3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/95


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Elementi għall-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta' pjattaforma għal parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni fil-livell Komunitarju ta' politiki għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi

(2009/C 27/21)

F'ittra ta' l-24 ta' Lulju 2007, is-Sinjura Margot Wallström u s-Sur Franco Frattini, Viċi-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, talbu lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jħejji opinjoni esploratorja dwar:

Elementi għall-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta' pjattaforma għal parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni fil-livell Komunitarju ta' politiki għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta' Ġunju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Pariza Castaños.

Matul l-446 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fid-9 u l-10 ta' Lulju 2008 (seduta tad-9 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'136 vot favur, 4 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Permezz tal-Viċi-Presidenti Franco Frattini u Margot Wallström, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-KESE sabiex iħejji opinjoni esploratorja dwar l-Elementi għall-istruttura, l-organizzazzjoni u l-funzjonament ta' pjattaforma għal parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni fil-livell Komunitarju ta' politiki għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

1.2

Fl-aħħar snin, il-Kumitat ħejja diversi opinjonijiet (1) bil-għan li jqiegħed l-integrazzjoni fil-qalba tal-politiki Ewropej ta' l-immigrazzjoni u l-ażil, u ħadem b'mod attiv ħafna mal-Kumissjoni, il-Parlament u l-Kunsill sabiex jippromovi dawn il-politiki.

1.3

Il-Kumitat ħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, atturi fundamentali tal-politiki ta' integrazzjoni, sabiex jieħdu sehem fit-tfassil ta' l-opinjonijiet. F'dan ir-rigward, sa mill-2002, il-KESE u l-Kummissjoni Ewropea stiednu lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta' l-Istati Membri sabiex jattendu konferenza (2) importanti li ppermettiet it-tnedija ta' analiżi komuni tal-politiki Ewropej ta' integrazzjoni. Fil-konklużjonijiet tagħha, din il-konferenza pproponiet it-tħejjija ta' programm Komunitarju ta' integrazzjoni u l-ħolqien ta' fond sabiex jiffinanzja l-objettivi stabbiliti.

2.   Il-qafas ta' l-Unjoni Ewropea għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi

2.1

Fl-opinjoni tiegħu dwar L-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata tal-21 ta' Marzu 2002 (3), il-KESE enfasizza l-bżonn li jiġu implimentati politiki ċari u effikaċi ta' integrazzjoni f'programm qafas ta' l-UE. Għalkemm il-proċess sabiex jiġi stabbilit qafas komuni għall-integrazzjoni ta' l-immigranti ma kienx faċli, hekk kif jiġi ratifikat it-Trattat ta' Lisbona, l-Unjoni Ewropea ser ikollha strumenti politiki u legali aħjar li huma neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan il-qafas.

2.2

Il-Programm ta' l-Aja (4) għat-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja ta' l-UE jenfasizza li l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi hija strateġija politika prinċipali għat-tisħiħ tal-libertà fl-UE matul il-perijodu 2005-2009 (5).

2.3

Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-bżonn li, kif inhu stipulat fil-Prinċipji Bażiċi Komuni li ħolqu qafas komuni għall-integrazzjoni ta' l-immigranti fl-Unjoni Ewropea u li ġew adottati mill-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tad-19 ta' Novembru 2004 (6), titjieb il-koordinazzjoni bejn il-politiki nazzjonali ta' integrazzjoni u l-inizjattivi Komunitarji. Dan il-bżonn ġie kkonfermat ukoll mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha Il-Programm ta' L-Aja: Għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjinIl-Partenarjat għal tiġdid Ewropew fil-qasam tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja  (7) li tirreferi għall-bżonn li jiġi stabbilit qafas Ewropew għall-integrazzjoni, ibbażat fuq il-Prinċipji Bażiċi Komuni, li jassigura r-rispett tal-valuri u tad-drittijiet fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea u li jippromovi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

