5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 172/55


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-swieq ewropej fil-qasam ta' l-elettriku u l-gass: it-tielet pakkett leġislattiv

(2008/C 172/11)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-konsumatur għandu jitqiegħed fil-qalba tad-diskussjonijiet dwar il-liberalizzazzjoni ta' l-enerġija

għaldaqstant huwa favur miżuri addizzjonali għas-separazzjoni (unbundling) fil-qasam tat-trażmissjoni

jinnota bi pjaċir li l-pakkett leġislattiv jipproponi li jiffinalizza s-suq intern ta' l-enerġija permezz ta' miżuri leġislattivi addizzjonali maħsuba sabiex jassiguraw aċċess mhux diskriminatorju lill-kompetituri l-ġodda għan-netwerks tat-trażmissjoni u b'hekk tiġi promossa wkoll il-kompetizzjoni, tiġi stabbilita koordinazzjoni aħjar bejn ir-regolaturi u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, jiġu promossi l-investimenti fil-produzzjoni ta' l-elettriku u l-gass u tiżdied it-trasparenza tas-suq;

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tevita l-konċentrazzjoni tas-swieq u tiffavorixxi l-pluralità ta' operaturi privati u pubbliċi permezz ta' miżuri adattati; l-Istati Membri li jixtiequ għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-regoli dwar l-unbundling legali ta' l-operaturi tan-netwerks ta' trażmissjoni għall-kumpaniji ta' l-elettriku integrati li jservu inqas minn 100 000 klijent konness jew li jservu netwerks żgħar iżolati;

isejjaħ sabiex tiġi mħeġġa l-produzzjoni ta' l-enerġija lokali u reġjonali bbażata fuq is-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli, li jkunu adegwati b'kondizzjonijiet ambjentali tat-territorju kkonċernat filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trażmissjoni ta' l-enerġija u l-emissjonijiet fl-UE kollha kemm hi. Għalhekk hemm bżonn li titħeġġeġ it-tħejjija ta' pjanijiet ta' enerġija speċifiċi fil-livell reġjonali, li jridu jiġu kkoordinati u integrati sew kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Komunitarju;

Rapporteur

:

Michel LEBRUN (BE/PPE) Membru Parlamentari tar-Reġjun ta' Wallonja (BE/PPE)

Dokumenti ta' referenza

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/54/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta' l-elettriku

COM(2007) 528 final — 2007/0195 (COD)

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/55/KE rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali

COM(2007) 529 final — 2007/0196 (COD)

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija

COM(2007) 530 final — 2007/0197 (COD)

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku

COM (2007) 531 final — 2007/0198 (COD)

Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda (KE) Nru 1775/2005 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni tal-gass naturali

COM (2007) 532 final — 2007/0199 (COD)

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.

jfakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu kontribut sinfikattiv għas-suċċess ta' l-inizjattivi Ewropej u jaqdu rwol essenzjali fil-politika ta' l-enerġija Ewropea,

2.

jenfasizza li l-enerġija hija essenzjali kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-kompetittività ta' l-intrapriżi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala organizzazzjonijiet qrib iċ-ċittadini, jixtiequ li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-elettriku u l-gass mingħajr interruzzjonijiet, bi prezz kompetittiv u b'livell adegwat ta' servizzi,

3.

jenfasizza li l-konsumatur għandu jitqiegħed fil-qalba tad-diskussjonijiet dwar il-liberalizzazzjoni ta' l-enerġija,

4.

jinnota li l-liberalizzazzjoni ta' l-enerġija għadha ma tatx ir-riżultati mistennija f'bosta Stati Membri u ma jeżistix suq uniku ġenwin għall-elettriku u l-gass fi ħdan l-UE,

5.

jaqbel ma' l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-nuqqasijiet osservati fis-swieq ta' l-elettriku u l-gass: il-konċentrazzjoni qawwija tas-suq, il-livell għoli ta' integrazzjoni vertikali ta' l-intrapriżi ta' l-enerġija, il-frammentazzjoni tas-swieq, in-nuqqas ta' trasparenza speċjalment fit-tfassil tal-prezzijiet u n-nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni,

