġijiet tax-xogħol għandhom jiġu riveduti sabiex fit-trasport tal-ferroviji internazzjonali l-operaturi periferiċi jingħataw l-istess possibbiltajiet bħall-operaturi fil-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali;

L-UE għandha toqgħod attenta b'mod partikolari għaż-żieda fil-kriminalità u l-attakki terroristiċi li qed jheddu t-trasport tal-merkanzija bit-triq u bil-ferrovija. Għandha tiġi żviluppata kooperazzjoni organizzata bejn l-Istati Membri u f'dan il-kuntest l-UE għandha rwol importanti. Il-bini ta' żoni ta' mistrieħ li huma aktar sikuri, speċjalment tul in-netwerk TEN-T, huwa fattur importanti biex tittejjeb is-sikurezza;

Il-ġlieda kontra l-konġestjoni tat-traffiku, billi jitwaqqfu mogħdijiet tal-ferrovija aktar favorevoli; u

It-titjib ġenerali tal-kwalità tas-servizz u introduzzjoni ta' kodiċi ta' kondotta tajba fis-settur, immirata li tiġġenera aktar fiduċja fost l-utenti;

Huwa importanti li l-UE żżomm għajnejha fuq il-kriminalità b'rabta mat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Huwa fatt magħruf li l-kuntrabandu u l-bejgħ illegali tat-tabakk u l-akoħol b'mod partikolari fiż-żoni ta' mistrieħ mhumiex każijiet rari. Sabiex tkun tista' tiġi kkontrollata din il-problema tinħtieġ kooperazzjoni internazzjonali li tkun żviluppata u kkoordinata mill-UE;

It-tisħiħ tal-kompetittività tal-passaġġi tal-ilma interni;

Il-ħolqien, flimkien mal-awtoritajiet deċentralizzati, ta' netwerk b'saħħitha ta' rotot ta' navigazzjoni u ta' portijiet ibbażata fuq l-idea ta' approċċ ta' netwerks u l-katina tat-trasport;

Il-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-passaġġi tal-ilma interni;

L-impenn favur is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-passaġġi tal-ilma interni.

Relazzjonijiet mal-awtoritajiet lokali u reġjonali

6.

Jikkonsidra li fit-tul, hemm bżonn li tinħoloq infrastruttura għat-trasport bil-ferrovija li jkollha kapaċità suffiċjenti, li tkun affidabbli u li ma toħloqx kunflitti bejn it-trasport tal-merkanzija u objettivi oħra fil-qasam jew interessi soċjali oħra, kif ukoll li toffri t-tip ta' kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-prestazzjoni ta' servizz tat-trasport effiċjenti fil-konsum tal-enerġija u kompatibbli mal-ħtiġijiet ambjentali;

7.

Huwa tal-opinjoni li fi żmien qasir hemm bżonn li qabel xejn jiġu identifikati u jitneħħew il-kawżi tal-konġestjoni u n-nuqqas ta' kapaċità fis-sistema;

8.

Iqis li minkejja l-fatt li t-trasport tal-merkanzija jitqies f'termini ta' kurituri nazzjonali u internazzjonali ewlenin, dan ma jaħdimx mingħajr il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fejn il-linji tat-trasport jaqsmu ż-żoni tagħhom.

9.

Iqis li l-ippjanar urban u reġjonali fil-qasam tad-distribuzzjoni tal-merkanzija għandu importanza kbira biex jinħoloq fluss tat-trasport tal-merkanzija li huwa kapaċi li jiffranka l-enerġija u li hu kompatibbli mal-ħtiġijiet tal-ambjent. Għalhekk, kull politika ta' trasport ġdida trid isserraħ fuq l-appoġġ attiv tas-suġġetti kollha li jistgħu jagħtu kontribut siewi lejn l-effettività tagħha, speċjalment dawk li, peress li joperaw fil-livell lokali, huma f'pożizzjoni li jsolvu l-problemi lokalment;

10.

Jista' jinħoloq settur tat-trasport tal-merkanzija ekonomiku u li jirrispetta l-ambjent, l-iktar bl-użu, fejn hu possibbli, tal-passaġġi tal-ilma interni. B'dan il-mod tista' titnaqqas ukoll il-konġestjoni tat-traffiku bejn il-portijiet u ż-żoni interni.

11.