2.4

Il-Prinċipji Bażiċi Komuni joffru analiżi koerenti tal-kunċett Ewropew ta' l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fuq il-bażi ta' l-għan ta' “integrazzjoni ċivika” li, kif propost mill-Kumitat (8), tikkonsisti fl-armonizzazzjoni progressiva tad-drittijiet u d-dmirijiet ta' l-immigranti, kif ukoll ta' l-aċċess għall-oġġetti, għas-servizzi u għall-mezzi ta' parteċipazzjoni ċivika sabiex dawn isiru aktar konformi ma' dawk tal-bqija tal-popolazzjoni, bil-kondizzjonijiet ta' opportunitajiet u trattament indaqs. Dawn il-prinċipji jirrappreżentaw approċċ doppju peress li l-integrazzjoni tinvolvi l-isforzi ta' adattament u ta' responsabbiltà reċiproka kemm min-naħa ta' l-immigranti kif ukoll min-naħa tal-popolazzjoni ospitanti.

2.5

Fil-Komunikazzjoni tagħha ta' l-1 ta' Settembru 2005 dwar Aġenda Komuni għall-IntegrazzjoniQafas għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi fl-Unjoni Ewropea  (9), il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat għadd ta' miżuri konkreti bil-għan li jqiegħdu fil-prattika u jsaħħu l-applikazzjoni tal-Prinċipji Bażiċi Komuni fil-livell ta' l-Istati Membri u ta' l-UE. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll li hemm bżonn tal-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha kkonċernati sabiex l-integrazzjoni tkun ta' suċċess, kif ukoll li jiġi adottat approċċ globali u koerenti fil-qafas ta' l-UE.

2.6

Għal dan il-għan, ġew proposti, fost inizjattivi oħra u b'kollaborazzjoni man-netwerks ta' Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCPs), sit ta' l-Internet, it-tħejjija ta' kotba ta' tagħrif u rapporti annwali dwar il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, u l-ħolqien ta' Forum Ewropew ta' Integrazzjoni.

2.7

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2007 jiddikjara li […] bl-istess mod jilqa' l-isforzi li saru biex tittejjeb il-kooperazzjoni kontinwa u approfondita fil-livell ta' l-UE u bejn l-Istati Membri fil-qasam ta' l-integrazzjoni u d-djalogu interkulturali. Il-Kunsill Ewropew jilqa', b'mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju dwar it-tisħiħ tal-linji politiċi ta' l-integrazzjoni fl-UE permezz tal-promozzjoni ta' l-unità fid-diversità. Huwa jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi ulterjuri biex ikun faċilitat l-iskambju ta' esperjenza fir-rigward tal-politika ta' integrazzjoni ta' l-Istati Membri  (10).

2.8

Il-KESE jaqbel ma' analiżi globali bħalma tressqet reċentement mill-Kunsill Ewropew dwar il-fatt li l-integrazzjoni u d-djalogu interkulturali jridu jkunu żewġ elementi fundamentali tal-politika ta' immigrazzjoni ta' l-UE.

2.9

Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tat-12 u t-13 ta' Ġunju 2007 (11) rrikonoxxa r-rabta reċiproka u indestruttibbli bejn l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni. Il-Kunsill, b'segwitu tar-rakkomandazzjonijiet li saru matul il-laqgħa informali tal-ministri responsabbli mill-integrazzjoni li nżammet fl-10 u l-11 ta' Mejju 2007 f'Potsdam, u li fiha pparteċipa l-KESE, enfasizza l-bżonn ta' reviżjoni fil-livell politiku tal-miżuri ġodda li għandhom l-għan li jsaħħu l-qafas Ewropew għall-integrazzjoni u l-politiki ta' integrazzjoni ta' l-Istati Membri.