6.

jinnota bi pjaċir li l-pakkett leġislattiv jipproponi li jiffinalizza s-suq intern ta' l-enerġija permezz ta' miżuri leġislattivi addizzjonali maħsuba sabiex jassiguraw aċċess mhux diskriminatorju lill-kompetituri l-ġodda għan-netwerks tat-trażmissjoni u b'hekk tiġi promossa wkoll il-kompetizzjoni, tiġi stabbilita koordinazzjoni aħjar bejn ir-regolaturi u l-operaturi tas-sistemi tat-trażmissjoni, jiġu promossi l-investimenti fil-produzzjoni ta' l-elettriku u l-gass u tiżdied it-trasparenza tas-suq,

7.

jilqa' b'mod favorevoli l-inklużjoni ta' l-iżvilupp tas-swieq reġjonali fil-pakkett leġislattiv, u jqisu bħala pass essenzjali fit-triq tas-suq uniku ta' l-elettriku u l-gass fi ħdan l-UE,

8.

għandu pjaċir li l-Kummissjoni Ewropea identifikat il-kompetittività, is-sigurtà tal-provvista u s-sostenibilità bħala objettivi tal-politika ta' l-enerġija Ewropea u qiegħda ssegwihom filwaqt li jenfasizza li dawn it-tliet objettivi m'humiex bilfors kompatibbli bejniethom, u tenħtieġ taħlita bbilanċjata bejn dawn l-objettivi differenti,

9.

jagħraf li t-tielet pakkett leġislattiv propost għandu l-għan li jtejjeb it-tħaddim tas-swieq Ewropej ta' l-elettriku u l-gass iżda jittama wkoll li l-pakkett iħaddan objettivi oħrajn tal-politiki Komunitarji, bħat-titjib fl-effiċjenza ta' l-użu ta' l-enerġija u t-tnaqqis fil-bidla fil-klima. Għaldaqstant, is-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli għandhom isiru l-iktar għażla ekonomika,

10.

ifakkar f'opinjoni preċedenti fejn il-KtR rrakkomanda l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż ambjentali fil-prezz tal-konsum (CdR 216/2005). Inizjattiva bħal din teħtieġ it-twaqqif ta' leġislazzjoni speċifika fil-livell ta' l-UE, billi l-pakkett leġislattiv ma jinkludihiex. Għaldaqstant il-KtR jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipproponi sistema bħal din; Madankollu, matul it-tħejjija tagħha hemm bżonn li wieħed iżomm f'moħħu li jekk l-implimentazzjoni tat-tali inizjattiva twassal għal żieda fil-prezzijiet tal-konsum ta' l-enerġija, dan iwassal għal riperkussjonijiet fuq il-kompetittività ta' l-UE u fuq it-twettiq ta' l-objettivi ta' l-istrateġija ta' Lisbona,

11.

jikkunsidra li minkejja l-analiżi ta' impatt tal-KE, li kienet globalment pożittiva dwar it-tielet pakkett leġislattiv fir-rigward ta' l-enerġija, hemm bżonn li nibqgħu attenti għar-riperkussjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jista' jkollhom dawn il-miżuri proposti, speċjalment fil-livell reġjonali u lokali.