Jikkunsidra li ċ-ċentri tat-trasbord u l-portijiet huma elementi importanti mill-infrastruttura fit-terminali tas-sistemi tat-trasport intermodali. L-ippjanar u l-lokalità tagħhom huma f'idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Huwa importanti li l-bliet jikkunsidraw impjanti bħal dawn fi stadju bikri tal-ippjanar tal-belt, u għal dan jeħtieġ li l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali joħolqu kundizzjonijiet stabbli u fit-tul għall-ippjanar tal-bliet;

12.

Peress li madwar 40 % tal-vetturi fl-UE jintużawgħad-distribuzzjoni jew il-konsenja tal-prodotti u s-servizzi, u peress li ħafna mill-konsumaturi huma fil-bliet, il-flussi qawwija tat-traffiku li jinħolqu fil-bliet iridu jiġu ġestiti. Għandna naħsbu biex jinxterdu l-aħjar prattiki ta' politiki dwar it-trasport tal-merkanzija urbana.

13.

Jinnota li l-ħolqien ta' awtoritajiet tat-trasport reġjonali jew tal-bliet f'diversi Stati Membri joffri sostenn imprezzabbli sabiex jinġiebu flimkien xewqat, ħtiġijiet u riżultati differenti. Il-KtR jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan irid isir b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

14.

Jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom il-kapaċità ulterjuri ta' djalogu mal-produtturi u l-klijenti tal-merkanzija;

15.

Hemm bżonn li tingħata attenzjoni speċjali lid-distribuzzjoni ta' servizzi u merkanzija fil-bliet, peress li ppjanar għaqli tal-loġistika urbana huwa fattur ewlieni fil-mobbiltà urbana;

16.

Iqis li fil-futur, deċiżjonijiet dwar il-post tat-terminali, iċ-ċentri tal-loġistika tad-distribuzzjoni u l-ħwienet infushom ser jirrikjedu dejjem iktar il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali;

17.

Barra min hekk jenfasizza li l-loġistika fil-livell reġjonali ser tkun politika ġdida li ser tiżviluppa malajr fil-futur. Iqis li ser issir ħaġa essenzjali li l-ġestjoni tal-inter-konnessjonijiet tiġi deċentralizzata f'idejn l-awtoritajiet reġjonali, filwaqt li d-definizzjoni ta' kurituri internazzjonali ewlenin tibqa' r-responsabbiltà tal-Istati Membri;

18.

Iqis li l-awtoritajiet lokali li għandhom politiki urbani tajbin, jistgħu jgħinu ħafna fil-passi sabiex it-trasport bil-ferrovija jsir aktar mgħaġġel; kontribut ta' dan it-tip huwa ta' valur imprezzabbli;

19.

Jikkunsidra li servizzi ferrovjarji anċillari, partikolarment terminals u stazzjonijiet tat-tqassim tal-merkanzija jistħoqqilhom attenzjoni speċjali mill-fondi strutturali;

20.

Iqis li l-ippjanar tat-trasport urban, partikolarment għas-sistemi ta' ġarr ta' merkanzija, għandu bżonn l-attenzjoni speċjali tal-awtoritajiet lokali, biex l-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni urbana ssir aktar effiċjenti kemm f'termini ambjentali kif ukoll ekonomiċi. Għal dan il-għan, għandna naħdmu biex intejbu l-kwalità ekoloġika tal-vetturi u nżidu l-fatturi tat-tagħbija sabiex in-numru ta' vjaġġi jkun pari mat-tunnellati ta' merkanzija trasportata;

21.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu joffru kontribut importanti għat-twettiq ta' politika għat-trasport tal-merkanzija sostenibbli biex isaħħu l-portijiet tal-passaġġi tal-ilma interni u jagħmluhom aċċessibbli;

22.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jħeġġu n-navigazzjoni għat-trasport permezz tal-politika għat-territorju, u b'mod partikolari bl-għażla tal-allokazzjoni tal-artijiet tal-intrapriżi. L-artijiet għall-intrapriżi b'attivitajiet marbuta mal-ilma, ir-rotot tan-navigazzjoni u l-portijiet tal-passaġġi tal-ilma interni jistħoqqilhom attenzjoni partikolari mill-fondi strutturali.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

23.

Jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol dejjem aktar importanti fit-tfassil ta' strateġiji loġistiċi għal pjanifikazzjoni, infrastrutturi u koordinazzjoni li jkunu effiċjenti u adattati;

24.

Jinnota li parti kbira mit-trasport tal-merkanzija jgħaddi min-netwerks tat-trasport tal-Ewropa ċentrali anke meta d-destinazzjoni finali ma tkunx hemm. Għalhekk, fid-dawl tal-problemi bil-kapaċità tan-netwerks tat-trasport tal-Ewropa ċentrali huwa importanti ħafna li l-UE tappoġġja l-bini ta' konnessjonijiet u kurituri li ma jkunux ta' piż fuq dawn in-netwerks jew li jtaffulhom xi ftit mill-piż. Il-kurituri tat-trasport bejn il-Lvant u l-Punent huma eżempju ta' konnessjonijiet ta' din ix-xorta u fl-istess ħin jgħinu fl-iżvilupp ta' dawn ir-reġjuni. L-istrateġija futura għall-Baħar Baltiku, li qiegħda titħejja bħalissa, fost ħwejjeġ oħra ser tenfasizza l-importanza ta' netwerks tat-trasport effiċjenti u s-soluzzjonijiet multimodali għall-ħolqien ta' reġjuni sostenibbli u kompetittivi. Huwa importanti ħafna li l-UE tkompli tipprovdi r-riżorsi għal dan it-tip ta' inizjattivi, pereżempju permezz tal-Fondi Strutturali jew programmi speċifiċi għas-settur;

25.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-trasport tal-merkanzija bil-baħar huwa importanti ferm għar-reġjuni li jipproduċu l-materja prima. L-industrija tal-manifattura tiddependi mill-forniment sigur tal-materja prima matul is-sena kollha. Sabiex it-trasport bil-baħar jaħdem anke fix-xitwa għandha tingħata prijorità lit-tagħmir għat-tkissir tas-silġ u dan għandu jiġi inkluż fit-TEN-T;

26.

Huwa tal-fehma li l-UE għandu jkollha approċċ integrat wieħed fl-ippjanar tal-infrastruttura fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll bejn l-UE u l-pajjiżi u r-reġjuni ġirien. Għaldaqstant, il-pakkett għat-trasport tal-merkanzija tal-UE għandu jitfassal b'tali mod li jkun konformi mal-pjanijiet ta' trasport u infrastruttura li diġà tħejjew u ġew adottati mill-UE bħat-TEN-T u l-mappa tal-kurituri tat-trasport transkonfinali;

27.

Ifakkar li f'dawn l-aħħar snin, numru sostanzjali ta' reġjuni fasslu stateġiji ta' dan it-tip biex jikkalkulaw il-volum fit-trasport fi żmien qasir u, fuq il-bażi ta' dawn il-previżjonijiet, jaslu għall-konklużjonijiet adattati. Dan ifisser dejjem iktar koordinazzjoni transkonfinali u transnazzjonali fil-proġetti loġistiċi Ewropej. Eżempju ta' din it-tendenza hija l-inizjattiva “Il-loġistika tal-prodotti kimiċi fl-Ewropa ċentrali” li nbdiet min-netwerk Ewropew tar-reġjuni li jipproduċu l-kimika biex itejbu il-kundizzjonijiet globali fit-tul taċ-ċentri tal-produzzjoni tal-industrija tal-kimika li għandhom il-bażi tagħhom fl-Ewropa ċentrali u tal-lvant permezz ta' strateġija koordinata. Eżempju ieħor huwa l-proġett ta' kostruzzjoni ta' kuritur ferrovjarju (EU4SeaRail) bejn il-baħar Baltiku, il-Baħar tat-Tramuntana, il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed. Xi eżempji importanti oħra ta' kurituri tat-trasport fl-Ewropa ta' Fuq huma l-Kuritur ta' Bothnia u l-Konnessjoni tat-Tramuntana. Ir-reġjuni kellhom rwol importanti biex joħolqu spazji loġistiċi li jippermettu l-komplimentarjetà u l-iskambju dinji, b'mod partikolari tal-merkanzija, biex b'hekk isir l-aħjar użu minn kull modalità tat-trasport, bħal fil-każ tal-pjattaforma loġistika PLAZA, fir-reġjun Spanjol tal-Aragona, u l-konnessjonijiet tiegħu mal-pjattaformi l-oħrajn, bħall-Eurocentre f'Tolosa u ċ-ċentri differenti preżenti fil-penisola Iberika;

28.