2.10

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandhom rwol speċifiku x'jaqdu fil-garanzija tal-koerenza u l-effikaċja tal-proċessi soċjali ta' integrazzjoni ta' l-immigranti, fit-tħejjija tal-politiki u fl-evalwazzjoni ta' l-impatt tagħhom fl-UE. Fl-Opinjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2006 dwar L-immigrazzjoni fl-UE u l-politiki ta' integrazzjoni: Il-kollaborazzjoni bejn il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili  (12), il-KESE jikkunsidra l-kooperazzjoni attiva mas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali bħala element essenzjali għall-promozzjoni tal-politiki Ewropej ta' integrazzjoni. B'mod partikolari, il-KESE enfasizza l-importanza ta' l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet ta' l-immigranti, l-assoċjazzjonijiet kulturali u sportivi, il-komunitajiet reliġjużi, l-assoċjazzjonijiet tal-viċinat, il-komunitajiet edukattivi, l-iskejjel u l-universitajiet, il-mezzi tax-xandir, eċċ., fir-rwol li jaqdu fil-proċess ta' integrazzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Jenfasizza li hemm bżonn li dawn il-korpi jiġu żviluppati, imsaħħa u rikonoxxuti fil-livell Ewropew sabiex jiġi mmodernizzat il-qafas ta' l-UE għall-integrazzjoni ta' l-immigranti.

2.11

It-tnedija tal-politiki u tal-programmi ta' akkoljenza u integrazzjoni ta' l-immigranti għandha tkun tista' tistrieħ fuq parteċipazzjoni wiesgħa u involviment dirett ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta' l-assoċjazzjonijiet ta' l-immigranti. Dan ġie kkonfermat ukoll fit-tielet rapport annwali dwar l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni ppubblikat fil-11 ta' Settembru 2007 mill-Kummissjoni Ewropea (13). Dan ir-rapport itenni l-proposta li jiġi stabbilit Forum Ewropew ta' Integrazzjoni, li fih il-partijiet ikkonċernati li jaħdmu fil-qasam ta' l-integrazzjoni fl-Unjoni Ewropea jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jħejju r-rakkomandazzjonijiet (14).

2.12

Barra minn hekk, l-adozzjoni ta' qafas finanzjarju sod u ambizzjuż ser jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-promozzjoni ta' politiki ta' integrazzjoni u għall-iskambju ta' l-esperjenzi. Bħala parti mill-programm “Solidarjetà u ġestjoni tal-flussi migratorji għall-2007-2013”, il-Fond Ewropew ta' Integrazzjoni taċ-Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi (15) ser jiffaċilita t-tħejjija ta' politiki nazzjonali ispirati mill-Prinċipji Bażiċi Komuni u ser jiffavorixxi r-rinnovazzjoni tal-politika ta' l-UE dwar l-integrazzjoni ta' l-immigranti.

2.13

Fl-istess ħin, it-Trattat ta' Riforma, adottat fit-18 ta' Ottubru 2007 f'Lisbona (Trattat ta' Lisbona), irrikonoxxa formalment li l-implimentazzjoni ta' politika komuni Ewropea għall-integrazzjoni ta' l-immigranti hija waħda mill-politiki ewlenin ta' l-Unjoni Ewropea. Għall-ewwel darba, it-Titolu V l-ġdid tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni (TFU) ser jagħti lill-Unjoni Ewropea bażi legali (Artikolu 63(a)(4), Artikolu 79.4 ġdid) li bis-saħħa tagħha tkun tista' tiżviluppa miżuri leġislattivi komuni sabiex tinkoraġġixxi u tappoġġja l-azzjoni ta' l-Istati Membri favur l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi (16).

3.   Proposta tal-KESE sabiex jiġi stabbilit Forum Ewropew ta' Integrazzjoni

3.1

Il-Kumitat jikkunsidra li għandha tittejjeb il-koerenza tal-politiki ta' l-UE b'segwitu għall-implimentazzjoni ta' numru ta' strumenti (Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni, Fond Ewropew ta' Integrazzjoni, il-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għall-Integrazzjoni, kotba ta' tagħrif, rapporti annwali dwar il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, sit ta' l-Internet, eċċ.). Jikkunsidra wkoll li hemm bżonn li jerġa' jinfetaħ id-dibattitu dwar il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipproponi lill-Kunsill l-applikazzjoni tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni dwar l-integrazzjoni, li l-Kunsill kien irrifjuta xi snin ilu.

3.2

Sabiex titjieb il-koerenza ta' din il-politika u l-istrumenti tagħha, għandha tinħoloq pjattaforma għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Għalhekk il-Kumitat jilqa' u jħossu onorat bl-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li titlob opinjoni esploratorja.