Is-suq intern ta' l-enerġija u l-gass

Fir-rigward tal-kompetizzjoni

12.

ifakkar li l-liberalizzazzjoni tas-swieq ta' l-elettriku u l-gass kellha ttemm il-monopolji ta' l-intrapriżi ta' l-enerġija fl-Istati Membri u tippromovi l-kompetizzjoni. Din ma tistax isseħħ ħlief jekk — fil-livell tal-provvista — bosta produtturi u fornituri jkunu tassew qegħdin jikkompetu ma' xulxin,

13.

jinnota li bħalissa s-swieq nazzjonali tal-produzzjoni ta' l-elettriku huma ddominati minn monopolju de facto jew minn oligopolju. Għall-gass naturali, l-għadd ta' produtturi potenzjali mhux biss huwa limitat, iżda barraminhekk, il-produtturi esterni għall-Unjoni Ewropea m'humiex soġġetti għar-regoli ta' l-Unjoni Ewropea, minkejja li jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-provvista,

14.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tevita l-konċentrazzjoni tas-swieq u tiffavorixxi l-pluralità ta' operaturi privati u pubbliċi permezz ta' miżuri adattati. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta' l-elettriku għandhom rwol ewlieni x'jaqdu u għaldaqstant, l-Istati Membri li jixtiequ għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-regoli dwar l-unbundling legali ta' l-operaturi tan-netwerks ta' trażmissjoni għall-kumpaniji ta' l-elettriku integrati li jservu inqas minn 100 000 klijent konness jew li jservu netwerks żgħar iżolati,

15.

jisħaq li l-kompetituri l-ġodda jistgħu jinvestu fil-kapaċitajiet ġodda tal-produzzjoni ta' l-elettriku u l-importazzjoni tal-gass sabiex tiġi żviluppata sitwazzjoni b'opportunitajiet indaqs għal kulħadd li toħloq suq kompetittiv,

16.

josserva li suq kompetittiv jippermetti wkoll lill-produtturi lokali u reġjonali ta' l-elettriku minn enerġija rinnovabbli jkollhom aċċess għall-konsumaturi b'mod ugwali.

Fir-rigward tal-ħtiġijiet tas-separazzjoni (unbundling)

17.

jinnota li s-separazzjoni (unbundling) legali u funzjonali fil-livell tat-trażmissjoni, li ilha obbligatorja mill-1 ta' Lulju 2004, m'hijiex biżżejjed sabiex jiġi assigurat it-tħaddim tajjeb tas-suq peress li ma twassalx għat-tneħħija tal-kunflitt ta' interess li ġġib magħha l-integrazzjoni vertikali,

18.

jaqbel mal-fehma li intrapriża integrata vertikalment għandha tendenza li tikkunsidra n-netwerks bħala assi strateġiċi li jservu l-interess kummerċjali tagħha, minflok l-interessi globali tal-klijenti tan-netwerks u speċjalment għandha tendenza li tinvesti inqas fin-netwerks ġodda minħabba l-biża li dawn l-investimenti jistgħu jgħinu lill-kompetituri jmorru tajjeb fis-suq nazzjonali,

19.

għaldaqstant huwa favur miżuri addizzjonali għas-separazzjoni (unbundling) fil-qasam tat-trażmissjoni,

20.

jinnota li s-separazzjoni (unbundling) tal-proprjetà, rakkomandata mill-KE, ma ntlaqgħetx b'unanimità mill-Istati Membri minkejja li hija tip ta' garanzija ta' aċċess indaqs għan-netwerks għall-fornituri kollha u għan-newtralità tal-politika ta' investiment fin-netwerks tat-trażmissjoni,

21.

għalhekk iħoss li l-Istati Membri li jixtiequ dan għandu jkollhom l-għażla li jieħdu l-approċċ ibbażat fuq l-operatur indipendenti tas-sistema (ISO) minkejja li din l-għażla tista' twassal għal effetti mhux mixtieqa għall-azzjonisti (telf tal-kontroll, privatizzazzjoni, eċċ). Għalhekk l-Istati Membri għandu jkollhom ukoll l-għażla “tas-separazzjoni effettiva u effiċjenti” li tkun ibbażata fuq l-indipendenza effettiva ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni min-naħa, u fuq regoli ċari dwar l-investimenti fin-netwerks min-naħa l-oħra,

22.

jixtieq li s-separazzjoni (unbundling) legali u funzjonali tad-distribuzzjoni, li ilha obbligatorja biss mill-1 ta' Lulju 2007, tiġi applikata mhux biss fis-sens strett tal-liġi iżda wkoll fl-ispirtu. Sabiex tiġi skoraġġita kemm jista' jkun il-konċentrazzjoni tas-suq, għandu jkun hemm ukoll strateġija li tappoġġja l-kumpaniji ta' l-enerġija ta' daqs medju u żgħir; għaldaqstant, il-Kumitat jieħu pjaċir li qiegħda tinżamm l-eżenzjoni attwali ta' l-operaturi ż-żgħar tan-netwerks ta' trażmissjoni (li jservu inqas minn 100 000 klijent),

23.

huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu mħeġġa jsiru azzjonisti attivi fil-ġestjoni tan-netwerk tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, ċentri ġenwini tas-suq ta' l-enerġija.

Fir-rigward tar-regolaturi ta' l-enerġija

24.

jinsisti fuq il-ħtieġa ta' korpi regolatorji indipendenti iżda li jkunu wkoll kompetenti u effiċjenti, f'suq fejn jeżistu operaturi monopolistiċi u/jew dominanti,

25.

bi pjaċir jinnota r-rwol armonizzat u rinfurzat tar-regolaturi nazzjonali. Ir-regolaturi m'għandhomx jiffokaw biss fuq l-attivitajiet regolati, iżda wkoll fuq it-tħaddim ġenerali tas-suq permezz tal-poteri diskrezzjonali ex-ante,

26.

jinnota li r-regolaturi ħafna drabi jkollhom viżjoni fuq perijodu qasir wisq sabiex inaqqsu t-tariffi tan-netwerk ta' l-elettriku u tal-gass, ikun xi jkun ir-riskju, u b'hekk ma jkunux jistgħu jaraw l-objettivi fuq perijodu fit-tul: l-aħjar żvilupp tan-netwerk u t-titjib — jew almenu ż-żamma — tal-kwalità tan-netwerk u s-servizzi; l-awtoritajiet regolatorji għalhekk għandhom jiġu pperswaduti jadottaw approċċ integrat fil-kompitu tagħhom, li m'għandux ifisser biss li jirregolaw il-prezzijiet,

27.

jisħaq fuq il-bżonn li r-regolaturi jipprovaw joħolqu inċentivi sabiex jitwettaq l-investiment neċessarju fin-netwerks inkluż dawk meħtieġa għall-enerġija rinnovabbli,

28.

isejjaħ għal metodoloġiji ta' benchmarking ta' tariffi u ta' spejjeż ta' aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni u distribuzzjoni, implimentati mir-regolaturi, integrati mhux biss mil-lat kwantitattiv (spejjeż), iżda wkoll kwalitattiv (eż. kriterji ta' affidabilità tal-kwalità tan-netwerks) sabiex jinżamm il-livell ta' kwalità attwali tan-netwerks.

Fir-rigward ta' l-investiment li jassigura s-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija

29.

jinnota li s-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija mhux biss hija mhedda min-nuqqas ta' investiment f'impjanti ġodda ta' l-elettriku, iżda apparti minn hekk, element fundamentali għas-sigurtà tal-provvista ser ikun l-iżvilupp ta' netwerks ġodda tat-trasport u d-distribuzzjoni, u t-tkabbir u t-titjib tan-netwerks eżistenti, kif ukoll il-linji ta' interkonnessjoni; minbarra investiment fuq skala kbira, dan ifisser li jkollhom jingħelbu diffikultajiet kbar fit-tfassil u l-proċedura,

30.

jinsisti fuq l-importanza ta' ambjent stabbli u attraenti għall-investiment,

31.

jenfasizza l-importanza li ser ikollha d-diversifikazzjoni tas-sorsi ta' l-enerġija sabiex tiġi assigurata s-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija,

32.