Huwa tal-opinjoni li trasport effiċjenti bejn il-pajjiżi tal-Ewropa jista' jtejjeb it-tkabbir ekonomiku b'mod sinifikanti. Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex dan tikkunsidrah fit-tħejjija tar-reviżjoni futura tad-direttivi dwar in-netwerks trans-Ewropej fl-2009-2010, billi, l-ewwel u qabel kollox, tippromovi l-implimentazzjoni ta' proġetti li diġà ġew approvati u li ddaħħlu fin-netwerk bħala prijorità. B'mod partikolari dawk marbuta mal-partijiet fejn it-trasport effiċjenti tal-merkanzija huwa diffiċli, pereżempju, dawk transkonfinali u dawk li jaqsmu ż-żoni muntanjużi;

Barra minn hekk għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Kumitat tar-Reġjuni

29.

Jilqa' l-isforzi li saru s'issa, speċjalment mill-Presidenza Finlandiża u dik Ġermaniża sabiex jassiguraw il-progress f'dan il-qasam;

30.

B'mod wiesa' jaqbel mal-analiżi u l-miżuri rakkomandati fil-komunikazzjonijiet li flimkien jagħmlu dan il-pakkett tat-trasport bil-ferroviji;

31.

Madankollu, jirrakkomanda li tingħata kas lill-ħtieġa għal rabtiet tajbin mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif indikat fil-punt t'hawn fuq;

32.

Huwa konxju li kwalunkwe politika ġdida tat-trasport tal-merkanzija li tkun effettiva ma tistax taħdem mingħajr il-kooperazzjoni sħiħa tal-awtoritajiet lokali u l-gvernijiet reġjonali ikkonċernati; b'mod urġenti tappella sabiex dawn ir-rabtiet b'saħħithom jiġu stabbiliti u lest li jagħmel kull ma jista' biex jikkontribwixxi lejn dan;

33.

Jirrakkomanda li jsiru sforzi ulterjuri sabiex l-awtoritajiet politiċi kollha jsiru konxji minn din il-kwistjoni, filwaqt li titqies l-importanza kbira ta' dan is-settur tal-PGD u l-impatt dirett u indirett tiegħu fuq l-ekonomija u s-soċjetà b'mod ġenerali;

34.

Jidhirlu li mhux xieraq li ssir ir-reviżjoni tad-direttiva 96/53/KE. Hemm bżonn li jinżamm l-approċċ li jiffavorixxi soluzzjonijiet li huma aktar kompatibbli mal-ambjent, jiġifieri żieda fin-numru tal-ferroviji iżda mhux bil-fors fin-numru tat-trakkijiet;

35.

Jirrimarka li l-konurbazzjonijiet metropolitani huma d-destinazzjoni ta' parti sostanzjali tat-trasport kollu tal-merkanzija. Għalhekk, l-ippjanar tat-tqassim tal-merkanzija fil-bliet huwa importanti ħafna sabiex jinħolqu flussi tat-trasport li jiffrankaw l-enerġija u li jirrispettaw l-ambjent. Il-post ta' fejn isiru t-trasferimenti b'rabta man-netwerk tat-trasport tal-merkanzija b'mod ġenerali huwa importanti immens hawnhekk. Għal din ir-raġuni għandu jkun hemm kooperazzjoni tajba bejn il-livell lokali u reġjonali u l-politika ġenerali tal-UE għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija. Il-Kumitat iqis li l-politika tat-trasport tal-merkanzija għandha tkun konformi mal-pjan ta' azzjoni dwar it-trasport urban;

36.

Fid-dawl tal-prezz tal-enerġija, l-innovazzjoni fis-settur tal-bijokarburanti hija importanti ħafna, iżda trid iseħħ b'rispett lejn l-ekwilibriji importanti tad-dinja tal-agrikoltura. Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ ir-riċerka f'dan il-qasam;

37.

Jirrakkomanda l-liberalizzazzjoni tas-settur kollu tal-ferroviji sakemm ikun hemm regoli ta' koordinazzjoni li jirrispettaw l-interess pubbliku;

38.