3.3

B'kunsiderazzjoni ta' pjattaformi eżistenti oħrajn fil-kuntest ta' politiki oħrajn ta' l-UE u ta' l-esperjenzi nazzjonali, il-Kumitat jipproponi li l-pjattaforma Ewropea tissejjaħ Forum Ewropew ta' Integrazzjoni, l-isem propost mill-Kummissjoni Ewropea (17).

3.4

Il-Kumitat jemmen li dan il-Forum għandu jiġi stabbilit b'mod gradwali. L-ewwel laqgħa tal-Forum ser issir fil-Ħarifa ta' l-2008 sabiex jitħejja l-programm ta' ħidma u tiġi kkompletata l-istruttura tiegħu.

3.5   Il-funzjonijiet tal-Forum Ewropew ta' Integrazzjoni

3.5.1

F'diversi Opinjonijiet (18), il-Kumitat iddikjara l-bżonn li jiġi adottat approċċ globali ta' l-integrazzjoni, li jeħtieġ l-involviment tal-partijiet kollha kkonċernati, b'mod partikolari l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.5.2

Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni (19), il-Kummissjoni stqarret li “l-funzjonijiet prinċipali tal-forum [ser] ikunu l-konsultazzjoni, l-iskambju ta' l-għarfien u t-tħejjija ta' rakkomandazzjonijiet”.

3.5.3

Il-Kumitat jaqbel ma' din il-pożizzjoni u jikkunsidra li l-Forum jista' jaqdi dawn il-funzjonijiet bit-tħejjija ta' rapporti (li jistgħu jinkludu rakkomandazzjonijiet) dwar il-politiki ta' integrazzjoni.

3.5.4

Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill jistgħu jikkonsultaw lill-Forum dwar il-politiki Ewropej ta' integrazzjoni.

3.5.5

Fuq inizjattiva proprja tiegħu, il-Forum jista' jħejji rapporti għall-istituzzjonijiet ta' l-UE sabiex tittejjeb l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

3.5.6

Wieħed mill-kompiti prinċipali tal-Forum għandu jkun l-iskambju ta' għarfien tekniku u ta' prattiki tajbin, b'kooperazzjoni man-netwerk tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali.

3.5.7

Il-Forum ser ikollu wkoll l-opportunità li jikkollabora fil-konferenzi dwar il-Ktejjeb ta' Tagħrif dwar l-Integrazzjoni, u li jkun involut fil-laqgħat tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali.

3.5.8

L-attivitajiet, ir-rapporti u l-konklużjonijiet tal-Forum ser jiġu ppubblikati fuq is-sit ta' l-Internet tal-KESE u fuq dak tal-Kummissjoni ddedikat għall-integrazzjoni, liema sit ser jippermetti l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej u taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi (forum virtwali).

3.6   Membri tal-Forum

3.6.1

Il-Forum ser ikun magħmul minn mhux aktar minn 100 persuna u ser jiltaqa' darbtejn fis-sena.

3.6.2

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-valur miżjud tal-Forum ser ikun “li jgħaqqad flimkien firxa ta' partijiet interessati attivi fil-qasam ta' l-integrazzjoni fuq livell ta' UE. Il-partijiet interessati involuti jkunu, ngħidu aħna, għaqdiet ta' koordinazzjoni fl-UE li jkollhom membri minn numru ta' Stati Membri” (20). Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni u jikkunsidra li l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol b'kundizzjonijiet ugwali hija waħda mill-prijoritajiet, u għalhekk hemm bżonn li l-imsieħba soċjali jipparteċipaw ukoll fil-Forum.

3.6.3

Huwa importanti li l-ħidma tal-Forum issegwi approċċ Ewropew li jqis l-esperjenzi u l-prattiki nazzjonali. Il-Kumitat jipproponi wkoll li f'dan il-Forum jipparteċipaw ir-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet attivi kemm fil-livell ta' l-UE kif ukoll f'dak nazzjonali.

3.6.4

Terz tal-membri tal-Forum ser jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet ta' l-UE li jaħdmu fil-qasam ta' l-integrazzjoni ta' l-immigranti, inklużi l-imsieħba soċjali.