isejjaħ sabiex tiġi mħeġġa l-produzzjoni ta' l-enerġija lokali u reġjonali bbażata fuq is-sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli, li jkunu adegwati b'kondizzjonijiet ambjentali tat-territorju kkonċernat filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trażmissjoni ta' l-enerġija u l-emissjonijiet fl-UE kollha kemm hi. Għalhekk hemm bżonn li titħeġġeġ it-tħejjija ta' pjanijiet ta' enerġija speċifiċi fil-livell reġjonali, li jridu jiġu kkoordinati u integrati sew kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Komunitarju,

33.

jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa li jħeġġu lill-produtturi iżda wkoll lill-operaturi tan-netwerks jinvestu fil-kostruzzjoni ta' l-impjanti ta' l-elettriku, kif ukoll fl-infrastruttura tan-netwerks, sabiex ikun hemm aċċess ġust għall-produzzjoni lokali ta' l-enerġija rinnovabbli,

34.

madankollu, jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li, ġeneralment, in-netwerks m'humiex attwalment maħluqin sabiex jilqgħu parti sostanzjali ta' l-enerġija rinnovabbli. Dan ifisser li hemm bżonn ta' investiment u mezzi finanzjarji addizzjonali sabiex in-netwerks jiġu adattati għall-iżvilupp ta' l-enerġiji rinnovabbli. Hemm bżonn ukoll li ssir riflessjoni fuq is-soluzzjonijiet tal-ħażna ta' l-enerġija, li teħtieġ investimenti oħrajn mhux insinifikanti,

35.

jenfasizza li l-politiki ta' l-użu razzjonali ta' l-enerġija u ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija jirrappreżentaw l-aħjar mezz għat-tnaqqis tat-tensjoni attwali bejn l-offerta u d-domanda għall-enerġija.

Fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur

36.

ifakkar li l-obbligazzjoni tas-servizz pubbliku għandha tikkomplementa l-kompetizzjoni u tibqa' fil-qalba tal-proċess tal-ftuħ tas-suq,

37.

jirrakkomanda li l-libertà ta' l-għażla għall-konsumaturi teħtieġ li tkun akkumpanjata minn garanziji qawwija dwar id-drittijiet tal-konsumaturi ta' l-enerġija. F'dan ir-rigward, ikun rakkomandabbli li d-dispożizzjonijiet tal-“Karta Ewropea għad-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija” tal-ġejjieni jkollhom valur legali,

38.

jilqa' b'mod favorevoli t-tnedija ta' forum dwar “il-bejgħ bl-imnut”, bħall-forums ta' Firenze u Madrid,

39.

jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-monitoraġġ tas-swieq tal-bejgħ bl-imnut sabiex tevalwa l-effetti tal-liberalizzazzjoni fuq id-djar, bil-għan li tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq ta' l-enerġija u jitnaqqas ir-riskju ta' manipulazzjoni tas-suq,

40.

jenfasizza l-importanza ta' iżjed trasparenza fil-fatturi ta' l-elettriku u l-gass ħalli l-konsumaturi jitħajru jbiddlu l-għażliet tagħhom, billi jekonomizzaw fl-użu ta' l-enerġija u jżidu l-effiċjenza fl-użu tagħha,

41.

jinsisti fuq l-implimentazzjoni ta' sistemi newtrali ta' l-informatika li jkunu indipendenti mill-fornituri u li jippermettu l-ġestjoni awtomatika ta' “l-iswiċċ”,

42.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-introduzzjoni ġeneralizzata tal-kompjuters intelliġenti għandha sseħħ b'żewġ kondizzjonijiet preliminari: li tkun fattibbli mil-lat finanzjarju u proporzjonali ma' l-iffrankar ta' l-enerġija għat-tipi varji ta' klijenti,

43.

jirrakkomanda li fil-ġejjieni tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli sabiex jiġi miġġieled il-fenomenu tal-faqar ta' l-enerġija.

Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi ta' l-Enerġija

44.

fir-rigward tal-kwistjonijiet transkonfinali, jirrikonoxxi r-“regolatory gap” u l-bżonn li jittejbu l-interkonnessjonijiet f'ċerti partijiet tas-suq,

45.

madankollu, jappoġġja r-rinfurzar ta' l-ERGEG (Grupp ta' Regolaturi Ewropej għall-Elettriku u l-Gass) minflok li jiġi ssostitwit b'aġenzija ġdida. Fil-fatt, minflok tiġi stabbilita struttura ġdida, bl-ispejjeż u l-burokrazija kollha li ġġib magħha, għandu jkun possibbli li nkomplu fuq l-istess bażi, b'ERGEG imsaħħaħ, li jkollu l-kompetenza li jindirizza l-problemi transkonfinali u li jiġi inkarigat ukoll minn dmirijiet oħra assenjati għall-aġenzija u li b'hekk ikun iġġustifikat it-twaqqif ta' aġenzija separata. Jekk il-kompetizzjoni ma tissaħħaħx biżżejjed b'dan il-mod, it-twaqqif ta' aġenzija separata jkun iġġustifikat.

L-iskambji transkonfinali

46.

japprezza li t-tielet pakkett leġislattiv isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni billi joħloq netwerk Ewropew għalihom. Dan iservi bħala inkoraġġiment għall-iskambji transkonfinali ta' l-elettriku u l-gass li huma prerekwiżiti għat-tħaddim sħiħ tas-suq intern. Kapaċità għolja mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni hija ħtieġa teknika bażika kemm għas-sigurtà tal-provvista kif ukoll għall-kompetizzjoni effettiva f'suq komuni ta' l-enerġija. Bħalissa, dan jgħodd l-iktar għall-Istati Membri ta' l-UE tal-Lvant, li qed jistinkaw biex ma jibqgħux jiddependu mill-pajjiżi ġirien tal-lvant għall-enerġija,

47.

huwa tal-fehma li għandu jkun hemm ċaqliq gradwali fid-direzzjoni ta' l-operaturi tan-netwerks tat-trażmissjoni reġjonali,

48.

fir-rigward tan-netwerk Ewropew ta' l-operaturi tat-trażmissjoni ta' l-elettriku u l-gass, jindika li l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea jagħtu lil dawn l-operaturi status kważi-regolamentarju filwaqt li r-rwol ta' l-aġenzija jidher ristrett għal dak ta' korp konsultattiv. Ċerti regoli bħar-regoli ta' trasparenza jew ir-regoli għall-iskambju għandhom jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet regolatorji,

49.

jilqa' b'mod favorevoli l-obbligazzjoni imposta fuq in-netwerk Ewropew ta' l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ta' l-elettriku sabiex kull sentejn jiġi ppubblikat pjan ta' għaxar snin għall-investimenti fin-netwerks għall-Komunità kollha kemm hi,

50.

jixtieq li l-kompetituri ġodda fis-suq, speċjalment l-azjendi lokali u reġjonali ta' l-elettriku, ikollhom l-istess livell ta' informazzjoni dwar is-swieq daqs dawk li jkunu ilhom fis-suq.

Netwerk tat-trażmissjoni tal-gass

51.

huwa tal-fehma li d-disponibilità limitata tal-kapaċitajiet ta' ħażna tal-gass, li ħafna drabi tkun f'idejn l-operaturi li jkunu ilhom fis-suq, tolqot serjament lill-kompetizzjoni fis-settur tal-gass u indirettament lis-settur ta' l-elettriku fil-livell tal-produzzjoni. Għaldaqstant, jilqa' b'mod favorevoli l-proposti bil-għan li jittejjeb l-aċċess għall-impjanti tal-ħażna, kif ukoll l-impjanti tal-Gass Naturali Likwidu (LNG),

52.

jappoġġja l-implimentazzjoni ta' sistema ta' dħul-ħruġ li permezz tagħha l-kapaċità tiġi allokata għal żona/reġjun u mhux għal pipeline partikulari sabiex tiġi promossa l-kompetizzjoni.

Brussell, l-10 ta' April 2008

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE