25.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 162/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew dwar Ir-Rapport mill-Kummissjoni dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2006

COM(2007) 358 finali

(2008/C 162/05)

Nhar il-25 ta' Ġunju 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2006

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta' Jannar 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Chiriaco.

Matul l-442 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta' Frar 2008 (seduta tat-13 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'141 vot favur, 3 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

Ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni jenfasizza l-bidliet li saru fl-organizzazzjoni interna u l-metodi ta' ħidma tal-Kummissjoni f'dan il-qasam u jipprovdi evidenza tal-mod li bih il-Kummissjoni tassigura gvernanza ekonomika Ewropea konsistenti b'konformità ma' l-objettivi ta' Lisbona.

2.   Strumenti

2.1   Antitrust (1) — Artikoli 81 u 82 KE (2)

2.1.1

Fil-fehma tal-Kummissjoni, il-multi huma ferm importanti bħala deterrent għall-kumpaniji kontra l-ksur tal-liġi.

Ġie adottat limitu ġdid għall-Immunità mill-Multi u t-Tnaqqis tal-Multi f'każijiet ta' Kartelli. Skond linji ta' gwida ġodda, l-ammont tal-multa huwa bbażat fuq perċentwali tal-bejgħ annwali ta' l-impriża tal-prodott rilevanti (sa 30 %) skond in-numru ta' snin tal-parteċipazzjoni ta' l-impriża. Il-multa tista' tiżdied sa 100 % għal dawk li jwettqu l-offiżi ripetutament.

2.1.2

Sabiex ikun hemm sistema ta' kontroll iktar effettiva, ġiet adottata Green Paper dwar azzjonijiet ta' danni għall-ksur tar-regoli ta' l-antitrust ta' l-UE kif jinsabu fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE. Il-Green Paper qanqlet diskussjoni intensa madwar l-Ewropa, li rriżulta f'iktar minn 150 sottomissjoni mill-gvernijiet, mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, mill-industrija, mill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, mingħand l-avukati u mill-akkademiċi fl-Istati Membri individwali.

Fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper (3), wara ħafna dibattitu, il-KESE wkoll laqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

2.1.3

Fir-rigward ta' l-azzjoni li ttieħdet fuq il-kartelli, il-Kummissjoni ħarġet seba' deċiżjonijiet finali, b'multi mogħtija lil 41 kumpanija b'total ta' EUR 1 846 miljun (meta mqabbla ma' 33 kumpanija li ngħataw multa globali ta' EUR 683 miljun fl-2005).

2.2   Il-kontroll ta' l-amalgamazzjonijiet (4)

2.2.1

Permezz ta' konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni impenjat ruħha sabiex tiġi pprovduta gwida aħjar fuq kwistjonijiet ġurisdizzjonali  (5) fil-kontroll ta' l-amalgamazzjonijiet (6).

Avviż li għall-ewwel kien mistenni li jiġi adottat fl-2007, ser jissostitwixxi l-Avviżi eżistenti dwar il-kwistjoni.

2.2.2

F'termini ta' l-applikazzjoni tar-regoli, in-numru ta' amalgamazzjonijiet innotifikati lill-Kummissjoni fl-2006 laħaq it-356. Bħala total il-Kummissjoni adottat 352 deċiżjoni finali matul is-sena, li 207 minnhom ittieħdu skond il-proċedura simplifikata.

2.3   Il-kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat

2.3.1

Il-Kummissjoni ssimplifikat l-approvazzjoni ta' l-għajnuna reġjonali billi adottat Regolament għall-eżenzjoni ta' kategorija  (7); għajnuna għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (R,D&I) (8) permezz ta' l-adozzjoni ta' qafas ġdid; għajnuna għall-investiment fl-SMEs  (9) billi jittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs; u għajnuna għall-ħarsien ambjentali.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni adottat Regolament de minimis  (10) ġdid. Taħt ir-Regolament il-ġdid, għajnuna sa EUR 200 000 (11) mogħtija fuq tliet snin fiskali ma tkunx meqjusa bħala għajnuna mill-Istat.

2.3.2

F'termini ta' l-implimentazzjoni tar-regoli, fl-2006, il-Kummissjoni analizzat 921 każ ta' għajnuna mill-Istat, li jirrappreżentaw żieda ta' 36 % fuq l-2005. Il-Kummissjoni adottat 710 deċiżjonijiet finali, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet — 91 % — bl-approvazzjoni ta' l-għajnuna, mingħajr investigazzjoni formali, fejn ikkonkludiet li l-miżuri kienu kompatibbli mar-regoli dwar il-kompetizzjoni ħielsa.

2.3.3

Barra minn hekk, filwaqt li l-Kummissjoni temmen li l-għajnuna għat-taħriġ tista' tikkontribwixxi għall-interess komuni, hija evalwat b'mod rigoruż l-għajnuna għas-Salvataġġ u għar-Ristrutturar (R&R) lill-kumpaniji f'diffikultà, u kkunsidrat bħala leġittimi biss dawk li jkunu ssodisfaw kundizzjonijiet stretti (12).

3.   L-iżviluppi settorjali

3.1   L-enerġija

3.1.1

Ir-rapport finali dwar l-inkjesta settorjali, li ġie adottat mill-Kummissjoni fl-10 ta' Jannar 2007 (13) enfasizza ż-żjidiet sinifikanti fil-prezzijiet bl-ingrossa tal-gass u ta' l-elettriku u l-għażla relattivament limitata għall-klijenti minħabba l-ostakoli għad-dħul.

3.1.2

Il-Kummissjoni wettqet numru ta' investigazzjonijiet ta' l-antitrust dwar ħżin tal-kapaċità tan-netwerk u tal-ħażna, riservazzjonijiet tal-kapaċità fit-tul, qsim tas-suq u kuntratti fit-tul bejn bejjiegħa bl-ingrossa/bejjiegħa bl-imnut u klijenti aħħarin.

3.1.3

Fil-qasam ta' l-amalgamazzjonijiet fis-settur ta' l-enerġija, il-Kummissjoni kkunsidrat u ħarġet numru kbir ta' deċiżjonijiet. L-aktar każijiet kumplessi mill-perspettiva tal-kompetizzjoni kienu DONG/Elsam/Energi E2  (14) u Gaz de France/Suez  (15) .

3.1.4

Il-ħidma fuq il-kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat uriet li l-kuntratti bejn l-operaturi tan-netwerk pubbliku u l-ġeneraturi fl-Ungerija u l-Polonja wasslu għall-esklużjoni ta' partijiet tas-swieq bl-ingrossa fl-Italja ċerti kumpaniji industrijali jibbenefikaw minn tariffi ta' l-elettriku favorevoli taħt il-prezz tas-suq. Kienet importanti wkoll id-deċiżjoni għall-għajnuna mill-Istat fil-qasam ta' l-enerġija rinnovabbli mmirata li tassigura li l-finanzi pubbliċi jkopru biss każijiet eċċezzjonali u ma tiffavorixxix lill-kumpaniji jew l-attivitajiet li ma jilħqux l-istandards meħtieġa.

3.2   Is-servizzi finanzjarji

3.2.1

Fl-2005 il-Kummissjoni fetħet inkjesta fis-settur bankarju bl-imnut  (16), b'mod partikulari fir-rigward tal-kompetizzjoni transkonfinali. Ir-rapport finali ppubblikat fil-31 ta' Jannar 2007 u l-problemi potenzjali ta' kompetizzjoni identifikati jinkludu ostakoli għad-dħul, frammentazzjoni tas-suq u l-grad għoli ta' konċentrazzjoni fost min joħroġ u min jakkwista l-kards ta' ħlas.

3.2.2

Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport interim tagħha dwar l-inkjesta estensiva tagħha fuq l-assigurazzjoni kummerċjali fl-24 ta' Jannar 2007.

3.2.3

Barraminhekk, il-Kummissjoni kklerjat numru kbir ta' konċentrazzjonijiet fil-qasam tas-servizzi finanzjarji bħall-każ Talanx Aktiengesellschaft  (17).

3.2.4

Il-Kummissjoni kellha wkoll tiżgura, permezz tal-kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat tagħha, kundizzjonijiet ugwali fis-servizzi finanzjarji, speċjalment għall-parteċipanti l-ġodda u għall-banek barranin. Hija talbet ukoll għar-revoka ta' l-iskema ta' għajnuna fiskali eżistenti tal-Lussemburgu favur il-holdings eżenti.

3.3   Il-komunikazzjonijiet elettroniċi

3.3.1

Il-maġġoranza vasta ta' fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika joperaw fi ħdan il-konfini tal-qafas regolatorju ta' l-UE għan-netwerks u għas-servizzi ta' komunikazzjoni elettronika. Il-Kummissjoni b'hekk irrakkomandat 18-il-suq ta' prodotti u servizzi speċifiku kemm fil-livell tal-bejgħ bl-ingrossa kif ukoll fil-livell tal-bejgħ bl-imnut għal regolamentazzjoni ex ante mir-regolaturi nazzjonali (18). Is-swieq ta' l-aċċess għall-broadband jipprovdu eżempju interessanti ta' l-applikazzjoni simultanja tar-regolamentazzjoni ex ante speċifika skond is-settur u l-liġi tal-kompetizzjoni ex post.

3.4   It-teknoloġija ta' l-informatika

3.4.1

Il-Kummissjoni kompliet tiżgura li l-kompetizzjoni ma tkunx mgħawġa fis-settur tat-teknoloġija ta' l-informatika, ikkaratterizzat minn konverġenza diġitali, mill-importanza dejjem tikber ta' l-interoperabbiltà.

F'dan ir-rigward, il-każ tal- Microsoft , li qalgħet multa talli ma pprovdietx l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni fil-ħin, huwa sinifikattiv ħafna. It-tweġiba kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, min-naħa tal-Microsoft, ġie rrifjutat mill-Qorti tal-Prim'Istanza (19) bis-sentenza tas-17 ta' Settembru 2007 (20).

3.4.2

Fil-qasam tal-kontroll ta' l-amalgamazzjonijiet, il-Kummissjoni kklerjat il-konċentrazzjonijiet bejn Nokia u n-negozju ta' tagħmir tan-netwerk tas-Siemens AG u bejn Alcatel u Lucent Technologies, fejn ikkonkludiet li l-istruttura tas-suq għall-provvista ta' tagħmir tan-netwerking ottiku u s-soluzzjonijiet ta' aċċess għall-broadband kienet se tibqa' kompetittiva anke wara t-tranżazzjoni proposta.

3.5   Il-Medja

3.5.1

L-għan tal-politika tal-kompetizzjoni fis-settur tal-medja huwa li jiġu garantiti kundizzjonijiet ugwali, kemm bejn operaturi kummerċjali differenti kif ukoll bejn operaturi kummerċjali u operaturi ffinanzjati b'fondi pubbliċi.

3.5.2

Fil-qasam tax-xandir diġitali, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta' ksur biex tinvestiga jekk il-leġislazzjoni Taljana li tirregola l-bidla diġitali timponiex restrizzjonijiet fuq ix-xandara u tagħtix vantaġġi kompetittivi lil operaturi tax-xandir analogu eżistenti, kontra d-Direttiva tal-Kompetizzjoni.

3.5.3

Fir-rigward ta' l-aqwa kontenut, għajnuna mill-Istat għall-films u xogħolijiet awdjoviżivi oħra u l-amministrazzjoni tad-drittijiet, il-Kummissjoni għamlet interventi ripetutament sabiex tiżgura kompetizzjoni effettiva.

3.6   It-Trasport

3.6.1

Problemi ta' kompetizzjoni jistgħu jeżistu, b'mod partikulari, f'forma ta' trasport stradali, livelli baxxi ta' interoperabbiltà fil-każ tat-trasport ferrovjarju, u nuqqas ta' aċċess trasparenti għal servizzi portwali kompetittivi.

3.6.2

Fil-każ tat-trasport stradali, il-Kummissjoni żammet il-politika tagħha li tapprova l-għajnuna mill-Istat sabiex tiffavorixxi l-użu ta' teknoloġija aktar nadifa u għall-obbligi tas-servizz pubbliku.

3.6.3

Fir-rigward tat-trasport ferrovjarju, il-Kummissjoni ddeċidiet f'każ wieħed li l-iffinanzjar u s-sorveljanza ta' infrastruttura ferrovjarja ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, imma kienu jaqgħu taħt il-kompetenza ta' l-amministrazzjoni pubblika (21).

3.6.4

Fil-qasam tat-trasport marittimu, il-Kummissjoni impenjat ruħha li toħroġ linji ta' gwida fuq l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni sabiex tgħin biex tipprepara għat-tranżizzjoni għal reġim kompletament kompetittiv. Fir-rigward ta' l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni insistiet fuq it-tneħħija ta' kull klawżola tan-nazzjonalità li jeżentaw proprjetarji tal-vapuri mill-ħlasijiet tal-kontribuzzjonijiet soċjali tal-baħħara tagħhom.

3.6.5

Fl-aħħar, il-qasam tat-trasport bl-ajru, il-Kummissjoni adottat Regolament (KE) Nru 1459/2006 li jwaqqaf l-eżenzjoni, mill-projbizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) KE, ta' konferenzi tat-tariffi tal-passiġġieri ta' l-IATA għar-rotot fi ħdan l-UE mill-1 ta' Jannar 2007 kif ukoll l-eżenzjoni għas-slots u l-konferenzi ta' skedar għar-rotot fi ħdan l-UE.

3.7   Is-servizzi postali

3.7.1

Wara bidliet sinifikanti fis-suq postali, il-Kummissjoni naqset is-servizzi li għalihom jingħataw drittijiet ta' monopolju lil Fornituri tas-Servizz Universali (USPs), minn naħa waħda, u l-preservazzjoni tal-kompetizzjoni f'żoni liberalizzati tas-suq postali, biex tiġi evitata l-monopolizzazzjoni mill-ġdid de facto minn USPs, min-naħa l-oħra.

3.7.2

Kienet importanti wkoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li jingħata kumpens għas-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (SGEI) kompatibbli mar-regoli ta' l-għajnuna mill-Istat biss fejn l-ammont tal-kumpens ma kienx jaqbeż l-ispejjeż ta' l-obbligu tas-servizz pubbliku u sakemm kundizzjonijiet oħra tal-Qafas ta' l-2005 kienu ukoll issodisfati.

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk l-operaturi postali kienux qegħdin igawdu vantaġġi oħra. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni rrakkomandat li Franza (22) għandha twaqqaf il-garanzija Statali bla limitu li jgawdi minnha l-Uffiċċju Postali Franċiż fil-kapaċità tiegħu bħala organu pubbliku sa l-aħħar ta' l-2008.

4.   In-Netwerk tal-Kompetizzjoni Ewropew (ECN) u l-qrati nazzjonali

4.1

L-2006 kienet it-tieni sena sħiħa ta' implimentazzjoni tas-sistema ta' infurzar stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1/2003. Hija rat aktar tisħiħ tal-kooperazzjoni minn naħa bejn il-membri tal-ECN, jiġifieri l-NCAs ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni u min-naħa l-oħra bejn il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni.

4.2

Il-kooperazzjoni bejn il-membri ta' l-ECN f'każijiet individwali hija organizzata madwar żewġ obbligi prinċipali min-naħa ta' l-NCAs, jiġifieri li jinfurmaw lill-Kummissjoni meta jinfetħu każijiet ġodda u qabel tittieħed id-deċiżjoni finali. Il-Kummissjoni ġiet infurmata b'xi 150 każ ġdid ta' investigazzjoni mibdija mill-NCAs, u rrevediet jew tat parir dwar xi 125 każ li oriġina mill-NCAs.

4.3

Kooperazzjoni stretta fi ħdan l-ECN inkludiet laqgħa bejn id-Direttur Ġenerali tad-DĠ tal-Kompetizzjoni u l-NCAs fejn il-mudell tal-programm ta' klemenza ta' l-ECN ġie approvat. Il-Kummissjoni u l-NCAs iltaqgħu wkoll sabiex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-politika ta' l-antitrust, inkjesti settorjali u setturi partikulari.

4.4   L-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni ta' l-UE mill-qrati nazzjonali fl-UE

4.4.1

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jippermetti lill-imħallfin nazzjonali li jitolbu lill-Kummissjoni għall-opinjoni tagħha jew għal informazzjoni fil-pussess tagħha. L-istess artikolu jeżiġi li l-Istati Membri jgħaddu lill-Kummissjoni kopja ta' kull sentenza bil-miktub maħruġa minn qrati nazzjonali.

4.4.2

Taħriġ kontinwu ta' l-imħallfin nazzjonali hija importanti ħafna sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-liġi tal-kompetizzjoni ta' l-UE. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tikkofinanzja bosta proġetti ta' taħriġ kull sena fl-Istati Membri kollha.

5.   L-attivitajiet internazzjonali

5.1

Fit-tħejjija għall-adeżjoni tagħhom fl-UE, il-Kummissjoni assistiet fl-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni fir-Rumanija u l-Bulgarija, kif qiegħda tagħmel bħalissa fil-Kroazja u t-Turkija.

5.2

Id-djalogu bilaterali dwar il-kompetizzjoni sar iktar intensiv bejn il-Kummissjoni u l-ħafna awtoritajiet tal-kompetizzjoni, kif saru wkoll il-kuntatti ma' l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Ġappun. Id-DĠ tal-Kompetizzjoni assista wkoll liċ-Ċina u r-Russja fl-abozzar ta' liġi tal-kompetizzjoni.

5.3

Fl-aħħar, fil-qafas ta' kooperazzjoni multilaterali, id-DĠ tal-Kompetizzjoni qiegħed jaqdi rwol importanti fin-Netwerk tal-Kompetizzjoni Internazzjonali u jieħu sehem fil-ħidma tal-Kumitat tal-Kompetizzjoni ta' l-OECD.

6.   Il-kooperazzjoni interistituzzjonali

6.1

Kull sena, il-Parlament Ewropew joħroġ rapport fuq inizjattiva tiegħu stess dwar ir-Rapport tal-Kompetizzjoni Annwali tal-Kummissjoni. Il-Kummissarju responsabbli għall-politika tal-Kompetizzjoni jżomm skambji ta' opinjonijiet regolari mal-Kunsill u l-Kumitati Parlamentari rilevanti.

6.2

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinforma lill-KESE u lill-KtR dwar inizjattivi ta' politika importanti u tipparteċipa f'dibattiti dwar l-adozzjoni tar-rapport annwali mill-KESE dwar ir-Rapport Annwali tal-Politika tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni.

7.   Konklużjonijiet u kummenti

7.1   Ir-relazzjoni bejn il-politika tal-kompetizzjoni u l-politika tat-tkabbir ekonomiku

Billi rrestawrat setturi ekonomiċi sħaħ għal-loġika u d-dinamika tas-suq, il-politika tal-kompetizzjoni għamlet kontribut prattiku għall-ħolqien ta' suq uniku Ewropew koeżiv, b'inqas regoli u regolamenti.

7.1.1

Il-politika tal-kompetizzjoni kulma jmur qiegħda taqdi rwol dejjem iktar importanti fil-politika ekonomika Ewropea. Kemm il-Kummissjoni (23) kif ukoll il-KESE (24) f'okkażjonijiet preċedenti enfasizzaw il-ħtieġa li jitnedew strumenti ġodda tal-politika ekonomika mmirati li jmexxu l-kompetizzjoni u l-politika industrijali lejn l-objettivi tal-koeżjoni ekonomika u soċjali msaħħa, anke fir-rigward ta' sistemi ta' kontroll għall-għajnuna mill-Istat u tipi ta' delokalizzazzjoni, l-impjieg u l-ħarsien ta' l-ambjent u l-promozzjoni ta' riċerka maġġuri, dettaljata u programmi ta' l-iżvilupp.

Bħalissa, il-politika tal-kompetizzjoni hija kkoordinata mill-qrib ma' politiki oħrajn, bħas-suq intern u l-politika tal-konsumatur, bil-għan li jinħolqu swieq li joperaw aħjar għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-kompetittività Ewropea.

7.1.2

Fuq il-bażi ta' aġġornament għas-seba' l-ikbar Stati Membri, fl-2007 l-Kummissjoni bassret tkabbir ekonomiku bir-rata ta' 2,8 % fl-UE u 2,5 % fiż-żona ta' l-euro (25). Minkejja li dan it-tbassir ġie rivedut mill-IMF bi tnaqqis ta' l-istima tat-tkabbir għaż-żona ta' l-euro minn 2,1 % għal 1,6 %, il-KESE jsostni li t-tkabbir Ewropew huwa mistenni jibqa' appoġġjat b'sisien soda u ambjent dinji li għadu favorevoli.

7.1.3

Il-KESE jikkunsidra li huwa importanti li l-UE tikseb tkabbir ekonomiku bbilanċjat u stabilità fil-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq li tkun kompetittiva ferm li tippromovi t-taħriġ u timmira lejn l-okkupazzjoni sħiħa (full employment) u l-progress soċjali, u livell għoli ta' ħarsien u titjib fil-kwalità ta' l-ambjent.

7.1.4

F'suq fejn il-politika tal-kompetizzjoni ser tkompli tikber fl-importanza, l-indikaturi ekonomiċi, soċjali u ambjentali huma fatturi ewlenin fil-kejl tal-kompetittività, mhux biss għall-konsumaturi aħħara iżda b'mod partikulari għall-intrapriża.

7.1.5

Il-KESE jinsisti li l-kompetittività ta' l-intrapriżi u s-servizzi Ewropej għandhom ikunu mħarsa b'qafas regolatorju ċar ibbażat fuq l-applikazzjoni adattata tal-politiki tal-kompetizzjoni id f'id mal-politiki tal-kummerċ.

Bħalissa, l-UE hija l-iktar suq miftuħ għall-prodotti barranin; it-tneħħija ta' l-iktar protezzjoni fundamentali kontra d-dumping u s-sussidji tolqot lill-produtturi Ewropej kollha li joperaw b'konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u l-kummerċ legali u l-istandards ta' l-UE li m'għandhomx rikors għall-għajnuna mill-Istat.

F'dan ir-rigward, il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex, minn naħa, toqgħod iktar attenta meta tirrapporta lid-WTO dwar każijiet ta' distorsjoni fil-kompetizzjoni internazzjonali u min-naħa l-oħra, li timpenja ruħha li ddaħħal klawżola fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali li torbot lill-imsieħba kummerċjali tagħha sabiex jikkonformaw mar-regoli tal-kompetizzjoni, inkluż il-kontroll effettiv ta' l-għajnuna mill-Istat.

7.2   Il-kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat

7.2.1

Il-KESE japprezza l-istrateġija ta' modernizzazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-pjan ta' azzjoni ta' l-għajnuna mill-Istat, li hija msejsa fuq: għajnuna identifikata mill-Istat, analiżi ekonomika, proċeduri effettivi u responsabilità komuni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Jappoġġja wkoll il-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni li tilqa' l-għajnuna mill-Istat għat-trasferiment teknoloġiku, l-innovazzjoni u l-qafas multi-settorjali għal proġetti kbar ta' investiment, u li tittratta għajnuna bħal din b'mod differenti.

7.2.2

Meta tinvestiga l-każijiet ta' l-għajnuna ta' l-Istat, il-Kummissjoni għandha taċċetta li t-trattament fiskali speċifiku adottat minn Stati Membri għas-soċjetajiet mutwali, bħall-kooperattivi u l-kumpaniji b'impatt soċjali importanti, huwa ġġustifikat.

7.3   Il-banek u s-swieq finanzjarji

7.3.1

Il-KESE jilqa' l-azzjoni li ttieħdet mill-Kummissjoni sabiex tikkontrolla it-trans-proprjetà ta' l-ishma u l-ġestjoni tal-prodotti finanzjarji. F'każijiet partikulari, ġara li l-istituzzjonijiet tal-kreditu kienu azzjonisti maġġuri (ftehimiet ta' l-azzjonisti) f'kumpaniji oħra, u dan fisser li s-self mill-banek intuża sabiex jiffinanzja x-xiri ta' ishma f'dawn il-banek stess.

7.4   L-enerġija

7.4.1

Il-KESE jenfasizza li l-enerġija m'għandhiex titqies biss bħala suq iżda wkoll f'termini ta' l-iżvilupp, l-impjieg u l-ambjent. Bħalissa, l-UE qiegħda tiffaċċja kompetituri dinjija ġodda (26) u l-istrutturi tas-suq il-ġdid ħafna drabi jkollhom iqisu l-politika tal-poter.

7.4.2

Il-KESE jinsisti li fir-rigward tat-tema tas-separazzjoni tal-produzzjoni mid-distribuzzjoni (unbundling) fis-settur tal-gass, għandhom jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur (27).

7.5   Il-pluralità ta' l-informazzjoni u l-liġi tal-kompetizzjoni

7.5.1

Il-KESE jirrakkomanda li ssir distinzjoni fil-qasam tal-medja bejn regoli ddisinjati speċifikament sabiex jiddefendu l-pluraliżmu ta' l-informazzjoni u r-regoli ġenerali ta' l-antitrust. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li filwaqt li r-regoli operattivi tal-kompetizzjoni huma kundizzjoni bażika sabiex jiġi assigurat il-pluraliżmu, m'humiex biżżejjed fihom infushom.

7.5.2

Il-periklu ta' nuqqas ta' fehma tajba huwa li r-regoli tal-kompetizzjoni ser jonqsu u l-prinċipju tal-pluraliżmu jiddgħajjef.

7.6   It-telekomunikazzjoni

7.6.1

Il-KESE jinsisti li t-tneħħija tar-raggruppamenti tan-netwerks tat-telekommunikazzjoni u l-ħolqien ta' aġenzija settorjali ta' l-UE għandhom jiġu evalwati sew fil-kuntest tas-setturi l-oħra billi l-investiment huwa settur kruċjali għall-kompetittività Ewropea u, partikularment fil-kuntest tal-veloċità tal-bidla teknoloġika, huma essenzjali għall-iżvilupp kompetittiv tas-settur.

7.7   L-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni u t-tisħiħ tal-qrati nazzjonali fl-UE

7.7.1

Sabiex jiġi assigurat l-infurzar effettiv tar-regoli, hemm bżonn ta' taħriġ u edukazzjoni kontinwa ta' l-imħallfin nazzjonali u l-professjonisti legali kollha fil-liġi tal-kompetizzjoni ta' l-UE.

F'dan ir-rigward, il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tadotta linji gwida, mill-iktar fis possibbli, dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 KE, partikularment fir-rigward ta' prattiki esklussivi.

7.7.2

Filwaqt li jilqa' l-ko-finanzjar tal-proġetti stabbiliti mill-Kummissjoni, il-KESE jinsisti li minbarra l-15-il proġett tat-taħriġ li tnedew fl-2006 għall-25 Stat Membru, ħafna iktar jista' u għandu jsir sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li ġġib magħha l-politika tal-kompetizzjoni u sabiex jiġu indirizzati l-problemi li jinħolqu fir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni, l-intrapriża, l-assoċjazzjonijiet u l-konsumaturi.

7.7.3

B'mod partikulari, ir-relazzjonijiet bejn il-KESE u l-Kummissjoni dan l-aħħar issaħħu wara l-firma, matul is-sessjoni plenarja tal-KESE tat-30 u l-31 ta' Mejju 2007 (28), ta' addendum għall-protokoll ta' kooperazzjoni ta' Novembru 2005. Il-ftehim jqiegħed lill-KESE fil-qalba tat-tmexxija għall-komunikazzjoni, bis-saħħa tal-pożizzjoni privileġġat bħala faċilitatur tad-djalogu mal-pubbliku.

7.7.4

Il-KESE jsejjaħ lill-Kummissjoni u lill-Parlament sabiex jiżviluppaw politika ta' kooperazzjoni interistituzzjonali bil-għan li l-leġislazzjoni ta' l-UE ssir iktar kompatibbli mal-liġijiet nazzjonali.

Il-KESE jappoġġja l-proċess ta' adozzjoni ta' trattat ġdid (l-hekk imsejjaħ Trattat ta' Lisbona) għas-simplifikazzjoni tal-qafas statutarju u l-indirizzar tal-ħtiġijiet ta' UE b'27 Stat Membru, li b'hekk tippermetti lill-UE tasal fi ftehim dwar politiki ġodda u tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex tegħleb l-isfidi ġodda li qiegħda tiffaċċja.

7.7.5

Il-KESE jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni m'għandhiex tiġi assoċjata ma' objettivi separati iżda għandha tkompli tkun attività sħiħa tal-Kummissjoni Ewropea (29).

Sabiex ikun hemm iktar trasparenza fin-negozjati għaddejjin bħalissa, il-KESE żamm konferenza fis-sede tiegħu fis-27 u t-28 ta' Settembru li għadda. Bl-isem ta' KIG 2007: is-soċjetà ċivili organizzata taqsam fehmitha dwar il-ġejjieni ta' l-Ewropa, il-konferenza kellha parteċipazzjoni qawwija.

Brussell, it-13 ta' Frar 2008

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dimitris DIMITRIADIS


(1)  Id-deċiżjonijiet segwenti tal-Kummissjoni huma s-suġġetti ta' appelli fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej. Sal-lum ma kien hemm l-ebda deċiżjonijiet definittivi, minbarra fil-każ De Beers, fejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġiet annullata mill-Qorti: Każijiet COMP/38/638 Synthetic Rubber, deċiżjoni tal-Kummissjoni 29.11.2006; COMP/39.234 Alloy surcharge (adozzjoni mill-ġdid) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 20.12.2006; COMP/38.907 Steel beams (adozzjoni mill-ġdid) deċiżjoni tal-Kummissjoni 8.11.2006; COMP/38.121 Fittings, Commission decision 20.9.2006; COMP/38.456 Bitumen Netherlands, deċiżjoni tal-Kummissjoni 13.9.2006; COMP/38.645 Methacrylates, deċiżjoni tal-Kummissjoni 31.5.2006; COMP/38.620 Hydrogen peroxide and perborate, deċiżjoni tal-Kummissjoni 3.5.2006; COMP/38.113 Prokent/Tomra; COMP/38.348 Repsol CCP, deċiżjoni tal-Kummissjoni 12.4.2006; u COMP/38.381 De Beers, Deċiżjoni tal-Kummissjoni 22.2.2006.

(2)  ĠU C 321 E, 29.12.2006.

(3)  INT/306. L-opinjoni tal-KESE hija disponibbli hawnhekk:

http://eescopinions.eesc.europa.eu/EESCopinionDocument.aspx?identifier=ces\int\int306\ces1349-2006_ac.doc&language=EN

(4)  Kien hemm biss deċiżjoni waħda tal-Kummissjoni li ġiet appellata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej: Każ COMP/M.3796 Omya/J. M. Huber PCC.

(5)  http://ec.europa.eu/comm/competition/mergers/legislation/jn_en.pdf.

(6)  Regolament (KE) nru 139/2004.

(7)  Regolament (KE) Nru 1628/2006

(8)  ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1

(9)  ĠU C 194, 18.8.2006, p.2.

(10)  Regolament (KE) nru 18.8.2006, p. 2.

(11)  Ammont imtenni b'referenza għar-regolament preċedenti (Ara r-Regolament KE nru 69/2001, ĠU L10, 13.1.2001, pġ. 30)

(12)  Ara l-każ Northern Rock (IP/07/1859). Il-Kummissjoni ddeċidiet li l-injezzjoni ta' likwidità, b'garanziji bankarji u interessi adegwati li ta l-Bank ta' l-Ingilterra fl-14 ta' Settembru 2007, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Għall-kuntrarju, il-garanzija li ngħatat mit-Teżor fuq id-depożiti fis-17 ta' Settembru, skond il-miżuri li ttieħdu fid-9 ta' Ottubru, li pprovdew lin-Northern Rock bil-likwidità u l-garanziji addizzjonali koperti mit-Teżor, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu awtorizzati bħala għajnuna ta' salvataġġ u għar-ristrutturar fl-applikazzjoni tal-linji gwida Komunitarji rilevanti għall-għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-ristutturar ta' l-intrapriżi f'diffikultà. Fuq il-bażi ta' dawn il-linji, dan it-tip ta' għajnuna għandha tingħata fil-forma ta' self jew garanziji li ma jdumux iktar minn sitt xhur, madankollu, għas-settur bankarju, jeżistu xi eċċezzjonijiet, għal raġunijiet ta' prudenza, li ġew applikati f'każijiet ta' dan it-tip. Fuq il-bażi ta' dawn il-linji, l-Awtoritajiet Ingliżi għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sas-17 ta' Marzu 2008, pjan ta' ristrutturar għan-Northern Rock li jmur lilhinn minn sempliċement is-salvataġġ fuq perijodu qasir. Jekk dan il-pjan jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, dan għandu jiġi deċiż fuq il-merti tiegħu u skond ir-regoli għall-għajnuna għar-ristrutturar.

(13)  COM(2006) 851 finali

(14)  Każ COMP/M.3868 DONG/Elsam/Energi E2 deċiżjoni tal-Kummissjoni, 14.3.2006.

(15)  Każ COMP/M.4180 Gaz de France/Suez deċiżjoni tal-Kummissjoni, 14.11.2006.

(16)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni, 13.6.2005 (ĠU C 144, 14.6.2005, p. 13).

(17)  Każ COMP/M.4055 Talanx/Gerling Commission decision, 5.4.2006.

(18)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Frar 2003 dwar Swieq tal-Prodotti u tas-Servizzi Relevanti fi ħdan is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi suxxettibbli għal regolazzjoni ex ante skond id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks u għas-servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi', (ĠU L 114, 8.5.2003, p. 45) Il-Kummissjoni approvat rakkomandazzjoni ġdida fis-17 ta' Diċembru 2007 (ĠU L 344, 28.12.2007, p.65) li tagħmel referenza biss għal 8 swieq.

(19)  It-test tad-deċiżjoni huwa disponibbli f'dan is-sit: http://ec.europa.eu/comm/competition/antitrust/cases/decisions/37792/art24_2_decision.pdf

(20)  Każ T-201/04 (ĠU C269, 10.11.2007, pġ. 45)

(21)  Każ N 478/2004, 7.6.2006 (ĠU C 209, 31.8.2006).

(22)  Każ E 15/2005, Recommandation proposant l'adoption de mesures utiles concernant la garantie illimitée de l'Etat en faveur de La Poste (għadu mhux ippubblikat).

(23)  Nrawmu l-bidla strutturali: politika industrijali għal Ewropa mkabbra, COM(2004) 274 finali

(24)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: Fostering structural change: an industrial policy for an enlarged Europe (COM(2004) 274 finali), ĠU. C 157 of 28.6.2005 CCMI/017.

(25)  Cf. IP/07/1295

(http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/07/1295&format=HTML&aged=1&language=MT&guiLanguage=mt)

(26)  B'mod partikulari l-Gazprom u s-Sonatrach.

(27)  Neelie Kroes, More competitive energy markets: building on the findings of the sector inquiry to shape the right policy solution, Brussell, id-19 ta' Settembru 2007.

(28)  Sommarju ta' l-opinjonijiet adottati matul is-sessjoni plenarja msemmija hawn fuq huwa disponibbli:

http://www.eesc.europa.eu/activities/press/summaries_plenaries/2007/grf_ces83-2007_d_mt.pdf

(29)  It-test tat-Trattat ta' Lisbona, adottat fi Brussell fit-3 ta' Diċembru 2007 mill-Konferenza tar-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri, huwa disponibbli f'dan is-sit ta' l-internet:

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cmsUpload/cg00014.mt07.pdf