3.6.5

Il-parteċipanti l-oħra ser jirrappreżentaw korpi konsultattivi ta' l-Istati Membri (minn rappreżentant wieħed sa erbgħa). B'dan il-mod, fil-Forum ser jipparteċipaw fora, pjattaformi, kunsilli u istituzzjonijiet simili eżistenti fl-Istati Membri speċjalment dawk li jinvolvu l-organizzazzjonijiet ta' l-immigranti. F'dawk l-Istati Membri fejn ma jeżistux istituzzjonijiet bħal dawn, jistgħu jipparteċipaw il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali (jew istituzzjonijiet simili).

3.6.6

Il-KESE jikkunsidra li l-organizzazzjonijiet ta' l-immigranti, li l-maġġoranza tagħhom huma organizzati biss fil-livell nazzjonali mingħajr ma għandhom netwerk Ewropew, għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw fil-Forum Ewropew ta' Integrazzjoni. U għal dan il-għan il-fora, il-pjattaformi, il-kunsilli jew il-KES ta' l-Istati Membri għandhom jaħtru rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet ta' l-immigranti meqjusin l-aktar rappreżentanttivi.

3.7

L-organizzazzjonijiet għandhom jirrispettaw il-bilanċ bejn is-sessi fil-ħatra tal-membri.

3.7.1

Il-Forum jista' jistieden osservaturi u esperti sabiex jipparteċipaw fil-laqgħat tiegħu, b'mod partikolari responsabbli ta' aġenziji Ewropej speċjalizzati, universitarji u riċerkaturi, kif ukoll rappreżentanti tan-netwerks Ewropej ta' l-awtoritajiet lokali.

3.7.2

Sabiex tiġi promossa l-usa' parteċipazzjoni possibbli, il-Forum Ewropew ta' Integrazzjoni għandu jikkollabora ma' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (organizzazzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew).

3.7.3

B'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-punt 3.7, il-KESE ser jipparteċipa fil-laqgħat tal-Forum. Jistgħu jipparteċipaw ukoll rappreżentanti mill-Kummissjoni, mill-Parlament Ewropew u mill-Kumitat tar-Reġjuni.

3.8   L-impenn tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

3.8.1

Il-Kumitat ser jimpenja ruħu b'mod attiv ħafna fl-attivitajiet tal-Forum u, għal dan il-għan, ser iwaqqaf grupp ta' studju permanenti dwar l-integrazzjoni fi ħdan is-Sezzjoni SOC li ser ikun magħmul minn 15-il membru. Permezz ta' dan il-grupp permanenti, il-Forum u l-KESE ser jaħdmu flimkien fit-tħejjija ta' l-opinjonijiet.

3.8.2

Il-membri tal-grupp ta' studju permanenti ser jipparteċipaw fil-laqgħat plenarji tal-Forum.

3.8.3

B'kunsiderazzjoni tal-bażi legali l-ġdida li jikkonferixxi t-Trattat ta' Lisbona, il-Kumitat ser iħejji opinjonijiet ġodda li jinkludu l-proposti u r-rakkomandazzjonijiet politiċi bil-għan li jinkoraġġixxi u jappoġġja l-azzjoni ta' l-Istati Membri dwar l-integrazzjoni.

3.9   Struttura tal-Forum

3.9.1

Il-KESE jipproponi li l-Forum ikun magħmul minn struttura sempliċi ħafna:

President maħtur mill-KESE bi qbil mal-Kummissjoni;

Tliet Viċi-Presidenti maħturin mill-Forum;

Bureau magħmul minn President u t-tliet Viċi-Presidenti, li jiltaqgħu mill-inqas erba' darbiet fis-sena;

Segretarjat żgħir magħmul minn żewġ persuni tal-KESE;

Il-Forum jiltaqa' fil-bini tal-KESE, li ser ikun is-sede tiegħu;

Fir-rigward tat-tħejjija tar-rapporti, jistgħu jitwaqqfu gruppi ta' studju żgħar.

3.10   L-Aġenda tal-Forum

3.10.1

Il-Prinċipji Bażiċi Komuni ser jiddeterminaw il-pjan ta' direzzjoni ta' l-attivitajiet tal-Forum kif ukoll l-aġenda tiegħu.

3.10.2

L-aġenda titħejja mill-Bureau tal-Forum u għandha tqis l-aġenda ta' l-istituzzjonijiet ta' l-UE u ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.10.3

Il-Forum jista' jevalwa l-objettivi u l-programmi tal-Fond Ewropew ta' Integrazzjoni kif ukoll l-istrumenti l-oħra previsti għall-politika Ewropea ta' integrazzjoni.

3.11   Regoli ta' Proċedura

3.11.1

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tapprova r-Regoli ta' Proċedura li jipproponi l-KESE.

3.11.2

Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea taħtar il-parteċipanti tal-Forum fuq proposta tal-KESE.

3.12   Il-qafas finanzjarju

3.12.1

Il-Forum ser ikun iffinanzjat mir-riżorsi finanzjarji pprovduti mill-Istituzzjonijiet ta' l-UE.

Brussell, id-9 ta' Lulju 2008.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  L-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta' Marzu 2002 dwar L-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 125, 27.5.2002.

L-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta' l-10 u l-11 ta' Diċembru 2003 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u l-impjieg (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 80, 30.3.2004.

L-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-13 u l-14 ta' Settembru 2006 dwar L-immigrazzjoni fl-UE u l-politiki ta' integrazzjoni: Il-kollaborazzjoni bejn il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 318, 23.12.2006.

(2)  Konferenza dwar it-tema L-immigrazzjoni: ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-integrazzjoni, Brussell, id-9 u l-10 ta' Settembru 2002.

(3)  L-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta' Marzu 2002 dwar L-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 125, 27.5.2002.

(4)  Il-Programm ta' l-Aja: tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizza fl-Unjoni Ewropea, Kunsill, ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2005 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament EwopewIl-Programm ta' L-Aja: Għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjinIl-Partenarjat għal tiġdid Ewropew fil-qasam tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 65, 17.3.2006.

(6)  Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, sessjoni Nru 2618 tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, Brussell, id-19 ta' Novembru 2004, 14615/04.

(7)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Il-Programm ta' l-Aja: Għaxar prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjinIl-Partenarjat għal tiġdid Ewropew fil-qasam tal-Libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja, COM(2005) 184 finali, Brussell, 10.5.2005.

(8)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta' Marzu 2002 dwar L-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 125, 27.5.2002.

(9)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Aġenda Komuni għall-IntegrazzjoniQafas għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi fl-Unjoni Ewropea, COM(2005) 389, Brussell, 1.9.2005.

(10)  http://register.consilium.europa.eu/pdf/mt/07/st11/st11177-re01.mt07.pdf, punt 20.

(11)  Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, sessjoni Nru 2807 tal-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, 12 u 13 ta' Ġunju, 10267/07.

(12)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-13 u l-14 ta' Settembru 2006 dwar L-immigrazzjoni fl-UE u l-politiki ta' integrazzjoni: Il-kollaborazzjoni bejn il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 318, 23.12.2006.

(13)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar It-Tielet Rapport Annwali dwar il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, COM(2007) 512 finali, Brussell, 11.9.2007.

(14)  Ara s-sezzjoni 3.1 tal-Komunikazzjoni COM(2007) 512 finali.

(15)  http://ec.europa.eu/justice_home/funding/integration/funding_integration_en.htm

(16)  Artikolu 63(a)(4): “Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu miżuri biex jinkoraġġixxu u jappoġġaw l-azzjoni ta' l-Istati Membri bl-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment fit-territorju tagħhom, bl-esklużjoni ta' kwalunkwe armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri”.

(17)  COM(2005) 389 finali.

(18)  L-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta' Marzu 2002 dwar L-immigrazzjoni, l-integrazzjoni u r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 125, 27.5.2002 u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-13 u l-14 ta' Settembru 2006 dwar L-immigrazzjoni fl-UE u l-politiki ta' integrazzjoni: Il-kollaborazzjoni bejn il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (rapporteur: is-Sur Pariza Castaños), ĠU C 318, 23.12.2006.

(19)  COM(2005) 389 finali.

(20)  COM(2005) 389 finali.