Iqis li jkun xieraq li safejn hu possibbli jsir progress f'dak li jikkonċerna l-linji prijoritarji għall-merkanzija;

39.

Jikkunsidra li n-netwerks tat-trasport għandhom jiġu integrati dejjem aktar fil-politiki ta' loġistika bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, filwaqt li jiġi żviluppat il-kunċett ta' portijiet xotti (dry ports) u tingħata risposta lill-preokkupazzjonijiet evidenti ta' natura ambjenali;

40.

Fl-opinjoni tiegħu huwa xieraq li tittejjeb l-interazzjoni bejn is-sistemi ferrovjarji u dawk marittimi li f'xi żoni għadhom mhumiex effettivi, iqis li jkun utli li l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jinsabu fiż-żoni interni jiżviluppaw soluzzjonijiet loġistiċi mmirati li joħolqu pjattaformi loġistiċi u interportijiet, li huma strumenti fundamentali għat-titjib tas-sistema tad-distribuzzjoni globali tal-merkanzija u li jippromovu l-iżvilupp u l-koeżjoni tat-territorji interni;

41.

Jenfasizza l-bżonn li fil-futur jiġu armonizzati l-mezzi u standards teknoloġiċi sabiex il-ferroviji jkunu jistgħu jegħlbu malajr l-ostakli attwali dovuti għad-differenzi fis-sistemi ta' provvista elettrika u fid-diversità tal-gauges;

42.

Huwa konvint li l-Protokoll ta' Kyoto u l-effetti tiegħu fuq il-politiki tat-trasporti se jkollhom riperkussjonijiet evidenti ħafna fuq il-loġistika tal-merkanzija;

43.

Iqis li għall-futur ikun objettiv ideali li tkun possibbli li wieħed jaqsam l-Ewropa kollha b'ferroviji b'veloċità għolja minn Liżbona għall-Mediterran kollu, sal-Baltiku u l-fruntieri l-ġodda mal-pajjiżi terzi;

44.

Jipproponi li jiġu approfonditi l-istudji li għandhom l-iskop li jidentifikaw u jadottaw miżuri biex jiġu eliminati r-restrizzjonijiet fil-livell tal-infrastruttura u tar-regolamenti eżistenti; iqis li biex isir progress aktar mgħaġġel fl-identifikazzjoni ta' dawn il-problemi u biex jinstabu s-soluzzjonijiet hemm bżonn li jinħolqu netwerks ta' skambju tal-għarfien u ta' prattiki tajbin fost iċ-ċentri speċjalizzati fil-loġistika u l-intermodalità, fuq il-livell lokali u reġjonali;

45.

Iqis li huwa meħtieġ li jiġu definiti l-istrateġiji u l-pjanijiet ta' azzjoni fit-tul sabiex jitwessgħu il-kurituri Ewropej;

46.

Japprova il-miżuri li jiggarantixxu kundizzjonijiet ekwi ta' konkorrenza bejn l-Istati Membri;

47.

Huwa favur l-armonizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tan-normi u r-regolamenti, b'mod partikolari dawk dwar id-dimensjonijiet u l-piż, in-normi tas-sikurezza marbuta mal-irbit tat-tagħbija u mar-responsabbiltajiet tal-partijiet, ir-regoli dwar l-ugwaljanza tat-trasportaturi kollha quddiem il-liġi, indipendentement mill-post tar-residenza tagħhom, lingwa komuni għall-kontroll tat-traffiku u fl-aħħar l-importazzjonijiet mill-pajjiżi barra mill-UE;

48.

Iqis li hemm bżonn li jingħelbu l-ostakli amministrattivi, billi kemm jista' jkun id-dokumenti jintbagħtu b'mod elettroniku;

49.

Jirrakkomanda li jkun hemm iktar effiċjenza fit-trasport, fejn jidħol l-iżvilupp u l-użu tal-kapaċità ta' kull modalità, kif ukoll l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-intermodalità;

50.

Jirrakkomanda sistemi tat-trasport aktar effiċjenti, u jipproponi li għal dan il-għan tinħoloq politika loġistika aktar avvanzata għall-portijiet u t-terminali;

51.

Fl-aħħar iqis li huwa xieraq li l-internet jintuża biex titwassal informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet lokali u l-karatteristiċi tal-portijiet.

Brussell, it-8 ta' Ottubru 2008.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE